EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023PC0327

Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehim mal-Istati Uniti tal-Amerika dwar it-tisħiħ tal-ktajjen tal-provvista internazzjonali ta’ minerali kritiċi

COM/2023/327 final

Brussell, 14.6.2023

COM(2023) 327 final

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehim mal-Istati Uniti tal-Amerika dwar it-tisħiħ tal-ktajjen tal-provvista internazzjonali ta’ minerali kritiċi


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAR-RAKKOMANDAZZJONI

1.1.Raġunijiet u objettivi tar-rakkomandazzjoni

Fis-16 ta’ Awwissu 2022, l-Istati Uniti tal-Amerika (“l-Istati Uniti”) ippromulgaw l-Att dwar it-Tnaqqis tal-Inflazzjoni (“Inflation Reduction Act - IRA”) 1 , li jemenda t-Taqsima 30D tal-Kodiċi tal-Introjtu Intern tal-Istati Uniti (il-“Kreditu għal Vetturi Nodfa”). Dan sar sussidju għax-xiri ta’ vetturi li jaħdmu bil-batteriji jew biċ-ċelloli tal-fjuwil li jikkwalifikaw fil-forma ta’ kreditu tat-taxxa li jiswa sa USD 7,500 għal kull vettura.

Biex tikkwalifika għall-ammont massimu tas-sussidju, vettura trid, fost l-oħrajn, tkun mgħammra b’batterija li jkollha sehem minimu ta’ kontenut minerali kritiku ta’ 40 % (50 % mill-2024, 60 % mill-2025, 70 % mill-2026, 80 % mill-2027) li jkun:

(1)estratt u pproċessat fl-Istati Uniti jew f’pajjiż li miegħu l-Istati Uniti għandhom fis-seħħ ftehim ta’ kummerċ ħieles; jew

(2)riċiklat fl-Amerika ta’ Fuq.

Għalhekk, il-Kreditu għal Vetturi Nodfa qed jeskludi dejjem aktar il-minerali kritiċi li joriġinaw mill-UE u l-materjali pproċessati għall-batteriji awtomotivi mill-ktajjen tal-provvista tal-Istati Uniti. Dan huwa f’kuntrast mal-importazzjonijiet ta’ minerali kritiċi u materjali pproċessati minn sħab fil-ftehim ta’ kummerċ ħieles tal-Istati Uniti bħaċ-Ċilì u l-Korea, jew il-Ġappun li magħhom l-Istati Uniti kkonkludew ftehim dwar il-minerali kritiċi fit-28 ta’ Marzu 2023. Dan għandu effett negattiv fuq il-possibbiltajiet ta’ esportazzjoni tal-UE lejn l-Istati Uniti.

Fl-10 ta’ Marzu 2023, il-President von der Leyen u l-President Biden għalhekk ħarġu dikjarazzjoni konġunta li tindika l-intenzjoni tagħhom li jibdew negozjati dwar Ftehim immirat dwar il-Minerali Kritiċi bejn l-UE u l-Istati Uniti (is-“CMA - Critical Minerals Agreement”) 2 biex jiġi żgurat li l-minerali estratti jew ipproċessati fl-UE jkunu jistgħu jintużaw f’vetturi eliġibbli għall-Kreditu għall-Vetturi Nodfa. L-Istati Uniti għamluha ċara li l-konklużjoni ta’ CMA hija meħtieġa biex l-UE tingħata status ekwivalenti għal dak tas-sħab ta’ ftehim ta’ kummerċ ħieles mal-Istati Uniti għall-fini tal-Kreditu għal Vetturi Nodfa.

Fl-2022, l-UE esportat EUR 8,3 biljun ta’ minerali kritiċi rilevanti lejn l-Istati Uniti, li jirrappreżentaw 16,3 % tal-esportazzjonijiet totali tal-UE ta’ dawn il-komoditajiet.

Minbarra li jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet taħt l-IRA, l-UE u l-Istati Uniti, billi jikkonkludu CMA, jieħdu wkoll pass ġdid biex japprofondixxu r-relazzjoni ekonomika usa’ tagħhom u jgħinu fil-bini ta’ ktajjen tal-provvista internazzjonali sostenibbli u reżiljenti f’setturi kruċjali fit-tranżizzjonijiet u s-sigurtà lejn teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti rispettivi, inklużi fl-ajruspazju u d-difiża.

L-Istati Uniti bagħtu proposta ta’ CMA lill-Kummissjoni Ewropea (il-“Kummissjoni”) fl-10 ta’ Marzu. Il-Kummissjoni bagħtet din il-proposta lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (il-“Kunsill”) u lill-Parlament Ewropew fl-21 ta’ Marzu 2023.

1.2.Konsistenza ma’ dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

In-negozjar u l-konklużjoni ta’ CMA huma konsistenti mal-politika kummerċjali ġenerali tal-UE peress li jgħinu biex jiżdiedu l-kummerċ u l-investiment bejn l-UE u l-Istati Uniti u jnaqqsu r-riskju ta’ tensjonijiet kummerċjali ġodda bejn l-UE u l-Istati Uniti. Dan l-objettiv doppju huwa kompletament konsistenti mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) li fih hemm minqux li l-UE għandha tinkoraġġixxi l-integrazzjoni tal-pajjiżi kollha fi ħdan l-ekonomija dinjija, inkluż permezz tal-abolizzjoni progressiva tar-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ internazzjonali 3 . Hija wkoll konformi man-natura tas-sħubija strateġika bejn l-UE u l-Istati Uniti kif affermata mill-ġdid fl-aħħar dikjarazzjoni tas-summit bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-15 ta’ Ġunju 2021 4 u l-aġenda ekonomika pożittiva tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija, kif espress fid-Dikjarazzjonijiet Konġunti tiegħu ta’ Ottubru 2021 5 , Mejju 2022 6 , Diċembru 2022 7 u Mejju 2023 8 .

1.3.Konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni

Ir-rakkomandazzjoni hija konsistenti ma’ politiki oħra tal-Unjoni.

Fl-Att dwar il-Materja Prima Kritika propost tagħha tas-16 ta’ Marzu 2023 9 , il-Kummissjoni tistabbilixxi l-għan li ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha ma’ pajjiżi terzi billi tistimula investimenti sostenibbli fi ktajjen tal-valur tal-materja prima kritika u komponenti oħra aktar ’l isfel fil-katina tal-valur u tibdel l-opportunitajiet ekonomiċi f’realtajiet ta’ benefiċċju reċiproku. Il-ħolqien ta’ sħubijiet strateġiċi fil-ktajjen tal-valur tal-materja prima, bħal permezz tas-CMA, huwa għodda importanti biex tissaħħaħ tali kooperazzjoni.

Din ir-rakkomandazzjoni hija konsistenti mal-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti 10 , li għandu l-għan li jżid il-manifattura fl-UE ta’ teknoloġiji ewlenin newtrali fejn jidħlu emissjonijiet tal-karbonju, biex jiġu żgurati ktajjen tal-provvista siguri, sostenibbli u kompetittivi għal enerġija nadifa bil-ħsieb li jintlaħqu l-ambizzjonijiet tal-UE dwar il-klima u l-enerġija.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

2.1.Bażi ġuridika

L-Artikoli 218(3) u (4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

2.2.Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Skont l-Artikolu 5(3) tat-TUE, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax f’oqsma ta’ kompetenza esklużiva tal-UE. Il-bażi ġuridika sostantiva probabbli tal-ftehim li ser tkun ir-riżultat ta’ dawn in-negozjati hija l-politika kummerċjali komuni, li hija elenkata fost l-oqsma ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni fl-Artikolu 3 TFUE. Din il-politika tinkludi n-negozjar ta' ftehimiet kummerċjali skont l-Artikolu 207 TFUE.

2.3.Proporzjonalità

Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità, u meħtieġa fid-dawl tal-objettiv tagħna li niżguraw li l-minerali kritiċi li joriġinaw mill-UE u l-materjali pproċessati għall-batteriji tal-vetturi elettriċi ma jiġux diskriminati billi jitqiesu li joriġinaw minn “pajjiż li miegħu l-Istati Uniti għandhom fis-seħħ ftehim ta’ kummerċ ħieles” fl-applikazzjoni tal-Kreditu għall-Vetturi Nodfa.

2.4.Għażla tal-istrument

Deċiżjoni tal-Kunsill

3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

3.1.Evalwazzjonijiet ex post / kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

3.2.Evalwazzjonijiet ex post / kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

3.3.Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Saru konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati relevanti dwar il-gwadanji possibbli mill-iżgurar li l-minerali kritiċi u l-materjali pproċessati li joriġinaw mill-UE jitqiesu li joriġinaw minn “pajjiż li miegħu l-Istati Uniti għandha fis-seħħ ftehim ta’ kummerċ ħieles” fl-applikazzjoni tal-Kreditu għall-Vetturi Nodfa. Ġew organizzati diversi seduti u laqgħat ta’ Djalogu tas-Soċjetà Ċivili. Dan minbarra d-dibattiti pubbliċi fil-Parlament Ewropew u fl-Istati Membri tal-UE jew organizzati minnhom.

3.4.Valutazzjoni tal-impatt

Minħabba l-imperattiv politiku li nimxu ’l quddiem malajr sabiex jitnaqqsu jew jiġu evitati t-tensjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti minħabba l-IRA, u sabiex jiġi żgurat li l-minerali estratti jew ipproċessati fl-UE jgħoddu għal krediti ta’ taxxa fuq vetturi nodfa skont l-IRA u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tagħha, il-proċess formali ta’ valutazzjoni tal-impatt ġie rrinunzjat.

3.5.Drittijiet fundamentali

Ir-rakkomandazzjoni hija konsistenti mat-Trattati tal-UE u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Is-CMA mhux se jkollha implikazzjonijiet baġitarji għall-Unjoni.

5.ELEMENTI OĦRA

5.1.L-aspetti proċedurali

Il-Kummissjoni se tinnegozja f’isem l-UE ftehim li għandu jiġi konkluż bejn l-UE u l-Istati Uniti. Skont l-Artikolu 218(4) tat-TFUE, huwa ssuġġerit li l-Kunsill jaħtar il-Kumitat tal-Politika Kummerċjali bħala l-kumitat li f’konsultazzjoni miegħu jridu jsiru n-negozjati.

Il-Parlament Ewropew se jinżamm infurmat fl-istadji kollha tal-proċedura, konformi mal-Artikolu 218(10) tat-TFUE.

Il-Kummissjoni se tagħmel din ir-Rakkomandazzjoni u l-Anness tagħha pubbliċi immedjatament wara l-adozzjoni tiegħu.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li d-direttivi tan-negozjati jkunu ppubblikati immedjatament wara li jiġu adottati mill-Kunsill.

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehim mal-Istati Uniti tal-Amerika dwar it-tisħiħ tal-ktajjen tal-provvista internazzjonali ta’ minerali kritiċi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tiftaħ negozjati, f’isem l-Unjoni Ewropea, mal-Istati Uniti tal-Amerika għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar it-tisħiħ tal-ktajjen tal-provvista internazzjonali ta’ minerali kritiċi.

Artikolu 2

In-negozjati għandhom jitmexxew abbażi tad-direttivi ta’ negozjar tal-Kunsill stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 3

Il-Kummissjoni għandha twettaq in-negozjati b’konsultazzjoni ma’ [l-isem tal-kumitat speċjali, li jrid jiddaħħal mill-Kunsill].

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni u l-Anness tagħha se jiġu ppubblikati immedjatament wara l-adozzjoni tagħhom.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    PL 117-169, H.R.5376 - Inflation Reduction Act of 2022.
(2)     https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/en/statement_23_1613  
(3)    L-Artikolu 21, il-paragrafu 2 (e) TUE.
(4)     https://www.consilium.europa.eu/media/50758/eu-us-summit-joint-statement-15-june-final-final.pdf
(5)     https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/en/STATEMENT_21_4951
(6)     https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/en/statement_22_7516
(7)     https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/en/statement_22_7516
(8)     https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/en/statement_23_2992
(9)    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas għall-iżgurar ta’ provvista sigura u sostenibbli ta’ materja prima kritika (“l-Att dwar il-Materja Prima Kritika”)– ara https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/IP_23_1661
(10)    Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema tal-manifattura ta’ prodotti b’teknoloġija żero netti tal-Ewropa (“Att dwar l-Industrija Żero Nett”) – ara https://single-market-economy.ec.europa.eu/publications/net-zero-industry-act_en
Top

Brussell, 14.6.2023

COM(2023) 327 final

ANNESS

tar-

Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill

li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal ftehim mal-Istati Uniti tal-Amerika dwar it-tisħiħ tal-ktajjen tal-provvista internazzjonali ta' minerali kritiċi


ANNESS

DIRETTIVI GĦAN-NEGOZJAR TA’ FTEHIM MAL-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA DWAR IT-TISĦIĦ TAL-KTAJJEN TAL-PROVVISTA INTERNAZZJONALI TA’ MINERALI KRITIĊI

Natura u Ambitu tal-Ftehim

1.Jenħtieġ li l-ftehim ikun fih dispożizzjonijiet dwar it-tisħiħ tal-ktajjen tal-provvista internazzjonali ta’ minerali kritiċi u setturi relatati.    

2.Il-Ftehim għandu jkun konsistenti bis-sħiħ mal-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“WTO”) u ma’ ftehimiet internazzjonali oħra konklużi mill-Unjoni Ewropea jew mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Membri tagħha.

Għanijiet

3.Jenħtieġ li l-Ftehim isaħħaħ il-kummerċ u d-diversifikazzjoni tal-ktajjen tal-provvista internazzjonali ta’ minerali kritiċi u jippromwovi l-adozzjoni ta’ teknoloġiji tal-batteriji tal-vetturi elettriċi billi jifformalizza l-impenn kondiviż tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Uniti tal-Amerka biex jiffaċilitaw il-kummerċ, jippromwovu kompetizzjoni ġusta u kundizzjonijiet orjentati lejn is-suq għall-kummerċ f’minerali kritiċi, jiżguraw standards tax-xogħol u ambjentali robusti relatati mal-kummerċ fil-ktajjen tal-provvista ta’ minerali kritiċi, u jikkooperaw fl-isforzi biex jiġu żgurati ktajjen tal-provvista tal-minerali kritiċi siguri, sostenibbli u ekwi.

Kontenut tal-Ftehim

4.Jenħtieġ li l-Ftehim ikun fih dispożizzjonijiet dwar it-tisħiħ tal-ktajjen tal-provvista internazzjonali ta’ minerali kritiċi, b’hekk ikun jipprevedi għal impenji reċiproki fejn jidħol kummerċ, xogħol u ambjent.    

Aspetti ta’ faċilitazzjoni tal-kummerċ

5.Jenħtieġ li l-Ftehim jiffaċilita l-kummerċ, jespandi l-aċċess għal sorsi ta’ minerali kritiċi li huma sostenibbli, fdati u ħielsa minn abbużi mill-ħaddiema, u jippromwovi kompetizzjoni ġusta u kundizzjonijiet orjentati lejn is-suq għall-kummerċ f’minerali kritiċi. 

6.Jenħtieġ li l-Ftehim ikollu l-għan li jibni fehim kondiviż ta’ politiki u prattiki distorsivi mhux tas-suq f’minerali kritiċi, kif ukoll f’setturi relatati oħra u jiżviluppa azzjoni koordinata biex titrawwem id-diversifikazzjoni tal-katina tal-provvista, jitnaqqsu l-vulnerabbiltajiet, u jitneħħew ir-riskji tad-dipendenzi strateġiċi.

Kunsiderazzjonijiet dwar is-sostenibbiltà

7.Jeħtieġ li l-Ftehim jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni fil-ħidma li għaddejja inkluż dwar standards internazzjonali għall-valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja, l-estrazzjoni, it-tikkettar u r-riċiklaġġ tal-minerali kritiċi bil-ħsieb li jiġu appoġġati ktajjen ta’ provvista sostenibbli.

8.Jenħtieġ li l-Ftehim jippromwovi livelli għoljin ta’ protezzjoni ambjentali fir-rigward ta’ minerali kritiċi u jrawwem it-titjib tal-livelli ta’ protezzjoni ambjentali fir-rigward taċ-ċiklu tal-ħajja tal-minerali kritiċi u l-kummerċ f’minerali kritiċi.

9.Jenħtieġ li l-Ftehim jenfasizza r-rwol importanti li l-ftehimiet ambjentali multilaterali għandhom fil-protezzjoni tal-ambjent, inkluż dawk relatati mal-impatti ambjentali miċ-ċiklu tal-ħajja ta’ minerali kritiċi, u l-importanza tal-implimentazzjoni ta’ ftehimiet ambjentali multilaterali rilevanti.

10.Jenħtieġ li l-Ftehim jinkoraġġixxi miżuri li jippromwovu approċċi aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u tal-ekonomija ċirkolari biex titnaqqas id-domanda għall-estrazzjoni ta’ minerali kritiċi u għall-proċessi relatati, u l-impatt ambjentali tagħhom.

Aspetti fejn jidħlu ħaddiema

11.Jenħtieġ li l-Ftehim jikkonferma l-intenzjoni taż-żewġ naħat li jadottaw u jżommu d-drittijiet tal-ħaddiema fil-liġijiet u l-prattiki tagħhom u li jżommu politiki li huma meqjusa xierqa biex jipproteġu lill-ħaddiema fis-settur tal-minerali kritiċi kontra kwalunkwe diskriminazzjoni fl-impjieg f’konformità mal-prinċipji u d-drittijiet fundamentali fuq il-post tax-xogħol tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol.

12.Jenħtieġ li l-Ftehim jirrikonoxxi l-importanza tal-kooperazzjoni bħala mekkaniżmu biex jitmexxew ’il quddiem għanijiet komuni rigward id-drittijiet tax-xogħol fl-estrazzjoni u l-ipproċessar tal-minerali kritiċi. 

13.Jenħtieġ li l-Ftehim jirrikonoxxi l-importanza li ssir konsultazzjoni ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati dwar il-politika kummerċjali relatata mal-ktajjen tal-provvista tal-minerali kritiċi, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema, ambjentali u tan-negozju, ir-rappreżentanti tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Aspetti internazzjonali

14.Jenħtieġ li l-Ftehim jirrikonoxxi l-importanza ta’ sforzi bilaterali u plurilaterali kontinwi biex jissaħħu ktajjen tal-provvista sostenibbli u ekwi permezz ta’ standards komuni fost l-alleati u s-sħab. Għaldaqstant, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka ser jikkooperaw bilateralment u f’fora plurilaterali, kif xieraq, fir-rigward tal-isforzi biex jiġu żgurati ktajjen tal-provvista ta’ minerali kritiċi siguri, sostenibbli u ekwi.

Top