Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023DC0669

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Enerġija mir-Riħ

    COM/2023/669 final

    Brussell, 24.10.2023

    COM(2023) 669 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Enerġija mir-Riħ


    1.INTRODUZZJONI

    L-enerġija mir-riħ hija rinnovabbli, disponibbli b’mod abbundanti fl-UE u sigura. Hija kruċjali biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dekarbonizzazzjoni tal-UE u biex jiġi pprovdut elettriku nadif, affordabbli u sigur lill-unitajiet domestiċi tagħna, lill-industrija tagħna u lis-settur tat-trasport tagħna dejjem aktar. L-espansjoni tal-enerġija mir-riħ u tal-industrija tal-enerġija mir-riħ madwar l-UE se toħloq impjiegi ta’ kwalità u se ttejjeb is-sigurtà tal-enerġija tagħna.

    Il-projezzjonijiet għall-varar tal-enerġija mir-riħ fl-UE u dak globali huma promettenti. Il-mira tal-UE li sal-2030 mill-inqas 42,5 % tal-enerġija tkun rinnovabbli se tirrikjedi li l-kapaċità installata tikber minn 204 GW fl-2022 għal aktar minn 500 GW fl-2030 1 . Fuq livell globali, iż-żidiet annwali tal-kapaċità tal-enerġija mir-riħ għandhom jilħqu mill-inqas 329 GW fis-sena sal-2030 biex sal-2050 jinkisbu emissjonijiet żero netti, aktar minn erba’ darbiet il-livelli tal-varar tal-lum (75 GW) 2 .

    Madankollu, l-industrija Ewropea tal-enerġija mir-riħ dan l-aħħar iffaċċjat diffikultajiet biex topera n-negozju tagħha. Fl-2022, l-akbar manifatturi kollha tat-turbini eoliċi rrapportaw telf operatorju sinifikanti 3 . U b’16-il GW ta’ proġetti ġodda tal-enerġija mir-riħ installati fl-2022 4 , ninsabu ferm ’il bogħod mis-37 GW/sena meħtieġa bħala kontribut kosteffettiv biex jintlaħqu l-miri tal-UE għall-2030.

    Din is-sitwazzjoni titlob azzjoni immedjata. L-UE ma tistax tirdoppja l-pass tal-varar tal-enerġija mir-riħ mingħajr katina tal-provvista tal-enerġija mir-riħ b’saħħitha, sostenibbli u kompetittiva. U l-industrija tal-enerġija mir-riħ ma tistax tkun b’saħħitha mingħajr sensiela ċara u sigura ta’ proġetti, li tattira l-finanzjament meħtieġ u tikkompeti fuq kundizzjonijiet ekwi fuq livell globali.

    Barra minn hekk, il-kriżi tal-enerġija wara l-invażjoni fuq skala sħiħa tar-Russja fl-Ukrajna ssottolinjat ir-riskji li jirriżultaw minn dipendenza żejda fuq fornitur barrani dominanti ta’ fjuwils fossili u wriet l-importanza ta’ sorsi tal-enerġija mir-riħ u sorsi oħra tal-enerġija rinnovabbli għall-istabbiltà u għas-sigurtà tas-sistema tal-enerġija. F’dinja li għaddejja minn tranżizzjoni ekoloġika u diġitali rapida, it-teknoloġiji nodfa huma ċentrali għall-awtonomija strateġika miftuħa Ewropea. F’dan il-kuntest, fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni tat-13 ta’ Settembru 2023, il-President von der Leyen irrikonoxxiet li l-industrija tal-enerġija mir-riħ tal-UE qed tiffaċċja taħlita unika ta’ sfidi u ħabbret pakkett Ewropew dwar l-enerġija mir-riħ. L-objettiv ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni huwa li jappoġġa lill-kumpaniji tal-UE fis-settur tal-enerġija mir-riħ u li jtejjeb il-kompetittività tagħhom biex jiġi żgurat li l-industrija tal-enerġija mir-riħ tal-UE tkun tista’ tkompli jkollha rwol ewlieni fit-tranżizzjoni ekoloġika.

    Il-pjan ta’ azzjoni jistabbilixxi miżuri li għandhom jittieħdu b’mod urġenti biex jintlaħaq dan l-objettiv. Il-pjan ta’ azzjoni se jappoġġa wkoll indirettament setturi oħra tal-enerġija nadifa, inkluż l-industrija solari, minħabba li bosta mill-azzjonijiet proposti huma ta’ rilevanza għas-sorsi rinnovabbli kollha. Huwa strutturat f’sitt pilastri ewlenin ta’ azzjoni miftiehma mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Istati Membri u mill-industrija: (i) l-aċċellerazzjoni tal-varar permezz ta’ żieda fil-prevedibbiltà u għoti ta’ permessi aktar mgħaġġel; (ii) id-disinn imtejjeb tal-irkantijiet; (iii) l-aċċess għall-finanzi; (iv) il-ħolqien ta’ ambjent internazzjonali ġust u kompetittiv; (v) il-ħiliet; u (vi) l-involviment tal-industrija u l-impenji tal-Istati Membri.

    2.L-ISTAT TAL-INDUSTRIJA TAL-ENERĠIJA MIR-RIĦ FL-EWROPA

    L-enerġija mir-riħ, kemm fuq l-art (92 % tal-kapaċità tal-enerġija mir-riħ installata) kif ukoll lil hinn mill-kosta, diġà hija pilastru ċentrali fis-sistema tal-elettriku tagħna. Fl-2022, din ipprovdiet medja ta’ 16 % tal-elettriku kkonsmat fl-UE u spiss tilħaq aktar minn 30 % kuljum 5 . It-teknoloġiji żviluppati u applikati fuq skala akbar fl-Ewropa biex tiġi utilizzata l-enerġija mir-riħ saru ferm orħos matul dawn l-aħħar 10 snin, bis-saħħa tal-innovazzjoni u tal-ekonomiji ta’ skala 6 . F’ħafna partijiet tal-Ewropa, l-enerġija mir-riħ hija l-orħos sors ta’ elettriku 7 .

    Sa issa, l-installazzjonijiet tal-enerġija mir-riħ varati fl-UE ġew ipprovduti prinċipalment mis-settur domestiku tal-manifattura tal-enerġija mir-riħ. Il-manifatturi ewlenin Ewropej kienu jirrappreżentaw 85 % tas-suq tal-enerġija mir-riħ tal-UE (94 % fis-settur lil hinn mill-kosta) 8 . Il-manifattura tat-turbini u tal-komponenti tagħhom (pali, gondoli u torrijiet, gearboxes, pedamenti, substazzjonijiet, ġeneraturi, eċċ.) tkopri l-UE kollha. Dan jagħmel lis-settur tal-manifattura tal-enerġija mir-riħ fornitur importanti tal-impjiegi: Huwa stmat li s-setturi kollha tas-settur tal-enerġija mir-riħ joffru bejn 240 000 u 300 000 impjieg dirett u indirett fl-UE, u madwar 45 000 (28 % tal-impjiegi diretti) jinsabu fil-manifatturi tat-turbini u tal-komponenti 9 .

    Il-kumpaniji Ewropej għandhom sehem sinifikanti mis-suq globali tat-tagħmir tal-enerġija mir-riħ li qed jespandi. Madankollu, dan is-sehem naqas minn 42 % fl-2020 għal 35 % fl-2022 10 . Fil-biċċa l-kbira, dan huwa minħabba l-varar b’mod rapidu tal-enerġija mir-riħ fiċ-Ċina li tibbaża primarjament fuq is-settur tal-manifattura domestiku dejjem jikber tagħha. Mill-akbar 10 kumpaniji tal-manifattura tat-turbini eoliċi fid-dinja (li jkopru aktar minn 80 % tad-domanda għat-turbini eoliċi fuq livell globali), erbgħa għandhom il-kwartieri ġenerali tagħhom fl-UE, filwaqt li erbgħa oħra jinsabu fiċ-Ċina.

    L-operaturi u l-iżviluppaturi tal-proġetti tal-enerġija mir-riħ Ewropej huma attivi wkoll fuq livell globali, iżda b’kuntrast mal-manifatturi tat-tagħmir tal-enerġija mir-riħ, huma rreġistraw profitti sinifikanti fl-2022 u fis-snin preċedenti. Madankollu, il-problemi tal-manifatturi tal-UE qegħdin dejjem aktar ikollhom piż fuq il-prestazzjoni tal-operaturi tal-enerġija mir-riħ tal-UE, u dan jirriżulta, pereżempju, f’dewmien jew f’abbandun ta’ proġetti. Barra minn hekk, il-manifatturi tal-UE kollha qed jiffaċċjaw dejjem aktar ostakli għall-aċċess fis-swieq barranin.

    L-industrija tal-enerġija mir-riħ qed tiffaċċja wkoll problema ta’ aċċess għall-materja prima, bħar-ram, il-minerali ta’ materjali tal-art rari, l-azzar, in-nikil, il-fiberglass jew is-siliċju. L-Ewropa hija dipendenti fuq pajjiżi terzi għall-provvista ta’ dawn il-materjali, li għalihom id-domanda tiżdied bl-iżvilupp tas-settur madwar id-dinja, u li għalihom il-prezzijiet huma soġġetti għal volatilità.

    3.L-IXPRUNATURI EWLENIN WARA D-DIFFIKULTAJIET TAL-INDUSTRIJA TAL-MANIFATTURA TAL-ENERĠIJA MIR-RIĦ TAL-UE

    Minkejja l-iżvilupp pożittiv ġenerali fil-passat, l-industrija tal-enerġija mir-riħ Ewropea bħalissa qed tiffaċċja problemi kbar. L-ixprunaturi wara d-diffikultajiet tal-manifatturi tat-tagħmir tal-enerġija mir-riħ tal-UE fl-operat tan-negozju tagħhom jistgħu jinqasmu f’ħames kategoriji ewlenin.

    L-ewwel nett, is-sottoutilizzazzjoni tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni xprunata minn domanda insuffiċjenti u inċerta għat-turbini eoliċi fl-UE. Bħalissa, il-manifatturi ma għandhomx stampa ġenerali adegwata tal-varar ippjanat tal-enerġija mir-riħ mill-Istati Membri, u dan iwassal għal diffikultajiet fl-ippjanar tal-produzzjoni u tal-investimenti. Barra minn hekk, it-trasport ta’ partijiet u ta’ komponenti tat-turbini eoliċi jirrikjedi ħruġ tal-permessi speċjali, li jvarja minn Stat Membru għall-ieħor u li jwassal għal dewmien fit-trasport tagħhom mis-sit tal-produzzjoni tagħhom lejn il-parks eoliċi ppjanati

    Is-sottoutilizzazzjoni hija kkawżata wkoll l-aktar minn ħruġ tal-permessi bil-mod u kumpless għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli. L-industrija tistma li 80 GW tal-kapaċità tal-enerġija mir-riħ għaddejja minn proċeduri ta’ ħruġ tal-permessi madwar l-UE kollha, jiġifieri ħames darbiet aktar mill-varar totali tal-enerġija mir-riħ is-sena l-oħra. Ħafna minn dik il-kapaċità ilha fil-proċess għall-ħruġ tal-permessi għal snin minħabba proċeduri ta’ ħruġ tal-permessi bil-mod u ineffiċjenti.

    It-tieni, l-aċċess għall-materja prima, l-inflazzjoni għolja u l-prezzijiet tal-komoditajiet 11 , flimkien ma’ ħħeġġjar limitat mill-manifatturi tat-tagħmir tal-enerġija mir-riħ kontra l-volatilità tal-prezzijiet tal-input, naqqru l-pożizzjoni finanzjarja tal-manifatturi. Dan ġie aggravat biż-żieda fir-rati tal-imgħax u d-diffikultajiet għall-aċċess għall-finanzjament.

    It-tielet, it-tfassil ta’ offerti nazzjonali għall-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli spiss la jippremja b’mod xieraq l-istandards ambjentali u soċjali għoljin tal-prodotti Ewropej, u lanqas ma jqis il-ħtieġa tar-reżiljenza tal-katina tal-provvista, peress li dawn l-offerti huma bbażati biss jew l-aktar fuq kriterji tal-prezz. Dan huwa l-każ għall-biċċa l-kbira tal-irkantijiet, għalkemm xi Stati Membri, eż. in-Netherlands jew Franza, bdew jintroduċu kriterji mhux relatati mal-prezz. Xi offerti għall-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta, bħal dawk organizzati abbażi ta’ “tfigħ ta’ offerti negattivi mingħajr limitu massimu”, iwasslu għal offerti għoljin ħafna mill-operaturi. Dan, flimkien ma’ każijiet fejn ma jkun hemm l-ebda penali suffiċjenti għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ proġetti, iżid ir-riskju għat-twettiq sħiħ u f’waqtu tal-proġetti. Barra minn hekk, hemm livell għoli ta’ eteroġeneità fid-disinn tal-irkantijiet madwar l-UE kollha. B’kollox, dan jikkomplika l-ippjanar tal-investiment mill-manifatturi, jaffettwa l-istabbiltà tal-linji tal-produzzjoni, u jnaqqas il-benefiċċji tal-ekonomiji ta’ skala 12 .

    Ir-raba’, kien hemm żieda fil-pressjoni mill-kompetituri internazzjonali fis-settur tal-manifattura tal-enerġija mir-riħ tal-UE. Pereżempju, il-bilanċ kummerċjali tal-UE maċ-Ċina fis-settur tal-enerġija mir-riħ kien negattiv b’defiċit rekord ta’ EUR 462 miljun fl-2022 13 . Iċ-Ċina hija fornitur importanti ta’ materja prima u komponenti għall-manifatturi tal-UE u għal dawk globali iżda qed issir ukoll kompetitur serju fis-swieq ta’ pajjiżi terzi, li huma importanti għall-kumpaniji Ewropej. Bis-saħħa tal-prezzijiet bħala medja 20 % inqas minn dawk tal-kontropartijiet Ewropej u tal-Istati Uniti tagħhom 14 , xi drabi, skont l-industrija, appoġġati minn pagamenti differiti attraenti, il-preżenza ta’ kumpaniji Ċiniżi barra mill-pajjiż kienet qed tiżdied b’mod kostanti. Filwaqt li l-kompetizzjoni tistimula l-innovazzjoni u t-titjib tal-prodott, kundizzjonijiet mhux ekwi jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv lill-manifatturi tat-tagħmir tal-enerġija mir-riħ tal-UE u jistgħu saħansitra jnaqqsu l-kompetittività tagħhom fis-suq tal-UE.

    Il-manifatturi Ċiniżi bbenefikaw ukoll minn mudelli ta’ negozju integrati vertikalment bi ktajjen ta’ provvista iqsar minħabba d-dominanza taċ-Ċina fil-produzzjoni tal-azzar u fil-materja prima, kif ukoll possibbilment minn kundizzjonijiet finanzjarji attraenti ħafna. Dan kollu jimmina b’mod serju l-kapaċità tal-kumpaniji tal-UE li jikkompetu f’kundizzjonijiet ekwi.

    U l-ħames, id-disponibbiltà ta’ ħaddiema b’livell għoli ta’ ħiliet fis-settur tal-manifattura tal-enerġija mir-riħ tista’ taffettwa l-veloċità taż-żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni Ewropea 15 . B’mod partikolari fl-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta, huwa diffiċli li jinstabu operaturi b’livell għoli ta’ bastimenti, ta’ krejnijiet jew ta’ liftijiet tqal. L-industrija se tirrikjedi aktar ħaddiema, inklużi inġiniera u ħaddiema tas-sengħa.

    Huwa stmat li l-manifattura Ewropea tista’ tkopri l-biċċa l-kbira tad-domanda kurrenti għat-turbini eoliċi fl-UE 16 . Iżda sabiex tinżamm il-kompetittività tagħhom f’suq li qed jikber xprunat mill-ambizzjonijiet tal-UE fejn tidħol l-enerġija mir-riħ fuq l-art u lil hinn mill-kosta, il-manifatturi Ewropej tal-enerġija mir-riħ ikollhom bżonn iżidu malajr il-kapaċitajiet tagħhom. Jekk dan ma jseħħx, il-konġestjonijiet fil-provvista dalwaqt jistgħu jimmaterjalizzaw ruħhom u dan iwassal jew għal varar aktar bil-mod jew għal żieda fl-importazzjonijiet biex jimtela l-vojt.

    4.L-AZZJONI MEĦUDA SA ISSA MILL-KUMMISSJONI

    Il-Kummissjoni diġà ressqet inizjattivi li jindirizzaw xi wħud mill-kwistjonijiet ewlenin li qed jiffaċċja s-settur tal-manifattura tal-enerġija mir-riħ tal-UE.

    Id-Direttiva riveduta dwar l-Enerġija Rinnovabbli (RED) 17 tistabbilixxi mira vinkolanti minima ta’ sehem ta’ 42,5 % ta’ sorsi rinnovabbli sal-2030 b’aspirazzjoni li tilħaq il-45 %. Din tistabbilixxi t-triq għal aċċellerazzjoni rapida tal-varar tal-enerġija rinnovabbli, filwaqt li tqis kunsiderazzjonijiet ta’ politika oħra bħall-użu multiplu tal-art. Dan se jirrikjedi applikazzjoni massiva fuq skala akbar tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli, li se tixpruna d-domanda, fost l-oħrajn, għal tagħmir tal-enerġija mir-riħ.

    Sabiex jitħaffef il-varar tal-enerġija rinnovabbli fuq perjodu ta’ żmien qasir, il-Kummissjoni ressqet Regolament ta’ emerġenza dwar il-ħruġ tal-permessi 18 li jissimplifika u jqassar il-proċeduri għall-ħruġ tal-permessi għall-enerġija rinnovabbli, inkluż ir-repowering kif ukoll il-grilji. Ir-Regolament ilu fis-seħħ minn tmiem l-2022 u se jiskadi sa nofs l-2024. Il-Kummissjoni ħadet ukoll passi biex tissimplifika l-proċeduri għall-ħruġ tal-permessi għat-trasport tal-komponenti tat-turbini eoliċi, li bħalissa jirrikjedu diversi awtorizzazzjonijiet biex jintużaw l-awtostradi anke fl-istess Stat Membru 19 .

    L-implimentazzjoni tar-Regolament varjat madwar l-Istati Membri kollha, iżda diġà qed tagħti l-ewwel riżultati. Pereżempju, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament, fil-Ġermanja, fl-2023 inħareġ volum rekord ta’ permessi ġodda u r-rata ta’ repowering żdiedet għal 34 %, l-akbar perċentwal f’9 snin. Ir-RED riveduta, meta implimentata, se tissimplifika u se tqassar il-proċeduri għall-ħruġ tal-permessi b’mod aktar komprensiv u strutturali. Kważi l-Istati Membri kollha qed jakkumpanjaw din ir-reviżjoni regolatorja b’riformi fil-ħruġ tal-permessi inklużi fil-Pjanijiet tagħhom għall-Irkupru u r-Reżiljenza, inkluż fil-kapitoli tar-REPowerEU li ġew adottati dan l-aħħar. Ir-Regolament dwar l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (TSI) 20 jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jirċievu, permezz ta’ proġetti awtonomi jew multinazzjonali, għarfien espert tekniku għall-aċċellerazzjoni tal-ħruġ tal-permessi għall-enerġija mir-riħ. Sitt Stati Membri diġà ħadu vantaġġ minn dan l-istrument għall-appoġġ fl-aċċellerazzjoni tal-ħruġ tal-permessi. Ir-reviżjoni adottata tar-Regolament dwar in-Networks Trans-Ewropej tal-Enerġija (TEN-E) 21 fiha wkoll is-simplifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-ħruġ tal-permessi għal proġetti infrastrutturali transfruntieri, bħall-interkonnetturi ibridi lil hinn mill-kosta. Il-qafas tat-TEN-E jgħin ukoll biex jimplimenta jew jagħti bidu għal proġetti transfruntieri ewlenin tal-infrastruttura tal-elettriku bl-appoġġ finanzjarju mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għall-Enerġija.

    Il-proposta ta’ riforma tad-Disinn tas-Suq tal-Elettriku (EMD) 22 għandha l-għan li tipprovdi sinjali ta’ investiment stabbli għall-investimenti fl-enerġija rinnovabbli billi tippromwovi l-ikkuntrattar fit-tul permezz ta’ kuntratti għal differenza (CfDs) u ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija (PPAs). Fl-istess ħin, il-proposta tistabbilixxi regoli biex tinħoloq sistema tal-enerġija aktar flessibbli li tista’ taċċellera l-integrazzjoni ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli varjabbli, bħar-riħ.

    Meta wieħed iħares speċifikament lejn is-settur tal-manifattura ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti, inkluż dak tal-enerġija mir-riħ, il-Kummissjoni appoġġat sostanzjalment ir-reżiljenza tagħha bil-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku u bil-proposti għal Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti (NZIA) u Att dwar il-Materja Prima Kritika (CRMA) 23 . Il-proposta għal NZIA, b’mod partikolari, tintroduċi kriterji ta’ sostenibbiltà u ta’ reżiljenza fl-akkwist pubbliku u fl-irkantijiet biex tappoġġa l-enerġija rinnovabbli. Barra minn hekk, se taċċellera l-ħruġ tal-permessi għall-istabbiliment ta’ faċilitajiet tal-manifattura, se ttejjeb it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid u se trawwem l-innovazzjoni u koordinazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri. Il-proposta għal CRMA għandha l-għan li ssaħħaħ il-katina tal-valur tal-materja prima kritika, li parti minnha tintuża mill-industrija tal-enerġija mir-riħ, filwaqt li tippromwovi l-ekonomija ċirkolari — approċċ essenzjali biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-materja prima — filwaqt li jiġu mminimizzati l-impatti ambjentali. 

    L-istrateġija riveduta dwar is-sigurtà marittima tal-UE 24 tindirizza t-theddidiet kontra l-infrastruttura marittima kritika, inklużi l-installazzjonijiet tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta, u ttejjeb is-sorveljanza, il-protezzjoni u r-reżiljenza tal-infrastruttura minn attakki konvenzjonali, ibridi u ċibernetiċi.

    Biex tappoġġa l-investimenti meħtieġa, il-Kummissjoni, minbarra l-possibbiltajiet ta’ appoġġ skont il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali introduċiet ukoll taqsima ġdida fil-Qafas Temporanju għall-Kriżijiet u t-Tranżizzjoni (TCTF) li sal-31 ta’ Diċembru 2025 tippermetti għajnuna għall-investiment fil-manifattura ta’ tagħmir strateġiku għat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, inklużi, fost l-oħrajn, it-turbini eoliċi u l-komponenti ewlenin tagħhom u l-materja prima kritika relatata  25 . Abbażi ta’ din it-taqsima l-ġdida, xi Stati Membri qed jistabbilixxu skemi ta’ appoġġ għall-espansjoni tal-manifattura tat-teknoloġija nadifa. Minn Marzu 2023, il-Kummissjoni approvat skemi stabbiliti minn diversi Stati Membri għal baġit totali ta’ madwar EUR 6,9 biljun u bħalissa qed tivvaluta oħrajn addizzjonali.

    Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jappoġġaw ukoll lis-settur tal-enerġija mir-riħ skont ir-Regolament Ġenerali ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija 26 , il-Qafas tar-RŻI 27 , il-Linji Gwida dwar il-Klima, il-Ħarsien tal-Ambjent u l-Enerġija 28 u l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali 29 .

    F’Ġunju 2023, il-Kummissjoni pproponiet il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (“STEP”) biex tappoġġa l-investiment f’teknoloġiji kritiċi u emerġenti rilevanti għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali 30 . STEP tippermetti li l-finanzjament tal-UE kemm eżistenti kif ukoll addizzjonali jiġi dirett taħt għadd ta’ programmi tal-UE lejn oqsma tat-teknoloġija li huma kruċjali għat-tmexxija tal-Ewropa, b’mod partikolari fil-manifattura tat-teknoloġija nadifa, u b’hekk tikkontribwixxi għal kundizzjonijiet ekwi għall-investimenti fis-suq uniku kollu.

    Il-programmi ta’ nfiq tal-UE joffru opportunitajiet ta’ appoġġ lill-industrija tal-enerġija mir-riħ. Il-Fond għall-Innovazzjoni, li jista’ jappoġġa l-applikazzjoni fuq skala akbar tal-proġetti ta’ manifattura innovattivi, mill-2020 għażel sitt proġetti tal-enerġija mir-riħ għall-appoġġ totali ta’ EUR 150 miljun. L-aħħar sejħa fuq skala kbira 31 kienet tinkludi tieqa speċifika għall-manifattura tat-teknoloġija nadifa u huma ppjanati aktar sejħiet. Għadd ta’ Stati Membri qed jagħmlu użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jappoġġaw l-akkumulazzjoni tal-kapaċità industrijali għat-teknoloġiji rinnovabbli

    L-RRPs eżistenti jipprevedu miżuri għall-varar sa 15,9-il GW ta’ kapaċità addizzjonali tal-enerġija mir-riħ u solari 32 , billi jallokaw sa EUR 5,6 biljun għal proġetti relatati mal-enerġija mir-riħ u solari. Il-miżuri li jiffukaw speċifikament fuq l-enerġija mir-riħ jinkludu l-kostruzzjoni ta’ parks eoliċi lil hinn mill-kosta jew fuq l-art u infrastruttura assoċjata bħall-gżejjer tal-enerġija jew l-infrastruttura terminali lil hinn mill-kosta.

    Barra minn hekk, l-investiment fil-manifattura u fil-varar jista’ jiġi appoġġat mill-programm InvestEU, li taħtu, sa issa ġew approvati aktar minn EUR 1,8 biljun ta’ selfiet mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) għal proġetti tal-enerġija mir-riħ. Il-programm ta’ riċerka Orizzont Ewropa pprovda madwar EUR 250 miljun għal suġġetti relatati mal-enerġija mir-riħ. Il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta jappoġġaw l-innovazzjoni, jibnu l-kapaċità industrijali, b’mod partikolari fl-SMEs, u l-varar fil-qasam tal-enerġija mir-riħ, abbażi ta’ programmi nazzjonali u reġjonali tal-Politika ta’ Koeżjoni. L-appoġġ tal-Politika ta’ Koeżjoni għall-varar waħdu huwa mistenni li jkun ta’ aktar minn EUR 580 miljun fil-perjodu 2021-2027, u li jilħaq total ta’ EUR 819-il miljun inklużi wkoll kontribuzzjonijiet nazzjonali.

    Il-Kummissjoni appoġġat ukoll il-ħolqien tas-Sħubija dwar il-Ħiliet fuq Skala Kbira. Din is-sħubija hija xprunata mill-partijiet ikkonċernati u għandha l-għan li tiġbor informazzjoni dwar il-ħtiġijiet b’rabta mal-ħiliet fis-settur tal-enerġija rinnovabbli, tikkontribwixxi għall-forniment ta’ ħiliet xierqa u tipprovdi gwida u rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet pubbliċi.

    Flimkien ma’ dan il-pjan ta’ azzjoni, il-Kummissjoni qed tadotta komunikazzjoni dwar it-twettiq tal-istrateġija tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta li tinkludi sett ta’ azzjonijiet speċifikament iddedikati għall-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta.

    5.PJAN TA’ AZZJONI DWAR L-ENERĠIJA MIR-RIĦ

    Madankollu, għandu jsir aktar biex jiġi appoġġat is-settur Ewropew tal-enerġija mir-riħ. Għalhekk, dan il-pjan ta’ azzjoni Ewropew dwar l-enerġija mir-riħ, li jibni fuq l-azzjonijiet li diġà ttieħdu mill-Kummissjoni, jinkludi azzjonijiet addizzjonali biex jiġu indirizzati l-isfidi identifikati. Dawn il-miżuri huma strutturati f’sitt pilastri ewlenin: (i) l-aċċellerazzjoni tal-varar permezz ta’ żieda fil-prevedibbiltà u l-ħruġ tal-permessi aktar mgħaġġel, (ii) id-disinn imtejjeb tal-irkantijiet, (iii) l-aċċess għall-finanzjament (iv) il-ħolqien ta’ ambjent internazzjonali ġust u kompetittiv, (v) il-ħiliet u (vi) l-involviment tal-industrija u l-impenji tal-Istati Membri.

    I.L-AĊĊELLERAZZJONI TAL-VARAR PERMEZZ TA’ PREVEDIBBILTÀ AKBAR U ĦRUĠ TAL-PERMESSI AKTAR MGĦAĠĠEL

    L-isfruttar tal-proġetti eżistenti fil-fażi ta’ awtorizzazzjoni u l-aċċellerazzjoni ta’ proġetti ġodda jirrikjedu proċessi għall-ħruġ tal-permessi aktar effiċjenti u trasparenti, persunal u taħriġ aħjar tal-awtoritajiet nazzjonali li joħorġu l-permessi u implimentazzjoni aktar mgħaġġla tal-qafas regolatorju l-ġdid dwar il-ħruġ tal-permessi. Biex tindirizza dawn l-ostakli, il-Kummissjoni se tiffoka fuq l-implimentazzjoni tad-diġitalizzazzjoni tal-proċessi għall-ħruġ tal-permessi fl-Istati Membri kollha tal-UE. Skambju aħjar bejn l-Istati Membri dwar il-prattiki eżistenti biex tinkiseb l-aċċettazzjoni tal-komunitajiet lokali se jġib ukoll valur addizzjonali għall-proċess.

    B’mod ġenerali, taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, l-Istati Membri pproponew miżuri biex jappoġġaw lill-awtoritajiet nazzjonali li joħorġu l-permessi b’ammont ugwali għal EUR 31 miljun. Dan huwa mistenni li jkompli jissaħħaħ permezz ta’ miżuri addizzjonali permezz tal-kapitoli tar-RepowerEU fil-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-Istati Membri.

    Barra minn hekk, minkejja d-dispożizzjonijiet legali speċifiċi fis-seħħ 33 , l-ippjanar dettaljat tal-irkantijiet għall-enerġija rinnovabbli jew ma huwiex affidabbli jew huwa nieqes f’ħafna Stati Membri. Il-Kummissjoni se taħdem aktar mill-qrib mal-Istati Membri biex tiżgura ppjanar trasparenti tal-irkantijiet għall-enerġija rinnovabbli u jekk dan ma jkunx biżżejjed, se tieħu azzjoni biex tiżgura implimentazzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet rilevanti fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli.

    Fl-aħħar nett, hemm nuqqas ta’ politiki li jiffaċilitaw il-varar tal-enerġija mir-riħ permezz ta’ ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija rinnovabbli. Perspettivi mhux ċari dwar il-volumi tal-varar fis-snin li ġejjin iġiegħlu lill-manifatturi tal-UE jżommu lura fejn tidħol l-espansjoni tal-produzzjoni u tal-kapaċitajiet. Ippjanar aktar komprensiv u granulari tal-irkantijiet se jagħti lill-industrija aktar fiduċja dwar l-opportunitajiet ta’ negozju fuq perjodu ta’ żmien qasir u medju.

    Azzjoni 1: il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jaħdmu flimkien sabiex jaċċelleraw il-ħruġ tal-permessi. “Accele-RES” – it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni minn qabel tar-RED riveduta. Reġim temporanju ta’ emerġenza

    Il-Kummissjoni se tniedi l-inizjattiva “Accele-RES” li tikkonsisti fost l-oħrajn mill-azzjonijiet speċifiċi li ġejjin:

    ·Il-Kummissjoni se tagħti prijorità lill-aċċellerazzjoni tal-ħruġ tal-permessi billi tagħmel enfasi qawwija fuq id-diġitalizzazzjoni tal-proċessi nazzjonali ta’ ħruġ tal-permessi madwar l-UE kif ukoll billi tappoġġa t-tnedija ta’ taħriġ għall-awtoritajiet nazzjonali li joħorġu l-permessi. Din l-azzjoni se tiġi appoġġata fi Stati Membri magħżula mill-kapitoli tar-RepowerEU tal-Pjanijiet tagħhom għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Il-Kummissjoni se tħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (TSI) 34 biex jappoġġaw ulterjorment l-implimentazzjoni mgħaġġla tad-dispożizzjonijiet dwar il-ħruġ tal-permessi fir-RED.

    ·Qabel tmiem is-sena, il-Kummissjoni se tniedi għodda online apposta biex tappoġġa lill-Istati Membri fil-proċessi għall-ħruġ tal-permessi. L-għodda se tipprovdi, fost affarijiet oħra, tweġibiet għal mistoqsijiet prattiċi frekwenti mill-Istati Membri relatati mal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet riveduti dwar il-ħruġ tal-permessi.

    ·Biex tappoġġa l-implimentazzjoni mgħaġġla tar-regoli dwar il-ħruġ tal-permessi, il-Kummissjoni se tħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jistabbilixxu pjanijiet ta’ implimentazzjoni dettaljati għar-RED riveduta.

    ·Sa April 2024, il-Kummissjoni se taġġorna r-Rakkomandazzjoni dwar it-tħaffif tal-proċeduri għall-ħruġ tal-permessi għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli 35 u l-Gwida dwar prattiki tajbin biex tħaffef il-proċeduri għall-ħruġ tal-permessi għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli u dwar l-iffaċilitar tal-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija 36 li jakkumpanjawha, bi gwida ulterjuri dwar suġġetti bħar-repowering, is-simplifikazzjoni tal-proċeduri ambjentali jew il-ħruġ tal-permessi għall-grilji, kif meħtieġ. Il-Kummissjoni se toħroġ ukoll gwida lill-Istati Membri dwar id-deżinjazzjoni taż-żoni ta’ aċċellerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli 37 .

    ·Il-Kummissjoni se taġġorna l-grupp informali ta’ esperti dwar il-ħruġ tal-permessi għal forum apposta biex jiġu skambjati regolarment l-aħjar prattiki u jiġu identifikati l-ostakli li fadal, inklużi l-ostakli regolatorji, li jirrikjedu azzjoni ulterjuri fil-livell tal-UE. Fora oħra ta’ kooperazzjoni mal-Istati Membri, bħall-Azzjoni Miftiehma dwar ir-RED (CA-RES) u t-Task Force għall-Infurzar tas-Suq Uniku (SMET) se jiġu mmobilizzati biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida 38 .

    Il-Kummissjoni bħalissa qed twettaq rieżami tar-Regolament ta’ Emerġenza dwar il-ħruġ tal-permessi fil-kuntest tal-valutazzjoni li għaddejja dwar il-ħtieġa li tiġi estiża l-validità tar-regolamenti ta’ emerġenza. Ir-Regolament diġà qed jaċċellera l-proċeduri għall-ħruġ tal-permessi fl-Istati Membri, qabel ma d-dispożizzjonijiet tar-RED riveduta jiġu trasposti b’mod effettiv (l-Istati Membri huma obbligati jittrasponu xi wħud minn dawn id-dispożizzjonijiet sal-1 ta’ Lulju 2024). Aħna nqisu li s-suq tal-enerġija stabbilizza ruħu meta mqabbel mal-2022, iżda l-UE għadha qed tiffaċċja l-konsegwenzi tal-kriżi tal-enerġija. Filwaqt li t-tħejjija u s-sigurtà tal-arkitettura tal-provvista tagħna ssaħħew, għad hemm riskji, bħal tfixkil għall-importazzjonijiet tal-enerġija tagħna. Il-prezzijiet tal-elettriku huma f’livell għoli u għadhom volatili. Il-ħtieġa li jitħaffef il-varar tal-enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari l-enerġija mir-riħ, madwar l-UE kollha hija akbar minn qatt qabel peress li tgħin biex jiġu indirizzati r-riskji għas-sigurtà tal-provvista, jiġu sostitwiti l-fjuwils fossili mit-taħlita tal-enerġija u jintlaħqu l-miri ambizzjużi tagħna għall-2030.

    Sa Novembru, il-Kummissjoni se tippreżenta r-rapport dwar is-sejbiet ewlenin ta’ dan ir-rieżami u se tikkunsidra li tipproponi estensjoni ta’ reġim temporanju ta’ emerġenza. Tali reġim temporanju, iġib benefiċċji konkreti għall-enerġija rinnovabbli u jibgħat sinjal qawwi lill-industrija u lill-Istati Membri dwar il-ħtieġa li jitħaffef b’mod urġenti l-varar ta’ sorsi tal-enerġija mir-riħ u sorsi oħra tal-enerġija rinnovabbli. Sabiex jiġi żgurat li jiġu ppreżervati mingħajr xkiel b’mod strutturali l-kundizzjonijiet favorevoli maħluqa mir-Regolament ta’ Emerġenza, l-Istati Membri huma mħeġġa jantiċipaw it-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-RED riveduta.

    Azzjoni 2: l-Istati Membri se jżidu l-viżibbiltà tas-sensiela ta’ proġetti tal-enerġija mir-riħ permezz ta’ wegħdiet relatati mal-enerġija mir-riħ, il-pubblikazzjoni ta’ skedi ta’ rkant ta’ nofs it-terminu, pjanijiet fit-tul għall-varar tal-enerġija rinnovabbli

    Skont ir-RED, l-Istati Membri diġà għandhom obbligu li jippubblikaw skeda fit-tul dwar l-allokazzjoni mistennija ta’ appoġġ għall-enerġija rinnovabbli li tkopri mill-inqas il-5 snin ta’ wara u li jintroduċu miżuri biex jiżguraw li l-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija jikkontribwixxu wkoll għall-varar meħtieġ tal-enerġija rinnovabbli 39 . F’kooperazzjoni mal-Istati Membri, il-Kummissjoni se tiżgura l-viżibbiltà u l-prevedibbiltà tal-pjanijiet nazzjonali għall-varar tal-enerġija rinnovabbli, billi tiżgura l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-RED u billi tuża għodod diġitali trasparenti. Dan jgħin lill-industrija tippjana aħjar l-investimenti tagħha fil-kapaċità tal-manifattura, iżżid il-bankabbiltà tagħhom u ssaħħaħ l-argument għall-vijabbiltà tagħhom. Xi Stati Membri, bħad-Danimarka jew il-Polonja, diġà qed jaħdmu fuq programmi konkreti ta’ sejħiet għall-offerti għal investimenti kbar lil hinn mill-kosta.

    Għal dan il-għan:

    ·Il-Kummissjoni se tistabbilixxi pjattaforma diġitali interattiva tal-UE li fuqha se jiġi ppubblikat l-ippjanar tal-irkantijiet tal-Istati Membri. Dan se jiżgura viżibbiltà akbar tal-irkantijiet li ġejjin u l-volumi mistennija tal-varar u jippermetti lill-kumpaniji jkollhom punt uniku ta’ informazzjoni għall-irkantijiet kollha ppjanati fl-UE.

    ·Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom għal wegħdiet speċifiċi u konkreti dwar il-volumi tal-varar tal-enerġija mir-riħ għal mill-inqas il-perjodu 2024-2026, u jipprovdu ħarsa ġenerali ċara u kredibbli tal-varar tal-enerġija mir-riħ fis-snin li ġejjin, li għandha tiġi formalizzata sal-aħħar tal-2023. Dawn il-wegħdiet għandhom jikkomplementaw l-impenji ambizzjużi dwar l-enerġija lil hinn mill-kosta li jammontaw għal 111-il GW fil-baċiri tal-baħar kollha tal-UE sal-2030.

    ·Il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Istati Membri, mal-promoturi tal-proġetti u mal-operaturi tal-grilja fil-kuntest tal-gruppi reġjonali ta’ livell għoli 40 biex jiġu identifikati proġetti konkreti lesti għall-użu għall-enerġija mir-riħ u għal sorsi oħra ta’ enerġija rinnovabbli, inklużi proġetti transfruntieri, u biex tappoġġa l-implimentazzjoni mgħaġġla tagħhom. Eżempju tajjeb huwa l-Kooperazzjoni tal-Enerġija fl-Ibħra tat-Tramuntana (NSEC), li adottat dikjarazzjoni konġunta 41 li tistabbilixxi miri aggregati ġodda ambizzjużi biex jintlaħqu mill-inqas 260 GW ta’ enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta sal-2050, b’miri intermedji ta’ mill-inqas 76 GW sal-2030 u 193 GW sal-2040. Il-Kummissjoni se tuża wkoll fora ta’ kooperazzjoni reġjonali biex tikkoordina l-ippjanar għall-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta u proġetti rinnovabbli oħra b’impatti reġjonali kif spjegat ukoll fil-Komunikazzjoni dwar l-Enerġija lil Hinn mill-Kosta.

    ·F’Diċembru 2023, wara l-valutazzjoni tal-abbozz tal-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima (NECPs), il-Kummissjoni se toħroġ rakkomandazzjonijiet relatati mal-ħruġ tal-permessi u mal-ippjanar fit-tul tal-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli. Fl-NECPs aġġornati tagħhom, li jmorru lil hinn mill-obbligi legali kurrenti, l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw pjanijiet komprensivi ta’ 10 snin għall-varar tal-enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari l-enerġija mir-riħ, b’perspettiva sal-2040. Il-pjanijiet għandhom jinkludu l-kapaċitajiet installati mmirati u/jew il-volumi jew il-produzzjoni, il-profil tal-proġetti, id-distribuzzjoni spazjali u l-aspetti ta’ integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija. Dan se jagħti viżibbiltà lill-industrija tal-manifattura kif ukoll lill-operaturi tal-grilja biex jiżviluppaw fil-ħin il-grilji meħtieġa biex jintegraw l-enerġija rinnovabbli (permezz ta’ pjanijiet għall-iżvilupp tan-network).

    Azzjoni 3: il-Kummissjoni se tadotta pjan ta’ azzjoni biex tiffaċilita l-bini tal-grilji

    Wara l-konferenza dwar il-Grilji tal-Elettriku ta’ Livell Għoli f’Settembru 2023, il-Kummissjoni f’Novembru 2023 se tadotta pjan ta’ azzjoni għall-grilji, inklużi kemm il-livelli ta’ trażmissjoni kif ukoll ta’ distribuzzjoni. Filwaqt li jibni fuq il-qafas għan-networks trans-Ewropej tal-enerġija (TEN-E), il-pjan ta’ azzjoni se jgħin b’mod partikolari biex jaċċellera l-proġetti transfruntieri ewlenin tal-infrastruttura tal-elettriku li għandhom jiġu inklużi fl-ewwel lista ta’ proġetti ta’ interess komuni u proġetti ta’ interess reċiproku wara l-adozzjoni tar-Regolament rivedut dwar in-Networks tal-Enerġija Trans-Ewropej. Dawn il-proġetti se jkunu kruċjali għall-integrazzjoni ta’ volumi dejjem akbar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u għall-avvanzar tal-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija.

    Il-pjan ta’ azzjoni se jinkludi miżuri biex jiġu indirizzati l-konġestjonijiet li jfixklu t-tisħiħ u l-espansjoni tal-grilja, inkluż il-kondiviżjoni transfruntiera tal-kostijiet, u l-manifattura, li huma kruċjali biex jgħinu sabiex jiġi żblukkat għadd akbar ta’ proġetti tal-enerġija mir-riħ fuq l-art u lil hinn mill-kosta, iwasslu għal investiment fi proġetti tal-enerġija mir-riħ fl-Istati Membri kostali u infrastruttura tat-trasport lejn reġjuni mingħajr kosta fl-Ewropa u b’dan il-mod joħolqu domanda addizzjonali għat-tagħmir tal-enerġija mir-riħ. Il-pjan ta’ azzjoni dwar il-grilji se jiffaċilita wkoll l-investimenti antiċipatorji biex jiġi żgurat l-iżvilupp meħtieġ tal-grilja. Dan se jkollu l-għan kemm li jaċċellera l-varar ta’ infrastruttura ġdida billi jindirizza l-konġestjonijiet tal-ħruġ tal-permessi, kif ukoll li jiżgura użu aħjar tal-grilja eżistenti, pereżempju billi jżid il-viżibbiltà tal-kapaċitajiet eżistenti.

    II.ID-DISINN IMTEJJEB TAL-IRKANTIJIET

    Il-mod kif l-Istati Membri jiddisinjaw l-irkantijiet tagħhom biex jappoġġaw l-enerġija rinnovabbli jħalli impatt fuq il-varar tal-enerġija rinnovabbli u s-sinjali ta’ investiment mibgħuta tul il-katina tal-valur. Kriterji oġġettivi mfassla tajjeb, trasparenti, mhux diskriminatorji ta’ prekwalifikazzjoni u aġġudikazzjoni mhux relatati mal-prezz li jippremjaw prodotti b’valur miżjud ogħla u li jippromwovu l-espansjoni industrijali jistgħu jappoġġaw aħjar industrija innovattiva u kompetittiva tal-manifattura tal-enerġija mir-riħ. Kriterji bħall-ħajja itwal tal-installazzjonijiet, il-kontenut ta’ karbonju jew il-miżuri tal-ekonomija ċirkolari jnaqqsu l-impronta ambjentali tal-parks eoliċi, u jgħinu biex titnaqqas id-dipendenza tagħna fuq il-materja prima kritika. L-indirizzar tar-riskju ta’ dewmien jew nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-proġetti jipprovdi prevedibbiltà u ċertezza akbar lill-kumpaniji u lill-investituri. B’mod aktar ġenerali, armonizzazzjoni ulterjuri tal-prinċipji tad-disinn tal-irkantijiet tal-Istati Membri tnaqqas il-kostijiet tat-tranżazzjonijiet u tista’ tagħmel ħafna biex tiżgura li l-irkantijiet ikunu adegwati għall-iskop tagħhom, filwaqt li jitħalla biżżejjed lok għall-flessibbiltà u għall-innovazzjoni fil-livell tal-Istati Membri. L-użu ta’ dawn l-elementi fid-disinn tal-irkantijiet għandu jqis l-impatt baġitarju għall-Istati Membri u l-ħtieġa ta’ sempliċità.

    Azzjoni 4: l-Istati Membri se jinkludu fl-irkantijiet tagħhom kriterji u miżuri kwalitattivi trasparenti u mhux diskriminatorji biex jimmassimizzaw ir-rata ta’ eżekuzzjoni tal-proġetti, appoġġati mir-rakkomandazzjoni u mill-gwida tal-Kummissjoni

    Immedjatament wara l-adozzjoni tal-pjan ta’ azzjoni, il-Kummissjoni se tniedi djalogu mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati biex ittejjeb, tissimplifika u tipprovdi konsistenza fid-disinn tal-irkantijiet tal-enerġija rinnovabbli sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet li jirriżultaw f’dewmien jew f’abbandun ta’ proġett. Din l-inċertezza tagħmel ħsara lill-atturi Ewropej tas-suq tal-enerġija mir-riħ u lill-Istati Membri u timmina l-ilħuq tal-mira tal-UE għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Id-djalogu se jwassal għall-adozzjoni mill-aktar fis possibbli ta’ rakkomandazzjoni u gwida tal-Kummissjoni li għandhom l-għan li jipprovdu elementi standard issuġġeriti għall-irkantijiet, f’komplementarjetà sħiħa man-NZIA, kif ukoll li jagħmlu d-disinn tal-irkantijiet aktar uniformi u effiċjenti. Fit-tul, il-Kummissjoni tkun lesta li tiżgura disinn tal-irkantijiet aktar uniformi billi tagħmel dawn id-dispożizzjonijiet legalment vinkolanti permezz ta’ Att ta’ Implimentazzjoni fin-NZIA.

    Din l-azzjoni se tinkludi:

    ·il-proposta ta’ sett ta’ kriterji ta’ prekwalifikazzjoni mhux diskriminatorji, oġġettivi u trasparenti relatati maċ-ċibersigurtà (konformità mal-NIS 1 u mal-NIS2) u t-trasferiment internazzjonali tad-data, f’konformità mad-dritt tal-UE u mal-obbligi internazzjonali, kif ukoll ma’ kriterji oħra bħas-sostenibbiltà / il-protezzjoni tal-ambjent / tal-baċiri tal-baħar, u l-kapaċità ta’ twassil;

    ·it-tisħiħ taċ-ċarezza tal-kriterji għall-aġġudikazzjoni mhux relatati mal-prezz li huma kritiċi biex jiġu ppremjati s-sostenibbiltà, l-innovazzjoni, l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija, il-prodotti ta’ kwalità għolja, u l-kontribut għal katina tal-provvista reżiljenti;

    ·l-esplorazzjoni tal-iżvilupp ta’ kodiċi Ewropew ta’ kondotta kummerċjali li jippromwovi, fost affarijiet oħra, it-trasparenza tal-katina tal-provvista u jista’ jiġi rrakkomandat għal irkantijiet futuri tal-enerġija mir-riħ;

    ·it-tisħiħ tar-reżiljenza ċibernetika tal-installazzjonijiet tal-enerġija mir-riħ u tal-infrastruttura li huma mqabbda magħha;

    ·l-iżgurar tal-eżekuzzjoni sħiħa u f’waqtha tal-proġetti permezz ta’ inċentivi xierqa. Dan għandu jinkludi klawżoli ta’ penali għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ proġetti u indiċjar tal-prezzijiet biex jgħinu lill-industrija tlaħħaq aħjar maż-żidiet fil-kostijiet minħabba l-inflazzjoni;

    ·il-valutazzjoni tal-konsegwenzi ta’ tfigħ ta’ offerti negattivi u l-esplorazzjoni ta’ soluzzjonijiet biex jiġi evitat impatt negattiv fuq il-veloċità u l-iskala tal-varar u fuq il-katina tal-valur.

    ·Fil-ġbir tal-wegħdiet tal-Istati Membri għall-volumi tal-varar tal-enerġija mir-riħ bejn l-2024-2026 u lil hinn, il-Kummissjoni se titlob lill-Istati Membri jekk ikunx beħsiebhom jużaw tfigħ ta’ offerti negattivi, b’mod speċjali tfigħ ta’ offerti negattivi mingħajr limitu massimu li jistgħu jwasslu għal offerti għoljin ħafna għal proġetti tal-enerġija mir-riħ u jżidu r-riskju għat-twettiq sħiħ u f’waqtu ta’ tali proġetti. Meta jkun rilevanti, il-Kummissjoni se tniedi djalogu mal-Istati Membri dwar jekk tali struttura ta’ tfigħ ta’ offerti tistax tiġi evitata; u

    ·l-indirizzar tal-limiti massimi tal-offerti li jwasslu għal sottosottoskrizzjoni fl-irkantijiet.

    L-Azzjoni 4 għandha l-għan li ġġib titjib rapidu u tanġibbli u aktar armonizzazzjoni fid-disinn tal-irkantijiet tal-enerġija rinnovabbli. Xi wħud mill-kwistjonijiet li beħsiebha tindirizza huma indirizzati b’mod strutturali fil-proposti għad-Disinn tas-Suq tal-Elettriku (EMD) u l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti (NZIA). B’dan il-ħsieb, il-Kummissjoni tistieden lill-koleġiżlaturi jaslu malajr għal ftehim dwar l-EMD (sa tmiem l-2023) u l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti (sa Marzu 2024).

    Il-Kummissjoni se tappoġġa lill-koleġiżlaturi fl-introduzzjoni tad-dispożizzjonijiet tan-NZIA relatati ma’ kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji ta’ prekwalifikazzjoni għall-irkantijiet u t-tisħiħ tal-użu tal-kriterji għall-aġġudikazzjoni mhux relatati mal-prezzijiet, inklużi b’mod partikolari l-kunsiderazzjonijiet relatati mal-kondotta kummerċjali, iċ-ċibersigurtà u s-sigurtà tad-data kif ukoll il-kapaċità li l-proġett jitwettaq b’mod sħiħ u fil-ħin.

    Barra minn hekk, jekk jiġi deċiż hekk mill-koleġiżlaturi, il-Kummissjoni tinsab lesta li tipproponi malajr att ta’ implimentazzjoni lin-NZIA biex tinkorpora l-aħjar prattika dwar id-disinn tal-irkantijiet għall-enerġija rinnovabbli fil-leġiżlazzjoni Ewropea, u tkompli tissimplifika d-disinn tal-irkantijiet.

    Id-dispożizzjonijiet tal-EMD dwar l-użu ta’ kuntratti għal differenza u ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija jistgħu, meta jiġu adottati, jappoġġaw l-istabbiltà tad-dħul fl-industrija tal-enerġija mir-riħ.

    Azzjoni 5: l-indirizzar tar-riskji għaċ-ċibersigurtà u l-indirizzar tal-aspetti tal-protezzjoni tad-data 

    Il-Kummissjoni se tidentifika r-riskji għaċ-ċibersigurtà rilevanti għall-installazzjonijiet tal-enerġija mir-riħ u għall-infrastruttura relatata, inklużi aspetti tal-protezzjoni tad-data, bil-ħsieb li tivvaluta jekk dawn jistgħux jiġu sfruttati biex jagħmlu ħsara lis-sigurtà ekonomika jew lis-sigurtà tal-provvista tal-elettriku fl-UE. L-identifikazzjoni u l-valutazzjoni se jitwettqu fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni tar-riskju mmexxi bħalissa mill-Kummissjoni mar-Rappreżentant Għoli u mal-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS, kif imsemmi fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2022 dwar approċċ ikkoordinat mal-Unjoni kollha biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-infrastruttura kritika 42 . Għal din l-analiżi speċifika, u biex tikkontribwixxi għall-evalwazzjoni usa’ tar-riskju, il-Kummissjoni se tuża wkoll gruppi ta’ esperti bħall-Grupp ta’ Esperti dwar l-Enerġija Intelliġenti li għadu kif ġie stabbilit u l-grupp ta’ ħidma tiegħu dwar iċ-ċibersigurtà, b’rappreżentanti mill-industrija, inklużi l-bejjiegħa u l-impriżi tal-elettriku. Il-ħidma fuq il-valutazzjoni tar-riskju tista’ tibbaża fuq l-esperjenza bil-5G u tikkomplementa l-infrastruttura tas-sigurtà eżistenti u b’mod partikolari l-Kodiċi tan-Network dwar iċ-ċibersigurtà tal-flussi tal-elettriku transfruntieri ppjanat għall-adozzjoni fl-ewwel trimestru tal-2024. Ir-riżultati jistgħu jappoġġaw il-proċessi tal-akkwist u tad-disinn tal-irkantijiet, it-tfassil tal-politika ulterjuri kif ukoll l-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin.

    L-analiżi tar-riskji għaċ-ċibersigurtà se tkun wiesgħa fl-ambitu u se tinkludi wkoll l-installazzjonijiet.

    Azzjoni 6: il-Kummissjoni se żżid l-użu tal-akkwist strateġiku fil-kuntest tal-Global Gateway 

    F’Diċembru 2021, il-Kummissjoni nediet l-istrateġija Global Gateway li permezz tagħha l-UE tinvesti, f’approċċ ta’ “Tim Ewropa”, fi proġetti ta’ enerġija nadifa u ta’ infrastruttura madwar id-dinja, inkluż għall-enerġija mir-riħ. Il-Kummissjoni se tipproponi li żżid l-użu tal-akkwist strateġiku fil-kuntest tal-Global Gateway. Dan se jiżgura li l-proġetti jilħqu standards ambjentali, soċjali u ta’ governanza għoljin u se jippermetti lill-kuntratturi u lill-produtturi li jissodisfaw dawn l-istandards isibu argument għall-vijabbiltà, filwaqt li jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli fi swieq emerġenti u f’ekonomiji li qed jiżviluppaw. Għal proġetti li jinvolvu l-varar ta’ teknoloġiji strateġiċi b’emissjonijiet żero netti bħat-teknoloġiji rinnovabbli mir-riħ, kriterji bħal dawk inklużi fin-NZIA, ladarba jiġu adottati, se jservu bħala referenza għad-djalogu mas-sħab internazzjonali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se teżamina l-applikazzjoni possibbli ta’ rekwiżiti simili għall-akkwist minn promoturi privati fi proġetti tal-Global Gateway.

    III.L-AĊĊESS GĦALL-FINANZI

    L-ambjent inflazzjonarju biż-żidiet fil-prezzijiet tal-materja prima, iż-żieda fir-rata tal-imgħax u l-ħtieġa frekwenti li jiġu pprovduti garanziji bil-quddiem sabiex jiġu żgurati l-kuntratti ddeterjoraw l-aċċess tas-settur tal-enerġija mir-riħ għall-finanzjament, kemm għall-manifattura kif ukoll għall-varar. Madankollu, sabiex jintlaħqu l-miri tan-NZIA, l-industrija tal-enerġija mir-riħ teħtieġ madwar EUR 6 biljun ta’ investimenti fil-kapaċità tal-manifattura. Fl-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU) u l-qafas tal-UE għal finanzjament sostenibbli, il-Kummissjoni ħadmet biex twassal regoli tas-suq kapitali li jkunu attraenti għall-investiment minn investituri fit-tul, kif ukoll miżuri biex timmobilizza l-finanzjament privat lejn attivitajiet u opportunitajiet ambjentalment sostenibbli tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-Kummissjoni tirrealizza bis-sħiħ li l-investiment privat se jkun kruċjali biex jintlaħqu l-ambizzjonijiet ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni u se tieħu azzjoni f’dan il-qasam, flimkien mal-mobilizzazzjoni tal-UE u ta’ sorsi oħra ta’ investiment pubbliku.

    Azzjoni 7: il-Kummissjoni se tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament tal-UE

    Il-Kummissjoni se tespandi l-possibbiltà ta’ appoġġ għall-manifattura tal-enerġija mir-riħ taħt il-Fond għall-Innovazzjoni, jiġifieri billi tirdoppja l-baġit għall-finanzjament ta’ proġetti ta’ manifattura ta’ teknoloġija nadifa għal EUR 1,4 biljun, inklużi proġetti għall-manifattura ta’ turbini eoliċi u l-komponenti tagħhom, fis-sejħa għall-proposti li jmiss fit-23 ta’ Novembru 2023.

    Il-Fond għall-Innovazzjoni għandu total ta’ EUR 40 biljun għall-perjodu 2020-2030 43 . Fil-baġit ġenerali tal-Fond għall-Innovazzjoni din is-sena, ta’ EUR 4 biljun, flimkien mas-suġġett iddedikat tal-manifattura tat-teknoloġija nadifa, il-produzzjoni innovattiva tal-enerġija mir-riħ u l-proġetti pilota se jkunu eliġibbli wkoll taħt is-suġġetti l-oħra fis-sejħa għal proposti li ġejja fit-23 ta’ Novembru 2023. Bl-istess mertu, taħt din is-sejħa, se tingħata prijorità lill-proġetti tal-enerġija mir-riħ.

    Sabiex jiġu appoġġati l-iżviluppaturi tal-proġetti u sabiex jiġi żgurat li tkun qed tinbena sensiela solida ta’ proġetti innovattivi, il-proġetti tal-enerġija mir-riħ għandhom ukoll jingħataw ukoll prijorità għall-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti tal-Fond għall-Innovazzjoni ta’ EUR 90 miljun li se tiġi pprovduta f’kooperazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment matul it-3 snin li ġejjin. Appoġġ konsultattiv imfassal apposta huwa disponibbli wkoll miċ-Ċentru ta’ Konsulenza InvestEU. Barra minn hekk, il-kombinazzjoni ta’ finanzjament mill-Fond għall-Innovazzjoni u l-finanzjament mogħti mill-BEI u minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra u banek u istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali, inkluż fl-ambitu tal-programm InvestEU, tista’ tappoġġa wkoll lil proġetti aġġudikati biex jgħinu sabiex tintlaħaq deċiżjoni finali dwar l-investiment.

    Sa tmiem din is-sena, il-Kummissjoni se ssaħħaħ ukoll l-attivitajiet relatati mar-riħ skont il-Pjan Strateġiku rivedut għat-Teknoloġija tal-Enerġija (Pjan SET 44 ), flimkien ma’ appoġġ akbar għar-riċerka u għall-innovazzjoni fis-settur tal-manifattura tal-enerġija mir-riħ, sabiex it-teknoloġiji Ewropej rilevanti jżommu l-vantaġġ kompetittiv tagħhom, b’mod partikolari dwar kwistjonijiet marbuta maċ-ċirkolarità u mas-sostenibbiltà, filwaqt li jittejbu l-proċessi industrijali u d-diġitalizzazzjoni.

    STEP se tiftaħ ukoll opportunitajiet ġodda għall-appoġġ tal-investiment li għandu l-għan li jżid il-manifattura tal-UE ta’ teknoloġiji nodfa, inkluża l-enerġija mir-riħ, li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju partikolari għat-tranżizzjoni u għar-reġjuni inqas żviluppati kif ukoll għar-reġjuni żviluppati fl-Istati Membri b’PDG per capita taħt il-medja tal-UE. Dawn ir-reġjuni se jibbenefikaw minn inċentivi finanzjarji u minn flessibbiltà akbar fl-użu tal-allokazzjonijiet tal-Fond ta’ Koeżjoni, tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta biex jiġi offrut appoġġ għal investimenti produttivi f’kumpaniji kbar għal investimenti fis-setturi strateġiċi li jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ STEP.

    Azzjoni 8: il-BEI se jipprovdi għodod u garanziji għat-tneħħija tar-riskji għall-kumpaniji tal-enerġija mir-riħ tal-UE

    F’Lulju 2023, il-Bank Ewropew tal-Investiment approva t-tieni pakkett tiegħu ta’ REPowerEU. Il-Bank ħabbar l-ambizzjoni tiegħu li kważi jirdoppja s-self mogħti tiegħu biex jikkontribwixxi għall-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku u għan-NZIA, sabiex jimmobilizza madwar EUR 150 biljun b’mod kumulattiv f’5 snin. Dan il-pjan se jkun parzjalment sostnut mill-mekkaniżmu ta’ garanzija tal-InvestEU. Il-manifatturi Ewropej ta’ teknoloġiji strateġiċi b’emissjonijiet żero netti, ta’ komponenti upstream assoċjati u ta’ materja prima strateġika se jkunu wieħed mill-oqsma ta’ prijorità/ta’ azzjoni ta’ dan l-isforz. Dan se jinkludi l-kapaċità tal-manifattura tal-UE fl-industrija tal-enerġija mir-riħ fuq l-art u lil hinn mill-kosta.

    Il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment qed jaħdmu b’mod konġunt u b’urġenza kbira fuq strument apposta biex jikkontrogarantixxi l-iskoperturi ta’ kreditu tal-banek kummerċjali lil fornituri ewlenin tal-industrija tal-enerġija mir-riħ, u b’hekk jiżdied l-aċċess għal-linji ta’ pagament antiċipat u ta’ garanzija tal-eżekuzzjoni. L-objettiv komuni tal-Kummissjoni u tal-BEI huwa li jniedu l-faċilità l-ġdida fit-3 sa 6 xhur li ġejjin. Dan se jtaffi l-pressjoni finanzjarja li tirriżulta minn ktieb tal-ordnijiet li qed jikber, aggravata mill-isfidi makroekonomiċi, inklużi ż-żieda fl-inflazzjoni, ir-rati tal-imgħax kif ukoll tfixkil sinifikanti fil-katina tal-provvista.

    Il-Kummissjoni pproponiet ukoll bħala parti minn STEP li l-garanzija tal-UE tiżdied b’EUR 7,5 biljun permezz ta’ tieqa ddedikata ta’ InvestEU, li żżid il-kapaċità tal-Grupp tal-BEI u ta’ sħab ta’ implimentazzjoni oħra biex jappoġġaw l-investiment fl-iżvilupp u fil-manifattura tat-teknoloġiji nodfa u ta’ teknoloġiji oħra, inkluż għas-settur tal-enerġija mir-riħ.

    Il-ħidma fuq it-tisħiħ tal-koordinazzjoni bejn l-għodod finanzjarji esterni —bl-aġenziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni tal-Istati Membri jaħdmu flimkien mal-fornituri ta’ finanzjament għall-iżvilupp, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Global Gateway — se tappoġġa, fost l-oħrajn, il-proġetti tal-enerġija rinnovabbli, inkluż dawk tal-enerġija mir-riħ.

    Azzjoni 9: l-Istati Membri se jagħmlu użu sħiħ mill-flessibbiltà pprovduta skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-katina tal-valur tal-enerġija mir-riħ tal-UE

    L-Istati Membri għandhom jużaw bis-sħiħ l-opportunitajiet ipprovduti mir-regoli tat-TCTF b’appoġġ għall-manifattura tal-enerġija mir-riħ fl-UE. Fir-rigward ta’ ċerti taqsimiet relatati mal-kriżi tat-TCTF li se jiskadu sal-aħħar tas-sena, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Istati Membri u dalwaqt se tieħu deċiżjoni dwar l-estensjoni possibbli tagħhom, filwaqt li se tqis il-ħtieġa li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fl-UE. Taqsimiet oħra maħsuba biex jappoġġaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima li tippermetti lill-Istati Membri jaċċelleraw l-introduzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, inkluża l-enerġija mir-riħ, u jappoġġaw investimenti strateġiċi għall-manifattura ta’ tagħmir meħtieġ għat-tranżizzjoni b’emissjonijiet żero netti, inklużi t-turbini eoliċi, il-komponenti ewlenin tagħhom u l-materja prima kritika relatata, huma disponibbli sa tmiem l-2025.

    Azzjoni 10: il-Kummissjoni se ssaħħaħ id-djalogu mal-investituri biex trawwem l-attraenza tal-investimenti fis-settur tal-enerġija mir-riħ tal-UE

    Il-Kummissjoni qed taħdem b’mod attiv mal-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari mal-investituri ta’ kapital fit-tul fil-kuntest tad-Djalogu mal-Investituri, dwar soluzzjonijiet biex l-industrija tal-enerġija mir-riħ tal-UE ssir aktar kompetittiva biex tattira l-investiment fuq livell globali. Dan se jgħin biex titnaqqas il-ħtieġa ta’ appoġġ pubbliku. L-enfasi hija fuq l-opportunitajiet u l-vulnerabbiltajiet fis-settur — operazzjonali, finanzjarji u kompetittivi — u fuq il-modi kif jistgħu jittejbu l-punti b’saħħithom tal-Ewropa u kif jistgħu jiġu indirizzati d-dgħufijiet tagħna.

    Xorta waħda fl-2023, il-Kummissjoni se torganizza laqgħat apposta ma’ investituri fit-tul biex tifhem aħjar l-ostakli ewlenin li jxekklu l-attraenza tal-investiment fis-settur tal-enerġija mir-riħ tal-UE u l-aħjar modi biex dawn jiġu indirizzati. Dan se jkopri l-opportunitajiet biex jiġu żgurati aċċess u varar b’aktar ħeffa ta’ finanzjament privat, kif ukoll diskussjonijiet dwar il-klima ta’ investiment fl-Ewropa inkluż ambjent regolatorju effettiv u meta possibbli ssimplifikat għall-investimenti fis-settur tal-enerġija mir-riħ.

    IV.L-IŻGURAR TA’ AMBJENT INTERNAZZJONALI ĠUST U KOMPETITTIV

    L-industrija tal-manifattura tal-enerġija mir-riħ tal-UE wriet li, f’kundizzjonijiet ġusti, hija kompetittiva ħafna kemm fis-suq domestiku tagħha kif ukoll fis-swieq barranin. L-UE għandha toħloq ambjent favorevoli għall-industrija tal-UE biex tikkompeti, tinnova, tinvesti u tesporta lejn swieq barranin f’konformità mal-impenji internazzjonali.

    Azzjoni 11: il-Kummissjoni se tiffaċilita l-aċċess tal-manifatturi tal-UE għas-swieq barranin

    Il-Kummissjoni se tkompli tuża n-network kbir tagħha ta’ ftehimiet kummerċjali biex issaħħaħ il-kompetittività tal-industrija tal-enerġija mir-riħ tal-UE, inkluż permezz ta’ implimentazzjoni u infurzar effettivi 45 . Il-Kummissjoni tagħti wkoll importanza kbira lin-negozjati kummerċjali li għaddejjin bil-ħsieb li jiġu konklużi kapitoli robusti dwar l-enerġija u l-materja prima, kif ukoll dispożizzjonijiet rilevanti oħra għall-industrija tal-enerġija mir-riħ. Dawn il-ftehimiet jgħinu lill-industrija tal-enerġija mir-riħ tiddiversifika u tneħħi r-riskju tal-ktajjen tal-provvista tagħha kif ukoll tindirizza d-dipendenzi strateġiċi, b’mod partikolari fuq il-materja prima u prodotti intermedji oħra. Għalhekk, il-Kummissjoni se tkompli tintensifika n-negozjati dwar il-ftehimiet kummerċjali li jsaħħu l-pożizzjoni tal-kumpaniji tal-UE, inkluż fis-settur tal-enerġija mir-riħ, u tiżgura aċċess mingħajr distorsjoni għas-swieq barranin. Is-Sħubijiet Industrijali b’Emissjonijiet Żero Netti se jappoġġaw ukoll il-preżenza ta’ kumpaniji Ewropej fi swieq ewlenin. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tfittex kooperazzjoni u inizjattivi aktar strateġiċi f’dan is-settur fil-viċinat tal-UE.

    L-UE se taħdem bl-istess mod mas-sħab tagħha fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) biex tiżviluppa l-ġabra ta’ regoli dwar is-sussidji, bil-għan li żżid it-trasparenza dwar l-intervent tal-Istat u tevita l-kompetizzjoni tas-sussidji li żżid il-kunflitti kummerċjali u ddgħajjef il-kooperazzjoni meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi globali. Il-ħidma hija ppjanata li tibda fil-Konferenza Ministerjali tad-WTO ta’ Frar 2024.

    L-Istrument għal Akkwist Internazzjonali (IPI) 46 jipprovdi lill-UE b’ingranaġġ biex tipperswadi lis-sħab kummerċjali tagħha li għad ma għandhomx impenji fil-qasam tal-akkwist pubbliku (fil-Ftehim tad-WTO dwar l-Akkwist Pubbliku (GPA) jew fi ftehimiet bilaterali ta’ kummerċ ħieles) biex jiftħu s-swieq tal-akkwist tagħhom għan-negozji tal-UE. Jekk ikun hemm allegazzjonijiet sostanzjati mill-industrija tal-UE dwar aċċess ristrett għal prodotti u servizzi relatati mal-enerġija mir-riħ f’pajjiż terzi fil-qasam tal-akkwist pubbliku, il-Kummissjoni tista’ tniedi investigazzjoni tal-IPI bil-għan li tiftaħ dak is-suq għall-operaturi tal-UE permezz ta’ konsultazzjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat. L-IPI jippermetti wkoll lill-UE tillimita l-aċċess għas-swieq tal-akkwist pubbliku tagħha billi timponi miżuri tal-IPI rispettivi f’każ li l-konsultazzjoni msemmija hawn fuq ma twassalx għall-ftuħ mistenni tas-suq fir-rigward tas-suq ta’ pajjiżi mhux tal-UE.

    Azzjoni 12: il-protezzjoni tas-suq intern mid-distorsjonijiet tal-kummerċ u t-theddida għas-sigurtà u l-ordni pubbliku  

    Il-Kummissjoni, bi sħubija mal-industrija Ewropea tal-enerġija mir-riħ, se timmonitorja mill-qrib il-prattiki kummerċjali inġusti possibbli li huma ta’ benefiċċju għall-manifatturi barranin tal-enerġija mir-riħ. Dan se jinvolvi skrutinju mill-qrib tas-sussidjar potenzjali ta’ prodotti relatati mar-riħ importati fl-UE. Jekk ikun ġustifikat, il-Kummissjoni se tattiva l-istrumenti tagħha għad-difiża tal-kummerċ. Sal-punt li s-sussidji ta’ distorsjoni barranin jippermettu lill-manifatturi tal-enerġija mir-riħ li jirċevuhom jirnexxu fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku jew f’konċentrazzjonijiet li jinvolvu kumpaniji fil-mira tal-UE, l-UE se tuża wkoll il-miżuri previsti mir-Regolament dwar is-Sussidji Barranin. L-industrija Ewropea tal-enerġija mir-riħ hija mħeġġa tissottometti aktar evidenza. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-evidenza kollha tal-prattiki inġusti allegati mressqa mill-industrija jew minn sorsi indipendenti oħra.

    Il-Kummissjoni se tħeġġeġ lill-Istati Membri jqisu bis-sħiħ ir-riskji għall-infrastrutturi kritiċi tal-enerġija meta jimplimentaw il-mekkaniżmi ta’ skrinjar tagħhom minħabba raġunijiet ta’ sigurtà jew ordni pubbliku. Il-Kummissjoni se tagħmel użu sħiħ mill-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni skont ir-Regolament dwar l-Iskrinjar tal-Investimenti Diretti Barranin 47 biex tipprevjeni t-theddidiet possibbli għas-sigurtà u għall-ordni pubbliku relatat mal-investimenti barranin fl-industrija tal-enerġija mir-riħ tal-UE.

    Azzjoni 13: it-tisħiħ tal-istandardizzazzjoni fis-settur tal-enerġija mir-riħ

    Fl-istadju kurrenti tal-iżvilupp tal-industrija tal-enerġija mir-riħ, l-istandards tekniċi huma strument ewlieni biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà, jitnaqqsu l-kostijiet u jitħaffef il-varar fis-suq ta’ teknoloġiji tal-enerġija mir-riħ fuq l-art u lil hinn mill-kosta. Filwaqt li l-Kummissjoni Elettroteknika Internazzjonali (IEC) adottat firxa wiesgħa ta’ standards, li huma adottati bħala standards Ewropej mis-CENELEC, standards addizzjonali jistgħu jikkontribwixxu biex jgħinu fit-titjib ulterjuri tal-effiċjenza u s-sostenibbiltà tat-tagħmir tal-enerġija mir-riħ u biex jitneħħew l-ostakli għall-introduzzjoni tiegħu madwar l-UE. B’mod partikolari, l-ekonomija ċirkolari hija importanti biex tiġi żgurata l-awtonomija strateġika f’settur ewlieni bħall-industrija tal-enerġija mir-riħ, filwaqt li jitnaqqas l-impatt ambjentali tagħha f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Dawn jistgħu jsaħħu wkoll l-ekosistema industrijali, speċjalment jekk ikunu kkombinati mal-ħidma parallela dwar id-disinn tal-irkantijiet tal-enerġija rinnovabbli. Il-promozzjoni tal-proċess ta’ standardizzazzjoni fil-livell internazzjonali u l-iżgurar tal-parteċipazzjoni attiva tal-UE se jappoġġaw ukoll il-kapaċità tal-industrija Ewropea tal-enerġija mir-riħ li tikkompeti aħjar f’termini ta’ kwalità mal-kompetituri globali.

    Biex tiġi promossa l-adozzjoni ta’ standards tal-UE u internazzjonali għas-settur tal-enerġija mir-riħ, sal-aħħar tal-2023, se jittieħdu l-azzjonijiet li ġejjin:

    ·bħala parti mill-Forum ta’ Livell Għoli stabbilit dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, sessjoni ta’ ħidma speċjali dwar it-teknoloġija tal-enerġija mir-riħ se tidentifika l-ħtiġijiet ewlenin ta’ standardizzazzjoni Ewropea u internazzjonali, tidentifika kwalunkwe ostaklu eżistenti u tqajjem kuxjenza fost l-Istati Membri u l-industrija biex tiżgura l-parteċipazzjoni tal-esperti tagħhom f’attivitajiet ta’ stabbiliment tal-istandards; u

    ·l-Kummissjoni se titlob lill-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni jfasslu r-riżultati tal-istandardizzazzjoni Ewropea b’appoġġ għall-objettivi tan-NZIA.

    V.IL-ĦILIET

    Huwa stmat li sal-2030 se jkunu meħtieġa madwar 100 000 impjieg addizzjonali fis-settur tal-enerġija mir-riħ, filwaqt li l-investiment assoċjat fil-ħiliet jista’ jammonta għal madwar EUR 850 miljun 48 . F’Marzu 2021 u f’Marzu 2023, l-assoċjazzjonijiet kummerċjali tal-enerġija rinnovabbli, ir-rappreżentanti tal-installaturi ta’ teknoloġiji nodfa, il-fornituri tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, iċ-ċentri ta’ riċerka u n-networks reġjonali, inklużi l-partijiet ikkonċernati mill-industrija tal-enerġija mir-riħ, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, stabbilew sħubijiet dwar il-ħiliet fuq skala kbira għall-ekosistema industrijali tal-enerġija rinnovabbli skont il-Patt għall-Ħiliet. Is-sħubijiet qed jaħdmu iżda jeħtieġu aktar żvilupp biex jilħqu l-objettivi tagħhom.

    Azzjoni 14: sħubijiet dwar il-ħiliet fuq skala kbira għall-enerġija rinnovabbli għat-tfassil ta’ proġetti li jappoġġaw l-iżvilupp tal-ħiliet għas-settur tal-enerġija rinnovabbli, inkluż l-enerġija mir-riħ

    Is-sħubijiet dwar il-ħiliet fuq skala kbira għall-enerġija rinnovabbli u għall-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta huma mħeġġa jidentifikaw mill-aktar fis possibbli dawk il-programmi u l-inizjattivi tal-ħiliet tal-UE li joffru l-aħjar qafas għall-implimentazzjoni ta’ proġetti li jippermettu l-immappjar tal-ħtiġijiet tal-ħiliet fis-settur, jirrieżaminaw il-profili tal-impjiegi, jelaboraw u joperaw moduli ta’ taħriġ rilevanti ġodda għas-suq tax-xogħol u materjal relatat u/jew jappoġġaw l-iżvilupp ta’ ħiliet meħtieġa b’mod urġenti fis-settur tal-enerġija rinnovabbli, immirati b’mod partikolari lejn in-nisa, iż-żgħażagħ (mhux fl-edukazzjoni, fl-impjieg, jew fit-taħriġ) u l-anzjani. B’enfasi partikolari fuq is-sostenibbiltà u l-prattiki tal-ekonomija ċirkolari. Dan jista’ jinkludi l-applikazzjoni għas-sejħa tal-Erasmus+ għal pjan ta’ azzjoni għall-kooperazzjoni settorjali dwar il-ħiliet. Is-sħubija tista’ tibbenefika wkoll minn inizjattivi eżistenti bħall-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati u ċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali 49 .

    Barra minn hekk, in-NZIA se jiffaċilita t-tnedija ta’ akkademji Ewropej ta’ ħiliet fl-industrija b’emissjonijiet żero netti maħsuba biex jappoġġaw l-azzjonijiet tal-Istati Membri biex itejbu l-ħiliet tal-ħaddiema u jħarrġuhom mill-ġdid. L-akkademji se jiżviluppaw kontenut u materjali ta’ apprendiment li huma jagħmlu disponibbli għall-fornituri tal-edukazzjoni u tat-taħriġ fl-Istati Membri biex jissodisfaw id-domanda għal ħaddiema b’livell għoli ta’ ħiliet fl-industriji b’emissjonijiet żero netti. L-akkademji, li kull waħda minnhom tiffoka fuq teknoloġija waħda tal-industrija b’emissjonijiet żero netti, inkluża waħda li għandha titnieda ddedikata għas-settur tal-enerġija mir-riħ, se jkollhom l-għan li kull waħda minnhom tħarreġ lil 100 000 student fi żmien 3 snin mill-istabbiliment.

    VI.L-INVOLVIMENT TAL-INDUSTRIJA U L-IMPENJI TAL-ISTATI MEMBRI

    Minbarra l-miżuri meħuda mill-UE u mill-Istati Membri, l-azzjonijiet mill-industrija Ewropea tal-enerġija mir-riħ stess se jikkontribwixxu wkoll għal ambjent tan-negozju aktar stabbli u profittabbli. Dan jikkonċerna, fost affarijiet oħra, l-iħħeġġjar aktar attiv kontra l-inflazzjoni u l-volatilità tal-prezzijiet tal-inputs ewlenin tagħha, bħall-materja prima, l-iżvilupp ta’ aktar sħubijiet fit-tul bejn il-manifatturi tal-enerġija mir-riħ u l-operaturi tal-enerġija mir-riħ li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju reċiproku.

    Azzjoni 15: karta tal-UE dwar l-enerġija mir-riħ

    Biex iżżid il-kapaċità tal-varar u tal-manifattura tal-enerġija mir-riħ fl-UE, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri u lir-rappreżentanti tal-industrija tal-enerġija mir-riħ biex qabel tmiem l-2023 jiffirmaw impenji volontarji bħala parti minn karta dwar l-enerġija mir-riħ. B’segwitu għad-Djalogu mal-Investituri, il-Kummissjoni se tfittex li tinkludi l-investituri finanzjarji fil-karta dwar l-enerġija mir-riħ jew li testendi l-karta għal dawk l-atturi hekk kif dan isir fattibbli.

    L-objettiv tal-karta, li tissejjes fuq dan il-pjan ta’ azzjoni u fuq il-politiki tiegħu, huwa li tallinja u li timplimenta malajr l-azzjonijiet tal-Kummissjoni, tal-Istati Membri u tal-partijiet ikkonċernati industrijali, filwaqt li turi sforz komuni u kkoordinat biex jittejbu l-kundizzjonijiet abilitanti għall-industrija Ewropea tal-enerġija mir-riħ. Il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati industrijali biex tiżviluppa l-impenji preċiżi tal-karta, f’konsultazzjoni mas-sħab soċjali. Ir-riassigurazzjonijiet li dan il-pjan ta’ azzjoni u l-karta se jipprovdu għandhom jippermettu lill-industrija żżid l-investimenti u tiżgura l-espansjoni tal-kapaċità tal-manifattura tagħha, sabiex tissodisfa d-domanda akbar mistennija għal proġetti tal-enerġija mir-riħ fis-snin li ġejjin.

    6.KONKLUŻJONIJIET U T-TRIQ ’IL QUDDIEM

    L-industrija tal-enerġija mir-riħ hija aspett ta’ kburija għall-Ewropa. L-UE għandha bażi ta’ manifattura solida u ħafna żviluppaturi robusti ta’ parks eoliċi b’kopertura globali. Is-settur għandu kapaċità kbira ta’ innovazzjoni u ta’ kreattività u huwa art fertili għall-iżvilupp ta’ ħiliet ġodda. Il-kumpaniji Ewropej attivi fis-settur tal-enerġija mir-riħ huma atturi kruċjali fit-trasformazzjoni li għaddejja tas-sistema tal-enerġija tagħna u fl-ilħuq tal-miri ambizzjużi tagħna dwar il-klima u l-enerġija. Flimkien ma’ industriji b’emissjonijiet żero netti oħra, l-industrija tal-enerġija mir-riħ tgħammar lill-UE b’mod tajjeb biex tittrasforma ruħha f’ekonomija nadifa u ċirkolari fil-ġejjieni. Is-settur tal-enerġija mir-riħ tal-UE jiffjorixxi permezz tal-kompetizzjoni u b’riżultat ta’ dan huwa minn ta’ quddiem fil-livell globali. Is-settur jistabbilixxi t-tendenzi u l-istandards għad-dinja. Il-kooperazzjoni Ewropea dwar l-enerġija mir-riħ mas-sħab internazzjonali toħloq swieq ġodda u tipprovdi soluzzjonijiet globali biex jiġu sostitwiti l-fjuwils fossili.

    Din hija r-raġuni għaliex l-industrija Ewropea tal-enerġija mir-riħ trid tespandi u tinvesti issa biex l-industrija u ċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jaħtfu l-opportunitajiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-isforzi ta’ dekarbonizzazzjoni madwar id-dinja. Sabiex dan ikun possibbli, l-industrija teħtieġ aktar prevedibbiltà u sensiela ta’ proġetti viżibbli b’mod ċar u solidi. Tirrikjedi mudell ta’ negozju robust li jiżgura profittabbiltà u aċċess xierqa għall-finanzjament biex jiżdiedu u jiġu attirati l-investituri. Teħtieġ grilji estiżi u msaħħa biex tintegra l-enerġija tagħha. U tirrikjedi kompetizzjoni ġusta.

    Ma għandux jintilef iktar żmien. Għalhekk, dan il-pjan ta’ azzjoni għandu l-għan li jikseb riżultati konkreti fix-xhur li ġejjin. L-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni mill-UE, mill-Istati Membri u mill-industrija se tappoġġa lis-settur Ewropew tal-manifattura tal-enerġija mir-riħ biex jegħleb id-diffikultajiet u jtejjeb il-kompetittività tiegħu sabiex jiġi żgurat li dan is-settur jikkontribwixxi bis-sħiħ għat-tranżizzjoni tal-enerġija li għaddejja.

    Il-pjan ta’ azzjoni jipprovdi lill-industrija Ewropea tal-enerġija mir-riħ bis-serħan il-moħħ li l-argument għall-vijabbiltà tagħha fl-UE huwa b’saħħtu, sostenibbli u fit-tul. Għalhekk, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri u lill-industrija japprovaw dan il-pjan ta’ azzjoni u jimplimentaw l-azzjonijiet skont ir-rwoli rispettivi tagħhom. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament, lill-Kunsill, u lil istituzzjonijiet oħra tal-UE jikkontribwixxu għal din il-ħidma li tappoġġa l-objettiv ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni.



    ANNESS I – IL-PJAN TA’ AZZJONI EWROPEW GĦALL-ENERĠIJA MIR-RIĦ FIL-QOSOR

    Kategorija

    Azzjonijiet/strumenti

    Skeda ta’ żmien

    L-aċċellerazzjoni tal-varar permezz ta’ prevedibbiltà akbar u ħruġ tal-permessi aktar mgħaġġel

    1.Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jaħdmu flimkien sabiex jaċċelleraw il-ħruġ tal-permessi. “Accele-RES” – it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni minn qabel tar-RED riveduta. Reġim temporanju ta’ emerġenza

    Il-bidu ta’ Novembru 2023

    2.L-Istati Membri se jżidu l-viżibbiltà tas-sensiela ta’ proġetti tal-enerġija mir-riħ permezz ta’ wegħdiet relatati mal-enerġija mir-riħ, il-pubblikazzjoni ta’ skedi ta’ rkant ta’ nofs it-terminu, pjanijiet fit-tul għall-varar tal-enerġija rinnovabbli

    Il-bidu ta’ Novembru 2023

    3.Il-Kummissjoni se tadotta pjan ta’ azzjoni biex tiffaċilita l-bini tal-grilji

    Novembru 2023

    Id-disinn imtejjeb tal-irkantijiet

    4.L-Istati Membri se jinkludu fl-irkantijiet tagħhom kriterji u miżuri kwalitattivi trasparenti u mhux diskriminatorji biex jimmassimizzaw ir-rata ta’ eżekuzzjoni tal-proġetti, appoġġati mir-rakkomandazzjoni u mill-gwida tal-Kummissjoni

    mill-aktar fis possibbli

    5.L-indirizzar tar-riskji għaċ-ċibersigurtà u l-indirizzar tal-aspetti tal-protezzjoni tad-data

    Il-bidu tal-2024

    6.Il-Kummissjoni se żżid l-użu tal-akkwist strateġiku fil-kuntest tal-Global Gateway

    Mill-adozzjoni

    L-aċċess għall-finanzi

    7.Il-Kummissjoni se tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament tal-UE

    Sa tmiem l-2023

    8.Il-BEI se jipprovdi għodod u garanziji għat-tneħħija tar-riskji għall-kumpaniji tal-enerġija mir-riħ tal-UE

    Ir-raba’ trimestru tal-2023

    9.L-Istati Membri se jagħmlu użu sħiħ mill-flessibbiltà pprovduta skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-katina tal-valur tal-enerġija mir-riħ tal-UE

    Mill-adozzjoni

    10.Il-Kummissjoni se ssaħħaħ id-djalogu mal-investituri biex trawwem l-attraenza tal-investiment fis-settur tal-enerġija mir-riħ tal-UE

    Sa tmiem l-2023

    Il-ħolqien ta’ ambjent internazzjonali ġust u kompetittiv

    11. Il-Kummissjoni se tiffaċilita l-aċċess tal-manifatturi tal-UE għas-swieq barranin  

    Mill-adozzjoni

    12.Il-protezzjoni tas-suq intern mid-distorsjonijiet tal-kummerċ u mit-theddida għas-sigurtà u għall-ordni pubbliku

    Mill-adozzjoni

    13.It-titjib tal-istandardizzazzjoni fis-settur tal-enerġija mir-riħ

    Sa tmiem l-2023

    Il-ħiliet

    14.Sħubijiet dwar il-Ħiliet fuq Skala Kbira għall-Enerġija Rinnovabbli għat-tfassil ta’ proġetti li jappoġġaw l-iżvilupp tal-ħiliet għas-settur tal-enerġija rinnovabbli, inkluż l-enerġija mir-riħ

    Sa nofs l-2024

    L-involviment tal-industrija u l-impenji tal-Istati Membri

    15.Karta tal-UE dwar l-Enerġija mir-Riħ

    Diċembru 2023

    (1) Xenarju MĦALLAT fix-xenarji ta’ politika għat-twettiq tal-Patt Ekoloġiku Ewropew (disponibbli fuq https://energy.ec.europa.eu/data-and-analysis/energy-modelling/policy-scenarios-delivering-european-green-deal_en )
    (2) IRENA World Energy Transition Outlook 2023
    (3) Ir-Rapport ta’ Rystad (2023) The State of the European Wind Energy Supply Chain
    (4)

    WindEurope (2023) Wind Energy in Europe-2022 Statistics and the outlook for 2023-2027

    (5)  Data tal-ENTSO-E.
    (6) Irena (2023) Renewable power generation costs in 2022.
    (7) Georgakaki, A et al. (2022) - Clean energy Technology Observatory Overall Strategic Analysis of Clean Energy Technology in the European Union – 2022 Status Report.
    (8) SWD(2023) 68 final tat-23 ta’ Marzu 2023.
    (9) Telsnig, T. et al. Clean Energy Technology Observatory: Wind Energy in the European Union – 2022 Status Report on Technology Development, Trends, Value Chains and Markets, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea,
    (10)

     SWD(2023) 68 final tat-23 ta’ Marzu 2023

    (11)   Ir-Rapport ta’ Rystad (2023) The State of the European Wind Energy Supply Chain
    (12) Eżempju tipiku huwa t-tkabbir mgħaġġel tat-turbini eoliċi, li jobbliga lill-manifatturi jadattaw fuq bażi kontinwa l-linji tal-produzzjoni tagħhom b’investimenti ġodda.
    (13) JRC, Clean Energy Technologies Observatory Report 2023, għadu jrid jiġi ppubblikat.
    (14)  Data ta’ BloombergNEF (2023) https://about.bnef.com/blog/cost-of-clean-energy-technologies-drop-as-expensive-debt-offset-by-cooling-commodity-prices/
    (15) Ara r-Rapport Annwali tal-2023 dwar il-kompetittività tat-teknoloġiji tal-enerġija nadifa (li għandu jiġi ppubblikat fil-25 ta’ Ottubru 2023).
    (16) Skont il-Kunsill Globali tal-Enerġija mir-Riħ (GWEC), l-Ewropa kollha kemm hi għandha madwar 30 GW ta’ kapaċità tal-manifattura tat-turbini eoliċi.
    (17) Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (COM/2021/557). 
    (18) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2577 tat-22 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi qafas biex jitħaffef il-varar tal-enerġija rinnovabbli, ĠU L 335, 29.12.2022, p. 36-44.
    (19) Proposta biex tiġi emendata d-Direttiva 96/53/KE dwar il-piżijiet u d-dimensjonijiet massimi permessi (COM (2023) 445).
    (20) Ir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi Strument ta’ Appoġġ Tekniku, ĠU L 57, 18.2.2021, p. 1-16.
    (21) Ir-Regolament (UE) 2022/869 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022
    (22) COM (2023) 148 final tal-14 ta’ Marzu 2023.
    (23) Rispettivament: COM(2023) 62 final tal-1 ta’ Frar 2023, COM(2023) 161 tas-16 ta’ Marzu 2023 u COM(2023) 160 tas-16 ta’ Marzu 2023
    (24) JOIN/2023/8 Komunikazzjoni konġunta dwar l-aġġornament tal-Istrateġija dwar is-Sigurtà Marittima tal-UE u tal-Pjan ta’ Azzjoni tagħha: Strateġija mtejba għas-Sigurtà Marittima kontra tħeddidiet marittimi li qegħdin jevolvu
    (25) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2023/C 101/03
    (26) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tal-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat.
    (27) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Qafas għall-għajnuna mill-istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni 2022/C 414/01.
    (28) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-klima, għall-ħarsien tal-ambjent u għall-enerġija 2022, C/2022/481.
    (29) Il-Komunikazzjoni tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat 2021/C 153/01.
    (30) COM/2023/335 final tal-20 ta’ Ġunju 2023
    (31) https://climate.ec.europa.eu/eu-action/eu-funding-climate-action/innovation-fund/calls-proposals/large-scale-calls_en
    (32) Il-biċċa l-kbira tal-miżuri appoġġati fl-ambitu tal-RRPs għandhom miri ta’ varar kondiviżi li jkopru kemm l-enerġija solari kif ukoll l-enerġija mir-riħ mingħajr ebda diżaggregazzjoni għal kull tip ta’ teknoloġija.
    (33) L-Artikolu 6.3 tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli.
    (34) https://commission.europa.eu/funding-tenders/find-funding/eu-funding-programs/technical-support-instrument/technical-support-instrument-tsi_en  
    (35)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni C/2022/3219 final
    (36) Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Gwida lill-Istati Membri dwar prattiki tajbin biex iħaffu l-proċeduri tal-għoti tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli u dwar l-iffaċilitar tal-Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija Li jakkumpanja d-dokument Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tħaffif tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli u l-iffaċilitar tal-Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija, SWD/2022/0149 final
    (37) L-Istati Membri jridu jiddeżinjaw żoni ta’ aċċellerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli għal mill-inqas teknoloġija waħda tal-enerġija rinnovabbli skont l-Artikolu 15.c tar-RED riveduta.
    (38) Is-SMET se tkompli l-ħidma tagħha biex jiġu eliminati l-ostakli relatati mal-proċess għall-ħruġ tal-permessi għal proġetti tal-enerġija mir-riħ u solari. Se tappoġġa wkoll l-iskambju ta’ prattiki tajbin għal punt uniku ta’ servizz, għall-ħruġ tal-permessi diġitali, u għal informazzjoni u skadenzi ċari.
    (39) L-Artikolu 6.3 tad-Direttiva (UE) 2018/2001: “L-Istati Membri għandhom jippubblikaw skeda fuq perijodu twil li tantiċipa l-allokazzjoni mistennija ta’ appoġġ, li tkopri, bħala referenza, mill-inqas il-ħames snin li ġejjin, jew, f’każ ta’ restrizzjonijiet ta’ ppjanar baġitarju, it-tliet snin ta’ wara, inkluż, iż-żmien indikattiv, il-frekwenza tal-proċeduri tas-sejħa għall-offerti fejn xieraq, il-kapaċità mistennija u l-baġit jew l-appoġġ massimu unitarju mistenni li jiġi allokat, u t-teknoloġiji eliġibbli mistennija, jekk applikabbli. Dik l-iskeda għandha tiġi aġġornata fuq bażi annwali jew, fejn meħtieġ, biex tirrifletti żviluppi riċenti tas-suq jew l-allokazzjoni mistennija ta’ appoġġ”.
    (40)  BEMIP, CESEC, South-Western u NSEC
    (41) https://energy.ec.europa.eu/system/files/2022-09/220912_NSEC_Joint_Statement_Dublin_Ministerial.pdf
    (42) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2022 dwar approċċ ikkoordinat mal-Unjoni kollha biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-infrastruttura kritika, (2023/C 20/01), (ĠU C 20, 20.1.2023, p. 1)
    (43) Bi prezz medju tal-karbonju ta’ EUR 75 għal kull tunnellata
    (44) Il-Komunikazzjoni ta-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-Pjan SET (li għandha tiġi adottata f’Ottubru 2023)
    (45) Il-ftehimiet kummerċjali tal-UE fihom dispożizzjonijiet li jipprojbixxu r-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni u fuq l-esportazzjoni, ir-rekwiżiti tal-kontenut lokali kif ukoll il-ftuħ tal-aċċess għall-akkwist pubbliku.
    (46) Ir-Regolament (UE) 2022/1031 dwar l-aċċess ta’ operaturi ekonomiċi, prodotti u servizzi ta’ pajjiżi terzi għas-swieq tal-akkwist pubbliku u tal-konċessjoni tal-Unjoni daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Awwissu 2022.
    (47) Ir-Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni, ĠU L 79I, 21.3.2019, p. 1-14
    (48) Ir-Rapport tal-Kummissjoni bit-titolu “Employment and Social Developments in Europe. Addressing labour shortages and skills gaps in the EU”, https://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=26989&langId=en
    (49) Pereżempju, iċ-Ċentru ta’ Eċċellenza Vokazzjonali ffinanzjat mill-Erasmus+ “Ħiliet Tekniċi għall-Enerġija Rinnovabbli Armonizzata lil Hinn mill-Kosta” (T-shore) għandu l-għan li jiżviluppa programmi u riżorsi ta’ taħriġ biex jipprovdi lill-ħaddiema bil-ħiliet u bil-kompetenzi li jeħtieġu biex jirnexxu fl-industrija tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta.
    Top