IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 23.11.2023
COM(2023) 707 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Sommarju tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK għall-2023-2027: sforz konġunt u ambizzjoni kollettiva
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52023DC0707
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL Summary of CAP Strategic Plans for 2023-2027: joint effort and collective ambition
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Sommarju tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK għall-2023-2027: sforz konġunt u ambizzjoni kollettiva
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Sommarju tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK għall-2023-2027: sforz konġunt u ambizzjoni kollettiva
COM/2023/707 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 23.11.2023
COM(2023) 707 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Sommarju tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK għall-2023-2027: sforz konġunt u ambizzjoni kollettiva
1.INTRODUZZJONI
Il-Pjanijiet Strateġiċi tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK jew il-Pjanijiet) huma l-għodda ewlenija għat-twettiq tal-PAK bejn l-2023 u l- 2027. Abbozzati mill-Istati Membri u approvati mill-Kummissjoni biex jiġi żgurat li jintlaħqu l-objettivi ġenerali tal-UE, il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK jappoġġaw il-biedja u ż-żoni rurali b’total ta’ EUR 307 biljun f’nefqa pubblika permezz tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (inkluż il-kofinanzjament nazzjonali).
Bl-introduzzjoni tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, li huma għodda ta’ ppjanar unika, il-leġiżlaturi tal-UE biddlu l-orjentazzjoni tal-implimentazzjoni tal-PAK mill-konformità għall-prestazzjoni. Għaldaqstant, l-Istati Membri użaw l-istrumenti tal-PAK taż-żewġ fondi (pagamenti diretti, interventi għal ċerti setturi tas-suq u appoġġ għall-iżvilupp rurali) biex ifasslu loġika ta’ intervent għal kull wieħed mill-10 objettivi speċifiċi stabbiliti fir-Regolament dwar il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK ( 1 ), abbażi ta’ analiżi tal-punti b’saħħithom, tan-nuqqasijiet, tal-opportunitajiet u tat-theddid (SWOT) fit-territorji rispettivi tagħhom, u l-ħtiġijiet relatati tagħhom. Wara djalogu strutturat ( 2 ), il-Kummissjoni vvalutat il-Pjanijiet sottomessi u bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha lil kull Stat Membru qabel ma approvat abbozzi ta’ Pjanijiet riveduti sa tmiem l-2022 ( 3 ).
Il-leġiżlazzjoni tal-PAK stabbiliet salvagwardji li jinkwadraw l-ambitu ta’ azzjoni tal-Istati Membri sabiex jiġu rispettati kundizzjonijiet ekwi u tiġi żgurata ambizzjoni kollettiva. Dan isir permezz ta’: (i) definizzjonijiet u tipi komuni ta’ intervent; (ii) rekwiżiti minimi; (iii) oqfsa komuni ta’ prestazzjoni; (iv) livelli minimi ta’ nfiq meħtieġa b’rabta ma’: farms iżgħar u ta’ daqs medju; bdiewa żgħażagħ; l-ambjent, il-klima u t-trattament xieraq tal-annimali; u l-għodda ta’ LEADER għall-iżvilupp lokali integrat; (v) l-integrazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali u klimatika fl-ippjanar u t-tfassil tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK. Meta mqabbel mal-perjodu preċedenti tal-PAK, kien meħtieġ kontribut ġenerali akbar għall-ilħuq ta’ objettivi relatati mal-ambjent u mal-klima permezz tal-PAK. Kull Pjan Strateġiku tal-PAK jistabbilixxi miri għar-riżultati mistennija bl-użu tal-indikaturi komuni tal-UE, li jinkludu appoġġ kemm mill-FAEG kif ukoll mill-FAEŻR. Madankollu, il-valuri fil-mira kif ukoll l-ispeċifikazzjoni tal-interventi u r-rekwiżiti jvarjaw fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK kollha, u jirriflettu d-diversità tal-ħtiġijiet u tal-preferenzi tal-Istati Membri.
Billi jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK mistennija li jkunu konsistenti mal-leġiżlazzjoni u mal-impenji ambjentali u klimatiċi tal-Unjoni u jikkontribwixxu għalihom u, b’mod partikolari, mal-miri tal-Unjoni għall-2030 stabbiliti fl-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt u l- Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità ( 4 ), flimkien ma’ strumenti oħra tal-UE u dawk nazzjonali. Regoli obbligatorji, inkluż l-allokazzjoni għall-klima, għall-ambjent u għat-trattament xieraq tal-annimali skont kull Pjan Strateġiku tal-PAK ta’ mill-inqas 25 % tal-pagamenti diretti għall-iskemi ekoloġiċi u mill-inqas 35 % tal-infiq tal-FAEŻR, huma importanti biex jiżguraw dan il-kontribut. Fl-istess ħin, l-azzjonijiet skont il-PAK huma mistennija jikkontribwixxu 40 % tal-fondi tal-UE għall-PAK għall-ilħuq tal-objettivi relatati mal-klima, li għandhom jiġu kkalkolati skont il-metodoloġija stabbilita ( 5 ).
Dan ir-rapport iwieġeb għas-sejħa tal-leġiżlaturi tal-UE ( 6 ) biex il-Kummissjoni tfassal sommarju tat-28 Pjan Strateġiku tal-PAK approvati ( 7 ) biex tivvaluta l-isforz konġunt u l-ambizzjoni kollettiva tagħhom fl-indirizzar tal-objettivi speċifiċi tal-PAK. Dan jindirizza wkoll il-kontribut tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK biex jintlaħqu l-miri tal-Unjoni għall-2030 li jinsabu fl-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt u fl-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità. Dan jibni fuq il-ħarsa ġenerali tal-Kummissjoni lejn il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK approvati ( 8 ) u jibbaża fuq studju li jidentifika u janalizza l-Pjanijiet( 9 ) fil-forma li fiha ġew approvati (sa tmiem l-2022) fil-bidu tal-perjodu ta’ implimentazzjoni.
Ir-rapport jeżamina l-isforzi kkombinati tal-Pjanijiet lejn l-objettivi tal-PAK abbażi ta’ analiżi tal-ħtiġijiet u l-loġika ta’ intervent stabbilita mill-Istati Membri. L-analiżi tiffoka fuq il-prijoritajiet tal-Pjanijiet, l-allokazzjoni finanzjarja, il-miri, ir-rekwiżiti u l-prattiki volontarji.
Dan ir-rapport qed jiġi ppubblikat matul l-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tal-Pjanijiet - filwaqt li d-data dwar l-adozzjoni mill-bdiewa u minn benefiċjarji oħra mhijiex mistennija qabel l-2025. Għalhekk, dan ir-rapport jiddependi fuq il-valuri tal-indikaturi ppjanati fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK approvati u fuq evalwazzjoni kwalitattiva tal-effetti potenzjali tal-għażliet. L-impatti reali se jiddependu fuq l-effetti kumulattivi tal-interventi u jistgħu jiġu ddeterminati biss permezz ta’ evalwazzjonijiet. Dawk l-impatti se jkollhom jitqiesu flimkien mal-impatt ta’ strumenti oħra tal-UE u dawk nazzjonali li jindirizzaw il-ħtiġijiet identifikati fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK - kif ukoll ma’ fatturi esterni oħra.
Peress li huwa bbażat fuq il-verżjonijiet approvati tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK (tmiem l-2022), dan ir-rapport ma jkoprix xi wħud mill-konsegwenzi speċifiċi li t-tfixkil li jirriżulta mill-gwerra Russa ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna qed jipprovoka fl-implimentazzjoni tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK. Dan huwa l-każ fir-rigward tad-derogi temporanji u eċċezzjonali fl-2023 mir-rekwiżiti l-ġodda dwar in-newba tal-għelejjel u dwar is-sehem minimu ta’ raba’ li jinħadem iddedikat għal karatteristiċi u żoni mhux produttivi fir-rigward ta’ raba’ mistrieħ għall-produzzjoni tal-ikel ( 10 ). Fl-istess ħin, fl-2023, l-Istati Membri bdew jipproponu emendi għall-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom ( 11 ). Meta vvalutathom, il-Kummissjoni sostniet li ma għandhomx inaqqsu l-livell ġenerali ta’ kontribut ambjentali li permezz tiegħu l-Kummissjoni setgħet tapprova l-Pjanijiet fl-2022, filwaqt li aċċettat l-aġġustamenti mmirati u ġustifikati sew.
Dan ir-rapport huwa pass fil-proċess usa’ tal-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-PAK, wara t-tagħlimiet mill-perjodu 2014-2020 deskritti fir-Rapport tal-Kummissjoni tal-Prestazzjoni tal-PAK dwar dak il-perjodu ( 12 ). Informazzjoni addizzjonali se tiġi minn: (i) data ta’ implimentazzjoni fil-livell tal-benefiċjarji tal-PAK mill-2025; (ii) valutazzjoni tal-mudell il-ġdid ta’ twassil fl-2025; (iii) evalwazzjonijiet interim fl-2026; (iv) rapporti annwali tal-prestazzjoni; u (v) evalwazzjoni ex post fl-2031( 13 ).
2.SOMMARJU TAL-PJANIJIET STRATEĠIĊI TAL-PAK U L-ISFORZ KONĠUNT LEJN L-OBJETTIVI TAL-PAK
2.1. L-appoġġ ta’ settur agrikolu intelliġenti, kompetittiv, reżiljenti u diversifikat biex tkun żgurata s-sigurtà tal-ikel fit-tul
L-appoġġ għall-introjtu diżakkoppjat għall-vijabbiltà tal-farms jibqa’ strument importanti kemm fit-tfassil tar-Regolament dwar il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK kif ukoll fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK. Minkejja l-modernizzazzjoni u l-konsolidazzjoni tal-farms li seħħew sal-lum, l-introjtu agrikolu jibqa’ sostanzjalment taħt il-paga medja fil-bqija tal-ekonomija. Il-qligħ tas-suq huwa s-sors primarju tal-introjtu tal-farms iżda l-appoġġ tal-PAK għandu rwol sinifikanti f’ħafna setturi u Stati Membri, li jammonta għal medja ta’ 23 % tal-introjtu tal-farms fl-2020.
Fid-dawl tal-Artikolu 39 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-appoġġ finanzjarju biex il-bdiewa jiġu ggarantiti standard ta’ għajxien ġust jibqa’ element ewlieni tal-PAK. Abbażi tal-allokazzjonijiet baġitarji nazzjonali predefiniti għall-2023-2027, il-pagamenti diretti jibqgħu l-aktar għodda finanzjarja importanti tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK. B’mod ġenerali, il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK juru sforz konġunt sinifikanti biex jappoġġaw l-introjtu tal-farms, jiżguraw distribuzzjoni aktar ġusta ta’ dan l-appoġġ għal farms iżgħar, u jnaqqsu d-disparitajiet fl-introjtu fl-aktar setturi vulnerabbli u f’żoni żvantaġġati.
L-appoġġ permezz ta’ pagamenti diretti huwa kkundizzjonat fil-Pjanijiet kollha minn rekwiżiti għal biedja ambjentalment sostenibbli (kundizzjonalità mtejba ( 14 ) li huma aktar esiġenti milli fil-perjodu preċedenti tal-PAK (2014-2022). Dan it-tip ta’ appoġġ jiżdied meta jkun immirat lejn setturi vulnerabbli, żoni żvantaġġati, u gruppi bħal bdiewa iżgħar u aktar żagħżugħa. L-għodod tal-introjtu jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-ikel u għaż-żamma tal-attività agrikola fiż-żoni ġeografiċi kollha, filwaqt li jindirizzaw sfidi fit-tul bħaż-żamma tal-impjiegi f’żoni rurali remoti, jappoġġaw setturi u prattiki tal-biedja li jsostnu l-għajxien u l-pajsaġġi, u jnaqqsu r-ritmu tal-abbandun tal-art u tad-depopolazzjoni rurali.
Minkejja tnaqqis fl-allokazzjonijiet finanzjarji għall-appoġġ għall-introjtu għall-2023-2027, is-sehem ta’ żoni agrikoli appoġġati huwa mistenni li jiżdied bi ftit meta mqabbel mal-perjodu preċedenti tal-PAK (li jilħaq 89 % tal-art agrikola tal-UE soġġetta għall-kundizzjonalità).
Bi tweġiba għaż-żieda fl-ambizzjoni għall-ekwità fil-qafas leġiżlattiv tal-UE, il-konverġenza tal-livelli ta’ appoġġ għall-introjtu fl-Istati Membri li għadhom jużaw il-livelli ta’ pagament “storiċi” ġiet imsaħħa. L-Istati Membri kollha għajr ħamsa huma mistennija jilħqu l-istess livell ta’ appoġġ bażiku għall-introjtu għas-sostenibbiltà għal kull ettaru (ir-rata fissa tal-BISS) fil-farms tagħhom sal-2027. Fl-istess ħin, il-livell ogħla ta’ riżorsi allokati għall-appoġġ ridistributtiv komplementari għall-introjtu għas-sostenibbiltà (complementary redistributive income support for sustainability, CRISS) isaħħaħ l-appoġġ għall-introjtu li jmur direttament għal farms iżgħar u ta’ daqs medju. Il-pagamenti diretti addizzjonali għal kull ettaru għal farms eliġibbli taħt id-daqs medju qed jiżdiedu fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. L-obbligu l-ġdid li l-appoġġ għall-introjtu jiġi ridistribwit ikkawża l-allokazzjoni finanzjarja totali ddedikata għall-appoġġ ridistributtiv għall-introjtu għas-sostenibbiltà għal skopijiet ridistributtivi biex tiżdied b’mod sinifikanti meta mqabbla mal-perjodu preċedenti tal-PAK, biex issa tirrappreżenta 10,7 % tal-pagamenti diretti b’EUR 20 biljun addizzjonali għal pagamenti diretti mmirati lejn farms iżgħar. L-effett ridistributtiv li jtejjeb il-ġustizzja żdied minn xi Stati Membri, fejn rilevanti, billi ġew stabbiliti limiti massimi jew jitnaqqsu l-pagamenti bażiċi u pagamenti oħrajn għal farms akbar (11-il l-Pjan Strateġiku tal-PAK).
Hemm xejra madwar l-UE li jiġi ssupplementat l-appoġġ għall-introjtu għall-biedja f’żoni b’restrizzjonijiet naturali u restrizzjonijiet oħra (areas with natural contstraints, ANCs). Billi jikkumpensa kostijiet ogħla tal-produzzjoni tal-ikel u tal-għalf f’żoni affettwati minn klima, ħamrija jew kundizzjonijiet oħra ħżiena bħal muntanji jew art f’territorji xotti jew kesħin, dan l-appoġġ jgħin biex tinżamm l-attività agrikola f’żoni bħal dawn u jinfluwenza b’mod pożittiv il-fatturi soċjoekonomiċi. Il-farms li jinsabu f’żoni b’restrizzjonijiet naturali (ANC), speċjalment f’żoni muntanjużi, bħala medja huma anqas intensivi, b’aktar użu tal-art ta’ benefiċċju għall-ambjent u għall-bijodiversità (eż. art bil-ħaxix, għelejjel tal-proteini u raba’ mistrieħ) ( 15 ). F’żoni bi prevalenza ogħla ta’ sistemi agrikoli estensivi u b’input baxx, l-appoġġ imur kontra r-riskju ta’ abbandun tal-art, u b’hekk jgħin biex jiġu sostnuti ċerti kundizzjonijiet ambjentali.
Billi jiggarantixxu livell ta’ introjtu minimu lill-benefiċjarji tal-PAK, il-pagamenti diretti jgħinu wkoll biex jiġi stabbilizzat l-introjtu tas-settur. L-għażliet tal-Istati Membri juru ċerta riorjentazzjoni lejn għodod aktar immirati għall-ġestjoni tal-volatilità tal-introjtu. Il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK kollha għajr wieħed jallokaw inqas minn 2 % tal-infiq totali tagħhom tal-PAK għall-għodod tal-ġestjoni tar-riskju. Meta mqabbel mal-passat, is-sehem ta’ farms b’għodod ta’ ġestjoni tar-riskju appoġġati se jiżdied. Madankollu, dan ikopri biss 14 % tal-farms kollha tal-UE kkonċentrati f’għadd żgħir ta’ Stati Membri.
It-tkabbir bil-mod (f’xi każijiet l-istaġnar) fil-produttività agrikola għadu sfida f’ħafna Stati Membri u huwa aggravat mill-kostijiet għoljin (speċjalment għall-ħaddiema u għall-art) f’xi setturi. Il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK jipprijoritizzaw it-tkabbir tal-produttività u l-adozzjoni ta’ prattiki u teknoloġiji innovattivi. Kważi 400 000 benefiċjarju (4 % tal-farms tal-UE) huma mistennija li jibbenefikaw minn appoġġ għal investiment produttiv (prinċipalment fuq il-farm). Il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK kollha jipprevedu appoġġ bħal dan. Dan jindika sforz konġunt akbar biex jiġu modernizzati l-farms, tissaħħaħ il-kompetittività tas-settur u jiġu indirizzati l-isfidi ambjentali, klimatiċi u tat-trattament xieraq tal-annimali. L-investiment orjentat lejn l-adattament għat-tibdil fil-klima u t-titjib tal-kundizzjonijiet ambjentali li jappoġġaw il-produttività - bħas-saħħa tal-ħamrija - qed isiru dejjem aktar importanti u se jeħtieġu attenzjoni akbar. Appoġġ immirat għall-investiment, il-kooperazzjoni u l-għarfien biex jgħin lill-bdiewa jużaw u jadottaw għodod u sistemi diġitali għadu pjuttost baxx.
Meta mqabbel mal-passat, l-appoġġ għall-istrumenti finanzjarji (EUR 1 biljun) żdied - u dan jiffaċilita l-aċċess għall-investimenti, b’enfasi fuq il-bdiewa żgħar u żgħażagħ kif ukoll fuq il-kooperattivi u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi.
Il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK jirriflettu realtajiet settorjali distinti u, b’mod partikolari, id-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom xi setturi biex jibqgħu vijabbli fil-kuntest reġjonali tagħhom filwaqt li jissodisfaw ukoll l-aspettattivi tas-soċjetà. Il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK jipprovdu appoġġ immirat għall-introjtu (appoġġ akkoppjat għall-introjtu) lis-setturi taċ-ċanga u tan-nagħaġ – li kieku jagħmlu telf – u lis-setturi tal-vitella u tal-ħalib. Sitwazzjoni ta’ introjtu aħjar għandha tgħin lil dawn il-farms jinvestu u jegħlbu d-diffikultajiet tagħhom. Jista’ jkun mistenni kontribut pożittiv għall-bijodiversità meta l-appoġġ ikun qed jippreżerva biedja estensiva, filwaqt li l-impatt attwali tal-appoġġ akkoppjat għall-introjtu fuq il-klima se jiġi ddeterminat permezz ta’ valutazzjoni wara l-implimentazzjoni. L-għelejjel tal-proteini, il-frott u l-ħxejjex u ċerti setturi oħra wkoll jibbenefikaw minn appoġġ akkoppjat.
L-appoġġ akkoppjat għall-introjtu se jkun ta’ benefiċċju għal 21 % tal-farms tal-UE (sehem kemxejn ogħla milli fl-aħħar perjodu rrapportat), b’allokazzjoni finanzjarja annwali medja ogħla (6 % aktar mill-2022). Matul il-perjodu ta’ rapportar, 7 % tal-infiq pubbliku totali tal-PAK huwa ddedikat għal din l-għodda.
Minkejja x-xejra fit-tul tal-bdiewa li jirċievu sehem dejjem jonqos tal-valur miżjud madwar l-UE, l-użu tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK ta’ għodod biex itejbu l-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista alimentari jidher limitat – kif jidher mill-allokazzjoni limitata tar-riżorsi u mill-użu ta’ għodod ta’ kooperazzjoni u ta’ koordinazzjoni. L-appoġġ tal-PAK għall-parteċipazzjoni fi gruppi ta’ produtturi, organizzazzjonijiet tal-produtturi, swieq lokali, ktajjen tal-provvista qosra u skemi tal-kwalità se jilħaq madwar 760 000 farm (8 % tal-farms kollha). Madankollu, għall-biċċa l-kbira tal-Istati Membri dan jirrappreżenta żieda. L-appoġġ għal organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-produtturi tal-frott u l-ħxejjex għadu importanti. L-appoġġ għal “setturi oħra” ( 16 ) permezz ta’ programmi settorjali ddedikati, li sar possibbli għall-ewwel darba fil-PAK riformata, huwa limitat.
Minkejja l-isforzi finanzjarji li saru biex jiġu appoġġati setturi speċifiċi (speċjalment permezz ta’ appoġġ akkoppjat jew interventi settorjali), il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK ma jinkludux b’mod sistematiku strateġiji settorjali fil-fondi u fl-istrumenti kollha biex jiġu indirizzati sfidi settorjali speċifiċi fit-tul.
2.2.Il-kontribut għall-azzjoni klimatika, għall-protezzjoni tar-riżorsi naturali u għall-waqfien u t-treġġigħ lura tat-telf tal-bijodiversità
L-Istati Membri, fil-biċċa l-kbira, jirrikonoxxu l-isfidi sinifikanti relatati mal-klima, mal-ambjent u mal-bijodiversità tal-agrikoltura u taż-żoni rurali fil-valutazzjoni tagħhom tal-ħtiġijiet. Il-kombinazzjonijiet ta’ obbligi (kundizzjonalità mtejba) u ta’ interventi volontarji inklużi fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, għandhom l-għan li jagħtu spinta lill-użu tal-prattiki tal-biedja b’potenzjal li jnaqqsu l-pressjonijiet negattivi u li jibbenefikaw lill-klima, ir-riżorsi naturali u l- bijodiversità b’ħafna modi:
·Id-definizzjonijiet stabbiliti fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK (eż. għall-attività agrikola, għaż-żona agrikola, għall-ettari eliġibbli u għall-art bil-ħaxix permanenti) huma punt ta’ dħul għall-appoġġ tal-PAK u jistabbilixxu ċerti obbligi minimi. Meta mqabbla mal-passat, jista’ jkun hemm rispons aħjar għall-isfidi tal-bijodiversità u tal-klima peress li xi Pjanijiet qed jibbenefikaw mill-qafas legali biex jippermettu aktar spazju għan-natura (eż. karatteristiċi tal-pajsaġġ u żoni mhux produttivi) jew għal ċerti attivitajiet ta’ benefiċċju (kultivazzjoni tal-għadajjar u agrivoltajċi) f’żoni eliġibbli, b’hekk jiġi żgurat l-appoġġ għal dawn iż-żoni u, fejn applikabbli, il-protezzjoni anke jekk dawn ma jkunux ta’ natura primarjament agrikola.
·Standards ogħla għall-prattiki tal-biedja bħala kundizzjoni biex jiġi riċevut l-appoġġ tal-PAK (kundizzjonalità msaħħa) se japplikaw għal 89 % tal-art agrikola tal-UE ( 17 ). Għal għadd ta’ bdiewa, din hija bidla sostanzjali minħabba li l-kundizzjonalità hija aġġornata meta mqabbla mal-prattiki “ekoloġiċi” tal-perjodu preċedenti appoġġati dak iż-żmien bi 30 % tal-pagamenti diretti.
·Fuq bażi volontarja, xi bdiewa se jiġu ppremjati għall-implimentazzjoni ta’ prattiki oħra u aktar ambizzjużi - lil hinn mir-rekwiżiti tal-kundizzjonalità - li jindirizzaw pressjonijiet ewlenin fuq ir-riżorsi naturali, il-klima u l-bijodiversità. Dawn se jiġu appoġġati bi 32 % tan-nefqa pubblika tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK (EUR 97,6 biljun) ( 18 ). L-appoġġ annwali u pluriennali għat-titjib tal-prattiki tal-biedja permezz ta’ skemi ekoloġiċi (EUR 44,7 biljun) u ta’ impenji agroambjentali klimatiċi u impenji oħra ta’ ġestjoni (EUR 33,2 biljun) huwa ssupplementat minn diversi għodod oħra. Dawn jinkludu investimenti mmirati (EUR 8,6 biljun), u appoġġ għaż-żoni b’restrizzjonijiet naturali (li jikkontribwixxu EUR 9,4 biljun) li, billi jillimitaw l-abbandun tal-art, jistgħu jikkontribwixxu indirettament għall-preżervazzjoni tal-bijodiversità tal-art agrikola. L-użu ta’ dan l-appoġġ huwa volontarju, u għalhekk il-kontributi preċiżi se jkunu magħrufa biss wara l-implimentazzjoni.
Il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK huma għodda importanti, iżda mhux l-unika, biex jintlaħqu l-miri tal-Istrateġiji tal-UE mill-Għalqa sal-Platt u dawk għall-Bijodiversità, li wkoll jiddependu fuq strumenti oħra nazzjonali u tal-UE. Madankollu, dawn juru kontribut lejn l-ilħuq tad-diversi miri. Ħlief għall-biedja organika, il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK ġeneralment ma jikkwantifikawx l-aspirazzjonijiet nazzjonali jew il-kontributi għal dawn il-miri, u b’hekk jirriflettu n-nuqqas ta’ obbligu legali kif ukoll, f’xi każijiet, id-diffikultajiet metodoloġiċi u tekniċi meta jagħmlu dan.
Mill-1990 ’l hawn, l-UE naqqset l-emissjonijiet tagħha ta’ gassijiet serra mill-agrikoltura b’aktar minn 20 %. Anke jekk l-emissjonijiet kienu aktar stabbli f’dawn l-aħħar 10 snin, l-effiċjenza fl-output (jiġifieri emissjonijiet aktar baxxi għal kull unità ta’ output) żdiedet. Sabiex jittejjeb il-kontribut tas-settur tal-biedja tal-UE għall-objettivi klimatiċi tal-UE, tfasslu diversi azzjonijiet tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK kemm għall-bjar tal-karbonju kif ukoll għas-sorsi tal-emissjonijiet.
B’mod partikolari, il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK juru sforzi sinifikanti fuq il-prattiki għas-sekwestru u l-ħżin tal-karbonju fil-ħamrija u fil-bijomassa permezz ta’ taħlita ta’ kundizzjonalità (bil-protezzjonijiet għall-artijiet mistagħdra u għat-torbiera, applikabbli bis-sħiħ għall-Istati Membri kollha fl-2025) u interventi volontarji f’dak li jirrigwarda: it-titjib ulterjuri tal-ħamrija; il-konservazzjoni u l-ġestjoni ta’ artijiet bil-ħaxix permanenti, ta’ artijiet mistagħdra u ta’ torbiera; u l-appoġġ għall-karatteristiċi tal-(agro)forestrija u tal-pajsaġġ.
It-titjib ikkawżat mill-kundizzjonalità fil-ħdim tar-raba’, fil-kopertura tal-ħamrija u fin-newba tal-għelejjel żied il-limitu għall-ambizzjoni ta’ azzjonijiet volontarji ffinanzjati biex tittejjeb il-ġestjoni tan-nutrijenti. Flimkien ma’ appoġġ għal użu aktar baxx ta’ fertilizzanti minerali mmirati lejn madwar 15 % tal-art agrikola tal-UE u investiment f’biedja ta’ preċiżjoni, dan qed jgħin biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ N2O. B’mod ġenerali, 35 % tar-raba’ tal-UE għandu jibbenefika minn azzjonijiet volontarji bbażati fuq l-art kemm għas-sekwestru tal-karbonju kif ukoll għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ N2O.
L-appoġġ tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK għal sistemi estensivi għall-bhejjem jgħin biex jinżammu mhux biss il-ħażniet tal-karbonju iżda wkoll il-pajsaġġi tradizzjonali, filwaqt li jittejbu l-awtonomija tal-għalf u l-attivitajiet ekonomiċi fuq art marġinali. Ħafna Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK jirrikonoxxu b’mod espliċitu l-ħtieġa li jitnaqqsu l-emissjonijiet relatati mal-bhejjem (b’mod partikolari l-metan mir-ruminanti). B’mod partikolari, il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK jinkludu appoġġ għall-investimenti: fit-titjib tal-ħżin u tal-ġestjoni tad-demel; fit-tagħmir għat-tixrid tad-demel likwidu b’emissjonijiet baxxi; u fid-diġesturi anaerobiċi. Dan se jiġi ssupplementat b’appoġġ għal titjib ġenetiku. Inqas minn nofs il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK jinkludu appoġġ rilevanti ieħor (eż. għar-ragħa fil-beraħ, għat-titjib tal-pjanijiet ta’ alimentazzjoni u tal-addittivi tal-għalf) u jistabbilixxu miri (differenti ħafna) (2,4 % tal-unitajiet tal-bhejjem tal-UE) biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan jew tal-ammonijaka. Id-densitajiet massimi tal-bhejjem jidhru f’diversi interventi bbażati fuq l-art, inkluż ukoll għall-appoġġ akkoppjat f’xi hotspots ambjentali.
Il-potenzjal li tiżdied il-produzzjoni tal-enerġija sostenibbli permezz tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK ġej l-aktar mill-appoġġ għall-użu tal-agrofotovoltajċi u l-investiment fil-produzzjoni tal-bijometan. B’kontribut relattivament żgħir (1 556 MW) f’dan il-qasam matul il-perjodu, il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK jikkomplementaw biss miżuri li jaqgħu barra mill-PAK.
L-effetti kkombinati tal-kontribut ġenerali tal-għodod tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima għadhom diffiċli biex jiġu vvalutati f’dan l-istadju u jridu jitqiesu flimkien ma’ dawk tal-għodod nazzjonali u tal-istrumenti għall-ippjanar tal-klima fil-kuntest tal-LULUCF ( 19 ) aġġornat u tar-Regolamenti dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi ( 20 ). F’dan ir-rigward, fl-2023, l-Istati Membri qed jivvalutaw il-ħtieġa li jirrieżaminaw il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom fid-dawl tal-miri l-ġodda tar-Regolamenti dwar il-LULUCF u l-Kondiviżjoni tal-Isforzi ( 21 ), u b’hekk dawn jingħataw opportunità jivvalutaw il-potenzjal ta’ mitigazzjoni tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom fid-dawl tal-ambizzjoni klimatika ogħla.
Il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK ġeneralment jirrikonoxxu l-ħtieġa li tittejjeb ir-reżiljenza klimatika tas-settur tal-biedja u li jitħejjew aħjar għall-avvenimenti estremi tat-temp u għar-riskji tal-ilma bl-għajnuna ta’ bhejjem u għelejjel adattati għall-klima. Il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK juru potenzjal li jindirizzaw ir-reżiljenza permezz tal-kontribut tagħhom għas-sekwestru tal-karbonju, għall-protezzjoni tal-ħamrija u għall-pajsaġġi diversifikati.
B’mod aktar speċifiku, fir-rigward tal-iskarsezza tal-ilma u n-nixfiet - li huma problema dejjem akbar f’ħafna reġjuni fl-UE - il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK għandhom it-tendenza li jiffokaw fuq l-investiment fil-ħżin tal-ilma u fl-irrigazzjoni. 4,5 % tal-art agrikola tal-UE hija mmirata biex ittejjeb il-bilanċ tal-ilma permezz ta’ prattiki bbażati fuq l-art, u xi Stati Membri bi ħtiġijiet akbar f’dan il-qasam jindirizzawhom barra mill-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom. L-approċċi għall-adattament għat-tnaqqis tal-ilma disponibbli u l-iżgurar tar-reżiljenza fit-tul (permezz ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, iż-żamma tal-ilma fil-pajsaġġ, għelejjel li huma anqas intensivi fl-ilma, l-użu mill-ġdid tal-ilma) se jkollhom jissaħħu u jiġu integrati aħjar ma’ ppjanar strateġiku fit-tul dwar l-adattament u r-reżiljenza tal-agrikoltura. Azzjonijiet barra mill-PAK permezz ta’ pjanijiet dwar il-ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar, in-nixfa u l-adattament se jkunu importanti wkoll f’dan ir-rigward.
Il-Pjanijiet jagħmlu sforz sostanzjali fir-rigward tal-protezzjoni tal-ħamrija (b’enfasi fuq l-erożjoni tal-ħamrija u l-kontenut ta’ materja organika) u, għalkemm f’livell inqas, fuq il-ġestjoni tan-nutrijenti u l-kwalità tal-ilma. Meta mqabbla mal-passat, b’mod ġenerali, il-kundizzjonalità teħtieġ kopertura itwal tal-ħamrija, prattiki aħjar tal-ħdim tar-raba’ u n-newba tal-għelejjel, u strixxi ta’ lqugħ usa’ tul il-mogħdijiet tal-ilma. Din tinkorpora wkoll rekwiżiti statutorji ta’ ġestjoni dwar it-tniġġis tal-fosfat. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri żiedu, spiss b’mod sinifikanti, iż-żona mmirata minn miżuri volontarji biex itejbu l-kwalità tal-ħamrija (47 % tal-art agrikola tal-UE, żieda minn 15 % fl-2021). Uħud minn dawn il-miżuri jipprevjenu direttament jew indirettament it-telf tan-nutrijenti u jwasslu għal kwalità aħjar tal-ilma. Il-biċċa l-kbira tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK jindirizzaw il-kwalità tal-arja, filwaqt li jiffokaw fuq l-investimenti u l-approċċi għall-applikazzjoni tan-nutrijenti li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-ammonijaka - iżda b’kopertura limitata tal-art (6 % tal-art agrikola tal-UE).
Il-kontribut għall-miri tal-Patt Ekoloġiku Il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK juru kontribut sostanzjali lejn il-mira tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt biex sal-2030, 25 % tal-art agrikola tal-UE tinħadem b’mod organiku. Sal-2027, madwar 10 % taż-żona agrikola tal-UE għandha tirċievi appoġġ mill-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK għall-biedja organika (żieda minn 5,6 % fl-2020). L-appoġġ għall-investimenti u l-promozzjoni, kif ukoll it-taħriġ u l-pariri għall-produtturi organiċi, jikkontribwixxu wkoll. Inizjattivi nazzjonali komplementari (meħuda fi ħdan il-pjanijiet nazzjonali ta’ azzjoni organika) dwar il-bini tal-kapaċità, l-iżvilupp tas-suq u l-akkwist pubbliku se jgħinu biex tintlaħaq il-mira tal-UE. Fil-livell nazzjonali, l-ambizzjonijiet imħabbra fir-rigward ta’ din il-mira jvarjaw bejn 5 % u 30 % tal-art agrikola. |
Il-kontribut għall-miri tal-Patt Ekoloġiku Il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK juru potenzjal tajjeb li jikkontribwixxu għall-mira tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt ta’ użu u riskju mnaqqsa ta’ pestiċidi kimiċi b’50 % sal-2030. In-newba obbligatorja tal-għelejjel (meħtieġa minn kundizzjonalità mtejba) qed tgħin fl-implimentazzjoni tal-ġestjoni integrata tal-pesti (IPM) madwar l-art kollha tal-UE li tinħadem. Elementi oħra ta’ kundizzjonalità (pereżempju, il-projbizzjoni fuq l-użu tal-pestiċidi tul il-mogħdijiet tal-ilma, u r-rekwiżit li jinżammu r-raba’ mistrieħ u l-karatteristiċi tal-pajsaġġ li jgħinu fil-ġlieda kontra l-pesti) jikkontribwixxu b’mod sinifikanti. It-tnaqqis se jissaħħaħ permezz ta’ skemi volontarji mmirati (eż. li jinvolvu diversifikazzjoni u newba usa’ tal-għelejjel, kontroll bijoloġiku, biedja organika u ta’ preċiżjoni) fuq 27 % tal-art agrikola tal-UE. Madankollu, l-approċċi olistiċi tal-ġestjoni integrata tal-pesti setgħu ġew riflessi aħjar. L-isforzi huma mistennija li jkunu sostanzjalment ikkomplementati minn azzjonijiet fil-livell nazzjonali. Regoli mtejba ta’ kundizzjonalità dwar strixex ta’ lqugħ tul il-mogħdijiet tal-ilma u l-ġestjoni tal-ħamrija, flimkien ma’ bosta interventi volontarji għall-ġestjoni tan-nutrijenti, se jikkontribwixxu biex tintlaħaq il-mira tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt biex, sal-2030, it-telf tan-nutrijenti jonqos bin-nofs. Restrizzjonijiet fuq l-użu tal-fertilizzanti u appoġġ għat-titjib tas-saħħa u l-fertilità tal-ħamrija jimmiraw 15 % tal-art agrikola tal-UE. Ir-restrizzjonijiet fuq l-użu tal-fertilizzanti spiss jiġu appoġġati wkoll f’żoni ta’ Natura 2000. L-appoġġ tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK għaż-żieda fl-effiċjenza tan-nutrijenti, inkluż permezz tal-ġestjoni tad-demel u tat-teknoloġiji ta’ preċiżjoni, huwa mistenni li jottimizza l-użu tal-fertilizzanti. Madankollu, enfasi fuq kwistjonijiet bħal dawn hija nieqsa f’xi oqsma b’telf kbir ta’ nutrijenti. L-għażla ta’ miżuri ta’ kumpens biex jiġi miġġieled it-tniġġis tan-nutrijenti kif stabbilit skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma ( 22 ) pjuttost ma hix użata biżżejjed. |
Għad hemm sfidi importanti f’termini tal-istatus tal-bijodiversità fl-art agrikola. Din il-PAK tat aktar attenzjoni lil dawn l-isfidi, kif huwa rifless fl-ispazju estiż għan-natura meħtieġ skont il-KAAT 8 il-ġodda, u b’appoġġ għall-involviment tal-bdiewa fil-protezzjoni volontarja jew fir-restawr tal-bijodiversità fuq 31 % tal-art agrikola tal-UE (pereżempju, permezz tal-ġestjoni estensiva tal-art bil-ħaxix, u ż-żamma tal-karatteristiċi tal-pajsaġġ). L-iskemi ekoloġiċi b’firxa usa’ jżidu ma’ impenji agroambjentali klimatiċi ta’ spiss aktar immirati lejn il-kwistjonijiet jew iż-żoni, b’potenzjal għal bidliet gradwali iżda mifruxa fil-prattiki ġenerali tal-farms.
Il-kontribut għall-miri tal-Patt Ekoloġiku Il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK jikkontribwixxu għaż-żieda tal-preżenza ta’ karatteristiċi tal-pajsaġġ b’diversità għolja lejn il-mira tal-Istrateġija għall-Bijodiversità ta’ 10 % tal-art agrikola sal-2030. L-obbligu msaħħaħ li mill-inqas 4 % tal-art li tinħadem tiġi ddedikata għal elementi mhux produttivi huwa bidla sinifikanti għal dawk l-Istati Membri u l-bdiewa li kienu jiddependu fuq żoni produttivi (għelejjel li jiffissaw in-nitroġenu u għelejjel tat-titwiq) biex jikkonformaw mal-“ekoloġizzazzjoni” fl-2015-2022. Minnha nnifisha (mingħajr ma jingħaddu sforzi addizzjonali, volontarji) ir-regola tista’ potenzjalment tagħmel disponibbli mill-inqas miljun ettaru addizzjonali għan-natura. Xi Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK jikkontribwixxu aktar billi jappoġġaw networks ekoloġiċi ta’ karatteristiċi jew billi jinvestu fil-ħolqien ta’ karatteristiċi ġodda tal-pajsaġġ (għajr dawk li jżommu dawk il-karatteristiċi li diġà jeżistu) - u b’hekk iżidu valur addizzjonali (b’mod partikolari meta dan l-appoġġ ikun marbut mat-taħriġ u mal-pariri). Madankollu, b’mod ġenerali, dawn l-isforzi jistħoqqilhom aktar attenzjoni. |
Il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK kollha juru xi kontribut lejn il-miri li jirriżultaw mid-Direttivi tal-UE dwar il-Ħabitats u l-Għasafar. Iż-żoni tal-artijiet bil-ħaxix tal-UE protetti kontra l-konverżjoni u l-ħrit espandew b’9 %, u l-miżuri volontarji għal ġestjoni mtejba għandhom l-għan li jkopru 25 % taż-żoni ta’ Natura 2000. Skemi mmirati fir-rigward tal-ispeċijiet (eż. miżuri li jappoġġaw il-koabitazzjoni ma’ karnivori kbar) jew ir-restawr tal-ħabitats se jgħinu biex jintlaħaq status ta’ konservazzjoni favorevoli. Il-pagamenti li jikkumpensaw għar-restrizzjonijiet fiż-żoni ta’ Natura 2000 (li jżidu l-aċċettazzjoni tar-restrizzjonijiet mir-riċevituri) potenzjalment se jilħqu aktar bdiewa għalkemm għad hemm lok biex jiżdied aktar l-użu tagħhom. Madankollu, l-opportunitajiet għall-appoġġ tal-preżervazzjoni tal-ħabitats u tal-ispeċijiet, u l-appoġġ għall-azzjonijiet identifikati fl-oqfsa ta’ azzjoni prijoritizzata (PAFs) ( 23 ) setgħu ġew sfruttati aħjar.
Anke jekk għadha mhux żviluppata biżżejjed f’xi wħud mill-Pjanijiet tal-PAK, il-kooperazzjoni bejn il-bdiewa fuq skala ta’ pajsaġġ għandha l-potenzjal li timmassimizza l-effetti tal-interventi. Huma mistennija benefiċċji akbar minn pagamenti bbażati fuq ir-riżultati inklużi f’xi Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK (prinċipalment fir-rigward ta’ artijiet bil-ħaxix u mergħat). Il-konservazzjoni tad-dakkara selvaġġi hija aktar b’saħħitha fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK milli fil-perjodu preċedenti.
Il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK jirrikonoxxu r-rwol tal-ġestjoni multifunzjonali u sostenibbli tal-foresti, iżda l-appoġġ għall-forestrija ma huwiex fil-qalba tagħhom. L-appoġġ finanzjarju ddedikat huwa relattivament baxx (EUR 4,2 biljun) minħabba li l-Istati Membri għandhom it-tendenza li jindirizzaw is-settur tal-forestrija b’mezzi oħra (eż. għajnuna mill-Istat u fondi forestali nazzjonali), u xi Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK ma humiex espliċiti fuq l-appoġġ.
2.3.It-tisħiħ tan-nisġa soċjoekonomika taż-żoni rurali u tat-trattament xieraq tal-annimali
Terz tal-maniġers tal-farms tal-UE kellhom aktar minn 65 sena fl-2020 u l-età medja tagħhom kienet ta’ 57 sena. L-Istati Membri jirrikonoxxu li din hija sfida għas-sigurtà tal-ikel u l-għajxien rurali fit-tul, u qed ikomplu jappoġġaw it-tiġdid ġenerazzjonali permezz ta’ taħlita ta’ għodod, riżorsi ddedikati u prijoritizzazzjoni tal-appoġġ.
Il-Pjanijiet jappoġġaw madwar 377 000 bidwi żagħżugħ fl-istabbiliment ta’ attività agrikola. Dan jirrappreżenta żieda fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Filwaqt li kważi l-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK kollha jaqbżu l-finanzjament minimu meħtieġ, l- ammonti monetarji assoluti li fuqhom hija bbażata din l-ambizzjoni juru pjuttost kontinwazzjoni mill-perjodu preċedenti. Madankollu, jista’ jinstab titjib aktar tanġibbli: fl-immirar tar-riżorsi; fl-użu aħjar tal-istrumenti finanzjarji; fit-tfassil aħjar tal-istrumenti individwali; u fl-użu ta’ strumenti flimkien, fi ħdan approċċ strateġiku, għal effett kumulattiv.
L-istabbiliment ta’ għotjiet u appoġġ għall-introjtu ddedikat huma żewġ għodod ewlenin ikkomplementati f’ħafna Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK minn rati ogħla ta’ intensità tal-investiment, għalkemm isir użu limitat minn investiment allokat biex jgħin lill-bdiewa żgħażagħ itejbu l-kompetittività tagħhom u ta’ appoġġ għat-trasferimenti tal-farms. Madankollu, l-użu msaħħaħ tal-istrumenti finanzjarji biex jikkomplementaw l-għotjiet iżid l-aċċess potenzjali għall-finanzjament u l-opportunitajiet għax-xiri tal-art. L-appoġġ komplementari għall-bdiewa żgħażagħ ivarja fost il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK iżda huwa żieda sinifikanti għall-pagamenti ta’ introjtu bażiku u jikkontribwixxi b’mod konsistenti għas-sostenibbiltà ekonomika tal-farms tagħhom.
Xi ħtiġijiet f’dan il-qasam huma indirizzati biss parzjalment fil-Pjanijiet, b’azzjonijiet ippjanati fil-livell nazzjonali. Din il-komplementarjetà se jkollha rwol ewlieni biex tgħin liż-żgħażagħ jidħlu fis-settur agrikolu. L-Istati Membri għandhom jottimizzaw l-interazzjoni mal-politiki nazzjonali, minħabba r-rwol sinifikanti ta’ politiki oħra fit-trawwim tat-tiġdid ġenerazzjonali u fl-indirizzar tal-ħtiġijiet fiż-żoni rurali (eż. fir-rigward tas-saħħa u l-edukazzjoni).
Is-sehem dejjem jonqos tal-agrikoltura fl-impjiegi rurali jenfasizza l-importanza li jinħolqu opportunitajiet fl-agrikoltura, fil-forestrija u f’setturi oħra, u b’hekk tingħata spinta lill-intraprenditorija u lill-interdipendenza bejn iż-żoni rurali u urbani. Madwar terz tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK jipprovdu appoġġ għat-twaqqif lil bdiewa ġodda biex jiffaċilitaw l-aċċess għal parteċipanti ġodda b’mod ġenerali. Barra minn hekk, il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK jiddedikaw riżorsi għall-ħolqien tal-impjiegi f’setturi oħra, għalkemm il-kontribut ġenerali tagħhom għat-tkabbir tal-impjiegi huwa pjuttost limitat. L-azzjonijiet ippjanati jinkludu l-investiment mhux biss fl-ipproċessar u fil-kummerċjalizzazzjoni, u l-ħolqien ta’ negozji relatati mal-agrikoltura u l-forestrija, iżda wkoll fit-turiżmu, fil-bijoekonomija u fis-servizzi soċjali. Fondi oħra tal-UE huma meħtieġa biex ikomplu jikkomplementaw il-finanzjament tal-PAK f’dan ir-rigward.
Il-kundizzjonalità soċjali l-ġdida tipprovdi salvagwardja għal kundizzjonijiet ta’ impjieg deċenti u tikkontribwixxi wkoll għall-inklużjoni soċjali. Il-pagamenti tal-PAK jistgħu jitnaqqsu jekk il-benefiċjarji ma jikkonformawx ma’ ċerti regoli dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli u dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali. Xi ftit Stati Membri diġà qed japplikaw dan l-element ta’ kundizzjonalità fl-2023 u se jsir obbligatorju għal kulħadd fl-2025.
L-ugwaljanza bejn il-ġeneri għall-ewwel darba tifforma parti minn wieħed mill-objettivi speċifiċi tal-PAK. Bosta Pjanijiet juru impenn biex isir progress f’dan billi jinkludu kundizzjonijiet rilevanti għall-appoġġ (u b’hekk jiġi mmirat l-appoġġ inkwistjoni), u billi jinċentivaw il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-attivitajiet tal-biedja u tal-iżvilupp rurali.
L-istrateġiji ta’ żvilupp lokali (LDS) implimentati permezz ta’ LEADER huma għodda ewlenija (u normalment l-unika) użata fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK biex jirrispondu għall-ħtiġijiet multipli taż-żoni rurali f’oqsma bħall-impjiegi, l-inklużjoni soċjali, is-servizzi rurali, u l-innovazzjoni u l-kompetittività tal-ekonomiji rurali. L-appoġġ għal “irħula intelliġenti” fi ħdan u barra minn LEADER huwa mistenni li jisfrutta l-potenzjal tal-innovazzjoni diġitali, soċjali u teknoloġika fiż-żoni rurali. Sehem ogħla ta’ fondi għall-iżvilupp rurali ġie ddedikat għall-istrateġiji territorjali, iżda l-ammonti assoluti assenjati lil LEADER naqsu filwaqt li l-ambizzjoni ġenerali f’termini ta’ kopertura tal-popolazzjoni rurali żdiedet. LEADER huwa mistenni li jagħmel aktar b’inqas. Huma meħtieġa sforzi addizzjonali li jikkomplementaw din l-għodda.
Il-kontribut għall-miri tal-Patt Ekoloġiku Il-kontributuri ewlenin għall-avvanz fil-mira tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt ta’ konnettività tal-broadband ta’ 100 % fiż-żoni rurali huma fondi u programmi oħra b’riżorsi finanzjarji sostanzjali, bħall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Xi Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK jgħinu wkoll (għalkemm sa ċertu punt limitat) fit-titjib tal-ħiliet diġitali u tal-infrastruttura fuq skala żgħira. |
Xi Pjanijiet introduċew jew żiedu l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw il-ħtiġijiet relatati mal-aċċessibbiltà taż-żoni rurali, servizzi u infrastruttura bażiċi aħjar, iżda l-livell ta’ ambizzjoni naqas b’mod ġenerali. Huma ppjanati biss ftit azzjonijiet biex jgħinu fl-indirizzar tal-mobbiltà rurali (esklużjoni) u d-dekarbonizzazzjoni tat-trasport rurali. Huwa meħtieġ appoġġ sostnut permezz ta’ fondi oħra tal-UE u dawk nazzjonali li joperaw fiż-żoni rurali.
Fil-PAK hemm enfasi ġdida fuq l-isfidi tas-sostenibbiltà tas-sistemi tal-ikel. Il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK juru ambizzjoni akbar fir-rigward tat-trattament xieraq tal-annimali, filwaqt li l-appoġġ għall-ippjanar jilħaq 23 % tal-unitajiet tal-bhejjem tal-UE ( 24 ) sostnut minn mill-inqas EUR 6,3 biljun (għajr l-appoġġ għall-investiment) – żieda mill-perjodu preċedenti li hija pjuttost sostanzjali f’xi Stati Membri. Il-Pjanijiet jirrispondu għar-rakkomandazzjonijiet tal-2020 tal-Kummissjoni biex jittejjeb it-trattament xieraq tal-annimali, bil-biċċa l-kbira tagħhom jieħdu azzjoni, tal-anqas sa ċertu punt, biex jiġi evitat il-qtugħ tad-denb tal-ħnieżer u biex jiġu promossi sistemi ta’ alloġġ mhux fil-gaġeġ għat-tiġieġ tal-bajd. Il-biċċa l-kbira tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK jallokaw riżorsi għat-titjib tal-ispazji tal-għajxien u l-alloġġ tal-annimali. Jappoġġaw ukoll prattiki ta’ ragħa fil-beraħ fis-setturi tal-ħalib, taċ-ċanga u tal-vitella. Xi wħud minn dawn il-miżuri jistgħu jgħinu wkoll biex titnaqqas id-dipendenza fuq l-antimikrobiċi.
Il-kontribut għall-miri tal-Patt Ekoloġiku Il-kontribut tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK għall-mira tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt li jitnaqqas bin-nofs l-użu tal-antimikrobiċi hija limitata. Dan huwa indirizzat l-aktar lil hinn mill-Pjanijiet, b’mod partikolari mil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-prodotti mediċinali veterinarji u l-għalf medikat ( 25 ). Madankollu, xi Stati Membri b’livelli għoljin ta’ bejgħ ta’ antimikrobiċi għall-bhejjem stabbilew miri relattivament ogħla fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom biex jindirizzaw din il-problema f’diversi setturi tal-annimali, permezz ta’ prattiki volontarji u investiment. |
Xi Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK jagħtu attenzjoni lit-tnaqqis tal-ħela tal-ikel, xi drabi flimkien ma’ sforzi biex jiġi ppreżervat il-valur tar-riżorsi - permezz ta’ investimenti, programmi settorjali u kooperazzjoni. Xi pjanijiet jidentifikaw ukoll il-ħtiġijiet relatati mas-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi rigward dieti sostenibbli, tajbin għas-saħħa u bbilanċjati. Madankollu, dawn il-kwistjonijiet huma kkunsidrati prinċipalment li għandhom jiġu indirizzati barra mill-Pjanijiet.
2.4. It-trawwim tal-għarfien, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni
Il-Pjanijiet jirrikonoxxu r-rwol tas-sistema tal-għarfien u tal-innovazzjoni agrikoli (AKIS) li taħdem tajjeb fl-immodernizzar tas-settur, u b’hekk tiġi permessa sistema ta’ governanza effettiva li tiżgura rabtiet bejn ir-riċerka (inkluż Orizzont Ewropa) u l-prattika.
Il-kondiviżjoni tal-għarfien u l-innovazzjoni huma mistennija li jiżdiedu. Għalkemm f’livelli differenti, il-Pjanijiet kollha jappoġġaw l-iskambju tal-għarfien u kważi kollha jinkludu appoġġ għal proġetti ta’ innovazzjoni li jirfdu l-objettivi speċifiċi kollha tal-PAK permezz tal-EIP-AGRI( 26 ), bl-għadd ta’ Gruppi Operazzjonali tal-EIP huwa mistenni li jittrippla meta mqabbel mal-livelli tal-passat. Ħafna mill-pariri u t-taħriġ se jimmiraw il-kapaċità, l-għarfien u l-innovazzjoni marbuta mas-sostenibbiltà ambjentali. Madankollu, l-allokazzjoni finanzjarja ppjanata ma tidhirx li taqbel mal-firxa wiesgħa ta’ ħtiġijiet li għandhom jiġu ssodisfati biex titħaffef it-trasformazzjoni.
Huma ppjanati sforzi speċifiċi biex tiġi appoġġata agrikoltura aktar effiċjenti fir-riżorsi u bbażata fuq l-għarfien permezz ta’ biedja ta’ preċiżjoni, kooperazzjoni u l-iskambju ta’ għarfien dwar kwistjonijiet diġitali. Madankollu, meta mqabbla mal-isfidi li qed jiffaċċaw farms żgħar u ta’ daqs medju, l-isforzi mill-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK biex jistimulaw l-użu tat-teknoloġiji diġitali għadhom pjuttost limitati.
3.KONKLUŻJONIJIET
Din il-valutazzjoni tikkonferma r-rwol importanti tal-PAK riformata fl-appoġġ tal-agrikoltura tal-UE fit-tranżizzjoni għal mudell ta’ biedja sostenibbli, filwaqt li tappoġġa wkoll l-introjtu tal-bdiewa kif ukoll is-sigurtà tal-ikel.
Il-pjanijiet strateġiċi l-ġodda tal-PAK huma għodda xierqa biex ikunu jistgħu jintlaħqu l-objettivi tal-politika tal-PAK b’mod integrat hekk kif l-Istati Membri jużawhom biex iħejju u jagħtu tweġibiet għall-isfidi fit-territorji tagħhom, filwaqt li tingħata prijorità lill-objettivi u jintużaw ir-riżorsi disponibbli b’mod effettiv u effiċjenti.
Il-Pjanijiet juru appoġġ kontinwu għall-introjtu tal-farms, għas-sostenibbiltà ekonomika u għar-reżiljenza tas-settur agrikolu madwar l-UE. L-appoġġ kondizzjonali għall-introjtu dirett, flimkien mal-investimenti fil-modernizzazzjoni, jikkostitwixxu elementi ewlenin għall-vijabbiltà tal-biedja u s-sigurtà tal-ikel fl-UE. L-effettività u l-immirar tagħhom jistħoqqilhom attenzjoni kontinwa.
Iż-żieda fl-okkorrenza ta’ avvenimenti estremi tat-temp u ta’ inċertezzi ġeopolitiċi globali titlob it-tisħiħ tal-għodod tal-ġestjoni tar-riskju u ż-żieda fl-użu tagħhom madwar l-Unjoni permezz ta’ skemi tal-UE jew dawk nazzjonali, li għandhom ikunu akkumpanjati minn miżuri proattivi biex jiġu indirizzati l-kawżi sottostanti u biex tiżdied ir-reżiljenza tal-farms fuq terminu medju. Fl-istess ħin, se tkun kruċjali enfasi aktar b’saħħitha fuq il-profittabbiltà tal-farms, fuq l-innovazzjoni, it-teknoloġija u d-diġitalizzazzjoni, kif ukoll fuq it-taħriġ, il-pariri u l-aċċess għall-għarfien.
Il-Pjanijiet juru potenzjal li jingħata kontribut għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, b’mod partikolari billi jitjieb is-sekwestru tal-karbonju, filwaqt li l-isfidi tal-adattament għat-tibdil fil-klima jitolbu approċċ aktar olistiku u aktar fit-tul li jeħtieġ prattiki ta’ ġestjoni u investiment rilevanti.
Il-Pjanijiet juru progress tal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, b’mod partikolari tal-ħamrija u t-tnaqqis tad-dipendenza fuq l-inputs kimiċi. Jistgħu jsiru aktar sforzi dwar l-użu sostenibbli tal-ilma u l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja. Il-Pjanijiet għandhom ukoll il-potenzjal li jikkontribwixxu biex jitwaqqaf u jitreġġa’ lura t-telf tal-bijodiversità , itejbu s-servizzi tal-ekosistema u jippreżervaw il-ħabitats u l-pajsaġġi. Madankollu, l-iskala tal-ħtiġijiet relatati mal-bijodiversità titlob kopertura akbar ta’ skemi aktar promettenti (b’mod partikolari fuq l-art agrikola tal-UE maħduma b’mod aktar intensiv) sostnuti minn appoġġ finanzjarju adegwat.
Se jkunu meħtieġa approċċi aktar olistiċi għal setturi speċifiċi, li jinkludu l-vulnerabbiltajiet u l-benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ambjentali tagħhom: pereżempju, biex jgħinu lit-trobbija tal-bhejjem tkompli tnaqqas l-emissjonijiet filwaqt li jtejbu l-influwenza pożittiva ta’ sistemi estensivi tat-trobbija tal-bhejjem fuq il-bijodiversità, is-sekwestru tal-karbonju, il-pajsaġġi, il-wirt kulturali u l-għajxien rurali.
Hija meħtieġa aktar ħidma biex tiġi appoġġata l-kwantifikazzjoni tal-impatti tal-prattiki u l-investimenti appoġġati mill-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK; il-Kummissjoni qed taħdem biex tiżviluppa l-metodoloġiji rilevanti għall-istima tal-impatti klimatiċi tal-miżuri tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK.
B’enfasi ġdida fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-farms u b’attenzjoni għall-iżbilanċi bejn il-ġeneri, il-Pjanijiet jgħinu fil-promozzjoni tas-sostenibbiltà soċjali. Il-Pjanijiet juru wkoll sforzi biex terġa’ tingħata ħajja lill-biedja - b’ġenerazzjoni iżgħar u parteċipanti oħra minn barra s-settur tal-biedja. Qed tingħata wkoll aktar attenzjoni għat-trattament xieraq tal-annimali.
Aspettattivi akbar dwar ir-rispons għall-varjetà wiesgħa ta’ ħtiġijiet soċjoekonomiċi taż-żoni rurali jinvolvu dipendenza qawwija fuq LEADER u l-iżvilupp ta’ villaġġi intelliġenti biex jitnaqqsu d-disparitajiet fl-iżvilupp. Il-komplementarjetajiet ma’ fondi oħra tal-UE u dawk nazzjonali, u mal-leġiżlazzjoni, se jkunu kruċjali biex jiġu indirizzati aktar dawn il-ħtiġijiet ( 27 ).
L-eżitu tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK se jiddependi l-aktar fuq il-livell ta’ impenn tal-komunità tal-biedja . Hija meħtieġa attenzjoni speċjali biex jiġi żgurat użu għoli ta’ prattiki ta’ biedja volontarja sostenibbli (jiġifieri l-iskemi ekoloġiċi u l-interventi għall-iżvilupp rurali), b’mod partikolari minħabba li l-iżgurar ta’ livelli adegwati ta’ appoġġ huwa ta’ sfida fid-dawl tal-pressjoni inflazzjonarja u ż-żieda fil-kostijiet tal-opportunitajiet. Huwa essenzjali wkoll li jiġu kondiviżi l-għarfien u l-innovazzjoni.
Il-progress ġenerali lejn l-objettivi tal-PAK u fl-aħħar mill-aħħar lejn il-miri tal-Patt Ekoloġiku jiddependi wkoll fuq ir-regoli u/jew l-appoġġ finanzjarju barra mill-ambitu tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, kif ukoll fuq fatturi esterni oħra bħall-evoluzzjoni tas-swieq u l-preferenzi tal-konsumatur.
Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri biex tiggarantixxi implimentazzjoni bla xkiel tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, iżżomm l-ambizzjoni ġenerali tal-Pjanijiet u ssib soluzzjonijiet xierqa biex tippermetti progress lejn l-objettivi.
Sabiex jiġi ssodisfat il-potenzjal tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK matul l-implimentazzjoni, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu attenzjoni partikolari: lit-tisħiħ tal-ħiliet, tat-taħriġ u tal-funzjoni konsultattiva fil-livelli kollha; lit-trawwim ta’ skambji ta’ prattiki tajbin biex l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati jiġu ggwidati aħjar; lit-tnaqqis tal-piż amministrattiv ta’ interventi speċifiċi; u lill-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u tar-riżultati (kif ukoll l-aġġustament tal-Pjanijiet fejn meħtieġ).