IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 31.10.2023
COM(2023) 654 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar il-funzjonament tas-suq Ewropew tal-karbonju fl-2022 skont l-Artikoli 10(5) u 21(2) tad-Direttiva 2003/87/KE
{SWD(2023) 346 final}
Lista ta’ abbrevjazzjonijiet
CEF DI
|
L-Istrument ta’ Dejn tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa
|
CEMS
|
Is-Sistemi ta’ Kejl Kontinwu tal-Emissjonijiet
|
CORSIA
|
L-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali
|
ŻEE
|
Iż-Żona Ekonomika Ewropea
|
EEX
|
European Energy Exchange
|
EFTA
|
L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles
|
BIE
|
Il-Bank Ewropew tal-Investiment
|
ESMA
|
L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq
|
UE
|
L-Unjoni Ewropea
|
EU ETS
|
Is-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet
|
EU27
|
L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea
|
EUTL
|
Ir-Reġistru tat-Tranżazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea
|
ICAO
|
L-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali
|
InnovFin EDP
|
Il-Proġetti ta’ Dimostrazzjoni tal-Enerġija InnovFin
|
IOSCO
|
L-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli
|
IPCC
|
Il-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima
|
MSR
|
Ir-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq
|
NECP
|
Il-Pjan nazzjonali għall-klima u l-enerġija
|
NER
|
Ir-Riżerva għal Entranti Ġodda
|
TNAC
|
In-numru totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni
|
|
|
Werrej
1.
Introduzzjoni
2.
Żviluppi leġiżlattivi importanti
2.1.
Ir-riforma tal-EU ETS fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew
2.2.
Id-Direttiva dwar l-ETS fil-kuntest tar-Regolament REPowerEU
3.
Kopertura tal-EU ETS
3.1.
It-trasport marittimu inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-EU ETS mill-2024
4.
Limitu massimu fuq l-emissjonijiet
5.
Irkantar ta’ kwoti
6.
Allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti
7.
Dħul mill-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet
7.1.
Kostijiet indiretti tal-karbonju
7.2.
Il-Fond għall-Innovazzjoni
7.3.
Il-Fond għall-Modernizzazzjoni
8.
Tnaqqis tal-emissjonijiet fl-EU ETS
9.
Ibbilanċjar tal-provvista u tad-domanda fis-suq tal-karbonju tal-UE
10.
Avjazzjoni
11.
Is-sorveljanza tas-suq
12.
Qafas sabiex jiġu mmonitorjati u rrapportati l-emissjonijiet
12.1.
Monitoraġġ u rapportar
12.2.
Akkreditazzjoni u verifika
12.3.
Awtoritajiet kompetenti
12.4.
Konformità fl-EU ETS
13.
Konnessjoni bejn l-EU ETS u l-ETS Żvizzera
14.
L-EU ETS fil-kuntest tal-governanza tal-UE dwar il-klima u l-enerġija
15.
Konklużjonijiet u prospettiva
1.Introduzzjoni
Is-Sistema tal-Unjoni Ewropea għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (EU ETS) hija l-pedament tal-politika tagħha dwar it-tibdil fil-klima, imfassla sabiex tnaqqas l-emissjonijiet b’mod kosteffettiv. F’konformità mal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, l-EU ETS tistabbilixxi limitu u tpoġġi prezz tal-karbonju fuq l-emissjonijiet mis-setturi tal-enerġija u tal-industrija kif ukoll fuq l-avjazzjoni fl-Ewropa, li huma responsabbli għal madwar 40 % tal-emissjonijiet totali tal-UE. Billi tibbaża fuq il-forzi tas-suq sabiex tiddetermina l-prezz tal-karbonju, is-sistema toħloq inċentiv sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet fejn jiswa l-anqas li jsir hekk. Min-naħa l-oħra, il-prezzijiet tal-karbonju jiddeterminaw id-dħul li l-EU ETS tiġġenera għall-investiment fl-azzjoni klimatika u fit-trasformazzjoni tal-enerġija.
Sa mit-tnedija tagħha fl-2005, l-EU ETS għenet sabiex jitnaqqsu b’37,3 % l-emissjonijiet mill-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana u mill-produzzjoni industrijali, filwaqt li ġġenerat aktar minn EUR 152 biljun fi dħul mill-irkanti għad-distribuzzjoni lill-Istati Membri. Fil-biċċa l-kbira, l-Istati Membri użaw dan id-dħul sabiex jiffinanzjaw investimenti fit-trasformazzjoni tal-enerġija u fid-dekarbonizzazzjoni, kif ukoll miżuri soċjali b’appoġġ għat-tranżizzjoni ekoloġika. Madankollu, huwa meħtieġ aktar tnaqqis fl-emissjonijiet, inkluż fost setturi oħrajn, sabiex jintlaħqu l-miri klimatiċi għall-ekonomija kollha skont il-Liġi Ewropea dwar il-Klima. L-EU ETS hija kritika sabiex dan jinkiseb b’mod kosteffiċjenti.
Sabiex tintlaħaq in-newtralità klimatika sa nofs is-seklu, l-UE ħadet impenn li tnaqqas l-emissjonijiet b’tal-anqas 55 % sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990. F’Lulju 2021, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pakkett ta’ riformi ta’ politika, “Lesti għall-Mira ta’ 55 %”, sabiex tilħaq din il-mira, inkluża riforma tal-EU ETS. Sa Ġunju 2023, il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri fil-Kunsill tal-UE approvaw dan u riformi relatati oħrajn. Il-biċċa l-kbira tal-bidliet fil-qafas tal-EU ETS se jidħlu fis-seħħ mill-2024 ’il quddiem.
Dan ir-rapport iqis il-funzjonament tal-EU ETS fl-2022 u fl-ewwel nofs tal-2023 – fil-qafas tar-regoli qabel din ir-reviżjoni. Jirrappreżenta l-iżviluppi leġiżlattivi ewlenin, jipprovdi għarfien aġġornat dwar l-elementi ewlenin tal-qafas tas-sistema u jiġbor l-eżiti intermittenti tax-xejriet fl-emissjonijiet u tad-dħul mill-irkanti. Ir-rapport huwa ppreżentat f’konformità mal-Artikolu 10(5) u 21(2) tad-Direttiva 2003/87/KE
(id-Direttiva dwar l-ETS). Huwa bbażat l-aktar fuq data mir-Reġistru tal-Unjoni, mir-Reġistru tat-Tranżazzjonijiet tal-UE (EUTL) u fuq ir-rapporti sottomessi mill-Istati Membri skont l-Artikolu 21 tad-Direttiva dwar l-ETS. Huwa akkumpanjat minn dokument tekniku b’informazzjoni supplimentari (Dokument ta’ ħidma tal-persunal).
2.Żviluppi leġiżlattivi importanti
Fl-ewwel nofs tal-2023, ġew adottati emendi importanti għall-qafas tal-EU ETS fil-kuntest tal-pakkett Lesti għall-Mira ta’ 55 % u bħala parti mir-rispons tal-UE għall-kriżi tal-enerġija (REPowerEU). Dan il-kapitolu jiġbor dawn l-iżviluppi fil-qosor. Dawn se jitqiesu fid-dettall fir-rapporti futuri dwar il-funzjonament tal-EU ETS ladarba dawn jidħlu fis-seħħ.
Ir-riforma tal-EU ETS fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew
Ir-riformi li ġejjin li saru bħala parti mill-pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55 %” jikkonċernaw id-Direttiva dwar l-ETS jew il-leġiżlazzjoni relatata. Sal-aħħar ta’ Ġunju 2023, dawn kollha kienu ġew adottati.
I.Riforma li żżid l-ambizzjoni tal-EU ETS – adottata fl-10 ta’ Mejju 2023.
II.Ir-riforma li ssaħħaħ ir-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq – adottata fid-19 ta’ April 2023.
III.Riforma tal-EU ETS dwar l-avjazzjoni – adottata fit-18 ta’ Jannar u fl-10 ta’ Mejju 2023.
IV.Ir-riforma tar-regoli tal-monitoraġġ, tar-rapportar u tal-verifika tal-emissjonijiet mit-trasport marittimu – adottata fis-16 ta’ Mejju 2023.
V.Ir-riforma li toħloq il-Fond Soċjali għall-Klima sabiex jikkomplementa s-sistema l-ġdida għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għall-bini, għat-trasport bit-triq u għall-industrija b’livell żgħir ta’ emissjonijiet – adottata fl-10 ta’ Mejju 2023.
VI.Ir-riforma li tistabbilixxi Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri – adottata fl-10 ta’ Mejju 2023.
B’dawn ir-riformi, ġie aċċellerat it-tnaqqis tal-emissjonijiet skont id-Direttiva tal-ETS. Barra minn hekk, l-ambitu tal-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ġie estiż għat-trasport marittimu fil-qafas tas-sistema eżistenti (ara l-Kapitolu 3.1) u għall-bini, għat-trasport bit-triq u għall-industrija b’livell żgħir ta’ emissjonijiet permezz tal-istabbiliment ta’ sistema ġdida għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (ETS 2) mill-2027. Il-qafas tal-EU ETS issaħħaħ ulterjorment sabiex jiġi żgurat li s-sistema taħdem mingħajr xkiel sabiex tinkiseb l-ambizzjoni ogħla. Fl-istess ħin, ġew immobilizzati saħansitra aktar riżorsi mill-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet sabiex tiġi appoġġata d-dekarbonizzazzjoni aċċellerata, xprunata mill-innovazzjoni u soċjalment ġusta – permezz tad-dħul mill-irkanti mqassam lill-baġits nazzjonali, lill-Fond għall-Innovazzjoni u lill-Fond għall-Modernizzazzjoni pprovdut mill-EU ETS u mill-Fond Soċjali għall-Klima. Il-Fond Soċjali għall-Klima nħoloq flimkien mal-ETS 2 sabiex itaffi kwalunkwe effett soċjali tal-ipprezzar tal-karbonju f’setturi ġodda.
Il-biċċa l-kbira tal-bidliet se jidħlu fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2024, iżda xi wħud diġà japplikaw. L-eżiti tar-riformi msemmijin hawn fuq huma elaborati fir-rapport kollu, inkluża l-implimentazzjoni sottostanti li għaddejja.
Id-Direttiva dwar l-ETS fil-kuntest tar-Regolament REPowerEU
Sabiex jiġu indirizzati l-kawżi u l-impatt ewlenin tal-kriżi tal-enerġija kkawżata mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-Kummissjoni ressqet il-pjan REPowerEU. Dan jinkludi riformi u investimenti mmirati sabiex titneħħa gradwalment id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili mir-Russja, tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, tiġi promossa l-effiċjenza enerġetika u tiġi aċċellerata t-trasformazzjoni tal-enerġija nadifa. Sabiex il-pjan jinbidel f’azzjoni, fi Frar 2023 il-Parlament u l-Kunsill adottaw ir-Regolament 2023/435 (ir-Regolament REPowerEU).
Ir-Regolament REPowerEU jinkludi l-mobilizzazzjoni tal-Fond għall-Innovazzjoni bħala wieħed mis-sorsi ta’ finanzjament sabiex jiġi implimentat il-pjan. Barra minn hekk, jemenda d-Direttiva dwar l-ETS sabiex jidderieġi 27 miljun kwota mhux allokata mir-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq, li kieku kienu jsiru invalidi, sal-31 ta’ Diċembru 2030 sabiex jiġi rikostitwit il-Fond għall-Innovazzjoni. Dan huwa spjegat aktar fil-Kapitoli 5 u 8.
3.Kopertura tal-EU ETS
Sa mill-2021, l-EU ETS kienet tapplika fis-27 Stat Membru tal-UE u fil-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) – l-Iżlanda, il-Liechtenstein, u n-Norveġja (il-pajjiżi tal-EU ETS), kif ukoll għall-impjanti tal-enerġija fl-Irlanda ta’ Fuq. Minn Jannar 2020, l-EU ETS hija konnessa wkoll mas-sistema Żvizzera għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet. Il-mod kif taħdem din il-konnessjoni huwa deskritt fil-Kapitolu 13.
L-EU ETS tkopri l-emissjonijiet mill-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana, mill-industrija intensiva fl-enerġija u mill-avjazzjoni fl-Ewropa. Fl-2022, dawn l-emissjonijiet kienu jirrappreżentaw 36 % mill-emissjonijiet totali tal-UE – minn 8 640 impjant tal-enerġija u tas-sħana u installazzjoni tal-manifattura, kif ukoll minn madwar 390 operatur tal-inġenji tal-ajru li jtiru bejn l-ajruporti taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u miż-ŻEE lejn l-Iżvizzera u r-Renju Unit. Il-biċċa l-kbira tal-installazzjonijiet fl-EU ETS jarmu anqas minn 50 000 tunnellata ekwivalenti ta’ diossidu tal-karbonju (CO2eq) fis-sena (70,7 %). Minn dawn, 4 793 huma kklassifikati bħala installazzjonijiet b’livell baxx ta’ emissjonijiet. Il-biċċa l-kbira tal-installazzjonijiet li jifdal jarmu bejn 50 000 u 500 000 tunnellata CO2eq fis-sena (21,9 % tat-total), u frazzjoni biss tarmi aktar minn 500 000 CO2eq fis-sena (7,4 % tat-total). Il-pajjiżi tal-ETS irrapportaw li 219-il installazzjoni għalqu fl-2022, 133 minħabba tnaqqis fil-kapaċità għal anqas minn 20 megawatt ta’ input termiku. Dan iwassal għal installazzjonijiet taħt il-limitu għall-kopertura taħt l-EU ETS. L-Illustrazzjoni 1 turi d-diżaggregazzjoni tal-installazzjonijiet fl-EU ETS skont il-livell ta’ emissjonijiet fl-2022.
Illustrazzjoni 1: In-numru ta’ installazzjonijiet għal kull kategorija ta’ emissjonijiet fl-2022
Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, il-pajjiżi jistgħu jeskludu installazzjonijiet b’emissjonijiet ta’ anqas minn 25 000 tunnellata ta’ CO2eq fis-sena l-EU ETS jekk jiġu stabbiliti miżuri alternattivi sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet. Mill-2021, huwa possibbli wkoll li jiġu għajri installazzjonijiet mill-EU ETS li jarmu anqas minn 2 500 tunnellata ta’ CO2eq kif ukoll unitajiet ta’ riżerva jew ta’ sostenn li ma jaħdmux aktar minn 300 siegħa fis-sena. Fl-2022, 15-il pajjiż għażlu li jeskludu l-installazzjonijiet mis-sistema, li jammontaw għal total ta’ 4,2 Mt CO2eq. Dan kien jirrappreżenta 0,32 % tal-emissjonijiet mill-installazzjonijiet inklużi fl-EU ETS.
Fl-avjazzjoni, il-biċċa l-kbira mit-390 operatur regolat fl-2022 kienu operaturi kummerċjali (67 %, mit-total). Total ta’ 174 operatur (45 %) kienu jikkwalifikaw bħala emittenti żgħar, inklużi 126 mill-129 operatur tal-inġenji tal-ajru mhux kummerċjali.
Minbarra l-emissjonijiet ta’ diossidu tal-karbonju (CO2), l-EU ETS tkopri l-ossidu nitruż (N2O) mill-produzzjoni tal-aċidu nitriku, adipiku u gliossiliku u mill-produzzjoni tal-gliossal, u l-perfluworokarburi (PFCs) mill-produzzjoni primarja tal-aluminju. Fl-2022, 22 pajjiż irrapportaw permessi għal attivitajiet tal-ETS li jarmu emissjonijiet mhux tas-CO2. In-Norveġja biss iddikjarat attivitajiet għall-qbid u għall-ħżin tad-diossidu tal-karbonju. Il-pajjiżi li jirrapportaw emissjonijiet mhux tas-CO2 mill-attivitajiet tal-ETS jintwerew fit-Tabella 1 fid-Dokument ta’ ħidma tal-persunal.
It-trasport marittimu inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-EU ETS mill-2024
Skont id-Direttiva riveduta dwar l-ETS, minn Jannar 2024 l-EU ETS se tkopri l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport marittimu. Għall-bidu, se tikkonċerna biss l-emissjonijiet tas-CO2 u mbagħad l-emissjonijiet tas-CH4 (metan) u tal-N2O mill-2026. L-emissjonijiet mill-bastimenti l-kbar kollha (ta’ 5 000 tunnellaġġ gross u aktar) li jidħlu fil-portijiet tal-UE huma inklużi, irrispettivament mill-bandiera li jtajru, fir-rigward ta’:
·50 % tal-emissjonijiet mill-vjaġġi li jibdew jew jintemmu barra mill-UE (li jippermettu lill-pajjiż terz jiddeċiedi dwar azzjoni xierqa għas-sehem li jifdal tal-emissjonijiet);
·100 % tal-emissjonijiet li jseħħu bejn żewġ portijiet tal-UE u meta l-bastimenti jkunu fil-portijiet tal-UE.
It-trasport marittimu huwa emittent kbir tas-CO2, u jiġġenera madwar 3-4 % tal-emissjonijiet totali tas-CO2 tal-UE (aktar minn 124 miljun tunnellata ta’ CO2 fl-2021) meta jitqiesu l-emissjonijiet kollha mill-vjaġġi lejn l-UE u minnha. L-inklużjoni tiegħu fl-EU ETS tiżgura li s-settur jikkontribwixxi għall-objettivi klimatiċi tal-UE. Dan se jkompli jinċentiva l-effiċjenza enerġetika, is-soluzzjonijiet b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, u t-tnaqqis fid-differenza fil-prezzijiet bejn il-fjuwils alternattivi u l-fjuwils marittimi tradizzjonali.
Is-sistema tibni fuq id-dispożizzjonijiet fis-seħħ għal setturi oħrajn tal-EU ETS kif ukoll fuq ir-Regolament 2015/757
għall-monitoraġġ u għar-rapportar tal-emissjonijiet mit-trasport marittimu. L-obbligi tal-ETS għas-settur marittimu se jiġu introdotti gradwalment. Matul perjodu inizjali ta’ introduzzjoni gradwali, it-trasport marittimu se jkun obbligat biss li jċedi l-kwoti għal porzjon mill-emissjonijiet tiegħu kif stabbilit hawn taħt.
·2025: għal 40 % tal-emissjonijiet tiegħu rrapportati fl-2024;
·2026: għal 70 % tal-emissjonijiet tiegħu rrapportati fl-2025;
·mill-2027 ’il quddiem: għal 100 % tal-emissjonijiet irrapportati tiegħu fl-2026 u fis-snin ta’ wara.
Dan l-approċċ ta’ introduzzjoni gradwali ma jimminax l-integrità ambjentali tal-EU ETS peress li, meta jiġu ċeduti anqas kwoti meta mqabblin mal-emissjonijiet verifikati mit-trasport marittimu fl-2024 u fl-2025, l-Istati Membri se jikkanċellaw numru ta’ kwoti li jikkorrispondu għal dik id-differenza.
Hija prevista klawżola ta’ rapportar u ta’ rieżami għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-regoli applikabbli għas-settur marittimu, b’mod partikolari sabiex tiġi identifikata u indirizzata l-imġiba evażiva fi stadju bikri, u sabiex jiġu vvalutati l-iżviluppi rilevanti fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.
4.Limitu massimu fuq l-emissjonijiet
Il-limitu massimu fl-EU ETS jistabbilixxi l-volum assolut massimu ta’ emissjonijiet li l-entitajiet regolati jistgħu jarmu matul fażi ta’ skambju ta’ kwoti. Jikkorrispondi għan-numru ta’ kwoti maħruġin għal dak il-perjodu. Il-limitu massimu jonqos kull sena sabiex jiġi żgurat li l-UE tilħaq il-mira ġenerali tagħha għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. Dan jagħti wkoll ċertezza lill-entitajiet regolati dwar l-iskarsezza mistennija tal-kwoti.
Jiġu applikati kalkoli tal-limiti massimi separati għall-emissjonijiet mill-installazzjonijiet u mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru. Fl-2022, il-limitu massimu fuq l-emissjonijiet mill-installazzjonijiet kien ta’ 1 528 579 492 kwota. Għall-avjazzjoni, inħarġu 27 268 379 kwota fl-2022.
Fl-2021-2023, il-limitu massimu kien qiegħed jonqos b’rata ta’ 2,2 % fis-sena. Għall-kalkolu tal-limitu massimu għall-installazzjonijiet, dan huwa ekwivalenti għal 43 003 515-il kwota fis-sena. It-Tabella 1 turi ċ-ċifri annwali tal-limitu massimu tal-EU ETS mill-2021 ’l hawn.
Tabella 1: Iċ-ċifri tal-limitu annwali tal-EU ETS għall-installazzjonijiet u għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru
Sena
|
Limitu massimu annwali (installazzjonijiet)
|
Limitu massimu annwali (avjazzjoni)
|
2021
|
1 571 583 007
|
28 306 545
|
2022
|
1 528 579 492
|
27 268 379
|
Skont id-Direttiva riveduta dwar l-ETS, il-limitu massimu fuq l-emissjonijiet huwa aktar strett sabiex l-emissjonijiet jitnaqqsu u huwa allinjat mal-mira klimatika tal-UE għall-2030 – bi 62 % sal-2030 meta mqabbel mal-2005. Għal dan l-għan, il-fattur ta’ tnaqqis jiżdied għal 4,3 % fis-sena fl-2024-2027 u għal 4,4 % fis-sena mill-2028. Barra minn hekk, il-limitu massimu jitnaqqas darbtejn – b’90 miljun kwota fl-2024 u b’27 miljun kwota fl-2026.
Dawn l-aġġustamenti diġà jirrikonoxxu li l-emissjonijiet mit-trasport marittimu se jiġu inklużi fl-EU ETS mill-2024. Il-limitu massimu tal-2024 jiżdied b’78,4 miljun kwota fuq il-bażi tal-emissjonijiet medji tas-settur irrapportati għall-2018 u għall-2019. Il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2023/1575 sabiex tqis l-aġġustamenti tal-limitu massimu b’effett fl-2024.
L-Illustrazzjoni 2 turi l-bidliet fil-limitu massimu matul il-fażijiet kollha tal-EU ETS, inkluż it-tnaqqis ipproġettat.
Illustrazzjoni 2: Il-limitu massimu tal-emissjonijiet fl-EU ETS meta mqabbel mal-emissjonijiet verifikati (meta titqies ir-reviżjoni tal-2023 tad-Direttiva dwar l-ETS, jiġifieri bażi ġdida fl-2024 u fl-2026, inkluż is-settur tat-trasport marittimu fl-2024 u l-fattur lineari ta’ tnaqqis ta’ 4,3 % fl-2024-2027 u ta’ 4,4 % mill-2028). L-avjazzjoni ma hijiex inkluża. Minħabba bidliet fil-kamp ta’ applikazzjoni, iċ-ċifri tal-2005-2007 ma humiex direttament komparabbli mal-aħħar ċifri. Mill-2021, l-EU ETS ma baqgħetx tkopri l-installazzjonijiet fir-Renju Unit, iżda biss il-ġeneraturi tal-elettriku fl-Irlanda ta’ Fuq. Leġġenda: kolonni (limitu), kolonni ċari fl-2014-2016 (kwoti kkonċentrati fl-aħħar tal-perjodu mill-irkanti), kolonni ċari mill-2019 (għotjiet tal-kwoti għar-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq), linja miksura (emissjonijiet verifikati).
5.Irkantar ta’ kwoti
L-irkantar huwa l-metodu ewlieni tad-distribuzzjoni tal-kwoti fl-EU ETS, u jirrappreżenta sa 57 % tal-limitu massimu. Ir-Regolament dwar l-Irkantar jistabbilixxi regoli sabiex jiġi żgurat li l-irkanti jsiru b’mod miftuħ, trasparenti, armonizzat u mhux diskriminatorju. Jispeċifika t-twaqqit, l-amministrazzjoni u aspetti oħrajn tal-irkant tal-kwoti tal-emissjonijiet.
Fl-2022, l-irkanti komplew isiru permezz tal-European Energy Exchange AG (EEX):
·bħala l-pjattaforma komuni tal-irkant għal 25 Stat Membru li jipparteċipaw fi proċedura ta’ akkwist konġunt;
·għall-Polonja, li għażlet li toħroġ mill-proċedura ta’ akkwist konġunt iżda li għadha ma ħatritx il-pjattaforma tal-irkant tagħha stess;
·għall-Iżlanda, għal-Liechtenstein u għan-Norveġja, wara li l-Ftehim taż-ŻEE ġie emendat fl-2019 sabiex jippermettilhom jipparteċipaw fil-Ftehim ta’ Akkwist Konġunt għall-pjattaforma tal-irkant komuni;
·għar-Renju Unit sabiex jirkanta kwoti għall-ġeneraturi tal-elettriku fl-Irlanda ta’ Fuq.
L-EEX wettqet irkantar għall-Ġermanja wkoll bħala l-pjattaforma tal-irkant ta’ “nonparteċipazzjoni” tagħha.
It-Tabella 2 tipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-volumi annwali ta’ kwoti rkantati mill-EEX sa mill-2021.
Tabella 2: Volumi totali ta’ kwoti rkantati (mill-1 ta’ Jannar 2021 sat-30 ta’ Ġunju 2023)
Sena
|
Kwoti ġenerali
|
Kwoti tal-avjazzjoni
|
2021
|
582 952 500
|
3 785 500
|
2022
|
482 389 000
|
3 698 000
|
2023
(sat-30 ta’ Ġunju)
|
247 762 000
|
2 326 500
|
B’kollox, fl-2022 saru 222 irkant, li tnejn minnhom ġew ikkanċellati. Fl-1 ta’ Frar, l-irkant għall-pjattaforma komuni tal-irkant ġie kkanċellat minħabba problema teknika. F’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament dwar l-Irkantar, il-volum korrispondenti tal-kwoti mbagħad tqassam matul l-erba’ rkanti sussegwenti. Fit-2 ta’ Marzu, l-irkant għall-Polonja ġie kkanċellat billi l-volum totali tal-offerta ma laħaqx il-volum tal-kwoti rkantati. Dak l-irkant ġie kkanċellat f’konformità mal-Artikolu 7(5) tar-Regolament dwar l-Irkantar, u l-volum tqassam ukoll matul l-erba’ rkanti sussegwenti. Fl-ewwel nofs tal-2023, saru 109 rkanti. Ma ġie kkanċellat l-ebda rkant matul dak il-perjodu.
Minn Lulju 2023, il-volumi tal-irkanti bdew jinkludu l-kwoti allokati mir-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza skont ir-Regolament REPowerEU. Il-kwoti rkantati skont ir-Regolament REPowerEU se jiġġeneraw EUR 20 biljun għall-Faċilità sal-31 ta’ Awwissu 2026.
L-Illustrazzjoni 3 tagħti ħarsa ġenerali lejn il-prezzijiet tal-ikklerjar fl-irkanti fis-suq tal-karbonju tal-UE fl-2022 u fl-ewwel nofs tal-2023. L-ogħla prezz tal-irkant fl-2022 ta’ EUR 97,51 intlaħaq fit-8 ta’ Frar. L-aktar prezz baxx ta’ EUR 57,91 ġie rreġistrat fis-7 ta’ Marzu 2022 matul perjodu ta’ volatilità akbar tas-suq ikkawżata mill-invażjoni fuq skala sħiħa tal-Ukrajna mir-Russja. Il-prezz medju laħaq it-EUR 80,18 fl-2022. Il-medda tal-prezzijiet kienet aktar ristretta fl-ewwel nofs tal-2023, bejn EUR 75,04 (is-17 ta’ Jannar) u EUR 96,33 (it-28 ta’ Frar).
Il-pjattaforma tal-irkant tippubblika regolarment riżultati dettaljati ta’ kull irkant fuq is-sit web tagħha. Aktar informazzjoni dwar it-twettiq tal-irkanti, inkluż dwar il-parteċipazzjoni, il-proporzjon ta’ kopertura u l-prezzijiet, tista’ tinstab fir-rapporti tal-irkanti tal-pajjiżi tal-ETS
Illustrazzjoni 3: Il-prezzijiet tal-ikklerjar fl-irkanti tal-kwoti ġenerali (mill-1 ta’ Jannar 2022 sat-30 ta’ Ġunju 2023)
6.Allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti
Filwaqt li l-irkantar huwa l-metodu primarju għad-distribuzzjoni tal-kwoti fl-EU ETS, volum sinifikanti ta’ kwoti jiġi allokat bla ħlas lil entitajiet regolati sabiex jiġi indirizzat ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. L-allokazzjoni bla ħlas hija miżura tranżizzjonali indirizzata primarjament lejn is-settur industrijali.
Lista dedikata għar-Rilokazzjoni tal-Emissjonijiet tal-Karbonju tidentifika s-setturi f’riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju li huma eliġibbli sabiex jirċievu allokazzjoni bla ħlas f’100 % tal-livelli ta’ referenza rilevanti. Il-lista għall-2021-2030 tidentifika 63 settur u sottosettur li jkopru madwar 94 % tal-emissjonijiet industrijali fl-EU ETS.
L-allokazzjoni bla ħlas għal setturi speċifiċi hija bbażata fuq parametri referenzjarji tal-prestazzjoni. Dawn il-parametri referenzjarji jirriflettu intensità medja tal-emissjonijiet għal kull unità ta’ prodott tal-10 % tal-installazzjonijiet l-aktar effiċjenti f’kull settur. Il-parametri referenzjarji jitnaqqsu b’mod inkrementali sabiex jiżdied l-inċentiv għas-settur sabiex jiddekarbonizza u javvanza l-innovazzjoni. Fl-2021, il-Kummissjoni aġġornat il-valuri tal-parametri referenzjarji tal-ETS, li japplikaw fl-ewwel perjodu ta’ allokazzjoni (2021-2025). Il-parametri referenzjarji se jiġu aġġornati għat-tieni perjodu ta’ allokazzjoni (2026-2030). Skont id-Direttiva riveduta dwar l-ETS, ir-rati annwali ta’ tnaqqis imbagħad jiżdiedu sabiex tiġi stimulata trasformazzjoni industrijali ulterjuri: ir-rata minima minn 0,2 % għal 0,3 % u r-rata massima minn 1,6 % għal 2,5 %.
Mill-2021, il-volumi tal-allokazzjoni bla ħlas jiġu aġġustati meta jseħħu bidliet fil-produzzjoni industrijali. Il-limitu għall-aġġustamenti huwa stabbilit għal żieda jew għal tnaqqis ta’ 15 % fil-produzzjoni. L-operaturi jintalbu jissottomettu rapporti annwali bid-data tal-produzzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti. Fuq il-bażi tad-data, jistgħu jsiru aġġustamenti fil-volum tal-allokazzjoni bla ħlas maħruġin. Din iż-żieda fl-istrettezza wasslet għal żieda fin-numru ta’ aġġustamenti annwali fil-volum tal-allokazzjoni bla ħlas. In-numru medju ta’ applikazzjonijiet sottomessi fl-2021 u fl-2022 kien ta’ madwar 3 600, madwar tliet darbiet aktar mill-medja annwali sal-2020.
Għall-bidu, l-allokazzjoni bla ħlas għall-2021-2025 kienet ġiet stabbilita għal 2 791 miljun kwota għal 7 430 installazzjoni. Bi prezz tal-karbonju stmat ta’ EUR 85/tunnellata CO2eq, il-valur ta’ din l-allokazzjoni jkun jammonta għal madwar EUR 47 biljun kull sena matul dan il-perjodu. Sa nofs l-2023, il-Kummissjoni adottat tmien deċiżjonijiet
sabiex taġġusta l-volumi tal-allokazzjoni bla ħlas, li rriżultaw fi tnaqqis ta’ 90,4 miljun kwota. Madankollu, b’mod parallel, il-Kummissjoni adottat tliet deċiżjonijiet li kkoreġew il-livell inizjali tal-allokazzjoni bla ħlas, li żdiedet b’3,4 miljun kwota. Dan kien neċessarju minħabba żbalji li nstabu fid-data sottomessa mill-installazzjonijiet u sabiex jiġu implimentati d-deċiżjonijiet tal-qrati. B’mod ġenerali, l-allokazzjoni bla ħlas għall-2021-2025 tnaqqset b’87 miljun kwota s’issa meta mqabbla mad-deċiżjoni inizjali.
L-aġġustamenti għal-livell ta’ allokazzjoni bla ħlas isiru mir-Riżerva għal Entranti Ġodda (NER). Dawn l-aġġustamenti jinkludu wkoll bidliet fl-allokazzjoni minħabba l-ftuħ jew l-għeluq tal-installazzjonijiet. Il-volum inizjali tal-NER fil-bidu tal-2021 ammonta għal 331,3 miljun kwota. Dan kien jinkludi kwoti mhux allokati u 200 miljun kwota mir-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq.
It-Tabella 3 tiġbor fil-qosor il-livelli annwali ta’ allokazzjoni bla ħlas fl-ewwel perjodu tal-allokazzjoni (il-livelli inizjali kif ukoll dawk aġġustati).
Tabella 3: Allokazzjoni bla ħlas fl-2021-2025 (miljuni ta’ kwoti)
Sena
|
2021
|
2022
|
2023
|
2024
|
2025
|
Total
|
Allokazzjoni bla ħlas inizjali (EU-27 + l-Iżlanda, il-Liechtenstein, u n-Norveġja)
|
559,6
|
558,9
|
558,2
|
557,5
|
556,8
|
2 791,1
|
Allokazzjoni bla ħlas attwali
|
545,9
|
543,0
|
539,2
|
538,4
|
537,7
|
2 704,1
|
Allokazzjoni bla ħlas aġġustata u kkoreġuta
|
-13,7
|
-15,9
|
-19,0
|
-19,1
|
-19,1
|
-87,0
|
Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-ETS tallinja l-allokazzjoni bla ħlas mal-EU ETS imsaħħa. Testendi l-ambitu tal-attivitajiet regolati mis-sistema u tal-parametri referenzjarji
sabiex jitneħħew id-diżinċentivi għall-varar ta’ teknoloġiji ġodda, bħall-idroġenu rinnovabbli jew l-azzar ibbażat fuq l-idroġenu. B’mod parallel, qegħdin jiġu introdotti kundizzjonijiet għall-aċċess għal allokazzjoni bla ħlas fil-forma ta’ awditi tal-enerġija u, għal ċerti installazzjonijiet, pjanijiet tan-newtralità klimatika. Ir-regoli ta’ implimentazzjoni dwar l-allokazzjoni bla ħlas bħalissa qegħdin jiġu riveduti.
F’ċerti setturi tal-ETS (siment, aluminju, fertilizzanti, idroġenu, ħadid u azzar), l-allokazzjoni bla ħlas se tiġi ssostitwita gradwalment minn mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (CBAM) mill-2026. Ir-Regolament 2023/956 (ir-Regolament CBAM) ġie adottat bħala wieħed mill-elementi xierqa għar-riformi tal-pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55 %” sabiex jittaffa r-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju hekk kif l-UE ssaħħaħ l-ambizzjoni klimatika tagħha. L-importaturi ta’ prodotti fis-setturi tas-CBAM iġarrbu imposta għall-emissjonijiet inkorporati ekwivalenti għal dak li l-produtturi tal-UE jħallsu skont l-EU ETS. Perjodu tranżitorju li jibda fl-2023 gradwalment jintroduċi r-reġim il-ġdid. Id-dħul mill-eliminazzjoni gradwali ta’ kwoti bla ħlas għas-setturi tas-CBAM se jintuża sabiex jiżdied il-baġit tal-Fond għall-Innovazzjoni.
7.Dħul mill-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet
L-EU ETS tiġġenera dħul sostanzjali li jintuża sabiex tiġi avvanzata l-azzjoni klimatika. Dan jinkludi l-finanzjament ta’ investimenti fit-trasformazzjoni tal-enerġija, fid-dekarbonizzazzjoni industrijali u fl-innovazzjoni teknoloġika kif ukoll miżuri soċjali b’appoġġ għat-tranżizzjoni ekoloġika. B’dan il-mod, l-esponiment tas-setturi tal-ETS għall-prezz tal-karbonju jista’ jitnaqqas ukoll maż-żmien. Prezz ogħla tal-karbonju jwassal għal dħul ogħla.
Id-dħul mill-irkant tal-kwoti fl-EU ETS imur l-aktar fil-baġits tal-Istati Membri. Barra minn hekk, porzjon tal-kwoti jiġi rkantat u jiffinanzja l-Fond għall-Innovazzjoni u l-Fond għall-Modernizzazzjoni. Il-Fond għall-Innovazzjoni huwa s-suċċessur tal-programm NER 300, li kien iffinanzjat mill-EU ETS sal-2020. It-Tabelli 2 u 3 fid-Dokument ta’ ħidma tal-persunal jinkludu diżaggregazzjoni tad-dħul tal-ETS tal-2022 għal kull pajjiż tal-EU ETS u t-Tabella 4 turi d-dħul iġġenerat fl-2022 għall-Fond għall-Innovazzjoni u għall-Fond għall-Modernizzazzjoni. Id-Dokument ta’ ħidma tal-persunal jinkludi wkoll sommarju tal-implimentazzjoni u tal-proġetti tal-NER 300 appoġġati permezz tal-fondi tiegħu (Tabella 5).
Fl-2022, l-EU ETS iġġenerat total ta’ EUR 38,8 biljun fi dħul mill-irkanti, EUR 7,7 biljun aktar mill-2021. Minn dan l-ammont, tqassmu EUR 29,7 biljun direttament lill-Istati Membri. Huma rrapportaw li bħala medja nefqu 76 % ta’ dan id-dħul fuq proġetti relatati mal-klima u mal-enerġija – l-istess bħal fl-2021 u b’mod allinjat mal-medja ta’ 75 % fl-2013-2020. Madwar 25 % tad-dħul tal-Istati Membri huwa allokat għal azzjonijiet speċifiċi dwar il-klima u l-enerġija, 27 % imorru f’fondi ambjentali dedikati u 48 % imorru għall-baġits nazzjonali. L-Istati Membri komplew jużaw ukoll id-dħul tagħhom sabiex jindirizzaw l-impatt soċjali tal-kriżi tal-enerġija. Ħarsa ġenerali aktar dettaljata lejn ir-rapportar tal-Istati Membri dwar l-użu tad-dħul tagħhom mill-ETS fl-2022 hija disponibbli fir-Rapport ta’ Progress tal-2023 dwar l-Azzjoni Klimatika.
Qabel l-aħħar reviżjoni, id-Direttiva dwar l-ETS kienet tirrikjedi li l-Istati Membri jużaw tal-anqas 50 % tad-dħul mill-irkant tagħhom u d-dħul kollu mill-kwoti għall-avjazzjoni għal skopijiet relatati mal-klima u mal-enerġija. Id-Direttiva riveduta tintroduċi obbligu għall-Istati Membri sabiex jonfqu d-dħul kollu mill-EU ETS (jew ammont ekwivalenti) fuq it-tranżizzjoni ekoloġika, inklużi miżuri soċjali. Fil-kuntest tal-kamp ta’ applikazzjoni estiż, l-Istati Membri huma mħeġġin ukoll jappoġġaw id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport marittimu u l-ħarsien tal-bijodiversità tal-baħar. Ir-regoli riveduti dwar l-infiq diġà daħlu fis-seħħ fil-5 ta’ Ġunju 2023; ir-rapport tas-sena d-dieħla se jkopri dan.
Kostijiet indiretti tal-karbonju
L-Istati Membri jistgħu jagħtu għajnuna mill-Istat lil ċerti industriji intensivi fl-enerġija għall-kostijiet tal-karbonju li jirriżultaw minn emissjonijiet indiretti, b’mod speċifiku minn prezzijiet tal-elettriku għoljin minħabba kumpaniji tal-enerġija li jgħaddu l-kost tax-xiri ta’ kwoti lill-konsumaturi. Il-Kummissjoni adottat linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat tal-EU ETS sabiex tarmonizza l-implimentazzjoni ta’ din l-għajnuna bejn l-Istati Membri u timminimizza d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq uniku. Dawn il-linji gwida l-ewwel applikaw għall-kostijiet indiretti mġarrbin mill-2013 sal-2020. Il-linji gwida ġew riveduti fl-2020 sabiex ikopru l-perjodu 2021-2030.
Fl-2022, għall-ewwel darba l-Istati Membri ħallsu għall-kostijiet indiretti fuq il-bażi tal-linji gwida riveduti dwar l-għajnuna mill-Istat. Fil-prattika, dan ifisser li huma kienu nnotifikaw skemi għall-perjodu l-ġdid lill-Kummissjoni għall-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, li sussegwentement ġew approvati bħala kompatibbli mas-suq uniku.
B’kuntrast mal-2021, il-Litwanja waqqfet il-kumpens għall-kostijiet indiretti tagħha fl-2022. Madankollu, is-Slovenja u l-Awstrija introduċew skemi ġodda, iżda l-pagamenti mhux se jibdew qabel l-2023. Dan ifisser li fl-2022, 13-il Stat Membru ħallsu lill-industrija għall-kostijiet indiretti tal-karbonju li l-installazzjonijiet ġarrbu fl-2021. Il-Portugall jista’ jiżdied ma’ din il-lista, iżda l-iskema tiegħu ġiet adottata biss fi tmiem l-2022, li jfisser li l-pagamenti seħħew aktar tard u għad ma hemm l-ebda data disponibbli.
Fi żmien tliet xhur mit-tmiem ta’ kull sena, l-Istati Membri bi skema ta’ kumpens għall-kostijiet indiretti fis-seħħ iridu jippubblikaw l-ammonti ta’ kumpens totali mħallsin, inkluża diżaggregazzjoni għal kull settur u sottosettur riċevitur. It-Tabella 4 tiġbor fil-qosor id-data ppubblikata mill-Istati Membri dwar il-kumpens imħallas fl-2022. L-ammonti ta’ kumpens jitqabblu wkoll mad-dħul mill-irkant tal-2021.
Tabella 4: Ammonti mħallsin fl-2022 għall-kostijiet indiretti mġarrbin fl-2021
Stat Membru
|
Ammont imħallas
għall-kostijiet indiretti
imġarrbin fl-2021
(miljuni ta’ EUR)]
|
Numru
ta’ riċevituri
(istallazzjonijiet)
|
Dħul
mill-irkanti
fl-2021
(miljuni ta’ EUR)
|
Sehem mid-
dħul mill-irkanti
li ntnefaq fuq
kostijiet indiretti
|
Il-Belġju (FL)
|
75,2
|
37
|
527,3
|
17,0 %
|
Il-Belġju (WL)
|
14,2
|
15
|
|
|
Iċ-Ċekja
|
30,3
|
27
|
601,9
|
5,0 %
|
Il-Ġermanja
|
806
|
676
|
5 270,9
|
15,3 %
|
Il-Greċja
|
111,6
|
52
|
1 003,9
|
11,1 %
|
Spanja
|
244
|
211
|
2 452,4
|
10,0 %
|
Il-Finlandja
|
63,3
|
50
|
404,6
|
15,6 %
|
Franza
|
300,2
|
275
|
1 445,9
|
20,7 %
|
L-Italja
|
146,8
|
229
|
2 495,8
|
5,9 %
|
Il-Lussemburgu
|
12
|
4
|
7,3
|
176,7 %
|
In-Netherlands
|
59,8
|
59
|
894
|
6,7 %
|
Il-Polonja
|
167,6
|
92
|
4 966,4
|
3,4 %
|
Ir-Rumanija
|
126
|
29
|
480,1
|
26,2 %
|
Is-Slovakkja
|
1
|
7
|
275,8
|
0,0 %
|
Il-kumpens totali tal-kostijiet indiretti mħallas mit-13-il Stat Membru fl-2022 ammonta għal madwar EUR 2,16 biljun. Dan huwa anqas mill-EUR 2,38 biljun żborżati fl-2021. Il-Linji Gwida riveduti tal-ETS naqqsu n-numru ta’ setturi eliġibbli għall-kumpens. In-numru ta’ installazzjonijiet li rċevew l-għajnuna naqas ukoll: minn aktar minn 2000 fl-2021, għal madwar 1750 fl-2022. Il-Linji Gwida riveduti tal-ETS aġġornaw ukoll il-fatturi ta’ emissjoni li l-Istati Membri jużaw sabiex jikkalkolaw l-ammont massimu ta’ għajnuna, li jirriżultaw f’pagamenti aktar baxxi għal kull megawatt siegħa ta’ konsum b’parametru referenzjarju. Min-naħa l-oħra, l-inklużjoni tas-settur tar-raffinar kif ukoll l-introduzzjoni ta’ possibbiltà li tiġi limitata l-kontribuzzjoni massima proprja għall-kostijiet indiretti għal industriji ferm elettrointensivi (jiġifieri, sa 1,5 % tal-valur miżjud gross tal-benefiċjarju) għandhom l-effett oppost li jżidu l-ammont globali tal-għajnuna.
Skont l-iskemi l-ġodda implimentati mill-Istati Membri, il-benefiċjarji għandhom jerġgħu jinvestu parti mill-għajnuna fi proġetti li jbaxxu l-impronta tal-karbonju diretta jew indiretta tagħhom u b’hekk l-iskopertura tagħhom għar-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju.
Il-prezz tal-karbonju użat sabiex jiġu evalwati l-kostijiet indiretti mġarrbin fl-2021 (ikkalkolat bħala l-prezz medju tal-futuri għal dik is-sena rreġistrat fl-2020) kien ta’ EUR 25,09, kważi daqs il-EUR 25,20 użati għall-kostijiet indiretti mġarrbin fl-2020. L-iskemi ta’ kumpens tipikament ikollhom baġit ikkalkolat għall-perjodu kollu ta’ applikazzjoni (li għall-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jkopri l-2021-2030).
Il-pagamenti għall-kostijiet indiretti żdiedu wkoll f’termini relattivi. Il-pagamenti totali għall-kostijiet indiretti fl-2022 kienu 10,4 % tad-dħul mill-irkanti tal-2021 mit-13-il Stat Membru. Fl-2021, bħala medja nefqu 19,2 % tad-dħul mill-irkanti tagħhom fuq kostijiet indiretti tal-karbonju. Hawnhekk, il-fattur ewlieni ma huwiex il-kumpens imnaqqas, iżda ż-żieda fid-dħul mill-irkanti fl-2021 meta mqabbel mal-2020.
L-Istati Membri li jonfqu aktar minn 25 % tad-dħul mill-irkanti tagħhom fuq il-kostijiet indiretti fi kwalunkwe sena huma meħtieġa wkoll jippubblikaw rapport li jispjega għaliex qabżu dan il-limitu. Fl-2022, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri baqgħet ferm taħt dan il-limitu. Iż-żieda fid-dħul mill-irkanti hija wkoll il-mutur ewlieni hawnhekk. Minkejja dan, żewġ Stati Membri nefqu aktar minn 25 % tad-dħul mill-irkanti tagħhom fuq pagamenti għall-kostijiet indiretti: il-Lussemburgu u r-Rumanija.
In-nefqa tal-Lussemburgu kienet ferm akbar mid-dħul tal-irkanti totali tagħha. Fil-biċċa l-kbira, dan kien dovut għal tnaqqis fil-volum tal-irkanti tal-pajjiż ikkawżat primarjament mill-użu tiegħu tal-kwoti tal-ETS għat-tpaċija tal-emissjonijiet fis-setturi koperti mir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi (“flessibbiltà tal-ESR”). L-effett nett huwa li l-Lussemburgu rċieva anqas minn nofs l-ammont ta’ dħul fl-2021 meta mqabbel mal-2020. F’termini assoluti, il-kumpens tal-Lussemburgu għall-2022 fil-fatt naqas meta mqabbel mal-2021. Għall-kuntrarju, ir-Rumanija, qabżet bi ftit biss il-limitu u spjegat li dan kien parzjalment ir-riżultat tal-irkupru ekonomiku, li kien wassal għal żieda fil-produzzjoni industrijali u fil-konsum tal-elettriku.
Il-Fond għall-Innovazzjoni
Il-Fond għall-Innovazzjoni, iffinanzjat kompletament mill-EU ETS, huwa wieħed mill-akbar programmi ta’ finanzjament tad-dinja għall-varar ta’ soluzzjonijiet u ta’ teknoloġiji innovattivi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u b’livell żero ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-enerġija, fl-industrija u fil-mobilità b’emissjonijiet żero netti. Il-Fond jipprovdi għotjiet għal proġetti mmirati lejn il-varar kummerċjali ta’ teknoloġiji innovattivi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u lejn l-introduzzjoni fis-suq ta’ soluzzjonijiet industrijali għad-dekarbonizzazzjoni tal-Ewropa u għall-appoġġ għat-tranżizzjoni għan-newtralità klimatika.
Il-Kummissjoni tirrapporta f’aktar dettall dwar l-implimentazzjoni tal-Fond għall-Innovazzjoni separatament. It-tieni Rapport ta’ Progress dwar l-implimentazzjoni tal-Fond għall-Innovazzjoni huwa mistenni fir-raba’ trimestru tal-2023.
F’termini ta’ riżultati konkreti s’issa, 16-il proġett fuq skala kbira u 16-il proġett fuq skala żgħira ffirmaw ftehimiet ta’ għotja wara t-tieni sessjoni ta’ sejħiet għal proposti konklużi fl-2022. Aktar minn EUR 1,8 biljun se jiffinanzjaw l-innovazzjoni, inkluż fis-setturi tas-siment, tal-idroġenu, tas-sustanzi kimiċi u tal-manifattura, u se javvanzaw id-dekarbonizzazzjoni fi tmien pajjiżi tal-ETS. Madwar EUR 60 miljun se jiffinanzjaw l-innovazzjoni fuq skala żgħira f’diversi setturi diffiċli sabiex jitrażżnu, inklużi tal-ħġieġ, tas-siment, tal-ħżin tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli.
Bi proġetti mogħtijin appoġġ fir-Repubblika Ċeka, fis-Slovenja, fil-Litwanja u f’Ċipru, il-bilanċ settorjali u ġeografiku tal-Fond għall-Innovazzjoni tjieb. Sa Ġunju 2023, il-portafoll totali tal-Fond għall-Innovazzjoni kellu 69 proġett taħt implimentazzjoni b’kontribuzzjoni tal-ETS ta’ EUR 3,1 biljun. Meta jitlestew, huwa stmat li dawn il-proġetti se jiffrankaw madwar 215-il Mt CO2eq f’emissjonijiet fl-ewwel għaxar snin tal-operat tagħhom.
L-inċentiv mill-prezz tal-karbonju tal-EU ETS għal dawn il-proġetti huwa ħafna akbar mill-ammont ta’ finanzjament miksub mill-Fond għall-Innovazzjoni. Pereżempju, il-benefiċċju tal-prezz tal-karbonju għall-argument għall-vijabbiltà tal-kumpaniji mill-proġetti appoġġati mill-Fond għall-Innovazzjoni s’issa huwa ta’ madwar EUR 17,3-il biljun (il-kostijiet tal-karbonju evitati minħabba emissjonijiet aktar baxxi). Dan l-inċentiv jaqbeż b’mod ċar l-appoġġ tal-Fond għall-Innovazzjoni għal dawn il-proġetti ta’ EUR 3,1 biljun. Dan jirrifletti l-loġika tal-EU ETS, li abbażi tagħha l-prezz tal-karbonju huwa l-inċentiv ewlieni fit-tul, filwaqt li l-Fond għall-Innovazzjoni jissupplimenta dan l-inċentiv sabiex titħaffef il-bidla.
B’mod parallel, intgħażlu 18-il proġett li ma rnexxewx mit-tieni sensiela ta’ sejħiet (kemm fuq skala kbira kif ukoll fuq skala żgħira) għall-assistenza fl-iżvilupp tal-proġetti fil-qafas tal-Fond għall-Innovazzjoni. Dan l-appoġġ jammonta għal EUR 6,87 miljun u huwa pprovdut mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI). Sa mill-bidu tal-programm, 43 proġett ingħataw assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti, u b’hekk inħolqu sensiela b’saħħitha ta’ applikazzjonijiet futuri ta’ kwalità tajba.
It-tielet sejħa għal proġetti fuq skala kbira ffukat speċifikament fuq oqsma marbutin mal-pjan REPowerEU tal-UE. F’Lulju 2023, fil-preselezzjoni ntgħażlu 41 proġett sabiex jitħejjew ftehimiet ta’ għotja għal kontribuzzjoni mingħajr preċedent ta’ EUR 3,6 biljun mill-Fond għall-Innovazzjoni. Il-ftehimiet huma mistennijin jiġu ffirmati sal-aħħar tal-2023. It-tielet sejħa fuq skala żgħira, b’baġit ta’ EUR 100 miljun, għalqet fid-19 ta’ Settembru 2023, bi 72 proposta riċevuti.
Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-ETS iġġib bidliet importanti fil-Fond għall-Innovazzjoni. Il-Fond jiżdied minn 450 għal madwar 530 miljun kwota, li l-bejgħ tagħhom huwa mistenni li jiġbor madwar EUR 40 biljun fi dħul disponibbli sal-2030. Aktar setturi huma inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Fond - baħar, bini u trasport bit-triq. Barra minn hekk, ġew introdotti elementi ġodda fil-kopertura tal-Fond sabiex dan jiġi allinjat aħjar mal-ħtiġijiet tas-suq, inkluża kategorija ta’ proġetti fuq skala medja u mekkaniżmi ta’ finanzjament bħal proċeduri ta’ offerti kompetittivi (irkanti). Filwaqt li l-Fond għadu ffukat fuq innovazzjoni rivoluzzjonarja, huwa estiż sabiex jiżdiedu t-teknoloġiji innovattivi u l-irkanti għandhom jgħinu f’dan. Fid-dawl tar-reviżjoni, ir-Regolament 2019/856 dwar il-Fond għall-Innovazzjoni ġie emendat. Huwa mistenni li jidħol fis-seħħ fil-bidu ta’ Novembru 2023.
Ir-raba’ sejħa għall-proposti, li tkopri proġetti fuq skala żgħira, medja u kbira, b’baġit tentattiv ta’ EUR 4 biljun kif ukoll l-ewwel irkant għall-idroġenu rinnovabbli b’baġit ta’ EUR 800 miljun se titnieda qabel tmiem l-2023, fil-qafas tar-regoli riveduti. L-irkant pilota u dak segwenti huma miftuħin għall-Istati Membri sabiex jassenjawlhom baġits nazzjonali bl-għan li jappoġġaw proġetti addizzjonali – dan huwa l-kunċett ta’ “Irkant bħala Servizz” deskritt fil-Komunikazzjoni dwar il-Bank Ewropew tal-Idroġenu.
Il-Fond għall-Modernizzazzjoni
Il-Fond għall-Modernizzazzjoni huwa programm ta’ solidarjetà ffinanzjat mill-EU ETS. Dan jappoġġa 10 Stati Membri b’introjtu aktar baxx u, mill-2024, 13-il Stat Membru b’introjtu aktar baxx, sabiex jilħqu l-miri klimatiċi u tal-enerġija tal-2030 billi jgħinhom ivaraw proġetti li jimmodernizzaw is-sistemi tal-enerġija u jtejbu l-effiċjenza enerġetika. Il-baġit tiegħu ġej mill-irkantar ta’ sehem mil-limitu massimu tal-EU ETS; huwa allokat bejn l-Istati Membri benefiċjarji skont kjavi fissa.
L-Istati Membri jissottomettu proposti ta’ investiment li jagħżlu sabiex jiġu vvalutati mill-Bank Ewropew tal-Investiment. Madankollu, huma mitluba jużaw il-biċċa l-kbira tar-riżorsi tagħhom taħt il-qafas tal-Fond fuq investimenti prijoritarji li jgħinu sabiex javvanzaw it-trasformazzjoni tal-enerġija tagħhom. Il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni ta’ żborż ladarba investiment jiġi kkonfermat bħala prijorità mill-BEI jew jiġi rrakkomandat għall-finanzjament mill-Kumitat tal-Investiment tal-Fond bħala nonprijorità. Id-deċiżjonijiet dwar l-iżborż jinħarġu f’żewġ ċikli kull sena, u jkopru l-investimenti fl-Istati Membri benefiċjarji kollha.
L-iżborżi totali mill-Fond għall-Modernizzazzjoni minn Jannar 2021 jammontaw għal madwar EUR 7,5 biljun, li minnhom jibbenefikaw l-Istati Membri eliġibbli kollha. It-Tabella 5 tippreżenta l-ammonti żborżati għal kull Stat Membru. F’Ġunju 2023, il-Kummissjoni adottat il-ħames deċiżjoni ta’ żborż taħt il-qafas tal-Fond għall-Modernizzazzjoni. Fuq din il-bażi, il-BEI għamel pagamenti għal total ta’ EUR 2,4 biljun lil seba’ Stati Membri benefiċjarji sabiex iffinanzja 31 proposta ta’ investiment. Is-sottomissjonijiet għal sensiela oħra ta’ proposti taħt il-Fond għall-Modernizzazzjoni ngħalqu fil-15 ta’ Awwissu 2023 għal proġetti mhux prijoritarji u fit-12 ta’ Settembru 2023 għal proġetti prijoritarji.
Tabella 5: Żborżi totali mill-Fond għall-Modernizzazzjoni (mill-1 ta’ Jannar 2021 sat-30 ta’ Ġunju 2023)
Stat Membru benefiċjarju
|
Ammonti żborżati mill-2021
(miljuni ta’ EUR)
|
Il-Bulgarija
|
196,6
|
Iċ-Ċekja
|
2 677,2
|
L-Estonja
|
87,0
|
Il-Kroazja
|
210,0
|
L-Ungerija
|
108,6
|
Il-Litwanja
|
114,0
|
Il-Latvja
|
5,0
|
Il-Polonja
|
1 036,2
|
Ir-Rumanija
|
2 558,2
|
Is-Slovakkja
|
519,5
|
TOTAL
|
7 512,2
|
Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-ETS iġġib bidliet importanti fid-daqs u fil-governanza tal-Fond għall-Modernizzazzjoni. Id-daqs tal-Fond jiżdied b’110 miljun kwota miżjudin mas-640 miljun oriġinali. Din iż-żieda hija kondiviża bejn 13-il Stat Membru benefiċjarju – l-10 benefiċjarji oriġinali flimkien mal-Greċja, mal-Portugall u mas-Slovenja. Saħansitra aktar riżorsi tal-ETS taħt il-qafas tal-Fond jiġu allokati għal riżorsi prijoritarji, filwaqt li l-lista ta’ prijoritajiet titwessa’. Fid-dawl tar-reviżjoni, ir-Regolament dwar il-Fond għall-Modernizzazzjoni 2020/1001 qed jiġi emendat. Huwa skedat għall-adozzjoni fir-raba’ trimestru tal-2023. Ir-Regolament emendat jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2024, sabiex ir-regoli l-ġodda diġà jkunu japplikaw fl-ewwel ċiklu ta’ żborż dik is-sena.
8.Tnaqqis tal-emissjonijiet fl-EU ETS
Fl-2022, l-emissjonijiet globali fl-EU ETS ammontaw għal 1 362,1 miljun tunnellata ta’ CO2eq (tnaqqis minn 1 364,9 miljun tunnellata ta’ CO2eq fl-2021). L-emissjonijiet mill-installazzjonijiet kienu jammontaw għal 1 313-il miljun tunnellata ta’ CO2eq, 1,8 % anqas mill-2021. It-tnaqqis fl-emissjonijiet kien xprunat l-aktar minn installazzjonijiet industrijali (−6,5 % fl-2022). L-emissjonijiet mill-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana żdiedu għat-tieni sena konsekuttiva (+2,4 % fl-2022). Dan kien prinċipalment minħabba l-kriżi tal-enerġija fl-Ewropa u l-użu sussegwenti ogħla tal-fjuwils fossili fil-ġenerazzjoni tal-elettriku.
L-emissjonijiet mill-installazzjonijiet industrijali naqsu b’6,5 % fl-2022 meta mqabblin mal-2021. Jista’ jiġi osservat tnaqqis sinifikanti fil-produzzjoni tal-klinker tas-siment, tal-ħadid jew tal-azzar fondut grezz, ta’ volumi kbar ta’ sustanzi kimiċi, tal-ġir u tal-kalċinazzjoni tad-dolomit/tal-manjeżit u tal-ammonijaka. Żieda fl-emissjonijiet tista’ tiġi osservata fis-settur tar-raffinar taż-żejt minerali. It-Tabella 66 turi x-xejra fl-emissjonijiet tal-ETS mill-installazzjonijiet f’dawn l-aħħar snin.
Tabella 6. L-emissjonijiet verifikati mill-installazzjonijiet fl-EU ETS [miljuni ta’ tunnellati].
Sena
|
2019
|
2020
|
2021
|
2022
|
Emissjonijiet verifikati mill-installazzjonijiet stazzjonarji
|
1 530
|
1 356
(1,253 għajr ir-Renju Unit)
|
1 337
|
1 313
|
Bidla sena wara sena
|
-9,1 %
|
-11,4 %
|
-1,4 %
(6,6 % għajr ir-Renju Unit)
|
-1,8 %
|
Emissjonijiet verifikati mill-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana
|
822
|
696
(653 għajr ir-Renju Unit)
|
708
|
725
|
Bidla sena wara sena
|
-14,7 %
|
-15,3 %
|
1,6 %
(8,4 % għajr ir-Renju Unit)
|
2,4 %
|
Emissjonijiet verifikati mill-produzzjoni industrijali
|
708
|
660
(601 għajr ir-Renju Unit)
|
629
|
588
|
Bidla sena wara sena
|
-1,6 %
|
-6,9 %
|
-4,7 %
(4,6 % għajr ir-Renju Unit)
|
-6,5 %
|
L-Illustrazzjoni 4 u l-Illustrazzjoni 5 juru x-xejra fl-emissjonijiet mill-kombustjoni tal-fjuwils fossili mill-installazzjonijiet tal-EU ETS – fit-total u skont it-tip ta’ fjuwil, rispettivament. B’kollox, l-emissjonijiet qabdu xejra ta’ tnaqqis. Madankollu, ix-xejra fit-tul tas-sostituzzjoni tal-antraċit bil-gass naturali nqalbet fl-2022, b’rabta maż-żieda għolja fil-prezz tal-gass naturali. L-emissjonijiet tal-bijomassa ma humiex koperti taħt il-qafas tal-EU ETS; għalhekk, dawn ma humiex inklużi fil-valuri tal-emissjonijiet fit-taqsimiet l-oħrajn ta’ dan ir-rapport. Iċ-ċifra turi wkoll xejra ta’ użu dejjem akbar tal-bijomassa mill-installazzjonijiet tal-ETS, b’16,7 % supplimentari għall-emissjonijiet tal-installazzjonijiet tal-ETS fl-2022. Sal-2022, l-emissjonijiet mill-kombustjoni tal-bijomassa kienu ġeneralment ugwali għal żero.
Illustrazzjoni 4: Ix-xejra fl-emissjonijiet totali mill-kombustjoni tal-fjuwils fossili fl-EU ETS
Illustrazzjoni 5: Ix-xejra fis-sehem tal-emissjonijiet ta’ kull tip ta’ fjuwil (% tal-emissjonijiet totali tal-fjuwil fl-installazzjonijiet tal-ETS, it-tikketti ma jidhrux jekk il-fjuwil qatt ma jilħaq sehem ta’ aktar minn 3 % tat-total)
[*] mhux koperti mill-fjuwils speċifikati l-oħrajn
Mill-1 ta’ Jannar 2023, il-kriterji l-ġodda dwar is-sostenibbiltà u l-iffrankar tal-emissjonijiet skont id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli japplikaw għall-emissjonijiet minn bijomassa ugwali għal żero fl-EU ETS. Dawn jinkludu kriterji aktar stretti dwar il-bijofjuwils u l-bijolikwidi u kriterji ġodda għall-bijomassa solida u gassuża.
Il-fjuwils tal-bijomassa li jissodisfaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà applikabbli u l-kriterji dwar l-iffrankar tal-gassijiet serra jew li ma humiex koperti minn dawn il-kriterji jistgħu jitqiesu li huma ugwali għal żero. Dan ifisser li l-emissjonijiet tas-CO2 tagħhom ma jgħoddux bħala tas-CO2 fossili. L-operaturi ma għandhomx għalfejn iċedu kwoti tal-ETS għal dawn l-emissjonijiet ugwali għal żero. Għalhekk, fl-Illustrazzjoni 5, l-emissjonijiet tal-bijomassa ugwali għal żero jintwerew b’mod supplimentari għall-emissjonijiet tal-fjuwils fossili.
L-Illustrazzjoni 6 turi kif l-emissjonijiet ugwali għal żero mill-bijomassa jinqasmu bejn l-installazzjonijiet tal-Kategoriji A, B, u C fl-EU ETS. Il-qasma teskludi l-fażi tal-assorbiment u l-valur nett tal-emissjonijiet. L-emissjonijiet ugwali għal żero mill-bijomassa kienu ta’ 173 MT CO2eq, fl-2022, u simili għas-sena ta’ qabel.
L-emissjonijiet mill-bijomassa mhux ugwali għal żero baqgħu minimi għal madwar 1,3 Mt CO2eq, u jirrappreżentaw ftit anqas minn 0,1 % tal-emissjonijiet totali tal-ETS minn installazzjonijiet stazzjonarji. Filwaqt li dan huwa kważi l-istess sehem bħal fl-2021, huwa mistenni li jiżdied minħabba li r-rekwiżiti għal bijomassa ugwali għal żero se jsiru aktar stretti, b’mod partikolari wara l-2023. Sal-1 ta’ Jannar 2023, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jippermettu lill-installazzjonijiet jikklassifikaw l-emissjonijiet mill-bijomassa bħala ugwali għal żero mingħajr ma juru konformità mal-kriterji tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli II għas-sostenibbiltà u l-iffrankar tal-emissjonijiet.
Illustrazzjoni 6: L-emissjonijiet annwali tal-installazzjonijiet tal-ETS, li joriġinaw minn bijomassa ugwali għal żero, mill-2013 sal-2020 (miljuni ta’ tunnellati ta’ CO2eq)
9.Ibbilanċjar tal-provvista u tad-domanda fis-suq tal-karbonju tal-UE
Ir-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq (MSR) inħolqot bħala soluzzjoni bbażata fuq ir-regoli u fit-tul għal żbilanċ strutturali bejn il-provvista u d-domanda għall-kwoti fl-EU ETS fil-bidu tal-fażi 3. Fl-2013, is-suq tal-karbonju tal-UE kellu surplus ta’ 2,1 biljun kwota (wara li pprovda għall-użu ta’ 1,6 biljun kreditu internazzjonali għall-konformità fl-EU ETS).
L-MSR taġġusta l-provvista tal-kwoti fl-EU ETS skont il-limiti prestabbiliti tan-numru totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni (TNAC). Fuq il-bażi tal-livell tat-TNAC, il-kwoti jew jiġu rtirati mill-irkanti u jitqiegħdu fir-Riżerva jew jiġu rrilaxxati mir-Riżerva u jiġu rkantati. B’dan il-mod, l-MSR trawwem il-bilanċ u r-reżiljenza għal xokkijiet futuri fil-provvista u fid-domanda, u tippermetti lis-suq tal-karbonju tal-UE jiffunzjona mingħajr xkiel. Ir-Riżerva bdiet topera fl-2019 u minn dak iż-żmien irtirat il-kwoti miċ-ċirkolazzjoni.
Il-Kummissjoni tippubblika t-TNAC kull sena. Dan jiġi kkalkolat għas-sena preċedenti, filwaqt li l-aġġustamenti fil-provvista jsegwu l-pubblikazzjoni fuq perjodu ta’ 12-il xahar u skont kjavi speċifika. Fil-15 ta’ Mejju 2023, il-Kummissjoni ppubblikat il-Komunikazzjoni dwar it-TNAC fl-2022. Dan ammonta għal 1,13 biljun kwota – tnaqqis meta mqabbel mal-2021 iżda xorta ogħla mil-limitu li jattiva r-Riżerva. B’riżultat ta’ dan, 272 miljun kwota (24 % tat-TNAC) qegħdin jiġu rtirati mill-irkanti minn Settembru 2023 sa Awwissu 2024. L-Illustrazzjoni 7 turi x-xejra fis-surplus tal-kwoti fl-EU ETS sa mill-2013. Il-kontribuzzjonijiet tal-pajjiżi tal-ETS għall-MSR mill-2019 huma ppreżentati fit-Tabella 6 fid-Dokument ta’ ħidma tal-persunal.
Illustrazzjoni 7: Is-surplus ta’ kwoti fl-EU ETS (2013-2022)
Mill-2023, l-MSR tinvalida l-kwoti fil-parteċipazzjonijiet tagħha li jaqbżu ċertu limitu. Il-Kummissjoni rrapportat dwar dan fil-Komunikazzjoni dwar it-TNAC fl-2022. Il-limitu applikabbli kien il-volum tal-irkanti tal-2022 (486 miljun kwota). Fil-31 ta’ Diċembru 2022, l-MSR kien fiha aktar minn 3 biljun kwota. B’riżultat ta’ dan, 2,5 biljun kwota saru invalidi fl-1 ta’ Jannar 2023. Il-kwoti li jifdal jikkorrispondu għal dawk imqegħdin fir-Riżerva permezz tal-inkorporazzjonijiet tagħha sa mill-2019. Minn dan il-volum li jifdal, ittieħdu 27 miljun kwota skont ir-Regolament REPowerEU sabiex jiġu rkantati bl-għan li jfornu l-Fond għall-Innovazzjoni. Il-kalkolu tat-TNAC fl-2023 se jirrifletti dan.
Saru bidliet importanti sabiex tissaħħaħ ir-riżerva bħala parti mill-pakkett Lesti għall-Mira ta’ 55 % – fir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-ETS u tad-Deċiżjoni dwar l-MSR. Dawn se jidħlu fis-seħħ fl-2024. Prinċipalment, tinżamm ir-rata ta’ inkorporazzjoni tal-MSR ta’ 24 % u l-limitu ta’ invalidazzjoni huwa stabbilit għal 400 miljun kwota. Il-mekkaniżmu tar-rata ta’ inkorporazzjoni huwa adattat ukoll sabiex inaqqas l-effetti tal-limitu. Meta t-TNAC ikun bejn 833 u 1 096 miljun kwota, il-mekkaniżmu tar-rata ta’ inkorporazzjoni ma jiġix attivat; minflok, jitnaqqas sehem iżgħar ta’ kwoti mill-volumi tal-irkant u dan jitqiegħed fir-Riżerva. Barra minn hekk, mill-2024, id-domanda netta mill-avjazzjoni se tiġi inkluża fil-kalkolu tat-TNAC. Il-Komunikazzjoni dwar it-TNAC fl-2023 se tqis dawn il-bidliet. Għandha tiġi ppubblikata sal-1 ta’ Ġunju 2024.
10. Avjazzjoni
L-EU ETS irregolat l-emissjonijiet mis-settur tal-avjazzjoni mill-2012. Legalment, is-sistema tkopri t-titjiriet kollha li ħerġin u t-titjiriet kollha li deħlin fiż-ŻEE. Madankollu, fl-2013, l-UE temporanjament illimitat l-obbligi tal-ETS għat-titjiriet fi ħdan iż-ŻEE sabiex tappoġġa l-iżvilupp ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-avjazzjoni mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO)
. Il-kopertura tad-Direttiva dwar l-ETS ġiet estiża tliet darbiet minn dak iż-żmien, kif spjegat hawn taħt.
L-ewwel nett, mill-1 ta’ Jannar 2020, l-EU ETS tkopri wkoll l-emissjonijiet minn titjiriet ħerġin lejn l-Iżvizzera
. L-ETS Żvizzera tapplika għal titjiriet li jitilqu lejn l-ajruporti taż-ŻEE. Dan jiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fiż-żewġ direzzjonijiet tar-rotot. It-tieni, mill-1 ta’ Jannar 2021, l-EU ETS tapplika għal titjiriet ħerġin lejn ir-Renju Unit. L-ETS tar-Renju Unit tapplika għal titjiriet li jitilqu lejn ajruporti taż-ŻEE, u dan iżomm il-kopertura tal-ipprezzar tal-karbonju tal-emissjonijiet tal-avjazzjoni minkejja l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE.
It-tielet estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni se ssir fl-1 ta’ Jannar 2024, meta l-emissjonijiet mill-biċċa l-kbira tat-titjiriet lejn u mid-disa’ reġjuni ultraperiferiċi tal-UE se jkunu koperti mill-EU ETS kif ukoll it-titjiriet li jitilqu mir-reġjuni ultraperiferiċi lejn l-Iżvizzera u r-Renju Unit. B’kollox, dan se jwassal għal estensjoni b’madwar 7 % tal-kopertura tal-ipprezzar tal-karbonju tal-ETS. L-Iżvizzera qiegħda tippjana wkoll li tkopri l-emissjonijiet minn titjiriet li jitilqu lejn ir-reġjuni ultraperiferiċi fl-ETS tagħha mill-istess data.
Fl-2022, inħarġu madwar 27 miljun kwota tal-avjazzjoni f’konformità mal-kamp ta’ applikazzjoni aġġornat tal-EU ETS. L-allokazzjoni bla ħlas ammontat għal 23,1 miljun kwota. L-operaturi tal-inġenji tal-ajru amministrati minn amministraturi nazzjonali fiż-ŻEE rċevew ftit anqas minn 0,4 miljun kwota tal-avjazzjoni Żvizzera mingħajr ħlas taħt il-qafas tal-ETS Żvizzera. Fl-2022 ġew irkantati madwar 3,7 miljun kwota tal-avjazzjoni.
L-emissjonijiet mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru żdiedu b’mod sinifikanti fl-2022 meta mqabblin mal-2021. Fl-2022, l-emissjonijiet ammontaw għal 49,1 miljun tunnellata (inklużi 0,5 miljun tunnellata taħt il-qafas tal-ETS Żvizzera), żieda minn 27,9 miljun tunnellata fl-2021. Dan kien għadu kważi 30 % anqas mit-68,2 miljun tunnellata emessi fl-2019. Madankollu, mill-2021, l-EU ETS ma baqgħetx tkopri titjiriet deħlin mir-Renju Unit. Mingħajr dawn, l-emissjonijiet tal-avjazzjoni tal-EU ETS huma eqreb għal-livelli tal-2019, u jikkonfermaw ir-ritorn għal-livelli ta’ emissjonijiet ta’ qabel il-COVID 19.
It-Tabella 7 tistabbilixxi l-emissjonijiet verifikati mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru, flimkien mal-volumi ta’ kwoti allokati bla ħlas u rkantati fis-settur tal-avjazzjoni mill-2019.
Tabella 7: L-avjazzjoni fl-EU ETS – emissjonijiet verifikati, volumi ta’ kwoti allokati bla ħlas u rkantati
Sena
|
2019
|
2020
|
2021
|
2022
|
Emissjonijiet verifikati (f’miljun tunnellata ta’ CO2eq)
|
68,2
|
25,2
|
27,9
|
49,1
|
Bidla sena wara sena
,
|
1 %
|
-63 %
|
30 %
|
75 %
|
Allokazzjoni bla ħlas (l-EU27 + l-Iżlanda, il-Liechtenstein, u n-Norveġja + ir-Renju Unit + l-Iżvizzera)
,71,72
|
31,3
|
32,5
|
24,0
|
23,1
|
L-allokazzjoni bla ħlas mir-riżerva speċjali għal entranti ġodda u għall-operaturi li qegħdin jikbru malajr
|
1,0
|
0,8
|
0,3
|
0,25
|
Il-volumi ta’ kwoti rkantati
|
5,5
|
9,2
|
3,8
|
3,7
|
F’Ottubru 2016, l-Assemblea tal-ICAO adottat riżoluzzjoni dwar Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA). Din ir-riżoluzzjoni ġiet ikkonfermata mill-ġdid fir-reviżjonijiet tal-2019 u tal-2022. L-objettiv ewlieni tagħha huwa li tikkumpensa l-emissjonijiet tas-CO2 mill-avjazzjoni internazzjonali ’l fuq minn ċertu xenarju ta’ referenza. L-iskema tnediet fl-2021 u hija volontarja għall-istati kollha sal-2026. Mill-2027, ma għandhiex tibqa’ volontarja għall-pajjiżi ewlenin tal-avjazzjoni. Għadu ma huwiex ċar jekk il-pajjiżi obbligati kollha se japplikawha minn hemm ’il quddiem – xi wħud esprimew riżervi dwar l-iskema (eż., iċ-Ċina). L-Istati parteċipanti għandhom jobbligaw lil-linji tal-ajru bbażati f’dawk il-pajjiżi sabiex jikkumpensaw l-emissjonijiet tagħhom ’il fuq minn xenarju ta’ referenza stabbilit għal 85 % tal-livelli tal-2019 billi jixtru u jikkanċellaw krediti internazzjonali. Sabiex jiġi ffaċilitat il-progress fl-ICAO, il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni intra-Ewropew tal-EU ETS għall-avjazzjoni ġiet estiża sal-aħħar tal-2026 billi l-pajjiżi terzi għandhom ikunu qegħdin japplikaw il-CORSIA mill-2027. Barra minn hekk, ir-reviżjoni tal-EU ETS tistabbilixxi li s-sistema se tapplika għal titjiriet li jinvolvu pajjiżi li ma japplikawx il-CORSIA mill-2027.
Id-Direttiva riveduta dwar l-ETS tavvanza l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas fis-settur tal-avjazzjoni. Il-kwoti bla ħlas għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru se jitneħħew gradwalment sal-aħħar tal-2025. Fl-istess ħin, huma allokati 20 miljun kwota (b’valur tas-suq kurrenti stmat għal madwar EUR 1,6 biljun) sabiex jappoġġaw aktar l-adozzjoni ta’ fjuwils alternattivi eliġibbli. Dan ikun iżid l-inċentiv eżistenti li l-EU ETS tagħti għall-fjuwils alternattivi fuq il-fjuwils fossili, li bih klassifikazzjoni ugwali għal żero tagħti inċentiv finanzjarju ta’ madwar EUR 300 għal kull tunnellata fjuwil. Ir-reviżjoni li għaddejja tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija hija mistennija tkompli żżid dan l-inċentiv.
Filwaqt li jiġi rikonoxxut li l-effetti tal-avjazzjoni mhux tas-CO2 ma jistgħux jibqgħu jiġu injorati, ġie introdott qafas dedikat ta’ monitoraġġ, ta’ rapportar u ta’ verifika (MRV) u dan se jibda fl-1 ta’ Jannar 2025. Il-Fond għall-Innovazzjoni ġie estiż sabiex jappoġġa t-tnaqqis tal-impatt globali tal-avjazzjoni fuq il-klima. Fuq il-bażi tar-riżultati tal-MRV tal-effetti tal-avjazzjoni mhux tas-CO2, il-Kummissjoni se tippreżenta rapport sal-aħħar tal-2027. Imbagħad, meta jkun xieraq, se tabbozza proposta leġiżlattiva, b’valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja, li tistabbilixxi kif għandhom jiġu mmitigati dawk l-effetti billi jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-EU ETS għall-avjazzjoni għall- effetti mhux tas-CO2.
Fl-2026, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk il-CORSIA ssaħħitx u jekk hijiex qiegħda tiġi implimentata mill-pajjiżi ewlenin barra mill-Ewropa. Fuq il-bażi tal-eżitu ta’ din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni għandha jew tagħmel proposta leġiżlattiva sabiex: (i) tillimita l-ambitu tal-EU ETS għal titjiriet li jitilqu mill-ajruporti taż-ŻEE, bit-tnaqqis ta’ kwalunkwe kost imġarrab mit-tpaċija tal-CORSIA fuq dawn ir-rotot, u jiġu eżentati t-titjiriet li jidħlu; jew (ii) tapplika biss l-ipprezzar tal-karbonju tal-ETS għal titjiriet u għal rotot intra-Ewropej li jinvolvu pajjiżi li ma japplikawx il-CORSIA mill-2027.
11. Is-sorveljanza tas-suq
Is-suq tal-karbonju tal-UE huwa soġġett għal regoli robusti ta’ sorveljanza tas-suq stabbiliti fis-swieq finanzjarji tal-UE. Kemm is-swieq spots kif ukoll dawk derivattivi fil-kwoti tal-emissjonijiet huma kklassifikati bħala strumenti finanzjarji skont id-Direttiva 2014/65/UE. Din il-klassifikazzjoni hija riflessa wkoll fil-leġiżlazzjoni sekondarja, inkluż ir-Regolament dwar l-Irkantar, li jirregola s-suq primarju (irkanti tal-kwoti).
Is-superviżjoni tas-suq tal-karbonju tal-UE hija kondiviża bejn l-awtoritajiet finanzjarji tal-Istati Membri kollha, taħt il-koordinazzjoni tar-regolatur Ewropew, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA). Huma jimmonitorjaw l-imġiba tal-parteċipanti fis-suq permezz ta’ rekwiżiti estensivi ta’ rapportar u ta’ trasparenza. Barra minn hekk, ir-Regolament 596/2014 dwar l-abbuż tas-suq jobbliga lill-parteċipanti fis-suq jirrapportaw ordnijiet u tranżazzjonijiet suspettużi minnufih. Min-naħa tagħhom, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom is-setgħa li jwieġbu b’azzjoni ta’ rimedju jew b’penali jekk jidentifikaw abbuż tas-suq.
Fid-dawl tal-kriżi tal-enerġija u taż-żieda fil-prezzijiet tal-ETS, l-ESMA ppubblikat inkjesta fil-fond dwar il-funzjonament tas-suq tal-karbonju tal-UE fit-22 ta’ Marzu 2022. Ir-rapport ipprovda analiżi dettaljata tas-suq, u kkonkluda li ħadem kif suppost u li l-movimenti tal-prezzijiet kienu konformi mal-prinċipji fundamentali tas-suq. Barra minn hekk, l-ESMA pproponiet diversi rakkomandazzjonijiet sabiex tkompli ttejjeb it-trasparenza u l-integrità tas-suq tal-karbonju tal-UE.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni wettqet stħarriġ tas-suq dwar il-parteċipazzjoni tal-operaturi fl-irkanti u fis-swieq sekondarji fit-tieni nofs tal-2022. L-istħarriġ, li għalih wieġbu aktar minn 900 operatur, ikkonferma r-rwol importanti tal-entitajiet finanzjarji fil-funzjonament ordnat tas-suq tal-karbonju tal-UE. B’mod kumplessiv, l-operaturi kienu pożittivi dwar l-istruttura kurrenti għall-akkwist ta’ kwoti tal-emissjonijiet permezz ta’ rkanti u skambji tas-suq sekondarju. Il-biċċa l-kbira tal-operaturi tuża intermedjarji finanzjarji għall-kisba ta’ kwoti tal-emissjonijiet u tikkonforma mal-obbligi tagħha. Ir-raġunijiet ewlenin li jagħtu l-operaturi għall-użu tal-intermedjarji huma l-ħtieġa limitata għal kwoti, il-kosteffiċjenza u għarfien limitat tas-swieq finanzjarji.
F’dan l-isfond, id-Direttiva riveduta dwar l-ETS tinkludi diversi emendi sabiex tkompli ttejjeb it-trasparenza tas-suq tal-karbonju tal-UE. L-ESMA ntalbet twettaq valutazzjoni perjodika tal-funzjonament tas-swieq tal-karbonju tal-UE u tinkludiha fir-rapport regolari tagħha dwar ix-xejriet, ir-riskji u l-vulnerabbiltajiet fis-swieq finanzjarji. Fit-31 ta’ Awwissu 2023, l-ESMA rrapportat fit-tieni Rapport tagħha dwar ix-xejriet, ir-riskji u l-vulnerabbiltajiet tal-2023 li s-suq tal-karbonju tal-UE baqa’ stabbli fl-2023 u kompla jopera f’konformità mal-prinċipji fundamentali tas-suq.
Bħala parti mir-riforma tal-EU ETS, il-Kummissjoni impenjat ruħha wkoll li tintroduċi diversi bidliet fil-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni tal-EU ETS sabiex tkompli ttejjeb it-trasparenza tas-suq tal-karbonju. Dawn il-bidliet, li jemendaw ir-Regolament dwar l-Irkantar u r-Regolament dwar ir-Reġistru, huma konformi mar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-ESMA. Sabiex jiġi ffaċilitat il-monitoraġġ tas-suq, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-ESMA se jirċievu data dettaljata għal kull irkant u se jitħallew ikollhom aċċess regolari għad-data tar-Reġistru tal-Unjoni. Barra minn hekk, se jsiru bidliet sabiex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni ta’ tranżazzjonijiet purament bilaterali fir-Reġistru tal-Unjoni. Il-ħidma dwar l-emendar tar-Regolamenti dwar l-Irkantar u r-Reġistru sabiex jiġu implimentati dawn l-impenji għadha għaddejja.
Fil-5 ta’ Lulju 2023, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO) ippubblikat ir-rapport tagħha dwar is-swieq tal-karbonju tal-konformità. Hija korp internazzjonali li jgħaqqad flimkien ir-regolaturi tat-titoli tad-dinja u hija rikonoxxuta bħala dik li tistabbilixxi l-istandards globali għas-settur tat-titoli. Ir-rapport, ibbażat fuq it-tagħlimiet meħudin mis-swieq tal-karbonju tal-konformità eżistenti u fuq il-prattiki tajbin fis-swieq tad-derivattivi tal-komoditajiet, ivvaluta kemm is-swieq primarji kif ukoll dawk sekondarji kif ukoll in-negozjar tad-derivattivi fil-ġuriżdizzjonijiet kollha.
Ir-rapport tal-IOSCO jindika l-aħjar prattiki applikabbli fis-suq tal-karbonju tal-UE. Dawn jinkludu r-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq sabiex jiġi limitat ir-riskju ta’ provvista żejda ta’ kwoti, il-klassifikazzjoni tal-kwoti tal-emissjonijiet u tad-derivattivi bħala strumenti finanzjarji, l-applikazzjoni ta’ qafas komprensiv ta’ sorveljanza tas-suq għas-swieq tal-komoditajiet inklużi regoli dwar it-trasparenza u r-rapportar tat-tranżazzjonijiet, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u s-superviżjoni effettiva mill-awtoritajiet kompetenti. Ir-rapport jagħmel 12-il rakkomandazzjoni sabiex jassisti lill-ġuriżdizzjonijiet fl-istabbiliment ta’ swieq tal-karbonju ta’ konformità, b’mod wiesa’ f’konformità mal-qafas regolatorju kurrenti li jirregola s-suq tal-karbonju tal-UE.
12. Qafas sabiex jiġu mmonitorjati u rrapportati l-emissjonijiet
EU ETS li tiffunzjona mingħajr xkiel u ambjentalment kredibbli tiġi żgurata permezz ta’ qafas robust ta’ rekwiżiti ta’ monitoraġġ, ta’ rapportar, ta’ verifika u ta’ akkreditazzjoni. Dawn ir-rekwiżiti huma armonizzati fir-Regolament 2018/2066 (ir-Regolament dwar il-Monitoraġġ u r-Rapportar)
u fir-Regolament 2018/2067 (ir-Regolament dwar l-Akkreditazzjoni u l-Verifika)
. Kull sena, il-pajjiżi jirrapportaw dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti u tad-Direttiva dwar l-ETS.
Monitoraġġ u rapportar
Is-sistema għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet fl-EU ETS tibbaża fuq approċċ modulari. Tagħti lill-operaturi grad għoli ta’ flessibbiltà u, b’hekk, tiżgura kemm il-kosteffiċjenza kif ukoll l-affidabbiltà tad-data dwar l-emissjonijiet. L-operaturi jistgħu jużaw diversi metodi ta’ monitoraġġ (“ibbażati fuq il-kalkolu” jew “ibbażati fuq il-kejl” u, b’eċċezzjoni, “approċċ ta’ riżerva”), inkluża taħlita ta’ metodi għall-partijiet individwali ta’ installazzjoni. Għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru, huma permessi biss approċċi bbażati fuq il-kalkolu, fejn il-konsum tal-fjuwil ikun il-parametru ċentrali tat-titjira. Ir-Regolament dwar il-Monitoraġġ u r-Rapportar jeħtieġ li kemm l-installazzjonijiet kif ukoll l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jkollhom pjan ta’ monitoraġġ approvat mill-awtorità nazzjonali kompetenti. Dan iwaqqafhom milli jagħmlu għażla arbitrarja ta’ metodi ta’ monitoraġġ u varjazzjonijiet temporali. Fl-2022, ħames pajjiżi tal-ETS komplew jippermettu li l-installazzjonijiet jużaw pjanijiet ta’ monitoraġġ simplifikati f’każijiet ta’ riskju baxx. Għall-avjazzjoni, il-Belġju biss irrapporta li uża din id-dispożizzjoni għall-operaturi b’livell baxx ta’ emissjonijiet.
Ir-rekwiżiti legali għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet huma effettivament issodisfati mill-biċċa l-kbira tal-installazzjonijiet. Il-biċċa l-kbira tal-installazzjonijiet użat il-metodoloġija bbażata fuq il-kalkolu sabiex tikkalkola l-emissjonijiet tagħha. 145 installazzjoni biss (1,7 %) fi 22 pajjiż irrapportaw bl-użu ta’ sistemi ta’ kejl kontinwu tal-emissjonijiet (CEMS), disa’ installazzjonijiet anqas mill-2021. Minn dawn, 91 installazzjoni użaw is-CEMS sabiex ikejlu l-emissjonijiet tas-CO2, 45 għan-N2O u 9 għaż-żewġ gassijiet. Is-CEMS jintuża l-aktar spiss fil-Ġermanja u fiċ-Ċekja. F’34 installazzjoni, l-emissjonijiet imkejlin kien fihom ukoll CO2 bijoġeniku. Mill-installazzjonijiet li jużaw is-CEMS, 69 użaw il-metodoloġija għal aktar minn 95 % tal-emissjonijiet tagħhom, is-76 l-oħrajn użaw taħlita ta’ CEMS u tal-metodoloġija bbażata fuq il-kalkolu.
Ħdax-il pajjiż biss irrapportaw bl-użu tal-approċċ ta’ riżerva; dan intuża għal 27 installazzjoni li jkopru madwar 2,6 miljun tunnellata CO2eq (erba’ installazzjonijiet anqas milli fl-2021 iżda 0,16 miljun tunnellata CO2eq aktar f’termini ta’ emissjonijiet). Installazzjoni waħda fin-Netherlands hija responsabbli għal 60 % tal-emissjonijiet kumplessivi rrapportati bl-użu tal-metodoloġija ta’ riżerva minħabba l-istruttura kumplessa tagħha.
Fl-2022, il-biċċa l-kbira tal-installazzjonijiet laħqet il-valuri prestabbiliti minimi meħtieġa tas-saffi tar-Regolament dwar il-Monitoraġġ u r-Rapportar. 96 installazzjoni biss tal-Kategorija C (minn 89 fl-2021) ġew irrapportati li ddevjaw f’tal-anqas parametru wieħed mir-rekwiżit li jiġu applikati l-ogħla saffi għall-flussi minn sorsi maġġuri. Dawn kienu jinsabu fi 17-il pajjiż differenti (li naqqsu mit-8 fl-2021) u kienu jirrappreżentaw 15,1 % tal-installazzjonijiet tal-kategorija C. Dawn id-devjazzjonijiet huma permessi biss meta l-operatur juri li l-ilħuq tal-ogħla saff ma jkunx teknikament fattibbli jew iġarrab kostijiet mhux raġonevoli. Ladarba dawn il-kundizzjonijiet ma jibqgħux japplikaw, l-operatur jeħtieġlu jtejjeb is-sistema ta’ monitoraġġ kif xieraq.
Ir-Regolament dwar il-Monitoraġġ u r-Rapportar ġie emendat sabiex iqis id-Direttiva riveduta dwar l-ETS. Ir-regoli aġġornati se japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2024 meta jibda ċ-ċiklu ta’ monitoraġġ li jmiss. Fost l-oħrajn, dawn jirriflettu żvilupp ġdid skont id-Direttiva riveduta dwar l-ETS – li l-installazzjonijiet għall-inċinerazzjoni tal-iskart muniċipali se jibdew jimmonitorjaw u jirrapportaw l-emissjonijiet tagħhom skont l-EU ETS mill-2024. It-tieni reviżjoni tar-Regolament b’emendi addizzjonali se tibda lejn tmiem l-2023.
Akkreditazzjoni u verifika
Il-verifikaturi tal-monitoraġġ tal-emissjonijiet fl-EU ETS jeħtiġilhom jiġu akkreditati minn korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni sabiex iwettqu valutazzjonijiet f’konformità mar-Regolament ta’ Akkreditazzjoni u ta’ Verifika. Il-verifikaturi akkreditati jistgħu joperaw b’rikonoxximent reċiproku fil-pajjiżi kollha tal-EU ETS, filwaqt li jieħdu vantaġġ sħiħ mis-suq uniku u jiżguraw disponibbiltà suffiċjenti tas-servizz. Ħarsa ġenerali dettaljata lejn l-aspetti ta’ akkreditazzjoni u ta’ verifika fl-2022 hija inkluża fit-Tabella 8 fid-Dokument ta’ ħidma tal-persunal.
Fl-2022, kien hemm 110 verifikaturi akkreditati għal installazzjonijiet stazzjonarji u 23 għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru. Barra minn hekk, 28 pajjiż irrapportaw li tal-anqas verifikatur barrani wieħed kien attiv fit-territorju tagħhom fl-2022, u sitt pajjiżi rrapportaw li kellhom biss verifikaturi barranin. Dan juri li r-rikonoxximent reċiproku tal-verifikaturi fost il-pajjiżi jkompli jaħdem b’suċċess.
Il-konformità tal-verifikaturi mar-Regolament dwar l-Akkreditazzjoni u r-Rapportar tinstab li hija għolja. Għall-2022, in-Norveġja u Franza biss irrapportaw sospensjonijiet ta’ verifikaturi (tnejn fin-Norveġja u wieħed fi Franza) u r-Rumanija biss irrapportat l-irtirar ta’ akkreditazzjoni ta’ verifikatur (f’każ wieħed). B’paragun, fl-2021, kien hemm żewġ sospensjonijiet u rtirar wieħed.
B’mod parallel mar-reviżjoni tar-Regolament dwar il-Monitoraġġ u r-Rapportar, ir-Regolament dwar l-Akkreditazzjoni u l-Verifika qiegħed jiġi rrivedut bl-adozzjoni ppjanata fl-ewwel trimestru tal-2024 - qabel l-iskadenza għas-sottomissjoni għar-rapporti tad-data tax-xenarju ta’ referenza verifikati fit-30 ta’ Mejju 2024.
Awtoritajiet kompetenti
L-organizzazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-implimentazzjoni tal-EU ETS tvarja bejn il-pajjiżi. F’xi pajjiżi, din tinvolvi diversi awtoritajiet lokali; f’oħrajn, l-implimentazzjoni hija aktar ċentralizzata. Il-pajjiżi jagħżlu dawn l-approċċi fuq il-bażi tal-kosteffettività u tal-effettività taż-żmien. Ħarsa ġenerali lejn il-koordinazzjoni tal-EU ETS hija ppreżentata fit-Tabelli 9 u 10 fid-Dokument ta’ ħidma tal-persunal.
Il-pajjiżi kollha tal-ETS irrapportaw li kellhom tal-anqas awtorità kompetenti ċentrali waħda involuta fl-implimentazzjoni tal-EU ETS fl-2022. Fi 15-il pajjiż, l-awtoritajiet kompetenti ċentrali biss huma involuti. Il-pajjiżi rrapportaw l-użu ta’ għodod differenti għall-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet, bħal awtorità kompetenti ċentrali responsabbli għall-monitoraġġ, għar-rapportar, għall-akkreditazzjoni u għall-verifika tal-ħidma (12-il pajjiż) jew li għandha rwol ta’ koordinazzjoni (disa’ pajjiżi), struzzjonijiet vinkolanti u gwida minn awtorità kompetenti ċentrali għall-awtoritajiet lokali (ħames pajjiżi), taħriġ konġunt għall-awtoritajiet kompetenti (seba’ pajjiżi) u gruppi ta’ ħidma jew laqgħat regolari bejn l-awtoritajiet (12-il pajjiż). Fl-2022, 14-il pajjiż ma użaw l-ebda waħda minn dawn l-għodod; dawn il-pajjiżi għandhom organizzazzjoni aktar ċentralizzata u għalhekk jeħtieġu anqas għodod ta’ koordinazzjoni.
Fl-2022, 16-il pajjiż ma talbux tariffi amministrattivi lill-operaturi tal-installazzjonijiet għall-permessi u għall-approvazzjoni tal-pjanijiet ta’ monitoraġġ (żieda minn 15-il pajjiż fl-2021). L-operaturi tal-inġenji tal-ajru fi 17-il pajjiż ukoll ma ħallsu l-ebda tariffa (18-il pajjiż fl-2021). It-tariffi varjaw b’mod sinifikanti bejn il-pajjiżi u t-tipi ta’ servizzi - minn madwar EUR 18 sa EUR 8 442 għal permess u għal approvazzjoni ta’ pjan ta’ monitoraġġ għall-installazzjonijiet, u minn madwar EUR 2 sa EUR 4 100 għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru. 15-il pajjiż irrapportaw li jitolbu tariffi amministrattivi ta’ ammonti varji għall-approvazzjoni ta’ pjanijiet ta’ metodoloġija ta’ monitoraġġ jew għal bidliet sinifikanti.
Konformità fl-EU ETS
Il-konformità mal-EU ETS tiġi vverifikata f’ċikli annwali. Għal kull sena tal-operat, l-operaturi jeħtiġilhom jissottomettu rapport annwali dwar l-emissjonijiet sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara. Ladarba r-rapport jiġi vverifikat, l-operaturi jeħtiġilhom iċedu n-numru ta’ kwoti miftiehem sat-30 ta’ April tal-istess sena. Għal kull tunnellata CO2 emessa li għaliha ma tkun ġiet ċeduta l-ebda kwota fi żmien xieraq, id-Direttiva dwar l-EU ETS timponi penali ta’ EUR 100. Dan minbarra l-kost taċ-ċediment tal-kwoti dovuti. Penali oħrajn jistgħu japplikaw ukoll għal ksur fl-implimentazzjoni tal-EU ETS fuq il-bażi tar-regoli nazzjonali. Ħarsa ġenerali dettaljata lejn il-konformità fl-EU ETS hija ppreżentata fit-Tabelli 11 sa 13 fid-Dokument ta’ ħidma tal-persunal. Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-ETS tinkludi aġġustamenti għall-kalendarju tal-konformità. Mill-2024 ’il quddiem, l-iskadenza għaċ-ċediment tal-kwoti se titmexxa mit-30 ta’ April għat-30 ta’ Settembru.
Fiċ-ċiklu ta’ konformità tal-2022, il-livell ta’ konformità mal-EU ETS baqa’ għoli ħafna. Fil-maġġoranza tas-snin, l-operaturi responsabbli għal aktar minn 99 % tal-emissjonijiet minn installazzjonijiet u mill-avjazzjoni ssodisfaw l-obbligi legali tagħhom fil-ħin. L-effiċjenza tas-sistema ta’ konformità tjiebet b’adozzjoni aktar mifruxa tar-rapportar elettroniku. Fl-2022, 12-il pajjiż użaw sistemi awtomatizzati tal-IT u mudelli elettroniċi għall-pjanijiet ta’ monitoraġġ, għar-rapporti dwar l-emissjonijiet, għar-rapporti ta’ verifika u/jew għar-rapporti dwar it-titjib. Tmien pajjiżi jużaw ukoll sistemi awtomatizzati tal-IT sabiex jimmaniġġaw il-fluss tax-xogħol għall-pjanijiet ta’ metodoloġija ta’ monitoraġġ, għar-rapporti annwali tal-livell ta’ attività u għal skambji oħrajn ta’ informazzjoni dwar id-data tal-allokazzjoni.
Wara l-pandemija tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet fuq il-kuntatt fiżiku, sitt pajjiżi (18-il pajjiż fl-2021) ippermettew lill-verifikaturi jwettqu żjarat virtwali fuq il-post. Għal 31 installazzjoni u għal 25 operatur tal-inġenji tal-ajru, iż-żjarat virtwali fuq il-post ġew approvati mill-awtorità kompetenti applikabbli.
L-awtoritajiet kompetenti jwettqu kontrolli tal-konformità differenti fuq ir-rapporti annwali tal-emissjonijiet tal-installazzjonijiet. Fl-2022, l-awtoritajiet kompetenti kollha vverifikaw il-kompletezza tar-rapporti minn installazzjonijiet, u l-biċċa l-kbira tagħhom għamlu dan għal rapporti mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru. L-eċċezzjonijiet huma l-awtoritajiet kompetenti fl-Ungerija u fil-Latvja (b’operatur tal-inġenji tal-ajru wieħed u b’żewġ operaturi tal-inġenji tal-ajru, rispettivament), kif ukoll il-Liechtenstein u l-Irlanda ta’ Fuq minħabba li ma jamministraw l-ebda operatur tal-inġenji tal-ajru.
L-awtoritajiet kompetenti fi 12-il pajjiż għamlu estimi konservattivi għal 61 installazzjoni (madwar 0,7 % tal-installazzjonijiet kollha), tnaqqis minn 55 fl-2020. Tali estimi jsiru jekk ir-rapporti annwali dwar l-emissjonijiet ma jkunux ġew sottomessi fil-ħin, jekk tkun inħarġet opinjoni ta’ verifika negattiva, jew jekk rapport dwar l-emissjonijiet ma jkunx ikkonforma mar-Regolament. L-emissjonijiet kollha ta’ 30 installazzjoni ġew stmati b’mod konservattiv. Għal 11-il installazzjoni, l-estimu konservattiv kopra biss parti mill-emissjonijiet, u 20 installazzjoni ġew stmati li ma ġġeneraw l-ebda emissjoni.
B’kollox, b’mod konservattiv ġew stmati 1,0 Mt f’emissjonijiet (żieda minn 0,8 Mt fl-2021) mit-2,4 Mt irrapportati mill-61 installazzjoni (tnaqqis minn 4,9 Mt fl-2021). Tipikament, saru estimi konservattivi minħabba li r-rapporti dwar l-emissjonijiet ma kinux kompletament konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament dwar il-Monitoraġġ u r-Rapportar jew minħabba li kienu ġew sottomessi wara l-iskadenza. Ġew irrapportati estimi konservattivi għall-avjazzjoni minn ħames pajjiżi (wieħed anqas mill-2021) li kkonċernaw 33 operatur tal-inġenji tal-ajru (ħamsa aktar mill-2021) u 0,14 Mt f’emissjonijiet (0,14 Mt fl-2021 ukoll). Linja tal-ajru waħda amministrata mid-Danimarka kienet tirrappreżenta 85 % tal-estimi konservattivi għall-avjazzjoni minħabba li kienu ppreżentaw ir-rapport tagħhom dwar l-emissjonijiet wara l-iskadenza.
Il-verifiki tal-awtoritajiet kompetenti jibqgħu importanti sabiex jissupplimentaw ix-xogħol tal-verifikaturi. Minbarra l-verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet, 18-il pajjiż irrapportaw li kienu wettqu spezzjonijiet fuq il-post fl-installazzjonijiet. Tliet pajjiżi rrapportaw spezzjonijiet fuq il-post għall-avjazzjoni (l-ebda pajjiż ma rrapporta dawn l-ispezzjonijiet fl-2021). Dawn in-numri naqsu matul il-pandemija tal-COVID-19, iżda huma mistennijin jerġgħu jiżdiedu.
Fl-2022, 40 operatur tal-installazzjonijiet f’għaxar pajjiżi ġew immultati talli ma ċedewx biżżejjed kwoti tal-emissjonijiet sabiex ikopru l-emissjonijiet irrapportati tagħhom (emissjonijiet eċċessivi). Għall-avjazzjoni, ġew irrapportati penali għal emissjonijiet eċċessivi minn sitt pajjiżi għal disa’ operaturi tal-inġenji tal-ajru. 13-il pajjiż irrapportaw 66 ksur, li rriżultaw f’penali, fi twissijiet formali jew f’avviżi formali, minbarra każijiet ta’ emissjonijiet eċċessivi. B’kollox, ġew irrapportati 21 multa (jew inħarġu jew inkella għandhom jinħarġu, eż. minħabba proċedimenti legali li għaddejjin), li ammontaw għal EUR 65,6 miljun. Dan jinkludi l-avjazzjoni, bi tmien każijiet ta’ ksur f’ħames pajjiżi, li wasslu għal tliet multi, għal total ta’ EUR 325 000.
L-aktar ksur komuni rrapportat għall-2022 kien minħabba nuqqas ta’ sottomissjoni ta’ rapport dwar l-emissjonijiet (16-il każ) jew rapport dwar il-livell ta’ attività (erba’ każijiet) fi żmien xieraq, nuqqas ta’ notifika ta’ bidliet jew ta’ aġġornament tal-pjan ta’ monitoraġġ (disa’ każijiet) u l-operat mingħajr permess għall-emissjonijiet (sitt każijiet).
13.Konnessjoni bejn l-EU ETS u l-ETS Żvizzera
Mill-2020, l-EU ETS u l-ETS Żvizzera ġew konnessi bi ftehim internazzjonali bejn l-UE u l-Konfederazzjoni Żvizzera. Dan ifisser li l-kwoti maħruġa f’sistema waħda jistgħu jiġu ċeduti għall-emissjonijiet iġġenerati f’waħda miż-żewġ sistemi. Bl-aċċess għal suq akbar, l-operaturi jistgħu jagħmlu gwadann fil-kosteffiċjenza u għandhom aktar għażliet għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. Il-Ftehim ta’ Konnessjoni jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti li bihom huma marbutin iż-żewġ sistemi. Jistabbilixxi wkoll mekkaniżmu sabiex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet ta’ konnessjoni tal-Artikolu 25 tad-Direttiva dwar l-EU ETS jiġu rrispettati.
L-inklużjoni tal-avjazzjoni fil-Ftehim ta’ Konnessjoni kienet rekwiżit kruċjali għall-UE. Skont l-Artikolu 6 tal-Ftehim, l-Iżvizzera tapplika l-istess approċċ għar-regoli dwar il-kopertura, il-limitu massimu u l-allokazzjoni bħall-EU ETS. F’konformità mal-Artikolu 7 tal-Ftehim ta’ Konnessjoni, dan se jkompli skont id-Direttiva riveduta dwar l-ETS. It-titjiriet domestiċi Żvizzeri u t-titjiriet li jitilqu lejn ajruporti taż-ŻEE huma koperti mill-ETS Żvizzera, filwaqt li t-titjiriet li jitilqu lejn l-Iżvizzera jaqgħu taħt l-EU ETS. Dan l-arranġament jissalvagwardja l-integrità ambjentali taż-żewġ sistemi. Kemm l-EU ETS kif ukoll l-ETS Żvizzera applikaw l-istess approċċ għat-titjiriet mar-Renju Unit wara l-Brexit, li jkopri biss titjiriet li jitilqu lejn ir-Renju Unit.
It-Tabelli 16 u 17 fid-Dokument ta’ ħidma tal-persunal juru ċ-ċifri ewlenin għaż-żewġ sistemi fl-2022 – il-kwoti rkantati, l-allokazzjoni bla ħlas u l-emissjonijiet verifikati għall-installazzjonijiet u għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru. Meta jitqabblu, dawn juru li l-kompatibbiltà taż-żewġ sistemi ma hijiex kwistjoni ta’ daqs iżda ta’ rekwiżiti kwalitattivi, ta’ kundizzjonijiet ekwi u ta’ miżuri sabiex tiġi ssalvagwardjata l-integrità tas-suq.
Sabiex jiġi implimentat il-Ftehim ta’ Konnessjoni u jiġi promoss it-titjib fl-effiċjenza, inħolqot konnessjoni teknika diretta bejn ir-reġistri taż-żewġ sistemi. Din tippermetti lill-entitajiet regolati jittrasferixxu kwoti minn kont f’sistema waħda għal kont fl-oħra. It-trasferimenti huma skedati, u ġeneralment iseħħu darbtejn fix-xahar. Mill-2023, il-konnessjoni tar-reġistri bejn iż-żewġ sistemi ta’ skambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet se tiżviluppa gradwalment f’karatteristika permanenti. Din se ttejjeb il-likwidità tas-suq u l-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet bejn iż-żewġ sistemi konnessi daqslikieku kienu suq wieħed. Il-parteċipanti fis-suq se jkunu jistgħu jaġixxu daqslikieku kienu f’suq wieħed, soġġetti biss għar-regoli regolatorji individwali tal-UE u tal-Iżvizzera. Konnessjoni permanenti għandha tiġi implimentata sa mhux aktar tard mill-2024.
It-Tabella 18 fid-Dokument ta’ ħidma tal-persunal tippreżenta l-effetti tal-konnessjoni tal-EU ETS u tal-ETS Żvizzera fl-2022. Turi sa liema punt l-entitajiet regolati fiż-żewġ sistemi użaw kwoti maħruġin fis-sistema l-oħra għall-konformità.
B’kollox, l-entitajiet regolati fl-EU ETS (kemm l-installazzjonijiet kif ukoll l-operaturi tal-inġenji tal-ajru) użaw 971 170 kwota maħruġin fil-qafas tal-ETS Żvizzera għall-konformità fl-2022. Dan huwa kważi 83 200 kwota aktar mill-2021 u kważi 378 000 kwota aktar milli fl-2020, li jindika xejra li qiegħda tiżdied fl-użu tal-flessibbiltà li tipprovdi l-konnessjoni bejn l-EU ETS u l-ETS Żvizzera. Dan inkiseb minkejja l-fatt li l-operaturi tal-inġenji tal-ajru tal-UE kienu użaw anqas kwoti tal-avjazzjoni maħruġin skont l-ETS Żvizzera f’termini relattivi (0,7 % fl-2022 meta mqabbla ma’ 1,5 % fl-2021). Madankollu, dan kien parzjalment ikkumpensat minn żieda fl-użu tal-kwoti ġenerali Żvizzeri (0,1 % fl-2022 meta mqabbel ma’ kważi żero fl-2021).
In-numru ta’ kwoti ġenerali Żvizzeri użati għall-konformità mill-installazzjonijiet fl-UE baqa’ stabbli fil-livell ta’ 394 722. Aktar impressjonanti minn hekk, in-numru ta’ kwoti tal-avjazzjoni tal-ETS Żvizzeri użati għall-konformità mill-installazzjonijiet tal-EU ETS kważi ttriplaw fl-istess perjodu, u żdied minn 63 410 fl-2021 għal 173 650 fl-2022. L-użu akbar tal-kwoti tal-avjazzjoni għall-konformità turi sensibilizzazzjoni akbar u l-aċċettazzjoni tal-konnessjoni bejn l-EU ETS u l-ETS Żvizzera. F’termini relattivi, il-kwoti ġenerali maħruġin taħt il-qafas tal-ETS Żvizzera ammontaw għal anqas minn 0,03 % tat-total ċeduti fl-EU ETS fl-2022. Madankollu, dan kien jirrappreżenta sehem akbar ta’ kważi 9,7 % tal-kwoti ġenerali tal-ETS Żvizzera kollha allokati bla ħlas u rkantati dik is-sena.
Fl-ETS Żvizzera, l-installazzjonijiet użaw sehem iżgħar mill-kwoti ġenerali tal-EU ETS għall-konformità fl-2022 (6,2 %) meta mqabblin mal-2021 (8,2 %). Fiż-żewġ snin, l-installazzjonijiet fl-ETS Żvizzera ma użawx kwoti tal-avjazzjoni tal-EU ETS għall-konformità.
It-Tabella 18 fid-Dokument ta’ ħidma tal-persunal taggrega l-volum ta’ kwoti (kemm ġenerali kif ukoll tal-avjazzjoni) ittrasferiti f’isem il-parteċipanti fis-suq bejn l-EU ETS u l-ETS Żvizzera mill-2020. S’issa, l-2022 kellha l-ogħla numru ta’ trasferimenti totali aggregati. Il-bilanċ storiku kurrenti juri ħruġ ta’ 502 106 kwoti mill-EU ETS għall-ETS Żvizzera. Madankollu, ta’ min jinnota li ċ-ċifri jistgħu jinkludu trasferimenti mill-ġdid tal-istess kwoti.
14.L-EU ETS fil-kuntest tal-governanza tal-UE dwar il-klima u l-enerġija
L-EU ETS topera fi ħdan il-kuntest usa’ tal-governanza tal-enerġija u tal-klima tal-UE, inkluża d-Direttiva 2023/1791 (id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija). Ġiet riveduta wkoll bħala parti mill-pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55 %”. L-għan tad-Direttiva huwa li jinkiseb iffrankar tal-enerġija billi jiġu stabbiliti miri u obbligi għall-Istati Membri u għall-kumpaniji. Is-sinjal tal-prezz tal-karbonju tal-EU ETS jinteraġixxi ma’ miżuri u ma’ azzjonijiet ta’ politika implimentati għal dak l-għan.
Id-Direttiva riveduta dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija tintroduċi regoli ġodda sabiex fl-2030 il-konsum finali tal-enerġija fil-livell tal-UE jitnaqqas bi 11,7 %. L-Istati Membri kollha se jikkontribwixxu sabiex tintlaħaq din il-mira. Dawn se jistabbilixxu kontributi u perkorsi nazzjonali indikattivi sabiex tintlaħaq il-mira fil-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima (NECPs) skont ir-Regolament 2018/1999 (Regolament ta’ Governanza).
Is-sinjal tal-prezz tal-karbonju tal-EU ETS jikkontribwixxi għall-evalwazzjoni tal-investimenti u tal-miżuri relatati mal-effiċjenza enerġetika fis-setturi koperti. L-Istati Membri jużaw ukoll id-dħul mill-irkanti mill-EU ETS sabiex jiffinanzjaw it-titjib fl-effiċjenza enerġetika. Fl-2022, irrapportaw li jonfqu EUR 4,8 biljun sabiex jiffinanzjaw proġetti relatati mal-effiċjenza enerġetika. Dan kien jinkludi mhux biss investimenti fil-modernizzazzjoni termika tal-bini, pariri dwar l-effiċjenza enerġetika kif ukoll riċerka u żvilupp, ilkoll bl-objettiv li jitnaqqas il-konsum tal-enerġija, iżda wkoll miżuri ta’ appoġġ soċjali fid-dawl tal-kriżi tal-enerġija.
L-NECPs jistabbilixxu kif l-Istati Membri beħsiebhom jindirizzaw mhux biss l-effiċjenza enerġetika, iżda wkoll l-użu tal-enerġija rinnovabbli, it-tnaqqis tal-emissjonijiet, id-diversifikazzjoni industrijali, l-interkonnessjonijiet u r-riċerka u l-innovazzjoni fil-kuntest tal-miri tal-UE għall-klima u għall-enerġija. Dawn jistgħu jinkludu miżuri li jippromwovu d-dekarbonizzazzjoni tas-setturi tal-EU ETS, modi kif jintuża d-dħul tal-ETS għat-trasformazzjoni ekoloġika u ġusta u pjanijiet sabiex jiġu kkanċellati l-kwoti tal-ETS fid-dawl ta’ eliminazzjoni gradwali skedata tal-fjuwils fossili għall-ġenerazzjoni tal-elettriku.
Skont l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar il-Governanza, l-Istati Membri kienu mistennijin jippreżentaw l-abbozz aġġornat tagħhom tal-NECPs lill-Kummissjoni sal-aħħar ta’ Ġunju 2023. Dawn il-pjanijiet aġġornati għandhom iqisu l-miri klimatiċi tal-UE aktar ambizzjużi skont il-Liġi dwar il-Klima u l-emendi għal biċċiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-enerġija u l-klima taħt il-qafas tal-pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55 %”. Sa Diċembru 2023, il-Kummissjoni se tikkonsolida valutazzjoni madwar l-UE kollha tal-NECPs aġġornati u toħroġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi. Fil-pjanijiet aġġornati finali, li għandhom isiru sal-aħħar ta’ Ġunju 2024, l-Istati Membri se jkunu mistennijin li jkunu indirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni.
15. Konklużjonijiet u prospettiva
Fis-setturi tal-ETS, l-2022 kienet ikkaratterizzata mill-effetti tal-kriżi tal-enerġija fl-Ewropa. L-emissjonijiet mill-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana żdiedu minħabba żieda fl-użu tal-faħam ikkawżata minn prezzijiet ogħla tal-gass naturali. It-tnaqqis kumplessiv fl-emissjonijiet mill-installazzjonijiet tal-ETS kien xprunat l-aktar mill-industrija tal-manifattura, affettwata minn prezzijiet ogħla tal-fjuwil u tal-enerġija.
Minkejja t-tfixkil ikkawżat mill-kriżi tal-enerġija fis-setturi tal-ETS, l-EU ETS kompliet tiffunzjona mingħajr xkiel. L-emissjonijiet mill-installazzjonijiet komplew b’xejra ’l isfel meta mqabblin mal-livell tal-2019 ta’ qabel il-pandemija. L-irkanti tal-kwoti komplew kif ippjanat. Ħlief għal tnaqqis fuq terminu qasir li kkoinċida mal-bidu tal-invażjoni fuq skala sħiħa tal-Ukrajna mir-Russja, is-sinjal tal-prezz tal-karbonju baqa’ robust.
Ir-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq kompliet tneħħi s-surplus tal-kwoti mill-EU ETS, filwaqt li trawwem suq tal-karbonju bbilanċjat u reżiljenti. Ir-Riżerva invalidat ukoll aktar minn 2,5 biljun kwota tas-surplus storiku. Dan huwa aktar mill-krediti internazzjonali kollha użati għall-konformità fl-EU ETS sal-lum.
Sinjal b’saħħtu tal-prezz tal-karbonju fl-2022 wassal għal dħul ogħla mill-irkanti tal-EU ETS – kważi EUR 39 biljun. Dan id-dħul tqassam l-aktar lill-Istati Membri li fil-biċċa l-kbira użawh sabiex jappoġġaw l-azzjoni klimatika u enerġetika, inklużi miżuri sabiex jiġu indirizzati l-effetti tal-kriżi tal-enerġija u sabiex jgħinu lin-nies u lin-negozji. Barra minn hekk, l-iżborżi mill-Fond għall-Modernizzazzjoni għenu sabiex tiġi avvanzata l-modernizzazzjoni tas-settur tal-enerġija fl-Istati Membri benefiċjarji kollha, u l-Fond għall-Innovazzjoni alloka riżorsi sinifikanti għat-trasformazzjoni tal-enerġija u tal-industrija.
L-EU ETS għadha strument kruċjali għat-tranżizzjoni ekoloġika. Minbarra l-ipprezzar tal-karbonju, fit-terminu qasir, se tgħin sabiex jiġu ffinanzjati miżuri fil-qafas tal-pjan REPowerEU sabiex tingħata spinta lill-iffrankar tal-enerġija, jiġu ddiversifikati l-provvisti tal-enerġija u jitħaffef il-varar tal-enerġija rinnovabbli. Bir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-ETS, is-sistema tissaħħaħ sabiex jinħolqu inċentivi għal dekarbonizzazzjoni estensiva u fit-tul usa’ biex jiġi skoraġġut l-intrappolament tal-karbonju. Bil-kamp ta’ applikazzjoni estiż tal-EU ETS għas-settur marittimu mill-2024 u tal-ETS 2 għall-bini, għat-trasport bit-triq u għall-industrija b’emissjonijiet żgħar li se jitnieda fl-2027, l-ipprezzar tal-karbonju se jkopri tliet kwarti tal-ekonomija tal-UE. Barra minn hekk, is-sistema tisfrutta aktar riżorsi sabiex tappoġġa lin-nies u lin-negozji fit-tranżizzjoni ekoloġika.