Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023PC0340

    Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lill-Ġermanja tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikoli 218 u 232 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    COM/2023/340 final

    Brussell, 23.6.2023

    COM(2023) 340 final

    2023/0193(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    li tawtorizza lill-Ġermanja tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikoli 218 u 232 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 (minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, billi jaġixxi unanimament fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva biex tiġi ssimplifikata l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew biex jiġu evitati ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa.

    Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fl-10 ta’ Novembru 2022, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet awtorizzazzjoni biex tidderoga mill-Artikoli 218 u 232 tad-Direttiva tal-VAT biex tkun tista’ timponi fatturazzjoni elettronika obbligatorja għal tranżazzjonijiet bejn persuni taxxabbli stabbiliti fil-Ġermanja (tranżazzjonijiet B2B).

    Barra minn hekk, permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-8 ta’ Frar 2023, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja speċifikat id-data mitluba tad-dħul fis-seħħ tal-miżura speċjali, li hija l-1 ta’ Jannar 2025.

    F’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tal-Ġermanja, permezz ta’ ittra datata t-22 ta’ Frar 2023. Permezz ta’ ittra datata t-23 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Ġermanja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba.

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    Il-Ġermanja ssottomettiet talba għal deroga, ibbażata fuq l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, biex tkun awtorizzata timplimenta obbligu li jinħarġu fatturi elettroniċi għal tranżazzjonijiet bejn persuni taxxabbli stabbiliti fil-Ġermanja. Dan l-obbligu jkun l-ewwel pass lejn l-introduzzjoni ta’ sistema elettronika ta’ rapportar għat-trażmissjoni ta’ data bbażata fuq it-tranżazzjonijiet dwar tranżazzjonijiet domestiċi B2B minn persuni taxxabbli lejn l-awtoritajiet tat-taxxa. Skont il-Ġermanja, tali sistema ta’ rapportar tkun għodda importanti għall-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa u għat-titjib tal-ġbir tal-VAT.

    Is-sistemi ta’ rapportar li jittrasferixxu data dwar il-fatturat ibbażata fuq it-tranżazzjonijiet lill-amministrazzjoni tat-taxxa jippermettu ġlieda aktar effettiva kontra l-frodi tal-VAT. Il-Ġermanja tqis li l-implimentazzjoni ta’ tali sistema se tippermetti l-identifikazzjoni aktar bikrija ta’ ktajjen frawdolenti ta’ tranżazzjonijiet u tal-parteċipanti f’tali ktajjen. Barra minn hekk, id-data tat-tranżazzjonijiet sottomessa tista’ tintuża għall-kontroverifika mal-informazzjoni fid-denunzji tal-VAT u, f’każ ta’ diskrepanzi, dawn jistgħu jiġu identifikati u vverifikati aktar fil-ħin. B’mod ġenerali, il-Ġermanja tistenna li l-aċċess f’waqtu għad-data tal-fatturi se jevita l-ħtieġa għal talba aktar burokratika għall-fatturi mill-amministrazzjoni tat-taxxa, filwaqt li titħaffef u tiġi ffaċilitata l-ġlieda kontra l-frodi.

    Il-Ġermanja adottat miżuri oħra f’dawn l-aħħar snin biex tiġġieled il-frodi tal-VAT. Mill-1 ta’ Jannar 2019, il-Ġermanja introduċiet regoli dwar ir-responsabbiltà tal-operaturi tas-swieq elettroniċi u dwar l-obbligi speċifiċi taż-żamma ta’ rekords għal dawn l-operaturi. Id-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-regoli wassal għal żieda sinifikanti fl-għadd ta’ reġistrazzjonijiet tat-taxxa ta’ kumpaniji li jfornu tranżazzjonijiet bħal dawn permezz ta’ postijiet tas-suq.

    Barra minn hekk, mill-1 ta’ Jannar 2020, id-dritt li titnaqqas it-taxxa tal-input u l-eżenzjoni għall-provvisti intra-Komunitarji bdew jiġu rrifjutati meta n-negozjant kien jaf jew kellu jkun jaf li kien qed jipparteċipa f’katina ta’ frodi jew ta’ evażjoni tal-VAT, f’konformità mal-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja f’dan il-qasam. Barra minn hekk, mill-1 ta’ Jannar 2021, il-validità tan-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT għall-provvisti intra-Komunitarji ta’ oġġetti u servizzi tista’ tkun limitata meta jkun hemm indikazzjonijiet li jkun qed jintuża għal skopijiet frawdolenti. Din il-miżura tiġi applikata wkoll jekk l-abbuż jirriżulta f’dannu għad-dħul mill-VAT fi Stat Membru ieħor tal-UE.

    Il-Ġermanja għamlet użu mill-possibbiltajiet offruti mill-Artikolu 199a(1) tad-Direttiva tal-VAT biex tapplika l-mekkaniżmu tar-reverse charge għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT, l-aktar reċenti għat-trasferimenti ta’ ċertifikati tal-gass u tal-elettriku u ċerti servizzi tat-telekomunikazzjoni. Għat-trasferiment tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Att dwar l-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet tal-Fjuwil, mill-1 ta’ Jannar 2023, il-mekkaniżmu tar-reverse charge ġie introdott abbażi tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1778 2 .

    Il-Ġermanja introduċiet ukoll listi ta’ kontroll nazzjonali biex tivverifika l-informazzjoni pprovduta min-negozjanti matul il-proċess tar-reġistrazzjoni tat-taxxa. Għalhekk, ir-reġistrazzjonijiet tat-taxxa mwettqa biss għal skopijiet frawdolenti jistgħu jiġu evitati. Barra minn hekk, huwa possibbli li jitwettqu aktar kontrolli biex tiġi vverifikata l-affidabbiltà tan-negozjanti fuq bażi ta’ każ b’każ u, jekk ikun meħtieġ, jistgħu jinbdew aktar kontrolli.

    Il-Ġermanja tqis li l-opportunitajiet offruti mid-diġitalizzazzjoni għall-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa jistgħu jiġu sfruttati bis-sħiħ biss jekk l-ipproċessar tad-data jsir b’kontinwità. Huma jqisu li l-użu obbligatorju tal-fatturi elettroniċi f’format strutturat huwa pass loġiku u meħtieġ lejn sistema ta’ rapportar ibbażata fuq it-tranżazzjonijiet li se tippermetti l-ġlieda kontra l-frodi b’mod aktar effettiv permezz tal-analiżi u l-użu tad-data miġbura.

    Skont il-Ġermanja, l-użu tal-fatturi elettroniċi diġà huwa prattika komuni f’ħafna setturi tal-ekonomija. Fil-qasam tal-akkwist pubbliku, il-Ġermanja ttrasponiet fil-liġi nazzjonali d-Direttiva 2014/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar il-fatturazzjoni elettronika fl-akkwist pubbliku 3 , li introduċiet obbligu għall-awtoritajiet pubbliċi li jaċċettaw fatturi elettroniċi mibgħuta mill-fornituri tagħhom. Il-ħruġ ta’ fatturi elettroniċi fil-qasam tal-akkwist pubbliku fil-Ġermanja ilu obbligatorju fil-qasam tal-akkwist pubbliku minn Novembru 2020.

    Għalhekk, il-Ġermanja ssostni li l-introduzzjoni ta’ fatturazzjoni elettronika obbligatorja għall-finijiet tal-VAT mhux se tirrikjedi piż finanzjarju sinifikanti għal ħafna negozji. Se jkun hemm iffrankar fit-tul mill-eliminazzjoni ta’ fatturi fuq karta, li jirriżulta b’mod partikolari mill-eliminazzjoni tal-kostijiet tat-tfassil, it-trażmissjoni u l-ħżin ta’ fatturi fuq karta. Min-naħa tar-riċevitur, il-kost tal-ipproċessar tal-fatturi fuq karta huwa evitat ukoll. Il-fatturazzjoni elettronika se tippermetti l-ottimizzazzjoni tal-proċessi kontabilistiċi kemm għall-fornitur kif ukoll għar-riċevitur tal-fattura. Sabiex tiġi żgurata l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ fatturazzjoni elettronika użati fl-Unjoni Ewropea, il-Ġermanja għandha tippermetti l-ħruġ ta’ fatturi li jikkonformaw mal-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika u l-lista tas-sintassi tagħha skont id-Direttiva 2014/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 .

    L-Artikolu 218 tad-Direttiva tal-VAT jipprevedi obbliġu għall-Istati Membri li jaċċettaw id-dokumenti jew il-messaġġi kollha, kemm f’forma stampata kif ukoll f’forma elettronika bħala fatturi. Għalhekk, il-Ġermanja tixtieq tikseb deroga mill-Artikolu msemmi hawn fuq tad-Direttiva tal-VAT sabiex id-dokumenti f’forma elettronika biss ikunu jistgħu jitqiesu bħala fatturi mill-amministrazzjoni tat-taxxa Ġermaniża.

    L-Artikolu 232 tad-Direttiva tal-VAT jeħtieġ li l-użu ta’ fattura elettronika għandu jkun soġġett għall-aċċettazzjoni mir-riċevitur. Għalhekk, l-introduzzjoni ta’ obbligu ta’ fatturazzjoni elettronika fil-Ġermanja teħtieġ deroga minn dan l-Artikolu sabiex l-emittent ma jibqax ikollu jikseb il-kunsens tar-riċevitur biex jibgħat fattura f’format mhux fuq karta.

    B’mod ġenerali, id-derogi jingħataw għal perjodu ta’ żmien limitat biex ikun jista’ jiġi vvalutat jekk il-miżura speċjali hijiex xierqa u effettiva, u sabiex l-Istati Membri jingħataw iż-żmien biex jintroduċu miżuri konvenzjonali oħra biex jindirizzaw il-problema rispettiva sakemm tiskadi l-miżura ta’ deroga.

    Ladarba din il-miżura tkun ġiet introdotta, u minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tad-deroga, huwa importanti li jiġi vvalutat l-impatt tagħha fuq il-persuni taxxabbli u, b’mod aktar speċifiku, jekk ikkontribwixxitx għall-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT. Jekk il-Ġermanja tixtieq ittawwal il-miżura ta’ deroga, hija mitluba tipprovdi rapport dwar il-funzjonament tal-miżura flimkien mat-talba għal estensjoni. F’dan ir-rapport, jenħtieġ li ssir valutazzjoni tal-miżura dwar l-effettività tagħha fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT u fis-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxa. Ir-rapport għandu jinkludi wkoll evalwazzjoni tal-miżura fuq il-persuni taxxabbli u, b’mod partikolari, f’dak li għandu x’jaqsam maż-żieda tal-piżijiet amministrattivi u tal-kostijiet ta’ konformità tagħhom.

    Qed jiġi propost li d-deroga tiġi awtorizzata mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2027 jew sad-data li fiha l-Istati Membri jridu japplikaw kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali li huma meħtieġa jadottaw f’każ li tiġi adottata direttiva li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tar-regoli tal-VAT għall-era diġitali, b’mod partikolari l-Artikoli 218 u 232 ta’ dik id-Direttiva, skont liema tiġi l-ewwel.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

    L-Artikolu 218 tad-Direttiva tal-VAT ipoġġi fl-istess livell il-fatturi fuq karta u dawk elettroniċi billi jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jaċċettaw dokumenti jew messaġġi fuq karta jew f’forma elettronika bħala fatturi. Skont l-Artikolu 232 tad-Direttiva tal-VAT, l-użu ta’ fattura elettronika għandu jkun soġġett għall-aċċettazzjoni mir-riċevitur. Il-fatturazzjoni elettronika obbligatorja kif prevista mill-Ġermanja fil-fatt tidderoga minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

    Id-deroga tista’ tiġi awtorizzata fuq il-bażi tal-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT sabiex tiġi ssimplifikata l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jiġu evitati ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa. L-introduzzjoni ta’ fatturazzjoni elettronika obbligatorja għat-tranżazzjonijiet B2B se sservi bħala l-ewwel pass għall-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ rapportar ibbażata fuq it-tranżazzjonijiet fil-Ġermanja, li tippermetti ġlieda aktar effettiva kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT. Abbażi tal-elementi pprovduti mill-Ġermanja, id-deroga hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti.

    Awtorizzazzjonijiet simili li jippermettu lill-Italja, lil Franza u lill-Polonja jidderogaw mill-Artikoli 218 u 232 tad-Direttiva tal-VAT, sabiex jimplimentaw il-fatturazzjoni elettronika obbligatorja, ingħataw bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2251 5 , bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/133 6 u bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1003 7 .

    Fl-2020, il-Kummissjoni adottat il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Pjan ta’ Azzjoni għal tassazzjoni ġusta u sempliċi li tappoġġa l-istrateġija ta’ rkupru 8 . Waħda mill-azzjonijiet previsti f’dan il-pjan ta’ azzjoni hija l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ proposta leġiżlattiva mmirata lejn il-modernizzazzjoni tal-obbligi ta’ rapportar tal-VAT. Kif indikat fil-Pjan ta’ Azzjoni, din il-proposta għandha, fost l-oħrajn, tgħin biex jiġu ssimplifikati l-mekkaniżmi ta’ rapportar li jistgħu jiġu applikati għat-tranżazzjonijiet domestiċi. Il-ħtieġa li l-fatturazzjoni elettronika tiġi estiża ulterjorment hija eżaminata wkoll f’dan il-kuntest.

    B’riżultat ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni, fit-8 ta’ Diċembru 2022 il-Kummissjoni adottat Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tar-regoli tal-VAT għall-era diġitali 9 (il-proposta dwar il-VAT fl-era diġitali), li qed tiġi diskussa fil-Kunsill. Din id-Direttiva se temenda l-Artikolu 218 u se tħassar l-Artikolu 232 tad-Direttiva tal-VAT. Din ir-riforma, ladarba tiġi adottata, se tippermetti lill-Istati Membri jimplimentaw il-fatturazzjoni elettronika obbligatorja, filwaqt li telimina l-ħtieġa li jintalbu aktar derogi mid-Direttiva tal-VAT sabiex jiġu implimentati tali sistemi. Għal dik ir-raġuni, ladarba din il-proposta għal Direttiva tiġi trasposta mill-Istati Membri, din id-Deċiżjoni tal-Kunsill ma jibqa’ jkollha l-ebda effett utli.

    Fit-talba tagħha, il-Ġermanja tiddikjara li l-Gvern Federali jqis li l-għanijiet segwiti mill-miżura speċjali huma konformi mal-pjanijiet tal-Kummissjoni Ewropea għal sistema ta’ rapportar Ewropea. Barra minn hekk, sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi fl-introduzzjoni u fl-amministrazzjoni sussegwenti ta’ sistema ta’ rapportar, kemm min-naħa tal-operaturi tan-negozju kif ukoll min-naħa tal-awtoritajiet tat-taxxa, il-Ġermanja se tqis il-proposta dwar il-VAT fl-era diġitali fil-ħidma lejn l-implimentazzjoni tas-sistema nazzjonali ta’ rapportar. L-għan segwit mill-Ġermanja huwa li tissinkronizza kemm jista’ jkun l-istrutturi taż-żewġ sistemi.

    Għalhekk, id-deroga mitluba mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija allinjata mal-objettivi segwiti mill-Kummissjoni kif stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni u fil-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tar-regoli tal-VAT għall-era diġitali.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Fid-dawl tad-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija bbażata l-proposta, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

    Proporzjonalità

    Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin.

    Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.

    Sabiex jitnaqqas il-piż fuq in-negozji u l-amministrazzjoni tat-taxxa, il-Ġermanja se tipproċedi gradwalment, billi tintroduċi bħala l-ewwel pass l-obbligu li jinħarġu fatturi elettroniċi, sabiex fuqu, aktar tard, tibni sistema ta’ rapportar. Biex jiġu evitati kostijiet doppji u sforzi mhux meħtieġa, il-Ġermanja se tqis il-proposta dwar il-VAT fl-era diġitali meta tfassal is-sistema ta’ rapportar nazzjonali tagħha, filwaqt li tallinja s-sistema tagħha ma’ dik dwar il-proposta msemmija hawn fuq. F’dan ir-rigward, ir-rekwiżiti futuri tal-liġi tal-UE għar-rapportar tat-tranżazzjonijiet transfruntiera se jiġu kkoordinati mas-sistema għar-rapportar tat-tranżazzjonijiet nazzjonali, sabiex jiġi żgurat li ż-żewġ kategoriji ta’ tranżazzjonijiet jiġu ttrattati bl-aktar mod uniformi possibbli mill-persuni taxxabbli, u b’hekk jiġi limitat il-piż amministrattiv għan-negozji.

    Ta’ min jinnota li fil-Ġermanja, diġà huwa obbligatorju li l-fatturazzjoni elettronika tintuża fir-relazzjonijiet B2G wara l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2014/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar il-fatturazzjoni elettronika fl-akkwist pubbliku.

    L-elementi ewlenin tas-sistema nazzjonali ppjanata jinkludu t-trażmissjoni f’waqtha tad-data tal-fattura, inizjalment limitata għaż-żona B2B, lejn sistema ċentrali ta’ rapportar. Il-Ġermanja se taċċetta t-trażmissjoni ta’ data dwar fatturi strutturati li jikkorrispondu għal format ibbażat fuq l-istandard CEN EN 16931, biex tiġi ffaċilitata l-interoperabbiltà tas-sistemi. It-trażmissjoni ta’ fatturi kompluti ma hijiex prevista, peress li l-persuni taxxabbli se jkollhom jirrapportaw biss id-data meħtieġa għal finijiet ta’ taxxa. Barra minn hekk, l-iskambju tal-fatturi bejn persuni taxxabbli mhux se jkun ġestit permezz tas-servers tal-amministrazzjoni tat-taxxa u lanqas il-fatturi ma jkunu soġġetti għal proċedura ta’ rilaxx mill-amministrazzjoni.

    L-obbligu li jintużaw fatturi elettroniċi se japplika biss għal tranżazzjonijiet bejn persuni taxxabbli stabbiliti fil-Ġermanja. Ma hemm l-ebda deroga mir-regoli armonizzati dwar id-data tal-fatturi. Il-miżura mhux se jkollha impatt fuq kumpaniji li ma humiex stabbiliti fil-Ġermanja, u d-dritt li wieħed jirċievi fattura fuq karta f’każ ta’ tranżazzjonijiet intra-Komunitarji ma jiġix affettwat.

    Id-deroga hija wkoll limitata fiż-żmien u għandu jitħejja rapport dwar il-funzjonament u l-effettività tal-miżura f’każ li l-Ġermanja tkun tixtieq ittawwal il-miżura ta’ deroga.

    Għalhekk, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan li għandu jintlaħaq, li jiġu miġġielda l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa.

    Għażla tal-istrument

    Strument propost: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.

    Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, deroga mir-regoli komuni tal-VAT tista’ tingħata biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni. Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument xieraq minħabba li tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Valutazzjoni tal-impatt

    Il-fatturazzjoni elettronika obbligatorja se jkollha impatt kemm fuq l-awtorità tat-taxxa kif ukoll fuq il-persuni taxxabbli.

    L-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ rapportar ibbażata fuq il-fatturazzjoni elettronika se tikkomplementa l-miżuri msemmija hawn fuq li l-Ġermanja implimentat reċentement biex tiġġieled il-frodi u l-evażjoni tal-VAT, bħat-titjib tal-proċessi ta’ reġistrazzjoni. Skont il-Ġermanja, l-effettività ta’ dawk il-miżuri fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT u fl-iżgurar tal-ġbir tat-taxxa hija murija miċ-ċifri annwali dwar id-diskrepanza tal-VAT Ġermaniża.

    L-implimentazzjoni tal-fatturazzjoni elettronika obbligatorja mhux se tkun ta’ piż kbir għan-negozji peress li diġà hija prattika komuni f’ħafna setturi tal-ekonomija u obbligatorja fil-qasam tal-akkwist pubbliku. Aktar minn hekk, in-negozji se jiksbu benefiċċji mill-awtomatizzazzjoni tal-proċessi, bħall-kontabbiltà, kif ukoll l-iffrankar fit-tul mill-eliminazzjoni tal-fatturi fuq karta, minħabba l-eliminazzjoni tal-kostijiet mill-ħruġ, it-trażmissjoni, l-ipproċessar u l-ħżin ta’ fatturi fuq karta.

    Barra minn hekk, is-sistema se ssegwi sa fejn ikun possibbli l-karatteristiċi ta’ dik inkluża fil-proposta dwar il-VAT fl-era diġitali, filwaqt li tallinja r-rapportar ta’ tranżazzjonijiet domestiċi mas-sistema futura għar-rapportar ta’ tranżazzjonijiet intra-Komunitarji. Dan se jevita d-duplikazzjoni tal-kostijiet għall-persuni taxxabbli u għall-amministrazzjoni tat-taxxa, u b’hekk ikun possibbli li jkun hemm konformità mar-rapportar taż-żewġ tipi ta’ tranżazzjonijiet bl-istess mod.

    Il-ħtiġijiet speċifiċi tan-negozji ż-żgħar se jitqiesu fit-tfassil tad-dispożizzjonijiet nazzjonali. Dan jista’ jsir, pereżempju, billi jiġu stabbiliti daqsijiet tal-kumpaniji jew ammont minimu tal-fattura li taħtu l-użu tal-fatturi elettroniċi jibqa’ fakultattiv għal perjodu li jrid jiġi ddeterminat.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Il-miżura ma hija se jkollha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni miksuba mill-VAT.

    2023/0193 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    li tawtorizza lill-Ġermanja tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikoli 218 u 232 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 10 , u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fl-10 ta’ Novembru 2022, il-Ġermanja talbet awtorizzazzjoni biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikoli 218 u 232 tad-Direttiva 2006/112/KE (“il-miżura speċjali”) sabiex tintroduċi fatturazzjoni elettronika obbligatorja għat-tranżazzjonijiet kollha mwettqa bejn persuni taxxabbli stabbiliti fit-territorju tal-Ġermanja.

    (2)Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-8 ta’ Frar 2023, il-Ġermanja speċifikat li d-data mitluba tad-dħul fis-seħħ tal-miżura speċjali hija l-1 ta’ Jannar 2025.

    (3)Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, permezz ta’ ittri datati t-22 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni bagħtet it-talba magħmula mill-Ġermanja lill-Istati Membri l-oħra u, permezz ta’ ittra datata t-23 ta’ Frar 2023, hija nnotifikat lill-Ġermanja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tivvaluta t-talba.

    (4)Il-Ġermanja beħsiebha tistabbilixxi l-fatturazzjoni elettronika obbligatorja għal tranżazzjonijiet bejn persuni taxxabbli stabbiliti fil-Ġermanja bħala l-ewwel pass fl-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ rapportar ibbażata fuq it-tranżazzjonijiet. Tali sistema ta’ rapportar tipprovdi benefiċċji fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). Dan jippermetti identifikazzjoni aktar bikrija tal-ktajjen ta’ frodi tal-VAT mill-amministrazzjoni tat-taxxa u jippermetti wkoll lill-amministrazzjoni tat-taxxa twettaq verifiki f’waqthom u awtomatiċi tal-konsistenza bejn il-VAT iddikjarata u l-VAT dovuta. Fil-każ ta’ diskrepanzi, is-sistema tippermetti d-detezzjoni u l-verifika bikrija tagħhom. Barra minn hekk, il-Ġermanja tistenna li l-aċċess f’waqtu għad-data tal-fatturi jneħħi l-ħtieġa għal talba aktar burokratika għall-fatturi mill-amministrazzjoni tat-taxxa, filwaqt li titħaffef u tiġi ffaċilitata l-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT.

    (5)Il-Ġermanja tqis li l-introduzzjoni ta’ fatturazzjoni elettronika obbligatorja ma tkunx ta’ piż kbir għan-negozji peress li, fil-Ġermanja, il-fatturazzjoni elettronika obbligatorja diġà hija prattika komuni f’ħafna setturi tal-ekonomija u hija obbligatorja fil-qasam tal-akkwist pubbliku. Barra minn hekk, dan ikun ta’ benefiċċju għall-operaturi ekonomiċi permezz tad-diġitalizzazzjoni tal-proċessi u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv tagħhom. L-użu ta’ fatturi elettroniċi jipprovdi ffrankar fit-tul minħabba l-eliminazzjoni ta’ fatturi fuq karta, u b’hekk inaqqas il-kostijiet tal-ħruġ, it-trażmissjoni, l-ipproċessar u l-ħżin tal-fatturi.

    (6)Fit-8 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni adottat proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tar-regoli tal-VAT għall-era diġitali 11 . L-emendi proposti stabbiliti fid-Direttiva li temenda d-Direttiva 2006/112/KE jemendaw l-Artikolu 218 u jħassru l-Artikolu 232 tad-Direttiva 2006/112/KE, filwaqt li jippermettu lill-Istati Membri jimplimentaw il-fatturazzjoni elettronika obbligatorja, u jeliminaw il-ħtieġa li jintalbu aktar derogi mid-Direttiva 2006/112/KE sabiex jiġu implimentati tali sistemi. Għalhekk, mid-data li fiha l-Istati Membri għandhom japplikaw kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali li huma meħtieġa jadottaw fil-każ li dik id-direttiva tiġi adottata, din id-Deċiżjoni ma jibqa’ jkollha l-ebda effett utli.

    (7)Minħabba l-ambitu wiesa’ u n-natura ġdida tal-miżura speċjali, huwa importanti li jiġi evalwat l-impatt tagħha fuq il-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT u fuq il-persuni taxxabbli. Għalhekk, jekk il-Ġermanja tqis li hija meħtieġa estensjoni tal-miżura speċjali, jenħtieġ li tippreżenta lill-Kummissjoni, flimkien mat-talba għal estensjoni, rapport li jinkludi valutazzjoni tal-miżura speċjali dwar l-effettività tagħha fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT u fis-simplifikazzjoni tal-ġbir tal-VAT.

    (8)Jenħtieġ li l-miżura speċjali ma taffettwax id-dritt tal-klijent li jirċievi fatturi fuq karta f’każ ta’ tranżazzjonijiet intra-Komunitarji.

    (9)Il-miżura speċjali jenħtieġ li tkun limitata fiż-żmien biex tippermetti li ssir valutazzjoni dwar jekk hijiex xierqa u effettiva fid-dawl tal-objettivi tagħha.

    (10)Il-miżura speċjali hija proporzjonata għall-objettivi segwiti peress li hija limitata fiż-żmien u fl-ambitu. Barra minn hekk, il-miżura speċjali ma tagħtix lok għal riskju li l-frodi titmexxa lejn setturi oħra jew lejn Stati Membri oħra.

    (11)Il-miżura speċjali mhux se jkollha effett negattiv fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhux se jkollha effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jinġabru mill-VAT,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    B’deroga mill-Artikolu 218 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Ġermanja hija awtorizzata taċċetta fatturi li jkunu nħarġu minn persuni taxxabbli stabbiliti fit-territorju tal-Ġermanja fil-forma ta’ dokumenti jew messaġġi biss jekk dawk id-dokumenti jew messaġġi jiġu ttrasferiti f’format elettroniku.

    Artikolu 2

    B’deroga mill-Artikolu 232 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Ġermanja hija awtorizzata tipprevedi li l-użu ta’ fatturi elettroniċi maħruġa minn persuni taxxabbli stabbiliti fit-territorju tal-Ġermanja ma għandux ikun soġġett għal aċċettazzjoni mir-riċevitur stabbilit fit-territorju tal-Ġermanja.

    Artikolu 3

    Il-Ġermanja għandha tinnotifika lill-Kummissjoni bil-miżuri nazzjonali li jimplimentaw il-miżura speċjali għad-derogi msemmija fl-Artikoli 1 u 2.

    Artikolu 4

    1. Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-aktar data kmieni minn dawn iż-żewġ dati li ġejjin:

    (a)    31 ta’ Diċembru 2027;

    (b)    id-data minn meta l-Istati Membri jridu japplikaw kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali li huma meħtieġa jadottaw f’każ li tiġi adottata direttiva li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tar-regoli tal-VAT għall-era diġitali, b’mod partikolari l-Artikoli 218 u 232 ta’ dik id-Direttiva.

    2. Jekk il-Ġermanja tqis li hija meħtieġa estensjoni tal-miżura speċjali, il-Ġermanja għandha tippreżenta t-talba tagħha għal estensjoni lill-Kummissjoni, flimkien ma’ rapport li jivvaluta sa fejn il-miżuri nazzjonali msemmija fl-Artikolu 3 kienu effettivi fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT u fis-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxa. Dak ir-rapport għandu jevalwa l-impatt ta’ dawk il-miżuri fuq il-persuni taxxabbli u, b’mod partikolari, jekk dawk il-miżuri jżidux il-piżijiet amministrattivi u l-kostijiet tagħhom.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
    (2)    ĠU L 360, 11.10.2021, p. 117.
    (3)    ĠU L 133, 6.5.2014, p. 1.
    (4)    Id-Direttiva 2014/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar il-fatturazzjoni elettronika fl-akkwist pubbliku (ĠU L 133, 6.5.2014, p. 1).
    (5)    ĠU L 454, 17.12.2021, p. 1.
    (6)    ĠU L 20, 31.1.2022, p. 272.
    (7)    ĠU L 168, 27.6.2022, p. 81.
    (8)     https://taxation-customs.ec.europa.eu/system/files/2020-07/2020_tax_package_tax_action_plan_en.pdf  
    (9)    COM/2022/701 final.
    (10)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
    (11)    COM/2022/701 final.
    Top