IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 26.10.2023
COM(2023) 670 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Iċ-ċirkolarità tal-ġestjoni tal-lubrikazzjoni minerali u sintetika u taż-żjut industrijali skartati fl-UE
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52023DC0670
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL Circularity of mineral and synthetic lubrication and industrial waste oil management in the EU
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Iċ-ċirkolarità tal-ġestjoni tal-lubrikazzjoni minerali u sintetika u taż-żjut industrijali skartati fl-UE
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Iċ-ċirkolarità tal-ġestjoni tal-lubrikazzjoni minerali u sintetika u taż-żjut industrijali skartati fl-UE
COM/2023/670 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 26.10.2023
COM(2023) 670 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Iċ-ċirkolarità tal-ġestjoni tal-lubrikazzjoni minerali u sintetika u taż-żjut industrijali skartati fl-UE
1.Introduzzjoni
Dan ir-rapport jippreżenta r-riżultati tal-analiżi tad-data u l-valutazzjoni li saret dwar il-ġestjoni tal-lubrikazzjoni minerali jew sintetika jew taż-żjut industrijali skartati fl-UE bil-ħsieb li titqies il-fattibbiltà tal-adozzjoni ta’ miżuri sabiex jittejjeb ulterjorment it-trattament taż-żjut skartati, inklużi miri kwantitattivi dwar il-ġbir u r-riġenerazzjoni ta’ żjut skartati, li l-Kummissjoni wettqet f’konformità mal-Artikolu 21(4) tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart 1 (WFD). Dan ir-rapport huwa bbażat fuq tliet studji estensivi 2 3 4 mill-Kummissjoni mwettqin bejn is-snin 2019 u 2023.
2.Sfond
Iż-żjut skartati huma ddefiniti fid-WFD bħala “kull lubrikazzjoni minerali jew sintetika jew żjut industrijali li m’għadhomx tajbin għall-użu li għalih kienu maħsuba oriġinarjament, bħal żjut użati tal-magna tal-kombustjoni u żjut tal-gearbox, żjut ta’ lubrikazzjoni, żjut għat-turbini u żjut idrawliċi” 5 .
Iż-żjut lubrikanti u industrijali tipikament jikkonsistu fi żjut bażi u f’addittivi. Iż-żjut tal-magni, użati fis-setturi tal-karozzi, tal-baħar u industrijali, jirrappreżentaw sa nofs iż-żjut lubrikanti kollha introdotti fis-suq. Iż-żjut idrawliċi jikklassifikaw it-tieni u jirrappreżentaw 15 % - 20 % tal-volum. Meta dawn iż-żjut isiru skart, jiġu kklassifikati bħala skart perikoluż u jirrappreżentaw l-aktar fluss importanti ta’ skart likwidu perikoluż fl-UE, b’madwar 1,6 miljun tunnellata żjut skartati miġburin fl-2017 6 . Żjut veġetali skartati ġġenerati mill-kċejjen u minn attivitajiet simili ma humiex fl-ambitu ta’ dan ir-rapport, u lanqas ma huma koperti mid-definizzjoni ta’ żejt skartat.
Iż-żjut skartati ilhom regolati fl-UE għal aktar minn 40 sena. Id-Direttiva 75/439/KE 7 dwar ir-rimi ta’ żjut skartati kienet teħtieġ li ż-żjut skartati jinġabru u jintremew mingħajr ma tiġi kkawżata ħsara evitabbli lill-bniedem u lill-ambjent. Fis-sena 1987 8 ġew introdotti emendi kbar li rriżultaw fl-għoti ta’ prijorità lir-riġenerazzjoni taż-żejt skartat meta mqabbla mal-inċinerazzjoni tiegħu għall-irkupru tal-enerġija. Id-WFD tistipula li l-Istati Membri jridu jieħdu miżuri stretti sabiex jiżguraw li ż-żjut skartati jinġabru separatament, jevitaw it-taħlit ma’ skart ieħor u, jekk ikun fattibbli, ma’ tipi oħrajn ta’ żejt u jiġu ġestiti mingħajr ma ssir ħsara lis-saħħa tal-bniedem jew lill-ambjent u jirrispettaw il-ġerarkija tal-iskart.
Kif indikat fil-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew 9 , l-Unjoni Ewropea tistinka biex ikollha ekonomija newtrali għall-klima u ċirkolari, fil-kuntest ta’ ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi li għalih hija meħtieġa aktar azzjoni għall-prevenzjoni tat-tniġġis. Biex jintlaħqu dawn l-objettivi, li huma żviluppati aktar fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari 10 u fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero 11 , il-ġestjoni ambjentalment korretta taż-żjut skartati, b’mod li l-emissjonijiet u l-iskariki jiġu mminimizzati u li bih iż-żjut bażi jiġu fil-biċċa l-kbira rriġenerati, għandha kontribut rilevanti x’tagħti.
3.Ħarsa ġenerali lejn il-ġestjoni taż-żejt skartat fl-UE
Fl-2017, madwar 4,3 miljun tunnellata ta’ żjut lubrikanti u industrijali ġew introdotti fis-suq tal-UE. Il-1,64 miljun tunnellata ta’ żjut skartati miġburin fl-EU-28 fl-2017 jirrappreżentaw 38 % ta’ dan l-ammont u huma 82 % taż-żejt skartat li jista’ jinġabar fit-teorija (~2 miljun tunnellata) 12 . It-telf inevitabbli taż-żejt, stmat li huwa ta’ 2,3 miljun tunnellata, iseħħ waqt l-użu, l-aktar minħabba l-ħruq fil-magni jew billi jintrema ma’ skart ieħor. Huwa stmat li madwar 18 % taż-żjut skartati li jistgħu jinġabru jintilfu minħabba ħruq f’berners żgħar taż-żejt skartat, minħabba l-konverżjoni illegali fi fjuwils u, sa ċertu punt, permezz tar-rilaxxi diretti fl-ambjent. Attivitajiet bħal dawn għandhom impatt dirett u dannuż fuq il-kwalità tal-ilma, tal-ħamrija u tal-arja, huma illegali, imorru kontra l-ġerarkija tal-iskart u jistgħu jirriżultaw f’kompetizzjoni inġusta mal-operaturi legali tal-iskart, u b’hekk jeħtieġu sforzi intensifikati f’termini ta’ ġbir u ta’ infurzar sabiex jiġu evitati.
Il-każ partikolari taż-żjut skartati mill-bastimenti huwa indirizzat mid-Direttiva 2000/59/KE 13 dwar il-faċilitajiet portwarji ta’ akkoljenza li għandha l-għan li tnaqqas b’mod sostanzjali l-iskariki ta’ residwi tal-iskart u tal-merkanzija ġġenerati mill-bastimenti fil-baħar. L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima tipprovdi servizz għall-prevenzjoni tat-tniġġis inklużi servizzi ta’ osservazzjoni tad-dinja bl-użu ta’ immaġni bis-satellita 14 .
L-approċċ meħud għall-ġestjoni taż-żjut skartati jvarja fil-biċċa l-kbira fost l-Istati Membri. L-Iskemi ta’ Responsabbiltà Estiża tal-Produttur (EPR) għaż-żjut lubrikanti skartati huma implimentati fi 11-il Stat Membru 15 .
Huwa rrapportat 16 li madwar 61 % taż-żjut skartati miġburin jiġu rriġenerati fi żjut bażi, filwaqt li 24 % jiġu ttrattati għall-produzzjoni ta’ fjuwils u 11 % jintużaw għall-irkupru dirett tal-enerġija f’impjanti tas-siment, tal-ġir, tal-azzar u tal-enerġija, bil-bqija li jiġu inċinerati bħala skart perikoluż. Fl-2019 kien hemm 27 impjant għar-riġenerazzjoni taż-żejt skartat fl-EU-28 17 , imqassmin f’madwar 11-il Stat Membru, b’kapaċità ta’ madwar 1,5 miljun tunnellata ta’ żjut skartati. B’kollox, madwar 0,95 miljun tunnellata żjut skartati ġew ittrattati f’impjanti għar-riġenerazzjoni fl-UE li rriżultaw f’madwar 0,68 miljun tunnellata żejt bażi riġenerat. Dawn iċ-ċifri juru li ż-żjut bażi rriġenerati jirrappreżentaw madwar 8 % 18 tal-ammont annwali ta’ żejt bażi prodott fl-UE u jindikaw li anke kieku ż-żjut skartati kollha disponibbli għall-ġbir kellhom jinġabru u jiġu rriġenerati lura f’żejt bażi, frazzjoni biss mid-domanda tista’ tiġi koperta mir-riġenerazzjoni.
Illustrazzjoni 1: Il-ġestjoni taż-żejt skartat fl-Istati Membri tal-EU-27 19 .
Minkejja l-inċertezzi fl-istima tal-ammonti ta’ żjut introdotti fis-suq li jistgħu jinġabru, l-evidenza turi li għad hemm lok għal titjib, mhux biss fl-ammont u fil-kwalità taż-żjut skartati miġbura, iżda anke fl-ammont ta’ żjut miġbura li jiġu rriġenerati. It-taqsimiet ta’ hawn taħt jiddeskrivu l-approċċi possibbli biex jinkiseb titjib fiż-żewġ aspetti, filwaqt li jirrikonoxxu li l-punt tat-tluq u l-kuntest assoċjat mal-ġestjoni taż-żejt skartat ivarjaw sew minn Stat Membru għal ieħor.
4.Ġbir taż-żjut skartati
Ir-rati ta’ ġbir taż-żjut skartati jvarjaw ħafna bejn l-Istati Membri. Fl-2018, dawn varjaw bejn 38 u 100 % taż-żjut li setgħu jinġabru 20 . L-informazzjoni limitata dwar il-prattiki illegali li jħallu impatt fuq ir-rati tal-ġbir tissuġġerixxi li l-prattika ewlenija li taffettwa b’mod negattiv il-ġbir taż-żjut skartati hija l-ħruq illegali tagħhom. Ir-rilaxx dirett fl-ambjent jidher li huwa rari u mhux sinifikanti biżżejjed sabiex jispjega d-differenzi fir-rati tal-ġbir.
EPR u skemi ta’ ġbir
L-Istati Membri b’rati għoljin ta’ ġbir mhux neċessarjament japplikaw approċċ komuni 21 . Xi wħud għandhom sistema ta’ EPR fis-seħħ (eż. il-Portugall, l-Italja) filwaqt li oħrajn ma għandhomx (eż. il-Ġermanja, l-Awstrija). B’mod simili, għall-Istati Membri b’rata baxxa ta’ ġbir, ma setgħetx tinstab xejra komuni. Xi wħud għandhom EPR (eż. il-Bulgarija) u oħrajn ma għandhomx (eż. ir-Rumanija). Jekk ma jinbidel xejn, il-prestazzjoni tal-ġbir tidher li hija ogħla f’pajjiżi li għandhom densità għolja tal-popolazzjoni, attività industrijali sinifikanti u kapaċità ta’ riġenerazzjoni jew ta’ rkupru tal-enerġija fil-qrib.
Illustrazzjoni 2: Ir-rati ta’ ġbir taż-żejt skartat fl-2018 (miġbur/li seta’ jinġabar) 22
Skont studju riċenti 23 , ma hemm l-ebda konklużjoni ċara dwar jekk EPR jew dwar skemi ta’ ġbir formalizzati oħrajn (eż. skemi ta’ rifużjoni tad-depożiti) humiex neċessarji sabiex jiġu żgurati rati għoljin ta’ ġbir. Madankollu, jidher ċar li żewġ fatturi ewlenin jixprunaw il-prestazzjoni tal-ġbir taż-żejt skartat:
·il-kost/benefiċċju għad-detenturi tal-iskart: jekk id-detentur tal-iskart jitħallas għaż-żejt skartat, ir-rati tal-ġbir jiżdiedu;
·ir-rieda tad-detenturi tal-iskart li jiġġestixxu l-iskart tagħhom b’mod legali: dan jiddependi ħafna mis-sensibilizzazzjoni fost id-detenturi u mill-infurzar mill-Istati Membri.
Għalhekk, ir-rati ta’ ġbir ikunu għoljin meta l-ġbir ikun profittabbli, jiġifieri meta d-detenturi tal-iskart jirċievu flus għall-iskart tagħhom, il-ġbir ikun mingħajr ħlas jew inkella jkunu lesti jħallsu l-prezz tas-suq għall-ġestjoni tal-iskart tagħhom. Jista’ jkun li ż-żoni ġeografiċi fejn il-kost jaqbeż kemm wieħed huwa lest li jħallas ma jkunux moqdija u dan jista’ jirriżulta f’ġestjoni illegali. Fl-aħħar mill-aħħar, il-karatteristiċi tal-iskema ta’ inċentivi jidhru li għandhom aktar influwenza fuq ir-rati ta’ ġbir milli jekk tkunx fis-seħħ EPR jew le.
Vetturi elettriċi u impatt fuq il-volumi taż-żejt skartat
L-istudju 24 pprovda wkoll projezzjonijiet għall-ġenerazzjoni ta’ żjut skartati fl-EU-27 sas-sena 2050 abbażi ta’ żewġ approċċi ta’ mmudellar, wieħed ibbażat fuq it-tbassir tad-domanda għal-lubrikanti minn McKinsey & Company 25 u t-tieni bbażat fuq l-istess tkabbir fid-domanda u filwaqt li jitqiesu l-miri regolatorji tal-UE sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-vetturi 26 u informazzjoni dwar l-użu tal-lubrikanti fil-vetturi elettriċi 27 . Dawn jassumu li d-domanda għal-lubrikant fil-flotta elettrika u taċ-ċelloli tal-fjuwil tal-UE se tkun 10 % ta’ dik minn flotta konvenzjonali, li tipprevedi tnaqqis fl-użu taż-żjut tal-magni fl-UE. Huwa preżunt li l-ġenerazzjoni taż-żejt skartat mis-settur tal-karozzi, li bħalissa jirrappreżenta madwar 40 % tas-suq taż-żjut lubrikanti, se tonqos gradwalment mil-livell tagħha tal-2035 għal 32,5 % tiegħu fl-2050. Skont l-istudju msemmi, il-ġenerazzjoni totali ta’ żejt skartat tal-EU-27 se tkun bejn 1,7 u 2 miljun tunnellata fl-2050, valur simili għall-ammont ta’ żjut skartati li jistgħu jinġabru rrapportati għall-2017. Dawn il-projezzjonijiet jindikaw li l-ammont kumplessiv taż-żejt skartat disponibbli għat-trattament ma huwiex probabbli li se jinbidel wisq fid-deċennji li ġejjin u jista’ jiġi spjegat mill-istima li t-tnaqqis imsemmi fil-ġenerazzjoni taż-żejt mit-trasport bit-triq se jkun fil-biċċa l-kbira kkumpensat mit-tkabbir minn modi tat-trasport oħrajn u mill-użi industrijali/mhux tat-trasport.
Miżuri sabiex jiżdiedu l-ġbir u l-kwalità taż-żejt skartat
Bħalissa, ir-rata medja ta’ ġbir tal-UE għaż-żjut skartati hija ta’ madwar 82 % 28 iżda tvarja sew fost l-Istati Membri minħabba aspetti nazzjonali u speċifiċi għall-kuntest. Seba’ Stati Membri għandhom miri legalment vinkolanti għall-ġbir taż-żejt skartat fil-leġiżlazzjoni tagħhom 29 . Kif muri mill-analiżi 30 magħmula mir-rapportar li sar mill-Istati Membri għas-sena 2020, l-informazzjoni statistika disponibbli dwar il-ġbir u l-ġestjoni taż-żejt skartat mhijiex robusta biżżejjed biex tistabbilixxi miri obbligatorji tal-UE għall-ġbir. Madankollu, approċċ li jiddependi fuq il-miri nazzjonali jista’ jiġi kkunsidrat mill-Istati Membri.
Approċċ bħal dan jista’ jibbaża fuq żewġ valuri fil-mira għas-sena 2030, stabbiliti għal 80 % u għal 95 % 31 fir-rigward tal-kwantitajiet ta’ żejt skartat li jistgħu jinġabru 32 . L-Istati Membri li għandhom l-aħjar prestazzjoni jistgħu jikkunsidraw li japplikaw il-mira ogħla 33 immedjatament jew, jekk diġà ntlaħqet, jiżguraw li tal-anqas tinżamm. Dawk bi prestazzjoni anqas tajba għandhom jiffokaw l-isforzi tagħhom fuq l-ilħuq tal-mira ta’ ġbir ta’ 80 % sal-2030 u tal-mira ta’ 95 % sal-2035. Dan l-approċċ għandu l-vantaġġ li jindirizza direttament l-objettiv tal-ġbir ta’ aktar żjut skartati filwaqt li jipprovdi xi flessibbiltà lill-Istati Membri.
Abbażi tal-analiżi tas-sistemi eżistenti ta’ ġestjoni taż-żejt skartat u tal-iskemi ta’ ġbir fl-UE (u lil hinn minnha) u tal-aħjar prattiki applikati, u dwar l-informazzjoni limitata dwar il-ġbir u r-riġenerazzjoni taż-żejt skartat fl-Istati Membri tal-UE, jistgħu jitqiesu diversi miżuri sabiex jiżdiedu l-kwantità u l-kwalità taż-żjut skartati miġburin:
a.Il-possibbiltà li l-Istati Membri jistabbilixxu miri obbligatorji ta’ ġbir.
I.80 % taż-żjut skartati ġġenerati (piż xott) għandhom jinġabru sal-2030.
II.95 % taż-żjut skartati ġġenerati (piż xott) għandhom jinġabru sal-2030 għall-Istati Membri li diġà jiġbru aktar minn 80 %.
b.Miżuri possibbli oħrajn biex jiżdied il-ġbir taż-żjut skartati 34
I.L-introduzzjoni ta’ sussidju għad-detenturi żgħar tal-iskart. Id-detenturi żgħar approvati tal-iskart jistgħu jirċievu sussidju annwali b’rata fissa fuq talba sabiex ikopru l-kostijiet tal-ġbir.
II.Il-projbizzjoni taż-żamma ta’ flus lid-detenturi tal-iskart għall-ġbir (ġbir mingħajr ħlas jew jitħallas min jiġbor l-iskart), potenzjalment soġġetti għal kundizzjonijiet bħall-volum minimu tal-ġbir jew ir-rekwiżiti tal-kwalità.
III.Il-kolletturi taż-żejt skartat jiġu obbligati jipprovdu servizz ta’ ġbir komprensiv u inklużiv spazjalment, u b’hekk jiġi ggarantit il-ġbir f’każijiet anqas profittabbli (żoni remoti, produtturi żgħar ta’ żejt skartat, eċċ.).
IV.L-għoti ta’ aċċess għal faċilitajiet ta’ ġbir muniċipali lid-detenturi żgħar tal-iskart (eż. faċilitajiet għall-iskart goff). Dan ikun jipprovdi servizz konvenjenti għall-produtturi ż-żgħar ta’ żejt skartat, u b’hekk jitnaqqas ir-riskju ta’ rimi illegali.
V.Id-definizzjoni ta’ kriterji speċifiċi sabiex jiġu lliċenzjati l-kolletturi taż-żejt skartat, filwaqt li jiġu ddefiniti r-rekwiżiti minimi eż. fir-rigward tal-kopertura ġeografika tas-servizz, il-kapaċità ta’ ħżin u ta’ kontroll tal-kwalità, eċċ.
c.Miżuri possibbli sabiex tiżdied il-kwalità taż-żejt skartat miġbur 35
I.Id-definizzjoni tal-kontroll tal-kwalità obbligatorju mill-kolletturi tal-iskart (inklużi l-punti ta’ kontroll, il-frekwenza, il-parametri, eċċ.).
II.L-iżgurar ta’ ġbir separat ta’ flussi ta’ skart b’potenzjal ta’ kontaminazzjoni taż-żjut skartati (eż. żejt veġetali u tat-tisjir, fluwidi tal-brejkijiet).
III.Il-ħtieġa li d-detenturi tal-iskart li jikkontaminaw iż-żjut skartati (eż. permezz ta’ segregazzjoni mhux adatta u kontaminazzjoni sussegwenti ta’ lottijiet fi trakk jew f’tank tal-ħażna) iħallsu għat-trattament tiegħu.
IV.L-istabbiliment ta’ linji gwida dettaljati u l-għoti ta’ taħriġ sabiex jiġi ċċarat liema żjut skartati għandhom jinżammu segregati mid-detentur tal-iskart (eż. l-evitar tat-taħlit ma’ żjut tal-poliklorobifenil, ma’ fluwidi tal-brejkijiet, eċċ.).
Ta’ min jinnota li mhux il-miżuri elenkati kollha jistgħu jiġu kkombinati (eż., sussidji għad-detenturi żgħar tal-iskart + ġbir b’xejn/bi ħlas) u li l-aħjar mod kif jiġu implimentati l-miżuri jista’ jkun speċifiku ħafna għall-kuntest nazzjonali inkluż, pereżempju, jekk il-miżuri jiġux adottati bħala parti minn skema ta’ EPR jew b’mod ieħor permezz ta’ dispożizzjonijiet legali speċifiċi, gwida jew mezzi oħrajn 36 . Dawn il-miżuri għandhom jiġu kkomplementati aktar bl-infurzar mill-Istati Membri u b’attivitajiet ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni indirizzati lejn il-produtturi taż-żejt skartat u lejn il-pubbliku ġenerali.
5.Riġenerazzjoni taż-żjut skartati
Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari għandu l-għan li jrawwem u jħeġġeġ ekonomija sostenibbli, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva, li fiha l-valur tal-materjali u tal-prodotti jinżamm fiċ-ċirkolazzjoni għall-itwal żmien possibbli. Minħabba li ż-żjut skartati jistgħu jiġu rriċiklati permezz ta’ proċessi li huma teknikament stabbiliti sew, dawn għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-objettivi tal-ekonomija ċirkolari.
Id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart tiddefinixxi r-riġenerazzjoni taż-żjut skartati (jew “żjut għar-rimi”) bħala “kwalunkwe operazzjoni ta’ riċiklaġġ li biha jistgħu jiġu prodotti żjut bażiċi bir-raffinar ta’ żjut għar-rimi, partikolarment bit-tneħħija tal-kontaminanti, il-prodotti ta’ ossidazzjoni u l-addittivi li jinsabu f’dawn iż-żjut” 37 . Tistabbilixxi wkoll ġerarkija tal-iskart li tfassal preferenza għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ fuq l-irkupru tal-enerġija. Għaż-żjut skartati, l-Artikolu 21 jindika prijorità għar-riġenerazzjoni fuq għażliet oħrajn ta’ trattament.
Illustrazzjoni 3: L-użu taż-żejt skartat għal kull trattament 38
Seba’ Stati Membri 39 jirrapportaw rati ta’ riġenerazzjoni ta’ 90 % jew aktar 40 filwaqt li għaxra għandhom rati taħt l-10 %. L-użu fil-fran tas-siment u fl-impjanti tal-enerġija b’mod kumplessiv ma huwiex sinifikanti ħafna, iżda fi tliet Stati Membri 41 jirrappreżenta aktar minn 50 % taż-żjut miġburin. Huwa stmat li minn 5 - 15 % taż-żjut skartati miġburin huma ta’ kwalità baxxa u mhux adattati għar-riġenerazzjoni u, b’hekk, jintużaw b’mod ġenerali fil-fran tas-siment, fil-bojlers industrijali u fl-inċineraturi tal-iskart perikoluż. Dan jimplika limitu massimu konservattiv ta’ 85 % taż-żjut skartati miġburin li jistgħu jiġu rriġġenerati (abbażi tal-eżiti u tat-teknoloġiji attwali tal-ġbir).
Kif irrapportat f’diversi studji 42 , iż-żjut skartati jistgħu jiġu rriġenerati permezz ta’ proċessi differenti: fl-UE, madwar 32 % taż-żjut skartati miġburin jiġu rriġenerati permezz ta’ idrotrattament, 46 % permezz ta’ estrazzjoni likwidu-likwidu u 22 % permezz tad-distillazzjoni. Il-kapaċità ta’ riġenerazzjoni disponibbli fl-UE ma tidhirx li hija fattur ta’ limitazzjoni billi tisboq dik li bħalissa hija ttrattata bir-riġenerazzjoni u ġew identifikati proġetti ġodda ta’ riraffineriji (eż. fil-Portugall). Madankollu, ikunu meħtieġa aktar kapaċitajiet jekk iż-żjut skartati kollha li jinġabru jintbagħtu għar-riġenerazzjoni (u jekk ir-rati ta’ ġbir jiżdiedu).
Ir-raġunijiet ewlenin li jidhru li jispjegaw għaliex frazzjoni sinifikanti ta’ żjut skartati miġburin ma tidħolx fil-perkors ta’ riġenerazzjoni jinkludu: 1) il-firxa mhux uniformi tal-kapaċitajiet ta’ riġenerazzjoni fost l-Istati Membri; 2) in-nuqqas ta’ inċentivi għar-riġenerazzjoni minħabba n-nuqqas f’xi Stati Membri ta’ strumenti speċifiċi li jappoġġaw ir-riġenerazzjoni (appoġġ finanzjarju, miri) 3) id-domanda akbar għal fjuwils b’livell baxx ta’ kubrit, speċjalment għas-suq tal-fjuwils marini u 4) il-varjabbiltà tal-prezzijiet taż-żejt verġni, li tagħmel ir-riġenerazzjoni anqas kompetittiva mill-irkupru tal-enerġija meta l-prezzijiet taż-żejt verġni jkunu f’livelli baxxi.
Tqabbil tar-riġenerazzjoni taż-żejt skartat mal-irkupru tal-enerġija
Dan l-aħħar, il-Kummissjoni kkonkludiet studju ġdid ibbażat fuq iċ-ċiklu tal-ħajja tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku 43 biex tqabbel il-prestazzjoni kumplessiva tat-tliet teknoloġiji ewlenin ta’ riġenerazzjoni taż-żejt skartat 44 ma’ għażliet differenti sabiex tiġi rkuprata l-enerġija miż-żjut skartati 45 . L-analiżi twettqet bl-użu ta’ għodda speċifika ta’ mmudellar ta’ analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja (LCA) 46 li ġiet applikata biex jiġu ssimulati l-attivitajiet u l-proċessi differenti ta’ ġestjoni tal-iskart inklużi f’kull teknoloġija, u sabiex jiġu kkalkolati l-impatti ambjentali potenzjali u l-kostijiet taċ-ċiklu tal-ħajja (LCC) rispettivi 47 . Imbagħad, din l-analiżi ntużat biex jinkiseb għarfien dwar politiki possibbli li jistgħu jiġu stabbiliti sabiex jiżdiedu l-flussi ta’ żejt skartat lejn l-aktar perkorsi ta’ benefiċċju.
L-istudju jiddistingwi żewġ tipi ta’ LCC. It-tip ta’ LCC konvenzjonali jiddeskrivi l-kost finanzjarju bħala s-somma tal-kostijiet u tat-trasferimenti tal-baġits, jiġifieri l-kostijiet interni tal-ġestjoni taż-żjut skartati. Il-kost taċ-ċiklu tal-ħajja soċjetali jgħodd flimkien il-kostijiet interni u esterni, it-tnejn espressi bħala prezzijiet paralleli, biex jiġi kkwantifikat il-kost totali mġarrab mis-soċjetà, u b’hekk tiġi riflessa analiżi kost-benefiċċji soċjali u jiġu inklużi l-prezz parallel speċifiku tas-CO2, emissjonijiet oħrajn u t-tnaqqis tar-riżorsi 48 . L-istudju jinkludi wkoll analiżi sabiex tiġi vverifikata s-sensittività tar-riżultati għal diversi fatturi u valutazzjoni tal-inċertezza fir-riżultati finali billi titwettaq analiżi tad-dixxernibbiltà 49 .
Eżitu tal-valutazzjoni tar-riġenerazzjoni kontra l-irkupru tal-enerġija
Għall-biċċa l-kbira tal-kategoriji tal-impatt individwali, kif ukoll f’termini ta’ kostijiet taċ-ċiklu tal-ħajja soċjetali, it-tliet perkorsi ta’ riġenerazzjoni 50 jmorru l-aħjar fost l-għażliet kollha għat-trattament taż-żejt skartat. B’mod partikolari, ir-riġenerazzjoni tispikka bħala l-perkors ta’ ġestjoni ippreferut meta jitqiesu biss l-impatti fuq it-tisħin globali. Ir-riżultati huma anqas skjetti meta wieħed iħares lejn il-kostijiet taċ-ċiklu tal-ħajja soċjetali totali (jiġifieri l-emissjonijiet ambjentali monetizzati tat-tipi kollha u t-tnaqqis tar-riżorsi), li juru li l-perkors ta’ riġenerazzjoni bl-agħar prestazzjoni (dik ibbażata fuq is-solventi) jiġġenera biss benefiċċju żgħir fuq it-trattament għall-fjuwil (permezz tad-distillazzjoni) u, f’xi kundizzjonijiet, jista’ saħansitra jmur agħar minn dan it-trattament. L-analiżi tad-dixxernibbiltà turi wkoll li f’termini tal-kostijiet taċ-ċiklu tal-ħajja soċjetali, ir-riġenerazzjoni bbażata fuq is-solventi u dik ibbażata fuq id-distillazzjoni ma humiex superjuri b’mod robust għat-trattament tal-fjuwil (għalkemm l-oppost huwa minnu wkoll). Huwa ċar li l-perkorsi ta’ inċinerazzjoni diretta (eż. il-kombustjoni fi fran tas-siment) huma għażliet inferjuri.
Bħala konklużjoni, ir-riġenerazzjoni — skont it-teknoloġija u l-kuntest speċifiċi — hija superjuri jew komparabbli għat-trattament għall-fjuwil u superjuri għall-irkupru dirett tal-enerġija, minn perspettiva tal-kostijiet soċjetali. Din l-analiżi turi li l-Istati Membri għandhom jippromwovu għażliet li jwasslu l-aħjar eżitu ambjentali kumplessiv. Għall-ġestjoni taż-żejt skartat, dan ifisser it-tħeġġiġ tal-iżvilupp ta’ installazzjonijiet li jagħmlu użu mit-teknoloġiji bl-aħjar prestazzjoni u l-aktar avvanzati ta’ riġenerazzjoni, li mhux biss għandhom l-aħjar prestazzjoni ambjentali kumplessiva, iżda li jrendu wkoll żjut bażi tal-ogħla valur 51 .
Miżuri possibbli sabiex tiżdied ir-riġenerazzjoni taż-żjut skartati
Hemm approċċi differenti li jistgħu jiġu implimentati biex jiżdied l-ammont ta’ żjut skartati riġenerati. L-aktar waħda promettenti taqa’ fil-kategorija ta’ miri ta’ riġenerazzjoni jew ta’ strumenti bbażati fuq il-prezzijiet. Il-miri ta’ riġenerazzjoni jistgħu jieħdu l-forma ta’ stabbiliment ta’ perċentwali minimi obbligatorji fil-livell tal-pajjiż ta’ 1) żjut skartati miġburin li jridu jiġu rriġenerati; 2) żjut lubrikanti jew bażi introdotti fis-swieq li jridu jiġu dderivati miż-żjut skartati rriġenerati jew 3) kontenut irriġenerat f’kull prodott lubrikanti. L-ewwel approċċ jirregola l-provvista ta’ żjut skartati rriġenerati u huwa adattat għall-iffissar tal-miri fil-livell tal-Istati Membri, filwaqt li ż-żewġ approċċi l-oħra jaffettwaw id-domanda u jirrappreżentaw ir-rekwiżiti tal-prodott. Fir-rigward tal-istrumenti bbażati fuq il-prezzijiet, l-għażliet li ġew studjati kienu jinkludu l-implimentazzjoni ta’ sussidju fuq ir-riġenerazzjoni ffinanzjat permezz tal-baġit ġenerali jew iffinanzjat permezz ta’ imposta fuq iż-żjut bażi verġni.
Saret valutazzjoni tal-impatti soċjoekonomiċi tal-politiki li jistabbilixxu żewġ rati referenzjarji ta’ riġenerazzjoni taż-żejt skartat, li għandhom jintlaħqu mill-Istati Membri sas-sena 2030:
1)rata ta’ riġenerazzjoni ta’ 70 % taż-żjut skartati miġburin kollha, li tirrappreżenta żieda mir-rata medja kurrenti tal-UE ta’ 61 %.
2)rata ta’ riġenerazzjoni ta’ 85 % taż-żjut skartati miġburin kollha, li tikkorrispondi għal stima konservattiva ta’ dak li jista’ jiġi rriġenerat b’mod realistiku.
L-effetti ambjentali 52 huma, skont id-definizzjoni, l-istess għall-politiki kollha li jilħqu l-istess mira. Billi l-istabbiliment ta’ mira obbligatorja ta’ rata minima ta’ riġenerazzjoni, iddefinita bħala perċentwal taż-żjut skartati miġburin, jirriżulta f’piż finanzjarju li ma huwiex iddefinit u jiddependi l-aktar fuq l-implimentazzjoni speċifika f’kull Stat Membru, il-piż ewlieni taż-żewġ għażliet l-oħrajn, fuq il-bażi tal-istabbiliment ta’ miri minimi għall-użu ta’ żejt skartat riġenerat fi prodotti lubrikanti, inizjalment jaqa’ fuq il-produtturi tal-lubrikanti, u fl-aħħar mill-aħħar fuq il-konsumaturi tal-lubrikanti.
Is-sussidji għar-riġenerazzjoni ffinanzjati jew mill-baġit ġenerali jew permezz ta’ imposta fuq iż-żejt bażi verġni jġibu kostijiet relattivament għoljin, li fil-biċċa l-kbira jisbqu l-iffrankar mistenni fil-kostijiet taċ-ċiklu tal-ħajja soċjetali. Dan minħabba li s-sussidji jkollhom jitħallsu għaż-żejt bażi riġenerat kollu, inkluż għall-frazzjoni l-kbira (61 %) li diġà qiegħda tiġi rriġenerata. Il-valutazzjoni tar-riżultat tat-tliet politiki bbażati fuq il-miri mhix sempliċi minħabba li l-benefiċċji mistennijin f’termini ta’ kostijiet soċjetali evitati huma tal-istess ordni ta’ kobor bħall-kostijiet amministrattivi stmati 53 , u dan iwassal għall-konklużjoni li l-benefiċċji netti wara l-kontabilità għall-kostijiet huma mistennijin ikunu pjuttost żgħar (u f’xi każijiet negattivi) u jistgħu ma jkunux biżżejjed sabiex jiġġustifikaw intervent ta’ politika fil-livell tal-UE, b’mod partikolari fid-dawl tal-inċertezzi involuti.
6.Konklużjonijiet
Ir-riġenerazzjoni hija ġeneralment l-għażla ta’ trattament li tipprovdi l-aħjar prestazzjoni kumplessiva mill-perspettiva ambjentali u soċjoekonomika. Filwaqt li l-Istati Membri għandhom jagħmlu aktar sforzi biex jimplimentaw ir-regoli dwar iż-żjut skartati stabbiliti fid-WFD, ir-raġunament għall-proposta ta’ rekwiżiti addizzjonali fil-livell tal-UE bħalissa huwa limitat. Pereżempju, l-esperjenza fl-Istati Membri turi li jistgħu jinkisbu rati għoljin ta’ ġbir taż-żejt skartat mingħajr skemi obbligatorji ta’ EPR, u għalhekk ma jippermettux li jsir każ ġenerali għall-istabbiliment ta’ sistema obbligatorja ta’ EPR għaż-żjut skartati. Barra minn hekk, hija meħtieġa data aktar robusta dwar il-prestazzjoni ta’ Stati Membri differenti fir-rigward tal-ġenerazzjoni, il-ġbir u t-trattament taż-żejt skartat bil-ħsieb li tittieħed azzjoni leġiżlattiva.
Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu nota tas-sejbiet deskritti f’dan ir-rapport u biex iqisuhom ħalli jtejbu l-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE dwar iż-żjut skartati fil-livell nazzjonali, jinċentivaw il-ġbir taż-żjut skartati ta’ kwalità ogħla u jippromwovu aktar it-trattament tagħhom, billi jużaw teknoloġiji ta’ riġenerazzjoni bl-aħjar prestazzjoni.
Il-Kummissjoni se ssegwi mill-qrib id-data dwar iż-żjut skartati sottomessa mill-Istati Membri u se tistinka biex tappoġġa t-titjib tagħha. Abbażi ta’ din id-data u ta’ informazzjoni oħra dwar l-implimentazzjoni tad-WFD fir-rigward taż-żjut skartati, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra azzjoni ulterjuri tal-UE fil-futur, pereżempju fir-rigward tal-istabbiliment ta’ miri obbligatorji għall-ġbir jew ir-riġenerazzjoni taż-żejt skartat fl-UE kollha, b’mod partikolari jekk il-miżuri meħuda mill-Istati Membri joħolqu ostakli għas-Suq Uniku.
Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi, ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3–30
“Study to support the Commission in gathering structured information and defining of reporting obligations on waste oils and other hazardous waste” (2020). https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/73a728bc-72f5-11ea-a07e-01aa75ed71a1/language-mt/format-PDF/source-123020647
Environmental and economic sustainability of waste lubricant oil management in the EU. Il-Kummissjoni Ewropea (2023). https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC133752
Study to analyse lubricant and industrial oil EPR systems and waste oil collection schemes in EU Member States to support measures to increase collection rates. Il-Kummissjoni Ewropea (2023). https://data.europa.eu/doi/10.2779/948514
L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2008/98/KE
Ċifri tal-ġenerazzjoni u tal-ġbir għall-EU-28 (ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna). Il-Eurostat jirrapporta ċifri ogħla ta’ 4,0 - 4,5 Mt fi statistika aggregata ħafna li ma hijiex sinifikattiva jew komparabbli ħafna.
Id-Direttiva tal-Kunsill 75/439/KEE tas-16 ta’ Ġunju 1975 dwar ir-rimi ta’ żejt użat, ĠU L 194, p. 23-25, p. 31-33
Id-Direttiva tal-Kunsill 87/101/KEE tat-22 ta’ Diċembru 1986 li temenda d-Direttiva 75/439/KEE dwar ir-rimi ta’ żejt użat, ĠU L 42, 12.2.1987, p. 43–47
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, COM(2019) 640 final
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari Għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva, COM(2020) 98 final
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Perkors għal Pjaneta b’Saħħitha għal Kulħadd, Pjan ta’ Azzjoni tal-UE: “Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, għall-Ilma u għall-Ħamrija”, COM(2021) 400 final
Iċ-ċifri kollha f’dan il-paragrafu huma rrapportati fl-istudju msemmi fin-nota 2 f’qiegħ il-paġna.
https://eur-lex.europa.eu/eli/dir/2000/59/2019-06-27?locale=mt
https://www.emsa.europa.eu/csn-menu.html
BE, BG, HR, DK, EL, ES, FR, IT, LT, PL, PT.
Ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna.
L-EU-28, speċifikament fil-BG, DK, fi, FR, DE, EL, IT, PL, PT, ES, UK (dan tal-aħħar ma jidhirx fil-mappa)
Madwar 8 Mt/sena ta’ żjut bażi verġni prodotti fl-EU-28 bejn l-2013 u l-2018.
Ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna.
GEIR (2019). https://www.geir-rerefining.org .
Ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna.
Ibid
Ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna.
Ibid.
https://www.mckinsey.com/industries/oil-and-gas/our-insights/lubes-growth-opportunities-remain-despite-switch-to-electric-vehicles
It-tieni mudell juża l-istimi tal-kompożizzjoni u tal-evoluzzjoni tal-flotta żviluppati fil-proposta “standards tal-EURO7” (COM(2022) 586 final).
Shah, Raj, et al. “Recent trends in batteries and lubricants for electric vehicles.” Advances in Mechanical Engineering 13.5 (2021).
Ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna.
BE, FR, EL, LT, PL, PT u ES.
Ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna.
Kif deskritt fl-istudju msemmi fin-nota 4 f’qiegħ il-paġna li janalizza l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta’ miżura bħal din.
Ir-rata ta’ ġbir iddefinita bħala l-proporzjon bejn iż-żejt skartat miġbur u ż-żejt skartat iġġenerat (li jista’ jinġabar).
Mhix proposta mira ta’ ġbir ta’ 100 % minħabba li: a) f’kuntest ta’ xenarju ta’ ġenerazzjoni ta’ żejt skartat mifruxa u b’volum baxx, din tista’ tirriżulta f’kostijiet u f’impatti ambjentali sproporzjonati mill-ġbir taż-żjut skartati prodotti kollha separatament u b) l-inċertezzi fil-fatturi ta’ emissjoni taż-żejt skartat użati biex jiġi stmat l-ammont li jista’ jinġabar ta’ żejt skartat jesiġu l-kawtela.
Kwalunkwe miżura trid tiġi implimentata f’konformità mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat kif ukoll mal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas.
Kwalità aħjar taż-żejt skartat miġbur jista’ jkollha wkoll impatt pożittiv fuq l-ammont ta’ żejt miġbur li jiġi rriġenerat.
L-istudju msemmi fin-nota 4 f’qiegħ il-paġna jipprovdi analiżi estensiva ta’ kif l-iskemi ta’ EPR u skemi oħrajn ta’ ġbir jiġu applikati fi Stati Membri differenti.
L-Artikolu 3(18) tad-Direttiva 2008/98/KE
Kif ippubblikata fir-rapport imsemmi fin-nota 3 f’qiegħ il-paġna.
DK, EL, LU, IT, NL, BE, FI u BG.
Xi pajjiżi jirrapportaw rati ta’ riġenerazzjoni ta’ 100 %. Madankollu, l-evidenza tissuġġerixxi li rati għoljin ta’ riġenerazzjoni bħal dawn jistgħu jkunu artefatti tal-kontabilità, billi xi pajjiżi jirrapportaw is-sediment u l-ilma inizjali b’mod separat miż-żjut skartati xotti u oħrajn jirrapportaw biss ir-riġenerazzjoni taż-żejt skartat ta’ kwalità suffiċjenti.
HR, EE u SI.
Ara n-noti 2 u 4 f’qiegħ il-paġna
Ara r-referenza għall-istudju tal-JRC fin-nota 3 f’qiegħ il-paġna.
Idrotrattament, estrazzjoni likwidu-likwidu u distillazzjoni.
Il-fjuwil derivat miż-żejt skartat li jissostitwixxi l-fjuwil marin primarju (WODFa); Il-fjuwil derivat miż-żejt skartat li jissostitwixxi ż-żejt fjuwil ħafif primarju (WODFb); il-kombustjoni fil-forn tas-siment; il-kombustjoni f’inċineratur tal-iskart perikoluż u l-kombustjoni f’bojler industrijali.
Software ta’ analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja: EASETECH v3.4.0
Ġew analizzati 14-il kategorija tal-impatt
Għall-2030 intuża valur prestabbilit ta’ EUR 100/tunnellata CO2 issuġġerit minn CE Delft u mid-DĠ MOVE.
L-applikazzjoni ta’ simulazzjonijiet Monte Carlo fuq żewġ xenarji fl-istess ħin, eż. idrotrattament kontra estrazzjoni likwidu-likwidu.
Idrotrattament, estrazzjoni likwidu-likwidu u distillazzjoni
Ġeneralment, żjut li jappartjenu għall-Gruppi II u III tal-API.
Dawn iwasslu għall-evitar ta’ 0,6 Mt ta’ ekwivalenti ta’ CO2 f’emissjonijiet sal-2045 għall-mira ta’ 70 % u ta’ 1,7 Mt għall-mira ta’ 85 % (kumulattivi matul il-perjodu ta’ żmien taħt kunsiderazzjoni).
Dan jirriżulta f’benefiċċju kumulattiv kkalkolat ta’ EUR 124 miljun bejn l-2024 u l-2045 f’termini ta’ kostijiet soċjetali evitati għall-mira ta’ 70 % u EUR 330 miljun għall-mira ta’ 85 %. Huma stmati kostijiet amministrattivi kumulattivi ta’ bejn EUR 11 u 213-il miljun għall-istess perjodu ta’ żmien 2024-2045.