IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 3.2.2023
COM(2023) 55 final
ANNESS
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat għall-Kummerċ stabbilit skont il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, fir-rigward tal-emenda tal-Protokoll 1 dwar id-definizzjoni ta’ “prodotti li joriġinaw” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva
DEĊIŻJONI Nru 2022/01
tal-Kumitat għall-Kummerċ
ta’ …
li jimmodifika l-Anness II (Lista ta’ ħidma jew ipproċessar meħtieġ) tal-Protokoll 1, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti li joriġinaw” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva
Il-Kumitat għall-Kummerċ,
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”), u b’mod partikolari l-paragrafu 1 tal-Artikolu 36 tal-Protokoll 1, u s-subparagrafu (c) tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 17.1 tal-Ftehim,
Billi:
(1)Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 36 tal-Protokoll 1 jipprevedi li l-Kumitat dwar id-Dwana jista’ jirrieżamina d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 1 u jippreżenta proposta għal deċiżjoni biex temendah li għandha tiġi adottata mill-Kumitat għall-Kummerċ.
(2)Il-Paragrafu 1 tal-Artikolu 17.4 tal-Ftehim jipprevedi li l-Kumitat għall-Kummerċ jista’ jadotta deċiżjonijiet vinkolanti meta previst fil-Ftehim.
(3)Fl-1 ta’ Jannar 2017 u fl-1 ta’ Jannar 2022 ġew introdotti emendi fir-rigward tan-Nomenklatura rregolata mill-Konvenzjoni dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifikazzjoni tal-Merkanzija (“SA”). Il-Partijiet tal-Ftehim qablu li jaġġornaw l-Anness II tal-Protokoll 1 li fih il-lista tal-ħidma jew tal-ipproċessar meħtieġ biex jirrifletti l-emendi tas-SA tal-2022.
(4)M’hemm l-ebda kundizzjoni fl-Anness II tal-Protokoll 1 biex il-prodotti maħdumin bil-labar jew bil-ganċ tal-Intestatura 6212 jitqiesu biżżejjed maħdumin jew ipproċessati. Ir-regola tal-Kapitolu 62 tal-Anness II tal-Protokoll 1 ma tistax tiġi applikata għal dawk il-prodotti peress li hija limitata għal prodotti “mhux maħdumin bil-labar jew bil-ganċ”. Għalhekk, jenħtieġ li tiżdied regola speċifika għall-prodotti maħdumin bil-labar jew bil-ganċ tal-Intestatura 6212.
(5)Il-ħidma jew l-ipproċessar meħtieġa għall-prodotti kklassifikati fil-Kapitolu 41 mhumiex fil-kolonna rilevanti fl-Anness II tal-Protokoll 1. Dan jenħtieġ li jiżdied.
(6)Il-kelma “individwali” fit-tielet u r-raba’ kundizzjonijiet tal-ħidma jew tal-ipproċessar meħtieġa għall-prodotti tal-Kapitolu 19 tal-Anness II tal-Protokoll 1 tista’ tiġi interpretata b’mod differenti fir-rigward tal-kontenut tal-materjali tal-Kapitolu 4 u taz-zokkor. Biex tiġi ċċarata r-regola, il-kelma “individwali” jenħtieġ li titħassar fiż-żewġ istanzi.
(7)It-tolleranzi għall-prodotti tessili tal-Kapitolu 62 tal-Anness II tal-Protokoll 1 mhumiex imsemmija fir-regoli alternattivi differenti tal-ħidma jew tal-ipproċessar meħtieġa. Dan jenħtieġ li jiġi kkorreġut.
(8)Għalhekk, l-Anness II tal-Protokoll 1 tal-Ftehim jenħtieġ li jiġi modifikat.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Anness II tal-Protokoll 1 tal-Ftehim, li fih il-lista ta’ ħidma jew ipproċessar li meħtieġa jitwettqu fuq materjali li ma joriġinawx sabiex il-prodott manifatturat jikseb status tal-oriġini huwa emendat, kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2024.
Magħmul f’żewġ kopji bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Ispanjol, bl-Iżvediż, bil-Kroat, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bl-Olandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bit-Taljan, bl-Ungeriż u bil-Vjetnamiż, b’kull test ikollu l-istess awtentiċità.
Magħmul fi Brussell u f’Hanoi, [daħħal id-data]
Għall-Kumitat għall-Kummerċ
Il-Kopresidenti
-----------------------------------------
----------------------------------------------------------
ANNESS
L-Anness II tal-Protokoll 1 huwa emendat kif ġej:
(1)Fir-ringiela relatata mal-Intestatura “0305”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-merkanzija” huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Ħut, imnixxef, immellaħ jew fis-salmura; ħut affumikat, kemm jekk imsajjar qabel jew matul il-proċess tal-affumikar u kemm jekk le”;
(2)Fir-ringiela relatata mal-Intestatura “ex 0306”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-merkanzija” huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Krustaċji, kemm jekk fil-qoxra u kemm jekk le, imnixxfin, immellħin jew fis-salmura; krustaċji affumikati, kemm jekk imsajrin qabel jew matul il-proċess tal-affumikar u kemm jekk le; krustaċji, fil-qoxra, imsajrin bil-fwar jew bit-togħlija fl-ilma, kemm jekk imkessħin, iffriżati, imnixxfin, xotti, immellħin, jew fis-salmura”;
(3)Fir-ringiela relatata mal-Intestatura “ex 0307”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-merkanzija” huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Molluski, kemm jekk fil-qoxra u kemm jekk le, imnixxfin, immellħin jew fis-salmura; molluski affumikati, kemm jekk fil-qoxra u kemm jekk le, kemm jekk imsajrin qabel jew matul il-proċess tal-affumikar u kemm jekk le”;
(4)Fir-ringiela relatata mal-Intestatura “ex 0308”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-merkanzija” huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Invertebrati akkwatiċi għajr il-krustaċji u l-molluski, imnixxfin, immellħin jew fis-salmura; invertebrati akkwatiċi affumikati, għajr il-krustaċji jew il-molluski, kemm jekk imsajrin qabel jew matul il-proċess tal-affumikar u kemm jekk le”;
(5)Bejn ir-ringiela relatata mal-Intestatura “ex 0308” u r-ringiela relatata mal-“ex Kapitolu 4”, tiddaħħal ringiela ġdida kif ġej:
“0309
|
Dqiq, frakass u pellets tal-ħut, tal-krustaċji, tal-molluski jew ta’ invertebrati akkwatiċi oħrajn, tajbin għall-konsum mill-bniedem
|
Manifattura fejn il-materjali kollha tal-Kapitolu 3 użati jinkisbu b’mod sħiħ.”;
|
(6)Fir-ringiela relatata mal-“ex Kapitolu 15”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-merkanzija” huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Xaħmijiet u żjut tal-annimali, veġetali jew mikrobiċi u prodotti mill-qsim tagħhom; xaħmijiet ippreparati tajbin għall-ikel; xemgħat tal-annimali jew veġetali; għajr għal:”;
(7)Fir-ringiela relatata mal-intestatura “1516 u 1517”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-merkanzija” huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Xaħmijiet u żjut tal-annimali, veġetali jew mikrobiċi u l-frazzjonijiet tagħhom, parzjalment jew kompletament idroġenati, esterifikati bejniethom, riesterifikati jew elajdinizzati, kemm jekk raffinati u kemm jekk le, iżda mhux ippreparati mod ieħor;
Marġerina; taħlitiet jew preparati tajbin għall-ikel tax-xaħmijiet jew taż-żjut tal-annimali, veġetali jew mikrobiċi jew tal-frazzjonijiet ta’ xaħmijiet u żjut differenti ta’ dan il-Kapitolu, għajr xaħmijiet jew żjut tajbin għall-ikel jew il-frazzjonijiet tagħhom tal-intestatura 1516.”;
(8)Fir-ringiela relatata mal-intestatura “Kapitolu 16”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-merkanzija” huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Preparati ta’ laħam, ta’ ħut jew ta’ krustaċji, molluski jew invertebrati akkwatiċi oħrajn, jew ta’ insetti”;
(9)Fir-ringiela relatata mal-intestatura “Kapitolu 19”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Manifattura minn materjali ta’ kwalunkwe intestatura, għajr dik tal-prodott, fejn:
— il-piż tal-materjali tal-Kapitoli 2, 3 u 16 użati ma jaqbiżx l-20 % tal-piż tal-prodott finali;
— il-piż tal-materjali tal-intestaturi 1006 u minn 1101 sa 1108 użati ma jaqbiżx l-20 % tal-piż tal-prodott finali;
— il-piż tal-materjali tal-Kapitolu 4 użati ma jaqbiżx l-20 % tal-piż tal-prodott finali;
— il-piż taz-zokkor użat ma jaqbiżx l-40 % tal-piż tal-prodotti finali; kif ukoll
— il-piż totali kkombinat taz-zokkor u l-materjali tal-Kapitolu 4 ma jaqbiżx il-50 % tal-piż tal-prodott finali.
(10)Fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “L-ex Kapitolu 24”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Tabakk u sostituti manifatturati tat-tabakk; prodotti, kemm jekk ikun fihom in-nikotina u kemm jekk le, maħsuba għall-inalazzjoni mingħajr kombustjoni; prodotti oħra li fihom in-nikotina maħsuba għat-teħid tan-nikotina minn ġisem il-bniedem; għajr għal:”;
(11)Bejn ir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “ex 2402” u r-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “ex Kapitolu 25”, l-erba’ ringieli ġodda li ġejjin jiddaħħlu kif ġej:
“2404 12
|
Prodotti maħsuba għall-inalazzjoni mingħajr kombustjoni, li ma fihomx tabakk jew tabakk rikostitwit, u li fihom in-nikotina
|
Manifattura minn materjali ta’ kwalunkwe intestatura, għajr dik tal-prodott. Madankollu, il-materjali mill-istess intestatura tal-prodott jistgħu jintużaw, sakemm il-valur totali tagħhom ma jaqbiżx l-20 % tal-prezz mill-fabbrika tal-prodott; jew
manifattura li fiha l-valur totali tal-materjali kollha li ntużaw ma jaqbiżx il-50 % tal-prezz mill-fabbrika tal-prodott.
|
ex 2404 19
|
Cartridges u rikariki, mimlija għas-sigaretti elettroniċi
|
Manifattura minn materjali ta’ kwalunkwe intestatura, għajr dik tal-prodott. Madankollu, il-materjali mill-istess intestatura tal-prodott jistgħu jintużaw, sakemm il-valur totali tagħhom ma jaqbiżx l-20 % tal-prezz mill-fabbrika tal-prodott; jew
manifattura li fiha l-valur totali tal-materjali kollha li ntużaw ma jaqbiżx il-50 % tal-prezz mill-fabbrika tal-prodott.
|
2404 91
|
Prodotti oħra għajr prodotti maħsuba għall-inalazzjoni mingħajr kombustjoni, għall-applikazzjoni orali
|
Manifattura minn materjali ta’ kwalunkwe intestatura, għajr dik tal-prodott, fejn:
— il-piż individwali tal-materjali tal-Kapitolu 4 użati ma jaqbiżx l-20 % tal-piż tal-prodott finali;
— il-piż individwali taz-zokkor użat ma jaqbiżx l-40 % tal-piż tal-prodott finali; kif ukoll
— il-piż totali kombinat taz-zokkor u tal-materjali tal-Kapitolu 4 użati ma jaqbiżx il-50 % tal-piż tal-prodott finali.
|
2404 92,
2404 99
|
Prodotti oħra għajr prodotti maħsuba għall-inalazzjoni mingħajr kombustjoni, għall-applikazzjoni transdermali u għal applikazzjoni oħra ħlief dik orali
|
Manifattura minn materjali ta’ kwalunkwe intestatura, għajr dik tal-prodott. Madankollu, il-materjali mill-istess intestatura tal-prodott jistgħu jintużaw, sakemm il-valur totali tagħhom ma jaqbiżx l-20 % tal-prezz mill-fabbrika tal-prodott; jew
manifattura li fiha l-valur totali tal-materjali kollha li ntużaw ma jaqbiżx il-50 % tal-prezz mill-fabbrika tal-prodott”;
|
(12)Bejn ir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “ex Kapitolu 38” u r-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “3823”, iż-żewġ ringieli ġodda li ġejjin jiddaħħlu kif ġej:
“ex 3816
|
Taħlita għat-tablit tad-dolomit
|
Manifattura minn materjali ta’ kwalunkwe intestatura, għajr dik tal-prodott; jew
manifattura li fiha l-valur totali tal-materjali kollha użati ma jaqbiżx is-70 % tal-prezz tal-prodotti mill-fabbrika.
|
ex 3822
|
Kits tat-testijiet dijanostiċi għall-malarja
Prodotti immunoloġiċi, mhux imħallta, mhux ippreżentati f’dożi mkejla jew f’forom jew f’pakketti għall-bejgħ bl-imnut
Prodotti immunoloġiċi, imħallta, mhux ippreżentati f’dożi mkejla jew f’forom jew f’pakketti għall-bejgħ bl-imnut
Prodotti immunoloġiċi, ippreżentati f’dożi mkejla jew f’forom jew f’pakketti għall-bejgħ bl-imnut
Reaġenti għad-determinazzjoni tal-grupp tad-demm
|
Manifattura minn materjali ta’ kwalunkwe intestatura.”;
|
(13)Fir-ringiela relatata mal-intestatura “ex Kapitolu 41”, it-test fil-kolonna “Xogħol jew Ipproċessar Meħtieġ” huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Manifattura minn materjali ta’ kwalunkwe intestatura, għajr dik tal-prodott”;
(14)Fir-ringiela relatata mal-intestatura “ex Kapitolu 62”, it-test fil-kolonna “Xogħol jew Ipproċessar Meħtieġ” huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Insiġ flimkien mat-tfassil (inkluż il-qtugħ) (3), (5); jew
tfassil preċedut minn stampar akkumpanjat b’minn tal-inqas żewġ proċessi preparatorji jew ta’ rfinar (bħal għarik, ibbliċjar, illostrar, issettjar bis-sħana, raising, mogħdija, proċessar biex ma jinxtorbux, irfinar permanenti, decatizing, ikkuttunar, tiswija u tislit), sakemm il-valur tat-tessut mhux stampat użat ma jkunx aktar minn 47,5 % tal-prezz mill-fabbrika tal-prodott (3), (5)”;
(15)Bejn ir-ringiela relatata mal-intestaturi “ex 6202, ex 6204, ex 6206, ex 6209 u ex 6211” u r-ringiela relatata mal-intestaturi “ex 6210 u ex 6216”, jiddaħħlu tliet ringieli ġodda kif ġej:
“ex 6212
|
Riċipetti, kriepet, panċieri, ċingi tal-qliezet u tal-kalzetti, takkalji u oġġetti simili u l-parts tagħhom, maħdumin bil-labar jew bil-ganċ
|
|
|
- - Miksuba bil-ħjata flimkien jew inkella l-ġbir flimkien, ta’ żewġ biċċiet jew aktar ta’ drapp maħdumin bil-labar jew bil-ganċ li jew ikunu nqatgħu fil-forma jew inkisbu direttament fil-forma
|
Xogħol bil-labar u tfassil (inkluż il-qtugħ). (7)(10)
|
|
- Oħrajn
|
Żbigħ ta’ ħajt mibrum ta’ fibri naturali flimkien ma’ xogħol bil-labar (prodotti maħduma bil-labar fil-forma meħtieġa). (10)”;
|
(16)Fir-ringiela relatata mal-Intestatura “6306”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-merkanzija” huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Tarpolini, tined u lqugħ mix-xemx; tined (inklużi koperturi temporanji u oġġetti simili); qlugħ għad-dgħajjes, għas-sailboards jew għall-inġenji tal-art; oġġetti tal-ikkampjar”;
(17)Fir-ringiela relatata mal-Intestatura “7019”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-merkanzija” huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Fibri tal-ħġieġ (inkluż suf tal-ħġieġ) u oġġetti magħmula minnhom (pereżempju, raden, rovings, fibri minsuġin)”;
(18)Fir-ringiela relatata mal-intestatura “8539”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-merkanzija” huwa sostitwit b’dan li ġej:
“lampi tal-elettriku bil-filament jew ta’ skariku, inkluż fanali ssiġillati u lampi ultravjola jew tal-infraħmar; lampi b’arka; sorsi ta’ dawl b’dijodu li jemetti d-dawl (LED)”;
(19)Fir-ringiela relatata mal-intestatura “8548”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-merkanzija” huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Parts elettriċi ta’ makkinarju jew apparat, mhux speċifikati jew inklużi banda oħra f’dan il-Kapitolu”;
(20)Bejn ir-ringiela relatata mal-Intestatura “8548” u r-ringiela relatata mal-“Kapitolu 86”, tiddaħħal ringiela ġdida kif ġej:
“8549
|
Skart u skrapp elettriku u elettroniku.
|
Manifattura minn materjali ta’ kwalunkwe intestatura, għajr dik tal-prodott; manifattura li fiha l-valur totali tal-materjali kollha li ntużaw ma jaqbiżx il-50 % tal-prezz mill-fabbrika tal-prodott.”;
|
(21)Bejn ir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “9002” u r-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “Kapitolu 91”, tiddaħħal ringiela ġdida kif ġej:
“ex 9021
|
Materjali għall-apparat ortopediku jew għall-fratturi u għall-fittings dentali:
- Imsiemer, taċċi, drawing pins, imsiemer ikkorrugati, staples (għajr dawk tal-intestatura 8305) u oġġetti simili, tal-ħadid jew tal-azzar, bl-irjus ta’ materjal ieħor jew le, iżda esklużi tali oġġetti b’irjus tar-ram
- Oġġetti bil-kamin u oġġetti mhux bil-kamin tal-ħadid jew tal-azzar, esklużi viti bir-ras skorfina (coach screws), viti għall-injam, ganċijiet bil-kamin u ħoloq bil-kamin, spring washers u washers tas-serraturi oħrajn, rivets
|
Manifattura minn materjali ta’ kwalunkwe intestatura, għajr dik tal-prodott.
|
|
- Titanju u oġġetti magħmulin minnu, inklużi skart u skrapp
|
Manifattura minn materjali ta’ kwalunkwe intestatura.”;
|
kif ukoll
(22)Fir-ringiela relatata mal-intestatura “Kapitolu 94”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-merkanzija” huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Gћamara; friex, saqqijiet, irfid għas-saqqijiet, cushions u arredament simili mimli; luminarji u fittings tat-tidwil mhux speċifikati jew inklużi banda oħra; sinjali mdawlin, pjanċi tal-ismijiet imdawlin u bħalhom; bini prefabbrikat”.