IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 20.6.2023
COM(2023) 337 final
2023/0201(APP)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas
finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52023PC0337
Proposal for a COUNCIL REGULATION amending Regulation (EU, Euratom) 2020/2093 laying down the multiannual financial framework for the years 2021 to 2027
Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027
Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027
COM/2023/337 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 20.6.2023
COM(2023) 337 final
2023/0201(APP)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas
finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
1.1.Analiżi u reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali
Bħala parti mill-ftehim politiku ġenerali dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027, f’Diċembru 2020 il-Kummissjoni ħarġet dikjarazzjoni fejn impenjat ruħha li sal-1 ta’ Jannar 2024 tippreżenta analiżi tal-funzjonament tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali, li jista’ jkun akkumpanjat, kif xieraq, minn proposti rilevanti għar-reviżjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 1 (ir-Regolament QFP) f’konformità mal-proċeduri stabbiliti fit-TFUE 2 .
F’konformità ma’ dan l-impenn, u mad-dikjarazzjoni adottata flimkien mal-baġit annwali tal-2023 3 , il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar “Ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027” 4 , li tivvaluta l-funzjonament tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali sa issa, inkluża valutazzjoni ta’ jekk il-baġit tal-UE jistax ikompli jipprovdi mezzi komuni biex jiġu indirizzati l-isfidi komuni. Din il-valutazzjoni tikkonkludi li, biex l-Unjoni tilħaq l-objettivi kollha tagħha, inklużi dawk l-aktar urġenti, sa tmiem l-2027, hija meħtieġa reviżjoni mmirata tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021-2027.
Fl-istess ħin, il-proposta għal emenda għar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 ippreżentata f’Diċembru 2021 5 ma għadiex valida minħabba l-eżitu tan-negozjati leġiżlattivi dwar il-Fond Soċjali għall-Klima 6 u fid-dawl tal-isfidi mingħajr preċedent u li ma kinux mistennija li mmaterjalizzaw fl-2022, b’mod partikolari l-konsegwenzi tal-gwerra brutali ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-iżviluppi makroekonomiċi. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni issa qed tressaq proposta ġdida lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li tissostitwixxi l-proposta preċedenti, li se tiġi rtirata formalment fi żmien xieraq.
1.2Raġunijiet u objettivi tal-proposta
L-Unjoni ffaċċjat sensiela ta’ sfidi mingħajr preċedent u li ma kinux mistennija mill-2020. Bilkemm kienet għadha kif intemmet il-pandemija tal-COVID-19, li l-Unjoni ma kinitx iffaċċjata bil-gwerra brutali ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-kriżi tal-enerġija sussegwenti u ż-żieda qawwija relatata fl-inflazzjoni u fir-rati tal-imgħax. Dawn l-isfidi ma setgħux jiġu antiċipati fiż-żmien tal-ftehim dwar il-QFP. Il-Kummissjoni aġixxiet malajr u użat il-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħha, inklużi r-riallokazzjonijiet u r-riprogrammazzjoni, minbarra l-flessibbiltajiet baġitarji eżistenti. Madankollu, il-flessibbiltajiet baġitarji limitati inkorporati fil-QFP huma kważi eżawriti u l-possibbiltajiet ta’ riallokazzjoni qed jilħqu l-limiti tagħhom, u dan ifixkel il-kapaċità tal-baġit tal-UE li jindirizza anke l-aktar sfidi urġenti.
L-evoluzzjoni ġeopolitika u ekonomika ġabet magħha sfidi ġodda li jeħtieġu aktar azzjoni mill-UE. Jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea tikkonferma l-appoġġ tagħha lill-Ukrajna fuq bażi pluriennali. Fl-isfond tad-dipendenzi strateġiċi attwali, l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni doppja tal-Ewropa jenħtieġ li tipprovdi l-opportunità għall-Unjoni biex iżżid ir-reżiljenza tagħha u terġa’ tikseb it-tmexxija tagħha f’setturi ewlenin permezz ta’ investiment pubbliku u privat intelliġenti f’setturi strateġiċi. Sabiex ikun jista’ jwettaq il-prijoritajiet u l-ħtiġijiet kondiviżi tal-Unjoni, il-baġit fit-tul tal-UE jeħtieġ li jissaħħaħ għall-perjodu 2024-2027 biex jipprovdi l-aktar finanzjament essenzjali biex iwieġeb għal dawn l-isfidi.
1.2.1.Appoġġ sod u fit-tul lill-Ukrajna: il-Faċilità għall-Ukrajna
Il-baġit tal-UE pprovda appoġġ tremend permezz ta’ flessibbiltajiet u prijoritizzazzjoni mill-ġdid iżda l-QFP 2021-2027 ma kienx imfassal biex jindirizza l-konsegwenzi ta’ gwerra fl-Ewropa. Il-bżonnijiet ta’ likwidità tal-Ukrajna għall-istabbiltà makrofinanzjarja għadhom għoljin, u għandu jiżdied progressivament l-investiment fl-irkupru u r-rikostruzzjoni rapidi tal-Ukrajna, hekk kif tevolvi s-sitwazzjoni. Is-sostenn tal-attività ekonomika u l-bini mill-ġdid tal-infrastruttura bażika jiġġeneraw l-impjiegi u d-dħul, jagħtu lir-refuġjati perspettiva li jirritornaw lejn pajjiżhom u jnaqqsu l-volum ta’ assistenza internazzjonali meħtieġa.
Biex tindirizza l-ħtiġijiet immedjati tal-Ukrajna u l-irkupru fuq terminu qasir kif ukoll ir-rikostruzzjoni fit-tul, il-Kummissjoni tipproponi regolament li jistabbilixxi Faċilità għall-Ukrajna 7 , strument integrat u flessibbli b’kapaċità massima kumplessiva sa EUR 50 biljun fi prezzijiet attwali.
L-appoġġ se jiġi pprovdut fil-forma ta’ appoġġ ripagabbli (self) u mhux ripagabbli u fil-proviżjonament ta’ garanziji baġitarji. Dan se jiżgura finanzjament stabbli u prevedibbli filwaqt li jipprovdi qafas xieraq li jiżgura l-prijoritizzazzjoni tar-riformi u l-investimenti permezz ta’ Pjan għall-Ukrajna, is-sostenibbiltà tal-finanzi tal-Ukrajna, kif ukoll il-protezzjoni tal-baġit tal-UE. Is-self lill-Ukrajna se jiġi ffinanzjat permezz ta’ self fis-swieq finanzjarji u appoġġat mill-hekk imsejjaħ “marġni ta’ manuvra” tal-baġit tal-UE, għalhekk lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP u fil-marġni tal-limitu massimu tar-riżorsi proprji. L-appoġġ mhux ripagabbli u l-proviżjonament ta’ garanziji baġitarji se jiġu ffinanzjati skont strument speċjali tematiku ġdid, ir-Riżerva għall-Ukrajna, li jipprovdi r-riżorsi meħtieġa lill-Faċilità għall-Ukrajna, lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP. Dan l-approċċ flessibbli huwa meħtieġ biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet li qed jevolvu tal-pajjiż sal-2027.
1.2.2.Il-ġestjoni tal-migrazzjoni, it-tisħiħ tas-sħubijiet ma’ pajjiżi terzi ewlenin u l-indirizzar tal-emerġenzi
Il-gwerra ta’ aggressjoni illegali tar-Russja kontra l-Ukrajna kellha l-ewwel u qabel kollox effett devastanti fuq l-Ukrajna u l-poplu tagħha, iżda kellha wkoll implikazzjonijiet globali kbar, li jaffettwaw l-aċċess sigur u affordabbli tas-sħab tagħna għall-ikel u l-enerġija. Dan ġie b'żieda ma’ multiplikazzjoni ta’ kriżijiet ġeopolitiċi u diżastri naturali, u ntefgħet pressjoni sinifikanti fuq ir-riżorsi disponibbli taħt l-Intestatura 6 “Il-Viċinat u d-Dinja”. Jeħtieġ li tiġi restawrata il-kapaċità tal-Unjoni li tirrispondi għall-isfidi globali urġenti kif ukoll għall-kriżijiet umanitarji f’pajjiżi terzi.
F’kuntest ta’ instabbiltà ekonomika u politika globali akbar, ix-xejriet tal-migrazzjoni globali qed jiżdiedu, u l-pressjoni migratorja fil-fruntieri tal-Unjoni qed tkompli tikber. Jeħtieġ li l-baġit tal-UE jkun jista’ jkompli jipprovdi appoġġ finanzjarju sostnut biex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni, tittejjeb il-ġestjoni tal-fruntieri u jinżammu sħubijiet effettivi dwar il-migrazzjoni ma’ pajjiżi terzi – kemm jekk pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu, kif ukoll dawk li jospitaw għadd kbir ta’ refuġjati.
Fir-rigward tad-dimensjoni interna tal-migrazzjoni kif ukoll tal-ġestjoni tal-fruntieri, il-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil 8 , li bħalissa jinsab fil-fażi interistituzzjonali, se jipprovdi qafas ġdid u dejjiemi tal-UE għall-ġestjoni tal-ażil u tal-migrazzjoni. Abbażi tal-istat attwali tad-diskussjonijiet u f’konformità mal-objettiv tal-koleġiżlaturi li jaħdmu flimkien biex jadottaw ir-riforma tar-regoli tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-ażil qabel tmiem il-perjodu leġiżlattiv 2019-2024 9 , l-implimentazzjoni tal-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil se tirrikjedi finanzjament addizzjonali, b’mod partikolari għall-proċedura tal-iskrinjar u fuq il-fruntiera, il-kapaċità ta’ akkoljenza, ir-rilokazzjonijiet u r-ritorni.
Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi li żżid il-limiti massimi tan-nefqa tal-Intestatura 4 “Migrazzjoni u Ġestjoni tal-Fruntieri” u tal-Intestatura 6 “Il-Viċinat u d-Dinja” b’EUR 1 693 miljun u EUR 9 056 miljun addizzjonali rispettivament għall-perjodu mill-2024 sal-2027.
1.2.3.Il-promozzjoni tal-kompetittività fit-tul fit-teknoloġiji strateġiċi: il-pjattaforma għat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (Strategic Technologies for Europe Platform, STEP)
L-iżvilupp u l-manifattura ta’ bijoteknoloġiji stateġiċi, profondi, diġitali u nodfa huma essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Fid-dawl tal-kompetizzjoni internazzjonali biex jinbnew ktajjen tal-valur strateġiċi, l-Unjoni teħtieġ tweġiba aktar strutturali għall-ħtiġijiet ta’ investiment tal-industriji tagħha permezz ta’ Pjattaforma ġdida għat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP) 10 , li għandha tgħin biex jiġi ppreservat vantaġġ Ewropew fit-teknoloġiji kritiċi u emerġenti rilevanti għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, minn teknoloġiji relatati mal-komputazzjoni, inkluż il-mikroelettronika, il-computing kwantistiku, u l-intelliġenza artifiċjali, sal-bijoteknoloġija, u l-bijomanifattura u teknoloġiji b'emissjonijiet żero netti u teknoloġiji nodfa oħra.
Il-pjattaforma STEP se toħloq il-kundizzjonijiet meħtieġa għal użu aktar effettiv, effiċjenti u mmirat tal-fondi eżistenti tal-UE. Dan se jgħin ukoll biex il-finanzjament eżistenti jiġi dirett lejn il-proġetti rilevanti u titħaffef l-implimentazzjoni fuq subsett ta’ oqsma li huma kritiċi għat-tmexxija tal-Ewropa filwaqt li jinżammu kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fis-suq uniku u b’hekk il-koeżjoni. Biex tiġi żgurata implimentazzjoni rapida tal-appoġġ finanzjarju, il-Pjattaforma STEP se ssaħħaħ u tingrana l-istrumenti eżistenti tal-UE, filwaqt li tħaffef l-implimentazzjoni tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni u timmassimizza l-użu ta’ InvestEU, il-Fond għall-Innovazzjoni u l-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni lejn teknoloġiji strateġiċi Ewropej.
Ix-xenarju globali nbidel. Ir-Russja tirrappreżenta u se tkompli tkun ta’ theddida għas-sigurtà tal-Ewropa fis-snin li ġejjin. Għalhekk, STEP se ssaħħaħ il-fergħa tar-riċerka tal-Fond Ewropew għad-Difiża, li se tagħti spinta lill-kapaċità tal-innovazzjoni tal-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea, u b’hekk tikkontribwixxi għall-awtonomija strateġika tal-Unjoni.
Sabiex tingħata spinta lill-kapaċità ta’ investiment iddedikata speċifikament għall-prijorità tat-teknoloġiji strateġiċi, il-Pjattaforma STEP jenħtieġ li tiġi appoġġata bejn l-2024 u l-2027 permezz ta’ żidiet baġitarji ta’ InvestEU, tal-Fond għall-Innovazzjoni, tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni taħt Orizzont Ewropa u l-Fond Ewropew għad-Difiża. Il-livelli tan-nefqa tal-limiti massimi rilevanti tal-QFP (l-Intestatura 1 “Suq Uniku, Innovazzjoni u Diġitali”, l-Intestatura 3 “Riżorsi naturali u Ambjent” u l-Intestatura 5 “Sigurtà u Difiża”) għalhekk jenħtieġ li jiżdiedu kif xieraq.
1.2.4.Soluzzjoni sostenibbli għall-kostijiet għall-finanzjament tan-NextGenerationEU
Iż-żieda mhux mistennija u qawwija fir-rati tal-imgħax attwali u forward mill-2022, minħabba politiki monetarji aktar stretti biex titrażżan l-inflazzjoni, qed taffettwa l-emittenti tal-bonds kollha, inkluża l-UE. B’konsegwenza ta’ dan, il-kostijiet għall-finanzjament li għandhom jiġġarrbu mill-baġit tal-Unjoni bħala riżultat tas-self għal NextGenerationEU, huma mistennija li jaqbżu l-istimi ppjanati inizjalment fiż-żmien tal-adozzjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 11 .
Il-kostijiet għall-finanzjament tan-NextGenerationEU huma intrinsikament differenti mill-programmi ta’ nfiq “tradizzjonali” tal-UE. Dawn jiddependu ħafna fuq il-fluttwazzjonijiet fir-rata tal-imgħax. Barra minn hekk, sal-2026, il-volatilità addizzjonali hija dovuta għal inċertezzi dwar it-twaqqit tal-ammonti għas-self, li jiddependu l-aktar fuq l-iżborżi għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.
Fl-istess ħin, ladarba jinħarġu l-bonds, in-nefqa f’imgħax ma tkunx tista tiġi posposta, ippjanata mill-ġdid jew ikkanċellata. Filwaqt li l-qafas legali eżistenti jipprevedi l-mekkaniżmi meħtieġa biex jiġi żgurat li l-Unjoni tkopri l-obbligi tagħha lejn id-detenturi ta’ bonds fiċ-ċirkostanzi kollha, il-baġit tal-UE jenħtieġ li jkun mgħammar bil-mezzi u l-għodod biex iħallas dawn il-kostijiet bl-aktar mod effiċjenti.
Għalhekk huwa meħtieġ mekkaniżmu ta’ flessibbiltà speċifika biex tiġi indirizzata din il-volatilità. Jenħtieġ li sa tmiem il-QFP, jiġi stabbilit strument speċjali tematiku ġdid (l-“Istrument EURI”), lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP, għall-iskop uniku li jiġu koperti il-kostijiet għall-finanzjament tan-NextGenerationEU li jaqbżu l-ammonti inizjalment ippjanati fl-2020 taħt il-limitu massimu tan-nefqa tal-Intestatura 2b.
1.2.5.Iż-żamma ta’ amministrazzjoni li tiffunzjona tajjeb biex jitwettqu l-prijoritajiet politiċi tal-UE
Ir-riżorsi tal-amministrazzjoni Ewropea (intestatura 7) jinsabu taħt pressjoni qawwija minħabba kompiti addizzjonali mogħtija lill-Unjoni, prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew u inflazzjoni għolja.
Il-bosta inizjattivi ġodda introdotti matul dawn l-aħħar sentejn inkarigaw lill-Unjoni b’kompiti addizzjonali sostanzjali mill-bidu ta’ dan il-Qafas Finanzjarju Pluriennali, mingħajr żieda korrispondenti fil-persunal. L-amministrazzjoni Ewropea mhux se tkun tista’ tkompli twettaq għadd dejjem akbar ta’ kompiti bil-livell attwali ta’ riżorsi.
Inflazzjoni għolja għandha impatt qawwi fuq in-nefqa amministrattiva. Minkejja sforzi eċċezzjonali biex jerġgħu jiġu prijoritizzati u jitnaqqsu l-kostijiet biex tiġi kkontrollata n-nefqa amministrattiva, il-limiti massimi attwali tal-intestatura 7 “Amministrazzjoni pubblika Ewropea” mhux se jkunu biżżejjed biex jindirizzaw il-ħtiġijiet minħabba l-pressjonijiet inflazzjonarji.
Biex jiġu sodisfatti d-dmirijiet legali tal-Istituzzjonijiet u biex jiġu ttrattati r-responsabbiltajiet addizzjonali assenjati mill-koleġiżlaturi lill-Kummissjoni, huwa għalhekk meħtieġ li l-limitu massimu tal-Intestatura 7 “Amministrazzjoni pubblika Ewropea” jiżdied b’EUR 1 621 miljun, inkluża żieda tas-sublimitu “Nefqa amministrattiva tal-istituzzjonijiet” b’EUR 1 331 miljun.
1.2.6.It-tisħiħ tal-kapaċità tal-baġit tal-Unjoni biex jirreaġixxi għal kriżijiet u żviluppi mhux previsti
Ir-“Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza” (SEAR), strument speċjali tematiku li jgħin biex jiġu indirizzati l-emerġenzi fl-Istati Membri u f’pajjiżi mhux tal-UE, tpoġġiet taħt pressjoni qawwija sa mill-2021. Fid-dawl taż-żieda fil-frekwenza u l-iskala ta’ diżastri naturali maġġuri, b’mod partikolari minħabba t-tibdil fil-klima, u l-kriżijiet umanitarji, jenħtieġ li jiżdied l-ammont annwali tar-Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza.
Peress li l-marġni baġitarji ġew fil-biċċa l-kbira eżawriti fl-ewwel snin tal-QFP, kien meħtieġ li jiġi mobilizzat l-Istrument ta’ Flessibbiltà għal kważi d-disponibbiltà sħiħa tiegħu. Il-pressjoni għolja fl-Intestaturi kollha tan-nefqa sa tmiem il-QFP teħtieġ żieda fl-Istrument ta’ Flessibbiltà biex jiġi żgurat li l-baġit tal-UE jkun jista’ jwieġeb għal ħtiġijiet mhux previsti li jistgħu jinqalgħu.
2.ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA
•Bażi legali
L-Artikolu 312 tat-TFUE jikkostitwixxi l-bażi legali għall-adozzjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali.
•Sussidjarjetà
L-inizjattiva taqa’ fl-ambitu ta’ qasam ta’ politika fejn l-UE għandha setgħat esklużivi (skont l-Artikolu 312 tat-TFUE). Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•Proporzjonalità
Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità peress li ma tmurx lil hinn mill-minimu meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi ddikjarati fil-livell Ewropew u li huwa meħtieġ għal dak il-għan. Il-bidliet huma proporzjonati mas-serje sinifikanti ta’ avvenimenti mhux mistennija u sfidi ġodda li seħħew mill-adozzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 f’Diċembru 2020.
•Relazzjoni mal-proposta pendenti
Din il-proposta għal emenda tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 tissostitwixxi l-proposta tat-22 ta’ Diċembru 2021 (COM (2021) 569) li se tiġi rtirata.
3.SPJEGAZZJONI FID-DETTALL TAD-DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI TAL-PROPOSTA
Kapitolu 1 - Dispożizzjonijiet Ġenerali
Artikolu 2 – Konformità mal-limiti massimi tal-QFP
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 jirreferi għall-Anness I li fih it-tabella tal-limiti massimi tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali. L-Anness I għar-Regolament huwa sostitwit bl-Anness ta' din il-proposta.
L-ewwel subparagrafu tat-tieni paragrafu huwa emendat biex jintroduċi r-referenza għall- “Istrument EURI” (l-Artikolu 10a l-ġdid) u għar-“Riżerva għall-Ukrajna” (l-Artikolu 10b il-ġdid), f’konformità mal-prinċipju li dawn l-istrumenti mhumiex inklużi fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali u li l-finanzjament tagħhom huwa pprovdut lil hinn mil-limiti massimi tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali, kemm għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn kif ukoll dawk ta’ pagament korrispondenti.
It-tielet paragrafu tal-Artikolu 2 ġie emendat f’Diċembru 2022 12 bħala parti minn pakkett ta’ appoġġ eċċezzjonali lill-Ukrajna biex jippermetti l-mobilizzazzjoni ta’ garanziji għal assistenza finanzjarja lill-Ukrajna għas-snin 2023 u 2024 lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP. Dan il-paragrafu huwa emendat ulterjorment biex jestendi l-kopertura baġitarja mill-marġni ta’ manuvra għall-garanzija għal assistenza finanzjarja lill-Ukrajna, fil-forma ta’ self, li hija disponibbli sal-2027 taħt il-Faċilità għall-Ukrajna proposta. Għaldaqstant, jekk l-Unjoni jkollha tonora l-obbligi ta’ ripagament mir-riżorsi tal-baġit f’każ li l-Ukrajna tonqos milli tipprovdi l-ħlas dovut fil-ħin, l-ammonti meħtieġa jiġu mobilizzati lil hinn mil-limiti massimi tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali, sal-marġni tal-limitu massimu tar-riżorsi proprji.
Kapitolu 3 – Strumenti speċjali
Taqsima 1 - Strumenti speċjali tematiċi
Artikolu 9 – Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza
It-tieni paragrafu huwa emendat biex jipprevedi għall-ammont massimu annwali l-ġdid tar-Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza, li żdied għal EUR 1 739 miljun (fi prezzijiet tal-2018).
Artikolu 10a – Strument EURI
Dan l-Artikolu l-ġdid huwa introdott biex jipprevedi l-“Istrument EURI”, strument speċjali tematiku ġdid.
Il-partiti speċifiċi tan-nefqa li għalihom jista’ jintuża l-Istrument EURI huma l-imgħax u l-pagamenti ta’ kupuni dovuti fir-rigward tal-fondi mislufa fis-swieq kapitali f’konformità mal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji (UE, Euratom) 2020/2053 13 , li jikkorrispondu għall-kostijiet għall-finanzjament tas-self tan-NextGenerationEU għal appoġġ mhux ripagabbli u ripagabbli permezz ta’ strumenti finanzjarji.
Il-mobilizzazzjoni tal-Istrument EURI jenħtieġ li sseħħ meta l-kostijiet tas-self tan-NextGeneration f’sena partikolari jaqbżu l-ammonti ppjanati f’Diċembru 2020.
Għaċ-ċertezza tad-dritt, l-ammonti speċifiċi stabbiliti bħala livelli limiti għall-mobilizzazzjoni tal-Istrument EURI għas-snin 2024, 2025, 2026 u 2027 jenħtieġ li jiġu stabbiliti b’mod espliċitu f’valur assolut fir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093.
2024 14 |
2025 15 |
2026 16 |
2027 17 |
|
Livell limitu annwali fi prezzijiet attwali (f’miljuni ta’ EUR) |
2 071.4 |
2 677.8 |
3 744.6 |
4 980.3 |
Livell limitu annwali fi prezzijiet tal-2018 (f’miljuni ta’ EUR) meqlub abbażi tad-deflatur annwali fiss ta’ 2 % stabbilit fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament QFP. |
1 840.0 |
2 332.0 |
3 196.0 |
4 168.0 |
L-istrument EURI se jkopri kwalunkwe ammont tal-kostijiet għall-finanzjament tan-NextGenerationEU li jaqbeż dawn il-limiti.
Minħabba l-inċertezza tal-evoluzzjoni tal-parametri li jiddeterminaw il-kostijiet għall-finanzjament tan-NextGenerationEU (it-twaqqit tal-iżborżi attwali tal-appoġġ mhux ripagabbli u l-evoluzzjoni tar-rati tal-imgħax), mhuwiex possibbli li jiġi stabbilit ammont massimu fiss għall-Istrument EURI.
Il-mobilizzazzjoni tal-Istrument EURI se ssir fil-qafas tal-proċedura baġitarja annwali (baġit u/jew baġit emendatorju), u l-approprjazzjonijiet se jiddaħħlu lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP, kemm għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn kif ukoll dawk ta’ pagament korrispondenti.
Artikolu 10b – Riżerva għall-Ukrajna
Dan l-Artikolu l-ġdid huwa introdott biex jipprevedi strument tematiku speċjali ġdid: Ir-“Riżerva għall-Ukrajna”.
Ir-Riżerva għall-Ukrajna se tipprovdi n-nefqa għal appoġġ mhux ripagabbli u l-proviżjonament ta’ garanziji baġitarji, għall-Ukrajna taħt il-“Faċilità għall-Ukrajna” proposta, li tipprovdi l-flessibbiltà meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet li qed jevolvu tal-Ukrajna.
Il-mobilizzazzjoni tar-Riżerva għall-Ukrajna jenħtieġ li ssir kull sena fil-qafas tal-proċedura baġitarja annwali (baġit u/jew baġit emendatorju), filwaqt li jitqiesu l-aħjar stimi tal-ħtiġijiet minħabba l-iżviluppi tal-gwerra, il-prestazzjoni makrofinanzjarja tal-Ukrajna, il-kapaċità ta’ assorbiment u s-sostenibbiltà tad-dejn. L-approprjazzjonijiet se jiddaħħlu lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP kemm għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn kif ukoll dawk ta’ pagament korrispondenti.
Sabiex l-Unjoni u l-Ukrajna jiġu pprovduti bi programmabbiltà suffiċjenti għall-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Ukrajna, jenħtieġ li r-Riżerva għall-Ukrajna tinkludi ammont massimu għall-perjodu 2024-27, kif ukoll ammonti indikattivi annwali minimi. Jeħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti ammonti massimi li jistgħu jsiru disponibbli kull sena għar-Riżerva għall-Ukrajna matul il-perjodu mill-2024 sal-2027 biex tiġi żgurata l-konformità mal-limitu massimu tar-riżorsi proprji stabbilit fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053.
Għall-konsistenza mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Ukrajna, għalkemm il-QFP 2021-2027 huwa stabbilit fi prezzijiet tal-2018, l-ammonti jenħtieġ li jiġu espressi fi prezzijiet attwali.
Taqsima 2 - Strumenti speċjali mhux tematiċi
Artikolu 12 – Strument ta' Flessibbiltà
L-ewwel paragrafu huwa emendat biex jipprevedi għall-ammont massimu annwali l-ġdid tal-Istrument ta' Flessibbiltà, li żdied għal EUR 1 562 miljun (fi prezzijiet tal-2018).
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
4.1.Żieda tal-limiti massimi tan-nefqa għas-snin mill-2024 sal-2027
Il-proposta għandha l-konsegwenzi li ġejjin fuq il-livelli tal-limiti massimi annwali għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn tal-Intestaturi 1, 3, 4, 5, 6, u 7, inkluż is-sublimitu għan-nefqa amministrattiva tal-istituzzjonijiet, li jiżdiedu bl-ammonti li ġejjin (fi prezzijiet tal-2018):
f’miljuni ta’ EUR |
||||
Żieda fil-limiti massimi tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn |
2024 |
2025 |
2026 |
2027 |
Intestatura 1 Suq Uniku, Innovazzjoni u Diġitali |
777 |
762 |
748 |
733 |
Intestatura 3 Riżorsi naturali u Ambjent |
1 110 |
1 088 |
1 067 |
1 046 |
Intestatura 4 Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Fruntieri |
264 |
464 |
965 |
|
Intestatura 5 Sigurtà u Difiża |
333 |
327 |
320 |
313 |
Intestatura 6 Il-Viċinat u d-Dinja |
2 331 |
2 286 |
2 241 |
2 198 |
Intestatura 7 Amministrazzjoni pubblika Ewropea |
132 |
333 |
556 |
600 |
Sottolimitu
|
110 |
285 |
464 |
472 |
Żieda totali fl-approprjazzjonijiet ta’ impenn |
4 683 |
5 060 |
5 396 |
5 855 |
B’kont meħud tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-limiti massimi tal-pagamenti previsti taħt l-Istrument ta’ Marġini Uniku (l-Artikolu 11), din il-proposta teħtieġ żieda fil-limitu massimu tal-QFP f’approprjazzjonijiet ta’ pagament fl-2026 u l-2027, kif spjegat hawn taħt (fi prezzijiet tal-2018).
f’miljuni ta’ EUR |
||||
2024 |
2025 |
2026 |
2027 |
|
Żieda fil-limitu massimu fl-approprjazzjonijiet ta’ pagament |
7 725 |
2 772 |
Għalhekk jenħtieġ li l-limiti massimi tan-nefqa annwali f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament tal-QFP 2021-2027 jiġu emendati għas-snin mill-2024 sal-2027, u l-Anness I tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 jiġi modifikat skont dan.
4.2.Strumenti Speċjali
Strumenti speċjali, inklużi l-istrumenti speċjali l-ġodda “Strument EURI” u “Riżerva għall-Ukrajna” inklużi f’din il-proposta huma mobilizzati f’konformità mal-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 u, kif applikabbli, l-atti bażiċi rilevanti.
Peress li n-nefqa fir-rigward ta’ strumenti speċjali tiddaħħal “lil hinn” mil-limiti massimi tan-nefqa tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali, il-proposta preżenti ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja immedjata f’dan ir-rigward.
2023/0201 (APP)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas
finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 312 tiegħu,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew 18 ,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġislattiva speċjali,
Billi:
(1)Il-Kummissjoni ppreżentat analiżi tal-funzjonament tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għas-snin mill-2021sal-2027 stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 19 wara l-ewwel snin ta’ implimentazzjoni tiegħu, inkluża valutazzjoni tas-sostenibbiltà tal-limiti massimi tan-nefqa 20 .
(2)Minn Diċembru 2020, l-Unjoni ffaċċjat sensiela ta’ sfidi mingħajr preċedent u li ma kinux mistennija. L-Unjoni aġixxiet malajr u użat il-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħha, iżda l-flessibbiltà baġitarja limitata inkorporata fil-QFP 2021-2027 hija kważi eżawrita, u dan ifixkel il-kapaċità tal-baġit tal-UE li jindirizza anke l-aktar sfidi urġenti.
(3)Fl-ewwel snin tal-implimentazzjoni tal-QFP intużaw b’mod estensiv strumenti speċjali biex jiġu indirizzati diversi sfidi. Tippersisti l-ħtieġa li tittieħed aktar azzjoni, filwaqt li l-bilanċi baġitarji biex jiġu kkonfrontati sitwazzjonijiet bħal dawn matul il-bqija tal-perjodu tal-QFP huma limitati ħafna.
(4)Jenħtieġ li l-baġit tal-UE jippermetti lill-Unjoni tipprovdi r-risponsi ta’ politika meħtieġa għall-isfidi emerġenti u tissodisfa l-obbligi legali li ma jistgħux jiġu akkomodati fil-limiti massimi eżistenti u lanqas permezz ta’ flessibbiltà eżawrita. Għalhekk, il-limiti massimi tan-nefqa f’approprjazzjonijiet għall-impenji għall-Intestaturi 1, 3, 5, 6, u 7 inkluż is-sublimitu għan-nefqa amministrattiva tal-istituzzjonijiet għas-snin 2024, 2025, 2026 u 2027, u l-limitu massimu għall-Intestatura 4 għas-snin 2025, 2026 u 2027 jenħtieġ li jiżdiedu. B’riżultat ta’ dan, il-limiti massimi tan-nefqa f’approprjazzjonijiet ta’ pagament għas-snin 2026 u 2027 jenħtieġ li jiżdiedu.
(5)Il-gwerra illegali ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna ġabet il-gwerra lura fit-territorju Ewropew. L-Unjoni se tkompli tappoġġa lill-Ukrajna sakemm ikun hemm bżonn u se tgħin bis-sħiħ lill-Ukrajna fit-triq tagħha lejn l-Ewropa. Għal dak l-għan, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (UE) [XXX] [Faċilità għall-Ukrajna] 21 bħala r-rispons tal-Unjoni biex tappoġġa l-istabbiltà makrofinanzjarja, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-Ukrajna, filwaqt li tappoġġa l-isforz tar-riformi tal-Ukrajna bħala parti mit-triq tal-adeżjoni tagħha mal-UE.
(6)Minħabba l-inċertezzi marbuta mal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja, jenħtieġ li l-Faċilità għall-Ukrajna tkun strument flessibbli biex tipprovdi l-forma u l-livell adegwati ta’ appoġġ sal-2027. Jenħtieġ li l-appoġġ taħt il-Faċilità għall-Ukrajna jiġi pprovdut fil-forma ta’ self, appoġġ mhux ripagabbli u proviżjonament għal garanziji baġitarji.
(7)Għall-parti tal-appoġġ tal-Faċilità għall-Ukrajna pprovdut fil-forma ta’ self, huwa xieraq li l-garanzija tal-baġit eżistenti tal-Unjoni tiġi estiża sal-2027 biex tkopri l-assistenza finanzjarja li ssir disponibbli għall-Ukrajna. B’konsegwenza ta’ dan, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu mobilizzati l-approprjazzjonijiet meħtieġa fil-baġit tal-Unjoni lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP għall-assistenza finanzjarja lill-Ukrajna disponibbli sa tmiem l-2027.
(8)Għall-parti tal-appoġġ tal-Faċilità għall-Ukrajna pprovdut fil-forma ta’ appoġġ mhux ripagabbli u proviżjonament ta’ garanziji baġitarji, jenħtieġ li l-approprjazzjonijiet jiġu pprovduti permezz ta’ strument tematiku speċjali ġdid, ir-“Riżerva għall-Ukrajna”. Jenħtieġ li l-approprjazzjonijiet ta’ impenn u l-approprjazzjonijiet ta’ pagament korrispondenti jiġu mobilizzati kull sena fil-qafas tal-proċedura baġitarja stabbilita fl-Artikolu 314 TFUE, lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP.
(9)Għall-programmabbiltà tal-Faċilità għall-Ukrajna u l-iżvilupp ordnat tan-nefqa, huwa xieraq li jiġu stabbiliti ammonti annwali indikattivi minimi u ammonti massimi li jistgħu jsiru disponibbli kull sena għar-Riżerva għall-Ukrajna matul il-perjodu mill-2024 sal-2027.
(10)Mill-2022, l-Unjoni u l-biċċa l-kbira tal-ekonomiji ewlenin raw żieda qawwija fir-rati tal-imgħax għall-emittenti kollha tal-bonds, inkluża l-Unjoni. B’riżultat ta’ dan, il-kostijiet għall-finanzjament tas-self tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru (“NextGenerationEU”), li jridu jiġġarrbu mill-baġit tal-Unjoni skont l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 22 huma mistennija li jaqbżu l-istimi inizjalment ipprogrammati taħt il-limiti massimi tal-QFP fiż-żmien tal-adozzjoni tiegħu f’Diċembru 2020.
(11)Minħabba l-inċertezza madwar l-evoluzzjoni futura tar-rati tal-imgħax u sabiex jiġu evitati pressjonijiet bla bżonn fuq il-programmi tal-Unjoni, huwa xieraq li jiġi stabbilit strument speċjali tematiku ġdid biex ikopri l-kostijiet għall-finanzjament kollha tas-self tan-NextGenerationEU li jaqbżu l-ammonti inizjalment ipprogrammati. Jenħtieġ li l-approprjazzjonijiet ta’ impenn u l-approprjazzjonijiet ta’ pagament korrispondenti meħtieġa fil-baġit tal-Unjoni jkunu disponibbli lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP.
(12)Jenħtieġ li r-Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza u l-Istrument ta’ Flessibbiltà jissaħħu sabiex tinżamm biżejjed kapaċità biex l-Unjoni tirreaġixxi għal ċirkostanzi mhux previsti sal-2027.
(13)Fid-dawl ta’ dawn l-avvenimenti mhux mistennija u l-isfidi l-ġodda, huwa meħtieġ li jiġi rivedut il-QFP, u għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 jiġi emendat skont dan.
(14)L-emendi għar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 huma mingħajr preġudizzju għall-obbligu li jiġu rispettati il-limiti massimi tar-riżorsi proprji stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u 6 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053.
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 huwa emendat kif ġej:
(1)L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“2. Fejn ikun meħtieġ li jintużaw ir-riżorsi mill-istrumenti speċjali previsti fl-Artikoli 8, 9, 10, 10a, 10b u 12, l-approprjazzjonijiet ta' impenn u approprjazzjonijiet ta' pagament li jikkorrispondu magħhom għandhom jiddaħħlu fil-baġit lil hinn mil-limiti massimi rilevanti tal-QFP.”;
(b)fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Fejn ikun meħtieġ li tiġi mobilizzata garanzija għall-assistenza finanzjarja lill-Ukrajna li tkun disponibbli għas-snin mill-2023 sal-2027 u tiġi awtorizzata f’konformità mal-Artikolu 220(1) tar-Regolament Finanzjarju, l-ammont meħtieġ għandu jiġi mobilizzat lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP.”;
(2)Fl-Artikolu 9, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:
“2. Ir-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza ma għandhiex taqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 1 739 miljun (fi prezzijiet tal-2018). Kwalunkwe porzjon tal-ammont annwali mhux użat fis-sena n jista' jintuża sas-sena n+1. Il-parti tal-ammont annwali li tirriżulta mis-sena preċedenti għandha tintuża l-ewwel. Kwalunkwe parti mill-ammont annwali mis-sena n li ma tintużax fis-sena n+1 għandha tiskadi.”;
(3)Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:
“Artikolu 10 a
Strument EURI
1.L-istrument EURI jista’ jintuża biex jiffinanzja l-kostijiet addizzjonali meta, f’sena partikolari, il-kostijiet tal-imgħax u tal-pagamenti ta’ kupuni dovuti fir-rigward tal-fondi mislufa fuq is-swieq kapitali f’konformità mal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 jaqbżu l-ammonti li ġejjin (fi prezzijiet tal-2018):
–2024 – EUR 1 840 miljun,
–2025 – EUR 2 332 miljun,
–2026 – EUR 3 196 miljun,
–2027 – EUR 4 168 miljun,
2.L-Istrument ta’ Flessibbiltà jista’ jiġi mobilizzat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-qafas tal-proċedura baġitarja stabbilita fl-Artikolu 314 TFUE.”;
Artikolu 10b
Riżerva għall-Ukrajna
1.Ir-riżerva għall-Ukrajna tista’ tiġi mmobilizzata għall-iskop uniku ta’ finanzjament tan-nefqa skont [ir-Regolament dwar il-Faċilità għall-Ukrajna] u għandu jkollha l-għan li tipprovdi mill-inqas EUR 2 500 miljun fi prezzijiet attwali bħala ammont indikattiv annwali.
2.Ir-riżerva għall-Ukrajna ma għandhiex taqbeż l-ammont ta’ EUR 50 000 miljun fi prezzijiet attwali għall-perjodu mill-2024 sal-2027. L-ammont annwali mobilizzat taħt ir-Riżerva għall-Ukrajna f’sena partikolari ma għandux jaqbeż l-EUR 16 700 miljun fi prezzijiet attwali.
3.Ir-Riżerva għall-Ukrajna tista’ tiġi mobilizzata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-qafas tal-proċedura baġitarja prevista fl-Artikolu 314 TFUE.”;
(4)Fl-Artikolu 12, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:
“1. L-Istrument ta' Flessibbiltà jista' jintuża għall-finanzjament, għal sena finanzjarja partikolari, ta' nefqa speċifika mhux prevista f'approprjazzjonijiet ta' impenn u approprjazzjonijiet ta' pagament li jikkorrispondu magħhom li ma jistgħux jiġu ffinanzjati fil-limiti massimi disponibbli ta' intestatura waħda oħra jew aktar. Il-limitu massimu għall-ammont annwali disponibbli għall-Istrument ta' Flessibbiltà għandu jkun ta' EUR 1 562-il miljun (fi prezzijiet tal-2018).”;
(5)L-Anness I huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 20.6.2023
COM(2023) 337 final
ANNESS
tal-
Proposta għal Regolament tal-Kunsill
li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas
finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027
ANNESS
“ANNESS I
QAFAS FINANZJARJU PLURIENNALI (EU-27)
(f’miljuni ta’ EUR - prezzijiet tal-2018) |
||||||||
APPROPRJAZZJONIJIET TA’ IMPENN |
2021 |
2022 |
2023 |
2024 |
2025 |
2026 |
2027 |
Total
|
1. Suq Uniku, Innovazzjoni u Diġitali |
19 712 |
20 211 |
19 678 |
19 955 |
19 280 |
19 394 |
19 206 |
137 436 |
2. Koeżjoni, Reżiljenza u Valuri |
5 996 |
62 642 |
63 525 |
65 079 |
65 286 |
56 787 |
58 809 |
378 124 |
2a. Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali |
1 666 |
56 673 |
57 005 |
57 436 |
57 874 |
48 414 |
49 066 |
328 134 |
2b. Reżiljenza u Valuri |
4 330 |
5 969 |
6 520 |
7 643 |
7 412 |
8 373 |
9 743 |
49 990 |
3. Riżorsi naturali u Ambjent |
53 562 |
52 626 |
51 893 |
52 123 |
51 195 |
49 999 |
49 207 |
360 605 |
Li minnhom: Nefqa relatata mas-suq u pagamenti diretti |
38 040 |
37 544 |
36 857 |
36 054 |
35 401 |
34 729 |
34 015 |
252 640 |
4. Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Fruntieri |
1 687 |
3 104 |
3 454 |
3 569 |
4 084 |
4 146 |
4 701 |
24 745 |
5. Sigurtà u Difiża |
1 598 |
1 750 |
1 762 |
2 112 |
2 279 |
2 398 |
2 576 |
14 475 |
6. Il-Viċinat u d-Dinja |
15 309 |
15 522 |
14 789 |
16 387 |
15 609 |
14 833 |
15 026 |
107 475 |
7. Amministrazzjoni pubblika Ewropea |
10 021 |
10 215 |
10 342 |
10 586 |
10 887 |
11 229 |
11 443 |
74 723 |
Li minnhom: Nefqa amministrattiva tal-istituzzjonijiet |
7 742 |
7 878 |
7 945 |
8 107 |
8 310 |
8 541 |
8 660 |
57 183 |
TOTAL TAL-APPROPRJAZZJONIJIET TA’ IMPENN |
107 885 |
166 070 |
165 443 |
169 811 |
168 620 |
158 786 |
160 968 |
1 097 583 |
TOTAL TAL-APPROPRJAZZJONIET TA’ PAGAMENT |
154 065 |
153 850 |
152 682 |
151 436 |
151 175 |
158 900 |
153 947 |
1 076 055” |