Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023DC0623

    Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2023 tar-Rumanija u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2023 tar-Rumanija

    COM/2023/623 final

    Brussell, 24.5.2023

    COM(2023) 623 final

    Rakkomandazzjoni għal

    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2023 tar-Rumanija u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2023 tar-Rumanija

    {SWD(2023) 623 final}


    Rakkomandazzjoni għal

    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2023 tar-Rumanija u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2023 tar-Rumanija

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 , li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, hija tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u soċjali u għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-UE u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal kull Stat Membru bil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ġiet aġġornata fit-30 ta’ Ġunju 2022, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241.

    (2)Fit-22 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2023 4 , li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2023 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-istħarriġ madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva fit-23 ta’ Marzu 2023. Fit-22 ta’ Novembru 2022, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2023, li fih identifikat ir-Rumanija bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat mill-iżbilanċi, u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro, li l-Kunsill adotta fis-16 ta’ Mejju 2023, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2023 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li l-Kunsill adotta fit-13 ta’ Marzu 2023.

    (3)Filwaqt li l-ekonomiji tal-UE qed juru reżiljenza notevoli, il-kuntest ġeopolitiku għad għandu impatt negattiv. Hekk kif l-UE qed tappoġġa b’mod sod lill-Ukrajna, l-aġenda tal-politika ekonomika u soċjali tal-UE hija ffukata fuq it-tnaqqis tal-impatt negattiv tax-xokkijiet tal-enerġija kemm fuq l-unitajiet domestiċi vulnerabbli kif ukoll fuq il-kumpaniji fuq terminu qasir, u fuq iż-żamma tal-isforzi biex titwettaq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, jiġi appoġġat it-tkabbir sostenibbli u inklużiv, tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà makroekonomika u tiżdied ir-reżiljenza fuq terminu medju. Hija tiffoka ħafna wkoll fuq iż-żieda fil-kompetittività u l-produttività tal-UE.

    (4)Fl-1 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni ħarġet il-Komunikazzjoni Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti 5 biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija b’emissjonijiet żero netti tal-UE u tiġi appoġġata t-tranżizzjoni rapida lejn in-newtralità klimatika. Il-pjan jikkomplementa l-isforzi li għaddejjin bil-Patt Ekoloġiku Ewropew u r-REPowerEU. Għandu l-għan li jipprovdi ambjent aktar ta’ appoġġ biex tiżdied il-kapaċità tal-manifattura tal-UE għat-teknoloġiji u l-prodotti b’emissjonijiet żero netti meħtieġa biex jintlaħqu l-miri klimatiċi ambizzjużi tal-UE kif ukoll jiġi żgurat l-aċċess għal materja prima kritika rilevanti, inkluż billi jiġi diversifikat l-akkwist, jiġu sfruttati kif xieraq ir-riżorsi ġeoloġiċi fl-Istati Membri u jiġi massimizzat ir-riċiklaġġ tal-materja prima. Il-pjan huwa msejjes fuq erba’ pilastri: ambjent regolatorju prevedibbli u simplifikat, li jħaffef l-aċċess għall-finanzi, itejjeb il-ħiliet, u jiftaħ il-kummerċ għal ktajjen tal-provvista reżiljenti. Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet ukoll il-Komunikazzjoni, Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030 6 , strutturata fuq disa’ muturi li jsaħħu lil xulxin bil-għan li ssir ħidma lejn qafas regolatorju li jsaħħaħ it-tkabbir. Hija tistabbilixxi prijoritajiet ta’ politika mmirati biex jiżguraw b’mod attiv titjib strutturali, investiment iffukat tajjeb u miżuri regolatorji għall-kompetittività fit-tul tal-UE u l-Istati Membri tagħha. Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt jgħinu biex jiġu indirizzati dawk il-prijoritajiet.

    (5)Fl-2023, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż kollha jew subsett sinifikanti minnhom maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020 u l-2022 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

    (6)Ir-Regolament REPowerEU 7 adottat fis-27 ta’ Frar 2023 għandu l-għan li jelimina malajr id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. Dan se jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jżid l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. Ir-Regolament jippermetti lill-Istati Membri jżidu kapitolu ġdid tar-REPowerEU mal-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex jiffinanzjaw riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU. Dawn se jgħinu wkoll biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija b’emissjonijiet żero netti tal-UE kif deskritt fil-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti u se jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż relatati mal-enerġija maħruġa lill-Istati Membri fl-2022 u, fejn applikabbli, fl-2023. Ir-Regolament REPowerEU jintroduċi kategorija ġdida ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, li ssir disponibbli għall-Istati Membri biex jiffinanzjaw riformi u investimenti ġodda relatati mal-enerġija skont il-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza.

    (7)Fit-8 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li tipprovdi gwida għall-politika fiskali għall-2024. Hija għandha l-għan li tappoġġa t-tħejjija tal-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza tal-Istati Membri u b’hekk issaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politika 8 . Il-Kummissjoni fakkret li l-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir se tiġi diżattivata fi tmiem l-2023. Hija appellat għal politiki fiskali fl-2023-2024 li jiżguraw is-sostenibbiltà tad-dejn fuq terminu medju kif ukoll iżidu t-tkabbir potenzjali b’mod sostenibbli. L-Istati Membri ġew mistiedna jistabbilixxu fil-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza tagħhom tal-2023 kif il-pjanijiet fiskali tagħhom se jiżguraw li l-valur ta’ referenza tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG jiġi rispettat kif ukoll it-tnaqqis plawżibbli u kontinwu tad-dejn, jew biex id-dejn jinżamm f’livelli prudenti fit-terminu medju. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri jeliminaw gradwalment il-miżuri fiskali nazzjonali introdotti biex jipproteġu lill-unitajiet domestiċi u lid-ditti mix-xokk tal-prezz tal-enerġija, u jibdew bl-inqas miżuri mmirati. Hija indikat li, jekk ikun meħtieġ li l-miżuri ta’ appoġġ jiġu estiżi minħabba pressjonijiet tal-prezzijiet tal-enerġija mġedda, jenħtieġ li l-Istati Membri jimmiraw tali miżuri ħafna aħjar milli fil-passat lejn unitajiet domestiċi u ditti vulnerabbli. Il-Kummissjoni pproponiet li r-rakkomandazzjonijiet fiskali jkunu kwantifikati u differenzjati u fformulati fuq il-bażi tan-nefqa primarja netta, kif propost fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE 9 . Hija rrakkomandat li l-Istati Membri kollha jenħtieġ li jkomplu jipproteġu l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali u jiżguraw l-użu effettiv tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u ta’ fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari fid-dawl tal-objettivi tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tar-reżiljenza. Il-Kummissjoni indikat li se tipproponi lill-Kunsill biex jiftaħ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit fir-rebbiegħa tal-2024 fuq il-bażi tad-data tal-eżitu għall-2023, f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti.

    (8)Fis-26 ta’ April 2023, il-Kummissjoni ppreżentat proposti leġiżlattivi biex timplimenta riforma komprensiva tar-regoli ta’ governanza ekonomika tal-UE. L-objettiv ċentrali tal-proposti huwa li tissaħħaħ is-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u jiġi promoss it-tkabbir sostenibbli u inklużiv fl-Istati Membri kollha permezz ta’ riformi u investimenti. Il-proposti għandhom l-għan li jipprovdu lill-Istati Membri b’aktar kontroll fuq it-tfassil tal-pjanijiet tagħhom fuq perjodu ta’ żmien medju, filwaqt li jistabbilixxu reġim ta’ infurzar aktar strett biex jiżguraw li l-Istati Membri jwettqu l-impenji meħuda fil-pjanijiet fiskali-strutturali tagħhom fuq perjodu ta’ żmien medju. L-objettiv huwa li tiġi konkluża l-ħidma leġiżlattiva fl-2023.

    (9)Fil-31 ta’ Mejju 2021, ir-Rumanija ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fit-3 ta’ Novembru 2021 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tar-Rumanija 10 . Il-ħruġ tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li r-Rumanija tkun laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.

    (10)Fil-11 ta’ Mejju 2023, ir-Rumanija ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2023 u, fl-10 ta’ Mejju 2023, il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 tagħha, f’konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati flimkien. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tar-Rumanija dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha.

    (11)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2023 għar-Rumanija 11 fl-24 ta’ Mejju 2023. Huwa vvaluta l-progress tar-Rumanija fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2022, u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tar-Rumanija. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Ivvaluta wkoll il-progress tar-Rumanija fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

    (12)Fl-24 ta’ Mejju 2023, il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għar-Rumanija u ppubblikat ir-riżultati tagħha 12 . Hija kkonkludiet li r-Rumanija qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, il-vulnerabbiltajiet huma relatati mal-kontijiet esterni, marbuta ma’ defiċits kbar tal-gvern, filwaqt li żdiedu l-pressjonijiet ta’ sovrażbilanċ. Id-defiċit kbir fil-kont kurrenti mar għall-agħar b’mod konsiderevoli wara r-reċessjoni kkawżata mill-pandemija u jagħmel l-ekonomija vulnerabbli għal xokkijiet ta’ finanzjament estern. Il-kontinwazzjoni ta’ defiċit kbir fil-kont kurrenti tirriskja li tkompli tixpruna l-PIIN f’territorju negattiv. Sinjali ta’ tisħin żejjed huma viżibbli b’mod ċar, bl-inflazzjoni bażika għolja b’mod skomdu, tkabbir fil-pagi sew f’territorju b’żewġ ċifri u rata ta’ qgħad relattivament baxxa. L-indikaturi tal-kompetittività tal-kostijiet huma mistennija li jistabbilizzaw, iżda għad hemm kwistjonijiet strutturali. Ir-rata tal-kambju tidher li hija ogħla mil-livell issuġġerit mill-elementi fundamentali u għadha ġestita b’mod qawwi. Id-defiċit tal-gvern ilu kbir għal diversi snin u kien responsabbli għal ħafna mill-eċċess tad-domanda u tad-defiċits esterni sussegwenti; anki jekk jitjieb, id-defiċit tal-gvern huwa mbassar li jibqa’ sinifikanti din is-sena u dik li jmiss. It-tnaqqis tad-defiċit tal-gvern fl-2022 kien prinċipalment xprunat minn tkabbir nominali tal-PDG, li min-naħa tiegħu jiddependi ħafna fuq id-domanda domestika li ssaħħan iżżejjed. Il-primjums tar-riskju u l-kostijiet tas-self sovran huma ferm ogħla milli fis-snin ta’ qabel il-pandemija. Minħabba l-issikkar kontinwu fil-kundizzjonijiet globali tal-likwidità, se jkun importanti li jitreġġgħu lura x-xejriet li għaddejjin bħalissa. Għall-ġejjieni, jenħtieġ li l-aġġustament għandu jkun il-mod preferut biex id-domanda tinġieb aktar konformi mal-provvista u biex jitrażżnu d-defiċits domestiċi u esterni. L-implimentazzjoni sħiħa tar-riformi tat-taxxa u tal-pensjonijiet inklużi fl-RRP kif ukoll l-aderenza mal-miri fiskali skont il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv imorru ħafna biex irażżnu d-dinamika attwali.

    (13)Fit-3 ta’ April 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2020/509 13 , dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fir-Rumanija minħabba nuqqas ta’ konformità mal-kriterju tad-defiċit fl-2019. Fit-3 ta’ April 2020, il-Kunsill ħareġ ukoll Rakkomandazzjoni 14 bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv tal-gvern fir-Rumanija sa mhux aktar tard mill-2022. Meta wieħed iqis il-kontrazzjoni profonda fl-attività ekonomika marbuta mal-pandemija tal-COVID-19 u l-ħtieġa relatata li l-politiki fiskali jappoġġaw l-irkupru, fit-18 ta’ Ġunju 2021 il-Kunsill ħareġ Rakkomandazzjoni ġdida lir-Rumanija 15 biex ittemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2024. Fir-Rakkomandazzjoni tiegħu tat-18 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill irrakkomanda lir-Rumanija biex tnaqqas id-defiċit tal-gvern estiż tagħha għal 8,0 % tal-PDG fl-2021, 6,2 % tal-PDG fl-2022, 4,4 % tal-PDG fl-2023 u 2,9 % tal-PDG fl-2024. Dan kien konsistenti ma’ rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett ta’ 3,4 % fl-2021, 1,3 % fl-2022, 0,9 % fl-2023 u 0,0 % fl-2024. Kien jikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 0,7 % tal-PDG fl-2021, ta’ 1,8 % tal-PDG fl-2022, ta’ 1,7 % tal-PDG fl-2023 u ta’ 1,5 % tal-PDG fl-2024. Ir-Rakkomandazzjoni speċifikat ukoll li kwalunkwe qligħ mhux mistenni jenħtieġ li jintuża biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern estiż, u li r-Rumanija għandha tiżgura l-applikazzjoni sħiħa u effettiva tal-qafas fiskali nazzjonali tagħha. Fl-aħħar nett, il-Kunsill iddikjara wkoll li biex jiġi żgurat is-suċċess tal-istrateġija fiskali għall-perjodu medju, se jkun importanti li l-konsolidazzjoni fiskali tiġi appoġġata b’riformi komprensivi.

    (14)Fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat, 16 id-defiċit tal-gvern estiż tar-Rumanija naqas minn 7,1 % tal-PDG fl-2021 għal 6,2 % fl-2022, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 48,6 % tal-PDG fi tmiem l-2021 għal 47,3 % fi tmiem l-2022. Dan huwa konformi mal-mira tad-defiċit nominali tal-2022 rakkomandata mill-Kunsill. L-aġġustament fil-bilanċ strutturali għall-2022 kien ta’ 0,4 punt perċentwali tal-PDG, inqas sew mill-1,8 punti perċentwali rakkomandati tal-PDG. Dan jitlob analiżi bir-reqqa bbażata fuq il-valur referenzjarju tan-nefqa. Fl-2022, it-tkabbir nett fin-nefqa primarja (aġġustat għal miżuri ta’ darba u għall-miżuri ta’ politika fiskali fuq in-naħa tad-dħul) kien ta’ 14,1 %,’il fuq mis1,3 % rakkomandat. It-titjib fil-bilanċ strutturali kważi waqaf fl-2022, minkejja li d-dħul tal-gvern kien materjalment ogħla milli mistenni, imsaħħaħ minn tkabbir reali qawwi tal-PDG, inflazzjoni għolja, u kompożizzjoni favorevoli ta’ tkabbir ekonomiku. Fuq in-naħa tan-nefqa, il-pagi pubbliċi u x-xiri ta’ oġġetti u servizzi naqsu bħala sehem mill-PDG nominali minħabba indiċjar parzjali u limitu massimu awtoimpost fuq ix-xiri. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-partiti l-oħra tan-nefqa kibru b’rata ħafna aktar mgħaġġla milli kien ippjanat, parzjalment minħabba l-inflazzjoni kbira sorpriżi, li jimplika li parti mill-qligħ mhux mistenni tad-dħul intuża biex tiġi ffinanzjata nefqa addizzjonali meta mqabbla mal-pjanijiet.

    (15)Il-bilanċ tal-gvern estiż ntlaqat minn miżuri ta’ politika fiskali adottati biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Fl-2022, miżuri bħal dawn inkludew limiti fuq il-prezzijiet għat-tariffi tal-elettriku u tal-gass naturali kemm għall-konsumaturi domestiċi kif ukoll għall-konsumaturi mhux domestiċi. Kien jinkludi wkoll pagamenti speċjali lil pensjonanti b’introjtu baxx, vawċers tal-ikel għal unitajiet domestiċi b’introjtu baxx (inklużi pensjonanti u studenti) u sussidji tal-fjuwil. Il-kost ta’ dawn il-miżuri kienet parzjalment ikkumpensata minn taxxi ġodda fuq il-profitti mhux mistennija ta’ kumpaniji domestiċi li jipproduċu l-enerġija. Il-Kummissjoni tistma li l-kost baġitarju nett ta’ dawn il-miżuri huwa ta’ 0,4 % tal-PDG fl-2022. Il-bilanċ tal-gvern estiż ġie affettwat marġinalment ukoll mill-kost baġitarja tal-protezzjoni temporanja għall-persuni spostati mill-Ukrajna, li hija stmata għal 0,0-0,1 % tal-PDG fl-2022.

    (16)Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-proġettazzjonijiet baġitarji fil-Programm ta’ Konverġenza huwa relattivament kawt fl-2023 u ottimistiku minn hemm ’il quddiem. Il-Gvern jipproġetta li l-PDG reali se jikber bi 2,8 % fl-2023 u b’4,8 % fl-2024. B’paragun ma’ dan, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta tkabbir tal-PDG reali ta’ 3,2 % fl-2023 u 3,5 % fl-2024. It-tbassir ta’ tkabbir ferm aktar baxx tal-Kummissjoni għall-2024 jirrifletti l-fehma tal-Kummissjoni dwar l-impatt imdewwem tal-issikkar monetarju fuq l-ekonomija. Dan jirrifletti wkoll il-fehma tal-Kummissjoni li l-ekonomija Rumena bħalissa qed topera qrib jew ogħla mil-livell potenzjali tagħha, li jidher raġonevoli minħabba r-rati ta’ inflazzjoni ewlenin għoljin u li jwaħħlu u r-rata tal-qgħad relattivament baxxa. Dan jillimita l-potenzjal għal tkabbir mhux inflazzjonarju.

    (17)Fil-Programm ta’ Konverġenza tiegħu tal-2023, il-gvern Rumen jistenna li d-defiċit tal-gvern estiż se jonqos minn 6,2 % tal-PDG fl-2022 għal 4,4 % fl-2023, kif irrakkomandat mill-Kunsill. It-tnaqqis kbir jirrifletti t-trażżin ippjanat fl-infiq, inkluż tnaqqis sinifikanti fil-pagi reali tal-ħaddiema pubbliċi, u xi miżuri li jsaħħu d-dħul, inkluża żieda fir-rata tat-taxxa fuq id-dividendi, tnaqqis fil-limitu biex wieħed jibbenefika mir-rata tat-taxxa baxxa taħt ir-reġim tal-mikrointrapriża, u żidiet fir-rati tal-VAT fuq prodotti magħżula. Skont il-Programm ta’ Konverġenza, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied minn 47,3 % fl-aħħar tal-2022 għal 47,1 % fl-aħħar tal-2023.

    (18)Il-bilanċ tal-gvern fl-2023 huwa mistenni li jkompli jiġi affettwat mill-miżuri adottati biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Dawn jikkonsistu f’miżuri estiżi mill-2022 (limiti fuq il-prezzijiet għat-tariffi tal-elettriku u tal-gass naturali, sussidji għal gruppi b’introjtu baxx tal-popolazzjoni, pagamenti speċjali lil pensjonanti b’introjtu baxx). Il-kost ta’ dawn il-miżuri għadu fil-biċċa l-kbira kkumpensat mit-taxxi fuq il-profitti mhux mistennija tal-fornituri domestiċi tal-enerġija u fuq il-marġnijiet kummerċjali. Meta jitqies dan id-dħul, il-kost baġitarju nett tal-miżuri ta’ appoġġ fl-2023 hija stmata għal 0,3 % tal-PDG. Il-biċċa l-kbira tal-miżuri fl-2023 huma mmirati lejn l-unitajiet domestiċi l-aktar vulnerabbli, għalkemm ma jippreservawx bis-sħiħ is-sinjal tal-prezz biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija u tiżdied l-effiċjenza enerġetika.

    (19)It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 4,7 % tal-PDG għall-2023. Dan huwa 0,3 pps tal-PDG ogħla mid-defiċit ipproġettat fil-Programm ta’ Konverġenza, prinċipalment minħabba nefqa pproġettata ogħla b’mod partikolari f’oġġetti u servizzi, trasferimenti soċjali u nefqa kurrenti oħra, li kollha huma mistennija li jiżdiedu ferm aktar bil-mod mill-inflazzjoni fil-Programm ta’ Konverġenza. Il-Kummissjoni tipproġetta wkoll tkabbir kemxejn ogħla mid-dħul mit-taxxa mill-Programm ta’ Konverġenza, li fil-biċċa l-kbira jirrifletti tkabbir ogħla tal-PDG. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjon kemxejn aktar baxx tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG (45,6 % fi tmiem l-2023) milli fil-Programm ta’ Konverġenza.

    (20)Id-defiċit nominali pproġettat għall-2023 fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni huwa ta’ 0,3 pps tal-PDG ogħla mill-mira tad-defiċit nominali rrakkomandata mill-Kunsill. L-aġġustament strutturali huwa stmat għal madwar 1,5 % tal-PDG, li jirrifletti tnaqqis fil-pagi reali fis-settur pubbliku u ffriżar ta’ ingaġġi ġodda ta’ impjegati pubbliċi, kif ukoll il-miżuri ta’ dħul deskritti hawn fuq. Madankollu, l-aġġustament huwa kemxejn aktar baxx mill-1,7 pps tal-PDG rakkomandati. Dan jitlob analiżi bir-reqqa bbażata fuq il-valur referenzjarju tan-nefqa. Fl-2023, it-tkabbir nett fin-nefqa primarja (aġġustat għal miżuri ta’ darba u għall-miżuri ta’ politika fiskali fuq in-naħa tad-dħul) huwa pproġettat għal 8,3 % fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni, ’il fuq miż-0,9 % rakkomandat. Għalhekk, it-tliet indikaturi kollha jindikaw riskju ta’ devjazzjoni mill-aġġustament rakkomandat. F’kuntest ta’ inflazzjoni għolja, in-nefqa tal-gvern se tkompli tiżdied aktar malajr milli rrakkomandat mill-Kunsill fit-18 ta’ Ġunju 2021. Fuq il-bażi ta’ analiżi bir-reqqa, ir-Rumanija tinsab f’riskju ta’ nuqqas ta’ konformità mal-miri fiskali għall-2023 stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021.

    (21)Skont il-Programm ta’ Konverġenza, id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 2,9 % tal-PDG fl-2024, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv. It-tnaqqis ippjanat fl-2024 jirrifletti prinċipalment trażżin kontinwu fl-infiq, bi tnaqqis ipproġettat fl-infiq tal-gvern minn 38,4 % tal-PDG għal 36,9 % tal-PDG. Il-Programm ta’ Konverġenza jistenna li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż jonqos għal 46,1 % fi tmiem l-2024. Fuq il-bażi tal-miżuri ta’ politika li jkunu magħrufin fid-data tal-għeluq tat-tbassir, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 4,4 % tal-PDG fl-2024. Dan huwa ogħla mid-defiċit previst fil-Programm ta’ Konverġenza, billi l-miżuri mħabbra ma jidhrux biżżejjed biex jintlaħaq l-isforz fiskali rrakkomandat mill-Kunsill fil-proċedura ta’ defiċit eċċessiv. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż ogħla (46,1 %) fl-aħħar tal-2024.

    (22)Id-defiċit nominali pproġettat għall-2024 fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni huwa ta’ 1,5 punti perċentwali tal-PDG ogħla mill-mira tad-defiċit nominali rakkomandata mill-Kunsill, filwaqt li l-aġġustament fil-bilanċ strutturali huwa mbassar li jkun biss 0,3 pps tal-PDG fl-2024, meta mqabbel mal-1,5 pps tal-PDG rakkomandati. Dan jitlob analiżi bir-reqqa bbażata fuq il-valur referenzjarju tan-nefqa. Fl-2024, it-tkabbir nett fin-nefqa primarja (aġġustat għal miżuri ta’ darba u għall-miżuri ta’ politika fiskali fuq in-naħa tad-dħul) huwa pproġettat għal 9,5 % fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni, ’il fuq miż-0,0 % rakkomandat. Għalhekk, it-tliet indikaturi kollha jindikaw riskju ta’ devjazzjoni mill-aġġustament rakkomandat. In-nuqqas ta’ sforz fiskali sinifikanti previst għall-2024 jirrifletti parzjalment l-impatt tar-regoli tal-indiċjar fir-Rumanija (iċ-ċiklu tal-indiċjar tal-2024 għall-pensjonijiet u l-paga minima se jirriflettu r-rati għoljin tal-inflazzjoni rreġistrati fl-2022). Madankollu, ta’ min jinnota li l-RRP jinkludi diversi miżuri u riformi li, jekk jiġu adottati u implimentati fil-ħin, jistgħu jwasslu għal żieda sinifikanti fid-dħul tal-gvern mill-2024 u jgħinu biex tintlaħaq il-mira tad-defiċit. B’mod ġenerali, fuq il-bażi ta’ analiżi bir-reqqa, ir-Rumanija tinsab f’riskju ta’ nuqqas ta’ konformità mal-miri fiskali għall-2024 stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021. Meta jitqiesu r-riskji li ma jintlaħqux il-miri fiskali rakkomandati fl-2023 u l-2024, miżuri baġitarji addizzjonali jidhru li huma meħtieġa biex ikun hemm konformità mal-perkors ta’ aġġustament u tinkiseb il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tiegħu sal-2024, u biex tissaħħaħ il-pożizzjoni esterna.

    (23)Il-Programm ta’ Konverġenza jirreferi għal riformi u investimenti ppjanati skont l-RRP, li huma mistennija jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà fiskali u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv. Dawn jinkludu riformi sinifikanti tas-sistema tal-pensjonijiet (kemm pensjonijiet speċjali kif ukoll sistemi ġenerali), riforma ambizzjuża tat-taxxa, sforzi biex tissaħħaħ l-amministrazzjoni tat-taxxa, u riformi tal-intrapriżi tal-Istat. L-implimentazzjoni sħiħa ta’ dawn ir-riformi tgħin biex jintlaħqu l-miri tad-defiċit stabbiliti mill-Kunsill skont il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv.

    (24)Il-Programm ta’ Konverġenza jipprevedi t-tneħħija gradwali tal-biċċa l-kbira tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija fl-2025. Il-Kummissjoni tassumi wkoll it-tneħħija gradwali ta’ kważi l-miżuri kollha ta’ appoġġ għall-enerġija (dħul nett ta’ 0,1 % tal-PDG fl-2024). Dan jiddependi fuq is-suppożizzjoni li ma jkunx hemm żidiet ġodda fil-prezzijiet tal-enerġija.

    (25)Il-Programm ta’ Konverġenza jiddeskrivi perkors fiskali fuq terminu medju sal-2026. Skont il-Programm, id-defiċit tal-gvern estiż huwa mmirat li jibqa’ 2,9 % tal-PDG fl-2025 u l-2026, fuq il-bażi ta’ tkabbir tal-PDG reali b’5,0 % fl-2025 u 4,6 % fl-2026, ferm ogħla mill-potenzjal. Wara tnaqqis kbir minn 39,8 % fl-2021 għal 36,9 % fl-2024, il-proporzjon tan-nefqa mal-PGD jibqa’ bejn wieħed u ieħor l-istess fl-2025 u l-2026. Skont il-Programm, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos minn 46,1 % fl-aħħar tal-2024 għal 45,4 % fl-aħħar tal-2026.

    (26)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b) u l-kriterju 2.2 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. L-implimentazzjoni tal-pjan tar-Rumanija tinsab għaddejja, madankollu b’riskju dejjem akbar ta’ dewmien. Ir-Rumanija ppreżentat żewġ talbiet għal pagament, li jikkorrispondu għall-istadji importanti u l-miri tat-72 fil-pjan u li jirriżultaw fi żborż ta’ EUR 2,6 biljun nett mill-prefinanzjament għall-ewwel talba għal pagament, filwaqt li l-valutazzjoni tat-tieni waħda għadha għaddejja. Ir-riskji dejjem jiżdiedu ta’ dewmien fl-implimentazzjoni tal-pjan huma minħabba l-governanza dgħajfa u l-kapaċità limitata tal-amministrazzjoni pubblika. L-indirizzar ta’ dawn il-kwistjonijiet, inkluż permezz tal-iżgurar ta’ riżorsi umani adegwati, huwa kruċjali għal koordinazzjoni aħjar tal-pjan u implimentazzjoni f’waqtha tal-investimenti. Barra minn hekk, it-tlestija ta’ riformi strutturali importanti se teħtieġ impenn politiku u sjieda kontinwi. Minħabba r-rilevanza makroekonomika u fiskali konsiderevoli tal-pjan, implimentazzjoni f’waqtha u sħiħa tal-miżuri tkun kruċjali biex jitrażżnu l-vulnerabbiltajiet esterni u fiskali. Il-pjan huwa mistenni li jiġi rivedut fl-2023, biex jinkludi fost l-oħrajn kapitolu REPowerEU, filwaqt li jqis it-tnaqqis tal-appoġġ mhux ripagabbli minħabba l-irkupru ekonomiku qawwi tar-Rumanija. Id-diskussjonijiet għal dan l-għan għadhom għaddejjin. L-inklużjoni rapida tal-kapitolu l-ġdid tar-REPowerEU fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza se tippermetti li jiġu ffinanzjati riformi u investimenti addizzjonali b’appoġġ għall-objettivi strateġiċi tar-Rumanija fil-qasam tal-enerġija u t-tranżizzjoni ekoloġika. L-involviment sistematiku u effettiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, tas-sħab soċjali u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ importanti għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll ta’ politiki ekonomiċi u tal-impjiegi oħra li jmorru lil hinn mill-pjan, biex tiġi żgurata sjieda wiesgħa tal-aġenda ta’ politika ġenerali.

    (27)Il-Kummissjoni approvat id-dokumenti kollha ta’ programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni tar-Rumanija fl-2022. It-tkomplija tal-implimentazzjoni rapida tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni f’komplementarjetà u sinerġija mal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija kruċjali biex tinkiseb it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, tiżdied ir-reżiljenza ekonomika u soċjali kif ukoll jinkiseb żvilupp territorjali bbilanċjat fir-Rumanija.

    (28)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, ir-Rumanija tiffaċċa għadd ta’ sfidi addizzjonali relatati mal-enerġija u t-tranżizzjoni ekoloġika.

    (29)Ir-Rumanija qed tiffaċċja sfidi relatati mad-dekarbonizzazzjoni billi l-pajjiż għadu jiddependi ħafna fuq il-fjuwils fossili. Is-sehem tal-fjuwils fossili (faħam, żejt u gass) żdied bi ftit fl-2021 meta mqabbel mal-2020. Dan kien ta’ 72 % fl-2021, filwaqt li s-sorsi rinnovabbli kienu jirrappreżentaw biss madwar 20 %. Ir-Rumanija hija t-tieni l-akbar produttur tal-gass fl-UE, u taqdi l-aktar lis-suq domestiku. Enfasi fuq l-introduzzjoni effettiva tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, settur residenzjali ferm aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda fl-industrija jgħinu lir-Rumanija tilħaq il-miri tal-UE u dawk nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima għall-2030 stabbiliti fil-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %”. Il-konsum tal-gass naturali tar-Rumanija naqas b’20 % bejn Awwissu 2022 u Marzu 2023, meta mqabbel mal-konsum medju tal-gass matul l-istess perjodu fil-ħames snin preċedenti, lil hinn mill-mira ta’ tnaqqis ta’ 15 %. Ir-Rumanija tista’ ssegwi miżuri temporanji għat-tnaqqis tad-domanda għall-gass sal-31 ta’ Marzu 2024 17 .

    (30)Iż-żieda fil-kapaċità tal-grilja hija essenzjali biex jitnaqqas l-użu tal-fjuwils fossili u titħaffef it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa. Il-kapaċità tal-enerġija dekummissjonata bil-faħam u bil-linjite, li mistennija titlesta sal-2032 kif stabbilit fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tar-Rumanija, jenħtieġ li tiġi sostitwita b’sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Madankollu, il-grilji tal-elettriku eżistenti tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni jillimitaw l-assorbiment tal-kapaċità ta’ sorsi ġodda ta’ enerġija rinnovabbli. Il-konġestjonijiet fil-grilja jfixklu l-użu tal-enerġija rinnovabbli. Huwa meħtieġ investiment biex jiġu aġġornati u diġitalizzati l-grilji eżistenti sabiex tiġi integrata produzzjoni ġdida minn sorsi rinnovabbli u tiżdied il-kapaċità ta’ interkonnessjoni mal-Istati Membri ġirien, b’mod konsistenti mal-objettivi klimatiċi. Ikun meħtieġ ippjanar integrat suffiċjenti u avvanzat tas-sistema għat-titjib u l-espansjoni tal-grilja (kemm fil-livell tat-trażmissjoni kif ukoll f’dak tad-distribuzzjoni) biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tad-domanda u tal-flessibbiltà. Barra minn hekk, is-simplifikazzjoni tad-deżinjazzjoni taż-żoni deżinjati u r-razzjonalizzazzjoni ulterjuri tal-proċeduri relatati, inkluż is-simplifikazzjoni tal-użu ta’ installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli b’kapaċità żgħira (bħall-pannelli fotovoltajċi) fil-bini jtejbu s-sitwazzjoni attwali, fejn il-kisba ta’ permessi għall-installazzjoni ta’ impjanti tal-enerġija rinnovabbli hija relattivament faċli, iżda l-kisba tal-permessi meħtieġa biex dawn jiġu konnessi mal-grilja hija aktar diffiċli.

    (31)Fis-settur tal-bini, miri nazzjonali ogħla għall-2030 ikunu jeħtieġu finanzjament addizzjonali għall-istokk tal-bini tal-pajjiż. Il-pjan Rumen għall-irkupru u r-reżiljenza jipprevedi r-rinnovazzjoni ta’ 2,4 miljun m2 ta’ bini pubbliku u 4,4 miljun m2 ta’ bini residenzjali, filwaqt li l-politika ta’ koeżjoni allokat fondi għal 1,6 miljun m2 ta’ rinnovazzjoni fiż-żewġ setturi. Madankollu, aċċess fqir għall-finanzi u għall-informazzjoni għar-rinnovazzjonijiet tal-enerġija u għall-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli jxekkel serjament aktar titjib. B’mod partikolari, aċċess aħjar għall-finanzjament għall-unitajiet domestiċi u għan-negozji ż-żgħar biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika jgħin b’mod sinifikanti biex titnaqqas id-dipendenza tar-Rumanija fuq il-fjuwils fossili, filwaqt li jiġi indirizzat ukoll il-faqar enerġetiku. Barra minn hekk, l-awtoritajiet reġjonali u lokali jistgħu jipprovdu aktar informazzjoni dwar kif jaċċessaw il-fondi għar-rinnovazzjoni tal-enerġija u liema tip ta’ installazzjonijiet żgħar tal-enerġija rinnovabbli jistgħu jintużaw fil-bini u fid-djar.

    (32)In-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet fis-setturi u l-okkupazzjonijiet ewlenin għat-tranżizzjoni ekoloġika, inklużi l-manifattura, l-iskjerament u ż-żamma ta’ teknoloġiji żero netti, qed joħolqu ostakli fit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet netti. Sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja li jirrispondu għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu u miżuri mmirati ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid, bl-appoġġ ta’ politiki attivi effettivi tas-suq tax-xogħol, huma kruċjali biex jitnaqqas in-nuqqas ta’ ħiliet u jiġu promossi l-inklużjoni u r-riallokazzjoni tax-xogħol. Biex tiġi sfruttata l-provvista tax-xogħol mhux sfruttata, dawn il-miżuri jeħtieġ li jkunu aċċessibbli, b’mod partikolari għall-individwi u fis-setturi u r-reġjuni l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika. Fl-2022, ġew irrapportati nuqqasijiet ta’ ħaddiema fir-Rumanija għal diversi okkupazzjonijiet li kienu jeħtieġu ħiliet jew għarfien speċifiċi għat-tranżizzjoni ekoloġika, inklużi l-ħaddiema tal-iżolament, l-inġiniera ċivili u l-maniġers tal-kostruzzjoni.

    (33)Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Konverġenza tal-2023 u l-opinjoni tiegħu 18 hija riflessa fir-Rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

    (34)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 u l-Programm ta’ Konverġenza tal-2023. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjoni (1) ta’ hawn taħt. Il-politiki msemmija fir-Rakkomandazzjoni (1) jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet marbuta mal-kontijiet esterni, xprunati minn defiċits fiskali kbar u ma’ kwistjonijiet ta’ kompetittività emerġenti mill-ġdid. Ir-Rakkomandazzjonijiet (2) u (3) jikkontribwixxu għall-indirizzar tar-Rakkomandazzjoni (1).

    B’DAN JIRRAKKOMANDA li r-Rumanija tieħu azzjoni fl-2023 u l-2024 biex:

    1.Issegwi politiki fiskali f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021 bil-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv tal-gvern fir-Rumanija sal-2024, u li ssaħħaħ il-pożizzjoni esterna tar-Rumanija.

    Tnaqqas il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija fis-seħħ sa tmiem l-2023, bl-użu tal-iffrankar relatat biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern. Jekk iż-żidiet mġedda fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu jeħtieġu miżuri ta’ appoġġ, tiżgura li dawn ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, fiskalment affordabbli, u tippreserva l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija.

    Tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet tal-RRF u fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari biex trawwem it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

    Għall-perjodu lil hinn mill-2024, tkompli ssegwi strateġija fiskali fuq terminu medju ta’ konsolidazzjoni gradwali u sostenibbli, flimkien ma’ investimenti u riformi li jwasslu għal tkabbir sostenibbli ogħla, biex tinkiseb pożizzjoni fiskali prudenti fuq terminu medju.

    2.Tiżgura governanza effettiva u tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva biex tkun tista’ titkompla l-implimentazzjoni rapida u kostanti tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Tiffinalizza malajr il-kapitolu REPowerEU bil-ħsieb li tibda l-implimentazzjoni tiegħu b’mod rapidu. Tkompli l-implimentazzjoni rapida tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, f’komplementarjetà u sinerġija mill-qrib mal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

    3.Tnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u jaċċelleraw it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, b’mod partikolari billi tuża l-enerġija rinnovabbli aktar malajr u ttejjeb il-kapaċità tal-grilja biex il-kapaċità l-ġdida tkun tista’ topera fis-suq. Iżżid l-effiċjenza enerġetika u l-ambizzjoni tal-isforzi ta’ rinnovazzjoni tal-bini, inkluż billi tipprovdi aċċess aħjar għall-informazzjoni u għażliet ta’ finanzjament sostenibbli. Iżżid l-isforzi ta’ politika mmirati lejn il-forniment u l-akkwist tal-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
    (2)    ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
    (3)    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).
    (4)    COM(2022) 780 final.
    (5)    COM(2023) 62 final.
    (6)    COM(2023) 168 final.
    (7)    Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1).
    (8)    COM(2023) 141 final.
    (9)    COM(2022) 583 final.
    (10)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ Novembru 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Iżvezja (ST 12319/2021; ST 12319/2021 ADD 1).
    (11)    SWD(2023) 623 final.
    (12)    SWD(2023) 642 final.
    (13)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/509 tat-3 ta’ April 2020 dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fir-Rumanija (ĠU L 110, 8.4.2020, p. 58).
    (14)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2020 bil-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv tal-gvern fir-Rumanija (ĠU C 116, 8.4.2020, p. 1).
    (15)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021 bil-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta’defiċit eċċessiv tal-gvern fir-Rumanija, COM (2021) 304, 29.7.2021
    (16)    Eurostat-Euro Indicators, 47/2023, 21.4.2023.
    (17)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/706
    (18)    Skont l-Artikoli 5(2) u 9(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.
    Top