IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 23.2.2023
COM(2023) 94 final
2023/0046(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar miżuri biex jonqos il-kost tal-introduzzjoni tan-networks tal-komunikazzjoni elettronika tal-gigabits u li jħassar id-Direttiva 2014/61/UE (l-Att dwar l-Infrastruttura tal-Gigabits)
{SEC(2023) 96 final} - {SWD(2023) 46 final} - {SWD(2023) 47 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Infrastruttura diġitali ta’ kwalità għolja hi pedament dejjem aktar sinifikanti tal-ekonomija kollha, bħalma huma n-networks tal-elettriku, tal-gass, tal-ilma u tat-trasport. Biex jinkisbu benefiċċji ekonomiċi u soċjali sostenibbli, ibbażati fuq servizzi online moderni u konnessjonijiet veloċi tal-internet, qabelxejn neħtieġu konnettività eċċellenti u sigura għal kulħadd u kullimkien fl-UE.
Minħabba l-avvanzi mgħaġġla fit-teknoloġiji diġitali, neħtieġu investiment sinifikanti fin-networks biex ikunu jlaħħqu mad-domandi dejjem aktar tal-wisa’ tal-banda. Il-Komunikazzjoni tal-2020 “Insawru l-Futur Diġitali tal-Ewropa” stmat li għall-infrastruttura u n-networks diġitali weħidhom, l-UE għandha nuqqas ta’ investiment ta’ EUR 65 biljun kull sena. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni ħabbret reviżjoni tad-Direttiva tal-2014 dwar it-Tnaqqis fl-Ispiża tal-Broadband (BCRD).
Ħafna mill-kostijiet għall-introduzzjoni tan-networks tista’ tkun attribwita għal: (i) l-ineffiċjenzi fil-proċess tal-introduzzjoni b’rabta mal-użu tal-infrastruttura passiva eżistenti (bħall-pajpijiet, il-kaxxetti, u l-installazzjonijiet tal-antenni); (ii) diffikultajiet fil-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili; (iii) proċeduri amministrattivi peżanti għall-għoti tal-permessi; u (iv) konġestjonijiet fl-introduzzjoni tal-infrastruttura fiżika ġol-bini. Biex tiffaċilita u tinċentiva l-introduzzjoni tan-networks, fl-2013 il-Kummissjoni pproponiet id-Direttiva dwar it-Tnaqqis fl-Ispiża tal-Broadband b’miżuri armonizzati biex titnaqqas il-kost għall-introduzzjoni tan-networks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja.
Fil-frattemp, ħafna mill-miri tal-aġenda diġitali li fuqhom kienet ibbażata l-BCRD intlaħqu, iżda issa saru obsoliti. Is-sehem tal-unitajiet domestiċi li għandhom aċċess għal veloċitajiet tal-internet ta’ 30 Mbps żdied minn 58,1% fl-2013 għal 90,1% fl-2021. Iżda billi żdiedet il-ħtieġa tal-familji u n-negozji għal konnettività fissa u mobbli b’kapaċità għolja ħafna, id-disponibbiltà ta’ 30 Mbps biss ma għadhiex biżżejjed għall-futur. Lanqas mhi allinjata mal-objettivi l-ġodda stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/1972 (il-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi – “il-Kodiċi”) li jkunu żgurati konnettività u disponibbiltà mifruxa tan-networks b’kapaċità għolja ħafna (VHCN). Barra minn hekk, fil-Konklużjonijiet tiegħu ta’ “Insawru l-Futur Diġitali tal-Ewropa” tad-9 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill enfasizza li l-pandemija tal-COVID-19 ħarġet fid-dieher li hemm bżonn konnettività aktar veloċi u mifruxa. Appella għal ġabra ta’ miżuri addizzjonali biex jiġu appoġġati l-ħtiġijiet attwali u emerġenti tal-introduzzjoni tan-networks, inkluż li jissaħħu l-miżuri previsti fil-BCRD. Għalhekk, fil-Komunikazzjoni tagħha “Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali”, il-Kummissjoni stabbiliet miri aġġornati għall-2030 li jikkorrespondu aħjar għall-ħtiġijiet tal-konnettività mistennija fil-futur. Dawk il-miri mbagħad ġew riflessi u rfinuti fil-Programm ta’ Politika dwar id-Deċennju Diġitali. Il-programm jistabbilixxi struttura ta’ governanza, inkluż il-monitoraġġ, u mekkaniżmu għal kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri biex ikun żgurat li l-UE tilħaq l-objettivi u l-miri diġitali tagħha sal-2030.
Din il-proposta għal Att dwar l-Infrastruttura tal-Gigabits, bħala inizjattiva tal-programm dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (REFIT) tal-Kummissjoni, għandha l-għan li tindirizza n-nuqqasijiet tal-BCRD u tikkontribwixxi għal introduzzjoni kosteffiċjenti u fil-ħin tan-networks VHCN meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet akbar tal-konnettività tal-UE.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-proposta hi parti mill-qafas regolatorju tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u hi konsistenti mal-istrumenti leġiżlattivi u nonleġiżlattivi l-oħra, li huma wkoll parti minn dak il-qafas. B’mod partikolari, il-proposta hi konsistenti ma’ strumenti oħra li jappoġġaw il-kisba tal-miri tal-konnettività fissa u mobbli fl-UE (jiġifieri l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi). Filwaqt li l-Kodiċi jipprevedi l-aktar, għajr f’każijiet speċifiċi, il-possibbiltà li jiġu imposti obbligi fuq l-operaturi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi b’pożizzjoni dominanti – saħħa sinifikanti fis-suq (SMP) – f’suq partikolari tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, il-proposta attwali tindirizza lill-impriżi li joperaw networks jew utilitajiet tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, irrispettivament minn jekk ikollhomx SMP.
Il-proposta hi konformi wkoll mar-Rakkomandazzjoni dwar Sett ta’ Għodod għall-Konnettività adottata f’Settembru 2020, li kellha l-għan li tnaqqas il-kost tal-introduzzjoni tan-networks VHCN u tiżgura aċċess fil-ħin għall-ispettru tar-radju 5G. Is-Sett ta’ Għodod għall-Konnettività sussegwenti maqbul mill-Istati Membri f’Marzu 2021 jinkludi 22 prattika tajba biex jgħinu fit-tnaqqis tal-kostijiet tan-networks, li ħafna minnhom tqiesu fil-miżuri proposti hawnhekk.
Barra minn hekk, il-proposta hi konsistenti mal-proposta riċenti tal-Kummissjoni għal Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura, maħsub biex jiffaċilita l-aċċess għall-broadband bis-satellita fiż-żoni li ma jintlaħqux minn xi infrastruttura oħra tan-networks fissi u mobbli tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.
Fl-aħħar nett, il-proposta hi konsistenti ma’ inizjattivi ta’ finanzjament maħsuba biex jappoġġaw l-introduzzjoni tan-networks tal-broadband fiż-żoni rurali, imbiegħda u oħrajn inqas moqdija, inkluż il-parti diġitali tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE u FNE Diġitali), il-fondi tal-irkupru ta’ wara l-COVID-19 u inizjattivi nazzjonali ta’ għajnuna mill-Istat. Anki l-Linji Gwida l-ġodda dwar l-għajnuna mill-Istat għan-networks tal-broadband adottati dan l-aħħar, jgħinu biex titħaffef u tinfirex l-introduzzjoni tal-broadband, għax jiċċaraw meta l-appoġġ pubbliku jkun konformi mar-regoli tal-kompetizzjoni.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-proposta hi konsistenti mal-miri klimatiċi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, stabbiliti fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima mill-Kunsill u mill-Parlament f’Ġunju 2021. L-infrastruttura tal-konnettività diġitali hi essenzjali biex titwettaq it-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, li tiġbor il-prijoritajiet ewlenin tal-Kummissjoni. L-infrastrutturi diġitali se jaqdu rwol kruċjali fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika għax huma abilitanti importanti tal-effiċjenza enerġetika f’setturi oħra. Barra minn hekk, il-mewġa kbira tar-rinnovazzjoni tal-bini sal-2030, xprunata mill-objettivi tal-Patt Ekoloġiku, tiftaħ opportunitajiet beraħ biex jinkisbu s-sinerġiji u tkun żgurata prestazzjoni għolja tal-infrastruttura ġol-bini, inkluż infrastruttura fiżika lesta għall-fibra u l-wajers tal-fibra. Din se tnaqqas l-inkonvenjenza għas-sidien u/jew l-inkwilini tal-bini u tiżgura użu aktar effiċjenti tal-fondi nazzjonali u tal-UE disponibbli għar-rinnovazzjoni kbira tal-istokk tal-bini.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika ta’ din il-proposta hi l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Din hi l-istess bażi ġuridika tad-Direttiva dwar it-Tnaqqis fl-Ispiża tal-Broadband, li din il-proposta tħassar. Hija ġġustifikata mill-għan tal-proposta attwali li tkompli tarmonizza s-swieq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi tal-UE u ttejjeb il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
L-esperjenza miksuba bl-implimentazzjoni tal-BCRD uriet li l-objettiv li l-UE tikseb kopertura sħiħa tal-broadband b’veloċità għolja ma setax jintlaħaq b’Direttiva, lanqas mill-Istati Membri weħidhom, fi żmien raġonevoli u bl-aktar użu effiċjenti tal-investiment privat u pubbliku. Barra minn hekk, xi dispożizzjonijiet tal-Kodiċi, jiġifieri l-Artikolu 44, parzjalment jikkoinċidu mal-BCRD, u hemm bżonn jiġu ssimplifikati r-regoli. Il-kisba ta’ kopertura tal-gigabits sal-2030 teħtieġ ukoll sforzi miftiehma mill-Istati Membri kollha. Il-miżuri li adottaw s’issa l-Istati Membri biex jinċentivaw l-introduzzjoni tan-networks u, b’mod partikolari, biex inaqqsu l-kost u l-perjodu taż-żmien tal-introduzzjoni huma differenti ħafna, xi drabi anki fi ħdan l-istess Stat Membru. Barra minn hekk, il-valur miżjud mistenni tal-UE tnaqqas ġmielu bl-ambitu konsiderevoli għall-esklużjonijiet jew l-eżenzjonijiet f’ħafna ċirkostanzi differenti u fi Stati Membri differenti, u bin-nuqqas ta’ linji gwida jew prinċipji komuni bil-quddiem dwar il-miżuri differenti stabbiliti fil-BCRD.
Il-frammentazzjoni attwali tar-regoli toħloq ostakli għall-investiment transfruntier. Tillimita l-libertà li jingħataw networks u servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Taffettwa wkoll il-funzjonament tas-suq intern, b’mod partikolari għall-applikazzjonijiet transfruntieri inerenti, bħas-sewqan konness u awtonomu, li jeħtieġu networks VHCN kullimkien. Is-sitwazzjoni attwali tagħmilha diffiċli ħafna wkoll għall-operaturi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u għal partijiet ikkonċernati oħra (il-manifatturi tat-tagħmir, il-kumpaniji tal-inġinerija ċivili, eċċ.) biex jiksbu ekonomiji ta’ skala. Il-problemi li kien hemm biex titħaffef l-introduzzjoni tal-broadband b’veloċità għolja jew l-introduzzjonijiet tan-networks VHCN futuri huma komuni għall-ħafna mill-Istati Membri, jekk mhux għal kollha. Anki t-tnaqqis tal-kostijiet u s-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi huma miżuri komuni, li tant huma essenzjali biex jiġu indirizzati dawn il-problemi. Din il-proposta ma taffettwax l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri li jallokaw il-kompetenzi internament.
•Proporzjonalità
Il-proposta timxi mal-prinċipju tal-proporzjonalità u hi azzjoni ta’ politika ffokata b’intensità proporzjonata mal-objettivi tagħha li tippromwovi networks VHCN f’konformità mal-Kodiċi, u li tilħaq il-mira tal-kopertura tad-Deċennju Diġitali għall-2030 b’networks bla fili ta’ veloċità għolja tal-ġenerazzjoni li jmiss bi prestazzjoni mill-inqas ekwivalenti għal dik tan-networks 5G u tal-gigabits. Il-benefiċċju ewlieni tal-proposta hu li se tipprevedi proċessi aktar effiċjenti tal-ppjanar u tal-implimentazzjoni tal-investiment (u b’hekk ekonomiji ta’ skala sostanzjali ħafna) għall-operaturi tan-networks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Barra minn hekk, l-ekonomiji ta’ skala u l-iffrankar assoċjat se jmorru lil hinn mis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u se jinfirxu għal industriji oħra (eż. il-manifatturi tat-tagħmir, il-kumpaniji tal-kostruzzjoni).
Dawn il-benefiċċji jistgħu jinkisbu b’piż amministrattiv minimu. L-obbligi huma limitati għal ċerti partijiet tal-infrastruttura tan-networks fejn jista’ jkun mistenni ffrankar sinifikanti fil-kostijiet (eż. il-kejbils huma esklużi mid-definizzjoni ta’ infrastruttura fiżika, u allura mill-obbligi tal-aċċess u t-trasparenza stabbiliti f’din il-proposta). Ir-regoli proposti jintroduċu wkoll aġġustamenti proporzjonati (eż. l-alternattiva li jiġu rifjutati t-talbiet għall-aċċess soġġetti għal kundizzjonijiet speċifiċi). Barra minn hekk, il-proposta tipprevedi eċċezzjonijiet biex f’ċerti ċirkostanzi meta ma jkunux japplikaw xi obbligi (eż. l-aċċess għal ċerti kategoriji ta’ binjiet li jkunu proprjetà ta’ korpi tas-settur pubbliku jew ikkontrollati minnhom minħabba raġunijiet ta’ valur arkitettoniku, storiku, reliġjuż jew naturali, jew l-għoti ta’ informazzjoni dwar dawk il-binjiet). Dawn l-eċċezzjonijiet jikkontribwixxu biex tkun żgurata l-proporzjonalità tal-proposta u jagħtu l-flessibbiltà xierqa meħtieġa biex jitqiesu ċ-ċirkostanzi nazzjonali. Barra minn hekk, bil-miżuri proposti għad-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri amministrattivi rilevanti, l-Istati Membri jkunu jistgħu jerġgħu jużaw u jwessgħu s-servizzi u l-pjattaformi diġitali eżistenti fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali li jaqdu l-istess skop u jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.
•Għażla tal-istrument
L-istrument propost hu regolament. Dan hu bbażat fuq l-esperjenza miksuba bit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-BCRD u l-limitazzjonijiet ipprovati tagħha biex jiġu indirizzati l-problemi persistenti identifikati li ħarġu mhux biss bit-tħaddim tal-approċċ tal-armonizzazzjoni minima tagħha, iżda anki bil-livell baxx ta’ armonizzazzjoni mħaddem (eż. ħafna dispożizzjonijiet baqgħu fakultattivi u oħrajn, bħal dawk dwar it-trasparenza, armonizzaw biss għadd minimu ta’ elementi), u bit-traspożizzjoni bil-mod u ineffettiva.
Regolament hu l-aħjar soluzzjoni biex titħaffef l-introduzzjoni tan-networks meħtieġa biex l-Ewropa tkun adattata għall-era diġitali. Dan iħalli l-akbar impatt fuq l-avvanz tal-introduzzjoni tan-networks tal-gigabits għax japplika direttament għall-Istati Membri kollha. Fl-ekonomija diġitali li qed tevolvi malajr, hu vitali li jiġu implimentati malajr miżuri li jnaqqsu l-piż fuq in-negozji u l-awtoritajiet pubbliċi. Min-naħa l-oħra, Direttiva tieħu ħafna żmien lill-Istati Membri biex jittrasponuha f’liġi nazzjonali, u b’hekk tiddewwem l-applikazzjoni tar-regoli proposti u jiġi pperikolat l-ilħuq tal-objettivi tal-2030. B’differenza minn Direttiva, Regolament għandu effett dirett, li hu importanti għar-regoli li jkunu japplikaw l-aktar fir-relazzjonijiet kummerċjali bejn il-fornituri tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-operaturi tan-networks.
Għalhekk, il-Kummissjoni qed tressaq proposta għal Regolament, l-Att dwar l-Infrastruttura tal-Gigabits, biex tevita li aktar diverġenzi jxekklu l-forniment tas-servizzi rilevanti fis-suq intern u biex tiżgura l-istess drittijiet u obbligi għan-negozji. Dan hu meħtieġ biex jinkisbu ċ-ċertezza legali u t-trasparenza għall-atturi ekonomiċi kollha involuti.
Il-proposta tħassar il-BCRD, li – minħabba n-nuqqasijiet imsemmija hawn fuq – wasslet għal implimentazzjoni frammentata ħafna u minima. Regolament, li jkopri l-oqsma kollha ta’ sustanza b’regoli aktar sempliċi u livell ogħla ta’ armonizzazzjoni b’mod ġenerali, għandu jegħleb dawk in-nuqqasijiet, filwaqt li jibqa’ proporzjonat u xorta jħalli xi flessibbiltà lill-Istati Membri dwar dispożizzjonijiet speċifiċi biex jirriflettu ċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex-post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Ir-rapport tal-evalwazzjoni tal-BCRD mehmuż ma’ din il-proposta juri li d-Direttiva kienet biss parzjalment effettiva u effiċjenti fl-ilħuq tal-objettivi ġenerali u speċifiċi tagħha, li madankollu għadhom rilevanti. Sal-lum, l-implimentazzjoni turi b’mod ġenerali prestazzjoni tajba fuq it-tliet kriterji analizzati l-oħra: ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-UE.
B’mod ġenerali, il-BCRD għenet fl-introduzzjoni tal-broadband b’veloċità għolja (reġgħu intużaw kważi 100 000km ta’ infrastruttura ta’ pajpijiet u tal-ajru). Meta tiġi applikata b’mod effettiv, il-BCRD tista’ tħaffef l-introduzzjoni tal-proġetti tal-broadband b’veloċità għolja b’diversi xhur, tiffranka bejn 10-30% tal-kostijiet tal-introduzzjoni u żżid il-kopertura tan-networks b’mod proporzjonali.
Ħafna mill-progress sar fejn jidħol l-aċċess għall-infrastruttura fiżika eżistenti u l-miżuri tat-trasparenza relatati, filwaqt li kien hemm inqas progress fl-għoti tal-permessi, fil-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili u fl-aċċess għall-infrastruttura ġol-bini. Barra minn hekk, l-eżitu hu frammentat madwar l-UE u, anki f’oqsma ta’ azzjoni b’aktar effettività, ma jissodisfax għalkollox il-ħtieġa għal introduzzjoni aktar mgħaġġla u effiċjenti tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, li jħallu impatt fuq il-funzjonament tas-suq intern.
Id-dispożizzjonijiet attwali tal-BCRD jeħtieġ jissaħħu biex ikunu allinjati aħjar mal-ħtiġijiet attwali u futuri tal-konnettività u mal-prijoritajiet tal-UE, u jkunu jirriflettu għalkollox l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq. Il-preżenza kontinwa ta’ ostakli fl-introduzzjoni tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, in-nuqqas ta’ proċeduri amministrattivi uniformi u diġitalizzati u n-nuqqas ta’ punti uniċi tal-informazzjoni (SIPs) effettivi biżżejjed għadhom qed ixekklu l-benefiċċji potenzjali tal-miżuri tat-tnaqqis tal-kostijiet li jistgħu jrawmu introduzzjoni aktar kosteffiċjenti u aktar mgħaġġla tan-networks madwar l-UE. Il-kostijiet għoljin tal-introduzzjoni tan-networks VHCN, inkluż il-fibra sad-dar u l-banda medja tal-5G, jimminaw l-inċentivi tal-introduzzjoni u l-vijabbiltà tal-introduzzjonijiet ġodda. L-introduzzjoni tan-networks madwar l-UE tnaqqset b’mod konsiderevoli minħabba nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet differenti responsabbli għall-għoti tal-permessi, il-varjetà tal-permessi meħtieġa għall-introduzzjoni tan-networks, in-nuqqas ta’ proċeduri elettroniċi għall-applikazzjonijiet tal-permessi, u n-nuqqas ta’ rispett ġenerali tal-iskadenzi għall-għoti tal-permessi għall-introduzzjoni, inkluż dawk għad-drittijiet ta’ passaġġ.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Is-sorsi bażi tal-informazzjoni għat-tħejjija ta’ din il-proposta kienu rieżami tal-letteratura, informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-politiki attwali, analiżi tal-attivitajiet u r-rapporti ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni preċedenti, il-kontribut mill-partijiet ikkonċernati, u studji ta’ sostenn apposta.
Barra minn hekk, il-partijiet ikkonċernati ġew ikkonsultati bi:
–sejħa għal
rispons
dwar il-pjan direzzjonali/valutazzjoni tal-impatt inizjali (mid-19 ta’ Ġunju 2020 sas-17 ta’ Lulju 2020);
–
konsultazzjoni pubblika
(mit-2 ta’ Diċembru 2020 sat-2 ta’ Marzu2021) abbażi ta’ kwestjonarju estensiv li jkopri aspetti li jħarsu lura u anki dawk li jħarsu ’l quddiem;
–sessjonijiet ta’ ħidma parteċipattivi tematiċi online mal-partijiet ikkonċernati li saru f’
Jannar
u fi
Frar
2021;
–
l-opinjoni
tal-Korp tar-Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tnaqqis fl-Ispiża tal-Broadband, li tkopri aspetti li jħarsu lura u anki dawk li jħarsu ’l quddiem;
–laqgħat bilaterali, inkluż mal-partijiet ikkonċernati tas-suq u mal-assoċjazzjonijiet tagħhom, u mal-awtoritajiet lokali u reġjonali;
–sessjonijiet ta’ ħidma apposta, organizzati minn konsulenti li jħejju l-istudju ta’ sostenn, f’Ġunju 2021 u f’Jannar 2022 u stħarriġ/konsultazzjonijiet ad hoc.
B’mod ġenerali, il-partijiet ikkonċernati jenfasizzaw li l-konnettività ta’ kwalità għolja qdiet rwol vitali tul il-pandemija u l-irkupru ekonomiku.
Grupp kbir ta’ operaturi u ħafna mill-assoċjazzjonijiet tan-negozju jindikaw il-ħtieġa li jiżdiedu l-armonizzazzjoni u r-regolamentazzjoni fil-livell tal-UE, speċjalment għall-proċeduri amministrattivi bħall-għoti tal-permessi, biex tingħeleb il-frammentazzjoni tas-suq. Madankollu, għadd iżgħar ta’ operaturi jindikaw il-ħtieġa li l-Istati Membri jingħataw il-flessibbiltà fejn tidħol kif jimplimentaw u jinfurzaw il-leġiżlazzjoni tal-UE. L-awtoritajiet pubbliċi, inkluż il-BEREC, jiffavorixxu miżuri fil-livell tal-UE. Jitolbu li l-armonizzazzjoni tagħmel dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi u jindikaw xi oqsma fejn il-miżuri nazzjonali jkunu aktar addattati (eż. gwida dwar il-kundizzjonijiet tal-aċċess). Xi awtoritajiet pubbliċi esprimew ċerti riżervi dwar il-piż u l-kostijiet addizzjonali relatati mal-miżuri tat-trasparenza u tad-diġitalizzazzjoni.
Ħafna mir-rispondenti tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati jidhrilhom li l-BCRD ħoloq qafas tajjeb biex l-introduzzjoni tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jsiru aktar effiċjenti, u l-miżuri koperti skont id-Direttiva jqisuhom rilevanti. Madankollu, hemm fehmiet differenti fost il-partijiet ikkonċernati dwar kemm kienet effettiva l-BCRD fl-ilħuq tal-objettiv ġenerali tagħha li tnaqqas il-kost u żżid il-ħeffa tal-introduzzjoni tan-networks.
Il-partijiet ikkonċernati jenfasizzaw ir-rilevanza tad-disponibbiltà ta’ infrastruttura fiżika adattata, inkluż l-elementi mhux tan-network li jkunu proprjetà tal-awtoritajiet pubbliċi jew ikkontrollati minnhom, għal introduzzjoni tan-networks b’mod effiċjenti, b’mod partikolari għan-networks 5G. Il-partijiet ikkonċernati jitolbu wkoll gwida dwar termini u kundizzjonijiet ġusti u raġonevoli, u dwar il-kriterji għar-rifjut tat-talbiet tal-aċċess. Dan jgħin fil-prevenzjoni ta’ rifjuti bla bżonn abbażi tad-disponibbiltà ta’ mezzi vijabbli oħra tal-aċċess.
Ħafna mill-partijiet ikkonċernati jaqblu li l-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili għandha l-potenzjal li tnaqqas il-kostijiet tal-introduzzjoni. Għalkemm il-BEREC deherlu li hu benefiċċjali li l-obbligu ta’ koordinazzjoni jiġi estiż għall-proġetti kollha tal-introduzzjoni tan-networks (kemm dawk iffinanzjati mill-pubbliku u anki dawk iffinanzjati mill-privat), ħafna partijiet ikkonċernati argumentaw kontra din l-estensjoni.
Il-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati jidhrilhom li d-disponibbiltà ta’ informazzjoni minima aġġornata regolarment dwar l-informazzjoni fiżika eżistenti jew ix-xogħlijiet ċivili ppjanati, inkluż il-postijiet u r-rotot ġeoreferenzjati, permezz tal-SIPs, hi rilevanti għall-introduzzjoni tan-networks. L-awtoritajiet pubbliċi, inkluż l-awtoritajiet lokali, jitolbu flessibbiltà fl-użu mill-ġdid u fit-titjib tal-għodod diġitali stabbiliti sew, li diġà huma fis-seħħ f’diversi Stati Membri u li xi wħud minnhom jaqdu wkoll setturi oħra.
Ħafna mill-partijiet ikkonċernati, inkluż l-operaturi tan-networks, jaqblu li l-proċeduri simplifikati għall-għoti tal-permessi, inkluż is-sottomissjoni elettronika tal-applikazzjonijiet għall-permessi, jgħinu fl-introduzzjoni tan-networks.
Il-partijiet ikkonċernati jitolbu wkoll li jissaħħu r-regoli attwali dwar l-infrastruttura ġol-bini, inkluż li tiżdied l-ambizzjoni minn veloċità għolja għal networks VHCN jew tal-fibra, u li jiġi propost obbligu biex is-sidien tal-bini jintroduċu u jagħtu aċċess għal wajers tal-fibra ġol-bini.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq studju ta’ sostenn apposta, imħejji mill-ICF SA, Wavestone SA u ċ-Ċentru għall-Istudju tal-Politika Ewropea bl-appoġġ ta’ WIK Consult GMBH u EcoAct. Dan l-istudju stħarreġ l-effetti tal-miżuri adottati skont il-BCRD u meta rilevanti qies l-effetti tal-miżuri nazzjonali meħuda biex jonqos il-kost tal-introduzzjoni tal-broadband b’veloċità għolja. L-istudju appoġġa wkoll it-tħejjija ta’ valutazzjoni tal-impatt dwar l-alternattivi ta’ politika possibbli, biex tinhemeż ma’ din l-inizjattiva. Barra minn hekk, il-pjanijiet direzzjonali nazzjonali u r-rapporti tal-implimentazzjoni sottomessi mill-Istati Membri bħala parti mis-
Sett ta’ Għodod għall-Konnettività
, li kien jinkludi sett ta’ 39 prattika tajba maħsuba biex itejbu l-introduzzjoni tan-networks u l-aċċess fil-pront għall-ispettru 5G, taw informazzjoni utli dwar l-aktar miżuri xierqa u l-adozzjoni tagħhom. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni straħet fuq sorsi oħra tal-informazzjoni identifikati permezz ta’ analiżi tal-letteratura, inkluż diversi studji u rapporti.
•Valutazzjoni tal-impatt
Is-sommarju eżekuttiv tal-valutazzjoni tal-impatt u l-opinjoni pożittiva tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju jinsabu fuq is-sit web tal-Kummissjoni. Fil-valutazzjoni tal-impatt ġew ikkunsidrati l-alternattivi ta’ politika li ġejjin.
Alternattiva 0: ix-Xenarju bażi
“L-ebda bidla tal-BCRD” tfisser li ma tittieħed l-ebda miżura addizzjonali għal dawk eżistenti. Tissokta l-implimentazzjoni li għaddejja tal-BCRD attwali u tal-istrumenti regolatorji u nonregolatorji relatati. Dan l-approċċ jista’ jiġi kumplimentat bil-kondiviżjoni ta’ prattiki tajbin, xprunati b’inizjattivi ta’ skambju (eż. Sett ta’ Għodod għall-Konnettività). Hu preżunt li, bl-alternttiva tal-ebda bidla, tissokta l-introduzzjoni tan-networks iżda tissokta wkoll il-frammentazzjoni osservata; l-introduzzjoni tan-networks ma tkunx effettiva u effiċjenti daqskemm tista’ tkun, u l-miri tal-konnettività għall-2030 ikunu f’riskju.
Alternattiva 1: aġġornament, kjarifika u allinjament (approċċ minimu)
Din l-alternattiva tipproponi l-allinjament tal-BCRD mal-Kodiċi (kamp ta’ applikazzjoni għall-VHCNs flok għan-networks ta’ veloċità għolja), u xi miżuri li bħalissa huma volontarji jsiru obbligatorji (it-trasparenza, għoti tal-permessi) u li jiġi kkjarifikati ċerti dispożizzjonijiet biex jiġu allinjati l-interpretazzjonijiet differenti tal-Istati Membri (bħall-permessi, il-proġetti ffinanzjati mill-pubbliku soġġetti għal koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili, u l-fatt li l-assi soġġetti għall-SMP jew għall-obbligi tal-għajnuna mill-Istat huma esklużi mill-obbligi tal-aċċess paralleli skont il-BCRD). Din l-alternattiva hi msejsa fuq il-kunsiderazzjoni li b’reviżjoni żgħira tad-Direttiva, u bl-implimentazzjoni tal-aħjar prattiki tas-Sett ta’ Għodod għall-Konnettività u l-bqija tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi, titjieb l-implimentazzjoni tagħha. B’mod partikolari, dan it-titjib jinkiseb billi jiġu indirizzati parzjalment il-problemi tan-nuqqas ta’ informazzjoni jew ta’ informazzjoni mhux sħiħa dwar l-infrastruttura fiżika eżistenti u d-dewmien u l-kostijiet għoljin tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi.
Mhux se jitwettqu miżuri oħra li jneħħu aktar ostakli, u li jwasslu għal introduzzjoni aktar mgħaġġla u aktar effiċjenti tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kif identifikati fir-rapport tal-evalwazzjoni u fil-konsultazzjoni pubblika.
Alternattiva 2: estensjoni u tisħiħ tal-miżuri meta mqabbla mal-BCRD, esklużjoni tal-VHCNs mill-obbligi
Din l-alternattiva tinkludi dak li tipproponi l-Alternattiva 1 iżda fil-forma ta’ Regolament. Barra minn hekk, din testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi tal-aċċess biex jinkludi l-infrastruttura fiżika (mhux tan-network) ikkontrollata mill-pubbliku jew bi sjieda pubblika (sakemm ma tkunx sproporzjonata) u ssaħħaħ l-obbligi dwar l-għoti tal-permessi (eż. skadenzi interim, eżenzjonijiet tal-permessi nazzjonali, u pproċessar paralleli tal-permessi u drittijiet ta’ passaġġ). B’differenza mill-Alternattivi 3 u 4, din l-alternattiva teżenta lill-VHCNs mill-obbligi tal-aċċess u tal-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili biex jiġu indirizzati l-problemi tal-inċentivi għall-investiment (eż. replikar mhux vijabbli ta’ network).
Alternattiva 3 (l-għażla ppreferuta): estensjoni u tisħiħ tal-miżuri meta mqabbla mal-BCRD b’armonizzazzjoni parzjali
L-Alternattiva 3 iżżomm ħafna mill-miżuri tal-Alternattiva 2 u tkun ukoll fil-forma ta’ Regolament (inkluż l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu tal-għoti tal-aċċess għal assi pubbliċi mhux tan-network u l-miżuri tal-permessi). Iżda flok ma tipprevedi eżenzjoni għall-infrastruttura VHCN, tistabbilixxi regoli aktar ċari dwar aspetti ewlenin tal-aċċess għall-infrastruttura fiżika u għall-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili (bħal kundizzjonijiet “ġusti u raġonevoli” tal-aċċess, mezzi alternattivi tal-aċċess, u tqassim tal-kostijiet għal xogħlijiet ċivili kkoordinati). Din tindirizza l-problema tar-replikar mhux vijabbli tan-networks billi tispeċifika aħjar ir-raġunijiet għar-rifjut tal-aċċess għall-infrastruttura fiżika jew meta t-talbiet għall-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili jistgħu jitqiesu mhux raġonevoli, billi tillimitahom għal ċirkostanzi aktar speċifiċi meta mqabbla mal-Alternattiva 2. Ma’ regoli bħal dawn tingħata gwida fil-livell tal-UE biex tkun żgurata applikazzjoni konsistenti u jitħaddem approċċ armonizzat għall-problemi simili. Din l-alternattiva tistabbilixxi wkoll li r-regoli u l-proċessi dwar l-għoti tal-permessi jridu jkunu konsistenti fil-livell nazzjonali, bl-appoġġ ta’ “punt uniku tas-servizz” tramite punt tad-dħul diġitali nazzjonali uniku, tistabbilixxi li l-permessi jridu jiġu approvati b’mod taċitu, meta possibbli, u tillimita t-tariffi tal-permessi għall-kostijiet amministrattivi. L-introduzzjonijiet soġġetti għal eżenzjonijiet mill-permessi jiġu speċifikati fil-livell tal-UE, u l-konsistenza tal-proċessi tal-permessi tkun żgurata fil-livell nazzjonali. Dan l-approċċ aktar armonizzat jindirizza l-problemi tal-kumplessità kbira, tal-perjodi taż-żmien u tal-kostijiet biex jinkisbu l-permessi.
Biex iżżid it-trasparenza u l-aċċess għall-informazzjoni, l-Alternattiva 3 twessa’ r-rekwiżiti tal-informazzjoni dwar l-infrastruttura fiżika eżistenti, ħlief meta jkunu sproporzjonati, u dwar ix-xogħlijiet ċivili ppjanati (notifika proattiva tax-xogħlijiet ċivili ppjanati kollha). Iż-żewġ settijiet tal-informazzjoni jridu jkunu disponibbli b’format diġitali fuq il-pjattaformi u jkunu interkonnessi, jekk ikun possibbli. Fl-aħħar nett, biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ infrastruttura adattata ġol-bini u l-aċċess għaliha, din l-alternattiva tawtorizza l-infrastruttura ġol-bini li tkun lesta għall-fibra u l-fibra ġol-bini f’kull unità domestika ġdida (jew rinnovata bil-kbir). Din l-alternattiva tipprevedi wkoll l-istandardizzazzjoni tal-infrastruttura fiżika ġol-bini fil-livell nazzjonali u gwida dwar l-aċċess għall-infrastruttura ġol-bini fil-livell tal-UE.
Alternattiva 4: estensjoni u tisħiħ, applikazzjoni sħiħa għall-assi privati, u armonizzazzjoni sħiħa
L-Alternattiva 4 tintroduċi armonizzazzjoni massima fil-livell tal-UE. Ir-Regolament ikun jinkludi l-miżuri kollha tal-Alternattiva 3. Barra minn hekk, din testendi l-obbligi tal-aċċess u tat-trasparenza għall-assi privati tal-operaturi mhux tan-network (eż. il-bini kummerċjali) u l-obbligi tal-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili għall-proġetti li mhumiex iffinanzjati pubblikament. Din l-alternattiva tawtorizza it-twaqqif ta’ pjattaforma diġitali unika għall-infrastruttura fiżika eżistenti, ix-xogħlijiet ċivili ppjanati u, b’mod fakultattiv, il-proċeduri tal-għoti tal-permessi. Fl-aħħar nett, din l-alternattiva tawtorizza l-istandardizzazzjoni tal-infrastruttura fiżika ġol-bini fil-livell tal-UE (meta mqabbla mal-istandardizzazzjoni fil-livell nazzjonali fl-Alternattiva 3).
Meta jitqiesu l-kriterji kollha tal-valutazzjoni, l-Alternattiva 3 aktarx li tissodisfa aħjar l-objettivi ta’ politika. Tipprovdi wkoll l-aktar valur miżjud tal-UE, filwaqt li tiżgura li l-Istati Membri jkollhom rwol fl-identifikazzjoni tal-każijiet speċifiċi meta l-obbligi jistgħu ma jkunux japplikawx għalihom (eż. għax ikunu jaqgħu f’kategoriji stabbiliti fir-Regolament fejn l-obbligi jistgħu ma jkunux japplikaw, minħabba diversi raġunijiet jew għax jispiċċaw ikunu sproporzjonati). Għalhekk jidher li l-Alternattiva 3 tibbilanċja bl-aħjar mod il-kostijiet tal-implimentazzjoni fl-immedjat mal-benefiċċji ta’ żmien medju u tillimita l-piżijiet regolatorji bla bżonn.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Il-miżuri proposti jappoġġaw ir-REFIT u jissodisfaw l-objettivi tas-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv. Bosta mill-bidliet proposti huma maħsuba biex jagħmlu r-regoli u l-proċeduri aktar ċari, aktar razzjonalizzati u aktar sempliċi, jgħinu lill-partijiet jifhmu faċilment id-drittijiet u l-obbligi tagħhom, u jippromwovu s-sinerġiji (pereżempju dwar il-koordinazzjoni proposta għar-rinnovazzjoni tal-binjiet biex tittejjeb il-prestazzjoni tal-enerġija). Il-proposta tipprevedi wkoll gwida fil-livell tal-UE (aċċess għall-infrastruttura fiżika, inkluż l-infrastruttura fiżika ġol-bini, u xi kriterji għar-regoli dwar l-aċċess u l-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili). Din il-gwida tiffaċilita l-implimentazzjoni konsistenti tar-regoli, kif ukoll is-soluzzjoni tat-tilwim potenzjali.
Il-proposta tinvolvi ċerti kostijiet ġenerali fl-immedjat, l-aktar għall-amministrazzjonijiet. Dawn huma marbuta mat-twaqqif ta’ proċeduri konsistenti tal-għoti tal-permessi u ta’ punti/pjattaformi tad-dħul diġitali għall-ipproċessar tal-permessi u l-għoti tal-aċċess għall-informazzjoni. Iżda ladarba dawn jiġu stabbiliti, ir-regolament mistenni jikseb iffrankar annwali fil-kostijiet amministrattivi għall-operaturi tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (stmat għal madwar EUR 40 miljun fis-sena). Dan l-iffrankar se jinkiseb b’aċċess aħjar għall-infrastruttura fiżika tan-networks u għal dik pubblika mhux tan-networks (madwar EUR 24 miljun fis-sena), u l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-permessi (madwar EUR 15-il miljun fis-sena). Se jinkiseb iffrankar ukoll għall-awtoritajiet pubbliċi, inkluż il-muniċipalitajiet (l-ebda stima). Dawn il-benefiċċji jistgħu possibbilment jiġu estiżi għal setturi oħra (lil hinn mill-komunikazzjonijiet elettroniċi) jekk il-pjattaformi tal-permessi jiġu implimentati u użati minn dawn is-setturi, kif ġara diġà f’diversi Stati Membri. Barra minn hekk, il-kumpaniji tal-kostruzzjoni jgawdu minn standards dwar l-infrastruttura u l-wajers ġol-bini, li għandhom jiżguraw installazzjoni aktar effiċjenti tal-“fibra sad-dar” fil-bini l-ġdid u fil-bini rinnovat bil-kbir (l-ebda stima).
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta tqis bis-sħiħ id-drittijiet u l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, il-miżuri proposti huma konsistenti mal-Artikolu 16 (il-libertà ta’ intrapriża), mal-Artikolu 17 (id-dritt għall-proprjetà) u mal-Artikolu 37 (il-protezzjoni tal-ambjent).
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Ir-Regolament propost ma għandu l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar
Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni se jkun ibbażat fuq rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament li jrid jiġi sottomess lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien 5 snin mid-data tad-dħul fis-seħħ. Dan ir-rapport se jinkludi sommarju tal-impatt tal-miżuri u valutazzjoni tal-progress lejn l-ilħuq tal-objettivi tiegħu, inkluż jekk u kif ir-Regolament jista’ jkompli jgħin biex jintlaħqu l-miri tal-konnettività stabbiliti fil-Programm ta’ Politika tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni mingħand l-Istati Membri abbażi ta’ indikaturi rilevanti u mekkaniżmu perjodiku għall-ġbir tad-data, li se jitfassal mill-Kumitat tal-Komunikazzjoni kif stabbilit mid-Direttiva (UE) 2018/1972.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Artikolu 1 – Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
L-Artikolu 1 jaġġorna l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-2014 dwar l-introduzzjoni tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, jiġifieri minn veloċità għolja għal VHCN siex l-ambizzjonijiet ġodda tal-Kodiċi jitqabblu mal-objettivi tal-konnettività tad-Deċennju Diġitali.
Artikolu 2 – Definizzjonijiet
Dan l-Artikolu jinkludi definizzjonijiet għajr dawk speċifikati fil-Kodiċi, inkluż ta’ VHCN. Dan jestendi l-kunċett ta’ “infrastruttura fiżika” biex ikun jinkludi l-assi pubbliċi mhux tan-network u jintroduċi definizzjoni ġdida ta’ “wajers tal-fibra ġol-bini” flimkien ma’ bidla minn infrastruttura fiżika ġol-bini “lesta għal veloċità għolja” għal “lesta għall-fibra”. Barra minn hekk, filwaqt li jitqies l-iżvilupp mgħaġġel tal-fornituri tal-infrastruttura fiżika bla fili, bħall-“kumpaniji tat-torrijiet”, u r-rwol dejjem aktar sinifikanti tagħhom bħala fornituri tal-aċċess għall-infrastruttura fiżika xierqa biex jinstallaw elementi tan-networks tal-komunikazzjoni elettronika bla fili, bħall-5G, id-definizzjoni ta’ “operatur tan-network” tiġi estiża lil hinn mill-impriżi li jipprovdu jew li huma awtorizzati biex jipprovdu networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-operaturi ta’ tipi oħra ta’ networks, bħat-trasport, il-gass jew l-elettriku, biex tkun tinkludi lill-impriżi li jipprovdu faċilitajiet assoċjati, li b’hekk isiru soġġetti għall-obbligi u l-benefiċċji kollha stabbiliti fir-Regolament, għajr id-dispożizzjonijiet rigward l-infrastruttura fiżika ġol-bini u l-aċċess. Jemenda wkoll id-definizzjoni ta’ “permess” biex tkun tirrifletti l-bosta saffi tad-deċiżjonijiet li xi drabi jkunu jeżistu għall-għoti tal-permessi u jiċċara li x-xogħlijiet ċivili jirreferu għall-“introduzzjoni ta’ elementi tal-VHCN” għal referenza aktar faċli fit-test kollu.
Artikolu 3 – Aċċess għall-infrastruttura fiżika eżistenti
L-Artikolu 3 jestendi l-obbligu tal-aċċess għall-infrastruttura fiżika li ma tkunx parti minn network, iżda li tkun proprjetà ta’ korpi tas-settur pubbliku jew ikkontrollata minnhom. Dan jipprevedi wkoll eċċezzjonijiet għal ċerti kategoriji tal-bini (eż. minħabba raġunijiet ta’ sigurtà pubblika, sikurezza u saħħa) u jintroduċi l-possibbiltà li l-Istati Membri jistabbilixxu korp biex jikkoordina l-aċċess relatat mal-assi pubbliċi.
Jiċċara r-raġunijiet għar-rifjut tal-aċċess u jevita d-duplikazzjoni tal-obbligi tal-aċċess meta dawn ikunu diġà imposti skont il-Kodiċi/ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fuq l-istess assi.
Jipprevedi l-possibbiltà li l-Kummissjoni toħroġ gwida dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess.
Dan l-Artikolu jibni wkoll fuq il-preċedent stabbilit fl-Artikolu 57 tal-Kodiċi għall-installazzjoni ta’ punti tal-aċċess bla fili żgħar.
Artikolu 4 – Trasparenza dwar l-infrastruttura fiżika
L-Artikolu 4 jawtorizza l-forniment tal-informazzjoni minima dwar l-infrastruttura fiżika eżistenti mill-operaturi tan-networks u mill-korpi tas-settur pubbliku li jkunu sidien tal-infrastruttura fiżika jew jikkontrollawha, inkluż informazzjoni ġeoreferenzjata, tramite s-SIPs b’format elettroniku.
L-aċċess għal din l-informazzjoni minima jista’ jkun ristrett, ngħidu aħna minħabba raġunijiet ta’ sigurtà jew għal ċerti kategoriji tal-bini. Bl-istess mod, l-obbligu li tingħata informazzjoni minima ma japplikax meta l-obbligu jkun sproporzjonat abbażi ta’ analiżi tal-kostbenefiċċji.
Artikolu 5 – Koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili
L-Artikolu 5 jiċċara li l-obbligu tal-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili hu relatat max-xogħlijiet ċivili li huma “iffinanzjati għalkollox jew parzjalment b’mezzi pubbliċi”.
Dan jistabbilixxi li t-talbiet għall-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili jridu jiġu ppreżentati mill-inqas xahrejn (2) qabel is-sottomissjoni tal-proġett finali u jispeċifika meta talba għall-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili tista’ titqies mhux raġonevoli.
Jipprevedi l-possibbiltà li l-Kummissjoni toħroġ gwida dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili.
Artikolu 6 – Trasparenza fix-xogħlijiet ċivili ppjanati
L-Artikolu 6 jipprevedi d-dritt tal-aċċess għal informazzjoni minima għax-xogħlijiet ċivili ppjanati (pubbliċi u privati) kollha mwettqa mill-operaturi tan-networks tramite s-SIPs b’format elettroniku, inkluż informazzjoni ġeoreferenzjata.
Dan l-aċċess jista’ jkun limitat, ngħidu aħna minħabba raġunijiet ta’ sigurtà tan-network, sigurtà nazzjonali jew sigrieti kummerċjali. L-obbligu tat-trasparenza ma japplikax f’ċerti ċirkostanzi, ngħidu aħna f’emerġenza jew minħabba raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali.
Dan jipprevedi l-forniment aktar bikri u proattiv tal-informazzjoni minima dwar ix-xogħlijiet ċivili pubbliċi ppjanati mill-operaturi kollha tan-networks tramite s-SIPs biex tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni potenzjali tax-xogħlijiet ċivili.
Artikolu 7 – Proċeduri tal-għoti tal-permessi, inkluż id-drittijiet ta’ passaġġ
L-Artikolu 7 jintroduċi prinċipju ġdid ta’ regoli konsistenti fil-livell nazzjonali li jirregolaw il-kundizzjonijiet u l-proċeduri applikabbli għall-għoti tal-permessi, inkluż id-drittijiet ta’ passaġġ. Dan jagħmel is-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet b’format elettroniku tramite s-SIPs obbligatorja.
Jawtorizza lill-Kummissjoni biex tispeċifika l-kategoriji tal-introduzzjonijiet li se jkunu eżentati mill-permessi permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni.
Isaħħaħ it-trasparenza billi ma jqisx l-applikazzjonijiet tal-permessi għax-xogħlijiet ċivili ammissibbli jekk l-informazzjoni minima prevista fl-Artikolu 6 ma tkunx saret disponibbli tramite SIP.
Jintroduċi diversi miżuri maħsuba biex jiżguraw li l-applikazzjonijiet tal-permessi, inkluż id-drittijiet ta’ passaġġ, jiġu ttrattati sal-iskadenzi legali, eż. perjodu iqsar biex l-applikazzjoni titqies sħiħa, approvazzjoni taċita jew kumpens għad-danni kkawżati minn nuqqas ta’ konformità mal-iskadenzi.
Fl-aħħar nett, dan jistabbilixxi li t-tariffi u l-imposti għall-permessi, inkluż id-drittijiet ta’ passaġġ, ma jistgħux jisbqu l-imposti amministrattivi.
Artikolu 8 – Infrastruttura fiżika u wajers tal-fibra ġol-bini
L-Artikolu 8 jawtorizza l-infrastruttura fiżika ġol-bini, il-punti tal-aċċess u l-wajers tal-fibra ġol-bini għall-bini l-ġdid u l-bini rinnovat bil-kbir. Dan jinkludi l-bini fil-post tal-utent finali meta jkun qed jiġi rinnovat biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika. L-eżenzjonijiet huma estiżi biex jindirizzaw in-nuqqas possibbli ta’ proporzjonalità għal postijiet speċifiċi abbażi ta’ analiżi tal-kostbenefiċċji.
Jintroduċi l-obbligu li l-Istati Membri jadottaw standards jew speċifikazzjonijiet tekniċi nazzjonali u mekkaniżmi taċ-ċertifikazzjoni rilevanti. B’dawn il-mekkaniżmi taċ-ċertifikazzjoni, il-kumpaniji jkunu jistgħu juru l-konformità ma’ dawk l-istandards jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u jikkwalifikaw għat-“tikketta ta’ lesti għall-fibra” li issa saret obbligatorja u kundizzjonali fuq il-ħruġ tal-permess għall-bini.
Artikolu 9 – L-aċċess għall-infrastruttura fiżika ġol-bini
L-Artikolu 9 jistabbilixxi d-dritt għall-fornituri tan-networks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jitterminaw in-networks tagħhom sal-punt tal-aċċess u li jaċċessaw l-infrastruttura fiżika eżistenti ġol-bini. Dan jipprevedi wkoll ir-rifjut tal-aċċess għall-infrastruttura fiżika ġol-bini meta l-aċċess għall-wajers tal-fibra ġol-bini jingħata skont l-obbligi imposti skont il-Kodiċi jew isir disponibbli b’termini u kundizzjonijiet ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji, inkluż il-prezz.
Jipprevedi l-possibbiltà li l-Kummissjoni toħroġ gwida dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-aċċess għall-infrastruttura ġol-bini.
Artikolu 10 – Diġitalizzazzjoni
L-Artikolu 10 jipprevedi punt tad-dħul diġitali nazzjonali uniku u aċċess għall-għodod diġitali, speċjalment meta jkun hemm aktar minn SIP wieħed jew meta l-informazzjoni tkun tinsab xi mkien ieħor, li jippermettu l-eżerċitar tad-drittijiet u l-konformità mal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament.
Artikolu 11 – Soluzzjoni tat-tilwim
Din id-dispożizzjoni tiżgura li kull parti tkun intitolata li tirreferi tilwima lil korp nazzjonali kompetenti tas-soluzzjoni tat-tilwim, li jrid isolvi t-tilwima f’perjodi taż-żmien imqassra (meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet attwali tal-BCRD) u joħroġ deċiżjoni vinkolanti.
Artikolu 12 – Korpi kompetenti
L-Artikolu 12 jintroduċi rekwiżiti addizzjonali ispirati mid-dispożizzjonijiet istituzzjonali tal-Kodiċi. Dawn jinkludu: (i) l-imparzjalità u l-indipendenza tal-korpi tas-settur pubbliku li jkunu sidien tal-infrastruttura fiżika jew jikkontrollawha; (ii) is-separazzjoni strutturali tal-korpi tas-soluzzjoni tat-tilwim u l-SIPs; (iii) l-eżerċitar tas-setgħat u r-riżorsi tal-awtoritajiet kompetenti; u (iv) il-kompiti tal-korpi kompetenti jsiru aktar trasparenti.
Dan jipprevedi wkoll rekwiżiti aktar dettaljati dwar id-dritt tal-appell, li jibnu fuq dispożizzjonijiet simili fil-Kodiċi.
Artikolu 13 – Proċedura ta’ kumitat
L-Artikolu 13 jistabbilixxi l-Proċedura tal-Kumitat mal-Kumitat tal-Komunikazzjoni stabbilit bl-Artikolu 118(1) tad-Direttiva (UE) 2018/1972.
Artikoli 14-18 – Dispożizzjonijiet finali
L-Artikoli 14 u 15 fihom id-dispożizzjonijiet finali, inkluż dwar il-penali, l-obbligi tal-monitoraġġ u r-rappurtar. L-indikaturi rilevanti u l-mekkaniżmu tal-ġbir tad-data se jitfasslu mill-Kumitat tal-Komunikazzjoni.
L-Artikolu 16 jinkludi miżuri tranżizzjonali, meta meħtieġa (kontinwazzjoni tal-applikazzjoni ta’ xi dispożizzjonijiet attwali tal-BCRD) fid-dawl tat-tkabbir tal-kamp ta’ applikazzjoni għall-VHCN u d-dewmien fl-applikazzjoni ta’ xi dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. L-Artikoli 17 u 18 jinkludu d-dispożizzjonijiet għar-revoka tad-Direttiva 2014/61/UE u d-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni tar-Regolament.
2023/0046 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar miżuri biex jonqos il-kost tal-introduzzjoni tan-networks tal-komunikazzjoni elettronika tal-gigabits u li jħassar id-Direttiva 2014/61/UE (l-Att dwar l-Infrastruttura tal-Gigabits)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Matul l-aħħar deċennju, l-ekonomija diġitali biddlet is-suq intern mill-qiegħ. Il-viżjoni tal-Unjoni hi ta’ ekonomija diġitali li tipprovdi benefiċċji ekonomiċi u soċjali sostenibbli bbażati fuq konnettività eċċellenti u sigura għal kulħadd u kullimkien fl-Ewropa. Infrastruttura diġitali ta’ kwalità għolja bbażata fuq networks ta’ kapaċità għolja ħafna tirfed kważi lis-setturi kollha ta’ ekonomija moderna u innovattiva. Għandha importanza strateġika għall-koeżjoni soċjali u territorjali, u b’mod ġenerali għall-kompetittività u t-tmexxija diġitali tal-Unjoni. Għaldaqstant, in-nies u anki s-settur privat u pubbliku jenħtieġ li jkollhom l-opportunità li jkunu parti mill-ekonomija diġitali.
(2)L-evoluzzjoni rapida tat-teknoloġiji, it-tkabbir esponenzjali fit-traffiku tal-broadband u d-domanda dejjem akbar għal konnettività avvanzata b’kapaċità għolja ħafna komplew iħaffu l-pass matul il-pandemija tal-COVID-19. Għalhekk, ħafna mill-miri stabbiliti fl-Aġenda Diġitali tal-2010 intlaħqu, iżda saru wkoll obsoleti. Is-sehem tal-unitajiet domestiċi li għandhom aċċess għal veloċitajiet tal-internet ta’ 30Mbps żdied minn 58,1% fl-2013 għal 90% fl-2022. Id-disponibbiltà ta’ 30Mbps biss ma għadhiex valida għall-futur u mhix allinjata mal-objettivi l-ġodda stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex niżguraw konnettività u disponibbiltà mifruxa ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna. Għalhekk, fid-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-UE stabbiliet miri aġġornati għall-2030 li jikkorrespondu aħjar mal-ħtiġijiet tal-konnettività mistennija tal-futur, u li jipprovdu koperatura tan-networks tal-gigabits lill-unitajiet domestiċi Ewropej kollha, u ż-żoni popolati kollha jkunu koperti bil-5G.
(3)Biex jintlaħqu dawk il-miri, neħtieġu politiki li jħaffu u jnaqqsu l-kostijiet tal-introduzzjoni ta’ networks fissi u bla fili b’kapaċità għolja ħafna madwar l-Unjoni, inkluż għall-ippjanar, il-koordinazzjoni u t-tnaqqis xierqa tal-piżijiet amministrattivi.
(4)Id-Direttiva 2014/61/UE, adottata b’rispons għall-ħtieġa ta’ politiki li jnaqqsu l-kostijiet tal-introduzzjoni tal-broadband, inkludiet miżuri dwar il-kondiviżjoni tal-infrastruttura, il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi. Biex ikompli jiffaċilita l-introduzzjoni ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna, inkluż il-fibra u l-5G, il-Kunsill Ewropew, fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar it-Tiswir tal-Futur Diġitali tal-Ewropa tad-9 ta’ Ġunju 2020, talab li jinħoloq pakkett ta’ miżuri addizzjonali li jappoġġaw il-ħtiġijiet attwali u emerġenti tal-introduzzjoni tan-networks, inkluż b’rieżami tad-Direttiva 2014/61/UE.
(5)L-introduzzjoni ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna (kif definit fid-Direttiva (UE) 2018/1972) madwar l-Unjoni teħtieġ investiment sostanzjali, li proporzjon sinifikanti minnu hu l-kost tax-xogħlijiet tal-inġinerija ċivili. Il-kondiviżjoni tal-infrastruttura fiżika tillimita l-kostijiet tax-xogħlijiet tal-inġinerija ċivili u tagħmel l-introduzzjoni tal-broadband avvanzat aktar effettiva.
(6)Ħafna mill-kostijiet tal-introduzzjoni ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna tista’ tiġi attribwita għall-ineffiċjenzi fil-proċess tal-introduzzjoni relatati ma’: (i) l-użu tal-infrastruttura passiva eżistenti (bħal pajpijiet, toqob u kaxxetti tal-ispezzjoni, arbli, installazzjonijiet tal-antenni, torrijiet u strutturi oħra ta’ appoġġ); (ii) il-konġestjonijiet relatati mal-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili; (iii) il-proċeduri amministrattivi onerużi biex jingħataw il-permessi; u (iv) il-konġestjonijiet fl-introduzzjoni tan-networks ġol-bini, li jwasslu għal ostakli finanzjarji kbar, b’mod partikolari fiż-żoni rurali.
(7)Id-Direttiva 2014/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, adottata b’rispons għall-ħtieġa li jonqsu l-kostijiet tal-introduzzjoni tal-broadband, kienet tinkludi miżuri għall-kondiviżjoni tal-infrastruttura, il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi. Biex ikompli jiffaċilita l-introduzzjoni ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna, inkluż il-fibra u l-5G, il-Kunsill Ewropew, fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar it-Tiswir tal-Futur Diġitali tal-Ewropa tad-9 ta’ Ġunju 2020, talab li jinħoloq pakkett ta’ miżuri addizzjonali li jappoġġaw il-ħtiġijiet attwali u emerġenti tal-introduzzjoni tan-networks, inkluż b’rieżami tad-Direttiva 2014/61/UE.
(8)Il-miżuri stabbiliti fid-Direttiva 2014/61/UE għenu biex jitnaqqsu l-kostijiet tal-introduzzjonijiet tan-networks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja. Iżda dawn il-miżuri jenħtieġ li jissaħħu biex ikomplu jitnaqqsu l-kostijiet u titħaffef l-introduzzjoni tan-networks.
(9)Il-miżuri maħsuba biex l-infrastrutturi pubbliċi u privati eżistenti jintużaw b’mod aktar effiċjenti u jonqsu l-kostijiet u l-ostakli fit-twettiq tax-xogħlijiet ġodda tal-inġinerija ċivili jenħtieġ li jkunu jikkontribwixxu sostanzjalment biex tkun żgurata introduzzjoni malajr u estensiva ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna. Dawn il-miżuri jenħtieġ li jżommu kompetizzjoni effettiva mingħajr ma jagħmlu ħsara lis-sikurezza, lis-sigurtà u lill-operat bla xkiel tal-infrastruttura eżistenti.
(10)Xi Stati Membri adottaw miżuri biex inaqqsu l-kostijiet tal-introduzzjoni tal-broadband, inkluż billi jmorru lil hinn mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/61/UE. Iżda dawk il-miżuri xorta għadhom differenti ħafna fost l-Istati Membri u kisbu riżultati differenti madwar l-Unjoni. Li wħud minn dawk il-miżuri jitwessgħu fl-Unjoni kollha u li jittieħdu miżuri msaħħa ġodda jistgħu jgħinu ferm għal funzjonament aħjar tas-suq uniku diġitali. Barra minn hekk, id-differenzi fir-rekwiżiti regolatorji u l-implimentazzjoni inkonsistenti tar-regoli tal-Unjoni xi drabi jxekklu l-kooperazzjoni bejn il-kumpaniji tal-utilitajiet. Id-differenzi jistgħu wkoll joħolqu ostakli għad-dħul għal impriżi ġodda li jipprovdu jew li huma awtorizzati jipprovdu networks pubbliċi tal-komunikazzjoni elettronika jew faċilitajiet assoċjati, kif definit fid-Direttiva (UE) 2018/1972 (“operaturi”). Dawn id-differenzi jistgħu wkoll jagħlqu opportunitajiet ġodda tan-negozju, u b’hekk ixekklu l-iżvilupp ta’ suq intern għall-użu u l-introduzzjoni ta’ infrastrutturi fiżiċi tan-networks b’kapaċità għolja ħafna. Barra minn hekk, il-miżuri notifikati fil-pjanijiet direzzjonali nazzjonali u fir-rapporti tal-implimentazzjoni adottati mill-Istati Membri skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1307 la jkopru l-oqsma kollha tad-Direttiva 2014/61/UE u lanqas ma jindirizzaw il-kwistjonijiet kollha b’mod konsistenti u sħiħ. Dan minkejja li hu essenzjali li tittieħed azzjoni tul il-proċess kollu tal-introduzzjoni u fost is-setturi kollha biex jitħalla impatt koerenti u sinifikanti.
(11)Dan ir-Regolament għandu l-għan li jsaħħaħ u jarmonizza d-drittijiet u l-obbligi applikabbli madwar l-Unjoni biex iħaffef l-introduzzjoni tan-networks b’kapaċità għolja ħafna u l-koordinazzjoni transsettorjali. Minħabba l-frammentazzjoni persistenti tas-swieq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi fi swieq nazzjonali individwali, l-impriżi li jipprovdu jew li huma awtorizzati jipprovdu networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi ma jistgħux jiksbu ekonomiji ta’ skala. Dan jista’ jkollu effett downstream qawwi fuq il-kummerċ transfruntier u l-forniment tas-servizzi, peress li ħafna servizzi jistgħu jingħataw biss fejn ikun hemm network bi prestazzjoni adegwata madwar l-Unjoni. Filwaqt li jiżgura ambjent ekwu mtejjeb, dan ir-Regolament ma jwaqqafx milli jittieħdu miżuri nazzjonali f’konformità mal-liġi tal-Unjoni bil-ħsieb li jippromwovu l-użu konġunt tal-infrastruttura fiżika eżistenti jew jippermettu introduzzjoni aktar effiċjenti ta’ infrastruttura fiżika ġdida billi jikkumplimentaw id-drittijiet u l-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament. Pereżempju, l-Istati Membri jistgħu jestendu d-dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili wkoll għall-proġetti ffinanzjati mill-privat jew jeżiġu li tingħata aktar informazzjoni dwar l-infrastruttura fiżika jew ix-xogħlijiet ċivili ppjanati lil punt uniku tal-informazzjoni b’format elettroniku, diment li ma jkunux jiksru l-liġi tal-Unjoni, inkluż id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.
(12)Biex tkun żgurata ċ-ċertezza legali, inkluż fir-rigward tal-miżuri regolatorji speċifiċi imposti skont id-Direttiva (UE) 2018/1972, it-Titolu II, il-Kapitoli II sa IV u d-Direttiva 2002/77/KE, id-dispożizzjonijiet ta’ dawn id-direttivi jenħtieġ li jipprevalu fuq dan ir-Regolament.
(13)Jista’ jkun ferm aktar effiċjenti għall-operaturi, b’mod partikolari għall-parteċipanti ġodda, li jerġgħu jużaw l-infrastruttura fiżika eżistenti, inkluż dik ta’ utilitajiet oħra, biex jintroduċu networks b’kapaċità għolja ħafna jew il-faċilitajiet assoċjati. Dan hu l-każ b’mod partikolari għaż-żoni li ma jkollhom l-ebda network tal-komunikazzjoni elettronika addattat jew li ma jkunx ekonomikament fattibbli li jibnu infrastruttura fiżika ġdida. Barra minn hekk, is-sinerġiji bejn is-setturi jistgħu jnaqqsu b’mod sinifikanti l-ħtieġa ta’ xogħlijiet ċivili relatati mal-introduzzjoni tan-networks b’kapaċità għolja ħafna. Dan l-użu mill-ġdid jista’ jnaqqas ukoll il-kostijiet soċjali u ambjentali relatati ma’ dawn ix-xogħlijiet, bħat-tniġġis, l-istorbju u l-konġestjoni tat-traffiku. Għalhekk, dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun japplika għall-operaturi daqskemm għas-sidien jew id-detenturi tad-drittijiet għall-użu ta’ infrastruttura fiżika estensiva u mifruxa li tkun adattata biex tilqa’ elementi tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, bħan-networks fiżiċi tal-forniment tal-elettriku, tal-gass, tal-ilma u tad-drenaġġ u s-sistemi tad-drenaġġ, u s-servizzi tat-tisħin u tat-trasport. Fil-każ tad-detenturi tad-drittijiet, dan ma jbiddel l-ebda dritt tal-proprjetà ta’ partijiet terzi.
(14)Biex tittejjeb l-introduzzjoni tan-networks b’kapaċità għolja ħafna fis-suq intern, dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi drittijiet għall-impriżi li jipprovdu networks pubbliċi tal-komunikazzjoni elettronika jew il-faċilitajiet assoċjati (inkluż impriżi ta’ natura pubblika) li jaċċessaw l-infrastruttura fiżika, irrispettivament mill-post fejn tkun tinsab u b’termini ġusti u raġonevoli, konsistenti mal-eżerċitar normali tad-drittijiet tal-proprjetà. L-obbligu li jingħata aċċess għall-infrastruttura fiżika jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tas-sid tal-art jew tal-bini fejn tkun tinsab l-infrastruttura.
(15)B’mod partikolari, filwaqt li jitqies l-iżvilupp mgħaġġel tal-fornituri tal-infrastruttura fiżika bla fili, bħall-“kumpaniji tat-torrijiet”, u r-rwol dejjem aktar sinifikanti tagħhom bħala fornituri tal-aċċess għal infrastruttura fiżika xierqa biex jiġu installati elementi tan-networks tal-komunikazzjoni elettronika bla fili, bħall-5G, jenħtieġ li d-definizzjoni ta’ “operatur tan-network” tiġi estiża lil hinn mill-impriżi li jipprovdu jew li huma awtorizzati biex jipprovdu networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-operaturi ta’ tipi oħra ta’ networks, bħat-trasport, il-gass jew l-elettriku, biex tkun tinkludi lill-impriżi li jipprovdu faċilitajiet assoċjati, li b’hekk isiru soġġetti għall-obbligi u l-benefiċċji kollha stabbiliti fir-Regolament, għajr id-dispożizzjonijiet rigward l-infrastruttura fiżika ġol-bini u l-aċċess.
(16)Fid-dawl tal-grad baxx ta’ differenzjar tagħhom, il-faċilitajiet fiżiċi tan-network spiss ikunu jistgħu jilqgħu firxa wiesgħa ta’ elementi tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi fl-istess ħin bla ma jaffettwaw is-servizz ewlieni pprovdut u b’kostijiet minimi ta’ adattament. Dawn l-elementi jinkludu dawk li kapaċi jipprovdu servizzi tal-aċċess għall-broadband b’veloċitajiet ta’ mill-inqas 100Mbps f’konformità mal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika. Għalhekk, l-infrastruttura fiżika, maħsuba biex tilqa’ biss elementi oħra tan-networks bla ma ssir element attiv tan-networks hi stess, bħall-fibra skura, tista’ fil-prinċipju tintuża biex takkomoda kejbils tal-komunikazzjoni elettronika, tagħmir jew xi element ieħor tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, irrispettivament mill-użu attwali tagħha jew is-sjieda tagħha, it-tħassib tas-sigurtà jew l-interessi kummerċjali futuri tas-sid tal-infrastruttura. L-infrastruttura fiżika tan-networks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi tista’ fil-prinċipju tintuża wkoll biex takkomoda elementi oħra tan-networks. Għalhekk, f’każijiet xierqa, l-operaturi tan-networks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jistgħu jagħtu aċċess għan-networks tagħhom biex ikunu jistgħu jiġu introdotti networks oħra. Mingħajr preġudizzju għall-insegwiment tal-interess ġenerali speċifiku marbut mal-forniment tas-servizz ewlieni, is-sinerġiji bejn l-operaturi tan-networks jenħtieġ li fl-istess ħin jitħeġġu jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-miri diġitali stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE) 2022/2481.
(17)Fin-nuqqas ta’ eċċezzjoni ġustifikata, l-elementi tal-infrastruttura fiżika li jkunu proprjetà ta’ korpi tas-settur pubbliku jew ikkontrollati minnhom, anki meta ma jkunux parti minn network, jistgħu jilqgħu wkoll elementi tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u jenħtieġ li jkunu aċċessibbli biex jiffaċilitaw l-installazzjoni ta’ elementi tan-networks b’kapaċità għolja ħafna, b’mod partikolari n-networks bla fili. Eżempji ta’ elementi tal-infrastruttura fiżika huma l-bini, id-daħliet għall-bini, u kull assi ieħor, inkluż l-għamara tat-toroq, bħall-arbli tad-dawl, is-sinjali tat-toroq, id-dwal tat-traffiku, il-billboards, il-waqfiet tal-karozzi tal-linja u tat-tramm, u l-istazzjonijiet tal-metrò. Sta għall-Istati Membri biex jidentifikaw il-bini speċifiku li jkun proprjetà ta’ korpi tas-settur pubbliku fit-territorji tagħhom jew ikkontrollat minnhom, fejn l-obbligi tal-aċċess ma jistgħux ikunu japplikaw, ngħidu aħna minħabba raġunijiet ta’ valur arkitettoniku, storiku, reliġjuż jew naturali.
(18)Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għal kull salvagwardja speċifika meħtieġa biex jiġu żgurati s-sikurezza u s-saħħa pubblika, is-sigurtà u l-integrità tan-networks, b’mod partikolari l-infrastruttura kritika, kif ikun definit fil-liġi nazzjonali, u biex ikun żgurat li s-servizz ewlieni pprovdut mill-operatur tan-network ma jkunx affettwat, b’mod partikolari fin-networks użati għall-forniment tal-ilma għall-konsum mill-bniedem. Madankollu, ir-regoli ġenerali fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li jipprojbixxu lill-operaturi tan-networks milli jinnegozjaw l-aċċess għal infrastrutturi fiżiċi minn impriżi li jipprovdu jew li huma awtorizzati jipprovdu networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jew il-faċilitajiet assoċjati jistgħu jwaqqfu milli jinħoloq suq tal-aċċess għall-infrastruttura fiżika. Għalhekk, jenħtieġ li dawk ir-regoli ġenerali jitneħħew. Fl-istess ħin, il-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jkunux iwaqqfu lill-Istati Membri milli jinċentivaw lill-operaturi tal-utilitajiet biex jagħtu aċċess għall-infrastruttura billi jeskludu d-dħul iġġenerat mill-aċċess għall-infrastruttura fiżika tagħhom meta jikkalkolaw it-tariffi tal-utenti finali għall-attività jew l-attivitajiet ewlenin tagħhom, f’konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni.
(19)Biex tkun żgurata ċ-ċertezza legali u jiġu evitati piżijiet sproporzjonati fuq l-operaturi tan-networks li jinħolqu bl-applikazzjoni simultanja ta’ żewġ reġimi distinti tal-aċċess għall-istess infrastruttura fiżika, l-infrastruttura fiżika soġġetta għall-obbligi tal-aċċess imposti mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali skont id-Direttiva (UE) 2018/1972 jew għall-obbligi tal-aċċess li jirriżultaw bl-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat jenħtieġ li ma tkunx soġġetta għall-obbligi tal-aċċess stabbiliti f’dan ir-Regolament sakemm dawk l-obbligi tal-aċċess jibqgħu fis-seħħ. Iżda dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun applikabbli meta awtorità regolatorja nazzjonali timponi obbligu tal-aċċess skont id-Direttiva (UE) 2018/1972 li jillimita l-użu li jista’ jsir mill-infrastruttura fiżika kkonċernata. Ngħidu aħna, dan jista’ jsir meta operatur li jkun beħsiebu jgħaqqad l-istazzjonijiet bażi, jitlob aċċess għall-infrastruttura fiżika eżistenti li għaliha jiġu imposti obbligi tal-aċċess fis-suq tal-aċċess għall-kapaċità ddedikata bl-ingrossa.
(20)Biex tiġi żgurata l-proporzjonalità u jitħarsu l-inċentivi għall-investiment, jenħtieġ li operatur tan-network jew korp tas-settur pubbliku jkollu d-dritt li jirrifjuta l-aċċess għal infrastruttura fiżika speċifika minħabba raġunijiet oġġettivi u ġustifikati. B’mod partikolari, infrastruttura fiżika li għaliha jkun intalab aċċess tista’ tkun teknikament mhux adattata minħabba ċirkostanzi speċifiċi, jew minħabba nuqqas ta’ spazju disponibbli bħalissa jew il-ħtiġijiet futuri għall-ispazju murija b’suffiċjenza, pereżempju, fi pjanijiet tal-investiment disponibbli għall-pubbliku. Biex tkun żgurata l-proporzjonalità u jitħarsu l-inċentivi għall-investiment, operatur tan-network jew korp tas-settur pubbliku jista’ jirrifjuta l-aċċess għal infrastruttura fiżika speċifika. Biex tkun evitat kull distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni jew kull abbuż possibbli tal-kundizzjonijiet għar-rifjut tal-aċċess, jenħtieġ li rifjut bħal dan ikun debitament ġustifikat u bbażat fuq raġunijiet oġġettivi u dettaljati. Pereżempju, dawk ir-raġunijiet ma jitqisux oġġettivi meta impriża li tipprovdi jew li tkun awtorizzata tipprovdi networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi tkun introduċiet infrastruttura fiżika bis-saħħa ta’ koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili ma’ operatur tan-network li mhux operatur tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u tirrifjuta li tagħti aċċess abbażi ta’ allegat nuqqas ta’ disponibbiltà tal-ispazju biex tilqa’ l-elementi ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna li jirriżulta minn deċiżjonijiet meħuda mill-impriża fil-kontroll tagħha. F’każ bħal dan, tista’ tinħoloq distorsjoni tal-kompetizzjoni jekk ma jkun hemm l-ebda VHCN ieħor fiż-żona kkonċernata mit-talba tal-aċċess. Bl-istess mod, f’ċirkostanzi speċifiċi, il-kondiviżjoni tal-infrastruttura tista’ tipperikola s-sikurezza jew is-saħħa pubblika, l-integrità u s-sigurtà tan-networks, inkluż dik ta’ infrastruttura kritika, jew tista’ tipperikola l-forniment ta’ servizzi li jingħataw primarjament bl-istess infrastruttura. Barra minn hekk, meta l-operatur tan-network ikun diġà jipprovdi mezz alternattiv vijabbli ta’ aċċess fiżiku bl-ingrossa għan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-persuna li tfittex l-aċċess, bħall-fibra skura jew is-separazzjoni tal-fibra, l-aċċess għall-infrastruttura fiżika sottostanti jista’ jħalli impatt ekonomiku negattiv fuq il-mudell tan-negozju tiegħu, b’mod partikolari fuq dak tal-operaturi bl-ingrossa biss, u l-inċentivi għall-investiment. Jista’ jkun hemm ukoll riskju ta’ duplikazzjoni ineffiċjenti tal-elementi tan-networks. Il-valutazzjoni tal-natura ġusta u raġonevoli tat-termini u l-kundizzjonijiet għal dawn il-mezzi alternattivi tal-aċċess fiżiku bl-ingrossa jenħtieġ li tqis, inter alia, il-mudell tan-negozju sottostanti tal-impriża li tipprovdi jew li hija awtorizzata tipprovdi networks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jagħtu aċċess u l-ħtieġa li jkun evitat kull rinfurzar tas-saħħa sinifikanti fis-suq, jekk ikun hemm, ta’ xi parti.
(21)Biex jeħfief l-użu mill-ġdid tal-infrastruttura fiżika eżistenti, meta l-operaturi jitolbu aċċess f’żona speċifikata, l-operaturi tan-networks u l-korpi tas-settur pubbliku li jkunu sidien tal-infrastruttura fiżika jew jikkontrollawha jenħtieġ li jagħmlu offerta għall-użu kondiviż tal-faċilitajiet tagħhom b’termini u kundizzjonijiet ġusti u raġonevoli, inkluż il-prezz, sakemm l-aċċess ma jiġix rifjutat minħabba raġunijiet oġġettivi u ġustifikati. Il-korpi tas-settur pubbliku jenħtieġ li jintalbu wkoll joffru aċċess b’termini u kundizzjonijiet nondiskriminatorji. Skont iċ-ċirkostanzi, hemm diversi fatturi li jistgħu jinfluwenzaw il-kundizzjonijiet li skonthom jingħata dan l-aċċess. Dawn jinkludu: (i) il-kostijiet addizzjonali tal-manutenzjoni u l-adattament; (ii) is-salvagwardji preventivi li jridu jiġu adottati biex jiġu limitati l-effetti negattivi fuq is-sikurezza, is-sigurtà u l-integrità tan-networks; (iii) l-arranġament speċifiċi ta’ responsabbiltà fil-każ ta’ danni; (iv) l-użu ta’ xi sussidju pubbliku mogħti għall-kostruzzjoni tal-infrastruttura, inkluż termini u kundizzjonijiet speċifiċi marbuta mas-sussidju jew previsti fil-liġi nazzjonali f’konformità mal-liġi tal-Unjoni; (v) l-abbiltà li titwassal jew li tinkiseb kapaċità infrastrutturali biex jiġu ssodisfati l-obbligi tas-servizz pubbliku; u (vi) il-limitazzjonijiet li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet nazzjonali maħsuba biex jipproteġu l-ambjent, is-saħħa pubblika, is-sigurtà pubblika jew biex jilħqu l-objettivi tal-ippjanar rurali u urban.
(22)L-investimenti fl-infrastruttura fiżika tan-networks pubbliċi tal-komunikazzjoni elettronika jew il-faċilitajiet assoċjati jenħtieġ li jikkontribwixxu direttament għall-objettivi stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 u jevitaw imġiba opportunistika. Għalhekk, kull obbligu tal-aċċess għall-infrastruttura fiżika eżistenti jew il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili jenħtieġ li jqis bis-sħiħ għadd ta’ fatturi bħal (i) il-vijabbiltà ekonomika ta’ dawk l-investimenti abbażi tal-profil tar-riskju tagħhom; (ii) kwalunkwe skeda taż-żmien għar-redditu fuq l-investiment; (iii) kwalunkwe impatt tal-aċċess fuq il-kompetizzjoni downstream u għaldaqstant fuq il-prezzijiet u r-redditu fuq l-investiment; (iv) kwalunkwe deprezzament tal-assi tan-network fil-mument tat-talba tal-aċċess; (v) kwalunkwe każ ta’ negozju li jirfed l-investiment, b’mod partikolari fl-infrastruttura fiżika użata għall-forniment tas-servizzi tan-network b’kapaċità għolja ħafna; u (vi) kwalunkwe possibbiltà offruta qabel lill-persuna li kienet qed tfittex l-aċċess, għal introduzzjoni konġunta.
(23)Il-korpi tas-settur pubbliku li jkunu sidien tal-infrastruttura fiżika jew jikkontrollawha jistgħu ma jkollhomx biżżejjed riżorsi, esperjenza jew l-għarfien tekniku meħtieġ biex jidħlu f’negozjati mal-operaturi dwar l-aċċess. Biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-infrastruttura fiżika ta’ dawn il-korpi tas-settur pubbliku, jista’ jinħatar korp biex jikkoordina t-talbiet tal-aċċess, jipprovdi pariri legali u tekniċi għan-negozjar tat-termini u l-kundizzjonijiet tal-aċċess, u jagħmel l-informazzjoni rilevanti dwar din l-infrastruttura fiżika disponibbli tramite punt uniku tal-informazzjoni. Il-korp ta’ koordinazzjoni jista’ jappoġġa wkoll lill-korpi tas-settur pubbliku waqt it-tħejjija ta’ kuntratti mudell u jimmonitorja l-eżitu u t-tul taż-żmien tal-proċess tat-talbiet tal-aċċess. Il-korp jista’ jgħin ukoll jekk jinqala’ tilwim dwar l-aċċess għall-infrastruttura fiżika li tkun il-proprjetà tal-korpi tas-settur pubbliku jew ikkontrollata minnhom.
(24)Biex tkun żgurata l-konsistenza tal-approċċi fost l-Istati Membri, il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Korp tar-Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC), tista’ tipprovdi gwida dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-infrastruttura fiżika, inkluż iżda mhux biss dwar l-applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet ġusti u raġonevoli. Il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati u tal-korpi nazzjonali tas-soluzzjoni tat-tilwim jenħtieġ li jitqiesu kif xieraq waqt it-tħejjija tal-gwida.
(25)L-operaturi jenħtieġ li jkollhom aċċess għal informazzjoni minima dwar l-infrastruttura fiżika u x-xogħlijiet ċivili ppjanati fiż-żona tal-introduzzjoni. Dan jagħtihom iċ-ċans jippjanaw b’mod effettiv l-introduzzjoni tan-networks b’kapaċità għolja ħafna u jiżguraw l-aktar użu effettiv tal-infrastruttura fiżika eżistenti, xierqa għall-implimentazzjoni ta’ tali networks, u x-xogħlijiet ċivili ppjanati. Din l-informazzjoni minima hi prerekwiżit biex jiġi vvalutat il-potenzjal għall-użu tal-infrastruttura fiżika eżistenti jew għall-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili ppjanati f’xi żona speċifika, u biex jonqos id-dannu lil xi infrastruttura fiżika eżistenti. Fid-dawl tal-għadd ta’ partijiet ikkonċernati involuti (li jkopru x-xogħlijiet ċivili ffinanzjati pubblikament u mill-privat, kif ukoll l-infrastruttura fiżika eżistenti jew ippjanata) u biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal dik l-informazzjoni (bejn is-setturi u l-fruntieri), l-operaturi tan-networks u l-korpi tas-settur pubbliku soġġetti għall-obbligi tat-trasparenza jenħtieġ li jipprovdu u jżommu b’mod proattiv (aktar milli meta jintalbu) din l-informazzjoni minima tramite punt uniku tal-informazzjoni. Dan se jissimplifika l-ġestjoni tat-talbiet tal-aċċess għal din l-informazzjoni filwaqt li l-operaturi jkunu jistgħu jesprimu l-interess tagħhom fl-aċċess għal infrastruttura fiżika jew fil-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili, li għalihom l-għażla taż-żmien tkun kritika. L-informazzjoni minima dwar ix-xogħlijiet ċivili ppjanati jenħtieġ li tingħata tramite punt uniku tal-informazzjoni malli din l-informazzjoni tkun disponibbli għall-operatur tan-networks ikkonċernat u, fi kwalunkwe każ u meta jkun hemm bżonn xi permessi, fi żmien tliet (3) xhur qabel ma l-applikazzjoni għall-permess tiġi sottomessa l-ewwel darba lill-awtoritajiet kompetenti.
(26)L-informazzjoni minima jenħtieġ li tkun disponibbli minnufih tramite l-punt uniku tal-informazzjoni b’termini proporzjonati, nondiskriminatorji u trasparenti biex l-operaturi jkunu jistgħu jissottomettu t-talbiet tagħhom għall-informazzjoni. Il-punt uniku tal-informazzjoni jenħtieġ li jkun jikkonsisti f’repożitorju tal-informazzjoni b’format elettroniku li jipprovdi aċċess għall-informazzjoni u l-possibbiltà li t-talbiet isiru online permezz tal-għodod diġitali, bħal paġni web, applikazzjonijiet diġitali u pjattaformi diġitali. L-informazzjoni disponibbli tista’ tkun limitata biex tiżgura s-sigurtà u l-integrità tan-networks, b’mod partikolari dik tal-infrastruttura kritika, is-sigurtà nazzjonali, jew biex tħares sigrieti kummerċjali u operattivi leġittimi. Il-punt uniku tal-informazzjoni ma għandux għalfejn iżomm l-informazzjoni, diment li dan jiżgura li l-links ikunu disponibbli għal għodod diġitali oħra, bħal portali web, pjattaformi diġitali jew applikazzjonijiet diġitali, li jaħżnu l-informazzjoni. Il-punt uniku tal-informazzjoni jista’ jipprovdi funzjonalitajiet addizzjonali, bħal aċċess għal informazzjoni addizzjonali jew appoġġ għall-proċess tat-talbiet tal-aċċess għall-infrastruttura fiżika eżistenti jew għall-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili.
(27)Barra minn hekk, jekk it-talba tkun raġonevoli, b’mod partikolari jekk tkun meħtieġa għall-kondiviżjoni tal-infrastrutturi fiżiċi eżistenti jew għall-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili, l-operaturi jenħtieġ li jingħataw il-possibbiltà li jagħmlu stħarriġiet fuq il-post u jitolbu informazzjoni dwar ix-xogħlijiet ċivili ppjanati b’kundizzjonijiet trasparenti, proporzjonati u nondiskriminatorji u mingħajr preġudizzju għas-salvagwardji adottati biex jitħarsu s-sigurtà u l-integrità tan-networks, il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità, u s-sigrieti operattivi u kummerċjali.
(28)Jenħtieġ li tiġi inċentivata t-trasparenza avvanzata tax-xogħlijiet ċivili ppjanati tramite l-punti uniċi tal-informazzjoni. Dan jista’ jsir billi l-operaturi jiġu ridirezzjonati faċilment għal din l-informazzjoni kull meta din tkun disponibbli. It-trasparenza jenħtieġ li tiġi infurzata wkoll billi l-applikazzjonijiet għall-għoti tal-permessi jsiru soġġetti għall-pubblikazzjoni minn qabel tal-informazzjoni dwar ix-xogħlijiet ċivili ppjanati tramite punt uniku tal-informazzjoni.
(29)Id-diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri biex jallokaw il-funzjonijiet tal-punti uniċi tal-informazzjoni lil aktar minn korp kompetenti wieħed jenħtieġ li ma tkunx taffettwa l-abbiltà tagħhom li jaqdu b’mod effettiv dawk il-funzjonijiet. Meta jiġu stabbiliti aktar minn punt uniku tal-informazzjoni wieħed fi Stat Membru, punt tad-dħul diġitali nazzjonali uniku li jkollu interfaċċa komuni għall-utenti jenħtieġ li jkun jiżgura aċċess bla xkiel għall-punti uniċi tal-informazzjoni kollha b’mezzi elettroniċi. Il-punt uniku tal-informazzjoni jenħtieġ li jkun diġitalizzat għalkollox u jipprovdi aċċess faċli għall-għodod diġitali rilevanti. B’hekk, l-operaturi tan-networks u l-korpi tas-settur pubbliku jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament. Dan jinkludi aċċess rapidu għall-informazzjoni minima dwar l-infrastruttura fiżika eżistenti u x-xogħlijiet ċivili ppjanati, proċeduri amministrattivi elettroniċi għall-għoti tal-permessi u d-drittijiet ta’ passaġġ, u l-kundizzjonijiet u l-proċeduri applikabbli. Bħala parti minn din l-informazzjoni minima, il-punt uniku tal-informazzjoni jenħtieġ li jagħti aċċess għal informazzjoni ġeoreferenzjata dwar il-lokalizzazzjoni tal-infrastruttura fiżika eżistenti u x-xogħlijiet ċivili ppjanati. Biex jiffaċilitaw dan, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu għodod diġitali awtomatizzati għas-sottomissjoni tal-informazzjoni ġeoreferenzjata u għodod tal-konverżjoni għall-formati tad-data appoġġati. Dawn jistgħu jsiru disponibbli għall-operaturi tan-networks u għall-korpi tas-settur pubbliku responsabbli biex jipprovdu din l-informazzjoni tramite l-punt uniku tal-informazzjoni. Barra minn hekk, meta d-data tal-lokalizzazzjoni ġeoreferenzjata tkun disponibbli b’għodod diġitali oħra, bħall-Ġeoportal INSPIRE skont id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-punt uniku tal-informazzjoni jista’ jipprovdi aċċess faċli lill-utenti għal din l-informazzjoni.
(30)Biex ikunu żgurati l-proporzjonalità u s-sigurtà, ir-rekwiżit li tingħata informazzjoni dwar l-infrastruttura fiżika eżistenti tramite l-punt uniku tal-informazzjoni ma hemmx bżonn li jkun japplika għall-istess raġunijiet bħal dawk li jiġġustifikaw rifjut ta’ talba tal-aċċess. Barra minn hekk, l-għoti tal-informazzjoni dwar l-infrastruttura fiżika eżistenti tramite l-punt uniku tal-informazzjoni jista’, f’każijiet speċifiċi ħafna, ikun oneruż jew sproporzjonat għall-operaturi tan-networks u għall-korpi tas-settur pubbliku. Dan jista’ jinqala’ pereżempju meta l-immappjar tal-assi rilevanti jkun għadu mhux disponibbli u l-immappjar ikun jiswa ħafna flus jew meta t-talbiet tal-aċċess ikunu mistennija jkunu baxxi ħafna f’ċerti żoni ta’ Stat Membru jew fir-rigward ta’ ċerta infrastruttura fiżika speċifika. Meta jidher li l-għoti tal-informazzjoni jkun sproporzjonat abbażi ta’ analiżi dettaljata tal-kostbenefiċċji, l-operaturi tan-networks u l-korpi tas-settur pubbliku jenħtieġ li ma jkunux obbligati jipprovdu din l-informazzjoni. L-Istati Membri jenħtieġ li jwettqu din l-analiżi dettaljata tal-kostbenefiċċji abbażi ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati dwar it-talba tal-aċċess għall-infrastruttura fiżika eżistenti, u l-analiżi jenħtieġ li tiġi aġġornata regolarment. Il-proċess tal-konsultazzjoni u l-eżitu tiegħu jenħtieġ li jsiru pubbliċi, u l-infrastruttura fiżika speċifika eżentata minn dan l-obbligu jenħtieġ li tiġi notifikata lill-Kummissjoni.
(31)Biex tkun żgurata l-konsistenza, il-korpi kompetenti li jwettqu l-funzjonijiet tal-punt uniku tal-informazzjoni, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li jwettqu l-kompiti tagħhom skont id-Direttiva (UE) 2018/1972 jew awtoritajiet kompetenti oħra, bħall-awtoritajiet lokali, reġjonali jew nazzjonali responsabbli mill-katast jew mill-implimentazzjoni tad-Direttiva 2007/2/KE (INSPIRE), jenħtieġ li jikkonsultaw u jikkooperaw kif xieraq bejniethom. Din il-kooperazzjoni jenħtieġ li ssir bl-iskop li jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-isforzi għall-konformità mal-obbligi tat-trasparenza fuq l-operaturi tan-networks u l-korpi tas-settur pubbliku, inkluż l-impriżi deżinjati b’saħħa sinifikanti fis-suq (operaturi “SMP”), biex jagħmlu l-informazzjoni dwar l-infrastruttura fiżika tagħhom disponibbli; Meta jkun meħtieġ sett differenti ta’ data dwar l-infrastruttura fiżika tal-operatur SMP, din il-kooperazzjoni jenħtieġ li tirriżulta fl-istabbiliment ta’ interkonnessjonijiet u sinerġiji utli bejn il-bażi tad-data relatata mal-SMP u l-punt uniku tal-informazzjoni u prattiki komuni proporzjonati tal-ġbir tad-data u l-forniment tad-data biex jinkisbu riżultati li jkunu komparabbli faċilment. Il-kooperazzjoni jenħtieġ li taqdi l-għan ukoll li tiffaċilita l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-infrastruttura fiżika, fid-dawl taċ-ċirkostanzi nazzjonali. Jekk l-obbligi regolatorji jiġu modifikati jew irtirati, il-partijiet affettwati jenħtieġ li jkunu jistgħu jaqblu dwar l-aħjar soluzzjonijiet biex jadattaw il-ġbir u l-forniment tad-data dwar l-infrastruttura fiżika għar-rekwiżiti regolatorji ġodda applikabbli.
(32)L-obbligu tat-trasparenza għall-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili ma hemmx bżonn li jkun japplika għax-xogħlijiet ċivili minħabba raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali jew f’emerġenza. Dan jista’ jkun il-każ, għax-xogħlijiet ċivili mwettqa meta jkun hemm riskju ta’ periklu pubbliku minħabba proċessi ta’ degradazzjoni għax-xogħlijiet tal-inġinerija ċivili u l-installazzjonijiet assoċjati tagħhom, li jinqalgħu minħabba fatturi naturali jew umani qerrieda u li jkunu meħtieġa biex tkun żgurata s-sikurezza jew id-demolizzjoni tagħhom. Minħabba raġunijiet tat-trasparenza, l-Istati Membri jenħtieġ li jinnotifikaw lill-Kummissjoni t-tipi ta’ xogħlijiet ċivili li jaqgħu f’dawk iċ-ċirkostanzi u jippubblikawhom tramite punt uniku tal-informazzjoni.
(33)Biex ikun żgurat iffrankar sinifikanti u jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-inkonvenjenzi fiż-żona affettwata bl-introduzzjoni ta’ networks ġodda tal-komunikazzjoni elettronika, jenħtieġ li jiġu pprojbiti l-limitazzjonijiet regolatorji li, bħala regola ġenerali, jipprevjenu n-negozjar fost l-operaturi tan-networks ta’ ftehimiet tal-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili biex jintroduċu networks b’kapaċità għolja ħafna. Jekk ix-xogħlijiet ċivili ma jiġux iffinanzjati b’mezzi pubbliċi, dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-operaturi tan-networks jikkonkludu ftehimiet ta’ koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili skont il-pjanijiet tal-investiment u tan-negozju tagħhom stess u l-għażla taż-żmien ippreferuta tagħhom.
(34)L-Istati Membri jenħtieġ li jimmassimizzaw ir-riżultati tax-xogħlijiet ċivili ffinanzjati għalkollox jew parzjalment b’mezzi pubbliċi, billi jisfruttaw l-esternalitajiet pożittivi ta’ dawk ix-xogħlijiet fis-setturi kollha u jiżguraw opportunitajiet indaqs għall-kondiviżjoni tal-infrastruttura fiżika disponibbli u ppjanata biex jiġu introdotti networks b’kapaċità għolja ħafna. L-iskop ewlieni tax-xogħlijiet ċivili ffinanzjati b’mezzi pubbliċi jenħtieġ li ma jiġix affettwat ħażin. Iżda t-talbiet fil-ħin u raġonevoli għall-koordinazzjoni tal-introduzzjoni tal-elementi tan-networks b’kapaċità għolja ħafna jenħtieġ li jiġu ssodisfati mill-operatur tan-networks li jwettaq ix-xogħlijiet ċivili kkonċernati direttament jew indirettament (pereżempju b’sottokuntrattur) b’termini proporzjonati, nondiskriminatorji u trasparenti. Pereżempju, l-operatur rikjedenti jenħtieġ li jkopri kull kost addizzjonali, inkluż dawk ikkawżati minn dewmien, u jżomm il-bidliet fil-pjanijiet oriġinali għal minimu. Dawk id-dispożizzjonijiet jenħtieġ li ma jkunux jaffettwaw id-dritt tal-Istati Membri li jirriżervaw il-kapaċità għan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi anki meta ma jsirux talbiet speċifiċi. B’hekk, l-Istati Membri se jkunu jistgħu jissodisfaw id-domanda futura għall-infrastrutturi fiżiċi biex jimmassimizzaw il-valur tax-xogħlijiet ċivili jew biex jadottaw miżuri li jagħtu drittijiet simili lill-operaturi ta’ tipi oħra tan-networks, bħat-trasport, il-gass jew l-elettriku, biex jikkoordinaw ix-xogħlijiet ċivili.
(35)Xi drabi, b’mod partikolari għall-introduzzjonijiet fiż-żoni rurali, imbiegħda jew b’popolazzjoni baxxa, l-obbligu tal-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili jista’ jirriskja l-vijabbiltà finanzjarja ta’ dawn l-introduzzjonijiet u eventwalment jiddiżinċentiva l-investimenti mwettqa skont it-termini tas-suq. Għalhekk, talba lil impriża li tipprovdi jew li hi awtorizzata tipprovdi networks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi biex tikkoordina xogħlijiet ċivili tista’ titqies bħala mhux raġonevoli f’ċirkostanzi speċifiċi. Dan jenħtieġ li jkun il-każ, b’mod partikolari, meta l-impriża rikjedenti li tipprovdi jew li hi awtorizzata tipprovdi networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi ma tkunx iddikjarat l-intenzjoni tagħha li tintroduċi networks b’kapaċità għolja ħafna f’dik iż-żona (bħala introduzzjoni ġdida, aġġornament jew estensjoni ta’ network) u kien hemm previżjoni jew stedina biex tiġi dikjarata l-intenzjoni li f’ċerti żoni deżinjati jiġu introdotti networks b’kapaċità għolja ħafna (skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva (UE) 2018/1972) jew konsultazzjoni pubblika skont ir-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. Jekk ikun hemm aktar minn waħda minn dawk il-previżjonijiet, l-istediniet u/jew il-konsultazzjonijiet pubbliċi, jenħtieġ li jiġi kkunsidrat biss in-nuqqas ta’ espressjoni ta’ interess fl-aktar okkażjoni riċenti li tkopri l-perjodu li matulu ssir it-talba għall-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili. Biex tkun żgurata l-possibbiltà ta’ aċċess għall-infrastruttura introdotta fil-futur, l-impriża li tipprovdi jew li hi awtorizzata tipprovdi networks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u li tkun se twettaq ix-xogħlijiet ċivili jenħtieġ li tiżgura li se tintroduċi infrastruttura fiżika b’kapaċità biżżejjed, filwaqt li tqis il-gwida tal-Kummissjoni. Dan hu mingħajr preġudizzju għar-regoli u l-kundizzjonijiet marbuta mal-assenjar tal-fondi pubbliċi u l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.
(36)Biex tkun żgurata l-konsistenza tal-approċċi, il-Kummissjoni tista’, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Korp tar-Regolaturi Ewropej (BEREC), tipprovdi gwida dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili, inkluż iżda mhux biss dwar it-tqassim proporzjonat tal-kostijiet. Il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati u tal-korpi nazzjonali tas-soluzzjoni tat-tilwim jenħtieġ li jitqiesu kif xieraq waqt it-tħejjija tal-gwida.
(37)Koordinazzjoni effettiva tista’ tgħin biex jitnaqqsu l-kostijiet u d-dewmien kif ukoll it-tfixkil fl-introduzzjonijiet, li jista’ jiġi kkawżat minn problemi fuq il-post. Eżempju wieħed meta l-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili tista’ tipprovdi benefiċċji ċari hu l-proġetti transsettorjali li jintroduċu kurituri tal-5G tul il-mogħdijiet tat-trasport, bħat-toroq, il-linji ferrovjarji u l-passaġġi fuq l-ilma interni. Dawn il-proġetti spiss jistgħu jkunu jeħtieġu wkoll koordinazzjoni tad-disinn jew kodisinn abbażi ta’ kooperazzjoni bikrija bejn il-parteċipanti tal-proġett. Bħala parti mill-kodisinn, il-partijiet ikkonċernati jistgħu jaqblu minn qabel fuq il-mogħdijiet tal-introduzzjoni tal-infrastruttura fiżika u fuq it-teknoloġija u t-tagħmir li jridu jintużaw, qabel il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili. Għalhekk, it-talba għall-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili jenħtieġ li tiġi ppreżentata mill-aktar fis possibbli.
(38)Jista’ jkun hemm bżonn għadd ta’ permessi differenti għall-introduzzjoni tal-elementi tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jew il-faċilitajiet assoċjati biex jitħarsu l-interessi ġenerali nazzjonali u tal-Unjoni. Dawn jistgħu jinkludu t-tħaffir, il-kostruzzjoni, l-ippjanar urban, il-permessi ambjentali u oħrajn, kif ukoll id-drittijiet ta’ passaġġ. L-għadd ta’ permessi u d-drittijiet ta’ passaġġ meħtieġa għall-introduzzjoni ta’ tipi differenti ta’ networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jew il-faċilitajiet assoċjati, u l-karattru lokali tal-introduzzjonijiet jistgħu jinvolvu l-applikazzjoni ta’ proċeduri u kundizzjonijiet differenti, li jistgħu jikkawżaw diffikultajiet fil-introduzzjoni tan-networks. Għalhekk, biex tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni, ir-regoli kollha dwar il-kundizzjonijiet u l-proċeduri applikabbli għall-għoti tal-permessi u drittijiet ta’ passaġġ jenħtieġ li jiġu razzjonalizzati u jkunu konsistenti fil-livell nazzjonali. Filwaqt li jitħares id-dritt ta’ kull awtorità kompetenti li tkun involuta u żżomm il-prerogattivi tagħha fit-teħid tad-deċiżjonijiet f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-informazzjoni kollha dwar il-proċeduri u l-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-għoti tal-permessi għax-xogħlijiet ċivili u d-drittijiet ta’ passaġġ jenħtieġ li tkun disponibbli tramite l-punti uniċi tal-informazzjoni. Dan jista’ jnaqqas il-kumplessità u jżid l-effiċjenza u t-trasparenza għall-operaturi kollha u b’mod partikolari għall-parteċipanti ġodda u l-operaturi iżgħar mhux attivi f’dik iż-żona. Barra minn hekk, l-operaturi jenħtieġ li jkollhom id-dritt li jissottomettu t-talbiet tagħhom għall-permessi u d-drittijiet ta’ passaġġ b’format elettroniku tramite punt uniku tal-informazzjoni. Dawk l-impriżi jenħtieġ li jkunu jistgħu wkoll jiksbu l-informazzjoni b’format elettroniku dwar l-istatus tat-talbiet tagħhom u dwar jekk ikunux ingħataw jew ġew rifjutati.
(39)Il-proċeduri tal-għoti tal-permessi jenħtieġ li ma jkunux ostakli għall-investiment u ma jagħmlux ħsara lis-suq intern. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li deċiżjoni dwar jekk għandhomx jingħataw permessi jew le għall-introduzzjoni ta’ elementi tan-networks b’kapaċità għolja ħafna jew il-faċilitajiet assoċjati ssir disponibbli fi żmien erba’ (4) xhur mill-wasla tat-talba sħiħa għall-permess. Dan hu mingħajr preġudizzju għal skadenzi jew obbligi speċifiċi oħra stabbiliti għat-tmexxija xierqa tal-proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-għoti tal-permessi f’konformità mal-liġi nazzjonali jew mal-liġi tal-Unjoni. L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li ma jillimitawx, ma jfixklux u ma jagħmlux l-introduzzjoni tan-networks b’kapaċità għolja ħafna jew tal-faċilitajiet assoċjati ekonomikament inqas attraenti. B’mod speċifiku, dawn jenħtieġ li ma jwaqqfux lill-proċeduri tal-għoti tal-permessi u d-drittijiet ta’ passaġġ milli jipproċedu b’mod paralleli, meta possibbli, jew jenħtieġ li ma jeġiżux li l-operaturi jiksbu tip wieħed ta’ awtorizzazzjoni qabel ma jkunu jistgħu japplikaw għal tipi oħra ta’ awtorizzazzjonijiet. L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jiġġustifikaw kull rifjut għall-għoti tal-permessi jew drittijiet ta’ passaġġ fil-kompetenza tagħhom, abbażi ta’ kundizzjonijiet oġġettivi, trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati.
(40)Biex ikun evitat dewmien bla bżonn, l-awtoritajiet kompetenti jridu jiddeterminaw il-kompletezza tat-talba għall-permess fi żmien 15-il jum mill-wasla. It-talba għall-permess jenħtieġ li titqies sħiħa, jekk l-awtorità kompetenti ma tistedinx lill-applikant jipprovdi xi informazzjoni nieqsa f’dak il-perjodu. Minħabba raġunijiet ta’ trattament ugwali u trasparenza, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li ma jqisux it-talbiet għall-permess għax-xogħlijiet ċivili bħala ammissibbli jekk l-informazzjoni minima meħtieġa skont dan ir-Regolament ma tkunx saret disponibbli tramite punt uniku tal-informazzjoni fi żmien tliet (3) xhur qabel ma titressaq l-ewwel talba tal-permess lill-awtoritajiet kompetenti. Meta, minbarra l-permessi, ikunu meħtieġa drittijiet ta’ passaġġ għall-introduzzjoni ta’ elementi tan-networks b’kapaċità għolja ħafna, l-awtoritajiet kompetenti, b’deroga mill-Artikolu 43 tad-Direttiva (UE) 2018/1972, jenħtieġ li jagħtu tali drittijiet ta’ passaġġ fi żmien erba’ (4) xhur mill-wasla tat-talba. Id-drittijiet l-oħra ta’ passaġġ li mhumiex meħtieġa flimkien mal-permessi għax-xogħlijiet ċivili jenħtieġ li jibqgħu jingħataw fi żmien sitt (6) xhur f’konformità mal-Artikolu 43 tad-Direttiva (UE) 2018/1972. L-operaturi li jġarrbu dannu minħabba d-dewmien mill-awtorità kompetenti fl-għoti tal-permessi jew drittijiet ta’ passaġġ sal-iskadenzi applikabbli jkollhom id-dritt għal kumpens.
(41)Biex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. L-eżenzjonijiet mir-rekwiżit għall-permessi stabbiliti fil-livell tal-Unjoni b’att ta’ implimentazzjoni jistgħu jiġu applikati għal kategoriji differenti ta’ infrastruttura (bħal arbli, antenni u kejbils ta’ taħt l-art) b’ċerti kundizzjonijiet speċifikati, li għalihom inizjalment jaf ikun hemm bżonn permess għall-kostruzzjoni, permess għat-tħaffir jew tipi oħra ta’ permessi. Dawn jistgħu jiġu applikati wkoll għall-aġġornamenti tekniċi tax-xogħlijiet tal-manutenzjoni jew l-installazzjonijiet eżistenti, ix-xogħlijiet ċivili fuq skala żgħira, bħat-tħaffir ta’ trinek, u t-tiġdid tal-permessi.
(42)Biex ikun żgurat li l-proċeduri tal-għoti ta’ dawn il-permessi u drittijiet ta’ passaġġ jitlestew fi skadenzi raġonevoli, kif jidher minn ċerti prattiki ta’ modernizzazzjoni u prattiki amministrattivi tajbin fil-livell nazzjonali, hu meħtieġ li jitfasslu prinċipji għas-simplifikazzjoni amministrattiva. Dan jenħtieġ li jinkludi, inter alia, li l-obbligu ta’ awtorizzazzjoni minn qabel jiġi limitat għall-każijiet meta jkun essenzjali, u li tiddaħħal approvazzjoni taċita mill-awtoritajiet kompetenti meta jkun għadda ċertu żmien. Barra minn hekk, il-kategoriji tal-introduzzjonijiet eżentati mill-permessi skont il-liġi tal-Unjoni jenħtieġ li ma jibqgħux soġġetti għall-permessi skont il-liġi nazzjonali.
(43)Biex tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni tal-elementi tan-networks b’kapaċità għolja ħafna, kull tariffa relatata ma’ permess, għajr id-drittijiet ta’ passaġġ, jenħtieġ li tkun limitata għall-kostijiet amministrattivi relatati mal-ipproċessar tat-talba għall-permess skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 16 tad-Direttiva (UE) 2018/1972. Fil-każ tad-drittijiet ta’ passaġġ, japplikaw id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 42 u 43 tad-Direttiva (UE) 2018/1972.
(44)Biex jintlaħqu l-miri stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 jeħtieġ li, sal-2030, l-utenti finali kollha fil-postijiet fissi jkunu koperti minn network tal-gigabits sa punt tat-terminazzjoni tan-network, u ż-żoni popolati kollha jkunu koperti minn networks bla fili ta’ veloċità għolja tal-ġenerazzjoni li jmiss bi prestazzjoni mill-inqas ekwivalenti għall-5G, f’konformità mal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika. Jenħtieġ li jiġi ffaċilitat il-forniment tan-networks tal-gigabits lill-utent finali, b’mod partikolari b’infrastruttura fiżika ġol-bini lesta għall-fibra. It-tħejjija ta’ kanali żgħar waqt il-kostruzzjoni tal-bini għandu biss kost inkrementali limitat, filwaqt li t-tagħmir tal-bini b’infrastruttura tal-gigabits jista’ jirrappreżenta parti sinifikanti mill-kost tal-introduzzjoni tan-networks tal-gigabits. Għalhekk, il-binjiet ġodda kollha jew il-binjiet soġġetti għal rinnovazzjoni kbira jenħtieġ li jkunu attrezzati b’infrastruttura fiżika u b’wajers tal-fibra ġol-bini, biex l-utenti finali jkunu jistgħu jiġu konnessi ma’ veloċitajiet tal-gigabits. Il-binjiet ġodda b’ħafna abitazzjonijiet u l-binjiet b’ħafna abitazzjonijiet soġġetti għal rinnovazzjoni kbira jenħtieġ li jiġu attrezzati wkoll b’punt tal-aċċess, aċċessibbli għal impriża waħda jew aktar li jipprovdu jew li huma awtorizzati jipprovdu networks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Barra minn hekk, l-iżviluppaturi tal-bini jenħtieġ li jħejju pajpijiet vojta minn kull abitazzjoni sal-punt tal-aċċess, li jkun jinsab ġol-bini b’ħafna abitazzjonijiet jew fuq barra. Ir-rinnovazzjonijiet kbar tal-bini eżistenti fil-post tal-utent finali biex titjieb il-prestazzjoni tal-enerġija (skont id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) huma opportunità biex dawk il-binjiet jiġu attrezzati wkoll b’infrastruttura fiżika ġol-bini lesta għall-fibra, sistema ta’ wajers tal-fibra ġol-bini u, għal binjiet b’ħafna abitazzjonijiet, punt tal-aċċess.
(45)Il-prospett li l-bini jiġi attrezzat b’infrastruttura fiżika ġol-bini lesta għall-fibra, punt tal-aċċess jew wajers tal-fibra ġol-bini jista’ jitqies sproporzjonat mil-lat ta’ kostijiet, jiġifieri għal abitazzjonijiet uniċi ġodda jew għall-bini li jkunu qed isirulu xogħlijiet kbar ta’ rinnovazzjoni. Dan jista’ jiġi bbażat fuq raġunijiet oġġettivi, bħal stimi tal-kostijiet imfassla apposta, raġunijiet ekonomiċi marbuta mal-post, jew raġunijiet ta’ konservazzjoni tal-wirt urban jew ambjentali (pereżempju għal kategoriji speċifiċi ta’ monumenti).
(46)Ix-xerrejja u l-inkwilini prospettivi jenħtieġ li jkunu jistgħu jindunaw li l-bini jkun attrezzat b’infrastruttura fiżika ġol-bini lesta għall-fibra, punt tal-aċċess u wajers tal-fibra ġol-bini u li għalhekk għandu potenzjal konsiderevoli li jiffrankalhom il-kostijiet. Jenħtieġ li tiġi promossa wkoll it-tħejjija tal-bini għall-fibra. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżviluppaw tikketta obbligatorja “lest għall-fibra” għall-bini attrezzat b’din l-infrastruttura, punt tal-aċċess u wajers tal-fibra ġol-bini f’konformità ma’ dan ir-Regolament.
(47)L-impriżi li jipprovdu jew li huma awtorizzati jipprovdu networks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jintroduċu networks tal-gigabits f’żona speċifika jistgħu jiksbu ekonomiji ta’ skala sinifikanti jekk ikunu jistgħu jitterminaw in-network tagħhom għall-punt tal-aċċess tal-bini billi jużaw l-infrastruttura fiżika eżistenti u jreġġgħu lura ż-żona affettwata. Jenħtieġ li dan ikun possibbli, irrispettivament minn jekk abbonat ikunx esprima interess espliċitu għas-servizz f’dak il-mument, u diment li l-impatt fuq il-proprjetà privata jiġi minimizzat, ladarba n-network jiġi tterminat fil-punt tal-aċċess, il-konnessjoni ta’ klijent addizzjonali tkun possibbli b’kost ferm inqas, b’mod partikolari b’aċċess għal segment vertikali lest għall-fibra ġol-binja, meta dan ikun diġà jeżisti. Dak l-objettiv jintlaħaq ukoll meta l-binja nnifisha tkun diġà attrezzata b’network tal-gigabits li l-aċċess għalih jingħata lil kull fornitur ta’ networks pubbliċi tal-komunikazzjoni li jkollu xi abbonat attiv fil-binja, b’termini u kundizzjonijiet trasparenti, proporzjonati u nondiskriminatorji. Dan jista’ jkun il-każ b’mod partikolari fl-Istati Membri li jkunu ħadu miżuri skont l-Artikolu 44 tad-Direttiva (UE) 2018/1972.
(48)Biex jikkontribwixxu għall-iżgurar tad-disponibbiltà ta’ networks tal-gigabits għall-utenti finali, il-binjiet ġodda u l-binjiet rinnovati bil-kbir jenħtieġ li jiġu attrezzati b’infrastruttura fiżika ġol-bini lesta għall-fibra, wajers tal-fibra ġol-bini u, fil-każ tal-bini b’ħafna abitazzjonijiet, punt tal-aċċess. L-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom ċertu grad ta’ flessibbiltà biex jiksbu dan. Għalhekk, dan ir-Regolament ma għandux l-għan li jarmonizza r-regoli dwar il-kostijiet relatati, inkluż l-irkupru tal-kostijiet biex il-bini jiġi attrezzat b’infrastruttura fiżika ġol-bini lesta għall-fibra, wajers tal-fibra ġol-bini u punt tal-aċċess.
(49)F’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u biex jitqiesu ċ-ċirkostanzi nazzjonali, l-Istati Membri jenħtieġ li jadottaw l-istandards jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa biex il-bini mibni ġdid jew rinnovat bil-kbir jiġi attrezzat b’infrastruttura fiżika ġol-bini lesta għall-fibra u b’wajers tal-fibra ġol-bini; u l-bini ġdid jew rinnovat bil-kbir b’ħafna abitazzjonijiet jiġi attrezzat b’punt tal-aċċess. Dawk l-istandards jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jenħtieġ li jistabbilixxu mill-inqas: l-ispeċifikazzjonijiet tal-punt tal-aċċess tal-binjiet; l-ispeċifikazzjonijiet tal-interfaċċa tal-fibra; l-ispeċifikazzjonijiet tal-kejbil; l-ispeċifikazzjonijiet tas-sokit; l-ispeċifikazzjonijiet għall-pajpijiet jew l-kanali żgħar; l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa biex tkun evitata interferenza mal-kejbils elettriċi, u r-raġġ minimu tal-liwja. L-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu l-ħruġ tal-permessi tal-bini kundizzjonali għall-konformità tal-proġett rilevanti tal-bini ġdid jew tax-xogħlijiet kbar ta’ rinnovazzjoni li jeħtieġu permess tal-bini mal-istandards jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi abbażi ta’ rapport tat-test iċċertifikat. L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu wkoll skemi taċ-ċertifikazzjoni biex juru l-konformità mal-istandards jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, u biex jikkwalifikaw għat-tikketta “lest għall-fibra”. Barra minn hekk, biex tkun evitata aktar burokrazija relatata mal-iskema taċ-ċertifikazzjoni stabbilita skont dan ir-Regolament, l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu r-rekwiżiti proċedurali applikati għall-iskemi taċ-ċertifikazzjoni skont id-Direttiva 2010/31/UE, u jikkunsidraw il-possibbiltà li jippermettu t-tnedija kkombinata taż-żewġ proċeduri tat-talba.
(50)Fid-dawl tal-benefiċċji soċjali miksuba bl-inklużjoni diġitali u filwaqt li jitqiesu l-ekonomiji bl-introduzzjoni ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna, meta la jkun hemm infrastruttura passiva jew attiva eżistenti lesta għall-fibra li sservi l-bini tal-utenti finali u lanqas ma jkun hemm alternattivi biex jingħataw networks b’kapaċità għolja ħafna lil abbonat, jenħtieġ li kull fornitur ta’ network pubbliku tal-komunikazzjoni jkollu d-dritt li jittermina n-network tiegħu għall-post privat bi spejjeż tiegħu, diment li jitnaqqas kemm jista’ jkun l-impatt fuq il-proprjetà privata, pereżempju, jekk possibbli, billi terġa’ tintuża l-infrastruttura fiżika eżistenti disponibbli fil-bini jew billi jkun żgurat li ż-żoni affettwati jitreġġgħu lura għalkollox.
(51)It-talbiet tal-aċċess għall-infrastruttura fiżika ġol-bini jenħtieġ li jkunu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, filwaqt li t-talbiet għall-aċċess għall-wajers tal-fibra tkun taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2018/1972. Barra minn hekk, l-aċċess għall-infrastruttura fiżika ġol-bini jista’ jiġi rifjutat jekk l-aċċess għall-wajers tal-fibra ġol-bini jsir disponibbli b’termini u kundizzjonijiet ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji, inkluż il-prezz.
(52)Biex tkun żgurata l-konsistenza tal-approċċi, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-BEREC, il-Kummissjoni tista’ tipprovdi gwida dwar l-applikazzjonijiet tad-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-infrastruttura fiżika ġol-bini, inkluż iżda mhux biss dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tagħha. Il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati u tal-korpi nazzjonali tas-soluzzjoni tat-tilwim jenħtieġ li jitqiesu kif xieraq waqt it-tħejjija tal-gwida.
(53)Biex jitħeġġu l-modernizzazzjoni u l-aġilità tal-proċeduri amministrattivi u jitnaqqsu l-kost u l-ħin tal-proċeduri tal-introduzzjoni tan-networks b’kapaċità għolja ħafna, is-servizzi tal-punti uniċi tal-informazzjoni jenħtieġ li jsiru kompletament online. Għal dak il-għan, il-punti uniċi tal-informazzjoni jenħtieġ li jipprovdu aċċess faċli għall-għodod diġitali meħtieġa, bħal portali web, pjattaformi diġitali u applikazzjonijiet diġitali. L-għodod jenħtieġ li jagħtu aċċess b’mod effiċjenti għall-informazzjoni minima dwar l-infrastruttura fiżika eżistenti u x-xogħlijiet ċivili ppjanati u l-possibbiltà li tintalab l-informazzjoni. Dawn l-għodod diġitali jenħtieġ li jagħtu aċċess ukoll għall-proċeduri amministrattivi elettroniċi tal-għoti tal-permessi u d-drittijiet ta’ passaġġ, u informazzjoni relatata dwar il-kundizzjonijiet u l-proċeduri applikabbli. Meta jiġi stabbilit aktar minn punt uniku tal-informazzjoni wieħed fi Stat Membru, il-punti uniċi tal-informazzjoni kollha jenħtieġ li jkunu aċċessibbli faċilment u bla xkiel, b’mezzi elettroniċi, tramite punt tad-dħul diġitali nazzjonali uniku. Dan il-punt tad-dħul jenħtieġ li jkollu interfaċċa komuni tal-utenti li tiżgura aċċess għall-punti uniċi tal-informazzjoni online. Il-punt tad-dħul diġitali nazzjonali uniku jenħtieġ li jiffaċilita l-interazzjoni bejn l-operaturi u l-awtoritajiet kompetenti li jwettqu l-funzjonijiet tal-punti uniċi tal-informazzjoni.
(54)L-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew jistrieħu fuq, u meta meħtieġ itejbu, l-għodod diġitali, bħal portali web, pjattaformi diġitali u applikazzjonijiet diġitali li jaf diġà huma disponibbli fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali biex jaqdu l-funzjonijiet tal-punt uniku tal-informazzjoni, diment li dawn ikunu konformi mal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament. Dan jinkludi l-aċċess tramite punt tad-dħul diġitali nazzjonali uniku u d-disponibbiltà tal-funzjonalitajiet kollha stabbiliti f’dan ir-Regolament. Biex jikkonformaw mal-prinċipji tal-minimizzazzjoni u l-preċiżjoni tad-data ta’ “darba biss”, l-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew jintegraw aktar pjattaformi jew applikazzjonijiet diġitali li jappoġġaw il-punti uniċi tal-informazzjoni, kif xieraq. Pereżempju, il-pjattaformi jew l-applikazzjonijiet diġitali li jappoġġaw il-punti uniċi tal-informazzjoni fl-infrastruttura fiżika eżistenti jistgħu jiġu interkonnessi jew integrati għalkollox jew parzjalment ma’ dawk għax-xogħlijiet ċivili ppjanati u għall-għoti tal-permessi.
(55)Biex tkun żgurata l-effettività tal-punti uniċi tal-informazzjoni previsti f’dan ir-Regolament, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw ir-riżorsi adegwati u li l-informazzjoni rilevanti dwar żona ġeografika speċifika tkun disponibbli faċilment. L-informazzjoni jenħtieġ li tiġi ppreżentata bil-livell xieraq ta’ dettall biex tiġi massimizzata l-effiċjenza fid-dawl tal-kompiti assenjati, inkluż fil-katast lokali. F’dak ir-rigward, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw is-sinerġiji possibbli u l-ekonomiji ta’ skala mal-punti ta’ kuntatt waħdieni skont it-tifsira tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u soluzzjonijiet ippjanati jew eżistenti oħra tal-gvern elettroniku biex jibnu fuq l-istrutturi eżistenti u jimmassimizzaw il-benefiċċji għall-utenti. Bl-istess mod, il-Gateway Diġitali Unika prevista fir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jenħtieġ li tiġi konnessa mal-punti uniċi tal-informazzjoni.
(56)Il-kostijiet għall-istabbiliment tal-punt tad-dħul diġitali nazzjonali uniku, tal-punti uniċi tal-informazzjoni u tal-għodod diġitali meħtieġa għall-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jistgħu jkunu eliġibbli għalkollox jew parzjalment għal appoġġ finanzjarju mill-fondi tal-Unjoni, bħall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali – l-objettiv speċifiku: Ewropa aktar kompetittiva u aktar intelliġenti bis-saħħa tal-promozzjoni ta’ trasformazzjoni ekonomika innovattiva u intelliġenti u konnettività tal-ICT reġjonali; il-Programm Ewropa Diġitali – l-objettiv speċifiku: introduzzjoni u l-aqwa użu tal-kapaċitajiet diġitali u l-interoperabbiltà u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza – pilastri dwar it-trasformazzjoni diġitali u dwar it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, inkluż il-koeżjoni ekonomika, l-impjiegi, il-produttività, il-kompetittività, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, u suq intern li jiffunzjona tajjeb b’SMEs b’saħħithom, diment li jkunu konformi mal-objettivi u l-kriterji tal-eliġibbiltà fihom.
(57)Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tekniċi u kummerċjali waqt in-negozjati kummerċjali dwar l-aċċess għall-infrastruttura fiżika jew il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili, kull parti jenħtieġ li tkun tista’ titlob lil korp nazzjonali tas-soluzzjoni tat-tilwim biex jimponi soluzzjoni fuq il-partijiet ħalli jkunu evitati rifjuti mhux ġustifikati li tiġi ssodisfata t-talba jew l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet mhux raġonevoli. Meta jiddetermina l-prezzijiet tal-għoti tal-aċċess għax-xogħlijiet ċivili kkoordinati jew għall-kondiviżjoni tal-kostijiet tagħhom, il-korp tas-soluzzjoni tat-tilwim jenħtieġ li jiżgura li l-fornitur tal-aċċess u l-operaturi tan-networks li jippjanaw xogħlijiet ċivili jkollhom opportunità ġusta biex jirkupraw il-kostijiet tagħhom imġarrba biex jipprovdu l-aċċess għall-infrastruttura fiżika tagħhom jew biex jikkoordinaw ix-xogħlijiet ċivili ppjanati tagħhom. Jenħtieġ li dan iqis il-gwida xierqa tal-Kummissjoni, kull kundizzjoni nazzjonali speċifika, kull struttura tariffarja stabbilita u kull impożizzjoni preċedenti ta’ rimedji minn xi awtorità regolatorja nazzjonali. Il-korp tas-soluzzjoni tat-tilwim jenħtieġ li jqis ukoll l-impatt tal-aċċess mitlub jew tal-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili ppjanati fuq il-pjan tan-negozju tal-fornitur tal-aċċess jew tal-operaturi tan-networks li jippjanaw xogħlijiet ċivili, inkluż l-investimenti tagħhom magħmula jew ippjanati, b’mod partikolari l-investimenti fl-infrastruttura fiżika li għaliha tirreferi t-talba.
(58)Biex jevita d-dewmien fl-introduzzjoni tan-networks, il-korp nazzjonali tas-soluzzjoni tat-tilwim jenħtieġ li jsolvi t-tilwima fil-ħin u, fi kwalunkwe każ, fi żmien erba’ (4) xhur minn meta jirċievi t-talba biex isolvi t-tilwima fil-każ tat-tilwim dwar l-aċċess għall-infrastruttura fiżika eżistenti, u fi żmien xahar wieħed (1) fejn tidħol it-trasparenza dwar l-infrastruttura fiżika, il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili ppjanati u t-trasparenza dwar ix-xogħlijiet ċivili ppjanati. Ċirkostanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw dewmien fis-soluzzjoni ta’ tilwima jistgħu jkunu lil hinn mill-kontroll tal-korpi tas-soluzzjoni tat-tilwim, bħal nuqqas ta’ informazzjoni jew dokumentazzjoni biżżejjed li tkun meħtieġa biex tittieħed deċiżjoni, inkluż il-fehmiet ta’ awtoritajiet kompetenti oħra li jeħtieġ jiġu kkonsultati jew il-kumplessità qawwija tal-fajl.
(59)Meta jinqala’ tilwim dwar l-aċċess għall-infrastruttura fiżika, ix-xogħlijiet ċivili ppjanati jew l-informazzjoni tagħhom biex jiġu introdotti networks b’kapaċità għolja ħafna, il-korp tas-soluzzjoni tat-tilwim jenħtieġ li jkollu s-setgħa li jsolvi dan it-tilwim b’deċiżjoni vinkolanti. Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjonijiet ta’ dan il-korp jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li xi parti tirreferi l-każ quddiem qorti jew twettaq mekkaniżmu ta’ konċiljazzjoni preċedenti jew paralleli għas-soluzzjoni formali tat-tilwim, li jista’ jieħu l-forma ta’ medjazzjoni jew sessjoni addizzjonali ta’ skambji.
(60)F’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jallokaw kompiti regolatorji lill-aktar awtoritajiet adattati biex iwettquhom f’konformità mas-sistema kostituzzjonali nazzjonali tal-attribuzzjoni tal-kompetenzi u tas-setgħat u mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament. Biex jitnaqqas il-piż amministrattiv, l-Istati Membri jitħallew jenħtieġ li jaħtru korp eżistenti jew iżommu l-korpi kompetenti diġà maħtura skont id-Direttiva (UE) 2014/61/UE. L-informazzjoni dwar il-kompiti allokati lill-korp(i) kompetenti jenħtieġ li tiġi ppubblikata tramite punt uniku tal-informazzjoni u tiġi notifikata lill-Kummissjoni, sakemm dan ma jkunx sar diġà skont id-Direttiva (UE) 2014/61/UE. Id-diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri biex jallokaw il-funzjonijiet tal-punt uniku tal-informazzjoni lil aktar minn korp kompetenti wieħed, jenħtieġ li ma tkunx taffettwa l-abbiltà tagħhom li jaqdu dawk il-funzjonijiet b’mod effettiv.
(61)Il-korp nazzjonali tas-soluzzjoni tat-tilwim maħtur u l-korp kompetenti li jwettaq il-funzjonijiet tal-punt uniku tal-informazzjoni jenħtieġ li jiżguraw l-imparzjalità, l-indipendenza u s-separazzjoni strutturali lejn il-partijiet involuti, filwaqt li jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’mod imparzjali, trasparenti u fil-ħin; u jkollhom il-kompetenzi u r-riżorsi xierqa.
(62)L-Istati Membri jenħtieġ li jipprevedu penali xierqa, effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament jew ma’ deċiżjoni vinkolanti adottata mill-korpi kompetenti, inkluż meta operatur tan-network jew korp tas-settur pubbliku jipprovdi konxjament jew b’mod gravi u negliġenti informazzjoni qarrieqa, żbaljata jew skompluta tramite punt uniku tal-informazzjoni.
(63)Billi l-objettivi ta’ dan ir-Regolament li għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-introduzzjoni ta’ infrastrutturi fiżiċi adattati għan-networks b’kapaċità għolja ħafna madwar l-Unjoni ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri minħabba approċċi diverġenti persistenti, kif ukoll it-traspożizzjoni bil-mod u ineffettiva tad-Direttiva 2014/61/UE, iżda pjuttost jistgħu, minħabba l-iskala tal-introduzzjoni tan-networks u l-investimenti meħtieġa, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-objettivi.
(64)Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari dan ir-Regolament għandu l-għan li jiżgura rispett sħiħ tad-dritt għall-ħajja privata u l-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali, il-libertà ta’ intrapriża, id-dritt għal proprjetà u d-dritt għal rimedju effettiv. Dan ir-Regolament irid jiġi applikat f’konformità ma’ dawk id-drittijiet u l-prinċipji.
(65)Dan ir-Regolament jinkludi dispożizzjonijiet li jkopru l-oqsma kollha tas-sustanzi koperti mid-Direttiva 2014/61/UE, li għalhekk jenħtieġ li jitħassru.
(66)Bejn id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni hemm perjodu ta’ sitt xhur biex l-Istati Membri jkollhom biżżejjed żmien biex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom ma jkun fiha l-ebda ostaklu għall-applikazzjoni uniformi u effettiva ta’ dan ir-Regolament. Il-perjodu ta’ sitt (6) xhur hu mingħajr preġudizzju għar-regoli speċifiċi f’dan ir-Regolament dwar l-applikazzjoni mdewma ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi kif speċifikat fih. L-Istati Membri jridu jirtiraw id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkoinċidu ma’ dan ir-Regolament jew li jikkontradixxu dan sal-mument meta jibda japplika. Fir-rigward tal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida tul dan il-perjodu, jirriżulta mill-Artikolu 4(3) tat-TUE li l-Istati Membri għandhom id-dmir ta’ kooperazzjoni sinċiera li ma jiħdux azzjoni kunfliġġenti mar-regoli legali prospettivi tal-Unjoni,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament għandu l-għan li jiffaċilita u jistimula l-introduzzjoni tan-networks b’kapaċità għolja ħafna billi jippromwovi l-użu konġunt tal-infrastruttura fiżika eżistenti u billi jippermetti introduzzjoni aktar effiċjenti tal-infrastruttura fiżika ġdida biex dawn in-networks ikunu jistgħu jiġu introdotti aktar malajr u b’inqas kostijiet.
2. Jekk xi dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament tkun kunfliġġenti għal xi dispożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2018/1972 jew tad-Direttiva 2002/77/KE, għandha tipprevali d-dispożizzjoni rilevanti ta’ dawk id-Direttivi.
3. L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu miżuri f’konformità mal-liġi tal-Unjoni li jinkludu dispożizzjonijiet aktar dettaljati minn dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament meta dawn isiru bil-ħsieb li jippromwovu l-użu konġunt tal-infrastruttura fiżika eżistenti jew jippermettu introduzzjoni aktar effiċjenti ta’ infrastruttura fiżika ġdida.
4. B’eċċezzjoni għall-paragrafu 3, l-Istati Membri ma għandhomx iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet diverġenti fil-liġi nazzjonali tagħhom minn dawk stipulati fl-Artikolu 3(3) u (6), fl-Artikolu 4(4), fl-Artikolu 5(2) u (4), fl-Artikolu 6(2) u fl-Artikolu 8(7) u (8).
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2018/1972.
Japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)“operatur tan-network” tfisser:
(a)operatur kif definit fl-Artikolu 2(29) tad-Direttiva (UE) 2018/1972;
(b)impriża li tipprovdi infrastruttura fiżika maħsuba biex tipprovdi:
(i) servizz tal-produzzjoni, tat-trasport jew tad-distribuzzjoni ta’:
-
il-gass;
-
l-elettriku, inkluż it-tidwil pubbliku;
-
it-tisħin;
-
l-ilma, inkluż ir-rimi jew it-trattament tal-ilma mormi u tad-drenaġġ, u s-sistemi tad-drenaġġ;
(ii) servizzi tat-trasport, inkluż linji ferrovjarji, toroq, portijiet u ajruporti;
(2)“infrastruttura fiżika” tfisser:
(a)kwalunkwe element tan-network li hu maħsub biex jilqa’ elementi oħra tan-network bla ma jsir element attiv tan-network innifsu, bħal pajpijiet, arbli, toqob u kaxxetti tal-ispezzjoni, kaxxi, installazzjonijiet tal-antenni u torrijiet, kif ukoll il-bini jew id-daħliet għall-bini, u kull assi ieħor, inkluż l-għamara tat-toroq, bħall-arbli tad-dawl, is-sinjali tat-triq, id-dwal tat-traffiku, il-billboards, il-waqfiet tal-karozzi tal-linja u tat-tramm u l-istazzjonijiet tal-metrò;
(b)meta ma jkunux parti minn network u jkunu proprjetà ta’ korpi tas-settur pubbliku jew ikkontrollati minnhom: il-bini jew id-daħliet għall-bini, u kwalunkwe assi ieħor, inkluż l-għamara tat-toroq, bħall-arbli tad-dawl, is-sinjali tat-triq, id-dwal tat-traffiku, il-billboards, il-waqfiet tal-karozzi tal-linja u tat-tramm, u l-istazzjonijiet tal-metrò.
Il-kejbils, inkluż il-fibra skura, u l-elementi tan-networks użati għall-forniment tal-ilma għall-konsum mill-bniedem kif definit fl-Artikolu 2(1) tal-Kunsill (UE) 2020/2184 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mhumiex infrastruttura fiżika skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament;
(3) “xogħlijiet ċivili” tfisser l-eżiti ta’ xogħlijiet tal-bini jew tal-inġinerija ċivili meħuda kollha flimkien li minnhom infushom ikunu biżżejjed biex titwettaq funzjoni ekonomika jew teknika u li jinvolvu element wieħed jew aktar ta’ infrastruttura fiżika;
(4) “korp tas-settur pubbliku” tfisser awtorità tal-Istat, reġjonali jew lokali, korp regolat mil-liġi pubblika jew assoċjazzjoni maħluqa minn awtorità waħda jew bosta awtoritajiet bħal dawn, jew minn korp wieħed jew bosta korpi bħal dawn regolati mil-liġi pubblika;
(5) “korpi regolati mil-liġi pubblika” tfisser korpi li għandhom il-karatteristiċi kollha li ġejjin:
(a)jiġu stabbiliti bl-iskop speċifiku li jissodisfaw il-ħtiġijiet fl-interess ġenerali, li ma jkollhomx karattru industrijali jew kummerċjali;
(b)ikollhom personalità ġuridika;
(c)jiġu ffinanzjati, għalkollox jew ħafna minnhom, mill-awtoritajiet tal-Istat, reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra regolati mil-liġi pubblika; jew ikunu soġġetti għal superviżjoni maniġerjali minn dawk l-awtoritajiet jew il-korpi; jew ikollhom bord amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, li aktar minn nofs il-membri tiegħu jinħatru mill-awtoritajiet tal-Istat, reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra regolati mil-liġi pubblika;
(6) “infrastruttura fiżika ġol-bini” tfisser infrastruttura fiżika jew installazzjonijiet fiżiċi fil-post tal-utent finali, inkluż elementi bi sjieda konġunta, maħsuba biex jilqgħu networks tal-aċċess bil-fili u/jew bla fili, meta dawk in-networks tal-aċċess ikunu kapaċi jwasslu servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u jgħaqqdu l-punt tal-aċċess tal-bini mal-punt tat-terminazzjoni tan-network;
(7) “wajers tal-fibra ġol-bini” tfisser kejbils tal-fibra ottika fil-post tal-utent finali, inkluż elementi bi sjieda konġunta, maħsuba biex iwasslu servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u jgħaqqdu l-punt tal-aċċess tal-bini mal-punt tat-terminazzjoni tan-network;
(8) “infrastruttura fiżika ġol-bini lesta għall-fibra” tfisser infrastruttura fiżika ġol-bini maħsuba biex tilqa’ elementi tal-fibra ottika;
(9) “xogħlijiet kbar ta’ rinnovazzjoni” tfisser xogħlijiet ta’ bini jew ta’ inġinerija ċivili fil-post tal-utent finali li jinkludu modifiki strutturali tal-infrastruttura fiżika ġol-bini kollha jew ta’ parti sinifikanti minnha u li jeħtieġu permess tal-bini;
(10)
“permess” tfisser deċiżjoni espliċita jew impliċita jew sett ta’ deċiżjonijiet meħuda simultanjament jew suċċessivament minn awtorità kompetenti waħda jew aktar li huma meħtieġa biex impriża twettaq xogħlijiet tal-kostruzzjoni jew tal-inġinerija ċivili meħtieġa għall-introduzzjoni tal-elementi tan-networks b’kapaċità għolja ħafna;
(11)
“punt tal-aċċess” tfisser punt fiżiku, li jkun jinsab ġol-bini jew barra l-bini, aċċessibbli għal impriża waħda jew aktar li jipprovdu jew li huma awtorizzati biex jipprovdu networks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, fejn issir disponibbli konnessjoni mal-infrastruttura fiżika ġol-bini lesta għall-fibra.
Artikolu 3
Aċċess għall-infrastruttura fiżika eżistenti
1. B’talba bil-miktub ta’ operatur, il-korpi tas-settur pubbliku li jkunu sidien tal-infrastruttura fiżika jew li jikkontrollawha jew l-operaturi tan-networks għandhom jissodisfaw it-talbiet raġonevoli kollha tal-aċċess għal dik l-infrastruttura fiżika b’termini u kundizzjonijiet ġusti u raġonevoli, inkluż il-prezz, biex jiġu introdotti elementi ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna jew faċilitajiet assoċjati. Il-korpi tas-settur pubbliku li jkunu sidien tal-infrastruttura fiżika jew li jikkontrollawha għandhom jissodisfaw it-talbiet raġonevoli kollha tal-aċċess ukoll b’termini u kundizzjonijiet nondiskriminatorji. Dawn it-talbiet bil-miktub għandhom jispeċifikaw l-elementi tal-infrastruttura fiżika li għaliha jintalab l-aċċess, u jkunu jinkludu t-tul tal-perjodu speċifiku.
2. Meta jiġu biex jiddeterminaw il-prezzijiet bħala parti minn termini u kundizzjonijiet ġusti u raġonevoli għall-għoti tal-aċċess, l-operaturi tan-networks u l-korpi tas-settur pubbliku li jkunu sidien tal-infrastruttura fiżika jew li jikkontrollawha għandhom iqisu dawn li ġejjin:
(a)il-ħtieġa li jkun żgurat li l-fornitur tal-aċċess ikollu opportunità ġusta biex jirkupra l-kostijiet li jġarrab biex jipprovdi aċċess għall-infrastruttura fiżika tiegħu, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet nazzjonali speċifiċi u kull struttura tariffarja stabbilita biex tingħata opportunità ġusta għall-irkupru tal-kostijiet; fil-każ tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, għandu jitqies ukoll kull rimedju impost minn awtorità regolatorja nazzjonali.
(b)l-impatt tal-aċċess mitlub fuq il-pjan tan-negozju tal-fornitur tal-aċċess, inkluż l-investimenti fl-infrastruttura fiżika li għaliha jkun intalab l-aċċess;
(c)fil-każ speċifiku tal-aċċess għall-infrastruttura fiżika tal-operaturi, il-vijabbiltà ekonomika ta’ dawk l-investimenti abbażi tal-profil tar-riskju tagħhom, kull skeda taż-żmien għar-redditu fuq l-investiment, kull impatt tal-aċċess fuq il-kompetizzjoni downstream u allura fuq il-prezzijiet u r-redditu fuq l-investiment, kull deprezzament tal-assi tan-network fil-mument tat-talba tal-aċċess, kull argument għall-vijabbiltà li jsostni l-investiment fil-mument meta jkun sar, b’mod partikolari fl-infrastrutturi fiżiċi użati għall-forniment tal-konnettività, u kull possibbiltà offruta qabel lill-persuna li tfittex l-aċċess biex tinvesti b’mod konġunt fl-introduzzjoni tal-infrastruttura fiżika, notevolment skont l-Artikolu 76 tad-Direttiva (UE) 2018/1972, jew għal introduzzjoni konġunta magħha.
3. L-operaturi tan-networks u l-korpi tas-settur pubbliku li jkunu sidien tal-infrastruttura fiżika jew li jikkontrollawha jistgħu jirrifjutaw l-aċċess għal infrastruttura fiżika speċifika abbażi ta’ waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)hemm nuqqas ta’ adegwatezza teknika tal-infrastruttura fiżika li għaliha jkun intalab aċċess biex tilqa’ xi wieħed mill-elementi tan-networks b’kapaċità għolja ħafna msemmija fil-paragrafu 2;
(b)hemm nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ spazju biex jilqa’ l-elementi tan-networks b’kapaċità għolja ħafna jew tal-faċilitajiet assoċjati msemmija fil-paragrafu 2, inkluż wara li tkun tqieset il-ħtieġa futura għall-ispazju tal-fornitur tal-aċċess murija b’suffiċjenza;
(c)l-eżistenza ta’ tħassib dwar is-sikurezza u s-saħħa pubblika;
(d)tħassib għall-integrità u s-sigurtà ta’ xi network, b’mod partikolari l-infrastruttura nazzjonali kritika;
(e)ir-riskju ta’ interferenzi serji tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi ppjanati mal-forniment ta’ servizzi oħra fuq l-istess infrastruttura fiżika; jew
(f)id-disponibbiltà ta’ mezzi alternattivi vijabbli tal-aċċess fiżiku bl-ingrossa għan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi pprovduti mill-istess operatur tan-network u adattati għall-forniment tan-networks b’kapaċità għolja ħafna, diment li dan l-aċċess jiġi offrut b’termini u kundizzjonijiet ġusti u raġonevoli.
Meta l-għoti tal-aċċess jiġi rifjutat, l-operatur tan-network jew il-korp tas-settur pubbliku li jkun sid tal-infrastruttura fiżika jew li jikkontrollaha għandu jibgħat lill-persuna li tfittex l-aċċess, bil-miktub, ir-raġunijiet speċifiċi u dettaljati għal dak ir-rifjut fi żmien xahar wieħed (1) mid-data tal-wasla tat-talba sħiħa tal-aċċess.
4. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu korp biex jikkoordina t-talbiet tal-aċċess għall-infrastruttura fiżika li tkun il-proprjetà ta’ korpi tas-settur pubbliku jew ikkontrollata minnhom, jipprovdu pariri legali u tekniċi permezz tan-negozjar ta’ termini u kundizzjonijiet tal-aċċess, u jiffaċilitaw l-għoti tal-informazzjoni tramite punt uniku tal-informazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 10.
5. L-infrastruttura fiżika li diġà hi soġġetta għall-obbligi tal-aċċess imposti mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali skont id-Direttiva (UE) 2018/1972 jew li tirriżulta mill-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat ma għandhiex tkun soġġetta għall-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 2, 3 u 4, sakemm dawk l-obbligi tal-aċċess ikunu fis-seħħ.
6. Il-korpi tas-settur pubbliku li jkunu sidien ta’ bini jew ta’ ċerti kategoriji tal-bini, jew li jikkontrollawh, ma jistgħux japplikaw il-paragrafi 1, 2 u 3 għal dak il-bini jew dawk il-kategoriji tal-bini minħabba raġunijiet ta’ valur arkitettoniku, storiku, reliġjuż jew naturali, jew minħabba raġunijiet ta’ sigurtà pubblika, sikurezza u saħħa. L-Istati Membri għandhom jidentifikaw dan il-bini jew dawn il-kategoriji tal-bini fit-territorji tagħhom abbażi ta’ raġunijiet debitament ġustifikati u proporzjonati. L-informazzjoni dwar dan il-bini jew dawn il-kategoriji tal-bini għandha tiġi ppubblikata tramite punt uniku tal-informazzjoni u tiġi notifikata lill-Kummissjoni.
7. L-operaturi għandu jkollhom id-dritt li joffru aċċess għall-infrastruttura fiżika tagħhom għall-fini tal-introduzzjoni tan-networks, għajr in-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jew il-faċilitajiet assoċjati.
8. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt għall-proprjetà tas-sid tal-infrastruttura fiżika meta l-operatur tan-network jew il-korp tas-settur pubbliku ma jkunx is-sid, jew għad-dritt għall-proprjetà ta’ partijiet terzi oħra, bħas-sidien tal-artijiet u s-sidien ta’ proprjetà privata.
9. Wara li tkun ikkonsultat lill-partijiet ikkonċernati, lill-korpi nazzjonali tas-soluzzjoni tat-tilwim u lil korpi jew aġenziji kompetenti oħra tal-Unjoni fis-setturi rilevanti, kif xieraq, il-Kummissjoni tista’, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-BEREC, tipprovdi gwida dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 4
Trasparenza fuq l-infrastruttura fiżika
1. Biex jitlob aċċess għall-infrastruttura fiżika f’konformità mal-Artikolu 3, kull operatur għandu jkollu d-dritt ta’ aċċess, meta jitolbu, għall-informazzjoni minima li ġejja dwar l-infrastruttura fiżika eżistenti b’format elettroniku tramite punt uniku tal-informazzjoni:
(a)il-post u r-rotta ġeoreferenzjati;
(b)it-tip u l-użu attwali tal-infrastruttura;
(c)punt tal-kuntatt.
Din l-informazzjoni minima għandha tkun aċċessibbli minnufih, b’termini proporzjonati, nondiskriminatorji u trasparenti u, fi kwalunkwe każ, fi żmien 15-il jum minn meta tiġi sottomessa t-talba għall-informazzjoni.
L-operaturi li jitolbu aċċess għall-informazzjoni skont dan l-Artikolu għandhom jispeċifikaw iż-żona fejn ikun beħsiebhom jintroduċu l-elementi tan-networks b’kapaċità għolja ħafna jew il-faċilitajiet assoċjati.
L-aċċess għall-informazzjoni minima jista’ jkun limitat biss meta meħtieġ biex jiġu żgurati s-sigurtà ta’ ċerti binjiet li jkunu proprjetà ta’ korpi tas-settur pubbliku jew ikkontrollati minnhom, is-sigurtà tan-networks u l-integrità tagħhom, is-sigurtà nazzjonali, is-saħħa jew is-sikurezza pubblika, jew minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalità jew sigrieti kummerċjali u operattivi.
2. L-operaturi tan-networks u l-korpi tas-settur pubbliku għandhom jagħmlu disponibbli l-informazzjoni minima msemmija fil-paragrafu 1 tramite l-punt uniku tal-informazzjoni u b’format elettroniku, sa [DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ + 12-IL XAHAR]. Bl-istess kundizzjonijiet, l-operaturi tan-networks u l-korpi tas-settur pubbliku għandhom jagħmlu disponibbli minnufih kull aġġornament għal dik l-informazzjoni u kull informazzjoni minima ġdida msemmija fil-paragrafu 1.
3. L-operaturi tan-networks u l-korpi tas-settur pubbliku għandhom jissodisfaw it-talbiet raġonevoli għal stħarriġiet fuq il-post ta’ elementi speċifiċi tal-infrastruttura fiżika tagħhom meta ssir talba speċifika minn operatur. Dawn it-talbiet għandhom jispeċifikaw l-elementi tal-infrastruttura fiżika kkonċernata biex jiġu introdotti l-elementi tan-networks b’kapaċità għolja ħafna jew il-faċilitajiet assoċjati. L-istħarriġiet fuq il-post tal-elementi speċifikati tal-infrastruttura fiżika għandu jingħata b’termini proporzjonati, nondiskriminatorji u trasparenti fi żmien xahar wieħed (1) mid-data tal-wasla tat-talba, soġġett għal-limitazzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, ir-raba’ subparagrafu.
4. Il-paragrafi 1, 2 u 3 ma hemmx bżonn li jkunu japplikaw għall-infrastruttura nazzjonali kritika, kif definit fil-liġi nazzjonali.
Il-paragrafi 1, 2 u 3 ma għandhomx japplikaw:
(a)fil-każ tal-infrastruttura fiżika li mhix adattata teknikament għall-introduzzjoni ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna jew il-faċilitajiet assoċjati; jew
(b)f’każijiet speċifiċi meta l-obbligu li tingħata informazzjoni dwar ċerta infrastruttura fiżika eżistenti skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ikun sproporzjonat, abbażi ta’ analiżi dettaljata tal-kostbenefiċċji mwettqa mill-Istati Membri u abbażi ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.
Kull eċċezzjoni bħal din għandha tiġi ppubblikata tramite punt uniku tal-informazzjoni u tiġi notifikata lill-Kummissjoni.
5. L-operaturi li jiksbu aċċess għall-informazzjoni skont dan l-Artikolu għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw ir-rispett għall-kunfidenzjalità u għas-sigrieti kummerċjali u operattivi.
Artikolu 5
Koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili
1. Kull operatur tan-network għandu jkollu d-dritt li jinnegozja ftehimiet dwar il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili, inkluż dwar it-tqassim proporzjonat tal-kostijiet, ma’ operaturi oħra biex jiġu introdotti elementi tan-networks b’kapaċità għolja ħafna jew l-faċilitajiet assoċjati.
2. Meta jwettaq jew jippjana li jwettaq, direttament jew indirettament, xogħlijiet ċivili ffinanzjati għalkollox jew parzjalment b’mezzi pubbliċi, kull operatur tan-network għandu jissodisfa kull talba raġonevoli bil-miktub għal koordinazzjoni ta’ dawk ix-xogħlijiet ċivili b’termini trasparenti u nondiskriminatorji li jagħmlu l-operaturi biex jiġu introdotti elementi tan-networks b’kapaċità għolja ħafna jew il-faċilitajiet assoċjati.
Dawn it-talbiet għandhom jiġu ssodisfati diment li jiġu ssodisfati wkoll l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:
(a)ma jkunux jinvolvu kostijiet addizzjonali irrekuperabbli, inkluż dawk ikkawżati minn dewmien addizzjonali, għall-operatur tan-network li inizjalment kien ippreveda x-xogħlijiet ċivili inkwistjoni, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jintlaħaq qbil dwar it-tqassim proporzjonat tal-kostijiet bejn il-partijiet ikkonċernati;
(b)l-operatur tan-network li inizjalment kien ippreveda x-xogħlijiet ċivili jibqa’ jkollu kontroll tal-koordinazzjoni tax-xogħlijiet;
(c)it-talba tal-koordinazzjoni tiġi ppreżentata mill-aktar fis possibbli u, meta jkun meħtieġ permess, fi żmien xahrejn (2) qabel is-sottomissjoni tal-proġett finali lill-awtoritajiet kompetenti tal-għoti tal-permessi.
3. Talba għall-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili magħmula minn impriża li tipprovdi jew li hi awtorizzata tipprovdi networks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi lil impriża li tipprovdi jew li hi awtorizzata tipprovdi networks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi tista’ titqies mhux raġonevoli meta jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)it-talba tikkonċerna żona li kienet soġġetta għal xi waħda minn dawn:
(i)previżjoni tal-ilħuq minn networks tal-broadband, inkluż minn networks b’kapaċità għolja ħafna skont l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva (UE) 2018/1972;
(ii)stedina biex tiġi dikjarata l-intenzjoni li jiġu introdotti networks b’kapaċità għolja ħafna skont l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva (UE) 2018/1972;
(iii)konsultazzjoni pubblika għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat;
(b)l-impriża rikjedenti naqset milli tesprimi l-intenzjoni tagħha li tintroduċi networks b’kapaċità għolja ħafna fiż-żona msemmija fil-punt (a) b’xi waħda mill-aktar proċeduri riċenti minn dawk elenkati f’dak il-punt li jkopru l-perjodu li matulu ssir it-talba għal koordinazzjoni.
Jekk talba għal koordinazzjoni titqies mhux raġonevoli abbażi tal-ewwel paragrafu, l-impriża li tipprovdi jew li hi awtorizzata tipprovdi networks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li tirrifjuta l-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili għandha tintroduċi infrastruttura fiżika b’kapaċità biżżejjed biex takkomoda l-ħtiġijiet raġonevoli futuri possibbli tal-aċċess tal-partijiet terzi.
4. Il-paragrafi 2 u 3 ma hemmx bżonn li jkunu japplikaw għax-xogħlijiet ċivili b’ambitu limitat, mil-lat ta’ valur, daqs jew tul taż-żmien, jew għall-infrastruttura nazzjonali kritika. L-Istati Membri għandhom jidentifikaw it-tip tax-xogħlijiet ċivili meqjusa b’ambitu limitat jew relatati mal-infrastruttura nazzjonali kritika abbażi ta’ raġunijiet debitament ġustifikati u proporzjonati. L-informazzjoni dwar dawn it-tipi ta’ xogħlijiet ċivili għandha tiġi ppubblikata tramite punt uniku tal-informazzjoni u tiġi notifikata lill-Kummissjoni.
5. Wara li tkun ikkonsultat lill-partijiet ikkonċernati, lill-korpi nazzjonali tas-soluzzjoni tat-tilwim u lil korpi jew aġenziji kompetenti oħra tal-Unjoni fis-setturi rilevanti, kif xieraq, il-Kummissjoni tista’, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-BEREC, tipprovdi gwida dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 6
Trasparenza fuq ix-xogħlijiet ċivili ppjanati
1. Biex jiġu nnegozjati ftehimiet dwar il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili msemmija fl-Artikolu 5, kull operatur tan-network għandu jagħmel disponibbli b’format elettroniku tramite punt uniku tal-informazzjoni, l-informazzjoni minima li ġejja:
(a)il-post ġeoreferenzjat u t-tip ta’ xogħlijiet;
(b)l-elementi tan-networks involuti;
(c)id-data stmata għall-bidu tax-xogħlijiet u t-tul tagħhom;
(d)id-data stmata għas-sottomissjoni tal-proġett finali lill-awtoritajiet kompetenti għall-għoti tal-permessi, meta applikabbli;
(e)punt tal-kuntatt.
L-operatur tan-networks għandu jagħmel disponibbli l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għax-xogħlijiet ċivili ppjanati relatati mal-infrastruttura fiżika tiegħu. Dan irid isir malli l-informazzjoni tkun disponibbli għall-operatur tan-network u, fi kwalunkwe każ u meta jkun previst xi permess, fi żmien tliet (3) xhur qabel ma l-applikazzjoni għall-permess tiġi sottomessa l-ewwel darba lill-awtoritajiet kompetenti.
L-operaturi għandu jkollhom id-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni minima msemmija fl-ewwel subparagrafu b’format elettroniku, meta jitolbuh, tramite l-punt uniku tal-informazzjoni. It-talba tal-aċċess għall-informazzjoni għandha tispeċifika ż-żona fejn l-operatur rikjedenti jkun beħsiebu jintroduċi l-elementi tan-networks b’kapaċità għolja ħafna jew il-faċilitajiet assoċjati. Fi żmien ġimgħa waħda (1) mid-data tal-wasla tat-talba tal-informazzjoni, l-informazzjoni mitluba għandha ssir disponibbli b’termini proporzjonati, nondiskriminatorji u trasparenti. L-aċċess għall-informazzjoni minima jista’ jkun limitat biss sal-punt meħtieġ biex jiġu żgurati s-sigurtà tan-networks u l-integrità tagħhom, is-sigurtà nazzjonali, is-saħħa jew is-sikurezza pubblika, il-kunfidenzjalità jew is-sigrieti kummerċjali u operattivi.
2. Il-paragrafu 1 ma hemmx bżonn li jkun japplika għall-informazzjoni dwar xogħlijiet ċivili limitati fil-kamp ta’ applikazzjoni, bħal mil-lat ta’ valur, daqs jew tul taż-żmien, fil-każ ta’ infrastruttura nazzjonali kritika, jew minħabba raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali jew ta’ emerġenza. L-Istati Membri għandhom jidentifikaw, abbażi ta’ raġunijiet debitament ġustifikati u proporzjonati, ix-xogħlijiet ċivili meqjusa limitati fl-ambitu jew li jikkonċernaw l-infrastruttura nazzjonali kritika, kif ukoll l-emerġenzi jew ir-raġunijiet tas-sigurtà nazzjonali li jiġġustifikaw li ma jkunux soġġetti għall-obbligu li tingħata l-informazzjoni. L-informazzjoni dwar dawn ix-xogħlijiet ċivili esklużi mill-obbligi tat-trasparenza għandha tiġi ppubblikata tramite punt uniku tal-informazzjoni u tiġi notifikata lill-Kummissjoni.
Artikolu 7
Proċedura tal-għoti tal-permessi, inkluż id-drittijiet ta’ passaġġ
1. L-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jillimitaw, ifixklu jew jagħmlu ekonomikament inqas attraenti l-introduzzjoni ta’ xi element tan-networks b’kapaċità għolja ħafna jew il-faċilitajiet assoċjati. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull regola li tirregola l-kundizzjonijiet u l-proċeduri applikabbli għall-għoti tal-permessi, inkluż id-drittijiet ta’ passaġġ, meħtieġa għall-introduzzjoni tal-elementi tan-networks b’kapaċità għolja ħafna jew il-faċilitajiet assoċjati tkun konsistenti fit-territorju nazzjonali kollu.
2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu disponibbli kull informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet u l-proċeduri applikabbli għall-għoti tal-permessi, inkluż id-drittijiet ta’ passaġġ, inkluż kull informazzjoni dwar l-eżenzjonijiet fuq uħud mill-permessi jew id-drittijiet ta’ passaġġ, jew fuq kollha kemm huma, meħtieġa skont il-liġi nazzjonali jew il-liġi tal-Unjoni, tramite punt uniku tal-informazzjoni b’format elettroniku.
3. Kull operatur għandu jkollu d-dritt li jissottometti, tramite punt uniku tal-informazzjoni b’format elettroniku, applikazzjonijiet għall-permessi jew drittijiet ta’ passaġġ u li jikseb informazzjoni dwar l-istatus tal-applikazzjoni tiegħu.
4. L-awtoritajiet kompetenti għandhom, fi żmien 15-il jum tax-xogħol mill-wasla tagħhom, jirrifjutaw l-applikazzjonijiet tal-permessi, inkluż tad-drittijiet ta’ passaġġ, li għalihom l-informazzjoni minima ma tkunx saret disponibbli tramite punt uniku tal-informazzjoni, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1), mill-istess operatur li japplika għal dak il-permess.
5. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu jew jirrifjutaw il-permessi, għajr id-drittijiet ta’ passaġġ, fi żmien erba’ (4) xhur mid-data tal-wasla ta’ applikazzjoni sħiħa għall-permess.
Il-kompletezza tal-applikazzjoni għall-permess jew id-drittijiet ta’ passaġġ għandhom jiddeterminawha l-awtoritajiet kompetenti fi żmien 15-il jum mill-wasla tal-applikazzjoni. Sakemm l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux stiednu lill-applikant jipprovdi xi informazzjoni nieqsa f’dak il-perjodu, l-applikazzjoni għandha titqies sħiħa.
L-ewwel u t-tieni subparagrafu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal skadenzi jew obbligi speċifiċi oħra stabbiliti għat-twettiq xieraq tal-proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-għoti tal-permessi, inkluż il-proċedimenti tal-appell, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew mal-liġi nazzjonali f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.
Bħala eċċezzjoni u abbażi ta’ raġuni ġustifikata stabbilita minn Stat Membru, l-iskadenza ta’ erba’ (4) xhur imsemmija fl-ewwel subparagrafu u fil-paragrafu 6 tista’ tiġi estiża mill-awtorità kompetenti b’inizjattiva tagħha stess. Kull estensjoni għandha tkun l-iqsar possibbli. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-raġunijiet li jiġġustifikaw dik l-estensjoni, jippubblikawhom minn qabel tramite l-punti uniċi tal-informazzjoni u jinnotifikawhom lill-Kummissjoni.
Kull rifjut ta’ permess jew dritt ta’ passaġġ għandu jiġi debitament ġustifikat abbażi ta’ kriterji oġġettivi, trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati.
6. B’deroga mill-Artikolu 43(1)(a) tad-Direttiva (UE) 2018/1972, meta id-drittijiet ta’ passaġġ fuq jew taħt proprjetà pubblika jew privata jkunu meħtieġa għall-introduzzjoni tal-elementi tan-networks b’kapaċità għolja ħafna jew il-faċilitajiet assoċjati flimkien mal-permessi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu dawk id-drittijiet ta’ passaġġ fi żmien erba’ (4) xhur mid-data tal-wasla tal-applikazzjoni.
7. Fin-nuqqas ta’ tweġiba mingħand l-awtorità kompetenti sal-iskadenza ta’ erba’ (4) xhur imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5, u meta din l-skadenza ma tiġix estiża skont ir-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 5, il-permess għandu jitqies mogħti. Dan għandu japplika wkoll fil-każ tad-drittijiet ta’ passaġġ imsemmija fil-paragrafu 6.
8. Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tispeċifika l-kategoriji tal-introduzzjoni tal-elementi ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna jew tal-faċilitajiet assoċjati li ma għandhom ikunu soġġetti għall-bda proċedura tal-għoti tal-permessi skont it-tifsira ta’ dan l-Artikolu. Dan l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 13.
9. L-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jagħmlu l-introduzzjoni tal-elementi msemmija fil-paragrafu 8 soġġetta għal xi permess individwali għall-ippjanar urban jew għal permessi preċedenti individwali oħra. B’deroga, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu li l-permessi għall-introduzzjoni tal-elementi ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna jew tal-faċilitajiet assoċjati f’bini jew f’siti ta’ valur arkitettoniku, storiku, reliġjuż jew naturali protetti f’konformità mal-liġi nazzjonali jew, meta meħtieġ, minħabba raġunijiet ta’ sikurezza pubblika.
10. Il-permessi, għajr id-drittijiet ta’ passaġġ, meħtieġa għall-introduzzjoni tal-elementi tan-networks b’kapaċità għolja ħafna jew il-faċilitajiet assoċjati, ma għandhomx ikunu soġġetti għal tariffi jew imposti li jmorru lil hinn mill-kostijiet amministrattivi kif previst, mutatis mutandis, fl-Artikolu 16 tad-Direttiva (UE) 2018/1972.
11. Kull operatur li jkun ġarrab dannu minħabba nuqqas ta’ konformità mal-iskadenzi applikabbli skont il-paragrafi 5 u 6 għandu jirċievi kumpens għad-dannu mġarrab, f’konformità mal-liġi nazzjonali.
Artikolu 8
Infrastruttura fiżika u wajers tal-fibra ġol-bini
1. Il-binjiet kollha fil-post tal-utent finali, inkluż l-elementi bi sjieda konġunta, mibnija ġodda jew li jkunu qed isurulhom xogħlijiet kbar ta’ rinnovazzjoni, li għalihom l-applikazzjonijiet għall-permessi tal-bini jkunu ġew sottomessi wara [ID-DĦUL FIS-SEĦĦ + 12-IL XAHAR], għandhom jiġu attrezzati b’infrastruttura fiżika ġol-bini lesta għall-fibra sal-punti tat-terminazzjoni tan-network, kif ukoll b’wajers tal-fibra ġol-bini.
2. Il-binjiet kollha b’ħafna abitazzjonijiet mibnija ġodda jew li jkunu qed isirulhom xogħlijiet kbar ta’ rinnovazzjoni, u li għalihom l-applikazzjonijiet tal-permessi tal-bini jkunu ġew sottomessi wara [ID-DĦUL FIS-SEĦĦ + 12-IL XAHAR], għandhom jiġu attrezzati b’punt tal-aċċess.
3. Sa [ID-DĦUL FIS-SEĦĦ + 12-IL XAHAR], il-binjiet kollha fil-post tal-utenti finali, inkluż l-elementi tagħhom bi sjieda konġunta, li jkunu qed isurulhom rinnovazzjonijiet kbar kif definit fil-punt 10 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2010/31/UE, għandhom jiġu attrezzati b’infrastruttura fiżika ġol-bini lesta għall-fibra, sal-punti tat-terminazzjoni tan-network, u b’wajers tal-fibra fil-bini. Il-binjiet kollha b’ħafna abitazzjonijiet li jkunu qed isirulhom rinnovazzjonijiet kbar kif definit fil-punt 10 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2010/31/UE għandhom jiġu attrezzati wkoll b’punt tal-aċċess.
4. L-Istati Membri għandhom jadottaw l-istandards jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti li huma meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 1, 2 u 3 qabel [ID-DĦUL FIS-SEĦĦ + 9 XHUR]. Dawk l-istandards jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jistabbilixxu mill-inqas:
(a)l-ispeċifikazzjonijiet tal-punt tal-aċċess għall-bini u l-ispeċifikazzjonijiet tal-interfaċċa tal-fibra;
(b)l-ispeċifikazzjonijiet tal-kejbil;
(c)l-ispeċifikazzjonijiet tas-sokit;
(d)l-ispeċifikazzjonijiet għall-pajpijiet jew il-kanali żgħar;
(e)l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa biex tiġi evitata interferenza mal-kejbils elettriċi;
(f)ir-raġġ minimu tal-liwja.
5. Il-bini attrezzat f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandu jkun eliġibbli biex jirċievi t-tikketta “lest għall-fibra”.
6. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu skemi taċ-ċertifikazzjoni biex juru l-konformità mal-istandards jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fil-paragrafu 4, u biex jikkwalifikaw għat-tikketta “lest għall-fibra” prevista fil-paragrafu 5 qabel [ID-DĦUL FIS-SEĦĦ + 12-IL XAHAR]. L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-ħruġ tal-permessi għall-bini msemmija fil-paragrafi 1 u 2 kondizzjonali għall-konformità mal-istandards jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija f’dan il-paragrafu abbażi ta’ rapport tat-test iċċertifikat.
7. Il-paragrafi 1, 2 u 3 ma għandhomx japplikaw għal ċerti kategoriji tal-bini, b’mod partikolari għall-bini b’abitazzjoni waħda, meta l-konformità ma’ dawk il-paragrafi tkun sproporzjonata, b’mod partikolari mil-lat ta’ kostijiet għal sidien individwali jew konġunti abbażi ta’ elementi oġġettivi.
8. Il-paragrafi 1, 2 u 3 ma hemmx bżonn li jkunu japplikaw għal ċerti tipi ta’ bini, bħal kategoriji speċifiċi ta’ monumenti, bini storiku, bini militari u bini użat għal finijiet ta’ sigurtà nazzjonali, kif definit fil-liġi nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jidentifikaw dawn il-kategoriji tal-bini abbażi ta’ raġunijiet debitament ġustifikati u proporzjonati. L-informazzjoni dwar dawn il-kategoriji tal-bini għandha tiġi ppubblikata tramite punt uniku tal-informazzjoni u tiġi notifikata lill-Kummissjoni.
Artikolu 9
Aċċess għall-infrastruttura fiżika ġol-bini
1. Soġġett għall-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, kull fornitur ta’ network pubbliku tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għandu jkollu d-dritt li jintroduċi n-network tiegħu bi spejjeż tiegħu sal-punt tal-aċċess.
2. Soġġett għall-paragrafu 3, kull fornitur ta’ network pubbliku tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għandu jkollu d-dritt tal-aċċess għal kwalunkwe infrastruttura fiżika eżistenti ġol-bini biex jintroduċi elementi tan-networks b’kapaċità għolja ħafna jekk id-duplikazzjoni tkun teknikament impossibbli jew ekonomikament ineffiċjenti.
3. Kull detentur ta’ dritt li juża l-punt tal-aċċess u l-infrastruttura fiżika ġol-bini għandu jissodisfa t-talbiet raġonevoli kollha tal-aċċess għall-punt tal-aċċess u għall-infrastruttura fiżika ġol-bini mingħand il-fornituri tan-networks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi b’termini u kundizzjonijiet ġusti u nondiskriminatorji, inkluż il-prezz, meta xieraq.
Kull detentur ta’ dritt li juża l-punt tal-aċċess jew l-infrastruttura fiżika ġol-bini jista’ jirrifjuta l-aċċess meta l-aċċess għall-wajers tal-fibra ġol-bini jkun mogħti skont l-obbligi imposti skont id-Direttiva (UE) 2018/1972, fit-Titolu II, il-Kapitoli minn II sa IV, jew magħmul disponibbli b’termini u kundizzjonijiet ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji, inkluż il-prezz.
4. Meta ma jkunx hemm id-disponibbiltà ta’ infrastruttura fiżika ġol-bini lesta għall-fibra, kull fornitur ta’ network pubbliku tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għandu jkollu d-dritt li jittermina n-network tiegħu fil-bini tal-abbonat, soġġett għall-qbil tal-abbonat, diment li dan inaqqas kemm jista’ jkun l-impatt fuq il-proprjetà privata ta’ partijiet terzi.
5. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt għall-proprjetà tas-sid tal-punt tal-aċċess jew tal-infrastruttura fiżika ġol-bini, meta d-detentur ta’ dritt għall-użu ta’ dik l-infrastruttura jew ta’ dak il-punt tal-aċċess ma jkunx is-sid, u għad-dritt għall-proprjetà ta’ partijiet terzi oħra, bħas-sidien tal-artijiet u s-sidien tal-bini.
6. Wara li tkun ikkonsultat lill-partijiet ikkonċernati, lill-korpi nazzjonali tas-soluzzjoni tat-tilwim u lil korpi jew aġenziji kompetenti oħra tal-Unjoni fis-setturi rilevanti, kif xieraq, il-Kummissjoni tista’, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-BEREC, tipprovdi gwida dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 10
Diġitalizzazzjoni tal-punti uniċi tal-informazzjoni
1. Il-punti uniċi tal-informazzjoni għandhom jagħmlu l-għodod diġitali xierqa disponibbli, bħal fil-forma ta’ portali web, pjattaformi diġitali jew applikazzjonijiet diġitali, biex jippermettu l-eżerċitar online tad-drittijiet kollha u l-konformità mal-obbligi kollha stabbiliti f’dan ir-Regolament.
2. L-Istati Membri jistgħu jinterkollegaw jew jintegraw għalkollox jew parzjalment diversi għodod diġitali li jappoġġaw il-punti uniċi tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, kif xieraq.
3. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu punt tad-dħul diġitali nazzjonali uniku, li jkun jikkonsisti f’interfaċċa komuni tal-utenti li tiżgura aċċess bla xkiel għall-punti uniċi tal-informazzjoni diġitalizzati.
Artikolu 11
Soluzzjoni tat-tilwim
1. Mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-każ jiġi riferut quddiem qorti, kull parti għandha tkun intitolata li tirreferi tilwima li tista’ tinqala’ quddiem il-korp nazzjonali kompetenti tas-soluzzjoni tat-tilwim stabbilit skont l-Artikolu 12:
(a)meta l-aċċess għall-infrastruttura eżistenti jiġi rrifjutat jew ma jkunx intlaħaq qbil dwar it-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi, inkluż il-prezz, fi żmien xahar wieħed (1) mid-data tal-wasla tat-talba tal-aċċess skont l-Artikolu 3;
(b)b’rabta mad-drittijiet u l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 4 u 6, inkluż meta l-informazzjoni mitluba ma tingħatax fi żmien 15-il jum wara li tiġi sottomessa t-talba skont l-Artikolu 4, u fi żmien ġimgħa waħda (1) wara li tiġi sottomessa t-talba skont l-Artikolu 6;
(c)meta ma jkunx intlaħaq qbil dwar il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili skont l-Artikolu 5(2) fi żmien xahar wieħed (1) mid-data tal-wasla tat-talba formali tal-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili; jew
(d)meta ma jkunx intlaħaq qbil dwar l-aċċess għall-infrastruttura fiżika ġol-bini msemmi fl-Artikolu 9(2) jew (3) fi żmien xahar wieħed (1) mid-data tal-wasla tat-talba formali tal-aċċess;
2. Filwaqt li jqis bis-sħiħ il-prinċipju tal-proporzjonalità u l-prinċipji stabbiliti fil-gwida tal-Kummissjoni, il-korp nazzjonali tas-soluzzjoni tat-tilwim imsemmi fil-paragrafu 1 għandu joħroġ deċiżjoni vinkolanti biex isolvi t-tilwima sa mhux aktar tard minn:
(a)fi żmien erba’ xhur mid-data tal-wasla tat-talba tas-soluzzjoni tat-tilwim, fir-rigward tat-tilwim imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (a);
(b)fi żmien xahar mid-data tal-wasla tat-talba tas-soluzzjoni tat-tilwim, fir-rigward tat-tilwim imsemmi fil-paragrafu 1, il-punti (b), (c) u (d).
Dawk l-iskadenzi jistgħu jiġu estiżi biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali.
3. Fir-rigward tat-tilwim imsemmi fil-paragrafu 1, il-punti (a), (c) u (d), tad-deċiżjoni tal-korp nazzjonali tas-soluzzjoni tat-tilwim tista’ tikkonsisti fl-istabbiliment ta’ termini u kundizzjonijiet ġusti u raġonevoli, inkluż il-prezz, meta xieraq.
Meta t-tilwima tkun relatata mal-aċċess għall-infrastruttura ta’ operatur u l-korp nazzjonali tas-soluzzjoni tat-tilwim ikun l-awtorità regolatorja nazzjonali, għandhom jitqiesu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2018/1972, meta xieraq.
4. Ir-regoli stabbiliti f’dan l-Artikolu jiżdiedu mar-rimedji u l-proċeduri ġudizzjarji f’konformità mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u huma mingħajr preġudizzju għalihom.
Artikolu 12
Korpi kompetenti
1. Kull kompitu assenjat lill-korp nazzjonali tas-soluzzjoni tat-tilwim għandu jitwettaq minn korp kompetenti wieħed jew aktar, li jista’ jkun korp eżistenti.
2. Il-korp nazzjonali tas-soluzzjoni tat-tilwim għandu jkun legalment distint u funzjonalment indipendenti minn kwalunkwe operatur tan-network u minn kwalunkwe korp tas-settur pubbliku li jkun sid tal-infrastruttura fiżika involuta fit-tilwim, jew li jikkontrollaha. L-Istati Membri li jibqa’ jkollhom is-sjieda jew il-kontroll tal-operaturi tan-networks għandhom jiżguraw separazzjoni strutturali effettiva tal-funzjonijiet relatati mal-proċeduri nazzjonali tas-soluzzjoni tat-tilwim u dawk tal-punt uniku tal-informazzjoni minn attivitajiet assoċjati mas-sjieda jew mal-kontroll.
3. Il-korp nazzjonali tas-soluzzjoni tat-tilwim jista’ jitlob xi ħlasijiet biex ikopri l-kostijiet tat-twettiq tal-kompiti assenjati lilu.
4. Il-partijiet kollha kkonċernati minn tilwima għandhom jikkooperaw bis-sħiħ mal-korp nazzjonali tas-soluzzjoni tat-tilwim.
5. Il-funzjonijiet ta’ punt uniku tal-informazzjoni msemmi fl-Artikoli minn 3 sa 8 u 10 għandhom jitwettqu minn korp kompetenti wieħed jew aktar maħtura mill-Istati Membri fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali, kif xieraq. Biex jiġu koperti l-kostijiet tal-qadi ta’ dawk il-funzjonijiet, jistgħu jintalbu ħlasijiet għall-użu tal-punti uniċi tal-informazzjoni.
6. Il-paragrafu 2 għandu japplika mutatis mutandis għall-korpi kompetenti li jwettqu l-funzjonijiet ta’ punt uniku tal-informazzjoni.
7. Il-korpi kompetenti għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’mod imparzjali, trasparenti u fil-ħin. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn ikollhom ir-riżorsi tekniċi, finanzjarji u umani adegwati biex iwettqu l-kompiti assenjati lilhom.
8. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw il-kompiti rispettivi li jrid iwettaq kull korp kompetenti tramite punt uniku tal-informazzjoni, b’mod partikolari meta dawk il-kompiti jiġu assenjati lil aktar minn korp kompetenti wieħed jew meta l-kompiti assenjati jkunu nbidlu. Meta xieraq, il-korpi kompetenti għandhom jikkonsultaw u jikkooperaw bejniethom dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni.
9. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-identità ta’ kull korp kompetenti f’konformità ma’ dan l-Artikolu għall-qadi ta’ funzjoni skont dan ir-Regolament, u bir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, sa [ID-DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ] u dwar kull modifika, qabel ma tali deżinjazzjoni jew modifika tidħol fis-seħħ.
10. Kull deċiżjoni meħuda minn korp kompetenti għandha tkun soġġetta għal appell, f’konformità mal-liġi nazzjonali, quddiem korp tal-appell indipendenti għalkollox, inkluż korp ta’ natura ġudizzjarja. L-Artikolu 31 tad-Direttiva (UE) 2018/1972 għandu japplika mutatis mutandis għal kull appell skont dan il-paragrafu.
Id-dritt għal appell f’konformità mal-ewwel subparagrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-partijiet li jressqu t-tilwima quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti.
Artikolu 13
Proċedura ta’ kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Komunikazzjoni stabbilit mill-Artikolu 118(1) tad-Direttiva (EU) 2018/1972. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 14
Penali u kumpens
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali, inkluż, meta meħtieġ, multi u penali mhux kriminali stabbiliti minn qabel jew perjodiċi, applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u ta’ xi deċiżjoni vinkolanti adottata skont dan ir-Regolament mill-korpi kompetenti msemmija fl-Artikolu 12 u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu xierqa, effettivi, proporzjonati u dissważivi.
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar kumpens finanzjarju adegwat għall-persuni li jġarrbu dannu minħabba l-eżerċitar tad-drittijiet previsti f’dan ir-Regolament.
Artikolu 15
Rapport u monitoraġġ
1. Sa [ID-DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ + 5 SNIN], il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu jinkludi sommarju tal-impatt tal-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament u valutazzjoni tal-progress lejn l-ilħuq tal-objettivi tiegħu, inkluż jekk ir-Regolament jistax jikkontribwixxi aktar biex jintlaħqu l-miri tal-konnettività stabbiliti fid-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-Programm ta’ Politika tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali u, jekk iva, kif.
2. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni mingħand l-Istati Membri, li trid tiġi sottomessa mingħajr dewmien żejjed. B’mod partikolari, sa [ID-DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ + 12-IL XAHAR], l-Istati Membri għandhom, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, permezz tal-Kumitat tal-Komunikazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 118 tad-Direttiva (UE) 2018/1972, jistabbilixxu indikaturi biex jimmonitorjaw b’mod adegwat l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-mekkaniżmu biex jiżguraw il-ġbir perjodiku tad-data u r-rapportar ta’ dan lill-Kummissjoni.
Artikolu 16
Miżuri tranżizzjonali
Il-miżuri nazzjonali li jispeċifikaw il-kategoriji tal-introduzzjoni tal-elementi ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna jew tal-faċilitajiet assoċjati li ma jkunux soġġetti għal xi proċedura tal-għoti tal-permessi skont it-tifsira tal-Artikolu 7, u li ġew adottati mill-Istati Membri skont id-Direttiva 2014/61/UE jew qabel id-dħul fis-seħħ tagħha, iżda f’konformità magħha, għandhom jibqgħu japplikaw sakemm jibda japplika l-att ta’ implimentazzjoni previst fl-Artikolu 7(8) ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 17
Revoka
1. Id-Direttiva 2014/61/UE ġiet revokata.
2. Ir-referenzi għad-Direttiva revokata għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw f’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness.
Artikolu 18
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2. Għandu japplika minn [6 xhur wara d-dħul fis-seħħ tiegħu].
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President