IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 20.4.2023
COM(2023) 202 final
2023/0106(BUD)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (EGF/2023/000 TA 2023 – Assistenza teknika fuq inizjattiva tal-Kummissjoni)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) huma stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (minn issa ’l quddiem imsejjaħ ir-Regolament dwar il-FEG).
SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI
Data ewlenija:
Nru ta’ Referenza tal-FEG
FEG/2023/000
Il-Kummissjoni Ewropea
Assistenza teknika
Nefqa amministrattiva: baġit bl-EUR
190 000
% tan-nefqa amministrattiva (limitu massimu: 0,5 %)
0,09 %
F’konformità mal-Artikolu 11(1) tar-Regolament dwar il-FEG, massimu ta’ 0,5 % tal-ammont massimu annwali tal-FEG jista’ jsir disponibbli kull sena għall-assistenza teknika fuq inizjattiva tal-Kummissjoni.
Assistenza teknika li għandha tiġi ffinanzjata u diżaggregazzjoni tal-kostijiet stmati tagħha
1.Il-kontribuzzjoni se tintuża għan-nefqa msemmija fl-Artikolu 11(1) u (4) kif ukoll fl-Artikolu 12(2), (3) u (4) tar-Regolament dwar il-FEG, kif spjegat hawn taħt. Se tkun ġestita mill-Kummissjoni Ewropea b’ġestjoni diretta.
Deskrizzjoni
|
Nefqa totali
(bl-EUR)
|
Nefqa amministrattiva
|
90 000
|
Nefqa teknika
|
100 000
|
Nefqa totali stmata
|
190 000
|
2.Nefqa amministrattiva:
·Il-Grupp ta’ Esperti tal-Persuni ta’ Kuntatt tal-FEG, b’żewġ membri minn kull Stat Membru, se jkun qed jorganizza l-laqgħat regolari tiegħu. Abbażi tal-esperjenzi permezz tal-laqgħat virtwali, u f’konformità mal-ambizzjonijiet tal-Kummissjoni li tnaqqas l-impronta ambjentali tal-attivitajiet tagħha, se jibqa’ jkollna laqgħa virtwali waħda u laqgħa waħda wiċċ imb wiċċ fl-2023.
·Sabiex tippromwovi n-networking fost l-Istati Membri, il-Kummissjoni se torganizza seminar bil-parteċipazzjoni tal-korpi ta’ implimentazzjoni u s-sħab soċjali tal-FEG. Fl-2023, is-seminar se jiġi skedat għall-jum ta’ qabel laqgħa tal-Grupp ta’ Esperti u x’aktarx se jsir bħala laqgħa wiċċ imb wiċċ.
·Attivitajiet ta’ informazzjoni: il-preżenza online tal-FEG, li l-Kummissjoni stabbiliet fil-qasam tagħha tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, u li qed iżżommha kif meħtieġ skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament dwar il-FEG, se tiġi regolarment aġġornata u estiża, u kull element ġdid se jiġi tradott bil-lingwi kollha tal-UE. Is-sensibilizzazzjoni ġenerali dwar il-FEG se tiżdied u l-viżibilità tiegħu se tiġi promossa. Il-FEG se jiġi kopert f’diversi pubblikazzjonijiet u attivitajiet awdjoviżivi tal-Kummissjoni kif previst fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament dwar il-FEG.
3.Nefqa teknika:
·Żamma u aġġornament ta’ sistema ta’ skambju elettroniku tad-data: Il-Kummissjoni qed tkompli ħidmitha dwar il-proċeduri standardizzati għall-applikazzjonijiet u għall-ġestjoni tal-FEG, billi tuża l-funzjonalitajiet tas-Sistema Komuni għall-Ġestjoni Kondiviża tal-Fondi (SFC). B’hekk l-applikazzjonijiet fil-qafas tar-Regolament dwar il-FEG jistgħu jiġu ssimplifikati, l-ipproċessar tagħhom jista’ jitħaffef u diversi rapporti jistgħu jiġu estratti iktar faċilment. L-interfaċċa tal-SFC qed tiffaċilita wkoll l-operazzjonijiet finanzjarji tal-FEG. B’mod partikolari dan jinkludi:
–Iż-żamma tal-applikazzjoni tal-SFC 2014 u tal-moduli tar-rapport finali għall-għeluq tal-każijiet għall-FEG 2014-2020.
–L-iżvilupp u ż-żamma tal-interfaċċa tal-FEG 2021-2027 fl-applikazzjoni tal-SFC2021, b’mod partikolari funzjonalitajiet ġodda, bħall-modulu tar-rapport finali, u aġġustamenti biex l-SFC2021 tiġi allinjata mar-rekwiżiti tar-Regolament dwar il-FEG 2021-2027.
·Monitoraġġ u ġbir tad-data: il-Kummissjoni se tiġbor id-data dwar l-applikazzjonijiet li tirċievi, li tħallas u li tiffinalizza, u l-miżuri proposti u implimentati. Din id-data se tkun disponibbli fuq is-sit web u se tiġi kkompilata f’format xieraq għar-rapporti biennali futuri.
Finanzjament
4.Il-baġit annwali massimu disponibbli għall-FEG fl-2023 huwa EUR 186 miljun fil-prezzijiet tal-2018 (EUR 205 359 029 fil-prezzijiet tal-2023), kif stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għall-2021 sal-2027.
5.L-Artikolu 11(1) tar-Regolament dwar il-FEG jiddikjara li 0,5 % ta’ dan l-ammont jista’ jsir disponibbli għall-assistenza teknika fuq inizjattiva tal-Kummissjoni. Attwalment, għadu disponibbli l-ammont kollu tal-2023; għadu ma ġie allokat xejn għall-assistenza teknika. L-ammont propost jikkorrispondi għal 0,09 % tal-baġit annwali massimu disponibbli għall-FEG fl-2023.
6.Id-deċiżjoni proposta għall-mobilizzazzjoni tal-FEG se tittieħed b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, kif stabbilit fl-Artikolu 15(1), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament dwar il-FEG u fil-punt 9 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda.
Atti relatati
7.Fl-istess waqt li tippreżenta din il-proposta għal deċiżjoni biex jiġi mmobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal trasferiment għal-linja baġitarja rilevanti tal-ammont ta’ EUR 190 000.
Sors tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament
8.L-approprjazzjonijiet mil-linja baġitarja tal-FEG se jintużaw biex ikopru l-ammont ta’ EUR 190 000 meħtieġ għall-assistenza teknika.
2023/0106 (BUD)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (EGF/2023/000 TA 2023 – Assistenza teknika fuq inizjattiva tal-Kummissjoni)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013, u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1), l-ewwel subparagrafu, tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda, u b’mod partikolari il-punt 9 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) għandu l-għan li juri solidarjetà u jippromwovi impjiegi diċenti u sostenibbli fl-Unjoni billi jipprovdi appoġġ lill-ħaddiema ssensjati u lill-persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom titwaqqaf fil-każ ta’ avvenimenti ta’ ristrutturar maġġuri, u jassistihom biex jerġgħu lura għal impjieg diċenti u sostenibbli malajr kemm jista’ jkun.
(2)Il-FEG ma jistax jaqbeż l-ammont annwali massimu ta’ EUR 186 miljun (fi prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093.
(3)Ir-Regolament (UE) 2021/691 jipprevedi li massimu ta’ 0,5 % tal-ammont massimu annwali tal-FEG jista’ jintuża kull sena għall-assistenza teknika fuq inizjattiva tal-Kummissjoni.
(4)Din l-assistenza hija meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-obbligi fl-implimentazzjoni tal-FEG kif imposti mill-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2021/691, b’mod partikolari fir-rigward tal-monitoraġġ u l-ġbir tad-data kif ukoll l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni u dawk li jtejbu l-viżibbiltà tal-FEG.
(5)Għalhekk, il-FEG jenħtieġ li jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi s-somma ta’ EUR 190 000 għall-assistenza teknika fuq inizjattiva tal-Kummissjoni.
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2023, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi l-ammont ta’ EUR 190 000 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President