Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023PC0379

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu fil-programmi tal-Unjoni

COM/2023/379 final

Brussell, 6.7.2023

COM(2023) 379 final

2023/0220(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu fil-programmi tal-Unjoni


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, min-naħa l-oħra 1 , ġie ffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2001 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2004.

Il-Kunsill Ewropew tas-17 u t-18 ta’ Ġunju 2004 laqa’ b’mod favorevoli l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea għal Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) u approva l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2004 2 .

Bħala parti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), il-ftuħ gradwali ta’ xi programmi u aġenziji tal-Unjoni Ewropea għall-pajjiżi sħab tal-PEV hija waħda minn bosta miżuri maħluqa biex jippromwovu r-riforma, il-modernizzazzjoni u t-tranżizzjoni fil-viċinat tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni Ewropea espandiet fuq dan fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ Diċembru 2006 dwar l-approċċ ġenerali biex il-pajjiżi sħab tal-Politika Ewropea tal-Viċinat ikunu jistgħu jipparteċipaw fl-aġenziji Komunitarji u fil-programmi Komunitarji 3 .

Il-Kunsill approva dan l-approċċ fil-konklużjonijiet tiegħu tal-5 ta’ Marzu 2007 4 .

B’segwitu għal din il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta’ Marzu 2007, il-Kunsill, fit-18 ta’ Ġunju 2007, ħareġ direttivi lill-Kummissjoni biex tinnegozja Ftehim Qafas mal-Alġerija, l-Armenja, l-Ażerbajġan, l-Eġittu, il-Georgia, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Moldova, il-Marokk, l-Awtorità Palestinjana, it-Tuneżija u l-Ukrajna, dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi Komunitarji 5 .

Il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2007 6 afferma mill-ġdid l-importanza suprema tal-PEV u approva r-Rapport ta’ Progress tal-Presidenza 7 li kien ippreżentat fil-laqgħa tal-Kunsill tat-18 u d-19 ta’ Ġunju 2007 kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill relatati 8 . Dan ir-rapport fakkar id-direttivi tal-Kunsill biex jiġu nnegozjati protokolli addizzjonali rilevanti.

Il-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni 9 , approvata mill-konklużjonijiet tal-Kunsill fl-20 ta’ Ġunju 2011, enfasizzat aktar l-intenzjoni tal-UE li tiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-pajjiżi sħab fil-programmi tal-UE.

Il-politika Ewropea tal-Viċinat riveduta spjegata fl-Aġenda l-ġdida tal-UE għall-Mediterran 10 u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Sħubija mġedda mal-Viċinat tan-Nofsinhar tas-16 ta’ April 2021 11 , tennew l-intenzjoni li jinfetaħ u jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-programmi tal-UE għas-Sħab tan-Nofsinhar tal-UE u li tissaħħaħ il-kooperazzjoni fir-Riċerka u l-Innovazzjoni, inkluż permezz ta’ assoċjazzjoni mal-Programm Orizzont Ewropa.

Sa issa, ġew iffirmati protokolli simili mal-Alġerija 12 , mal-Armenja 13 , mal-Ażerbajġan 14 , mal-Georgia 15 , mal-Iżrael 16 , mal-Ġordan 17 , mal-Libanu 18 , mal-Moldova 19 , mal-Marokk 20 , mal-Awtorità Palestinjana 21 , mat-Tuneżija 22 , u mal-Ukrajna 23 . F’Ottubru 2021, matul il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni UE-Eġittu, l-Eġittu esprima l-interess tiegħu li jiffirma Protokoll għal Ftehim Qafas għall-assoċjazzjoni tagħhom ma’ Orizzont Ewropa u parteċipazzjoni sħiħa potenzjali fi programmi oħra tal-UE magħżula.

L-objettiv tal-Protokoll huwa li jistabbilixxi r-regoli finanzjarji u tekniċi li jippermettu li r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu tipparteċipa fi programmi tal-UE. Dan il-qafas japplika biss għal dawn il-programmi li għalihom l-atti legali kostituttivi rilevanti jipprovdu l-possibbiltà tal-parteċipazzjoni tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu. Il-qafas orizzontali stabbilit mill-Protokoll jistabbilixxi l-prinċipji għall-kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika, il-modalitajiet għall-istabbiliment tal-parteċipazzjoni fi (assoċjazzjoni ma’) kwalunkwe programm partikolari tal-Unjoni u l-involviment tal-Eġittu fil-governanza tal-Programmi jew l-attivitajiet tal-Unjoni. Dan jippermetti wkoll li r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu tirċievi assistenza, b’mod partikolari assistenza finanzjarja, mill-Unjoni Ewropea biex tipparteċipa fil-programmi.

Jenħtieġ li t-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Eġittu f’kull programm partikolari tal-Unjoni, b’mod partikolari l-kontribuzzjoni finanzjarja li għandha titħallas mill-Eġittu kif ukoll il-proċeduri ta’ rapportar u ta’ evalwazzjoni, jiġu determinati bi ftehim bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet kompetenti tal-Eġittu.

2.BAŻI ĠURIDIKA

Il-bażi ġuridika sostantiva għall-konklużjoni tal-Protokoll hija l-Artikolu 212 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Il-bażi ġuridika proċedurali hija l-Artikolu 218(6a) u (7) tat-TFUE.

3.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

L-Eġittu għandu jikkontribwixxi finanzjarjament għall-programmi li jipparteċipa fihom u għall-kostijiet relatati ta’ ġestjoni, eżekuzzjoni u operazzjoni taħt il-baġit ġenerali tal-Unjoni.

It-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi dwar il-parteċipazzjoni tal-Eġittu f’kull programm partikolari tal-Unjoni, b'mod partikolari l-kontribuzzjoni finanzjarja pagabbli u l-proċeduri ta’ rapportar u ta’ evalwazzjoni, għandhom jiġu determinati bi ftehim bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet kompetenti tal-Eġittu abbażi tal-kriterji stabbiliti mill-programmi kkonċernati.

Fil-każ li l-Eġittu japplika għall-assistenza esterna tal-Unjoni biex jipparteċipa fi programm tal-Unjoni partikolari abbażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 24 jew skont kwalunkwe Regolament simili li jipprevedi l-assistenza esterna tal-Unjoni lill-Eġittu li jista' jiġi adottat fil-futur, il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-użu mill-Eġittu tal-assistenza esterna tal-Unjoni għandhom jiġu determinati fi ftehim ta’ finanzjament.

Kull ftehim konkluż skont l-Artikolu 5 għandu jistipula, f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 25 , li l-kontrolli jew l-awditi finanzjarji jew verifiki oħra, inklużi l-investigazzjonijiet amministrattivi għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi u mill-Qorti tal-Awdituri, jew taħt l-awtorità tagħhom.

Għandhom isiru dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-kontrolli u l-awditjar finanzjarju, il-miżuri amministrattivi, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni, il-penali u l-irkupru li jippermettu li l-Kummissjoni Ewropea, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, l-Uffiċċju ta-Prosekutur Pubbliku Ewropew, u l-Qorti tal-Awdituri jingħataw setgħat li jkunu ekwivalenti għas-setgħat tagħhom fir-rigward tal-benefiċjarji jew il-kuntratturi stabbiliti fl-Unjoni.

4.ELEMENTI OĦRA

Mhux aktar tard minn tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll, u kull tliet snin sussegwenti, iż-żewġ Partijiet jistgħu jirrieżaminaw l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll abbażi tal-parteċipazzjoni effettiva tal-Eġittu fi programmi tal-Unjoni.

2023/0220 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu fil-programmi tal-Unjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) u l-Artikolu 218(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)Il-Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu fil-programmi tal-Unjoni (“il-Protokoll”) ġie ffirmat f’isem l-Unjoni fi […].

(2)L-objettiv tal-Protokoll huwa li jistabbilixxi r-regoli finanzjarji u tekniċi li jippermettu li r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu tipparteċipa f’ċerti programmi tal-UE. Il-qafas orizzontali stabbilit bil-Protokoll jistabbilixxi l-prinċipji għal miżuri ta’ kooperazzjoni ekonomiċi, finanzjarji u tekniċi u jippermettu li r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu tirċievi assistenza, b’mod partikolari assistenza finanzjarja, mill-Unjoni Ewropea skont il-programmi.

(3)Il-qafas stabbilit minn dan il-Protokoll japplika biss għal dawn il-programmi li għalihom l-atti legali kostituttivi rilevanti jipprevedu l-possibbiltà tal-parteċipazzjoni tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu. Għaldaqstant, l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll ma jinvolvux l-eżerċizzju tas-setgħat taħt id-diversi politiki settorjali, li huma eżerċitati meta jiġu stabbiliti l-programmi.

(4)Jenħtieġ li l-Protokoll jiġi approvat f’isem l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu fil-programmi tal-Unjoni huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

It-test tal-Protokoll huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni għandha taħtar il-persuna bis-setgħa li tipproċedi, f’isem l-Unjoni Ewropea, għan-notifika prevista fl-Artikolu 10(1) tal-Protokoll, sabiex tesprimi l-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tkun marbuta mill-Protokoll.

Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Il-Kummissjoni hija awtorizzata li tiddetermina, f’isem l-Unjoni, it-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu fi kwalunkwe programm partikolari tal-Unjoni, inkluż il-kontribuzzjoni finanzjarja li għandha titħallas. Il-Kummissjoni għandha żżomm il-grupp ta’ ħidma rilevanti tal-Kunsill infurmat.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 304, 30.9.2004, p. 39.
(2)    EUCO 79/14.
(3)    COM(2006) 724 final tal-4 ta’ Diċembru 2006.
(4)    Il-konklużjonijiet tal-KAĠRE tal-5 ta’ Marzu 2007
(5)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (ristretta) li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja l-Protokolli […], id-Dok. 10412/07.
(6)    Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza — Brussell, 21/22 ta’ Ġunju 2007, id-Dok. 11177/07.
(7)    Ir-Rapport ta’ Progress tal-Presidenza dwar “It-Tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat”, id-Dok. 10874/07.
(8)    Il-konklużjonijiet dwar it-Tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, adottati mill-Kunsill (Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni) fit-18 ta’ Ġunju 2007, id-Dok. 11016/07.
(9)    COM(2011) 303 final tal-25 ta’ Mejju 2011.
(10)    JOIN(2021) 2 final.
(11)    https://ec.europa.eu/neighbourhood-enlargement/news_corner/news/new-agenda-mediterranean-council-approves-conclusions-renewed-partnership-southern_mt
(12)    ĠU L 14/2, tat-18.1.2017.
(13)    ĠU L 174/1, tat-13.6.2014.
(14)    ĠU L 199/1, tas-26.7.2016.
(15)    ĠU L 165/16, tal-4.6.2014.
(16)    ĠU L 129/39, tas-17.5.2008.
(17)    ĠU L 89/6, tal-25.3.2014.
(18)    ĠU L 202/3, tat-28.7.2016.
(19)    ĠU L 131/1, tat-18.5.2011.
(20)    ĠU L 90/1, tat-28.3.2012.
(21)    ĠU L 121, tat-8.3.2021.
(22)    ĠU L 297/1, tat-13.11.2015.
(23)    ĠU L 133/1, tal-20.5.2011.
(24)    Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009, ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1.
(25)    Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
Top

Brussell, 6.7.2023

COM(2023) 379 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu fil-programmi tal-Unjoni


ANNESS

PROTOKOLL

għall-FTEHIM EWRO-MEDITERRANJU li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu fil-programmi tal-Unjoni

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Unjoni”,

minn naħa waħda,

u

R-REPUBBLIKA GĦARBIJA TAL-EĠITTU, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Eġittu”

min-naħa l-oħra,

minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-Partijiet”,

Billi:

(1)Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, min-naħa l-oħra 1 (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”), ġie ffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2001 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2004.

(2)Il-Kunsill Ewropew tas-17 u t-18 ta’ Ġunju 2004 laqa’ b’mod favorevoli l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea għal Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) u approva l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2004 2 .

(3)F’ħafna okkażjonijiet oħrajn, il-Kunsill approva dik il-politika fil-konklużjonijiet tiegħu.

(4)Fil-5 ta’ Marzu 2007, il-Kunsill esprima appoġġ għall-approċċ ġenerali deskritt fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-4 ta’ Diċembru 2006 3 sabiex il-pajjiżi sħab tal-PEV jingħataw il-possibbiltà li jipparteċipaw fl-aġenziji Komunitarji u fil-programmi Komunitarji bil-merti tagħhom u meta l-bażijiet ġuridiċi jippermettu li jsir dan.

(5)L-Eġittu esprima x-xewqa tiegħu li jipparteċipa f’għadd ta’ programmi tal-Unjoni.

(6)Jenħtieġ li t-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Eġittu f’kull programm tal-Unjoni partikolari, b’mod partikolari l-kontribuzzjoni finanzjarja li għandha titħallas mill-Eġittu kif ukoll il-proċeduri ta’ rapportar u ta’ evalwazzjoni, jiġu determinati bi ftehim bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet kompetenti tal-Eġittu,

QABLU FUQ DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

L-Eġittu għandu jitħalla jipparteċipa fil-programmi attwali u futuri kollha tal-Unjoni miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-Eġittu f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti li jadottaw dawk il-programmi.

Artikolu 2

L-Eġittu għandu jikkontribwixxi finanzjarjament għall-programmi li jipparteċipa fihom u għall-ispejjeż relatati ta’ ġestjoni, eżekuzzjoni u operazzjoni taħt il-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Artikolu 3

Ir-rappreżentanti tal-Eġittu għandu jkollhom id-dritt li jipparteċipaw bħala osservaturi fil-kumitati li jikkontrollaw l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni fi programmi li għalihom l-Eġittu jagħmel kontribuzzjonijiet finanzjarji, mingħajr drittijiet tal-vot u għal punti li jikkonċernaw lill-Eġittu.

Artikolu 4

Proġetti u inizjattivi mressqa minn parteċipanti mill-Eġittu għandhom ikunu soġġetti, sa fejn ikun possibbli, għall-istess kundizzjonijiet, regoli u proċeduri li għandhom x’jaqsmu mal-programmi konċernati bħal dawk li japplikaw għall-Istati Membri.

Artikolu 5

1. It-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Eġittu f’kull programm partikolari, b’mod partikolari l-kontribuzzjoni finanzjarja pagabbli u l-proċeduri ta’ rapportar u ta’ evalwazzjoni, għandhom jiġu determinati bi ftehim bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet kompetenti tal-Eġittu abbażi tal-kriterji stabbiliti mill-programmi kkonċernati.

2. Fil-każ li l-Eġittu japplika għall-assistenza esterna tal-Unjoni biex jipparteċipa fi programm tal-Unjoni partikolari abbażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 jew skont kwalunkwe Regolament simili li jipprevedi l-assistenza esterna tal-Unjoni lill-Eġittu li jista’ jiġi adottat fil-futur, il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-użu mill-Eġittu tal-assistenza esterna tal-Unjoni għandhom jiġu determinati fi ftehim ta’ finanzjament.

Artikolu 6

1. Kull ftehim konkluż skont l-Artikolu 5 għandu jistipula, f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 , li l-kontrolli jew l-awditi finanzjarji jew verifiki oħra, inklużi l-investigazzjonijiet amministrattivi għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi u mill-Qorti tal-Awdituri, jew taħt l-awtorità tagħhom.

2. Għandhom isiru dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-kontrolli u l-awditjar finanzjarju, il-miżuri amministrattivi, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni, il-penali u l-irkupru li jippermettu li l-Kummissjoni Ewropea, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, l-Uffiċċju ta-Prosekutur Pubbliku Ewropew, u l-Qorti tal-Awdituri jingħataw setgħat li jkunu ekwivalenti għas-setgħat tagħhom fir-rigward tal-benefiċjarji jew il-kuntratturi stabbiliti fl-Unjoni.

Artikolu 7

1. Dan il-Protokoll għandu japplika għall-perjodu li matulu jkun fis-seħħ il-Ftehim.

2. Dan il-Protokoll għandu jiġi ffirmat u approvat mill-Partijiet f’konformità mal-proċeduri rispettivi tagħhom.

3. Kull Parti tista’ tiddenunzja dan il-Protokoll permezz ta’ notifika bil-miktub lill-Parti l-oħra.

4. Dan il-Protokoll għandu jintemm sitt xhur wara d-data ta’ tali notifika.

5. It-terminazzjoni tal-Protokoll wara d-denunzja minn xi waħda mill-Partijiet ma għandhiex taffettwa l-verifiki u l-kontrolli li għandhom jitwettqu f’konformità mal-Artikoli 5 u 6, fejn xieraq.

Artikolu 8

Mhux aktar tard minn tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll, u kull tliet snin sussegwenti, iż-żewġ Partijiet jistgħu jirrieżaminaw l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll abbażi tal-parteċipazzjoni effettiva tal-Eġittu fi programmi tal-Unjoni.

Artikolu 9

Dan il-Protokoll għandu japplika, minn naħa, għat-territorji li fihom japplika t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak it-Trattat, u min-naħa l-oħra, għat-territorju tal-Eġittu.

Artikolu 10

1. Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin permezz ta' mezzi diplomatiċi dwar it-tlestija tal-proċeduri tagħhom meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

2. Sa meta jidħol fis-seħħ, il-Partijiet jaqblu li japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll proviżorjament mid-data tal-iffirmar tiegħu, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

Artikolu 11

Dan il-Protokoll għandu jifforma parti integrali mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, min-naħa l-oħra.

Artikolu 12

Dan il-Protokoll għandu jitfassal f’żewġ kopji bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Kroata, Ingliża, Irlandiża, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Taljana, Żvediża, Ungeriża u Għarbija, kull wieħed minn dawn it-testi huwa ugwalment awtentiku.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Unjoni Ewropea            Għar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu

(1)    ĠU L 304, 30.9.2004, p. 39.
(2)    EUCO 79/14.
(3)    COM(2006)726 final.
(4)    Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009, ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1.
(5)    Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
Top