Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023IP0218

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2023 dwar it-tisħiħ tad-djalogu soċjali (2023/2536(RSP))

ĠU C, C/2023/1225, 21.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1225/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1225/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2023/1225

21.12.2023

P9_TA(2023)0218

It-tisħiħ tad-djalogu soċjali

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2023 dwar it-tisħiħ tad-djalogu soċjali (2023/2536(RSP))

(C/2023/1225)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

wara li kkunsidra l-Artikoli 9, 151, 152, 153, 154 u 155 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Artikoli 12, 15, 16, 21, 23, 27, 28, 30, 31 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Marzu 2021 bit-titolu “Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali” (COM(2021)0102),

wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea,

wara li kkunsidra l-Impenn Soċjali ta’ Porto tas-7 ta’ Mejju 2021 u d-Dikjarazzjoni ta’ Porto tat-8 ta’ Mejju 2021,

wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) Nru 98 dwar id-dritt ta’ organizzazzjoni u tal-innegozjar kollettiv, Nru 135 dwar il-protezzjoni u l-faċilitajiet li jingħataw lir-rappreżentanti tal-ħaddiema fl-impriża (il-Konvenzjoni dwar ir-Rappreżentanti tal-Ħaddiema), Nru 154 dwar in-negozjar kollettiv, Nru 155 dwar is-sikurezza u s-saħħa okkupazzjonali, Nru 187 dwar il-qafas promozzjonali għas-sikurezza u s-saħħa okkupazzjonali, u Nru 190 dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza u l-fastidju fid-dinja tax-xogħol,

wara li kkunsidra s-Semestru Ewropew, li huwa l-qafas tal-UE għall-koordinazzjoni u s-sorveljanza tal-politiki ekonomiċi u soċjali, ibbażat fuq l-Artikoli 121 u 148 tat-TFUE,

wara li kkunsidra l-ftehim qafas tas-sħab soċjali Ewropej dwar id-diġitalizzazzjoni,

wara li kkunsidra l-ftehim qafas awtonomu tas-sħab soċjali Ewropej dwar it-tixjiħ attiv u approċċ interġenerazzjonali,

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (1),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal-20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (2),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/1152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea (3),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-istabbiliment ta’ Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi tal-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tal-impjegati (4) (id-Direttiva dwar il-Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 (5),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2022/2041 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar pagi minimi adegwati fl-Unjoni Ewropea (6) (id-Direttiva dwar il-Pagi Minimi Adegwati),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Diċembru 2021 bit-titolu “Id-demokrazija fil-post tax-xogħol: qafas Ewropew għad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tal-impjegati u r-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet”  (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta’ Frar 2023 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar ir-Reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kunsilli tax-Xogħlijiet Ewropej (8),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tad-djalogu soċjali fl-Unjoni Ewropea (COM(2023)0038),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Jannar 2023 bit-titolu “Insaħħu d-djalogu soċjali fl-Unjoni Ewropea: nisfruttaw il-potenzjal kollu tiegħu biex niksbu tranżizzjonijiet ġusti” (COM(2023)0040),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Diċembru 2013 dwar Qafas tal-Kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar (COM(2013)0882),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Jannar 2017 dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Diċembru 2020 dwar Ewropa soċjali b’saħħitha għal Tranżizzjonijiet Ġusti (10),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2296 tal-21 ta’ Novembru 2022 dwar linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (11),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Marzu 2021 bit-titolu “Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali” (COM(2021)0102),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Settembru 2022 dwar Linji Gwida dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għal ftehimiet kollettivi rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom (C(2022)6846),

wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tad-djalogu soċjali(O-000019/2023 – B9-0020/2023 u O-00020/2023 – B9-0021/2023),

wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

A.

billi d-drittijiet tal-ħaddiema għan-negozjar kollettiv, għall-ftehimiet kollettivi, għal-libertà ta’ assoċjazzjoni u għall-azzjoni kollettiva huma drittijiet fundamentali f’demokrazija;

B.

billi s-sħubija soċjali u n-negozjar kollettiv bejn it-trade unions u r-rappreżentanti tal-impjegaturi fil-livell tal-kumpaniji, settorjali, nazzjonali u tal-UE huma aspetti fundamentali tal-mudell soċjali Ewropew, li l-legat kondiviż tiegħu ta’ djalogu soċjali, parteċipazzjoni tal-ħaddiema, negozjar kollettiv, rappreżentanza rigward is-saħħa u s-sikurezza u s-sistema tripartitika huma l-elementi kostitwenti ta’ futur varjat u ekonomikament, soċjalment u ambjentalment sostenibbli li jikkontribwixxi għal kompetittività, reżiljenza ekonomika u soċjali u tkabbir aħjar u aktar inklużiv tal-UE;

C.

billi n-negozjar kollettiv jippermetti lis-sħab soċjali jaġġustaw, pereżempju, il-kundizzjonijiet tax-xogħol b’mod flessibbli u bi skop; billi s-sistemi ta’ negozjar kollettiv huma b’mod ġenerali bbażati fuq sett kumpless ta’ regoli u prattiki, stabbiliti fis-sistemi legali nazzjonali, u ta’ spiss ikunu bbażati fuq it-tradizzjonijiet antiki tas-sħab soċjali;

D.

billi djalogu soċjali li jiffunzjona tajjeb bejn is-sħab soċjali awtonomi huwa kruċjali biex jinstabu soluzzjonijiet ibbilanċjati għall-isfidi tal-lum u ta’ għada, billi jsiru aġġustamenti għall-bidliet fid-dinja tax-xogħol b’tali mod li jkun ta’ benefiċċju kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-impjegaturi, kif muri fost l-oħrajn mill-ftehimiet oqfsa eżistenti bejn is-sħab soċjali Ewropej dwar it-tixjiħ attiv u dwar id-diġitalizzazzjoni, kif ukoll in-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar it-telexogħol u d-dritt għall-iskonnessjoni; billi d-djalogu soċjali wera wkoll li huwa meħtieġ fi żminijiet ta’ kriżi mhux mistennija, bħall-adattament tal-kundizzjonijiet tax-xogħol matul il-pandemija; billi d-djalogu soċjali jaqdi rwol importanti fl-għoti ta’ appoġġ attiv lill-ħaddiema li jkunu qegħdin fi tranżizzjoni għal impjiegi ġodda u fl-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet tal-ħiliet billi jindirizza l-bidla strutturali kif ukoll isaħħaħ ir-reżiljenza tal-Istati Membri; billi s-suċċess tad-djalogu soċjali jiddependi ħafna mill-kapaċità tas-sħab soċjali li jinnegozjaw b’mod liberu abbażi ta’ sett kumpless ta’ regoli u prattiki, li ta’ spiss ikunu stabbiliti fis-sistemi legali u t-tradizzjonijiet nazzjonali; billi dan jirrikjedi li l-leġiżlaturi nazzjonali u Ewropej ipoġġu l-fiduċja fil-kapaċità tas-sħab soċjali li jaħdmu favur kundizzjonijiet aħjar fis-suq tax-xogħol, filwaqt li fl-istess ħin jirrikjedi li s-sħab soċjali jassumu din ir-responsabbiltà b’mod serju u jsibu kompromessi li jindirizzaw l-interessi rispettivi tagħhom, u li jkunu ta’ benefiċċju għas-soċjetà kollha kemm hi;

E.

billi s-sistemi ta’ negozjar kollettiv fejn is-sħab soċjali indipendenti għandhom id-dritt li jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi b’mod awtonomu jikkontribwixxu għal prevedibbiltà fit-tul fis-suq tax-xogħol; billi prerekwiżit għal tali sistemi ta’ negozjar kollettiv li jiffunzjonaw tajjeb huwa li l-leġiżlaturi nazzjonali u Ewropej jafdaw il-kapaċità tas-sħab soċjali li jassumu r-responsabbiltà għal kundizzjonijiet tax-xogħol tajba fis-suq tax-xogħol u jibbilanċjaw l-interessi tal-ħaddiema u tal-impjegaturi;

F.

billi n-negozjar kollettiv fil-livelli settorjali u transindustrijali ġie taħt pressjoni f’xi Stati Membri wara l-kriżi finanzjarja tal-2008; billi s-sehem ta’ ħaddiema koperti minn ftehimiet kollettivi naqas b’mod sinifikanti fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri matul l-aħħar 30 sena, bi tnaqqis stmat fil-kopertura medja tal-UE minn madwar 66 % fl-2000 għal madwar 56 % fl-2018 (12), minħabba diversi fatturi inkluż it-tnaqqis fis-sħubija fit-trade unions, il-bidliet regolatorji fil-prattiki u l-proċessi ta’ negozjar kollettiv (13), b’mod partikolari fir-rigward tad-deċentralizzazzjoni tas-sistemi ta’ negozjar kollettiv, l-importanza dejjem akbar tal-proċessi ta’ negozjar ibbażati fuq il-kumpaniji, u ż-żieda ta’ forom prekarji ta’ impjiegi u impjiegi indipendenti fittizji; billi huwa importanti li wieħed jinnota li s-sitwazzjoni tvarja ħafna bejn l-Istati Membri; billi fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, ir-rati ta’ kopertura tan-negozjar kollettiv għandhom it-tendenza li jkunu ogħla għall-impjegati b’kuntratti permanenti u għal dawk li jaħdmu f’kumpaniji akbar; billi l-kopertura tan-negozjar hija sostanzjalment akbar f’pajjiżi fejn hemm ftehimiet settorjali u fejn dawn jiġu estiżi b’mod frekwenti għal kumpaniji jew ħaddiema mhux koperti;

G.

billi l-probabbiltà li l-ħaddiema li għandhom inqas minn 30 sena jissieħbu ma’ trade union hija biss in-nofs tal-probabbiltà li l-ħaddiema akbar fl-età jagħmlu dan (14), filwaqt li fl-istess ħin jappoġġjaw bil-qawwa n-negozjar kollettiv u għandhom grad għoli ta’ fiduċja fit-trade unions;

H.

billi l-ħaddiema u l-impjegaturi Ewropej bħalissa qed jiffaċċjaw sfidi kbar ħafna li jirriżultaw mill-isfidi soċjali u dawk ambjentali fit-tul bħall-faqar, l-esklużjoni soċjali, iż-żieda fl-inugwaljanzi, il-kriżijiet soċjali, u l-emerġenzi klimatiċi u tal-bijodiversità, li qed ikomplu jikbru u jridu jiġu indirizzati; billi dawk l-isfidi ġew aggravati mill-konsegwenzi tal-pandemija u, mill-24 ta’ Frar 2022, il-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u l-għoli tal-ħajja, l-inflazzjoni u l-kriżi tal-enerġija konsegwenti; billi dawn l-avvenimenti wrew ħtieġa urġenti ta’ parteċipazzjoni usa’ u aktar b’saħħitha mis-sħab soċjali sabiex jisfruttaw l-opportunitajiet tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali sostenibbli u ġusti u jirriflettu l-ħtieġa li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura; billi skont il-bażi tad-data tal-Eurofound EU PolicyWatch, is-sħab soċjali kienu involuti matul il-pandemija fi kważi nofs il-miżuri ta’ politika rreġistrati fil-livell nazzjonali u/jew Ewropew, filwaqt li dan l-involviment naqas kemxejn matul l-2022, meta ġew immappjati aktar miżuri ta’ politika relatati mal-kriżi tal-għoli tal-ħajja;

I.

billi l-miżuri li jsostnu u jippromwovu n-negozjar kollettiv u l-ftehimiet kollettivi jistgħu jipprovdu rispons effettiv għall-għoli tal-għajja li qed jiżdied u jiffaċilitaw b’mod urġenti żidiet fil-pagi reali għal kulħadd;

J.

billi d-demokrazija fix-xogħol għandha rwol fundamentali fit-tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem fuq il-post tax-xogħol u fis-soċjetà, b’mod partikolari meta r-rappreżentanti tal-ħaddiema, inklużi t-trade unions, ikunu involuti b’mod attiv fil-proċessi ta’ diliġenza dovuta tan-negozji; billi l-involviment f’waqtu u sinifikattiv tal-ħaddiema fil-livell xieraq jikkontribwixxi għal governanza korporattiva sostenibbli; billi l-ilħna tas-sħab soċjali huma komponent importanti tal-inizjattivi tal-UE biex jiġu żgurati governanza korporattiva sostenibbli u demokratika u diliġenza dovuta dwar abbużi attwali u potenzjali tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż fir-rigward tax-xogħol, , u impatti ambjentali negattivi, kif ukoll tal-inizjattivi tal-UE biex jitnaqqas l-użu ta’ prattiki illegali, bħall-isfruttament tal-ħaddiema u l-kompetizzjoni inġusta fis-suq uniku;

K.

billi d-demokrazija fuq il-post tax-xogħol tmur lil hinn mill-parteċipazzjoni formali tal-organizzazzjonijiet tat-trade unions fl-hekk imsejħa laqgħat ta’ djalogu soċjali, jew il-konsultazzjoni sempliċi ta’ dawn il-korpi; billi l-promozzjoni tad-demokrazija fuq il-post tax-xogħol titlob is-salvagwardja u r-rispett ta’ diversi drittijiet u prinċipji, inkluż id-dritt għall-organizzazzjoni, l-azzjoni kollettiva u n-negozjar kollettiv, id-drittijiet tat-trade unions, id-dritt tal-istrajkjar, u l-prinċipji tal-projbizzjoni tat-tkeċċija inġusta u ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali;

L.

billi l-Prinċipju 8 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jiddikjara li s-sħab soċjali għandhom jiġu kkonsultati dwar it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ politiki ekonomiċi, tal-impjiegi u soċjali, f’konformità mal-prattiki nazzjonali; billi s-sħab soċjali huma mħeġġa wkoll jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi dwar kwistjonijiet rilevanti għalihom, filwaqt li jissalvagwardjaw l-awtonomija tagħhom u d-dritt ta’ azzjoni kollettiva; billi l-ħaddiema jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom id-dritt li jiġu infurmati u kkonsultati fi żmien xieraq dwar kwistjonijiet rilevanti għalihom, b’mod partikolari dwar it-trasferiment, ir-ristrutturar u l-fużjoni ta’ impriżi u dwar sensji kollettivi; billi l-Impenn Soċjali ta’ Porto stieden lill-atturi rilevanti kollha jippromwovu djalogu soċjali awtonomu bħala komponent strutturali tal-mudell soċjali Ewropew u jsaħħuh fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali, settorjali, lokali u tal-kumpaniji, b’enfasi partikolari fuq l-iżgurar ta’ qafas abilitanti għan-negozjar kollettiv fid-diversi mudelli li jeżistu fl-Istati Membri kollha;

M.

billi r-Regolament dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) (15) jinkludi obbligu għall-Istati Membri li jikkonsultaw mas-sħab soċjali fit-tħejjija tal-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza permezz ta’ varjetà akbar ta’ ambjenti; billi l-kwalità u l-intensità tal-involviment tagħhom huma, madankollu, irregolari u pjuttost dgħajfa f’għadd relattivament għoli ta’ pajjiżi; billi r-rapport ta’ rieżami tal-Kummissjoni dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jiddikjara li s-suċċess tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jiddependi mill-involviment mill-qrib tas-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u partijiet ikkonċernati oħra;

N.

billi xi Stati Membri qed jiżguraw qafas abilitanti għad-djalogu soċjali, filwaqt li f’xi Stati Membri oħra, id-djalogu soċjali jinsab taħt pressjoni għal raġunijiet li jinkludu proċeduri ta’ konsultazzjoni tardivi u ineffettivi, nuqqas ta’ kapaċità u kriterji stretti ta’ rappreżentanza kif ukoll limitazzjonijiet fuq il-libertà tas-sħab soċjali li jinnegozjaw b’mod awtonomu u jsibu kompromessi permezz tan-negozjar kollettiv; billi f’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament FSE+, l-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw parteċipazzjoni sinifikattiva tas-sħab soċjali fit-twassil ta’ politiki dwar l-impjiegi, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali appoġġjati mill-fergħa tal-FSE+ b’ġestjoni kondiviża; billi l-Istati Membri kollha jeħtiġilhom jallokaw ammont xieraq ta’ riżorsi tal-FSE+ – u meta jkunu rċevew rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż dan irid ikun tal-inqas 0,25 % – għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-sħab soċjali, inkluż fil-forma ta’ taħriġ, miżuri ta’ networking, u t-tisħiħ tad-djalogu soċjali, u għal attivitajiet li jitwettqu b’mod konġunt mis-sħab soċjali;

O.

billi t-terminu “negozjar kollettiv” jirreferi għan-negozjati kollha li jsiru f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali f’kull Stat Membru bejn impjegatur, grupp ta’ impjegaturi jew organizzazzjoni tal-impjegaturi waħda jew aktar, fuq naħa waħda, u trade union waħda jew aktar, fuq in-naħa l-oħra, biex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet tax-xogħol u t-termini tal-impjieg; billi t-terminu “trade union” jirreferi għal grupp ta’ ħaddiema ffurmat biex jippromwovi u jiddefendi l-interessi tal-ħaddiema, skont il-liġi u/jew il-prattika nazzjonali; billi organizzazzjoni tal-impjegaturi hija organizzazzjoni li l-membri tagħha jinkludu impjegaturi individwali, assoċjazzjonijiet oħra tal-impjegaturi jew it-tnejn, ikkostitwita biex tippromwovi u tiddefendi l-interessi tal-membri tagħha, skont il-liġi u/jew il-prattika nazzjonali;

P.

billi, f’konformità mal-Konvenzjoni dwar ir-Rappreżentanti tal-Ħaddiema, li ġiet ratifikata minn 24 Stat Membru, ir-rappreżentanti tal-ħaddiema jistgħu jkunu persuni li huma: (i) rikonoxxuti bħala tali skont il-liġi jew il-prattiki nazzjonali, kemm jekk ikunu rappreżentanti tat-trade unions, jiġifieri rappreżentanti nnominati jew eletti mit-trade unions jew mill-membri taghħom; jew (ii) rappreżentanti eletti, jiġifieri rappreżentanti li huma eletti liberament mill-ħaddiema tal-impriża f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi jew ir-regolamenti nazzjonali jew tal-ftehimiet kollettivi u li l-funzjonijiet tagħhom ma jinkludux attivitajiet li huma rikonoxxuti bħala l-prerogattiva esklużiva tat-trade unions fil-pajjiż ikkonċernat; billi f’każ li jeżistu kemm rappreżentanti tat-trade unions kif ukoll rappreżentanti eletti fl-istess impriża, ir-rappreżentanti eletti m’għandhomx jintużaw biex jikkompromettu l-pożizzjoni tat-trade unions ikkonċernati jew tar-rappreżentanti tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tan-negozjar kollettiv, li huwa l-prerogattiva tat-trade unions;

Q.

billi l-kundizzjonijiet abilitanti għal djalogu soċjali li jiffunzjona tajjeb huma: (i) l-eżistenza ta’ trade unions b’saħħithom u indipendenti u ta’ kapaċità teknika fl-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi; (ii) il-kapaċità teknika għas-sħab soċjali; (iii) l-aċċess għall-informazzjoni rilevanti u f’waqtha għall-parteċipazzjoni fid-djalogu soċjali; (iv) impenn mill-partijiet kollha biex jinvolvu ruħhom b’mod kostruttiv u in bona fede fid-djalogu soċjali, inkluż l-involviment tas-sħab soċjali fl-identifikazzjoni ta’ kwistjonijiet rilevanti, il-ġbir ta’ evidenza, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni, l-esplorazzjoni tal-għażliet u l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ippreferuti; (v) ir-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-libertà ta’ assoċjazzjoni u tan-negozjar kollettiv; (vi) l-appoġġ istituzzjonali xieraq; (vii) ir-rispett għall-awtonomija tas-sħab soċjali, li tippermetti lis-sħab soċjali jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi b’mod awtonomu; (viii) l-adattament għall-era diġitali u l-promozzjoni ta’ negozjar kollettiv fid-dinja ġdida tax-xogħol; u (ix) il-protezzjoni adegwata minn kwalunkwe att ta’ diskriminazzjoni kontra l-unions għar-rappreżentanti tat-trade unions u tal-ħaddiema;

R.

billi negozjar kollettiv b’saħħtu, b’mod partikolari fil-livell settorjali jew transindustrijali, jikkontribwixxi għall-ħolqien u ż-żamma ta’ impjiegi ta’ kwalità u għandu impatt pożittiv fuq il-pagi; billi t-trade unions, ir-rappreżentanza u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u l-kopertura tan-negozjar kollettiv huma essenzjali għall-infurzar tad-drittijiet tal-ħaddiema; billi huma meħtieġa azzjoni, miżuri u leġiżlazzjoni aħjar ħalli jiġu protetti d-drittijiet tar-rappreżentanti tal-ħaddiema u t-trade unions biex jiġi żgurat bilanċ tas-setgħa ta’ negozjar bejn l-impjegaturi u l-ħaddiema, li jista’ jittejjeb bit-tisħiħ tad-demokrazija fuq il-post tax-xogħol;

S.

billi l-ILO twaqqfet fl-1919 bit-twemmin sod li l-paċi universali tista’ tiġi stabbilita biss jekk tkun ibbażata fuq il-ġustizzja soċjali (16); billi d-djalogu soċjali, in-negozjar kollettiv u r-rappreżentanza tal-ħaddiema huma valuri u drittijiet fundamentali tal-ILO u huma previsti f’bosta konvenzjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-ILO; billi l-Kunsill tal-Ewropa jgħodd ukoll id-demokrazija fuq il-post tax-xogħol fost il-valuri fundamentali tiegħu, kif espress fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta Soċjali Ewropea;

T.

billi l-linji gwida tal-ILO għal tranżizzjoni ġusta lejn ekonomiji u soċjetajiet ambjentalment sostenibbli għal kulħadd jitolbu li tiġi promossa l-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet ambjentali speċifiċi permezz ta’ negozjar kollettiv u ftehimiet kollettivi fil-livelli kollha;

U.

billi l-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Ottubru 2019 bit-titolu “Il-Futur tax-Xogħol: l-Unjoni Ewropea tippromwovi d-Dikjarazzjoni Ċentinarja tal-ILO”, ħeġġeġ lill-Istati Membri jkomplu bl-isforzi tagħhom biex jirratifikaw u jimplimentaw b’mod effettiv il-konvenzjonijiet tal-ILO; billi l-Kunsill stieden ukoll lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jsaħħu d-djalogu soċjali fil-livelli kollha, inkluża l-kooperazzjoni transfruntiera, sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni attiva tas-sħab soċjali fit-tiswir tal-futur tax-xogħol u fil-kisba tal-ġustizzja soċjali u tal-prosperità kondiviża;

V.

billi d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv huma strumenti essenzjali biex jintużaw mill-impjegaturi u mit-trade unions biex jiġu stabbiliti u ppreżervati pagi ġusti u kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin kif ukoll biex tiġi eliminata d-differenza bejn il-ġeneri fil-pensjonijiet u d-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri u t-termini ta’ impjiegi; billi sistemi ta’ negozjar kollettiv b’saħħithom iżidu r-reżiljenza tal-Istati Membri fi żminijiet ta’ kriżi ekonomika; billi t-tendenza hija li s-soċjetajiet b’sistemi ta’ negozjar kollettiv b’saħħithom ikollhom ekonomiji aktar kompetittivi u reżiljenti u jkunu aktar sinjuri u aktar ugwali; billi d-dritt ta’ negozjar kollettiv huwa kwistjoni li tikkonċerna l-ħaddiema kollha fl-Ewropa u li jista’ jkollha wkoll implikazzjonijiet kruċjali għad-demokrazija u għall-istat tad-dritt, inkluż ir-rispett għad-drittijiet soċjali fundamentali; billi n-negozjar kollettiv huwa dritt fundamentali Ewropew u l-istituzzjonijiet Ewropej huma marbuta jirrispettawh bl-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; billi, f’dan il-kuntest, il-politiki li jirrispettaw, jippromwovu u jsaħħu n-negozjar kollettiv u l-pożizzjoni tal-ħaddiema fis-sistemi għall-iffissar tal-pagi għandhom rwol kritiku fil-kisba ta’ standard għoli ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol u fl-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ta’ għajxien aħjar;

W.

billi l-ekonomija informali hija kkaratterizzata minn sehem għoli ta’ gruppi ta’ ħaddiema inviżibbli u l-aktar vulnerabbli; billi l-pandemija tal-COVID-19 ġiegħlet lil għadd dejjem akbar ta’ ħaddiema, speċjalment in-nisa, biex jidħlu fl-ekonomija informali u aggravat il-vulnerabbiltajiet li kienu jeżistu qabel; billi s-setturi l-aktar rappreżentati fl-ekonomija informali fl-UE, jiġifieri s-saħħa, il-kura, il-ħidma soċjali, u l-agrikoltura, huma vitali wkoll għall-funzjonament tas-soċjetajiet tagħna;

X.

billi d-djalogu soċjali jsaħħaħ kemm id-demokrazija kif ukoll is-soċjetà ċivili u jimmanifesta l-prinċipju tas-sussidjarjetà fejn ir-regoli jsiru qrib dawk li jikkonċernaw u jaffettwaw;

Y.

billi, f’konformità mal-Artikolu 152 tat-TFUE, l-Unjoni “għandha tiffaċilita d-djalogu bejn is-sħab soċjali, waqt li tirrispetta l-awtonomija tagħhom”; billi, fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/500/KE (17) , il-Kummissjoni stabbiliet kumitati ta’ djalogu settorjali biex tippromwovi d-djalogu bejn is-sħab soċjali fis-setturi kollha fil-livell tal-UE u stabbiliet dispożizzjonijiet preċiżi dwar l-istabbiliment, il-kompożizzjoni rappreżentattiva u l-operat ta’ kumitati settorjali ġodda, maħsuba biex ikunu korpi ċentrali għall-konsultazzjoni, l-inizjattivi konġunti u n-negozjati li jistgħu jwasslu għall-konklużjoni ta’ ftehimiet u t-traspożizzjoni sussegwenti tagħhom fid-drittt tal-UE permezz ta’ direttivi, jekk jintalab hekk mis-sħab soċjali; billi, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tagħha dwar il-funzjonament u l-potenzjal tad-djalogu soċjali settorjali Ewropew (18), dawn il-kumitati kkontribwew għat-titjib tal-politiki tal-impjiegi u soċjali Ewropej u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Ewropa u għenu fit-tfassil ta’ politiki industrijali xierqa; billi l-Kummissjoni kkonkludiet li hemm korrelazzjoni diretta bejn l-effikaċja tad-djalogu soċjali nazzjonali u l-effikaċja fil-livell Ewropew, u li dawn jinfluwenzaw lil xulxin;

Z.

billi l-Kummissjoni hija responsabbli għall-promozzjoni u l-iffaċilitar tad-djalogu soċjali Ewropew f’konformità mal-Artikolu 154 tat-TFUE; billi s-sħab soċjali settorjali Ewropej u l-affiljati nazzjonali tagħhom għandhom ikomplu jirċievu appoġġ fir-rigward tal-kapaċità amministrattiva, l-assistenza legali u r-rappreżentanza u l-finanzjament tal-UE għal attivitajiet konġunti permezz ta’ proġetti u inizjattivi Ewropej għall-bini tal-kapaċitajiet;

AA.

billi d-diġitalizzazzjoni dejjem akbar tas-swieq tax-xogħol u forom ġodda ta’ xogħol jistgħu jimponu sfida serja għar-rappreżentanza tal-ħaddiema vulnerabbli u jistgħu jipperikolaw il-mudell soċjali Ewropew; billi l-ħaddiema involuti f’forom ta’ xogħol mhux standard jew f’forom ġodda ta’ impjieg jistgħu ma jkunux rappreżentati adegwatament; billi l-ħolqien ta’ forom ġodda ta’ impjieg jista’ jagħmilha aktar diffiċli għat-trade unions li jirreklutaw membri ġodda; billi l-Kummissjoni dan l-aħħar adottat linji gwida ġodda dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għall-ftehimiet kollettivi fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ persuni li jaħdmu għal rashom mingħajr impjegati, li jipprovdu l-kjarifika tant meħtieġa li ċerti persuni li jaħdmu għal rashom jistgħu jinnegozjaw b’mod kollettiv biex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom mingħajr ma jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE; billi d-dritt li wieħed jinvolvi ruħu f’azzjonijiet u negozjar kollettivi ġie kkjarifikat u estiż għal ħaddiema li jaħdmu għal rashom mingħajr impjegati; billi s-sħab soċjali għandhom jiżguraw li jibqgħu miftuħa għal, u jistgħu jattiraw, it-tipi kollha ta’ impjegaturi u ħaddiema b’kuntratti ta’ impjieg u status differenti fis-setturi kollha bħal dawk li jaħdmu għal rashom mingħajr impjegati jew ħaddiema migranti, inkluż minn pajjiżi mhux tal-UE; billi huwa kruċjali li dan l-approċċ jiżgura l-inklużjoni u d-diversità fis-sħubija u t-tmexxija tas-sħab soċjali, filwaqt li jiġi rikonoxxut li d-dinja tax-xogħol tal-lum hija globalizzata u interkulturali;

AB.

billi l-ħaddiema fl-ekonomija tal-kura huma b’mod predominanti nisa u persuni bi sfond ta’ migrazzjoni, li l-kundizzjonijiet tax-xogħol u n-nuqqas ta’ rappreżentanza tagħhom jesponuhom għal impjiegi prekarji u mhux sikuri;

1.

Jisħaq li d-djalogu soċjali, inkuż in-negozjar kollettiv, huwa għodda kruċjali u ta’ benefiċċju għal ekonomija soċjali tas-suq li tiffunzjona tajjeb, wieħed mill-għanijiet tat-TUE, u jikkontribwixxi għar-reżiljenza ekonomika u soċjali, il-kompetittività, l-istabbiltà u t-tkabbir u l-iżvilupp sostenibbli u inklużivi; jenfasizza li d-djalogu soċjali huwa barra minn hekk aspett ewlieni tad-demokrazija fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-liġijiet li jaffettwaw lil dawk li jirrappreżentaw, jiġifieri l-ħaddiema u l-impjegaturi; itenni li, f’konformità mat-Trattati, li jipproteġu b’mod espliċitu l-awtonomija tas-sħab soċjali u s-sistemi awtoregolatorji fis-seħħ f’xi Stati Membri, id-djalogu soċjali jrid jiġi protett sabiex is-sħab soċjali jirregolaw lilhom infushom b’mod awtonomu, filwaqt li jiġu żgurati leġittimità totali u progress qawwi fil-kopertura tal-ftehimiet kollettivi; jilqa’ l-komunikazzjoni u l-proposta tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tad-djalogu soċjali fl-UE; jisħaq li d-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni jeħtieġ li jiġi appoġġjat aktar u li huma meħtieġa aktar sforzi biex tiġi appoġġjata u promossa l-kopertura tan-negozjar kollettiv u biex jiġi evitat li jonqsu s-sħubija u d-densità organizzazzjonali mas-sħab soċjali kif ukoll biex jiġi żgurat li l-postijiet tax-xogħol ikunu adattati sew għall-bidliet fid-dinja tax-xogħol bil-għan jiġu salvagwardjati l-impjiegi ta’ kwalità; jenfasizza, madankollu, li huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġi pprovduti soluzzjonijiet sostenibbli għall-organizzazzjoni u l-finanzjament ta’ kumitati ta’ djalogu soċjali settorjali; jitlob lill-Kummissjoni żżomm l-appoġġ loġistiku tagħha għall-kumitati ta’ djalogu soċjali settorjali u żżid l-appoġġ finanzjarju, legali u tekniku tagħha; jitlob lill-Kummissjoni tkompli tappoġġja u tissorvelja mill-qrib id-djalogu soċjali settorjali sabiex tiżgura l-allinjament bejn il-kumitati u li d-djalogu soċjali jkun jista’ jagħti kontribut sinifikanti lill-politiki tal-UE; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni tiżgura proposti ġodda li jirrispettaw bis-sħiħ l-awtonomija tas-sħab soċjali u jevitaw li jkollhom impatti negattivi fuq id-djalogu soċjali settorjali Ewropew; ifakkar li l-kriżi finanzjarja u l-pandemija wrew li t-tendenza hija li l-pajjiżi b’oqfsa robusti għad-djalogu soċjali u kopertura għolja tan-negozjar kollettiv jkollhom ekonomiji aktar kompetittivi, inklużivi u reżiljenti, peress li s-sħab soċjali kellhom rwol ewlieni fil-ġestjoni tal-kriżi u fil-mitigazzjoni tal-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali negattivi tagħha;

2.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja u timmonitorja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni fil-livell settorjali, nazzjonali u tal-Unjoni, b’mod konġunt mal-Istati Membri u s-sħab soċjali rilevanti; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li dan il-monitoraġġ jippermetti lis-sħab soċjali biex, fost affarijiet oħra, jidentifikaw sitwazzjonijiet li minnhom ġew esklużi jew li fihom ma kinux involuti b’mod adegwat f’konsultazzjonijiet fil-livell nazzjonali dwar il-politika tal-Unjoni u dik nazzjonali, inkluż l-aċċess għall-ġustizzja u d-dritt għal rimedju; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li jiġi rispettat l-obbligu li jiġu kkonsultati s-sħab soċjali, meta previst mil-leġiżlazzjoni tal-UE, inkluż billi jiġu kkunsidrati strumenti ta’ infurzar bħall-proċeduri ta’ ksur; jisħaq li kwalunkwe tip ta’ monitoraġġ irid jissalvagwardja wkoll il-libertà u l-kapaċità tas-sħab soċjali li jinnegozjaw b’mod kostruttiv, li jkun ta’ benefiċċju għall-partijiet kollha, meta n-negozjati jitwettqu f’format bipartitiku u tripartitiku; jinnota li l-bażi tad-data tal-Eurofound EU PolicyWatch, bħala strument uniku għall-UE kollha biex jiġi identifikat l-involviment tas-sħab soċjali fit-tfassil tal-politika nazzjonali, tista’ tkun utli f’dan ir-rigward;

3.

Jemmen li l-libertà ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni u d-dritt ta’ organizzazzjoni tal-ħaddiema, kif stabbilit fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif ukoll id-drittijiet tal-ħaddiema għal rappreżentanza kollettiva f’union u li jappellaw b’mod kollettiv għal riformi fuq il-postijiet tax-xogħol tagħhom huma aspetti fundamentali tal-proġett Ewropew u prinċipji ewlenin tal-mudell soċjali Ewropew, li ġew affermati u rispettati legalment mill-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u s-sħab soċjali rispettivament; jenfasizza, barra minn hekk, li l-ħaddiema u l-impjegaturi għandhom, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiki nazzjonali, id-dritt li jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi fil-livelli xierqa kollha;

4.

Jissottolinja li kull ċittadin tal-Unjoni għandu l-libertà li jfittex impjieg, li jaħdem, li jeżerċita d-dritt ta’ stabbiliment u li jipprovdi servizzi fi kwalunkwe Stat Membru, u d-dritt li jinvolvi ruħu fix-xogħol u li jwettaq xogħol magħżul jew aċċettat liberalment; jenfasizza, barra minn hekk, li l-ħaddiema u l-impjegaturi għandhom, f’konformità mad-dritt tal-UE u l-liġijiet u l-prattiki nazzjonali, id-dritt li jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi fil-livelli xierqa;

5.

Iqis li, lil hinn mir-riaffermazzjoni legali ta’ dawn id-drittijiet, huwa essenzjali li jiġi żgurat il-monitoraġġ effettiv tal-konformità u li jiġu imposti penali fuq dawk li jonqsu milli jissodisfaw l-obbligi tagħhom; iħeġġeġ għalhekk lill-Istati Membri jipprovdu lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ spezzjoni u superviżjoni r-riżorsi tekniċi u umani meħtieġa biex jissodisfaw il-funzjonijiet importanti tagħhom, jiġifieri billi jikkonformaw mal-proporzjon ta’ spettur tax-xogħol wieħed għal kull 10 000 ħaddiem, kif rakkomandat mill-ILO (19);

6.

Jinsab imħasseb li d-densità tal-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u tat-trade unions qed tonqos fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għal diversi raġunijiet bħad-dgħufija u ż-żarmar ta’ strutturi ta’ negozjar kollettiv transsettorjali u settorjali kif ukoll l-espansjoni ta’ forom mhux standard ta’ impjieg u t-tnaqqis tas-setturi industrijali (20); iwissi li t-tnaqqis fil-kopertura tan-negozjar kollettiv huwa dovut ukoll għal prattiki kontra l-unjoni, rappreżentanza dgħajfa fl-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u d-diffikultajiet ikkawżati meta l-impjegaturi jirrifjutaw li jipparteċipaw fin-negozjar kollettiv; jinsab imħasseb dwar l-impatt li t-tnaqqis fil-kopertura tan-negozjar kollettiv jista’ jkollu fuq il-protezzjoni tal-ħaddiema u l-kompetittività, l-inklużività u r-reżiljenza tal-ekonomiji Ewropej;

7.

Ifakkar fl-importanza li jiġu promossi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd, inklużi l-persuni b’diżabilità u l-ħaddiema migranti, inklużi dawk minn pajjiżi mhux tal-UE, fir-rigward tal-iżgurar ta’ rappreżentanza inklużiva u diversa kif ukoll b’mod orizzontali fl-oqsma kollha ta’ politika; jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ rappreżentanza tal-ħaddiema fost l-oħrajn fis-settur tal-kura, fejn il-maġġoranza tal-ħaddiema huma nisa u persuni bi sfond ta’ migrazzjoni u li l-impjiegi tagħhom mhumiex ivvalutati, imħallsa biżżejjed u huma prekarji; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu miżuri leġiżlattivi u istituzzjonali biex jippromwovu n-negozjar kollettiv f’setturi, okkupazzjonijiet jew gruppi speċifiċi ta’ ħaddiema li fosthom ir-rikonoxximent effettiv ta’ dan id-dritt jibqa’ jkun limitat; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali jippromwovu d-djalogu soċjali rigward l-indirizzar tal-inugwaljanza bejn il-ġeneri billi jiżguraw paga ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali, jipprevedu liv tal-maternità/paternità u tal-ġenituri u tal-familja u jindirizzaw il-vjolenza abbażi tal-ġeneru fuq il-post tax-xogħol; iħeġġeġ lis-sħab soċjali jippromwovu l-inklużjoni tan-nisa u ż-żgħażagħ fit-tmexxija tagħhom u fost in-negozjaturi;

8.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu nota tal-fatt li kemm ir-rikonoxximent reċiproku tas-sħab soċjali kif ukoll ir-rikonoxximent statutorju tat-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi mill-awtoritajiet ta’ kull Stat Membru, f’konformità mal-liġijiet u l-prattiki nazzjonali, huma fost l-elementi ewlenin li jikkontribwixxu għal qafas ta’ negozjar kollettiv li jirnexxi, dment li l-impjegaturi u l-ħaddiema jkunu jistgħu jagħżlu liberament liema organizzazzjoni(jiet) se jirrappreżentawhom; jisħaq li tali rikonoxximent statutorju huwa trasparenti abbażi ta’ kriterji ta’ rappreżentanza oġġettivi stabbiliti f’konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u t-trade unions; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipproteġu l-awtonomija tas-sħab soċjali biex jinnegozjaw u jikkontribwixxu għall-funzjonament tajjeb tas-suq tax-xogħol;

9.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu b’mod sinfikattiv lis-sħab soċjali u jikkonsultaw magħhom f’waqtu fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki soċjali u tal-impjiegi, u meta rilevanti, il-politiki ekonomiċi, u t-teħid ta’ deċiżjonijiet fi proċessi miftuħa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi n-negozjar kollettiv, id-demokrazija fuq il-post tax-xogħol u d-djalogu soċjali matul is-Semestru Ewropew, u b’mod speċifiku fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, sabiex jiġu żgurati pagi deċenti permezz tan-negozjar kollettiv; jitlob lill-Kummissjoni tikkonsulta mas-sħab soċjali dwar proposti għal indikaturi ġodda tad-djalogu soċjali għal Qafas Ewropew ta’ Governanza Ekonomika rivedut relatat mar-relazzjonijiet industrijali fl-Istati Membri li jista’ jintuża biex ikompli jissaħħaħ id-djalogu soċjali; jinnota li tali indikaturi jistgħu jinkludu referenzi għad-demokrazija industrijali, il-kompetittività industrijali u l-kwalità tax-xogħol u l-impjiegi, il-kopertura tan-negozjar kollettiv u r-rati ta’ sħubija fit-trade unions, li diġà jintużaw mill-Eurofound fl-Indiċi tar-Relazzjonijiet Industrijali tagħha;

10.

Ifakkar li r-rati ta’ kopertura tan-negozjar kollettiv tal-Istati Membri jvarjaw b’mod sinifikanti minħabba għadd ta’ fatturi, inklużi t-tradizzjonijiet u l-prattiki nazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw, bl-involviment tas-sħab soċjali, ambjent abilitanti għan-negozjar kollettiv; jinnota li filwaqt li negozjar kollettiv b’saħħtu, b’mod partikolari fil-livell settorjali jew transindustrijali, jikkontribwixxi biex tiġi żgurata protezzjoni adegwata tal-paga minima u kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin, f’dawn l-aħħar deċennji l-istrutturi tradizzjonali tan-negozjar kollettiv tnaqqru, minħabba, fost l-oħrajn, bidliet strutturali fl-ekonomija lejn setturi inqas junjonizzati u minħabba t-tnaqqis fis-sħubija fit-trade unions, b’mod partikolari b’konsegwenza ta’ prattiki ta’ tfixkil tal-unions u ż-żieda fil-forom ta’ xogħol prekarju u mhux standard; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, flimkien mas-sħab soċjali, jaħdmu ħalli jilħqu kopertura ta’ negozjar kollettiv ta’ mill-inqas 80 % sal-2030, bil-għan li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol fl-Unjoni, jikkontribwixxu għall-konverġenza soċjali ’l fuq, jiġġieldu kontra l-faqar fost dawk li jaħdmu u kontra l-esklużjoni soċjali u jnaqqsu l-inugwaljanza fil-pagi u l-prekarjat; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrieżaminaw b’mod regolari l-progress lejn l-ilħuq ta’ din il-mira flimkien mas-sħab soċjali;

11.

Jitlob lill-Istati Membri jirrieżaminaw u jiirevokaw kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevjeni n-negozjar kollettiv, inkluża kwalunkwe leġiżlazzjoni li tirrestrinġi l-aċċess tat-trade unions għall-postijiet tax-xogħol għall-fini ta’ organizzazzjoni sabiex ikunu jistgħu jinnegozjaw b’mod kollettiv u sabiex iħejju azzjoni kollettiva f’konformità mal-liġi u l-prattiki nazzjonali; jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li l-aċċess għall-post tax-xogħol ikun garantit, meta x-xogħol isir fiżikament jew diġitalment, f’konformità mar-regolamenti dwar il-protezzjoni tad-data u b’rispett xieraq għad-drittijiet tal-proprjetà u l-ġestjoni (21); jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jippromwovu r-riformi leġiżlattivi li jiżguraw negozjar in bona fide, jipprojbixxu prattiki tax-xogħol inġusti u diskriminazzjoni kontra l-unions u jippromwovu forom siguri ta’ impjieg filwaqt li jieħdu miżuri robusti kontra l-forom prekarji tal-impjiegi, b’mod partikolari dawk li jaffettwaw lill-ħaddiema żgħażagħ; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu n-negozjar kollettiv fil-livelli kollha, u speċjalment fil-livell settorjali, bħala strument importanti biex tiżdied il-kopertura tal-ftehimiet kollettivi inkluż billi jiġi appoġġjat il-bini tal-kapaċitajiet tas-sħab soċjali, filwaqt li jiġi żgurat li d-derogi mill-ftehimiet kollettivi konklużi f’livell ogħla jirrispettaw il-prinċipju ta’ nonrigressjoni u jiżguraw li l-kundizzjonijiet aktar favorevoli jiġu applikati għall-ħaddiema irrispettivament mil-livell li fih ikunu ġew diskussi l-ftehimiet kollettivi; jitlob lill-Kummissjoni timmonitorja l-impatt tal-politiki u l-leġiżlazzjoni dwar l-impjiegi, dawk soċjali u, meta xieraq, dawk ekonomiċi fil-livell tal-Unjoni dwar il-promozzjoni u l-appoġġ tad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv, b’mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħhom fl-Istati Membri u l-involviment tas-sħab soċjali;

12.

Jissottolinja li r-riformi fl-Istati Membri għandhom jippromwovu u jsaħħu n-negozjar kollettiv fil-livelli kollha, inkluż billi jappoġġjaw il-bini tal-kapaċitajiet tas-sħab soċjali; jisħaq li r-riformi tas-suq tax-xogħol fil-livell nazzjonali jridu jippromwovu d-drittijiet tal-ħaddiema u għandhom jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, inkluż il-Prinċipju 8 tiegħu dwar id-djalogu soċjali u l-involviment tal-ħaddiema, kif ukoll in-negozjar kollettiv, ir-rispett għall-awtonomija tas-sħab soċjali u d-dritt ta’ azzjoni kollettiva u li jiġu infurmati u kkonsultati fi żmien xieraq dwar it-trasferiment, ir-ristrutturar u l-fużjoni tal-impriżi u dwar is-sensji kollettivi;

13.

Jitlob lill-Kummissjoni tanalizza kwalunkwe riforma tax-xogħol, b’mod partikolari dawk relatati mal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Istati Membri u tinvolvi ruħha mal-awtoritajiet nazzjonali sabiex tgħinhom jindirizzaw kwalunkwe nuqqas possibbli; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jtejbu l-kamp ta’ applikazzjoni u r-rilevanza tal-ġbir tad-data fil-livell tal-Unjoni u nazzjonali dwar id-djalogu soċjali, b’mod partikolari n-negozjar kollettiv; jappella għall-ġbir ta’ data komprensiva u komparabbli, diżaggregata skont is-settur, biex jiġi inkluż l-għadd ta’ ftehimiet kollettivi li jikkonċernaw miżuri biex jiġu indirizzati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, in-nuqqasijiet fil-ħiliet u s-suq tax-xogħol u l-profil tal-ħaddiema koperti minn tali ftehimiet b’mod ġust u inklużiv;

14.

Jisħaq li f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali, l-Istati Membri u s-sħab soċjali għandhom jiġu mħeġġa jqisu l-mekkaniżmu tal-estensjoni biex iwessgħu l-applikabbiltà ta’ ftehimiet kollettivi għall-ħaddiema f’settur jew kumpanija;

15.

Jinsab imħasseb dwar il-fatt li xi ħaddiema li jieħdu sehem f’forom ġodda ta’ xogħol, speċjalment dawk li l-kompiti tagħhom jiġu organizzati permezz ta’ pjattaformi diġitali u ġestjoni algoritmika, ma jibbenefikawx minn drittijiet effettivi ta’ rappreżentanza jew ta’ parteċipazzjoni fuq il-post tax-xogħol; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw id-dritt tal-ħaddiema għal-libertà ta’ assoċjazzjoni u parteċipazzjoni fuq il-post tax-xogħol għall-forom kollha ta’ impjieg; jinsab imħasseb dwar il-fenomenu ta’ trade unions tal-kumpaniji jew ta’ rappreżentanti tal-ħaddiema li huma stabbiliti jew ikkontrollati mill-impjegatur u jaħdmu fl-interess tal-impjegatur pjuttost milli fl-interess tal-ħaddiema; jitlob lill-Istati Membri jipproteġu lit-trade unions u lill-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi li jipparteċipaw jew li jixtiequ jipparteċipaw f’negozjar kollettiv kontra kwalunkwe att ta’ interferenza minn xulxin jew mill-aġenti jew il-membri ta’ xulxin fl-istabbiliment, il-funzjonament jew l-amministrazzjoni tagħhom; jisħaq li dan għandu jinkludi wkoll attivitajiet imwettqa biex ifixklu jew jipprevjenu l-formazzjoni ta’ trade unions jew it-tentattivi tagħhom biex ikabbru s-sħubija tagħhom f’post tax-xogħol jew kwalunkwe azzjoni mill-maniġment biex l-impjegati ma jitħallewx jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ organizzazzjoni, li jmorru kontra l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni Nru 98 tal-ILO dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tad-dritt ta’ organizzazzjoni u tal-innegozjar kollettiv u għad-Direttiva 2002/14/KE (22); jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw, flimkien mas-sħab soċjali, li l-ħaddiema jiġu pprovduti b’rappreżentanza ta’ kwalità għolja, li l-forom permanenti ta’ rappreżentanza tal-ħaddiema ma jiġux spostati b’forom ad hoc ta’ rappreżentanza mingħajr strutturi permanenti, li l-elezzjonijiet għar-rappreżentanti tal-ħaddiema jikkonformaw mal-Konvenzjoni dwar ir-Rappreżentanti tal-Ħaddiema u li r-rappreżentanti tal-ħaddiema jgawdu protezzjoni effettiva minn kwalunkwe att preġudizzjali fil-konfront tagħhom, inkluża t-tkeċċija, abbażi tal-istatus jew l-attivitajiet tagħhom bħala rappreżentant tal-ħaddiema jew tas-sħubija tagħhom fi trade union jew il-parteċipazzjoni tagħhom f’attivitajiet tal-unions;

16.

Ifakkar fil-pjan ta’ azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li jistabbilixxi l-mira li mill-inqas 60 % tal-adulti kollha għandhom jipparteċipaw fit-taħriġ kull sena u li mill-inqas 80 % ta’ dawk li għandhom bejn 16 u 74 sena għandu jkollhom ħiliet diġitali bażiċi; jisħaq fuq ir-rwol kruċjali li s-sħab soċjali jista’ jkollhom biex jilħqu dawn il-miri u jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħiliet u ħaddiema, b’mod partikolari fir-reġjuni l-aktar affettwati mit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali; ifakkar li s-sħab soċjali għandhom jiġu kkonsultati f’diskussjonijiet tripartitiċi dwar it-taħriġ mill-ġdid, it-titjib tal-ħiliet, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-politiki dwar it-tagħlim tul il-ħajja; iħeġġeġ lis-sħab soċjali jindirizzaw it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet kif ukoll il-ħiliet diġitali u l-kompetenza diġitali permezz ta’ djalogu soċjali dwar il-politiki tat-taħriġ;

17.

Jappella biex l-istrateġija industrijali tal-UE u l-istrateġija għall-SMEs jippromwovu r-rwol tas-sħab soċjali u jiżguraw li l-impjiegi ta’ għada jkunu kemm ekoloġiċi kif ukoll deċenti, li jiżguraw remunerazzjoni adegwata u jkunu bbażati fuq kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin, inkluż fir-rigward tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, protezzjoni soċjali robusta u ugwaljanza bejn il-ġeneri; jitlob lill-Istati Membri biex, fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-pjanijiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, inkluż il-pjan RePowerEU, jadottaw u jimplimentaw, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali, miżuri ta’ politika komprensivi u koerenti għall-benefiċċju tal-gruppi soċjetali kollha u jagħmlu l-aħjar użu mill-finanzjament pubbliku u privat għall-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità b’kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u b’paga tajba, il-promozzjoni tan-negozjar kollettiv u r-rispett tal-ftehimiet kollettivi; iqis, barra minn hekk, li l-benefiċjarji kollha tal-appoġġ finanzjarju tal-UE, inkluż fl-ambitu tal-programmi tal-pjan industrijali tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, għandhom jirrispettaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg applikabbli u/jew l-obbligi tal-impjegatur, inkluż kwalunkwe ftehim kollettiv applikabbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-kumpaniji li jirċievu appoġġ pubbliku jkunu meħtieġa jieħdu miżuri biex jevitaw is-sensji kollettivi u d-deterjorament tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u jkunu obbligati jirrispettaw in-negozjar kollettiv u l-proċessi ta’ informazzjoni u konsultazzjoni mal-unions dwar l-investimenti, ir-ristrutturar u kwalunkwe riforma;

18.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkonsultaw lis-sħab soċjali dwar kwistjonijiet ekoloġiċi u dwar it-tranżizzjoni ġusta bħala prattika standard matul iċ-ċiklu tat-tfassil tal-politika, mit-tfassil tal-aġenda sal-implimentazzjoni u mill-monitoraġġ sar-rieżami; iqis li l-fehmiet tas-sħab soċjali għandhom jiġu inklużi fil-fażijiet kollha ta’ ppjanar u implimentazzjoni tat-tranżizzjoni ġusta; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprevedu kampanji ta’ informazzjoni, taħriġ u l-bini tal-kapaċitajiet għas-sħab soċjali kif ukoll li jgħinu lill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti jsiru aktar familjari ma’ kwistjonijiet relatati mal-klima u r-riperkussjonijiet possibbli tas-suq tax-xogħol u miżuri ta’ mitigazzjoni;

19.

Jitlob lill-Kummissjoni tinforza l-klawżola soċjali fid-Direttiva eżistenti tal-UE dwar l-Akkwist Pubbliku (23) u jfakkar li f’konformità ma’ din id-direttiva, huwa meħtieġ li l-operaturi ekonomiċi involuti f’kuntratti pubbliċi jikkonformaw mal-obbligi applikabbli kollha fl-oqsma tal-liġi ambjentali, soċjali u tax-xogħol stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, mil-liġi nazzjonali jew mill-ftehimiet kollettivi, jew minn dispożizzjonijiet tal-liġi internazzjonali ambjentali, soċjali jew tax-xogħol applikabbli, inkluż ir-rispett għal-libertà ta’ assoċjazzjoni, id-dritt għall-organizzazzjoni u n-negozjar kollettiv; ifakkar, barra minn hekk, li f’konformità ma’ din id-direttiva, huwa possibbli għall-Istati Membri li jeskludu mill-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ akkwist lill-operaturi ekonomiċi li jkunu ġew ikkundannati talli ma rrispettawx il-leġiżlazzjoni u l-ftehimiet kollettivi eżistenti jew talli kisru l-obbligi tagħhom relatati mal-ħlas tat-taxxi jew tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali; jinnota r-rilevanza tat-tisħiħ tal-għażla tal-kriterji ta’ sostenibbiltà biex jiġi promoss l-aħjar użu tal-infiq pubbliku, l-impjiegi ta’ kwalità u l-inklużjoni soċjali;; jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li s-sistemi ġudizzjarji tagħhom ikollhom kapaċità suffiċjenti biex jeżerċitaw l-awtorità tagħhom u jindirizzaw il-kuntratturi primarji u s-sottokuntratturi ta’ responsabbiltà konġunta li ripetutament involvew ruħhom f’kompetizzjoni inġusta, frodi tat-taxxa jew evażjoni tat-taxxa; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw il-konformità mad-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku u l-monitoraġġ u l-infurzar tagħha;

20.

Jilqa’ l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Long-term competitiveness of the EU: looking beyond 2030” (Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030) (COM(2023)0168) li għandha l-għan li tirrazzjonalizza u tissemplifika r-rekwiżiti ta’ rapportar b’25 % għal kull wieħed mill-oqsma tematiċi, dawk ekoloġiċi, diġitali u ekonomiċi, u l-preżentazzjoni mill-Kummissjoni ta’ proposta biex dan jinkiseb sal-ħarifa tal-2023; jitlob lill-Kummissjoni turi dan l-impenn malajr, u b’hekk ittejjeb il-kompetittività tal-impriżi kollha fl-UE, inklużi l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), u ttejjeb il-kundizzjonijiet bażiċi għall-ġustizzja soċjali u l-prosperità; ifakkar li l-SMEs huma s-sinsla tal-koeżjoni soċjali fl-UE;

21.

Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fil-ħtieġa urġenti ta’ protokoll tal-progress soċjali;

22.

Jitlob lill-Istati Membri jittrasponu mill-aktar fis possibbli d-Direttiva dwar il-Pagi Minimi Adegwati, li tirrikjedi li l-Istati Membri, meta applikabbli, jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li, fl-għoti u t-twettiq ta’ kuntratti ta’ akkwist pubbliku jew ta’ konċessjoni, l-operaturi ekonomiċi u s-sottokuntratturi tagħhom jikkonformaw mal-obbligi applikabbli fir-rigward tal-pagi, id-dritt ta’ organizzazzjoni u tal-innegozjar kollettiv dwar l-iffissar tal-pagi fil-qasam tal-liġi soċjali u tax-xogħol stabbilit mil-liġi tal-Unjoni, il-liġi nazzjonali, il-ftehimiet kollettivi u d-dispożizzjonijiet internazzjonali dwar il-liġi soċjali u tax-xogħol, inklużi l-Konvenzjoni Nru 87 tal-ILO dwar il-libertà ta’ assoċjazzjoni u l-protezzjoni tad-dritt ta’ organizzazzjoni u l-Konvenzjoni Nru 98 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tad-dritt ta’ organizzazzjoni u tal-innegozjar kollettiv;

23.

Jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni li tagħti segwitu bi proposta leġiżlattiva sa tmiem is-sena 2023 (24) u tivvaluta r-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-2 ta’ Frar 2023 (25), u jilqa’ t-tħabbira tat-tnedija uffiċjali tal-konsultazzjoni f’żewġ stadji tas-sħab soċjali tal-UE; jissottolinja l-importanza li jittejbu t-trasparenza u d-drittijiet tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni fit-tipi kollha tal-impriżi, b’tali mod li jkun ta’ benefiċċju kemm għall-impjegati kif ukoll għall-impjegaturi; jisħaq li għandha tingħata attenzjoni speċjali fir-rigward tal-istrutturi korporattivi u l-ktajjen ta’ provvista jew sottokuntrattar kumplessi sabiex jiġi żgurat ir-rispett għall-obbligi relatati tad-djalogu soċjali; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tintroduċi, wara l-valutazzjoni tal-impatt antiċipata tagħha u f’konsultazzjoni mas-sħab soċjali, qafas ġenerali għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema u l-parteċipazzjoni tal-impriżi li jużaw l-istrumenti Ewropej tal-mobbiltà tal-kumpaniji, sabiex jiġu stabbiliti standards minimi, inkluż dwar l-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar, b’mod partikolari fil-livell tal-kumpaniji;

24.

Jisħaq fuq it-tħassib kbir tiegħu dwar il-prattiki ta’ tfixkil tal-unions; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li kull ċittadin Ewropew ikollu d-dritt li jorganizza b’mod volontarju trade union, filwaqt li ssaħħaħ ir-rappreżentanza tal-ħaddiema u tiżgura d-drittijiet tas-sħab soċjali li jinnegozjaw b’mod kollettiv;

25.

Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva; jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li l-mudelli ta’ governanza korporattiva rispettivi tal-kumpaniji jqisu kif xieraq l-iżviluppi ambjentali, soċjali u ekonomiċi permezz ta’ prattiki ta’ governanza u preżenza fis-suq u jippromwovu prattiki ta’ governanza korporattiva li jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà tal-kumpaniji;

26.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti meħtieġa biex, sal-2030, filwaqt li jirrikonoxxu wkoll il-piż amministrattiv partikolari assoċjat magħhom għall-SMEs, ikun hemm mill-inqas 80 % tal-korporazzjonijiet koperti minn ftehimiet ta’ governanza korporattiva sostenibbli, inkluż billi jiġu stabbiliti strateġiji miftiehma mal-ħaddiema sabiex jiġi influwenzat b’mod pożittiv l-iżvilupp ambjentali, soċjali u ekonomiku permezz ta’ prattiki ta’ governanza u preżenza fis-suq, jissaħħaħ ir-rwol tad-diretturi li jsegwu l-interessi fit-tul tal-kumpanija tagħhom, jittejjeb l-obbligu ta’ rendikont tad-diretturi fir-rigward tal-integrazzjoni tas-sostenibbiltà fil-proċessi deċiżjonali korporattivi u jiġu promossi prattiki ta’ governanza korporattiva li jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà tal-kumpaniji, bħal dawk relatati, fost l-oħrajn, mar-rapportar korporattiv, ir-remunerazzjoni tal-membri tal-bord, il-kompożizzjoni tal-bord u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati;

27.

Jilqa’ l-fatt li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-djalogu soċjali tiddikjara li l-Kummissjoni se taħtar koordinatur tad-djalogu soċjali f’kull servizz tal-Kummissjoni biex tifhem aħjar id-djalogu soċjali fl-istituzzjoni kollha kif kien ġie propost preċedentement mis-sħab soċjali stess; jisħaq, madankollu, li s-sħab soċjali għandhom l-aħjar fehim tad-djalogu soċjali u għalhekk għandhom jiġu ppreferuti bħala kandidati għal dan ir-rwol ta’ koordinatur; iqis li dawn il-koordinaturi għandu jkollhom mandat ċar dwar x’jinvolvu r-rwoli, id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom, b’riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani adegwati; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tinvolvi lil dawn il-koordinaturi tad-djalogu soċjali fl-aspetti kollha relatati mal-impjiegi tar-regolamenti u t-tfassil tal-politika tal-UE;

28.

Jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi aktar l-użu tal-FSE+ għall-bini tal-kapaċitajiet tas-sħab soċjali bil-għan li jissaħħaħ in-negozjar kollettiv fl-Ewropa;

29.

Jitlob lill-Istati Membri jirratifikaw u jimplimentaw il-konvenzjonijiet ewlenin kollha tal-ILO, inklużi b’mod partikolari Nru 155 dwar is-sikurezza u s-saħħa okkupazzjonali u l-ambjent tax-xogħol u Nru 187 dwar il-qafas promozzjonali għas-sikurezza u s-saħħa okkupazzjonali, li t-tnejn li huma ġew iddeżinjati reċentement bħala konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO u li għadhom ma ġewx ratifikati mill-Istati Membri kollha, kif ukoll il-konvenzjoni Nru 190 tal-ILO li tikkonċerna l-eliminazzjoni tal-vjolenza u l-fastidju fid-dinja tax-xogħol; jitlob lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jirratifikaw u jimplimentaw il-konvenzjonijiet ewlenin kollha tal-ILO;

30.

Jitlob lill-Istati Membri jiżguraw il-funzjonament xieraq tas-sistemi nazzjonali individwali u kollettivi għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar ix-xogħol f’konformità mal-liġi u/jew il-prattika nazzjonali, kif irrakkomandat minn diversi konvenzjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-ILO, inklużi s-servizzi ta’ konċiljazzjoni, medjazzjoni u arbitraġġ bil-qbil taż-żewġ partijiet, li għandu jkollhom proċeduri simplifikati u biżżejjed riżorsi disponibbli biex jassistu kemm lill-ħaddiema kif ukoll lill-impjegaturi, u li għandhom ikunu affordabbli; jitlob lill-Istati Membri b’servizzi deċentralizzati ta’ medjazzjoni professjonali jiżguraw li l-awtoritajiet reġjonali jżommu dawk is-servizzi biex jiggarantixxu livell simili ta’ protezzjoni għall-ħaddiema u l-impjegaturi kollha fit-territorju nazzjonali;

31.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu u jiffaċilitaw il-libertà ta’ assoċjazzjoni u ta’ negozjar kollettiv fl-ekonomija informali bħala mezz biex tiżdied il-viżibbiltà tal-ħaddiema u filwaqt li jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u l-protezzjoni soċjali, kif ukoll jiġi indirizzat ix-xogħol mhux iddikjarat;

32.

Jitlob lill-Kummissjoni tirrispetta l-ftehimiet bejn is-sħab soċjali Ewropej kemm fil-livell transindustrijali kif ukoll f’dak settorjali, u tiżgura li d-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 155 tat-TFUE jiġu rispettati, li skonthom, jekk il-maniġment u l-ħaddiema jkunu jixtiequ dan, id-djalogu bejniethom fil-livell tal-Unjoni jista’ jwassal għal relazzjonijiet kuntrattwali, inklużi ftehimiet; jenfasizza li r-rispett tal-ftehimiet tas-sħab soċjali Ewropej jinkludi l-implimentazzjoni tagħhom jew f’konformità mal-proċeduri u l-prattiki speċifiċi għall-maniġment u l-ħaddiema u l-Istati Membri, jew, għal kwistjonijiet koperti mill-Artikolu 153 tat-TFUE, u fuq talba konġunta tal-partijiet firmatarji, permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill wara proposta tal-Kummissjoni; jitlob lill-Kummissjoni tiċċara l-proċedura u l-kriterji li se tuża biex tittratta l-ftehimiet innegozjati bil-għan li jsiru legalment vinkolanti;

33.

Jenfasizza li l-premessa 35 tad-Direttiva (UE) 2019/2121 (26) tiddikjara li “[f]’ċerti ċirkostanzi, id-dritt tal-kumpaniji li jwettqu operazzjoni transkonfinali jista’ jintuża għal skopijiet abbużivi jew frodulenti, bħal pereżempju għall-evitar tad-drittijiet tal-impjegati, il-pagamenti tas-sigurtà soċjali jew l-obbligi tat-taxxa, jew għal skopijiet kriminali”; iqis li huwa essenzjali, f’dan ir-rigward, li jiġu żgurati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/14/KE li tistabbilixxi standards minimi tal-UE dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati, kif ukoll dawk tar-rappreżentanza fil-livell tal-bordijiet u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema meta l-kumpaniji jagħmlu ristrutturazzjoni transfruntiera; jitlob lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni li jmiss tagħha tad-Direttiva (UE) 2019/2121, tqis il-prattiki tajbin eżistenti u r-riżultati ta’ studji u valutazzjonijiet tal-effetti u l-konsegwenzi soċjoekonomiċi pożittivi tar-rappreżentanza tal-impjegati fil-korpi korporattivi, li tista’ tgħin fit-titjib tal-governanza korporattiva; jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa inizjattivi favur is-sensibilizzazzjoni u t-titjib tal-għarfien tar-regoli nazzjonali u tal-UE li jirregolaw ir-rappreżentanza tal-impjegati fil-korpi korporattivi fid-diversi Stati Membri u trawwem l-iskambju tal-aħjar prattiki, inkluża l-valutazzjoni tal-forom differenti ta’ parteċipazzjoni tal-ħaddiema u l-effetti soċjoekonomiċi tagħhom; itenni li diversi atti legali tal-UE li jikkonċernaw id-drittijiet ta’ rappreżentanza tal-ħaddiema fil-livell tal-bordijiet ma jistabbilux rekwiżiti minimi għar-rappreżentanza fil-livell tal-bord fl-impriżi tal-Unjoni fil-forom differenti tagħhom jew għal kumpaniji li jużaw strumenti legali tal-kumpaniji tal-UE biex jippermettu l-mobbiltà transfruntiera ta’ kumpanija u r-riorganizzazzjoni ġuridika, inklużi l-fużjonijiet, il-konverżjonijiet u d-diviżjonijiet transfruntieri; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni urġenti u deċiżiva biex jiżguraw li l-impriżi fuq skala tal-Unjoni jirrispettaw id-drittijiet ta’ informazzjoni, konsultazzjoni u parteċipazzjoni tal-ħaddiema u li, għaldaqstant, jikkonformaw mal-obbligi legali nazzjonali u tal-Unjoni eżistenti;

34.

Huwa konvint li l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji diġitali ġodda għandha l-potenzjal li tħalli impatt pożittiv fuq l-ambjent tax-xogħol jekk dawn it-teknoloġiji jiġu implimentati u mmonitorjati b’mod affidabbli, li jkun jirrikjedi informazzjoni f’waqtha u sinifikattiva u l-konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema, inklużi t-trade unions, biex jiġu żgurati r-rispett sħiħ tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, il-protezzjoni tad-data, it-trattament ugwali, l-istabbiltà tal-impjieg, il-protezzjoni soċjali u l-benesseri fuq il-post tax-xogħol, u jiġu pprevenuti l-isfruttament u s-sorveljanza b’mod żejjed tal-ħaddiema, kif ukoll id-diskriminazzjoni u l-istigmatizzazzjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ ġestjoni permezz ta’ algoritmi; jissottolinja l-fatt li t-trade unions u r-rappreżentanti tal-ħaddiema għandu jkollhom l-aċċess u l-mezzi meħtieġa biex jivvalutaw u jevalwaw it-teknoloġiji diġitali qabel l-introduzzjoni tagħhom; jenfasizza li t-teknoloġiji diġitali ġodda u l-intelliġenza artifiċjali ma għandhomx jirreplikaw id-diskriminazzjoni u l-preġudizzji soċjetali eżistenti iżda għandhom jgħinu l-inklużjoni soċjali u l-parteċipazzjoni ta’ gruppi differenti; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi applikat il-prinċipju ta’ etika prestabbilita matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tat-teknoloġiji diġitali sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tagħhom u jiġu evitati l-preġudizzji; jisħaq li l-istrutturi tad-djalogu soċjali, in-negozjar kollettiv settorjali, l-għoti ta’ informazzjoni lit-trade unions u lir-rappreżentanti tal-ħaddiema, u l-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tagħhom, huma kruċjali biex jiġi pprovdut l-appoġġ meħtieġ biex il-ħaddiema jisfruttaw u jipparteċipaw aħjar fl-adozzjoni u fil-monitoraġġ mis-sħab soċjali tat-teknoloġiji diġitali fuq il-post tax-xogħol;

35.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)   ĠU L 82, 22.3.2001, p. 16.

(2)   ĠU L 225, 12.8.1998, p. 16.

(3)   ĠU L 186, 11.7.2019, p. 105.

(4)   ĠU L 122, 16.5.2009, p. 28.

(5)   ĠU L 231, 30.6.2021, p. 21.

(6)   ĠU L 275, 25.10.2022, p. 33.

(7)   ĠU C 251, 30.6.2022, p. 104.

(8)  Testi adottati, P9_TA(2023)0028.

(9)   ĠU C 242, 10.7.2018, p. 24.

(10)   ĠU C 445, 29.10.2021, p. 75.

(11)   ĠU L 304, 24.11.2022, p. 67.

(12)  Visser, Jelle, Istitut ta’ Amsterdam għall-Istudji Avvanzati dwar ix-Xogħol, Database on Institutional Characteristics of Trade Unions, Wage Setting, State Intervention and Social Pacts (Bażi ta’ Data dwar il-Karatteristiċi Istituzzjonali tat-Trade Unions, Stabbiliment tal-Pagi, Intervent tal-Istat u Patti Soċjali), Verżjoni 6.1, Novembru 2019.

(13)  Rodriguez Contreras, Ricardo; Molina, Oscar, Moving with the times: Emerging practices and provisions in collective bargaining (Nimxu maż-żminijiet: Prattiki u dispożizzjonijiet emerġenti fin-negozjar kollettiv), Pubblikazzjonijiet tal-Eurofound, Awwissu 2022.

(14)  Kummissjoni Ewropea, Employment and Social Developments in Europe – Young Europeans: employment and social challenges ahead (L-Impjiegi u l-Iżviluppi Soċjali fl-Ewropa – Żgħażagħ Ewropej: l-isfidi tal-impjiegi u dawk soċjali li se jiffaċċjaw), Rieżami annwali 2022.

(15)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17.

(16)  Ara l-Kostituzzjoni tal-ILO tal-1919 u d-Dikjarazzjoni ta’ Philadelphia tal-ILO tal-1944.

(17)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/500/KE tal-20 ta’ Mejju 1998 dwar l-istabbiliment ta’ Kumitati ta’ Djalogu Settorjali biex iġibu ’l quddiem id-djalogu bejn l-imsieħba soċjali fuq livell Ewropew. ĠU L 225, 12.8.1998, p. 27.

(18)  Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Lulju 2010 dwar il-funzjonament u l-potenzjal tad-djalogu soċjali settorjali Ewropew (SEC(2010)0964).

(19)  The Informal Economy and Decent Work: A Policy Resource Guide supporting transitions to formality (L-Ekonomija Informali u x-Xogħol Deċenti: Gwida tar-Riżorsi tal-Politika li ssostni t-tranżizzjonijiet lejn il-formalità) 978-92-2-126962-5[ISBN] 978-92-2-126963-2

(20)  https://www.eurofound.europa.eu/mt/node/52288

(21)  Il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni, is-Sommarju tad-Deċiżjonijiet, il-ħames edizzjoni, 2006, paragrafi 1102, 1103 u 1106; It-336 Rapport tal-Kumitat għal-Libertà ta’ Assoċjazzjoni, 2005, paragrafu 58; Rakkomandazzjoni tar-Rappreżentanti tal-Ħaddiema, 1971 (nru 143), Parti IV, paragrafi 9.3 u 17

(22)  Id-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea. ĠU L 80, 23.3.2002, p. 29.

(23)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE. ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65.

(24)  https://www.euractiv.com/section/economy-jobs/news/commissioner-new-european-works-council-proposal-by-end-of-2023/.

(25)  Testi adottati, P9_TA(2023)0028.

(26)  Id-Direttiva (UE) 2019/2121 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 fir-rigward ta’ konverżjonijiet, mergers u diviżjonijiet transkonfinali. ĠU L 321, 12.12.2019, p. 1.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1225/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)


Top