Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023DC0760

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar ir-rieżami tad-Direttiva dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku

    COM/2023/760 final

    Brussell, 7.12.2023

    COM(2023) 760 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    dwar ir-rieżami tad-Direttiva dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku

    {SWD(2023) 760 final}


    1.Introduzzjoni

    Dan ir-rapport tħejja biex jirrifletti l-eżitu tar-rieżami ġenerali tal-Kummissjoni tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (id-“Direttiva RoHS”) ( 1 ). Ir-rapport iwieġeb għar-rekwiżit fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva RoHS biex il-Kummissjoni twettaq rieżami ġenerali tad-Direttiva mhux aktar tard mit-22 ta’ Lulju 2021, u biex tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposta leġiżlattiva.

    Il-konsulenti indipendenti appoġġaw il-ġbir tal-informazzjoni u l-valutazzjoni tagħha, skont studju ta’ evalwazzjoni mniedi fl-2018 u ffinalizzat f’Marzu 2021( 2 ). Sa dak iż-żmien tnieda studju ieħor biex jiġu proposti għażliet biex jittejbu n-nuqqasijiet identifikati fl-istudju ta’ evalwazzjoni u biex jiġu vvalutati l-impatti possibbli tagħhom. Hekk kif ħareġ biċ-ċar matul ix-xogħol li ma hija meħtieġa l-ebda valutazzjoni sħiħa tal-impatt, ix-xogħol għadda mill-mili tal-lakuni fid-data għall-evalwazzjoni. Dan it-tieni studju ta’ sostenn ġie ffinalizzat f’Mejju 2023( 3 ). Il-partijiet ikkonċernati ġew ikkonsultati bħala parti minn dan il-proċess, li kien jinkludi konsultazzjoni pubblika miftuħa u konsultazzjonijiet immirati tal-partijiet ikkonċernati tal-industrija u tar-rappreżentanti tal-amministrazzjonijiet nazzjonali. Dan ir-rapport jirrifletti r-riżultati ewlenin tal-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni u appoġġata minn dawk iż-żewġ studji, ippreżentata fl-intier tagħha fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal relatat ( 4 ). Abbażi ta’ dan, tfasslu konklużjonijiet li jħarsu ’l quddiem.

    2.Sfond

    Id-Direttiva RoHS tal-2011 issegwi r-riformulazzjoni tad-Direttiva preċedenti mill-2002( 5 ), li kienet l-ewwel leġiżlazzjoni komprensiva tal-UE dwar is-suġġett tar-restrizzjoni ta’ ċerti sustanzi perikolużi( 6 ) fit-tagħmir elettriku u elettroniku (EEE). Id-Direttiva tikkomplementa d-Direttiva dwar l-iskart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE), li ġiet adottata, u riformulata, b’mod parallel ( 7 ). L-objettivi ewlenin tad-Direttiva RoHS huma: li jitnaqqas l-ammont ta’ sustanzi perikolużi fl-EEE għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent; u li jiġi ffaċilitat l-irkupru u r-rimi tal-iskart tal-EEE li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent. B’mod partikolari, anke meta l-iskart tal-EEE jinġabar separatament u jiġi sottomess għall-proċessi ta’ riċiklaġġ, il-kontenut ta’ pereżempju l-metalli tqal u r-ritardanti tal-fjammi kkonċernati x’aktarx li joħloq riskji għas-saħħa u għall-ambjent, speċjalment meta jiġi ttrattat f’kundizzjonijiet subottimali ( 8 ). Barra minn hekk, id-Direttiva għandha l-għan li tiżgura l-funzjonament tas-suq intern ( 9 ) permezz tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri ( 10 ).

    L-annessi tad-Direttiva ġew emendati permezz ta’ atti delegati biex tiġi emendata l-lista ta’ restrizzjonijiet fuq is-sustanzi fl-Anness II ( 11 ) u biex tiġi emendata l-lista ta’ eżenzjonijiet għalihom fl-Annessi III u IV ( 12 ). Tali eżenzjonijiet limitati fiż-żmien mir-restrizzjonijiet fuq is-sustanzi jistgħu jingħataw għal applikazzjonijiet speċifiċi taħt kundizzjonijiet definiti sew stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a), inkluż li s-sostituzzjoni ma hijiex teknikament fattibbli. Meta jingħataw eżenzjonijiet wara applikazzjoni, dawn se jiġu inklużi fl-Anness III jew IV. Il-listi ta’ eżenzjoni jiġu aġġornati f’konformità mal-progress tekniku, filwaqt li l-evalwazzjoni teknika tat-talbiet għal eżenzjoni hija appoġġata minn konsulenti esterni.

    Id-Direttiva RoHS ġiet emendata b’mod partikolari fl-2017 ( 13 ), bħala riżultat tar-rieżami tal-kamp ta’ applikazzjoni mwettaq biex jagħti effett lill-Artikolu 24(1). Mill-2019, id-Direttiva RoHS tkopri l-EEE kollu (“kamp ta’ applikazzjoni miftuħ”), li jvarja minn apparat domestiku għal apparat mediku. L-esklużjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni jinkludu tagħmir militari, tagħmir spazjali, għodod industrijali stazzjonarji fuq skala kbira (eż. preses tal-istampar, magni tat-tħin u tat-tħaffir) u installazzjonijiet fissi (eż. ġeneraturi tal-elettriku). Huma eżentati wkoll il-pannelli fotovoltajċi.

    Minbarra d-dispożizzjonijiet ewlenin dwar ir-restrizzjonijiet fuq is-sustanzi, id-Direttiva RoHS tinkludi wkoll għadd ta’ dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jippermettu l-użu mill-ġdid u t-tiswija ta’ EEE li fih sustanzi ristretti, biex jgħinu fil-promozzjoni tal-effiċjenza tar-riżorsi u tal-objettivi tal-ekonomija ċirkolari. L-emenda tal-2017 tat attenzjoni partikolari għal dan, billi espandiet il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjonijiet mir-restrizzjoni tas-sustanza għall-ispare parts użati mill-ġdid, li għadhom meħtieġa għal ċertu apparat użat minħabba kompatibbiltà limitata, dment li dawn jiġu rkuprati mill-EEE taħt sistema ta’ ritorn b’ċirkwit magħluq ( 14 ).

    3.Interazzjoni tal-Politika

    Minbarra d-Direttiva WEEE, id-Direttiva RoHS tinteraġixxi ma’ għadd ta’ politiki u leġiżlazzjoni oħra tal-UE. Id-Direttiva RoHS tikkontribwixxi għall-objettivi tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari (CEAP) taħt il-kappa tal-Patt Ekoloġiku Ewropew ( 15 )( 16 ) fost l-oħrajn billi teżenta l-ispare parts mir-restrizzjonijiet fuq is-sustanzi. Id-Direttiva tiffaċilita l-irkupru ta’ materja prima kritika fil-mira tal-proposta għal Regolament reċenti tal-Kummissjoni li tistabbilixxi qafas għall-iżgurar ta’ provvista sigura u sostenibbli ta’ materja prima kritika ( 17 ), billi timmira li tappoġġa flussi ta’ skart mhux kontaminati.

    Din għandha rabtiet b’saħħithom mal-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi bħar-Regolament dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (ir-Regolament REACH) ( 18 ) u r-Regolament dwar pollutanti organiċi persistenti (ir-Regolament dwar il-POPs) ( 19 ). Hija marbuta wkoll mal-istrateġija dwar is-sustanzi kimiċi għas-sostenibbiltà ( 20 ), li għandha l-għan li tikseb approċċ sikur u sostenibbli mid-disinn u ċikli ta’ materjali mhux tossiċi, inkluż l-EEE.

    Id-Direttiva RoHS tirregola l-prodotti u għalhekk hija leġiżlazzjoni dwar il-prodotti, li fiha dispożizzjonijiet armonizzati dwar il-valutazzjoni tal-konformità u s-sorveljanza tas-suq. Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għal EEE speċifiku stabbiliti skont il-qafas tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn ( 21 )( 22 ) huma marbuta mill-qrib mar-restrizzjonijiet fuq is-sustanzi skont id-Direttiva RoHS.

    4.Sejbiet tal-Evalwazzjoni

    L-evalwazzjoni segwiet il-linji gwida tal-Kummissjoni Ewropea għal Regolamentazzjoni Aħjar ( 23 ) u qieset il-kriterji ta’ evalwazzjoni ta’ rilevanza, effettività, effiċjenza, koerenza, u valur miżjud tal-UE.

    4.1.Effettività

    Kien diffiċli biex jiġi kkwantifikat l-impatt dirett tad-Direttiva fuq it-tnaqqis ta’ sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq tal-UE. Waħda mir-raġunijiet għal dan hija li diversi inizjattivi u atti leġiżlattivi għandhom effett fuq l-ammont ta’ sustanzi perikolużi fl-EEE. L-istudju ta’ sostenn stima li l-introduzzjoni tad-Direttiva RoHS setgħet naqqset is-sustanzi ristretti fl-EEE bejn l-2003 u l-2016 b’madwar żewġ terzi. Filwaqt li din l-istima saret f’ċerti kundizzjonijiet u ma koprietx is-sustanzi kollha attwalment elenkati fl-Anness II tad-Direttiva, xorta jista’ jiġi ddikjarat li d-Direttiva RoHS għenet biex jitnaqqas l-ammont relattiv ta’ sustanzi perikolużi fl-EEE mqiegħed fis-suq tal-UE.

    It-tnaqqis ta’ sustanzi perikolużi fl-EEE huwa maħsub biex jikkontribwixxi għall-objettiv tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. B’mod partikolari, il-ħaddiema fis-settur tat-trattament tal-WEEE huma f’riskju ta’ esponiment għas-sustanzi perikolużi elenkati. Billi jitnaqqsu s-sustanzi perikolużi għal kull EEE f’dak il-fluss tal-iskart, il-proċessi tal-ġestjoni tal-iskart b’mod ġenerali saru aktar sikuri għall-ħaddiema fis-settur. Madankollu, dan l-impatt kien ukoll parzjalment riżultat ta’ miżuri għall-protezzjoni tas-saħħa u tas-sikurezza tal-ħaddiema fl-UE.

    It-tnaqqis tal-ammont ta’ sustanzi perikolużi fl-EEE għandu wkoll effetti pożittivi fuq l-ambjent billi jnaqqas ir-riskju li dawn is-sustanzi jiġu emessi fl-ambjent. Barra minn hekk, ir-restrizzjonijiet fuq is-sustanzi jnaqqsu wkoll ir-riskju ta’ effetti detrimentali fuq l-ambjent u s-saħħa li jirriżultaw minn WEEE li ma jinġabarx u ma jiġix ittrattat kif suppost. Dan huwa rilevanti meta jitqies li fl-2020, ir-rata medja ta’ ġbir tal-WEEE fl-UE kienet ta’ 45,9 % ( 24 ).

    Is-sostituzzjoni ta’ sustanzi perikolużi kkontribwiet ukoll għal użu akbar ta’ materjal riċiklat, peress li materjal sekondarju “nadif” huwa aktar probabbli li jissodisfa r-rekwiżiti tal-prodott.

    L-użu ta’ kejbils u ta’ spare parts li fihom sustanzi perikolużi għadu permess, taħt ċerti kundizzjonijiet. Il-kejbils u l-ispare parts jistgħu jintużaw f’tagħmir imqiegħed fis-suq qabel ma daħal fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Barra minn hekk, f’ċerti kundizzjonijiet, l-ispare parts irkuprati jistgħu jintużaw fl-EEE mqiegħda fis-suq 10 snin wara li t-tagħmir ikun daħal fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Barra minn hekk, huwa possibbli li jintużaw spare parts li jkun fihom sustanzi perikolużi għal apparati li għadhom jiddependu fuqhom billi tingħata eżenzjoni limitata fiż-żmien skont l-Annessi III jew IV, kif xieraq. Dan jikkontribwixxi wkoll biex ir-riżorsi jintużaw bl-aktar mod effiċjenti possibbli u biex jiġi evitat tmiem prematur tal-ħajja għat-tagħmir elettriku u elettroniku. F’dan ir-rigward, id-Direttiva kienet effettiva biex tikkontribwixxi għall-objettivi ta’ ekonomija ċirkolari.

    Madankollu, it-tnaqqis totali ta’ sustanzi perikolużi fil-WEEE huwa parzjalment ikkumpensat mill-volum dejjem jiżdied ta’ WEEE ġġenerat fl-Ewropa, li jirriżulta f’rata ta’ tkabbir annwali kurrenti tal-fluss tal-WEEE ta’ 2 % ( 25 ). L-istudju ta’ sostenn għall-evalwazzjoni sab ukoll li filwaqt li aktar u aktar tagħmir elettriċizzat (eż. fis-settur tad-djar intelliġenti) qed jitqiegħed fis-suq, it-tul medju ta’ ħajja tal-EEE naqas.

    4.2.Effiċjenza

    Id-Direttiva RoHS wasslet għal benefiċċji ambjentali u tas-saħħa, bħat-tnaqqis tar-riskju għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem minn sustanzi perikolużi fl-EEE. Kien hemm ukoll benefiċċji ekonomiċi, peress li d-Direttiva ħolqot ċertezza legali għall-partijiet ikkonċernati kollha u stabbiliet kundizzjonijiet ekwi għan-negozji tal-EEE fis-suq intern. Barra minn hekk, id-Direttiva RoHS ħolqot investimenti biex jinstabu sostituti għas-sustanzi perikolużi. F’ħafna każijiet, dan wassal għall-iżvilupp ta’ alternattivi, u għalhekk kellu effett pożittiv fuq l-innovazzjoni ta’ benefiċċju.

    Madankollu, l-implimentazzjoni tad-Direttiva RoHS naturalment hija marbuta wkoll mal-kostijiet għall-partijiet ikkonċernati. Dawn jikkonsistu f’kostijiet ta’ konformità relatati mar-rekwiżiti ta’ informazzjoni, kostijiet ta’ konformità relatati mal-kostijiet tal-inġinerija, u kostijiet ta’ infurzar u implimentazzjoni. Il-kostijiet jiddependu ħafna mis-sitwazzjoni tal-operaturi ekonomiċi u għalhekk id-data disponibbli ma tippermettix stima affidabbli tal-kostijiet.

    L-ixprunatur ewlieni għall-kostijiet ta’ konformità relatati mar-rekwiżiti ta’ informazzjoni huwa l-ġestjoni tal-informazzjoni fil-katina tal-provvista u wara l-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità. Dan jinkludi l-ġbir ta’ informazzjoni, il-forniment ta’ dokumentazzjoni teknika u l-manutenzjoni ta’ sistema tal-IT. Il-biċċa l-kbira tal-kostijiet ta’ konformità rilevanti għall-obbligi tal-RoHS jirriżultaw minn rekwiżiti ġenerali għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li huma rilevanti wkoll skont leġiżlazzjoni oħra dwar il-prodotti applikabbli għall-EEE (eż. id-Direttiva dwar il-Vultaġġ Baxx ( 26 )). Madankollu, dawn il-kostijiet huma affettwati minn bidliet fid-Direttiva, bħaż-żieda ta’ sustanzi ġodda mal-lista ta’ sustanzi ristretti.

    Jista’ jinħoloq fattur ewlieni tal-kostijiet għall-kumpaniji, li għadhom jirrikjedu eżenzjonijiet limitati fiż-żmien. Dawn il-kostijiet jirriżultaw mit-tħejjija tal-applikazzjoni, mill-ġbir tal-informazzjoni rilevanti f’konformità mal-Anness V tad-Direttiva RoHS u mill-għoti ta’ aktar evidenza matul l-evalwazzjoni. Madankollu, ladarba tingħata, eżenzjoni skont id-Direttiva RoHS hija valida għall-operaturi ekonomiċi kollha u għalhekk il-kostijiet ma jiġġarrbux minn kull kumpanija li tiddependi fuq l-eżenzjoni.

    Meta daħlu fis-seħħ ir-restrizzjonijiet kienu meħtieġa investimenti fil-forma ta’ żvilupp u validazzjoni ta’ sostituti jew alternattivi tekniċi. L-istess japplika għal restrizzjonijiet ġodda. Dawk il-kostijiet ta’ konformità relatati mad-disinn mill-ġdid u mal-inġinerija seħħew fil-biċċa l-kbira tagħhom, bejn wieħed u ieħor, fl-2003 bl-ewwel Direttiva RoHS, għal darb’oħra fl-2011, meta l-kamp ta’ applikazzjoni ġie estiż, u fl-aħħar nett fl-2015, meta l-erba’ plastifikanti żdiedu mal-lista ta’ sustanzi ristretti, minkejja li ħafna kumpaniji qed jistinkaw fuq bażi kontinwa biex jiżviluppaw disinji ġodda.

    Id-dispożizzjonijiet dwar is-sorveljanza tas-suq huma ċentrali għall-implimentazzjoni u għall-infurzar tad-Direttiva. Is-sorveljanza tas-suq hija msaħħa mill-qafas tar-Regolament dwar is-Sorveljanza tas-Suq ( 27 ). L-effetti ta’ dak ir-Regolament jinkludu li r-RoHS issir soġġetta għan-Network Ewropew għall-Konformità tal-Prodotti u li jiġi stabbilit grupp ta’ kooperazzjoni amministrattiva biex jarmonizza l-infurzar madwar il-pajjiżi. Għall-Istati Membri, il-kostijiet ta’ infurzar huma ogħla mill-kostijiet ta’ implimentazzjoni. Il-kostijiet ta’ implimentazzjoni jirriżultaw l-aktar mill-fatt li ħafna Stati Membri jridu jittrasponu l-emendi tal-annessi permezz ta’ direttivi delegati individwali. Mill-2012 sa Diċembru 2022, ġew adottati madwar 80 direttiva delegata tal-Kummissjoni, fuq kollox fir-rigward tal-eżenzjonijiet skont l-Annessi III u IV. Il-ħtieġa frekwenti ta’ traspożizzjoni toħloq piż amministrattiv għal xi Stati Membri.

    Fir-rigward tal-kostijiet ta’ infurzar, l-Istati Membri għandhom riżorsi u strateġiji differenti u jużaw miżuri differenti biex jivverifikaw il-konformità mad-Direttiva RoHS. Il-verifika tal-obbligi tal-markatura CE u tal-preżenza u tal-validità tad-dokumentazzjoni teknika ġiet identifikata bħala l-inqas mod oneruż u ekonomiku. Frazzjoni biss tal-EEE li jidħol fis-suq tista’ tiġi spezzjonata għall-konformità mar-rekwiżiti ta’ restrizzjoni tas-sustanzi RoHS. L-istimi ssuġġerew rata ta’ nuqqas ta’ konformità fil-medda ta’ bejn 23 u 28 % tal-EEE spezzjonat, għalkemm minħabba nuqqas ta’ informazzjoni għad hemm ħafna mistoqsijiet mhux imwieġba.

    L-evalwazzjoni identifikat diversi fatturi fejn il-proċess ta’ eżenzjoni huwa nieqes mit-trasparenza u mill-effiċjenza, u identifikat oqsma b’potenzjal fejn jista’ jittejjeb dan il-proċess. B’mod partikolari, il-partijiet ikkonċernati indikaw nuqqas perċepit ta’ ċarezza dwar l-Artikolu 5(1)(a), li jistabbilixxi l-kriterji għall-għoti, għat-tiġdid jew għar-revoka tal-eżenzjonijiet.

    Biex jiġi indirizzat dan it-tħassib u titjieb it-trasparenza, tfasslu u ġew ippubblikati metodoloġija ta’ eżenzjoni, formola ta’ applikazzjoni u dokument ta’ gwida fuq is-sit web iddedikat tal-Kummissjoni ( 28 ). Il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati ssir fil-proċess tal-valutazzjoni ta’ talba għal eżenzjoni, l-informazzjoni rispettiva ssir disponibbli għall-pubbliku, u l-abbozzi tal-atti delegati jinfetħu għal feedback pubbliku skont il-linji gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar.

    Punt dgħajjef ieħor fil-proċedura huwa t-tul tal-proċess ta’ eżenzjoni mid-data tal-applikazzjoni sal-adozzjoni tad-direttiva delegata. Bħala medja, l-evalwazzjoni tal-eżenzjonijiet u t-teħid ta’ deċiżjonijiet relatati jieħdu aktar minn 24 xahar, u aktar minn 60 talba għal eżenzjoni huma pendenti (status ta’ Diċembru 2022).

    Diversi fatturi huma rilevanti hawnhekk. L-ewwel nett, il-kumplessità teknika u l-livell ta’ dettall żdiedu matul is-snin hekk kif l-eżenzjonijiet saru aktar speċifiċi. Minflok ma ffukaw fuq oqsma ta’ applikazzjoni akbar u ġenerali, l-eżenzjonijiet iffukaw fuq applikazzjonijiet speċifiċi, fejn is-sostituzzjoni ma hijiex faċilment applikabbli, u għalhekk inqasmu f’sottoeżenzjonijiet. It-tieni, kategoriji differenti ta’ EEE (f’konformità mal-Anness I tad-Direttiva) jistgħu jkunu rilevanti għal entrata ta’ eżenzjoni waħda (jiġifieri, applikazzjoni speċifika waħda) b’dati ta’ skadenza differenti. Dan jimmultiplika l-għadd ta’ applikazzjonijiet u evalwazzjonijiet. It-tielet, l-Artikolu 5(1)(a) jirrikjedi li jiġu adottati emendi permezz ta’ direttivi delegati individwali, li jżidu b’mod sinifikanti l-ħidma amministrattiva. Ir-raba’ fattur jikkonċerna d-disponibbiltà tar-riżorsi għall-ġestjoni tal-proċess relatat mat-talbiet għal eżenzjoni. Dan huwa rilevanti mhux biss għall-Kummissjoni, iżda anke għall-applikanti: it-tħejjija ta’ applikazzjoni u, meta meħtieġ, l-għoti ta’ informazzjoni addizzjonali matul il-proċess ta’ valutazzjoni għandhom implikazzjonijiet fuq ir-riżorsi, filwaqt li applikazzjonijiet mhux iddokumentati biżżejjed jestendu l-proċess.

    L-evalwazzjoni sabet ukoll li f’applikazzjonijiet eżentati hemm inqas potenzjal biex tkompli titnaqqas il-preżenza ta’ ċerti sustanzi perikolużi meta mqabbel ma’ meta ġiet introdotta restrizzjoni ġdida. Dan jimplika li l-benefiċċju tat-tnaqqis tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ eżenzjoni, f’termini ta’ ammont ta’ sustanzi evitati, huwa ġeneralment iżgħar milli kien il-każ inizjalment. Barra minn hekk, mhux kollha ħlief ħafna eżenzjonijiet issa huma prattikament rilevanti għal għadd limitat ta’ kumpaniji.

    Barra minn hekk, qed isir dejjem aktar diffiċli li tiġi vvalutata bir-reqqa l-informazzjoni teknika pprovduta mill-applikant. Dan huwa dovut għall-kumplessità dejjem akbar u għat-tnaqqis fil-parteċipazzjoni mill-partijiet ikkonċernati fil-proċess, b’mod partikolari, il-kumpaniji kompetituri jew l-NGOs. Dan jista’ jwassal għal kontribut unilaterali għall-evalwazzjonijiet u jaffettwa r-robustezza xjentifika tiegħu. Id-dipendenza fuq konsulenti esterni għall-appoġġ tekniku għandha ċerti vantaġġi, iżda ħafna drabi tfisser tibdil fl-interlokuturi, u dan jiġġenera riskju ta’ telf ta’ kontinwità. Barra minn hekk, ix-xogħol jista’ jiġi mxekkel minn arranġamenti kuntrattwali li jirrispondu b’mod flessibbli għall-bidliet (eż. permezz ta’ talbiet għal eżenzjoni rtirati).

    Minbarra l-proċess ta’ eżenzjoni, il-proċess ta’ rieżami u ta’ emenda tal-lista ta’ sustanzi ristretti nstab li għandu nuqqas ta’ trasparenza u prevedibbiltà għall-partijiet ikkonċernati. Id-Direttiva RoHS ma fiha l-ebda rekwiżit proċedurali f’dan ir-rigward għajr l-obbligu li jiġu kkonsultati l-partijiet interessati. Tħejjiet metodoloġija għar-restrizzjoni tas-sustanza minn konsulenti esterni u ġiet ippubblikata bħala parti minn studju ta’ sostenn ( 29 ). Barra minn hekk, instab li biex tinkiseb id-data rilevanti kollha dwar is-sustanza u l-EEE korrispondenti matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħha u biex tiġi vvalutata data konfliġġenti differenti kien hemm bżonn ħafna riżorsi u ħin. Ir-robustezza xjentifika tal-proċess kurrenti teħtieġ titjib, b’mod partikolari permezz ta’ provvista aktar ċentrali ta’ informazzjoni u valutazzjoni.

    4.3.Koerenza

    Fir-rigward tal-“koerenza esterna” tad-Direttiva RoHS (jiġifieri l-konsistenza tagħha ma’ regoli rilevanti oħra), l-evalwazzjoni sabet potenzjal u osservat trikkib bejn ir-restrizzjonijiet fuq is-sustanzi skont id-Direttiva RoHS u dawk skont ir-Regolament REACH. Il-konsistenza mad-Direttiva dwar l-Ekodisinn u mar-Regolament dwar il-POPs tqieset ukoll bħala problematika. Dawn il-biċċiet ta’ leġiżlazzjoni kollha fihom mekkaniżmi li jirrestrinġu jew jaffettwaw il-preżenza ta’ ċerti sustanzi fl-EEE jew fil-flussi tal-materjali relatati tagħhom.

    Skont ir-Regolament REACH, l-aktar mekkaniżmi rilevanti u komparabbli hawnhekk huma l-proċessi ta’ “restrizzjonijiet” u ta’ “awtorizzazzjonijiet”. Filwaqt li hemm differenzi importanti minħabba n-natura u l-motivazzjoni differenti tal-leġiżlazzjoni ( 30 ), dawn il-proċessi jistgħu jitqabblu u jikkorrispondu fl-aktar sens wiesa’, rispettivament, mal-proċess ta’ restrizzjoni tas-sustanza u l-proċess ta’ eżenzjoni skont id-Direttiva RoHS. Id-differenzi fil-metodoloġija bejn il-proċessi rispettivi ta’ REACH u ta’ RoHS jistgħu jikkumplikaw il-koordinazzjoni biex id-deċiżjonijiet jiġu allinjati skont iż-żewġ biċċiet tal-leġiżlazzjoni.

    Ġew identifikati aktar kwistjonijiet ta’ koerenza ma’ biċċiet oħra ta’ leġiżlazzjoni fir-rigward tal-kontenut tar-restrizzjonijiet u l-eżenzjonijiet skont id-Direttiva RoHS. Instab li d-dispożizzjonijiet ivarjaw f’termini tal-valuri ta’ konċentrazzjoni massima, tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni, tad-devjazzjonijiet għall-ispare parts, tal-eżenzjonijiet, tad-dati ta’ skadenza u tar-rekwiżiti ta’ dokumentazzjoni. Pereżempju, il-valuri massimi tal-konċentrazzjoni fl-Anness II ma għadhomx jikkorrispondu għall-valuri stabbiliti f’biċċiet oħra tal-leġiżlazzjoni (eż. eteri tal-bifenil polibrominat). Eżempju ieħor ta’ inkonsistenza jirriżulta mid-dispożizzjonijiet dwar l-ispare parts. Dawn id-dispożizzjonijiet, li ġew introdotti minħabba l-karattru speċifiku tad-Direttiva RoHS, ġabu approċċ għal din il-kwistjoni li huwa differenti minn leġiżlazzjoni oħra dwar is-sustanzi kimiċi, jew inqas prominenti milli hemm fiha.

    Madankollu, meta jitqiesu b’mod aktar profond ħafna mill-affermazzjonijiet ġenerali magħmula mill-partijiet ikkonċernati, il-biċċa l-kbira tat-tħassib issib tweġiba f’dokumenti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi, anke jekk dawn ma jkunux ifformulati b’mod li jinftiehem u trasparenti biżżejjed u t-tħassib espress spiss ikun relatat biss ma’ oqsma individwali mingħajr ma jiġi sostanzjat l-impatt usa’ tagħhom.

    4.4.Valur miżjud tal-UE

    Ir-riformulazzjoni tad-Direttiva RoHS fl-2011 bniet fuq l-armonizzazzjoni miksuba minn qabel u tat spinta lill-valur miżjud tal-UE. Meta d-Direttiva RoHS ġiet adottata għall-ewwel darba fl-2002, din ħolqot kundizzjonijiet ekwi u għenet biex jitneħħew id-differenzi bejn ir-regolamenti introdotti minn xi Stati Membri qabel dan fir-rigward tal-użu ta’ sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku. Barra minn hekk, il-qafas legali armonizzat madwar l-UE jappoġġa l-innovazzjoni u l-użu ta’ sostituti u alternattivi biex jissostitwixxu l-użu ta’ sustanzi perikolużi fl-EEE.

    L-Istati Membri kollha adottaw leġiżlazzjoni li tittrasponi d-Direttiva RoHS fid-dritt nazzjonali. Ir-riformulazzjoni tad-Direttiva fl-2011 introduċiet applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-implimentazzjoni (eż. il-markatura CE u d-dikjarazzjoni tal-konformità), f’konformità mal-Qafas Leġiżlattiv Ġdid (NLF) ( 31 ). Ir-rekwiżiti armonizzati dwar l-EEE skont id-Direttiva RoHS, flimkien ma’ regoli armonizzati skont il-leġiżlazzjoni dwar bosta prodotti, b’hekk jgħinu biex jiġu stabbiliti u jinżammu kundizzjonijiet ekwi għall-EEE u b’hekk jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern. L-evalwazzjoni tal-NLF ( 32 ) tappoġġa din is-sejba billi tikkonferma li l-NLF mhux biss appoġġa kundizzjonijiet ekwi iżda wkoll il-konsistenza u l-koerenza tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-armonizzazzjoni.

    Id-Direttiva riformulata u aktar tard il-bidliet biex jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni, iffaċilitaw l-armonizzazzjoni ulterjuri tar-regoli għal tagħmir li qabel ma kienx fil-kamp ta’ applikazzjoni, bħall-apparat mediku. Dan wassal għal protezzjoni akbar tal-ambjent u tas-saħħa fl-UE. Aspett ieħor huwa li d-Direttiva RoHS ġiet introdotta flimkien mad-Direttiva WEEE, li tistabbilixxi regoli għall-ġbir, it-trattament, ir-riċiklaġġ u r-rimi tal-WEEE biex jikkontribwixxu għal produzzjoni u konsum sostenibbli. Iż-żewġ atti leġiżlattivi jinteraġixxu b’mod effettiv ma’ xulxin; kieku nfirdu minn xulxin fil-livell nazzjonali u f’dak tal-UE żgur kien ikun hemm sitwazzjoni inqas koerenti.

    4.5.Rilevanza

    B’mod ġenerali, id-Direttiva RoHS tkompli twieġeb għall-ħtiġijiet riflessi fl-objettivi tagħha, jiġifieri li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent u li tippromwovi l-irkupru u r-rimi ta’ WEEE li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent. Ir-restrizzjonijiet fuq is-sustanzi stabbiliti permezz tad-Direttiva huma fattur importanti fid-disinn ta’ EEE ekoloġiku u barra minn hekk jinftiehmu faċilment minn kulħadd, anke minħabba li ħafna entrati sempliċiment ikopru gruppi ta’ sustanzi minflok ma jkollhom lista twila u eżawrjenti ta’ komposti ta’ sustanzi speċifiċi (eż. iċ-ċomb u l-komposti kollha taċ-ċomb huma koperti mill-entrata “ċomb”).

    Ir-rilevanza tad-Direttiva RoHS setgħet ikkontribwiet biex tinfluwenza b’mod konsiderevoli l-iżvilupp ta’ oqfsa regolatorji dwar sustanzi perikolużi fl-EEE f’pajjiżi terzi. Il-kumpaniji multinazzjonali spiss għażlu li japplikaw standard wieħed biex jissimplifikaw il-proċeduri u jiffrankaw il-kostijiet fil-produzzjoni globali tagħhom. B’hekk, l-ewwel standard armonizzat( 33 ), li jimplimenta r-restrizzjonijiet skont id-Direttiva RoHS, sar il-bażi għall-istandard internazzjonali rilevanti ( 34 ). Minn dak iż-żmien ’l hawn, aktar u aktar ġuriżdizzjonijiet qed jadottaw leġiżlazzjoni simili għad-Direttiva RoHS, li tgħin il-kummerċ ta’ tali tagħmir.

    Ir-rilevanza tad-Direttiva saħansitra ssaħħet fil-kuntest tal-iżviluppi tal-politika tal-UE li seħħew mill-bidu tagħha. Dawn jinkludu:

    ·l-objettivi tas-CEAP tal-2020 u l-enfasi tiegħu fuq it-tagħmir elettriku u elettroniku, fil-kuntest tal-enfasi akbar fuq il-materja prima sekondarja.

    ·L-istrateġija dwar is-sustanzi kimiċi għas-sostenibbiltà li timmira lejn approċċ sikur u sostenibbli mid-disinn u ċikli ta’ materjal mhux tossiku, inkluż l-EEE.

    ·l-irkupru ta’ materja prima kritika mill-WEEE. Hawnhekk, il-fluss tal-materjal huwa predestinat għall-irkupru ta’ dawn is-sustanzi, sakemm sustanzi oħra potenzjalment perikolużi ma jikkontaminawx il-fluss tal-iskart u jipprevjenu l-irkupru ekonomiku tagħhom.

    Aktar rilevanza tad-dispożizzjonijiet qed issir ċara, meta jitqies l-użu dejjem akbar tal-EEE fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies. L-ammont ta’ tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq fl-UE żdied minn 7,6 miljun tunnellata fl-2012 għal massimu ta’ 12,4-il miljun tunnellata fl-2020. Iż-żieda fil-volumi tal-EEE tenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqas l-impatt ambjentali fil-livell tal-prodott, li minnu l-evitar ta’ sustanzi perikolużi huwa parti kruċjali.

    Fattur ieħor li għandu jitqies meta tiġi kkunsidrata r-rilevanza tad-Direttiva huwa l-perjodu ta’ żmien bejn it-tqegħid tal-EEE fis-suq u l-istadju ta’ tmiem il-ħajja ta’ tali tagħmir. Sakemm l-EEE li jitqiegħed fis-suq illum isir WEEE, l-ambizzjonijiet għar-riċiklaġġ se jkunu żdiedu u l-progress fl-għarfien xjentifiku dwar is-sustanzi perikolużi potenzjali jista’ jipprevjeni r-riċiklaġġ jew tal-anqas iżid il-prezz tar-riċiklaġġ ta’ flussi ta’ skart li fihom dawn is-sustanzi.

    Fatturi oħra jistgħu jħallu impatt fuq ir-rilevanza tad-Direttiva RoHS. Jekk il-lista ta’ sustanzi ristretti ma tiġix rieżaminata u emendata regolarment, id-Direttiva titlef parti mir-rilevanza tagħha, anke jekk ir-restrizzjonijiet rigward is-sustanzi fl-EEE jistgħu jiġu inklużi wkoll fil-qafas ta’ biċċiet oħra ta’ leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi bħar-Regolament REACH. B’mod ġenerali, l-inċentivi għajr il-miżuri regolatorji wkoll jistgħu jappoġġaw it-tnaqqis tal-ammont ta’ sustanzi perikolużi fl-EEE. Dan huwa rilevanti għas-sustanzi potenzjalment perikolużi ġodda jew għall-applikazzjonijiet li s’issa ġew eżentati. Pereżempju, ir-rekwiżiti tal-akkwist pubbliku jew il-modulazzjoni tat-tariffi għar-responsabbiltà estiża tal-produttur skont id-Direttiva WEEE jistgħu jikkontribwixxu għas-sostituzzjoni ta’ dawk is-sustanzi.

    Ir-rilevanza tad-Direttiva, b’mod partikolari r-rilevanza tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, tista’ tbati wkoll jekk il-progress xjentifiku u tekniku ma jiġix ikkunsidrat b’mod xieraq. Pereżempju, il-pannelli fotovoltajċi “kummerċjali” inizjalment ġew esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva biex ma jfixklux it-tkabbir tal-enerġiji rinnovabbli, iżda b’riżultat ta’ dan hemm inqas inċentivi biex jiġu żviluppati alternattivi ħielsa mis-sustanzi perikolużi. Eżempju ieħor huwa l-mekkaniżmu tas-sistema ta’ eżenzjoni limitata fiż-żmien, li ma jqisx il-proporzjon bejn ir-rilevanza u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ eżenzjoni potenzjali fil-konfront tar-riżorsi u l-isforzi li saru biex tiġi applikata, evalwata u implimentata. Kif deskritt hawn fuq, it-talbiet saru dejjem aktar speċifiċi u kumplessi, parzjalment għal kwantitajiet baxxi ta’ sustanzi perikolużi, iżda l-qafas għall-adattament għall-progress xjentifiku u tekniku ma nbidilx. Proċess ineffiċjenti jista’ jimmina l-effettività tas-sistema, li għandha tippermetti eżenzjonijiet meta meħtieġ, filwaqt li fl-istess ħin tappoġġa l-isforzi biex jiġu sostitwiti dawk is-sustanzi. In-nuqqas ta’ adattament tad-dispożizzjonijiet għal sistema ta’ eżenzjoni aktar speċifika (eż. bl-introduzzjoni ta’ prinċipju ta’ proporzjonalità) jista’ jdewwem il-proċess. Pereżempju, l-eżenzjonijiet li għalihom jintalab it-tiġdid jibqgħu validi sakemm il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni. Bħala konsegwenza tad-dewmien fit-teħid tad-deċiżjonijiet, dan jista’ jwassal għal estensjoni de facto relattivament twila ta’ eżenzjoni, li tista’ tkun ta’ detriment għal dawk li huma minn ta’ quddiem fis-settur u eventwalment taffettwa r-rilevanza tas-sistema ta’ eżenzjoni għat-tnaqqis ta’ sustanzi perikolużi fl-EEE.

    L-evalwazzjoni sabet li l-perjodi ta’ validità għal eżenzjonijiet limitati fiż-żmien u perjodi ta’ tranżizzjoni f’każ ta’ skadenza huma qosra wisq għall-EEE, li jirrikjedi żmien twil ta’ żvilupp, ittestjar u validazzjoni (eż. għal ċerti apparati mediċi). Iż-żewġ perjodi bħalissa huma limitati. L-eżenzjonijiet limitati fiż-żmien ma jistgħux jaqbżu perjodu ta’ validità ta’ 7 snin u meta tiġi revokata eżenzjoni, japplika perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ mill-inqas 12-il xahar iżda ta’ mhux aktar minn 18-il xahar.

    5. Konklużjonijiet

    Id-Direttiva RoHS għenet biex jitnaqqsu s-sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (EEE) fl-UE u biex jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent fi stadji differenti tal-katina tal-valur.

    L-evalwazzjoni sabet li d-Direttiva RoHS qed tiffunzjona tajjeb b’mod ġenerali, minkejja n-nuqqasijiet identifikati. Id-Direttiva tillimita l-preżenza ta’ sustanzi perikolużi fl-EEE b’mod sempliċi u b’hekk il-preżenza ta’ dawk fil-WEEE, u fl-istess ħin tippermetti derogi meta meħtieġ. Billi pprovdiet kundizzjonijiet ekwi għall-produtturi ta’ tagħmir elettriku u elettroniku, id-Direttiva kkontribwiet ukoll għall-armonizzazzjoni u għall-funzjonament tas-suq intern. Mingħajr id-Direttiva RoHS, l-istess livell ta’ armonizzazzjoni ma setax jintlaħaq. Id-Direttiva RoHS saret ukoll rilevanti fuq livell internazzjonali bħala punt ta’ riferiment globali għat-tnaqqis ta’ sustanzi perikolużi fl-EEE, b’benefiċċji potenzjalment sinifikanti għall-ambjent u għas-saħħa madwar id-dinja.

    L-evalwazzjoni enfasizzat li l-proċessi għad-deċiżjoni dwar l-eżenzjonijiet u l-aġġornament tar-restrizzjonijiet fuq is-sustanzi skont id-Direttiva RoHS sa ċertu punt huma neqsin mit-trasparenza u l-effiċjenza, u jistgħu jittejbu f’termini ta’ robustezza xjentifika. Ġew identifikati wkoll xi differenzi metodoloġiċi u proċedurali, fost l-oħrajn, bejn ix-xogħol preparatorju għar-restrizzjoni tas-sustanzi tal-RoHS, min-naħa waħda, u għar-restrizzjonijiet u għall-awtorizzazzjonijiet tas-sustanzi skont ir-Regolament REACH, min-naħa l-oħra.

    Biex tindirizza dawn il-problemi u tikkontribwixxi għall-koerenza ġenerali, il-Kummissjoni tipproponi li r-responsabbiltà għall-valutazzjoni teknika ta’ eżenzjonijiet limitati fiż-żmien u l-proċess ta’ rieżami tal-lista ta’ sustanzi ristretti tiġi attribwita mill-ġdid lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA). Dan jirrappreżenta bidla mill-prattika kurrenti, fejn il-Kummissjoni hija appoġġata minn konsulenti esterni inkarigati mill-għoti ta’ kontribut tekniku. Jekk l-ECHA u l-kumitati tekniċi tagħha jiġu inkarigati mill-proċess ta’ valutazzjoni teknika minħabba perjodu ta’ tranżizzjoni xieraq, jiżdiedu l-konsistenza u l-effettività, b’mod partikolari billi tiġi indirizzata kwalunkwe interazzjoni ma’ leġiżlazzjoni oħra dwar is-sustanzi kimiċi. Il-Kummissjoni tkompli tkun responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-emendi possibbli tal-Annessi rispettivi tad-Direttiva, li tagħmel permezz ta’ atti delegati.

    L-attribuzzjoni mill-ġdid tal-kompiti ta’ valutazzjoni lill-ECHA ma taffettwax ir-rekwiżiti sostantivi li huma l-bażi għall-adozzjoni tar-restrizzjonijiet fuq is-sustanzi jew l-eżenzjonijiet korrispondenti.

    Tali attribuzzjoni mill-ġdid issaħħaħ il-prinċipju ta’ “sustanza waħda - valutazzjoni waħda” stabbilit fil-qafas tal-istrateġija dwar is-sustanzi kimiċi għas-sostenibbiltà u twassal għal proċessi aktar simplifikati. Jekk l-Aġenzija twettaq il-valutazzjoni relatata, ikun possibbli li jintużaw informazzjoni u valutazzjonijiet diġà disponibbli jew li qed jinġabru skont atti leġiżlattivi oħra rilevanti għall-istess sustanza fil-qasam ta’ responsabbiltà tal-Aġenzija. Dan itejjeb il-konsistenza ma’ leġiżlazzjoni oħra dwar is-sustanzi kimiċi, u b’hekk jgħin biex jiġi ssodisfat wieħed mir-rekwiżiti skont id-Direttiva RoHS, jiġifieri li jkun “koerenti ma’ leġiżlazzjoni oħra relatata mas-sustanzi kimiċi, b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 1907/2006”. Il-fatt li l-applikazzjonijiet futuri kollha għal eżenzjonijiet jiġu ttrattati mill-ECHA u mill-kumitati xjentifiċi tagħha jiżgura wkoll konsistenza fir-rakkomandazzjonijiet li għandhom jiġu deċiżi mill-Kummissjoni, dment li, minbarra r-riżorsi xierqa meħtieġa, l-ECHA tkun tista’ testendi l-kompetenza tagħha fil-qasam tal-EEE kif ukoll fi tmiem l-istadju tal-iskart tal-EEE.

    Effett ta’ sinerġija ieħor ikun il-possibbiltà li jintużaw għodod tal-IT stabbiliti ġestiti mill-ECHA biex il-partijiet ikkonċernati jiġu infurmati b’mod magħruf (jiġifieri fir-rigward ta’ REACH) u modern, iżda wkoll li jkun hemm interfaċċa diġitali unika għas-sottomissjoni ta’ talbiet għal eżenzjoni u dossiers ta’ restrizzjonijiet. Fid-dawl ta’ dawn il-bidliet, meta l-kompiti jiġu assenjati mill-ġdid lill-ECHA, il-Kummissjoni tipprovdi gwida dwar it-talbiet għal eżenzjoni u l-proċess ta’ rieżami tal-lista ta’ sustanzi ristretti.

    Il-Kummissjoni taġġorna wkoll id-dokument tal-2012 “Mistoqsijiet Frekwenti” (FAQ), biex tindirizza l-ħtieġa identifikata li tiġi ċċarata t-terminoloġija, inkluż biex tirrifletti l-progress tekniku u xjentifiku, jew biex tneħħi l-interpretazzjonijiet skaduti.

    Minħabba dan ta’ hawn fuq u fid-dawl ta’ inizjattivi oħra li jingħataw prijorità skont is-CEAP, f’dan l-istadju dan ir-rieżami ġenerali tad-Direttiva RoHS, kif meħtieġ mill-Artikolu 24(2), mhux se jkun akkumpanjat minn reviżjoni tad-Direttiva iżda minn emenda mmirata fir-rigward tal-attribuzzjoni mill-ġdid tal-kompiti xjentifiċi u tekniċi lill-ECHA ( 35 ).

    Kunsiderazzjonijiet għal reviżjoni futura

    Filwaqt li jiġi rikonoxxut li mhux in-nuqqasijiet identifikati kollha jistgħu jiġu indirizzati mill-azzjonijiet deskritti hawn fuq, għandu jiġi enfasizzat li kwalunkwe reviżjoni ġenerali futura għandha tqis is-sejbiet tal-evalwazzjoni.

    Hemm il-potenzjal li d-dispożizzjonijiet jiġu aġġornati u jsiru adatti għall-futur. Dan jibda bl-aġġornament tal-kamp ta’ applikazzjoni (eż. ir-rieżami tal-pannelli fotovoltajċi) u jkompli bit-tneħħija ta’ ħafna dispożizzjonijiet tranżizzjonali, li kienu rilevanti għall-introduzzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni miftuħ, iżda li ma għadhomx meħtieġa. B’mod parallel, l-eżenzjonijiet skaduti u l-piżijiet amministrattivi identifikati relatati ma’ kategoriji differenti ta’ EEE jistgħu jitneħħew mill-Annessi III u IV.

    Għalkemm il-passi proċedurali għaż-żewġ proċessi jinbidlu bħala parti mill-attribuzzjoni mill-ġdid tagħhom lill-ECHA, il-qafas għall-għoti ta’ eżenzjonijiet u għall-valutazzjoni ta’ sustanzi ġodda jibqa’ l-istess. Madankollu, il-qafas jeħtieġ li jiġi adattat għall-progress xjentifiku u tekniku biex ikun adatt għall-iskop tiegħu u jirreaġixxi b’mod flessibbli għall-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq. Pereżempju, il-kriterji biex tittieħed deċiżjoni dwar l-eżenzjonijiet jistgħu jqisu f’liema każijiet l-eżenzjonijiet għandhom jiskadu minħabba n-nuqqas ta’ rilevanza tagħhom fis-suq. Barra minn hekk, l-għażliet limitati għall-perjodi ta’ validità jew il-perjodi ta’ tranżizzjoni għall-eżenzjonijiet jistgħu jiġu aġġustati biex jippermettu perjodi individwali bbażati fuq il-każ speċifiku. Barra minn hekk, l-ostakli għal proċess effiċjenti jistgħu jitneħħew.

    Miżura potenzjali oħra tkun li tiġi eżaminata l-adegwatezza li jiġu introdotti tariffi għas-sistema ta’ eżenzjoni limitata fiż-żmien għal applikazzjonijiet li jużaw sustanzi perikolużi ristretti.

    Barra minn hekk, id-Direttiva RoHS tista’ tissaħħaħ meta jitqies li s-sustanzi perikolużi fl-EEE jibqgħu suġġett importanti fid-dawl tal-ekonomija ċirkolari u l-objettivi ta’ tniġġis żero. Il-ħtieġa li jiġu vvalutati u possibbilment ristretti ċerti sustanzi perikolużi għadha kbira, eż. għal sustanzi ġodda użati fl-EEE li jmorru kontra l-objettivi tad-Direttiva.

    Fl-istess ħin, għandhom jeżistu possibbiltajiet biex tissaħħaħ l-ekonomija ċirkolari għall-EEE. Id-Direttiva RoHS għandha l-potenzjal li tissimplifika d-dispożizzjonijiet dwar l-ispare parts użati mill-ġdid għall-EEE (eż. għall-użu f’perjodu speċifiku ta’ żmien limitat). L-użu ta’ materjal riċiklat jista’ jiżdied bl-introduzzjoni ta’ kundizzjonijiet ta’ benefiċċju meta mqabbla mal-materjal primarju.

    Reviżjoni futura tkun rakkomandata wkoll minħabba l-interazzjoni ma’ strumenti leġiżlattivi oħra li bħalissa qed jiġu riveduti u li potenzjalment iwasslu għal aġġustamenti tad-Direttiva RoHS (eż. ir-Regolament REACH). Madankollu, din hija wkoll raġuni għaliex issa ma huwiex iż-żmien it-tajjeb għal reviżjoni kbira tad-Direttiva.

    Il-preżenza ta’ sustanzi perikolużi fil-WEEE hija rilevanti ħafna għat-trattament tal-WEEE, li huwa indirizzat skont id-Direttiva WEEE. Din id-Direttiva bħalissa qed tiġi evalwata u koordinazzjoni mill-qrib bejn iż-żewġ atti leġiżlattivi tista’ toffri ħafna sinerġiji pożittivi. Pereżempju, id-Direttiva WEEE tista’ tkompli tinċentiva t-tneħħija gradwali ta’ sustanzi perikolużi billi tadatta r-responsabbiltajiet estiżi tal-produtturi u viċi versa d-Direttiva RoHS tista’ tippermetti li l-ispare parts temporanjament jappoġġaw l-użu mill-ġdid u l-possibbiltà ta’ tiswija ta’ ċerti apparati. Barra minn hekk, id-Direttiva RoHS tista’ tgħin fil-prevenzjoni tal-kontaminazzjoni ta’ flussi ta’ materjali li fihom materja prima kritika billi taġġorna d-dispożizzjonijiet tagħha fir-rigward tal-istat tal-progress tekniku u xjentifiku jew billi tippermetti, permezz tal-użu ta’ eżenzjonijiet limitati fiż-żmien, sustanzi perikolużi fl-EEE biex jiċċirkolaw f’sistema ta’ ċirkwit magħluq.

    Biex titwitta t-triq u jkun hemm biżżejjed żmien preparatorju għal kwalunkwe żvilupp futur, ir-reviżjoni futura possibbli tad-Direttiva għandha tikkunsidra l-perspettiva fit-tul tal-leġiżlazzjoni u l-pożizzjoni tagħha fil-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, il-prodotti, l-ambjent u s-sustanzi kimiċi.

    (1) ()    Id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku, ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.
    (2) ()     Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent, Support for the evaluation of Directive 2011/65/EU on the restriction of the use of certain hazardous substances in electrical and electronic equipment: rapport finali, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, 2021
    (3) ()     Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent, Study to support the assessment of impacts associated with the general review of Directive 2011/65/EU (RoHS Directive), l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet 2023
    (4) ()    SWD(2023)760
    (5) ()     Id-Direttiva 2002/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 2003 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi ta’ riskju fit-tagħmir elettriku u elettroniku - ĠU L 37, 13.2.2003, p.19.
    (6) ()    Bħalissa, 10 sustanzi u gruppi ta’ sustanzi huma ristretti. Dawn huma ċ-ċomb, il-merkurju, il-kadmju, il-kromu eżavalenti, il-bifenili polibromurati, l-eteri tad-difenil polibromurat, il-bis(2-etileżil)ftalat, il-ftalat benżil butil, il-ftalat tad-dibutil, il-ftalat tad-diisobutil
    (7) ()    Id-Direttiva 2002/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 2003 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE), ĠU L 37, 13.2.2003, p. 24 – sostitwita bid-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE), ĠU L 197, 24.7.2012, p. 38–71.
    (8) ()    Il-Premessa 7 tad-Direttiva 2011/65/UE.
    (9) ()    Il-Premessa 2 tad-Direttiva RoHS taqra: ‘‘Id-disparitajiet bejn il-liġijiet jew il-miżuri amministrattivi adottati mill-Istati Membri rigward ir-restrizzjoni tal-użu ta’ sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (EEE) jistgħu joħolqu ostakoli għall-kummerċ u jgħawġu l-kompetizzjoni fl-Unjoni u jistgħu għaldaqstant ikollhom impatt dirett fuq l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern. Għalhekk, jidher li hu meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli f’dan il-qasam u li jingħata kontribut għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-irkupru u r-rimi, bla ħsara għall-ambjent tal-iskart EEE’’.
    (10) ()    Id-Direttiva RoHS hija rilevanti wkoll għaż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).
    (11) ()    Fl-2015, erba’ plastifikanti tal-grupp ta’ ftalati żdiedu mal-lista – id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2015/863 tal-31 ta’ Marzu 2015, ĠU L 137, 4.6.2015, p. 10.
    (12) ()    ara l-verżjoni konsolidata tad-Direttiva 2011/65/UE – M1-M80 (minbarra M29 u M37)
    (13) ()    Id-Direttiva (UE) 2017/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2017 li temenda d-Direttiva 2011/65/UE dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku, ĠU L 305, 21.11.2017, p. 8.
    (14) ()    Tikkorrispondi għall-komunikazzjoni COM/2015/0614
    (15) ()    COM(2020) 98 final.
    (16) ()    COM(2019) 640 final
    (17) ()    COM(2023) 160 final. 
    (18) ()    Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.
    (19) ()    Ir-Regolament (KE) 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar pollutanti organiċi persistenti (POPs), ĠU L 158, 30.4.2004, p. 7.
    (20) ()    COM(2020) 667 final.
    (21) ()    Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija, ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10. 
    (22) ()    Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti sostenibbli u li jħassar id-Direttiva 2009/125/KE, COM(2022) 142 final. 
    (23) ()     Regolamentazzjoni Aħjar: linji gwida u sett ta’ għodod – Novembru 2021 .
    (24) ()     https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Waste_statistics_-_electrical_and_electronic_equipment&oldid=556612 ;imkejla bħala l-piż tal-WEEE miġbur meta mqabbel mal-piż medju tat-tagħmir elettroniku mqiegħed fis-suq fit-tliet snin preċedenti, jiġifieri l-2017-2019
    (25) ()    COM(2019) 640 final.
    (26) ()    Id-Direttiva 2014/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu fi ħdan ċerti limiti tal-voltaġġ, ĠU L 96, 29.3.2014, p. 357–374
    (27) ()    Ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011, ĠU L 169, 25.6.2019, p. 1-44
    (28) ()    Id-dokumenti huma disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni dwar l-RoHS: https://environment.ec.europa.eu/topics/waste-and-recycling/rohs-directive_en  
    (29) ()     Study to support the review of the list of restricted substances and to assess a new exemption request under RoHS 2 (Pack 15)  
    (30) ()    REACH japplika għall-manifattura, għat-tqegħid fis-suq u għall-użu ta’ sustanzi waħedhom, f’taħlitiet jew f’oġġetti u għat-tqegħid fis-suq ta’ taħlitiet u ma japplikax għall-iskart. Id-Direttiva RoHS tista’ tirrestrinġi s-sustanzi użati speċifikament fit-tagħmir elettriku u elettroniku kif stabbilit fil-kategoriji fl-Anness I tad-Direttiva bl-għan li tikkontribwixxi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, inkluż l-irkupru u r-rimi tal-iskart li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent.
    (31) ()    Qafas Leġiżlattiv Ġdid, li jikkonsisti fir-Regolament (KE) 765/2008, fid-Deċiżjoni 768/2008 u fir-Regolament (UE) 2019/1020
    (32) ()    SWD(2022) 365 final
    (33) ()    EN 50581:2012 – Dokumentazzjoni teknika għall-valutazzjoni tal-prodotti elettriċi u elettroniċi fir-rigward tar-restrizzjoni tas-sustanzi perikolużi
    (34) ()    IEC 63000:2018 – Dokumentazzjoni teknika għall-valutazzjoni tal-prodotti elettriċi u elettroniċi fir-rigward tar-restrizzjoni tas-sustanzi perikolużi
    (35) ()    Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-attribuzzjoni mill-ġdid ta’ kompiti xjentifiċi u tekniċi lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi; ippreżentata flimkien mal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 178/2002, (KE) Nru 401/2009, (UE) 2017/745 u (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-attribuzzjoni mill-ġdid ta’ kompiti xjentifiċi u tekniċi u t-titjib tal-kooperazzjoni fost l-aġenziji tal-Unjoni fil-qasam tas-sustanzi kimiċi
    Top