Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023IP0080

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2023 dwar ir-rapport ta' implimentazzjoni dwar il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE (2020/2202(INI))

    ĠU C, C/2023/403, 23.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/403/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/403/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje C


    C/2023/403

    23.11.2023

    P9_TA(2023)0080

    Rapport ta' implimentazzjoni dwar il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2023 dwar ir-rapport ta' implimentazzjoni dwar il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE (2020/2202(INI))

    (C/2023/403)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (1) (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”) inkluż il-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq mehmuż miegħu (“il-Protokoll”),

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni politika li tistabbilixxi l-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit (2), li takkumpanja l-Ftehim dwar il-Ħruġ,

    wara li kkunsidra l-ftehim fil-prinċipju mħabbar dwar il-Qafas ta' Windsor;

    wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Belfast (tal-Ġimgħa l-Kbira) tal-10 ta' April 1998, iffirmat mill-Gvern tar-Renju Unit, mill-Gvern tal-Irlanda u mill-parteċipanti l-oħra fin-negozjati multipartitiċi (il-“Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira”),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta' April 2017 dwar in-negozjati mar-Renju Unit wara n-notifika tiegħu li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea (3), tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit (4), tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit (5), tal-14 ta' Marzu 2018 dwar il-qafas tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit (6), tat-18 ta' Settembru 2019 dwar il-qagħda kurrenti tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea (7), tal-15 ta' Jannar 2020 dwar l-implimentazzjoni u s-sorveljanza tad-dispożizzjonijiet rigward id-drittijiet taċ-ċittadini fil-Ftehim dwar il-Ħruġ (8), tat-12 ta' Frar 2020 dwar il-mandat propost għan-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (9), tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar in-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (10), tat-28 ta' April 2021 dwar l-eżitu tan-negozjati bejn l-UE u r-Renju Unit (11) u tas-16 ta' Frar 2022 dwar il-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (12),

    wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tad-29 ta' Jannar 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (13),

    wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra (14) (il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

    wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A9-0052/2023),

    A.

    billi l-Ftehim dwar il-Ħruġ konkluż bejn l-UE u r-Renju Unit daħal fis-seħħ fl-1 ta' Frar 2020;

    B.

    billi l-Ftehim dwar il-Ħruġ ippermetta l-ħruġ ordnat tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea; billi l-Ftehim dwar il-Ħruġ stabbilixxa Kumitat Konġunt, li huwa responsabbli għall-monitoraġġ u għall-promozzjoni tal-implimentazzjoni u tal-applikazzjoni tal-ftehim; billi l-Ftehim dwar il-Ħruġ stabbilixxa sitt kumitati speċjalizzati li jkopru l-oqsma li ġejjin: id-drittijiet taċ-ċittadini, dispożizzjonijiet ta' separazzjoni oħra, l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq, Ġibiltà, iż-żoni ta' bażi sovrana f'Ċipru, u d-dispożizzjonijiet finanzjarji;

    C.

    billi l-Ftehim dwar il-Ħruġ, b'mod partikolari l-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq, u l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jikkostitwixxu qafas komuni għar-relazzjoni tar-Renju Unit mal-UE; billi ż-żewġ ftehimiet intlaħaq qbil dwarhom u ġew ratifikati mill-UE u mir-Renju Unit u huma trattati legalment vinkolanti skont id-dritt pubbliku internazzjonali; billi r-relazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit trid tkun ibbażata fuq ir-rispett sħiħ għal dawk l-impenji internazzjonali; billi l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (FKK) huwa bbażat fuq l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u tal-Protokoll, li jfisser li l-isfidi ta' implimentazzjoni fl-ambitu tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u tal-Protokoll huma għalhekk marbuta b'mod inseparabbli mal-FKK; billi dawk l-isfidi ta' implimentazzjoni jista' jkollhom implikazzjonijiet estensivi u konsegwenzi serji għar-relazzjoni usa' bejn l-UE u r-Renju Unit;

    D.

    billi t-Tieni Parti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tipproteġi d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fir-Renju Unit u taċ-ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu fl-UE; billi l-protezzjoni ta' dawn id-drittijiet tibqa' għaddejja legalment lil hinn mit-tlestija tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE;

    E.

    billi l-inkonsistenza bejn l-istatus mogħti fl-ambitu tal-Iskema għall-Kisba tal-Istatus ta' Stabbilit għaċ-Ċittadini tal-UE (EUSS) u d-drittijiet previsti mill-Ftehim dwar il-Ħruġ tista' toħloq riskju ta' inċertezza legali għaċ-ċittadini tal-UE;

    F.

    billi l-Awtorità ta' Monitoraġġ Indipendenti (IMA) tar-Renju Unit għall-Ftehimiet dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini ġiet stabbilita fil-31 ta' Diċembru 2020;

    G.

    billi aderenza kontinwa mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem kienet wieħed mir-rekwiżiti essenzjali fil-Ftehim dwar il-Ħruġ, b'mod partikolari fir-rigward tal-infurzar tal-liġi u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali; billi l-Ftehim dwar il-Ħruġ jiddikjara li ma jrid ikun hemm “l-ebda tnaqqis ta' drittijiet, salvagwardji jew ugwaljanza ta' opportunitajiet” għan-nies fl-Irlanda ta' Fuq;

    H.

    billi l-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprevedi saldu finanzjarju ordnat u ġust mar-Renju Unit;

    I.

    billi, fl-10 ta' April 1998, il-Ftehim ta' Belfast (tal-Ġimgħa l-Kbira) ġie ffirmat mill-Gvern tar-Renju Unit, mill-Gvern tal-Irlanda u mill-parteċipanti l-oħra fin-negozjati multipartitiċi; billi l-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq jevita “fruntiera fiżika” fuq il-gżira tal-Irlanda, jiżgura l-funzjonament ta' ekonomija fil-gżira kollha kemm hi u jissalvagwardja d-dimensjonijiet kollha tal-Ftehim ta' Belfast (tal-Ġimgħa l-Kbira), filwaqt li jipproteġi l-integrità tas-suq uniku tal-UE; billi wara snin ta' negozjati intensi mar-Renju Unit, il-Protokoll kien l-unika soluzzjoni li nstabet; billi għaldaqstant dan jipprovdi l-uniku qafas biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi speċifiċi għall-Irlanda ta' Fuq tad-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mis-suq uniku u mill-unjoni doganali;

    J.

    billi fit-13 ta' Ottubru 2021, il-Kummissjoni, f'turija ta' flessibilità u prammatiżmu, ipproponiet għadd ta' proposti estensivi biex tagħmel l-implimentazzjoni tal-Protokoll aktar flessibbli;

    K.

    billi r-Renju Unit ma żammx l-obbligi internazzjonali tiegħu billi adotta u estenda b'mod unilaterali l-perjodi ta' grazzja; billi, bħala riżultat ta' din l-estensjoni unilaterali, inkisru għadd ta' aspetti ċentrali tal-Protokoll;

    L.

    billi r-Renju Unit reċentement ressaq l-Abbozz ta' Liġi rigward il-Protokoll dwar l-Irlanda ta' Fuq li għandu l-għan li b'mod unilaterali ma jibqax japplika diversi dispożizzjonijiet tal-Protokoll; billi tali proposta tikkostitwixxi ksur ċar u inaċċettabbli tal-impenji internazzjonali fl-ambitu tal-Ftehim dwar il-Ħruġ;

    M.

    billi l-ftehim fil-prinċipju mħabbar dan l-aħħar dwar il-Qafas ta' Windsor jistabbilixxi t-termini għal implimentazzjoni flessibbli iżda effettiva tal-Protokoll; billi l-Gvern tar-Renju Unit ħabbar, f'dan il-kuntest, il-waqfien u s-sospensjoni tal-Abbozz ta' Liġi propost rigward il-Protokoll dwar l-Irlanda ta' Fuq;

    N.

    billi uffiċjali eletti u partijiet ikkonċernati fl-Irlanda ta' Fuq għandhom għarfien u esperjenza diretti tal-konsegwenzi prattiċi tal-implimentazzjoni tal-Protokoll;

    O.

    billi huwa neċessarju li jiġu ppreservati kundizzjonijiet ekwivalenti u ċertezza legali għan-negozji u għaċ-ċittadini;

    Kunsiderazzjonijiet ġenerali

    1.

    Ifakkar li l-Ftehim dwar il-Ħruġ ippermetta l-ħruġ ordnat tar-Renju Unit mill-UE, filwaqt li mminimizza t-tfixkil soċjali u ekonomiku u evita xenarju ta' “preċipizju”; ifakkar li n-negozjar tiegħu kien proċess politiku storiku iżda kkumplikat u twil li għalih iż-żewġ partijiet iddedikaw riżorsi politiċi, amministrattivi u finanzjarji konsiderevoli; jirrimarka li dan kien perjodu ta' inċertezza kbira ħafna għall-EU-27, għar-Renju Unit u għall-partijiet ikkonċernati rispettivi tagħhom; jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Ftehim dwar il-Ħruġ għadu ma ġiex implimentat bis-sħiħ; jissottolinja li l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, li huma bbażati fuq id-dritt internazzjonali, hija u se tibqa' dejjem prijorità ewlenija għall-UE;

    2.

    Jinnota li, kif mistenni, il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE rriżulta f'interruzzjonijiet fil-kummerċ u fil-ktajjen tal-provvista bejn l-UE u r-Renju Unit, f'aktar inċertezzi għaċ-ċittadini u għan-negozji, u fi spejjeż dejjem jiżdiedu għan-negozjanti f'diversi setturi, għall-investituri u għall-industrija minħabba nuqqas ta' trasport, dewmien fit-trasport marittimu, diffikultajiet fil-konformità mar-regoli tal-importazzjoni li qed jinbidlu u taqlib fil-fruntieri doganali li rriżultaw minn sistemi regolatorji doppji u formalitajiet addizzjonali; jinnota, għalhekk, li l-Brexit wera li huwa ta' ħsara għal dawk kollha kkonċernati, u aktar u aktar għar-Renju Unit; jinnota li r-reġjuni involuti fi proġetti Interreg mar-Renju Unit ġew affettwati b'mod partikolari; jirrimarka li s-sitwazzjoni kienet tkun ħafna agħar għaċ-ċittadini, għan-negozji u għall-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-UE u fir-Renju Unit bl-istess mod mingħajr il-Ftehim dwar il-Ħruġ;

    3.

    Jenfasizza li l-Ftehim dwar il-Ħruġ ipprovda l-qafas legali għas-salvagwardja tad-drittijiet taċ-ċittadini; tiġi evitata “fruntiera fiżika” fuq il-gżira tal-Irlanda u jiġi rrispettat il-Ftehim ta' Belfast (tal-Ġimgħa l-Kbira), filwaqt li jiġu protetti l-integrità u l-funzjonament tas-suq uniku u l-unjoni doganali tal-UE, tiġi żgurata soluzzjoni finanzjarja ġusta u jiġu stabbiliti sistema effettiva għas-soluzzjoni tat-tilwim u istituzzjonijiet konġunti biex jimmonitorjaw u jinfurzaw l-implimentazzjoni tagħha;

    4.

    Jinnota li għad irid isir xi titjib importanti biex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet taċ-ċittadini u li l-ewwel tliet snin tal-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ ittebbgħu mill-ksur kontinwu mir-Renju Unit tal-impenji tiegħu, kif ukoll minn aktar theddid ta' ksur, fl-ambitu tal-Protokoll;

    5.

    Itenni li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Ħruġ iridu jiġu rispettati u implimentati; jisħaq li l-konformità mat-trattati tikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt internazzjonali u li r-relazzjoni ta' fiduċja bejn l-UE u r-Renju Unit tiddependi fuq ir-rispett tal-partijiet kollha tal-impenji legalment vinkolanti tagħhom;

    6.

    Ifakkar li l-Ftehim dwar il-Ħruġ għandu effett dirett fuq l-ordinamenti ġuridiċi rispettivi tal-UE u tar-Renju Unit; jirrimarka li d-dispożizzjonijiet tiegħu jistgħu jiġu invokati direttament fil-qrati nazzjonali mis-suġġetti ġuridiċi kkonċernati; jissottolinja li kwalunkwe miżura ta' implimentazzjoni nazzjonali kontradittorja trid tiġi injorata u ma tistax tiġi infurzata;

    7.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ppreservat ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE), li huwa meħtieġ biex jiġi interpretat d-dritt applikabbli tal-UE; ifakkar li l-qrati tar-Renju Unit jeħtiġilhom iqisu b'mod xieraq il-każistika tal-QĠUE stabbilita wara l-perjodu tranżitorju, u jenfasizza li d-drittijiet garantiti mit-taqsima dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jistgħu jiġu invokati direttament miċ-ċittadini tal-UE fil-qrati tar-Renju Unit u miċ-ċittadini tar-Renju Unit fil-qrati tal-Istati Membri; ifakkar ukoll li l-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprovdi rwol għall-QĠUE, billi jippermetti lill-qrati tar-Renju Unit jitolbuha, taħt ċerti kundizzjonijiet, deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tat-Tieni Parti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ għal tmien snin wara tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni;

    Id-drittijiet taċ-ċittadini

    8.

    Ifakkar li t-Tieni Parti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprevedi li ċ-ċittadini kollha tal-UE li kienu jirrisjedu legalment fir-Renju Unit u ċ-ċittadini kollha tar-Renju Unit li kienu jirrisjedu legalment fl-EU-27 fl-aħħar tal-perjodu ta' tranżizzjoni fil-31 ta' Diċembru 2020 u li għadhom jagħmlu hekk, igawdu s-sett sħiħ ta' drittijiet kif stabbiliti skont id-dritt tal-Unjoni u kif inhuma interpretati mill-QĠUE; ifakkar li t-tfal huma protetti wkoll mill-Ftehim dwar il-Ħruġ, dment li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 10(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ ikunu ssodisfati; jisħaq li l-implimentazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Ħruġ relatati mad-drittijiet taċ-ċittadini hija meħtieġa biex tissalvagwardja dawk id-drittijiet u tipprovdi ċ-ċertezza legali meħtieġa miċ-ċittadini tal-UE u tar-Renju Unit u l-familji tagħhom;

    9.

    Ifakkar, kif enfasizzat fl-Artikolu 5 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, li l-UE u r-Renju Unit għandhom, b'rispett reċiproku sħiħ u bona fide, jassistu lil xulxin fir-rigward tal-kompiti li jirriżultaw mill-Ftehim dwar il-Ħruġ.

    10.

    Jilqa' l-istabbiliment tal-EUSS min-naħa tar-Renju Unit biex tissodisfa l-obbligi tagħha fil-konfront taċ-ċittadini tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom, iżda jtenni wkoll it-tħassib tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta' ċarezza legali, peress li l-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà stabbiliti mir-Renju Unit għall-aċċess għad-drittijiet fl-ambitu tal-EUSS xorta għadhom differenti minn dawk previsti fil-Ftehim dwar il-Ħruġ; ifakkar li l-Ftehim dwar il-Ħruġ jagħmilha ċara li l-proċeduri amministrattivi taħt sistema kostituttiva jridu jkunu “mingħajr intoppi, trasparenti u sempliċi”;

    11.

    Jinnota li, sal-31 ta' Diċembru 2022, u fl-ambitu tal-EUSS, ir-Renju Unit irċieva 7 040 670 applikazzjoni li minnhom 988 440 waslu wara l-iskadenza tat-30 ta' Ġunju 2021; jinnota li mill-eżiti konklużi, 50 % (3 420 270) ingħataw status ta' stabbilit, 39 % (2 707 800) ingħataw biss status li jippreċedi l-istatus ta' stabbilit u 11 % kellhom eżiti oħra (inklużi 442 770 applikazzjoni rifjutata, 152 990 applikazzjoni rtirata jew nulla, u 135 840 applikazzjoni invalida);

    12.

    Huwa mħasseb ħafna dwar l-inkonsistenzi fir-rigward tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, pereżempju bil-fatt li ċ-ċittadini tal-UE bi status li jippreċedi l-istatus ta' stabbilit jeħtiġilhom iressqu t-tieni applikazzjoni biex jiksbu status ta' stabbilit, li jista' jwassal għal telf awtomatiku u illegali tad-drittijiet tagħhom; ifakkar li l-ewwel mewġa ta' ċittadini tal-UE bi status li jippreċedi l-istatus ta' stabbilit li jeħtiġilhom japplikaw għall-istatus ta' stabbilit se jkollhom jibdew iressqu l-applikazzjonijiet tagħhom fit-tieni nofs tal-2023; jesprimi tħassib li, matul it-tieni applikazzjoni tagħhom, iċ-ċittadini eliġibbli tal-UE se jkollhom jagħtu prova ta' residenza kontinwa, u b'hekk il-proċedura ta' applikazzjoni għal status ta' stabbilit issir aktar oneruża mill-proċedura għal status li jippreċedi l-istatus ta' stabbilit;

    13.

    Ifakkar li dawk il-persuni li għadhom ma kisbux id-drittijiet ta' residenza permanenti – jiġifieri dawk li ma għexux fl-Istat ospitanti għal tal-anqas ħames snin – xorta għadhom kompletament protetti mill-Ftehim dwar il-Ħruġ u se jkunu jistgħu jibqgħu jirrisjedu fl-Istat ospitanti u jiksbu drittijiet ta' residenza permanenti fl-Istat ospitanti wara li jagħlqu ħames snin bħala residenti;

    14.

    Jinnota li l-iskadenza għall-biċċa l-kbira taċ-ċittadini tal-UE biex japplikaw għal status ta' stabbilit għalqet fit-30 ta' Ġunju 2021; jisħaq li, skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ, iċ-ċittadini tal-UE u l-familji tagħhom li jistgħu juru raġunijiet raġonevoli għalfejn ma rrispettawx l-iskadenzi xorta jistgħu japplikaw għall-EUSS; jirrikonoxxi li l-Gvern tar-Renju Unit għażel li ma jirrifjuta ebda applikazzjoni mressqa wara l-iskadenza uffiċjali; jilqa' l-flessibbiltà murija mill-Gvern tar-Renju Unit f'dak ir-rigward; jinsab xorta mħasseb, madankollu, dwar is-sitwazzjoni tal-applikanti li ressqu l-applikazzjoni tard, peress li ħafna ċittadini għadhom ma jafux x'inhu l-istatus tal-immigrazzjoni tagħhom;

    15.

    Jinsab imħasseb dwar id-dewmien twil ħafna fit-teħid tad-deċiżjonijiet mill-Gvern tar-Renju Unit b'rabta mad-drittijiet taċ-ċittadini; jinnota li, minn Diċembru 2022, 181 000 applikazzjoni kienu qed jistennew deċiżjoni; jinsab partikolarment imħasseb dwar id-dewmien fir-rigward ta' każijiet ta' riunifikazzjoni tal-familja; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-dewmien fit-teħid tad-deċiżjonijiet għal każijiet ta' riunifikazzjoni tal-familja żdied minn medja ta' 95 jum kalendarju f'Lulju 2021 għal 291 jum kalendarju f'Ġunju 2022; jistieden lill-Gvern tar-Renju Unit jagħmel l-almu tiegħu biex iħaffef il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu;

    16.

    Ifaħħar il-ħidma tal-IMA, li r-rwol tagħha huwa li tiżgura li l-awtoritajiet tar-Renju Unit jimplimentaw b'mod adegwat u effettiv id-drittijiet previsti fil-ftehimiet dwar id-drittijiet taċ-ċittadini; itenni l-importanza li jiġi żgurat li l-IMA tkun tista' twettaq ir-rwol tagħha b'mod ġenwinament indipendenti;

    17.

    Jilqa' r-rapport dwar it-tieni stħarriġ tal-IMA ta' Lulju 2022; jinnota, bi tħassib, li tlieta minn kull erbgħa li wieġbu ma kinux semgħu dwar l-IMA qabel l-istħarriġ tal-2022; jistieden lill-IMA ttejjeb l-isforzi tagħha ta' komunikazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni;

    18.

    Jilqa' u kien qiegħed isegwi mill-qrib l-isfida legali mressqa mill-IMA f'Diċembru 2021 quddiem il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja tar-Renju Unit dwar il-pożizzjoni tal-Gvern tar-Renju Unit li ċ-ċittadini tal-UE li jonqsu jew milli japplikaw għal status ta' stabbilit inkella milli jerġgħu japplikaw għal status li jippreċedi l-istatus ta' stabbilit qabel l-iskadenza tal-istatus tagħhom li jippreċedi l-istatus ta' stabbilit awtomatikament jitilfu d-drittijiet tagħhom; jinnota li, fis-sentenza li ngħatat fil-21 ta' Diċembru 2022, il-Qorti Għolja tar-Renju Unit iddikjarat li l-EUSS, bil-mod kif qiegħda taħdem bħalissa, hija illegali f'dan ir-rigward; jappoġġa l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fil-proċedimenti tal-qorti; jilqa' t-tħabbira reċenti mill-Home Office tar-Renju Unit li tikkonferma li mhux se jappella s-sentenza u jistenna li din tiġi implimentata malajr; jisħaq li, skont l-Artikolu 15(3) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, ladarba ċ-ċittadini jiksbu d-dritt ta' residenza permanenti, dan jista' jintilef biss permezz ta' assenza mill-Istat ospitanti għal perjodu li jaqbeż ħames snin konsekuttivi;

    19.

    Jenfasizza r-rwol tal-Kumitat Speċjalizzat dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini fl-iffaċilitar tal-applikazzjoni tat-Tieni Parti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ; jenfasizza l-importanza tal-ħidma tiegħu u tar-rapporti tiegħu dwar l-implimentazzjoni tad-drittijiet ta' residenza; jistieden lill-Istati Membri u lir-Renju Unit ikomplu jipprovdu informazzjoni statistika kompluta u aġġornata lill-Kumitat Speċjalizzat dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Gvern tar-Renju Unit jerġgħu jlaqqgħu l-Kumitat Speċjalizzat dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini malajr kemm jista' jkun u jkomplu jorganizzaw laqgħat kull tliet xhur sakemm il-kwistjonijiet kollha mqajma jkunu ġew indirizzati bis-sħiħ;

    20.

    Jilqa' s-sitt rapport konġunt dwar l-implimentazzjoni tad-drittijiet ta' residenza skont it-Tieni Parti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tas-26 ta' Jannar 2022; jieħu nota tal-pubblikazzjoni regolari ta' rapporti konġunti dwar l-implimentazzjoni tad-drittijiet ta' residenza fl-ambitu tal-Ftehim dwar il-Ħruġ mill-Kumitat Speċjalizzat dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini, u tar-rapporti annwali mis-segretarjat tal-kumitat lill-Kumitat Konġunt; jenfasizza l-utilità tagħhom fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tat-Tieni Parti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ;

    21.

    Itenni l-fehma tiegħu li tingħata ċertezza akbar liċ-ċittadini tal-UE fir-Renju Unit jekk jinħarġilhom dokument fiżiku, li għandu jikkomplementa l-istatus diġitali eżistenti tagħhom, bħala prova tad-drittijiet tagħhom bħala residenti; jesprimi t-tħassib tiegħu li l-approċċ diġitali biss jista' jkollu effett negattiv u diskriminatorju fuq l-applikanti minn gruppi vulnerabbli u jitlob li tingħata għajnuna f'każijiet bħal dawn; ifakkar il-pożizzjoni tiegħu li sistema dikjaratorja tipprovdi saħansitra aktar ċertezza legali għaċ-ċittadini kkonċernati, filwaqt li ttaffi l-piż amministrattiv fuq l-awtoritajiet tar-Renju Unit;

    22.

    Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-diffikultajiet li ċ-ċittadini tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom jistgħu jesperjenzaw meta jippruvaw jirritornaw lejn ir-Renju Unit minħabba n-nuqqas ta' għarfien tal-linji tal-ajru dwar il-proċess diġitali għall-verifika tal-istatus ta' stabbilit jew li jippreċedi l-istatus ta' stabbilit u n-nuqqas ta' kapaċità tagħhom li jivverifikaw dan fil-gates tal-ajruport qabel ma jitilgħu abbord; jistieden lill-Gvern tar-Renju Unit ikompli jaħdem mat-trasportaturi biex jinstabu soluzzjonijiet;

    23.

    Jiddispjaċih dwar id-dewmien dejjem akbar biex jinħarġu d-dokumenti ta' residenza u viżi ta' dħul għaċ-ċittadini tal-UE fir-Renju Unit u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Renju Unit jiżviluppaw pjanijiet biex inaqqsu l-għadd ta' applikazzjonijiet pendenti;

    24.

    Jiddeplora d-deċiżjoni tar-Renju Unit li jimponi tariffi differenti għall-applikanti għal viża skont il-pajjiżi tal-UE ta' oriġini tagħhom;

    25.

    Jistieden lill-Gvern tar-Renju Unit ikompli jiggarantixxi d-drittijiet ta' residenza taċ-ċittadini tal-UE li jinsabu l-ħabs bi status li jippreċedi l-istatus ta' stabbilit, kif previst mill-Ftehim dwar il-Ħruġ;

    26.

    Jinsab imħasseb dwar id-diffikultajiet li jiffaċċjaw iċ-ċittadini tar-Renju Unit biex jiċċaraw l-istatus tagħhom f'xi pajjiżi tal-UE; jistieden lill-Istati Membri juru flessibbiltà fir-rigward tal-ipproċessar ta' applikazzjonijiet li jkunu waslu tard; jistieden lill-Istati Membri li għażlu implimentazzjoni skont l-Artikolu 18(4), li ma tirrikjedix proċess ta' applikazzjoni biex jiġu kkonfermati d-drittijiet skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ, jindirizzaw it-tħassib tar-Renju Unit relatat mal-evidenza tal-istatus u l-kapaċità taċ-ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu fl-UE li jaċċessaw il-benefiċċji u s-servizzi; jilqa' l-inizjattivi tal-Kummissjoni biex tipprovdi gwida lill-Istati Membri f'dan ir-rigward; jistieden lill-Istati Membri b'sistema kostituttiva jikkunsidraw l-adozzjoni ta' sistema dikjaratorja jew partijiet minn tali sistema;

    27.

    Jenfasizza l-importanza tal-organizzazzjonijiet fil-livell lokali biex jippromwovu r-rispett tad-drittijiet taċ-ċittadini fir-Renju Unit u fl-UE fl-ambitu tal-Ftehim dwar il-Ħruġ; jinnota b'dispjaċir li wħud mill-organizzazzjonijiet li jippromwovu d-drittijiet taċ-ċittadini tar-Renju Unit fl-Ewropa kellhom iwaqqfu l-ħidma tagħhom minħabba nuqqas ta' fondi;

    28.

    Itenni li d-drittijiet taċ-ċittadini huma prijorità ewlenija għall-Parlament u jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jimmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, sabiex dawk id-drittijiet jiġu protetti bis-sħiħ;

    29.

    Ifakkar li kwalunkwe ċittadin tal-UE li jirrisjedi fir-Renju Unit għandu d-dritt li jressaq petizzjoni lill-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 227 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE); ifakkar li ċ-ċittadini tar-Renju Unit li jirrisjedu fl-UE wkoll iżommu d-dritt li jressqu petizzjoni lill-Parlament;

    30.

    Jistieden lill-awtoritajiet tar-Renju Unit jiggarantixxu d-drittijiet soċjali u tal-impjiegi taċ-ċittadini tal-UE u l-libertà tal-moviment tal-ħaddiema transfruntiera abbażi tan-nondiskriminazzjoni u r-reċiproċità;

    Il-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq

    31.

    Ifakkar li l-Protokoll intlaħaq qbil dwaru bħala kompromess biex jiġu ssalvagwardjati l-partijiet kollha tal-Ftehim ta' Belfast (tal-Ġimgħa l-Kbira) u jiġi evitat l-istabbiliment ta' “fruntiera fiżika” fuq il-gżira tal-Irlanda, filwaqt li tiġi protetta l-integrità tas-suq uniku tal-UE; ifakkar, barra minn hekk, li l-verżjoni finali tal-Protokoll kienet fil-fatt proposta mill-Gvern tar-Renju Unit, li wasslet għall-abbandun ta' verżjonijiet preċedenti tal-“garanzija ta' kontinġenza”; jinnota li, sa issa, l-applikazzjoni tal-Protokoll uriet li, f'diversi aspetti importanti, qed taqdi b'suċċess l-iskop tiegħu;

    32.

    Jiddispjaċih ħafna dwar in-nuqqas min-naħa tar-Renju Unit li jaġixxi f'konformità mal-impenji tiegħu skont il-Protokoll għal dawn l-aħħar tliet snin; jiddispjaċih, b'mod partikolari, għan-nuqqas ta' appoġġ mogħti lill-persunal tal-UE inkarigat mill-monitoraġġ tal-kontrolli doganali fil-Baħar Irlandiż, l-aċċess insuffiċjenti tal-persunal tal-UE għad-data doganali tar-Renju Unit u l-perjodi ta' grazzja unilaterali suċċessivi li dgħajfu l-verifiki fil-fruntieri, bi ksur ċar tal-Protokoll;

    33.

    Jenfasizza li l-Protokoll iqiegħed lill-Irlanda ta' Fuq f'pożizzjoni unika billi jagħti aċċess għall-merkanzija prodotta fl-Irlanda ta' Fuq kemm għas-suq uniku tal-UE kif ukoll għas-suq intern tar-Renju Unit; jissottolinja li l-verifiki u l-kontrolli neċessarji jridu jsiru fil-punti ta' dħul fuq merkanzija li tidħol fl-Irlanda ta' Fuq mill-bqija tar-Renju Unit jew minn kwalunkwe pajjiż terz ieħor;

    34.

    Jirrimarka li l-inċertezza kontinwa rigward l-arranġamenti kummerċjali għall-Irlanda ta' Fuq hija ta' ħsara u ta' detriment għan-negozji; josserva li l-flussi ta' investiment fl-Irlanda ta' Fuq qed jonqsu u li qed jiddgħajfu l-vantaġġi disponibbli fl-ambitu tal-aċċess għas-suq doppju previst mill-Protokoll; jirrikonoxxi li n-negozji fl-Irlanda ta' Fuq se jkunu taħt aktar pressjoni minħabba li se jkollhom jindirizzaw id-differenzi bejn il-politiki tar-Renju Unit u tal-UE;

    35.

    Jisħaq li kwalunkwe ksur tal-Protokoll huwa ksur tal-impenji legali internazzjonali u jikkostitwixxi turija inaċċettabbli ta' nuqqas ta' rispett għall-istat tad-dritt;

    36.

    Jesprimi tħassib serju fil-konfront tal-Abbozz rigward il-Protokoll dwar l-Irlanda ta' Fuq li ġie propost, li jagħti setgħat estensivi lill-ministri tar-Renju Unit biex b'mod unilaterali jieqfu japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll, u dan jista' jdgħajjef il-Ftehim ta' Belfast (tal-Ġimgħa l-Kbira), jikkontribwixxi għall-inċertezza ekonomika u politika fl-Irlanda ta' Fuq u jkollu impatti negattivi fuq il-protezzjoni tal-konsumatur, in-negozju u l-ħaddiema;

    37.

    Jissottolinja li ftehim bilaterali ma jistax jinbidel unilateralment u li dan idgħajjef ir-relazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit; itenni s-sejħa tiegħu lill-awtoritajiet tar-Renju Unit biex jirrispettaw bis-sħiħ il-Ftehim ta' Belfast (tal-Ġimgħa l-Kbira) fil-partijiet kollha tiegħu, kif maqbul fil-Ftehim dwar il-Ħruġ, u biex jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda tnaqqis tad-drittijiet għaċ-ċittadini fl-Irlanda ta' Fuq;

    38.

    Jilqa' t-tħabbira reċenti ta' ftehim fil-prinċipju bejn l-UE u r-Renju Unit dwar il-Protokoll – 'l hekk imsejjaħ Qafas ta' Windsor – li se jiżgura l-implimentazzjoni flessibbli, iżda effettiva tiegħu u r-rispett għall-Ftehim ta' Belfast (tal-Ġimgħa l-Kbira), filwaqt li tiġi salvagwardjata l-integrità tas-suq uniku tal-UE; jittama li l-kondiviżjoni tal-poter fl-Irlanda ta' Fuq tkun tista' tiġi restawrata malajr kemm jista' jkun f'konformità mal-impenji fl-ambitu tal-Ftehim ta' Belfast (tal-Ġimgħa l-Kbira) u għall-benefiċċju tal-poplu fl-Irlanda ta' Fuq; jistenna li l-ftehim politiku jiġi implimentat bis-sħiħ, li jippermetti kapitolu ġdid fis-sħubija bejn l-UE u r-Renju Unit ibbażat fuq fiduċja reċiproka u kooperazzjoni sħiħa; jilqa', għalhekk, it-tħabbira mill-Gvern tar-Renju Unit, fil-kuntest tal-Qafas ta' Windsor, li se jwaqqaf il-proċess tal-Abbozz ta' Liġi dwar il-Protokoll tal-Irlanda ta' Fuq, u mhux qed jipproċedi bih;

    39.

    Ifakkar fid-dikjarazzjoni unilaterali magħmula mill-Gvern tar-Renju Unit, fil-kuntest tal-Protokoll, dwar il-funzjonament tad-dispożizzjoni tal-“Kunsens demokratiku fl-Irlanda ta' Fuq” b'mod konsistenti mal-Ftehim ta' Belfast (tal-Ġimgħa l-Kbira); jissottolinja li, skont dik id-dikjarazzjoni unilaterali, il-“kunsens demokratiku” għall-Protokoll irid jiġi pprovdut fi żmien xieraq b'maġġoranza sempliċi tal-Assemblea tal-Irlanda ta' Fuq; ifakkar li, fl-aktar elezzjonijiet reċenti fl-Irlanda ta' Fuq, maġġoranza ċara tal-votanti vvotat għall-partiti li esprimew l-appoġġ tagħhom għaż-żamma tal-Protokoll;

    40.

    Jissottolinja li l-UE minn dejjem baqgħet miftuħa għal diskussjonijiet mal-Gvern tar-Renju Unit biex jinstabu soluzzjonijiet komuni li jippermettu l-funzjonament sostenibbli u fit-tul tal-Protokoll; ifakkar fil-proposti estensivi magħmula mill-Kummissjoni f'Ottubru 2021 biex jinstabu soluzzjonijiet prammatiċi, raġonevoli u flessibbli biex jiġu indirizzati l-isfidi ta' implimentazzjoni tal-Protokoll; jilqa' t-tħabbira taż-żewġ partijiet li hemm rieda politika biex jinvolvu ruħhom b'mod kostruttiv f'negozjati ġenwini permezz tal-Kumitat Konġunt tal-UE u r-Renju Unit biex jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli rigward oqsma possibbli ta' frizzjoni; jistieden lill-Gvern tar-Renju Unit jinvolvi b'mod proattiv lill-Assemblea tal-Irlanda ta' Fuq u lil uffiċjali eletti u partijiet ikkonċernati oħra fl-Irlanda ta' Fuq fid-diskussjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll;

    41.

    Jirrimarka li t-Taqsima 75 tal-Att tar-Renju Unit dwar in-Nazzjonalità u l-Fruntieri, li tirrikjedi li dawk mingħajr status ta' immigrazzjoni tar-Renju Unit (inklużi ċittadini tal-UE, bl-eċċezzjoni taċ-ċittadini Irlandiżi) ikollhom awtorizzazzjoni elettronika għall-ivvjaġġar (ETA) qabel ma jidħlu fl-Irlanda ta' Fuq, se jkollha impatt negattiv fuq iċ-ċittadini tal-UE residenti fl-Irlanda; jisħaq, barra minn hekk, li s-sistema tal-ETA ma tkunx kompletament konformi mal-Artikolu 2 tal-Protokoll, li jipproteġi d-drittijiet tal-individwi u jirrikjedi li r-Renju Unit jiżgura li ma jkun hemm l-ebda tnaqqis tad-drittijiet, tas-salvagwardji jew tal-ugwaljanza tal-opportunitajiet, inkluż billi tiġi pprovduta protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni; jenfasizza li kwalunkwe proposta tar-Renju Unit li fl-aħħar mill-aħħar tista' tirrikjedi li ċ-ċittadini tal-UE residenti fl-Irlanda jirreġistraw sabiex jiksbu eżenzjoni mis-sistema tal-ETA tkun sproporzjonata u li l-implimentazzjoni tagħha tammonta għal ksur possibbli tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni kif stabbilit fit-TFUE;

    42.

    Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-inizjattivi legali mnedija mill-Kummissjoni biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim dwar il-Ħruġ; jilqa' l-adozzjoni tal-ftehim interistituzzjonali dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar il-mekkaniżmi ta' infurzar tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u l-FKK (15), li jkun jippermetti lill-UE tieħu azzjoni fil-pront fil-forma ta' miżuri jekk ikun hemm ksur tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u/jew tal-FKK; jistieden lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament u lill-Kunsill infurmati bis-sħiħ u fi żmien opportun dwar l-iżviluppi rilevanti kollha li jistgħu jwasslu għall-adozzjoni ta' miżuri jew azzjonijiet min-naħa tal-Kummissjoni; jissottolinja li s-sett ta' għodod ta' infurzar skont l-FKK jista' jintuża wkoll biex jissaħħaħ l-infurzar tal-Protokoll;

    Saldu finanzjarju

    43.

    Ifakkar li l-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprevedi saldu finanzjarju uniku mar-Renju Unit, li jinkludi l-obbligazzjonijiet legali kollha li jirriżultaw minn impenji pendenti u jipprevedi entrati li ma jidhrux fil-karta bilanċjali, obbligazzjonijiet kontinġenti u spejjeż finanzjarji oħra mġarrba direttament bħala riżultat dirett tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE; jissottolinja li dan is-saldu finanzjarju mhuwiex somma f'daqqa ta' darba, iżda arranġament biex jiġu kklerjati l-impenji pendenti li saru matul is-sħubija tar-Renju Unit fl-UE;

    44.

    Jilqa' l-kooperazzjoni produttiva f'dan il-qasam u l-fatt li l-UE u r-Renju Unit affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jikkonformaw mal-obbligi finanzjarji tagħhom skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ;

    Il-Governanza u r-rwol tal-Parlament Ewropew

    45.

    Jilqa' l-fatt li l-istrutturi ta' governanza responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ huma kompletament operattivi, b'mod partikolari l-Kumitat Speċjalizzat tiegħu dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini, li jiltaqa' b'mod regolari ħafna; jistieden lir-Renju Unit jagħmel użu sħiħ minn dawn l-istrutturi minflok ma jsegwi azzjoni unilaterali;

    46.

    Jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jimmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, b'mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet taċ-ċittadini u l-Protokoll; jilqa' l-kooperazzjoni produttiva ħafna bejn il-Parlament u l-Kummissjoni dwar dawn il-kwistjonijiet;

    47.

    Jilqa' l-involviment attiv tal-Assemblea Parlamentari ta' Sħubija bejn l-UE u r-Renju Unit; jemmen li din l-assemblea tipprovdi qafas tajjeb għall-kooperazzjoni parlamentari f'dak li jirrigwarda sfidi komuni, inkluż l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u l-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq; jilqa' l-fatt li t-territorji devoluti ngħataw rwol attiv matul it-tieni Assemblea Parlamentari ta' Sħubija bejn l-UE u r-Renju Unit f'Novembru 2022 u jistenna li dan ir-rwol jissaħħaħ fil-futur;

    48.

    Jilqa' l-Grupp ta' Kuntatt tar-Renju Unit stabbilit mill-Kumitat tar-Reġjuni fi Frar 2020, li jipprovdi forum għal djalogu kontinwu u sħubija politika bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE u tar-Renju Unit; jimpenja ruħu li jadotta interazzjoni simili bejn il-Grupp ta' Kuntatt tar-Renju Unit u d-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-Renju Unit biex jipprovdi evidenza bbażata fuq it-territorju dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ;

    49.

    Ifakkar li, fil-31 ta' Diċembru 2020, Spanja u r-Renju Unit laħqu fehim dwar qafas possibbli għal ftehim dwar Ġibiltà; ifakkar li, fl-20 ta' Lulju 2021, il-Kummissjoni ppreżentat rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati mar-Renju Unit dwar Ġibiltà u għad-direttivi ta' negozjar relatati; jinnota li, fil-5 ta' Ottubru 2021, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal ftehim bejn l-UE u r-Renju Unit dwar Ġibiltà, kif ukoll id-direttivi ta' negozjar; jinnota li, minn Ottubru 2022, tlestew disa' ċikli ta' negozjar;

    o

    o o

    50.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

    (1)   ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

    (2)   ĠU C 34, 31.1.2020, p. 1.

    (3)   ĠU C 298, 23.8.2018, p. 24.

    (4)   ĠU C 346, 27.9.2018, p. 2.

    (5)   ĠU C 369, 11.10.2018, p. 32.

    (6)   ĠU C 162, 10.5.2019, p. 40.

    (7)   ĠU C 171, 6.5.2021, p. 2.

    (8)   ĠU C 270, 7.7.2021, p. 21.

    (9)   ĠU C 294, 23.7.2021, p. 18.

    (10)   ĠU C 362, 8.9.2021, p. 90.

    (11)   ĠU C 506, 15.12.2021, p. 26.

    (12)   ĠU C 342, 6.9.2022, p. 78.

    (13)   ĠU C 331, 17.8.2021, p. 38.

    (14)   ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10.

    (15)  Proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra (COM(2022)0089).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/403/oj

    ISSN 1977-0987 (electronic edition)


    Top