EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023DC0633

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009, kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/1775, dwar il-Kummerċ tal-Prodotti mill-Foki

COM/2023/633 final

Brussell, 19.10.2023

COM(2023) 633 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009, kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/1775, dwar il-Kummerċ tal-Prodotti mill-Foki


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009, kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/1775, dwar il-Kummerċ tal-Prodotti mill-Foki

1.Introduzzjoni

Ir-reġim tal-UE dwar il-foki

Ir-Regolament (KE) Nru 1007/2009 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki (ir-Regolament) jipprojbixxi li l-prodotti mill-foki jitqiegħdu fis-suq tal-UE.

Il-projbizzjoni tal-kummerċ tapplika għall-prodotti mill-foki li jiġu prodotti fl-UE u għall-prodotti mill-foki li jiġu importati. Ir-Regolament ġie emendat bir-Regolament (UE) 2015/1775 2 biex jirrifletti l-eżiti tas-sentenzi tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fil-kawża dwar il-prodotti tal-KE li ġejjin mill-foki 3 . B’riżultat ta’ dan, ir-reġim kurrenti tal-UE dwar il-foki jipprevedi żewġ eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni:

1)Huwa jippermetti t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mill-foki meta dawn il-prodotti jkunu ġejjin mill-kaċċa li tkun saret mill-komunità Inuit jew minn komunitajiet indiġeni oħrajn, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament, kif emendat.

L-Artikolu 3(1a) tal-istess Regolament, kif emendat, jistipula wkoll li, fiż-żmien meta jitqiegħed fis-suq tal-UE, prodott mill-foki għandu jkun akkumpanjat minn dokument li jiddikjara l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti biex jinkiseb benefiċċju mill-“eċċezzjoni tal-Inuit u ta’ komunitajiet indiġeni oħra”. Id-dokument ta’ attestazzjoni għandu jinħareġ minn korp rikonoxxut għal dak il-għan mill-Kummissjoni Ewropea, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1850 4 (ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni).

2)Dan jippermetti wkoll li jiġu importati prodotti mill-foki meta dawn ikunu ta’ natura okkażjonali u jkunu jikkonsistu esklussivament minn oġġetti għall-użu personali tal-vjaġġaturi jew tal-familji tagħhom (Artikolu 3(2) tar-Regolament, kif emendat).

L-obbligi ta’ rapportar skont ir-Regolament (KE) Nru 1007/2009, kif emendat

L-Artikolu 7 tar-Regolament, kif emendat, jistipula li l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, sal-31 ta’ Diċembru 2018 u kull 4 snin wara dan, rapport li jiddeskrivi fil-qosor l-azzjonijiet li jkunu ttieħdu għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Imbagħad, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament fi żmien 12-il xahar mit-tmiem ta’ kull perjodu ta’ rapportar. Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-funzjonament, l-effettività u l-impatt tar-Regolament fl-ilħuq tal-objettiv tiegħu. Ir-rapport għandu jivvaluta wkoll l-impatt fuq l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-Inuit jew ta’ komunitajiet indiġeni oħra 5 .

L-ewwel Rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament, li jkopri l-perjodu mit-18 ta’ Ottubru 2015 (data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/1775) sal-31 ta’ Diċembru 2018, ġie adottat fl-10 ta’ Jannar 2020 6 .

Dan ir-rapport ikopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2019 sal-31 ta’ Diċembru 2022. Huwa bbażat fuq il-kontribuzzjonijiet riċevuti mill-Istati Membri tal-UE, mir-Renju Unit, u mit-tliet korpi rikonoxxuti fil-Kanada u fi Greenland.

2.Sfond

Fl-1983, b’reazzjoni għal tħassib ġenerali dwar il-qtil annwali ta’ ċerti frieħ tal-foki, l-UE adottat id-Direttiva tal-Kunsill 83/129/KEE 7 biex tipprojbixxi l-importazzjoni fl-UE ta’ prodotti minn żewġ speċijiet tal-frieħ tal-foki, foki tat-tip “Harp” (“whitecoat”) u foki tat-tip “Hooded” (“blue-back”). Inizjalment din applikat sal-1 ta’ Ottubru 1985. Il-validità tagħha ġiet estiża għall-ewwel darba sal-1 ta’ Ottubru 1989, u mbagħad b’mod indefinit permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 89/370/KEE 8 .

Il-foki jiġu kkaċċjati fl-UE u lil hinn minnha u jintużaw biex jinkisbu prodotti differenti bħal kapsuli tal-omega-3 u lbies li jinkorpora u ġlud tal-foki pproċessati. Iċ-ċittadini u l-konsumaturi esprimew tħassib dwar il-preżenza possibbli fis-suq ta’ prodotti mill-foki miksuba minn annimali li jinqatlu u jitqaxxru b’mod li jikkawża t-tbatija. B’reazzjoni għal dan, diversi Stati Membri adottaw leġiżlazzjoni li tirregola l-kummerċ tal-prodotti mill-foki billi jipprojbixxu l-importazzjoni u l-produzzjoni ta’ tali prodotti, filwaqt li ma tqiegħdet l-ebda restrizzjoni fuq il-kummerċ ta’ dawn il-prodotti fi Stati Membri oħra. Dawk id-differenzi affettwaw b’mod negattiv l-operat tas-suq intern u kienu jikkostitwixxu ostakli għall-kummerċ. Għalhekk, l-UE adottat ir-Regolament (KE) Nru 1007/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-Regolament), li introduċa projbizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq tal-UE ta’ prodotti mill-foki.

Fl-istess ħin, l-UE ġiet imħeġġa minn gvernijiet u minn organizzazzjonijiet barra mill-UE li jirrappreżentaw lill-popli Inuit u indiġeni, biex tirrikonoxxi li l-kaċċa għall-foki kienet parti integrali mis-soċjoekonomija, in-nutrizzjoni, il-kultura u l-identità ta' dawn il-komunitajiet, u b’hekk tikkontribwixxi għas-sussistenza u l-iżvilupp tagħhom, li ma għandhomx jiġu affettwati b’mod negattiv, f’konformità mad-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni tal-2007. Huma ddikjaraw li l-kaċċa għall-foki li ssir b’mod tradizzjonali mill-komunità Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra ma qajmitx l-istess tħassib morali pubbliku bħal dik li ssir primarjament għal raġunijiet kummerċjali. Għalhekk, bħala eċċezzjoni, ir-Regolament ippermetta li fis-suq jitqiegħdu prodotti mill-foki li rriżultaw minn kaċċa li kienet issir tradizzjonalment mill-komunità Inuit jew minn komunitajiet indiġeni oħra, dment li t-trattament xieraq tal-annimali jitqies kif xieraq u t-tbatija titnaqqas sa fejn hu possibbli. L-eċċezzjoni kienet limitata għall-kaċċa li tikkontribwixxi għas-sussistenza ta’ dawk il-komunitajiet.

Ir-Regolament tal-2009 ippermetta wkoll, bħala eċċezzjoni, li fis-suq jitqiegħdu prodotti mill-foki meta l-kaċċa ssir għall-għan uniku li r-riżorsi tal-baħar jiġu ġestiti b’mod sostenibbli. Ippermetta wkoll l-importazzjoni ta’ prodotti mill-foki ta’ natura okkażjonali u li jikkonsistu esklussivament minn oġġetti għall-użu personali tal-vjaġġaturi jew tal-familji tagħhom.

Fl-2010, il-Kanada u n-Norveġja nedew proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) kontra r-Regolament u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 737/2010 inizjali tiegħu. Fl-2013, id-WTO kkonkludiet li, billi ċerti prodotti mill-foki jitħallew jidħlu fis-suq tal-UE permezz tal-eċċezzjonijiet għall-komunità Inuit u għall-ġestjoni tar-riżorsi tal-baħar, ir-reġim tal-UE dwar il-foki kien qed jipproduċi impatt detrimentali fuq l-opportunitajiet kompetittivi tal-prodotti Kanadiżi u Norveġiżi fir-rigward ta’ prodotti importati minn Greenland u ta’ prodotti domestiċi tal-UE. Fil-fatt, dak iż-żmien, Greenland biss kienet applikat uffiċjalment għar-rikonoxximent ta’ korp ta’ attestazzjoni.

Sabiex iġġib ir-reġim tagħha konformi mad-deċiżjonijiet tad-WTO, l-UE adottat ir-Regolament (UE) Nru 2015/1775, li mmodifika r-reġim tal-UE dwar il-foki billi neħħa l-eċċezzjoni għall-ġestjoni tar-riżorsi tal-baħar. It-tneħħija ta’ dik l-eċċezzjoni kienet mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jkomplu jirregolaw il-kaċċa li ssir bil-għan li r-riżorsi tal-baħar tagħhom jiġu ġestiti b’mod sostenibbli. Madankollu, din impediet lil dawn l-Istati Membri milli jippermettu li fis-suq tal-UE jitqiegħdu prodotti derivati minn tali kaċċa, sakemm dawn ma jaqgħux taħt l-eċċezzjoni tal-komunità “Inuit jew ta’ komunitajiet indiġeni oħra”, li baqgħet fis-seħħ. Ir-Regolament emendat saħħaħ ukoll il-koerenza mal-objettiv tar-Regolament billi żied b’mod espliċitu l-kunsiderazzjonijiet tat-trattament xieraq tal-annimali bħala kundizzjoni għall-użu tal-eċċezzjoni tal-komunità “Inuit jew ta’ komunitajiet indiġeni oħra”.

Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni uniformi tar-Regolament, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, li i) jispeċifika r-rekwiżiti għall-importazzjoni tal-prodotti mill-foki għall-użu personali tal-vjaġġaturi jew tal-familji tagħhom; ii) jelenka l-kriterji għar-rikonoxximent tal-korpi responsabbli għall-ħruġ ta’ dokumenti li jiddikjaraw il-konformità mal-eċċezzjoni tal-komunità “Inuit jew ta’ komunitajiet indiġeni oħra”; u iii) jispeċifika wkoll ir-rwol tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għall-kontroll tad-dokumenti ta’ attestazzjoni u r-reġistrazzjoni tad-data inkluża fihom.

Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament, kif emendat, il-prodotti mill-foki li jitqiegħdu fis-suq tal-UE skont l-eċċezzjoni tal-komunità “Inuit jew ta’ komunitajiet indiġeni oħra” jridu jkunu akkumpanjati minn dokument ta’ attestazzjoni li jinħareġ minn korp rikonoxxut għal dak il-għan mill-Kummissjoni Ewropea, f’konfirmità mal-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1850 (ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni).

S’issa, il-Kummissjoni Ewropea rrikonoxxiet tliet korpi:

-Id-Dipartiment tas-Sajd, il-Kaċċa u l-Agrikoltura ta’ Greenland 9 (issa msejjaħ id-Dipartiment tas-Sajd u l-Kaċċa)

-Il-Gvern ta’ Nunavut (il-Kanada) 10

- Il-Gvern tat-Territorji tal-Majjistral tal-Kanada 11

3.Rapporti tal-Istati Membri tal-UE

Is-27 Stat Membru tal-UE ntalbu jipprovdu r-rapporti nazzjonali tagħhom lill-Kummissjoni billi jwieġbu kwestjonarju. L-Istati Membri kollha tal-UE ħlief tlieta (Franza, il-Greċja u Malta) ipprovdew ir-rapport nazzjonali tagħhom. Ir-referenza ulterjuri għal “l-Istati Membri kollha” għandha għalhekk tinftiehem bħala “l-Istati Membri kollha minbarra tlieta li ma pprovdewx ir-rapport tagħhom”. Din it-taqsima tiġbor fil-qosor il-kontribuzzjonijiet riċevuti.

a) Awtoritajiet kompetenti

F’konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni, kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti waħda jew aktar responsabbli biex, fuq talba tal-awtoritajiet doganali, (a) tivverifika d-dokumenti ta’ attestazzjoni fir-rigward ta’ prodotti mill-foki importati; (b) tikkontrolla l-ħruġ tad-dokumenti ta’ attestazzjoni minn korpi rikonoxxuti stabbiliti u attivi f’dak l-Istat Membru, u (c) iżżomm kopja tad-dokumenti ta’ attestazzjoni maħruġa għall-prodotti mill-foki li joriġinaw mill-kaċċa għall-foki f’dak l-Istat Membru. Il-Kummissjoni għamlet il-lista tal-awtoritajiet kompetenti maħtura fuq is-sit web tagħha 12 .

Minkejja li s’issa l-ebda korp, stabbilit u attiv fl-UE, ma ġie rikonoxxut uffiċjalment għall-ħruġ ta’ dokumenti ta’ attestazzjoni, xi Stati Membri għandhom popli li jissodisfaw id-definizzjoni ta’ komunità “Inuit jew ta’ komunitajiet indiġeni oħra” u għalhekk jitħallew jikkaċċjaw għall-foki għas-sussistenza tagħhom u jqiegħdu prodotti mill-foki fis-suq tal-UE. Dawk l-Istati Membri jistgħu japplikaw biex wieħed mill-korpi tagħhom ikun rikonoxxut uffiċjalment għall-ħruġ ta’ dokumenti ta’ attestazzjoni. F’dak il-każ, l-Artikolu 6(1)(b) u (c) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni jkun rilevanti.

b) L-eċċezzjoni tal-komunità “Inuit jew ta’ komunitajiet indiġeni oħra”

Id-Danimarka u l-Estonja kienu l-uniċi Stati Membri li rrapportaw li l-prodotti mill-foki tqiegħdu fis-suq tagħhom, abbażi tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-eċċezzjoni tal-komunità “Inuit jew ta’ komunitajiet indiġeni oħra”. Id-dwana Daniża rreġistrat importazzjonijiet ta’ prodotti mill-foki minn Greenland għal valur totali ta’ DDK 8 347 944 (= EUR 1 122 337 bir-rata tal-kambju tas-17.01.2023) u volum totali ta’ 32 109 kg, meta mqabbla mal-10 502 kg irrapportati għall-perjodu preċedenti, li koprew tliet snin minflok erbgħa. Għall-ewwel darba, l-Estonja rrapportat l-importazzjonijiet ta’ prodotti mill-foki minn Greenland għal valur totali ta’ EUR 1 555,67 u volum totali ta’ 34,16 kg. Il-prodotti importati mid-Danimarka u mill-Estonja kienu jinkludu l-aktar ġlud tal-foki kkonfiskati jew ippreparati, iżda wkoll oġġetti ta’ lbies, aċċessorji tal-ħwejjeġ u oġġetti oħra tal-ġilda tal-foki, bħal żraben u buz mill-ġilda tal-foki.

c) Eċċezzjoni għall-użu personali tal-vjaġġaturi jew tal-familji tagħhom

L-ebda waħda mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ma ġiet innotifikata mill-awtoritajiet doganali tagħha dwar kwistjoni possibbli bl-importazzjoni okkażjonali ta’ prodotti mill-foki għall-użu personali mill-vjaġġaturi jew mill-familji tagħhom.

d) Proċessar attiv

L-importazzjoni ta’ prodotti mill-foki għall-ipproċessar u l-esportazzjoni mill-ġdid tal-oġġetti pproċessati ma hijiex ipprojbita skont ir-Regolament. Fl-Estonja, ġlud tal-foki ikkunzati (2 405 biċċa fl-2019; 1 682 fl-2020; 2 030 fl-2021 u 1 875 fl-2022) ġew importati mill-Kanada u min-Norveġja għal ipproċessar attiv minn manifattur taż-żraben li mbagħad reġa’ esporta l-oġġetti pproċessati kollha.

e) Pieni u infurzar

L-Istati Membri kollha rrapportaw li għandhom regoli fis-seħħ dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament. Dawn ivarjaw minn multi, konfiska u qerda tal-oġġetti (fl-Istati Membri kollha), għal priġunerija (f’Ċipru, fid-Danimarka, fil-Latvja u fin-Netherlands). L-ebda Stat Membru ma impona tali penali matul il-perjodu ta’ referenza.

Iċ-ċart ta’ hawn taħt turi l-ammonti massimi stabbiliti għall-multi fit-18-il Stat Membru li kkomunika din l-informazzjoni. Fi tmienja minnhom, l-ammonti għall-multi jvarjaw skont jekk ir-reat ikunx twettaq minn persuna fiżika jew minn persuna ġuridika. Fid-Danimarka u fil-Finlandja, l-ammont massimu għall-multi ma huwiex stipulat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Dan ikollu jiġi stmat mill-awtoritajiet kompetenti f’każ ta’ ksur tar-Regolament.

Nota: Għan-Netherlands, l-ammonti massimi ta’ hawn fuq jikkonċernaw reati li ma twettqux intenzjonalment. F’każ ta’ intenzjoni, il-multa tista’ tiżdied għal EUR 90 000 għal persuni fiżiċi u għal EUR 900 000 għal persuni ġuridiċi.

Żewġ importazzjonijiet ta’ prodotti mill-foki twaqqfu mid-dwana Belġjana. L-ewwel każ kien pakkett li wasal bil-posta mill-Istati Uniti b’suppliment tad-dieta li kien fih estratt tat-tirojde tal-foki (kapsuli tal-omega-3). It-tieni każ kien kranju ta’ foka li għalih ma ġewx ipprovduti d-dokumenti meħtieġa. Id-dwana Żvediża wettqet kważi 4 000 kontroll tad-dokumenti tad-dikjarazzjonijiet tal-importazzjoni. Sebgħa minnhom kienu allegatament ikopru prodotti mill-foki iżda fil-fatt intużaw kodiċijiet ta’ nomenklatura magħquda 13 ħżiena. Dawn id-dikjarazzjonijiet ġew ikkoreġuti mid-dwana Żvediża.

f) Informazzjoni permezz ta’ kodiċi QR

Biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-eċċezzjoni tal-“Inuit jew ta’ komunitajiet indiġeni oħra” u biex tittejjeb l-informazzjoni dwar ir-reġim tal-UE dwar il-foki, il-korpi rikonoxxuti jistgħu jpoġġu tikketta tal-kodiċi QR fuq il-prodotti mill-foki li jiċċertifikaw. Dan il-kodiċi QR huwa marbut ma’ paġna web 14 li tipprovdi informazzjoni dwar ir-reġim tal-UE dwar il-foki.

Ħmistax-il Stat Membru (il-Belġju, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja u l-Iżvezja) irrapportaw li huma konxji tal-eżistenza ta’ dan il-kodiċi QR, u l-ebda wieħed mill-Istati Membri ma ġie kkuntattjat mill-awtoritajiet doganali tiegħu jew minn korpi ta’ infurzar oħrajn għal parir fir-rigward tal-kodiċi QR.

g) Il-kaċċa għall-foki fl-UE

Il-popolazzjonijiet tal-foki fl-UE huma kkonċentrati prinċipalment fil-Baħar Baltiku. Skont valutazzjoni olistika tal-istat tal-Baħar Baltiku 15 mill-Kummissjoni għall-Ħarsien tal-Ambjent Marin fil-Baħar Baltiku, magħrufa wkoll bħala HELCOM, tliet speċijiet ta’ foki huma residenti fil-Baħar Baltiku. Il-foka griża tinsab fir-reġjun kollu, filwaqt li l-foka tal-anelli tal-Baltiku hija ristretta għall-Baħar Baltiku tal-Lvant u tat-Tramuntana, u l-foka komuni għall-Baħar Baltiku tal-Lbiċ u Kattegat.

Id-Direttiva dwar il-Ħabitats 16 għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-iżgurar tal-bijodiversità permezz tal-konservazzjoni tal-ħabitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fl-UE. L-Anness II tagħha, li jelenka l-ispeċijiet li jeħtieġu d-deżinjazzjoni u l-ġestjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni, jinkludi:

-Halichoerus grypus (foka griża)

-Monachus monachus (bumerin)

-Phoca/Pusa hispida botnica (foka tal-anelli tal-Baltiku)

-Phoca/Pusa hispida saimensis (foka tal-anelli ta’ Saimaa)

-Phoca vitulina (foka komuni)

Il-bumerin u l-foka tal-anelli ta’ Saimaa huma speċijiet ta’ prijorità u għalhekk huma elenkati wkoll fl-Anness IV tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, li jfisser li l-Istati Membri jridu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ta’ protezzjoni stretta għal dawn l-ispeċijiet. It-tliet speċijiet l-oħra (il-foka griża, il-foka tal-anelli tal-Baltiku u l-foka komuni) huma elenkati wkoll fl-Anness V, li jfisser li l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li t-teħid tagħhom fis-selvaġġ kif ukoll l-isfruttament tagħhom ikunu kompatibbli mal-fatt li jinżammu fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli.

Matul il-perjodu ta’ rapportar, peress li t-tneħħija tal-eċċezzjoni tal-“ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar” mir-Regolament inizjali kienet mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jkomplu jirregolaw il-kaċċa mwettqa għal dak il-għan, il-foki tal-anelli, il-foki komuni u l-foki griżi ġew ikkaċċjati fit-territorju tad-Danimarka, tal-Estonja, tal-Finlandja u tal-Iżvezja. Fir-rapport tagħhom, dawn l-erba’ Stati Membri ddeskrivew fil-qosor l-iskop tal-kaċċa, il-kundizzjonijiet li bihom saret, il-metodu li ġie applikat, kif it-trattament xieraq tal-annimali tqies kif xieraq, u l-impatt ta’ din il-kaċċa fuq il-popolazzjoni tal-foki, fuq l-ekosistemi u fuq l-attivitajiet tal-bniedem. It-test ta’ hawn taħt juri l-opinjonijiet espressi fl-erba’ rapporti nazzjonali.

Fid-Danimarka, ma hemm l-ebda staġun tal-kaċċa jew kwota għall-foki. L-isparar fuq il-foki jista’ jkun awtorizzat biss permezz ta’ deroga, f’raġġ ta’ 100 metru mill-irkaptu tas-sajd u barra mill-perjodi ta’ tnissil u ta’ ħrif, għall-evitar ta’ ħsara serja lis-sajd. Barra minn hekk, ma huwiex permess l-isparar fuq il-foki griżi fi ħdan is-siti ta’ Natura 2000 iddeżinjati għal dik l-ispeċi. Mill-2018, ingħataw ukoll derogi għall-isparar fuq il-foki fi xmajjar, b’impatt pożittiv fuq l-istokkijiet għar-riproduzzjoni ta’ popolazzjonijiet ta’ ħut taħt pressjoni. L-isparar waqt id-deroga huwa soġġett għall-użu ta’ azzarin ta’ kalibru approvat, filwaqt li wieħed għandu jgħaddi minn test speċifiku tal-azzarini u jkollu liċenzja Daniża għall-kaċċa. Il-kaċċatur huwa mħeġġeġ jimmira lejn ir-ras għal qtil immedjat. F’Bornholm, jista’ jsir sparar fuq il-foki griżi matul is-sena kollha, peress li ma hemm l-ebda post għat-tnissil f’dik iż-żona. Il-popolazzjonijiet tal-foki huma mmonitorjati fid-Danimarka b’għadd annwali. Id-Danimarka rrapportat li l-għadd ta’ foki li sar sparar fuqhom waqt id-deroga matul il-perjodu ta’ rapportar (134 Foka komuni u 9 Foki griżi) ma kellu l-ebda impatt sinifikanti fuq id-daqs tal-popolazzjoni.

Fl-Estonja, il-foki jistgħu jiġu kkaċċjati biex jiġu żgurati ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar u s-sussistenza tal-kaċċaturi u tal-familji mill-komunitajiet lokali tal-gżejjer żgħar tal-Estonja, biex il-wirt kulturali u t-tradizzjonijiet tagħhom jinżammu ħajjin. Il-kaċċa għall-foki hija regolata strettament u t-trattament xieraq tal-annimali huwa kkunsidrat bis-sħiħ. Il-kaċċa għall-foki tista’ ssir biss f’żoni deżinjati, matul l-istaġun tal-kaċċa, u l-kaċċaturi jridu jkunu għaddew minn test tal-isparar u jridu jużaw armi u munizzjon speċifiċi. Abbażi tal-aħħar rapport ta’ monitoraġġ tal-Estonja, l-għadd ta’ Foki griżi fl-ilmijiet tal-Estonja qed jiżdied, u l-akbar għadd ta’ Foki griżi fl-aħħar 20 sena ngħadd fil-Baħar Baltiku fl-2021. L-Estonja rrapportat li kaċċa fuq skala żgħira, limitata għal kwota annwali ta’ 1 % tal-popolazzjoni tal-foki, li kienet tirrappreżenta 55 individwu fis-sena matul il-perjodu ta’ rapportar, hija meħtieġa biex titnaqqas il-ħsara lis-sajd, iżda ma hijiex permessa fiż-żoni ta’ protezzjoni speċjali magħżula għall-Foki griżi.

Fil-Finlandja, il-kaċċa għall-foki titwettaq għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar, biex tiġi evitata ħsara lis-sajd kummerċjali. Il-kwoti tal-kaċċa huma stabbiliti għall-Foki griżi u għall-Foki tal-anelli. Matul il-perjodu ta’ rapportar, il-kwota tal-kaċċa għall-Foki griżi fil-Finlandja kontinentali kienet ta’ 1 050 individwu fis-sena. Il-kwota medja tal-kaċċa għall-Foki tal-anelli fiż-żona tal-Bajja tal-Botnja matul l-istess perjodu kienet ta’ 335 individwu fis-sena, filwaqt li l-kwota medja tal-kaċċa għall-foki griżi fil-Gżejjer Åland, reġjun awtonomu tal-Finlandja, kienet ta’ 480 individwu fis-sena. Il-kaċċa għall-foki hija soġġetta wkoll għal staġun tal-kaċċa, għal karatteristiċi tekniċi speċifiċi għall-armi tan-nar u għall-munizzjon, u li persuna tgħaddi minn eżami b’kors preċedenti dwar l-etika tal-kaċċa biex tapplika metodu ta’ qtil li jikkawża mewta immedjata. Ma hija permessa l-ebda kaċċa fuq il-popolazzjonijiet ta’ foki mhedda (eż. il-Foki tal-anelli fil-Golf tal-Finlandja u fil-Baħar tal-Arċipelagu). Il-Finlandja rrapportat li ż-żieda annwali stmata tal-popolazzjoni tal-foki hija ogħla mill-għadd ta’ foki kkaċċjati, u li hemm evidenza li l-foki jieklu l-ħut mill-irkaptu tas-sajd sakemm dan l-irkaptu ma jkunx reżistenti għall-foki. Madankollu, nases, xbieki fykes (xbieki tas-sajd f’forma ta’ borża twila li tinżamm miftuħa bi ċrieki) jew irkaptu simili biss jista’ jkun magħmul parzjalment reżistenti għall-foki, filwaqt li jinżamm sajd kummerċjali vijabbli. Il-foki jieklu minn 3 sa 5 kilos ta’ ħut kuljum, li jista’ jipperikola l-ispeċijiet tal-ħut jew il-popolazzjonijiet protetti mil-leġiżlazzjoni tal-UE jew dik nazzjonali. Is-sajd rikreattiv u kummerċjali bl-għeżula naqas bi 30 sa 40 % matul l-aħħar deċennji fl-arċipelagu ta’ barra u saħansitra waqaf kompletament f’ċerti żoni minħabba l-predazzjoni tal-foki. L-effett pożittiv ta’ kaċċa qrib l-irkaptu tas-sajd huwa biss temporanju peress li jitfaċċaw foki ġodda fi ftit jiem jew anke sigħat. Għalhekk, il-kaċċa għall-foki ma tistax titqies bħala l-uniku mod biex jittaffew il-problemi kkawżati mill-foki.

Il-ġestjoni tal-organiżmi selvaġġi tal-Iżvezja tinkludi l-kaċċa bil-liċenzja tal-Foki griżi mill-2020 u tal-Foki komuni mill-2022, u l-“kaċċa protettiva” tal-Foki tal-anelli. Il-kaċċa protettiva hija permessa u regolata b’mod strett f’żoni fejn il-popolazzjoni tal-foki li qed tikber qed tikkawża ħsara serja lis-sajd lokali, teqred l-irkaptu tas-sajd u tikkonsma l-qabdiet. Għall-kuntrarju tal-kaċċa protettiva, il-kaċċa bil-liċenzja ma hijiex ristretta għaż-żoni fejn il-foki qed jikkawżaw ħsara lis-sajd. Hemm kwota tal-kaċċa. Il-kwota medja tal-kaċċa għall-foki griżi matul il-perjodu ta’ rapportar kienet ta’ 1 692 individwu fis-sena, filwaqt li kienet ta’ 712-il individwu għall-Foki komuni u ta’ 346 individwu għall-Foki tal-anelli. Il-munizzjon huwa regolat b’mod strett, il-metodu ta’ qtil użat irid jikkawża mewta immedjata, jevita tbatija bla bżonn, u l-kaċċa għall-foki minn dgħajsa tirrikjedi li d-dgħajsa tibqa’ wieqfa. Għaddejja riċerka għall-iżvilupp ta’ tagħmir tas-sajd reżistenti għall-foki. L-Iżvezja rrapportat li l-għadd ta’ foki kkaċċjati għall-protezzjoni tas-settur tas-sajd jirrappreżenta biss sehem żgħir mill-popolazzjoni tal-foki.

Iċ-ċart ta’ hawn taħt turi l-għadd totali ta’ foki kkaċċjati matul il-perjodu ta’ rapportar mill-erba’ Stati Membri tal-UE li jawtorizzaw din il-kaċċa għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar tagħhom. Fil-Finlandja u fl-Iżvezja, il-kwoti huma stabbiliti għal staġun tal-kaċċa u mhux skont is-sena kalendarja. L-istaġun tal-kaċċa jibda fil-ħarifa u jintemm is-sena ta’ wara fir-rebbiegħa. Skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats, l-Istati Membri huma responsabbli għall-iżgurar li t-teħid ta’ kampjuni ta’ dawn l-ispeċijiet, li huma elenkati fl-Anness V tad-Direttiva, ikun kompatibbli mal-fatt li jinżammu fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli.

Fil-Latvja, l-applikazzjonijiet għall-kaċċa tal-foki ġew riċevuti matul il-perjodu ta’ rapportar, iżda ġew miċħuda. Wara l-approvazzjoni riċenti ta’ pjan ta’ ġestjoni tal-foki, il-kaċċa ta’ għadd żgħir ta’ Foki griżi adulti hija permessa mill-2023, għall-prevenzjoni ta’ ħsara lis-sajd meta ma jkun jista’ jinstab l-ebda metodu alternattiv.

h) Valutazzjoni ġenerali mill-Istati Membri tal-UE

L-Istati Membri ntalbu jipprovdu valutazzjoni ġenerali ta’ tliet aspetti tar-Regolament fit-territorju tagħhom: il-funzjonament tiegħu (il-kapaċità li jwettaq il-funzjoni regolari tiegħu), l-effikaċja (il-kapaċità li jipproduċi riżultat mixtieq) u l-impatt (pereżempju, is-suq mibdul għall-prodotti mill-foki).

Tmien Stati Membri (il-Bulgarija, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Litwanja u s-Slovakkja) semmew li ma kien hemm l-ebda kummerċ tal-prodotti mill-foki fit-territorju tagħhom matul il-perjodu ta’ rapportar u li għalhekk ma setgħux jivvalutaw il-funzjonament, l-effettività u l-impatt tar-Regolament. Ħames Stati Membri (il-Ġermanja, l-Italja, il-Lussemburgu, ir-Rumanija u s-Slovenja) ma pprovdew l-ebda valutazzjoni.

Seba’ Stati Membri (l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall u Spanja) iqisu li r-Regolament huwa adegwat għall-użu u li hemm fis-seħħ proċeduri fl-awtoritajiet doganali tagħhom biex jimplimentawh kif xieraq. Sa issa ma esperjenzaw l-ebda problema bir-Regolament. In-Netherlands impenja ruħu li jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tiegħu u d-dwana f’dan ir-rigward.

L-Estonja, il-Finlandja, il-Latvja u l-Iżvezja jqisu lir-Regolament jiffunzjona tajjeb bħala mezz għall-kontroll tal-kummerċ tal-prodotti mill-foki iżda l-impatt tiegħu mar lil hinn mill-għan maħsub tiegħu. Skonthom, il-projbizzjoni kkontribwiet għall-istat preżenti ħażin tas-sajd kostali u naqqset b’mod sinifikanti l-valur tal-foki bħala speċi ta’ kaċċa. Fil-fehma tagħhom, l-inklużjoni tal-ġestjoni tal-popolazzjonijiet tal-foki hija importanti fil-pjanijiet ta’ ġestjoni bbażati fuq l-ekosistema għall-ilmijiet tal-UE. Huma jsostnu li l-popolazzjonijiet tal-foki tagħhom huma mmonitorjati mill-qrib u li l-għadd żgħir ta’ foki kkaċċjati matul il-perjodu ta’ rapportar kellu impatt kważi insinifikanti fuq id-daqs tal-popolazzjoni u l-istat ta’ konservazzjoni tagħhom. Dawn l-Istati Membri jqisu li kaċċa għall-foki li titwettaq għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar, b’rispett sħiħ tat-trattament xieraq tal-annimali u billi jintużaw il-partijiet kollha tal-annimal maqbud minflok ma jintremew, ma għandhiex tqajjem tħassib morali pubbliku. Skont l-etika tal-kaċċa Żvediża, annimal irid jiġi kkaċċjat b’mod uman u r-riżorsa li tirriżulta għandha tintuża bis-sħiħ biex il-kaċċa titqies aċċettabbli. Minħabba li l-kaċċaturi tal-foki, wara li jiġbru dak li jeħtieġu għall-użu personali tagħhom, ikollhom jeqirdu jew jarmu din ir-riżorsa siewja, l-Iżvezja tħoss li l-projbizzjoni tmur kontra din l-etika u tagħmel il-kaċċa għall-foki inqas attraenti. Dawn l-Istati Membri enfasizzaw li, sadanittant, iż-żieda fil-popolazzjoni tal-foki qed tikkawża ħsara lill-irkaptu u lill-qabdiet tas-sajd, qed tinfesta l-ispeċijiet kollha tal-ħut bid-dud tal-foki, filwaqt li jinqatlu d-dniefel suwed, u jinqabdu adulti kbar tal-bakkaljaw, tas-salamun, tat-trota tal-baħar u tal-luċċji, b’konsegwenzi ekonomiċi għat-turiżmu tas-sajd rikreattiv. Sabiex tittaffa s-sitwazzjoni, l-Iżvezja ppromulgat digriet nazzjonali fl-2020, li jipprevedi li, jekk Foka griża raġel li tikkawża ħsara lis-sajd jew lill-akkwakultura tiġi kkaċċjata legalment, il-parti ppreġudikata hija intitolata għal għajnuna finanzjarja għall-ipproċessar xieraq tal-karkassa. Fil-Finlandja, madwar 350-400 sajjied fis-sena huma affettwati minn ħsara kkawżata mill-foki. Jista’ jingħata kumpens għall-kostijiet imġarrba għas-salvataġġ u s-sottomissjoni ta’ karkassi tal-foki ta’ foki kkaċċjati b’mod legali f’faċilità approvata għall-qerda. Ma jingħata l-ebda kumpens għall-kaċċa nnifisha. L-appoġġ huwa maħsub biex jinkoraġġixxi aktar kaċċa għall-foki, iżda l-Finlandja tqis li t-tneħħija tal-projbizzjoni tal-kummerċ tal-foki tkun inċentiv saħansitra aktar b’saħħtu. Dan jelimina wkoll il-ħtieġa għal kumpens u l-kostijiet amministrattivi relatati.

L-Estonja, il-Finlandja, il-Latvja u l-Iżvezja jammettu li l-kummerċ tal-prodotti mill-foki qatt ma kien settur kbir b’fatturat ekonomiku sinifikanti. Madankollu, fiż-żoni kostali, il-kummerċ għandu l-potenzjal li jikkontribwixxi bħala sors ta’ introjtu u li jrawwem valuri kulturali. It-tneħħija tal-projbizzjoni tgħin biex jiġi sfruttat dan il-potenzjal, jinħoloq suq nazzjonali u opportunitajiet ta’ esportazzjoni għall-prodotti mill-foki, u jiżdied il-valur tal-prodotti mill-foki u anke l-volum tal-importazzjonijiet lejn l-UE mill-komunità Inuit jew minn komunitajiet indiġeni oħra, peress li t-tqegħid fis-suq tal-UE ta’ prodotti mill-foki ma jibqax jitqies b’mod żbaljat bħala kompletament ipprojbit. Dawn l-Istati Membri jiddikjaraw li bejgħ fuq skala żgħira bħala artiġjanat mill-komunitajiet lokali fl-UE għandu jkun permess, sabiex jiġu kkumpensati l-ispejjeż tal-kaċċa u jintwerew il-kreattività u t-tradizzjonijiet ta’ dawn il-komunitajiet. Jekk ma jkunx possibbli li titneħħa l-projbizzjoni, l-Estonja, il-Finlandja, il-Latvja u l-Iżvezja jirrakkomandaw li tiġi kkunsidrata l-introduzzjoni mill-ġdid tal-eċċezzjoni tal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar għall-Istati Membri li jinkludu kaċċa protettiva u bil-liċenzja għall-foki fil-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-organiżmi selvaġġi tagħhom. Fl-2019, il-Parlament Żvediż talab lill-gvern biex jaħdem lejn tneħħija tal-projbizzjoni jew tal-anqas eċċezzjoni għall-projbizzjoni.

4.Rapport mir-Renju Unit

Għall-eżerċizzju kurrenti, ir-Renju Unit kien għadu mitlub jipprovdi r-rapport nazzjonali tiegħu lill-Kummissjoni. Il-perjodu ta’ rapportar għall-Gran Brittanja kien mill-1 ta’ Jannar 2019 sal-31 ta’ Diċembru 2020, li kien it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni miftiehem b’mod konġunt mill-UE u mir-Renju Unit wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE. Għar-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, il-perjodu ta’ rapportar kien l-istess bħal dak għall-Istati Membri tal-UE (jiġifieri sal-aħħar tal-2022) bis-saħħa tal-Qafas ta’ Windsor 17 , li jinkludi r-Regolament dwar il-Foki.

Għalhekk, l-elementi ta’ hawn taħt applikaw għall-Gran Brittanja sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni u jkomplu japplikaw fir-Renju Unit u għalih fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.

Ir-Regolamenti dwar il-Prodotti mill-Foki tar-Renju Unit tal-2010 jimplimentaw ir-Regolament tal-UE. Id-Dħul u d-Dwana, l-Uffiċċju tal-Intern u l-Aġenzija tal-Forza tal-Fruntieri tal-Maestà Tiegħu jingħataw struzzjonijiet biex jaġixxu f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE u dik domestika u mal-gwida rilevanti dwar ir-reġim tal-foki. Il-proċessi huma fis-seħħ biex ir-Regolament tal-UE jiffunzjona b’mod effettiv.

Ir-regoli dwar il-penali jinsabu fir-Regolamenti dwar il-Prodotti mill-Foki tal-2010. Kull min ikun ħati ta’ reat jista’ jeħel multa li ma taqbiżx il-GBP 75 000. L-ammont massimu huwa l-istess għall-multi imposti fuq persuni ġuridiċi.

Matul il-perjodu ta’ rapportar, ma tqiegħed l-ebda prodott mill-foki fis-suq tar-Renju Unit skont l-eċċezzjoni tal-komunità “Inuit jew ta’ komunitajiet indiġeni oħra”.

Ir-Renju Unit irrapporta li ma hemm l-ebda kaċċa għall-foki fit-territorju tiegħu peress li l-mammiferi tal-baħar, inklużi l-foki, huma protetti skont leġiżlazzjoni li tagħmilha reat li jinqatel, jindarab jew jittieħed intenzjonalment kwalunkwe mammiferu selvaġġ tal-baħar.

5.Rapporti mill-korpi rikonoxxuti

Għall-eżerċizzju kurrenti, il-korpi rikonoxxuti tal-Kanada u ta’ Greenland intalbu jwieġbu kwestjonarju. Il-perjodu ta’ rapportar kien l-istess bħal dak għall-Istati Membri tal-UE, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2019 sal-31 ta’ Diċembru 2022.

a) Dokumenti ta’ attestazzjoni

Id-Dipartiment tas-Sajd u tal-Kaċċa ta’ Greenland ħareġ dokumenti ta’ attestazzjoni biex jakkumpanjaw ġlud tal-foki minn Foki tal-anelli u minn Foki tat-tip “Harp”, li tqiegħdu fis-suq tal-UE fid-Danimarka u fl-Estonja. Iċ-ċart ta’ hawn taħt turi l-għadd ta’ unitajiet ta’ ġlud tal-foki importati minn Greenland minn dawn iż-żewġ Stati Membri tal-UE matul il-perjodu ta’ rapportar. Id-Dipartiment tas-Sajd u tal-Kaċċa ta’ Greenland semma wkoll l-esportazzjoni ta’ 281 ġilda tal-foki lejn l-Italja u 18-il ġilda tal-foki lejn il-Portugall fl-2019, iżda dawn l-importazzjonijiet ma ġewx irrapportati mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-UE.

Il-Gvern ta’ Nunavut (il-Kanada) ħareġ żewġ dokumenti ta’ attestazzjoni, fl-2020 biss, biex jakkumpanja żewġ kranji tal-Foka tal-anelli u żewġ ġlud tal-Foka tal-anelli esportati lejn il-Belġju, kranju tal-foka komplet u b’żewġ nejbiet esportati lejn l-Italja. Dawn l-importazzjonijiet ma ġewx irrapportati mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-UE.

Il-Gvern tat-Territorji tal-Majjistral tal-Kanada ħareġ żewġ dokumenti ta’ attestazzjoni, fl-2022 biss, biex jakkumpanja kowt wieħed tal-fer mirqum għar-Repubblika Ċeka u l-istess għal Franza. Hawnhekk għal darba oħra, dawn l-importazzjonijiet ma ġewx irrapportati mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-UE.

Il-korp rikonoxxut ta’ Nunavut identifika diversi kwistjonijiet fid-dokumenti ta’ attestazzjoni u ħeġġeġ lill-UE tikkunsidra jekk ikunx aċċettabbli għalihom li (1) joħorġu ċertifikat wieħed għal ġlud multipli; (2) joħorġu ċertifikat lill-ħaddiema tal-artiġjanat ta’ Nunavut li jattestaw li f’xogħolhom jintużaw biss ġlud tal-foki li jirriżultaw mill-kaċċa li ssir mill-Inuit; (3) ma jkunux obbligati jispeċifikaw l-isem tal-Istat Membru tal-UE fejn il-prodott se jitqiegħed fis-suq; u (4) jesploraw mezzi oħra biex tingħata prova tal-oriġini mill-Inuit għajr ċertifikat fiżiku, pereżempju timbru li jiġi stampat fuq il-ġlud bis-suf jew tikketti bil-kodiċi QR u timbru bbuzzat ’il barra mill-Gvern ta’ Nunavut, li kważi jkun impossibbli li jiġi imitat.

Fl-2021, il-Gvern tat-Territorji tal-Majjistral żviluppa Programm ta’ Ċertifikazzjoni tal-Foki biex jidentifika l-prodotti mill-foki maqbuda mill-kaċċaturi Inuit/Inuvialuit u maħduma mill-Inuit/Inuvialuit/indiġeni tat-Territorji tal-Majjistral. Ladarba l-prodott mill-foki jkun komplut, titwaħħal miegħu tikketta ta’ Ċertifikazzjoni tal-Foki (ara hawn taħt).

Il-korp rikonoxxut tat-Territorji tal-Majjistral iqis li l-ġlud mill-foki maqbuda mill-Inuit/Inuvialuit fit-Territorji tal-Majjistral għandhom jiġu ċċertifikati awtomatikament u li l-UE għandha tipprovdi appoġġ finanzjarju jew tekniku għall-operalizzazzjoni tal-eżenzjoni. Il-penali għan-nuqqas ta’ konformità jeżistu u s’issa ma kinux meħtieġa.

b) Il-kaċċa għall-foki taħt l-eċċezzjoni “Inuit jew ta’ komunitajiet indiġeni oħra”

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament, kif emendat, jippermetti t-tqegħid fis-suq biss meta l-prodotti mill-foki jirriżultaw minn kaċċa li titwettaq tradizzjonalment mill-komunità Inuit jew minn komunitajiet indiġeni oħra, li tikkontribwixxi għas-sussistenza tagħhom, u b’kunsiderazzjoni xierqa tat-trattament xieraq tal-annimali.

F’dan ir-rigward, il-korpi rikonoxxuti semmew li tliet prinċipji ewlenin tal-foki jiggwidaw lill-Inuit u lill-Inuvialuit: (1) ħżin sostenibbli, fejn ir-riżorsi jiġu protetti kontra ħżin żejjed u ġestiti biex jinżamm il-post tal-foki fl-ekosistema globali; (2) użu komplet li bih il-laħam jipprovdi l-ikel, filwaqt li l-ġlud jintużaw għall-ħwejjeġ u ż-żejt huwa sors għani ta’ aċidi omega-3; u (3) qbid b’mod uman, fejn il-foki jridu jiġu ttrattati b’rispett u jiġu kkaċċjati biss għal dak li hu meħtieġ, u l-qtil innifsu jkun nadif u mgħaġġel.

c) Ipproċessar tad-data u protezzjoni tad-data personali

It-tliet korpi rikonoxxuti qed jużaw sistema elettronika għall-iskambju u għar-reġistrazzjoni tad-data li tinsab fid-dokumenti ta’ attestazzjoni. L-ebda wieħed minnhom ma rrapporta kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni tad-data personali fil-mument tal-ipproċessar tad-dokumenti ta’ attestazzjoni.

d) Informazzjoni permezz ta’ kodiċi QR

Fuq talba minn Greenland, il-Kummissjoni qablet li tpoġġi tikketta tal-kodiċi QR fuq il-prodotti mill-foki, bil-ħsieb li l-konsumaturi jiġu informati aħjar dwar l-eżistenza u l-leġittimità tal-eċċezzjoni “Inuit jew ta’ komunitajiet indiġeni oħra”, u għall-faċilitazzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-UE. Dan il-kodiċi QR huwa marbut ma’ paġna web 18 li tipprovdi informazzjoni dwar ir-reġim tal-UE dwar il-foki.

Great Greenland qed tpoġġi kodiċi QR fuq il-ġlud tal-foki kollha tagħha. L-artiġjani lokali, il-ħaddiema tas-snajja’ jew id-djar tal-ħjata żgħar jistgħu jżidu l-logo tagħhom stess ħdejn il-kodiċi QR. Nunavut għandha kodiċi QR marbut ma’ informazzjoni dwar l-eċċezzjoni fir-reġim tal-UE dwar il-foki. Il-kodiċi QR jitqiegħed fuq l-oġġetti attestati kollha u jkun disponibbli kif meħtieġ mill-ħaddiema artiġjanali u tas-snajja’. Fit-Territorji tal-Majjistral, jitpoġġa kodiċi QR fuq il-prodotti mill-foki magħmula mill-ġlud dokumentati/ċertifikati.

e) Valutazzjoni ġenerali mill-korpi rikonoxxuti

Il-korpi rikonoxxuti ntalbu jipprovdu valutazzjoni ta’ tliet aspetti tar-Regolament u l-eċċezzjoni tal-komunità “Inuit jew ta’ komunitajiet indiġeni oħra” fuq it-territorju tagħhom: il-funzjonament u l-effettività tal-eċċezzjoni, l-impatt tar-Regolament fuq l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-komunitajiet Inuit jew ta’ komunitajiet indiġeni oħra tagħhom, u l-impatt fuq ir-Regolament fuq il-popolazzjonijiet tal-foki tagħhom.

Greenland jirrikonoxxi l-impenn tal-UE li tirrispetta u li tippromwovi d-drittijiet tal-popli indiġeni, inkluż id-dritt li jwettqu liberament l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom. Madankollu, fil-prattika, dawn iqisu li r-reġim tal-UE dwar il-foki qed ikollu effetti negattivi fuq dawn il-komunitajiet. Huma jqisu li jeħtieġ li titqajjem sensibilizzazzjoni u li tittejjeb l-informazzjoni għaċ-ċittadini Ewropej dwar il-legalità tal-kummerċ tal-prodotti mill-foki kkaċċjati mill-komunità Inuit jew minn komunitajiet indiġeni oħra, u b’dan terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-konsumaturi fil-prodotti mill-foki.

Nunavut jikkondividi l-istess opinjoni u jixtieq jissostitwixxi d-dokument ta’ attestazzjoni b’tikketti żgħar b’kodiċi QR. Nunavut iqis li r-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni imponew piż u diżinċentiv mhux xieraq fuq il-produtturi Inuit u x-xerrejja tal-UE. Nunavut jilqa’ l-appoġġ mill-UE biex iwettaq attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni mal-manifatturi, il-mużewijiet u l-bejjiegħa tal-UE fir-rigward tal-eżistenza u l-funzjonament tal-eċċezzjoni.

Għat-Territorji tal-Majjistral, il-benefiċċji diretti tal-eċċezzjoni tal-Inuit jittejbu bil-qabda jekk l-UE taqbel li l-foki kollha li jinqabdu mill-Inuit/Inuvialuit fit-Territorji tal-Majjistral jitqiesu bħala konformi u, għalhekk, jiġu ċċertifikati awtomatikament. Il-livell ta’ qbid ta’ sussistenza baqa’ pjuttost konsistenti, u s-suq domestiku u lokali għall-prodotti mill-foki u l-materja prima baqa’ b’saħħtu matul l-aħħar ċiklu ta’ rapportar. Madankollu, is-suq tal-esportazzjoni kien limitat sa kważi ma jeżistix.

Fi Greenland, il-kaċċa u l-kummerċ ta’ prodotti mill-foki huma ta’ importanza soċjoekonomika u kulturali fundamentali għall-komunitajiet Inuit. Fil-perjodu 2019-2022, l-għadd ta’ foki mibjugħa lil Great Greenland A/S tannery żdied bi kważi 6 % meta mqabbel mal-perjodu ta’ rapportar preċedenti, iżda għadu ’l bogħod mil-livelli ta’ projbizzjoni ta’ qabel l-UE.

L-għadd totali ta’ foki li jinqabdu fi Greenland fil-perjodu 2019-2021 naqas b’6 % meta mqabbel mal-perjodu ta’ rapportar preċedenti. Il-graff ta’ hawn taħt turi l-qabdiet ta’ foki fi Greenland skont l-ispeċi fl-4 snin tal-perjodu ta’ rapportar. In-numri ma jinkludux l-aħħar 3 xhur tal-2022.

Il-valur tal-ġlud innegozjati mill-foki tal-anelli, tat-tip “bedlamer” u “saddleback” lill-Great Greenland Tannery fil-perjodu ta’ rapportar lanqas ma laħaq il-livelli ta’ projbizzjoni ta’ qabel l-UE.

Il-Ministeru tas-Sajd u tal-Kaċċa ta’ Greenland iqajjem dubji dwar il-ħsieb wara r-reġim dwar il-foki u jinnota li l-kaċċa sostenibbli għall-foki b’rispett sħiħ tat-trattament xieraq tal-annimali kienet tkun possibbli mingħajru. Il-Ministeru huwa mħasseb dwar il-fatt li ma twettqet l-ebda valutazzjoni minn qabel, inkluż dwar it-tħassib rikonoxxut taċ-ċittadini Ewropej tal-lum bħala l-ġustifikazzjoni bażika għar-Regolament, u dwar modi possibbli li huma anqas restrittivi fil-kummerċ biex jiġi indirizzat it-tħassib potenzjali. Il-Ministeru huwa mħasseb ukoll dwar il-fatt li r-reġim tal-UE dwar il-foki, anke bl-eċċezzjoni tal-Inuit, ma huwiex qed jissodisfa l-kunċett ta’ Ekonomija Blu li l-UE tappoġġa fl-aspetti kollha tal-użu sostenibbli tar-riżorsi ħajjin, minbarra l-ispeċijiet tal-foki.

F’Nunavut u fit-Territorji tal-Majjistral, il-qbid matul is-sena kollha, il-konsum, id-disinn u l-bejgħ tal-prodotti mill-foki huma komponent li ilu jeżisti żmien twil tal-espressjoni kulturali u tal-għajxien ekonomiku tas-soċjetà tal-Inuit/Inuvialuit. Illum il-ġurnata l-komunità tal-Inuit/Inuvialuit tiddependi fuq il-foki għas-sigurtà alimentari u l-introjtu f’territorju bl-ogħla prezzijiet fuq l-ikel li jinxtara mill-ħwienet u b’opportunitajiet ta’ impjiegi limitati. L-Inuit/Inuvialuit jikkummerċjalizzaw fil-biċċa l-kbira l-prodotti mill-foki tagħhom lokalment u ma jesportawhomx lejn l-UE. Ir-raġunijiet primarji jinkludu l-biża’ li jiksru r-reġim tal-UE dwar il-foki, l-ostakoli għall-kummerċ li rriżultaw mill-projbizzjoni nnifisha (telf ta’ interess mix-xerrejja, nuqqas ta’ rabtiet ma’ xerrejja potenzjali), l-ebda esperjenza fil-kummerċ internazzjonali, u konfużjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ ġlud bis-suf meta mqabbla ma’ prodotti minn ġlud bis-suf iċċertifikati. Sa issa, ir-Regolament ma kellux impatt pożittiv fuq l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-Inuit/Inuvialuit. Ir-reġim tal-UE dwar il-foki fetaħ opportunitajiet, iżda jitqies bħala attività ssorveljata.

Skont Nunavut u t-Territorji tal-Majjistral, ma kien hemm l-ebda impatt fuq il-popolazzjonijiet tal-foki b’riżultat tar-Regolament, u din l-eċċezzjoni lanqas ma żdiedet il-qbid tagħhom. Il-qbid kien u jkompli jitwettaq skont ir-regolamenti dwar il-qbid u l-valuri tal-komunità Inuit/Inuvialuit.



6) Konklużjoni

Ir-Regolament jidher li jaħdem tajjeb fil-prevenzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-UE ta’ prodotti mill-foki mhux koperti mill-eċċezzjoni tal-komunità “Inuit jew ta’ komunitajiet indiġeni oħra”. L-Istati Membri stabbilew penali f’każ ta’ ksur, iżda għadhom ma imponew l-ebda penali. Il-Belġju biss irrapporta importazzjonijiet mhux konformi, li twaqqfu fid-dwana tiegħu.

Kif diġà esprimew fir-rapporti preċedenti tagħhom, l-Istati Membri tal-UE tal-Baħar Baltiku jilqgħu d-dħul mill-ġdid tal-eċċezzjoni ta’ “ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar”, li tneħħiet fl-2015 biex ir-Regolament isir konformi ma’ deċiżjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Huma jqisu li l-projbizzjoni għandha impatti soċjoekonomiċi negattivi fl-Istati Membri tal-UE tal-Baħar Baltiku.

Il-korpi rikonoxxuti fil-Kanada jqisu li r-Regolament fl-UE huwa meqjus bħala projbizzjoni totali fuq il-kummerċ tal-prodotti mill-foki, li l-eċċezzjoni tal-komunità “Inuit jew ta’ komunitajiet indiġeni oħra” ma hijiex magħrufa biżżejjed fl-UE, u li dan għandu impatt fuq l-iżvilupp ekonomiku tal-komunitajiet Inuit/Inuvialuit tagħhom. L-esportazzjonijiet ta’ prodotti mill-foki mill-Kanada lejn l-UE huma insinifikanti. Greenland ikompli jesporta l-prodotti mill-foki lejn l-UE, l-aktar lejn id-Danimarka. Għadd żgħir ta’ importazzjonijiet minn Greenland u mill-Kanada ma ġewx irrapportati mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-UE.

Fl-2024, il-Kummissjoni se tniedi evalwazzjoni tar-Regolament dwar il-Kummerċ tal-Prodotti mill-Foki u tad-Direttiva dwar il-Friegħ tal-Foki biex tivvaluta l-funzjonament, l-effettività u l-impatt tagħhom skont l-objettivi tagħhom, u jekk għadhomx adegwati għall-użu. Dan se jinvolvi valutazzjoni tal-impatt soċjoekonomiku tagħhom u tal-impatt tagħhom fuq il-popolazzjonijiet tal-foki. Abbażi tas-sejbiet tal-evalwazzjoni, il-Kummissjoni se tikkunsidra jekk humiex meħtieġa aktar miżuri.

(1)

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A32009R1007

(2)

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=uriserv:OJ.L_.2015.262.01.0001.01.MLT

(3)

http://trade.ec.europa.eu/wtodispute/show.cfm?id=475&code=2

(4)

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A32015R1850

(5)

Ara l-Premessa 8 tar-Regolament (UE) Nru 2015/1775

(6)

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1578667308224&uri=COM%3A2020%3A4%3AFIN

(7)

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:31983L0129

(8)

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:31989L0370

(9)

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A32015D1027(02)

(10)

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=uriserv:OJ.L_.2020.426.01.0056.01.MLT

(11)

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:32017D0265

(12)

https://environment.ec.europa.eu/topics/nature-and-biodiversity/trade-seal-products_en

(13)

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=OJ:L:2022:282:FULL&from=MT

(14)

https://environment.ec.europa.eu/topics/nature-and-biodiversity/trade-seal-products_en

(15)

http://stateofthebalticsea.helcom.fi/biodiversity-and-its-status/marine-mammals/

(16)

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A01992L0043-20130701

(17)

Mill-24 ta’ Marzu 2023, bis-saħħa tad-Dikjarazzjoni Konġunta Nru 1/2023 tal-Unjoni u tar-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, il-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq għandu jkun magħruf bħala l-“Qafas ta’ Windsor”.

(18)

https://environment.ec.europa.eu/topics/nature-and-biodiversity/trade-seal-products_en

Top