EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023DC0619

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 tan-Netherlands u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 tan-Netherlands

COM/2023/619 final

Brussell, 24.5.2023

COM(2023) 619 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 tan-Netherlands u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 tan-Netherlands

{SWD(2023) 619 final}


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 tan-Netherlands u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 tan-Netherlands

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 , li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, hija tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u soċjali u għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-UE u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal kull Stat Membru bil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ġiet aġġornata fit-30 ta’ Ġunju 2022, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241.

(2)Fit-22 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2023 4 , li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2023 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-istħarriġ madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva fit-23 ta’ Marzu 2023. Fit-22 ta’ Novembru 2022, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2023, li fih identifikat lin-Netherlands bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat mill-iżbilanċi, u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll opinjoni dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju tal-2023 tan-Netherlands. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro, li l-Kunsill adotta fis-16 ta’ Mejju 2023, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2023 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li l-Kunsill adotta fit-13 ta’ Marzu 2023.

(3)Filwaqt li l-ekonomiji tal-UE qed juru reżiljenza notevoli, il-kuntest ġeopolitiku għad għandu impatt negattiv. Hekk kif l-UE qed tappoġġa b’mod sod lill-Ukrajna, l-aġenda tal-politika ekonomika u soċjali tal-UE hija ffukata fuq it-tnaqqis tal-impatt negattiv tax-xokkijiet tal-enerġija kemm fuq l-unitajiet domestiċi vulnerabbli kif ukoll fuq il-kumpaniji fuq terminu qasir, u fuq iż-żamma tal-isforzi biex titwettaq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, jiġi appoġġat it-tkabbir sostenibbli u inklużiv, tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà makroekonomika u tiżdied ir-reżiljenza fuq terminu medju. Hija tiffoka ħafna wkoll fuq iż-żieda fil-kompetittività u l-produttività tal-UE.

(4)Fl-1 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni ħarġet il-Komunikazzjoni Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti 5 biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija b’emissjonijiet żero netti tal-UE u tiġi appoġġata t-tranżizzjoni rapida lejn in-newtralità klimatika. Il-pjan jikkomplementa l-isforzi li għaddejjin bil-Patt Ekoloġiku Ewropew u r-REPowerEU. Huwa għandu l-għan li jipprovdi ambjent aktar ta’ appoġġ biex tiżdied il-kapaċità tal-manifattura tal-UE għat-teknoloġiji u l-prodotti b’emissjonijiet żero netti meħtieġa biex jintlaħqu l-miri klimatiċi ambizzjużi tal-UE, kif ukoll jiġi żgurat l-aċċess għal materja prima kritika rilevanti, inkluż billi jiġi diversifikat l-akkwist, jiġu sfruttati kif xieraq ir-riżorsi ġeoloġiċi fl-Istati Membri u jiġi massimizzat ir-riċiklaġġ tal-materja prima. Il-pjan huwa msejjes fuq erba’ pilastri: ambjent regolatorju prevedibbli u simplifikat, li jħaffef l-aċċess għall-finanzi, itejjeb il-ħiliet, u jiftaħ il-kummerċ għal ktajjen tal-provvista reżiljenti. Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet ukoll il-Komunikazzjoni, Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030 6 , strutturata fuq disa’ muturi li jsaħħu lil xulxin bil-għan li ssir ħidma lejn qafas regolatorju li jsaħħaħ it-tkabbir. Hija tistabbilixxi prijoritajiet ta’ politika mmirati biex jiżguraw b’mod attiv titjib strutturali, investimenti ffukati tajjeb u miżuri regolatorji għall-kompetittività fit-tul tal-UE u l-Istati Membri tagħha. Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt jgħinu biex jiġu indirizzati dawk il-prijoritajiet.

(5)Fl-2023, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż kollha jew subsett sinifikanti minnhom maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020 u l-2022 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(6)Ir-Regolament REPowerEU 7 adottat fis-27 ta’ Frar 2023 għandu l-għan li jelimina malajr id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. Dan se jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jżid l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. Ir-Regolament jippermetti lill-Istati Membri jżidu kapitolu ġdid tar-REPowerEU mal-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex jiffinanzjaw riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU. Dawn se jgħinu wkoll biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija b’emissjonijiet żero netti tal-UE kif deskritt fil-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti u se jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż relatati mal-enerġija maħruġa lill-Istati Membri fl-2022 u, fejn applikabbli, fl-2023. Ir-Regolament REPowerEU jintroduċi kategorija ġdida ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, li ssir disponibbli għall-Istati Membri biex jiffinanzjaw riformi u investimenti ġodda relatati mal-enerġija skont il-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza.

(7)Fit-8 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li tipprovdi gwida għall-politika fiskali għall-2024. Hija għandha l-għan li tappoġġa t-tħejjija tal-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza tal-Istati Membri u b’hekk issaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politika 8 . Il-Kummissjoni fakkret li l-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir se tiġi diżattivata fi tmiem l-2023. Hija appellat għal politiki fiskali fl-2023-2024 li jiżguraw is-sostenibbiltà tad-dejn fuq terminu medju kif ukoll iżidu t-tkabbir potenzjali b’mod sostenibbli. L-Istati Membri ġew mistiedna jistabbilixxu fil-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza tagħhom tal-2023 kif il-pjanijiet fiskali tagħhom se jiżguraw li l-valur ta’ referenza tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG jiġi rispettat kif ukoll it-tnaqqis plawżibbli u kontinwu tad-dejn, jew biex id-dejn jinżamm f’livelli prudenti, fit-terminu medju. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri jeliminaw gradwalment il-miżuri fiskali nazzjonali introdotti biex jipproteġu lill-unitajiet domestiċi u lid-ditti mix-xokk tal-prezz tal-enerġija, u jibdew bl-inqas miżuri mmirati. Hija indikat li, jekk ikun meħtieġ li l-miżuri ta’ appoġġ jiġu estiżi minħabba pressjonijiet tal-prezzijiet tal-enerġija mġedda, jenħtieġ li l-Istati Membri jimmiraw tali miżuri ħafna aħjar milli fil-passat lejn unitajiet domestiċi u ditti vulnerabbli. Il-Kummissjoni pproponiet li r-rakkomandazzjonijiet fiskali jkunu kwantifikati u differenzjati u fformulati fuq il-bażi tan-nefqa primarja netta, kif propost fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE 9 . Hija rrakkomandat li l-Istati Membri kollha jenħtieġ li jkomplu jipproteġu l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali u jiżguraw l-użu effettiv tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u ta’ fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari fid-dawl tal-objettivi tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tar-reżiljenza. Il-Kummissjoni indikat li se tipproponi lill-Kunsill biex jiftaħ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit fir-rebbiegħa tal-2024 fuq il-bażi tad-data tal-eżitu għall-2023, f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti.

(8)Fis-26 ta’ April 2023, il-Kummissjoni ppreżentat proposti leġiżlattivi biex timplimenta riforma komprensiva tar-regoli ta’ governanza ekonomika tal-UE. L-objettiv ċentrali tal-proposti huwa li tissaħħaħ is-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u jiġi promoss it-tkabbir sostenibbli u inklużiv fl-Istati Membri kollha permezz ta’ riformi u investiment. Il-proposti għandhom l-għan jipprovdu lill-Istati Membri aktar kontroll fuq it-tfassil tal-pjanijiet tagħhom fuq terminu medju, u daħħlu fis-seħħ reġim ta’ infurzar aktar strett biex jiżguraw li l-Istati Membri jwettqu l-impenji li jieħdu fil-pjanijiet fiskali-strutturali tagħhom fuq terminu medju. L-objettiv huwa li l-ħidma leġiżlattiva tiġi konkluża fl-2023.

(9)Fit-8 ta’ Lulju 2022, in-Netherlands ippreżentaw il-pjan nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fl-4 ta’ Ottubru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għan-Netherlands 10 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li n-Netherlands issodisfaw l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.

(10)In-Netherlands ippreżentaw il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 tagħhom fit-28 ta’ April 2023, u l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 fit-28 ta’ April 2023, f’konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati flimkien. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tan-Netherlands dwar il-progress li sar fil-ksib tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tiegħu.

(11)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2023 għan-Netherlands 11 fl-24 ta’ Mejju 2023. Huwa vvaluta l-progress tan-Netherlands biex jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2022, u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tan-Netherlands. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress tan-Netherlands fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-ksib tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-ksib tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

(12)Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għan-Netherlands u ppubblikat ir-riżultati tagħha fl-24 ta’ Mejju 2023 12 . L-analiżi kkonkludiet li n-Netherlands qed jesperjenzaw żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, il-vulnerabbiltajiet li huma relatati ma’ dejn privat għoli u surplus kbir fil-kont kurrenti, li għandhom rilevanza transfruntiera, għadhom jippersistu minkejja xi sinjali ta# tnaqqis. Is-surplus fil-kont kurrenti, minkejja r-reviżjonijiet riċenti tad-data, u d-dejn privat huma kbar skont l-istandards internazzjonali kif ukoll ogħla mill-elementi fundamentali tal-ekonomija. Is-surplus kbir fil-kont kurrenti naqas fl-2022, xprunat mid-deterjorament tal-kundizzjonijiet tal-kummerċ, bil-kont kurrenti jiżdied bi prezzijiet kostanti, u b’defiċit tal-introjtu primarju li qed jikber. Bit-titjib fit-termini tal-kummerċ, hu mistenni li s-surplus jirpilja b’mod sinifikanti fl-2023 u jistabbilizza ruħu fl-2024. Sar progress limitat fil-politika iżda hemm bżonn li jsir aktar biex jitnaqqsu l-ostakli għall-investiment. Id-dejn tal-korporazzjonijiet mhux finanzjarji u tal-unitajiet domestiċi għadu għoli: dan tal-aħħar huwa aktar ta’ tħassib peress li jagħmel lill-unitajiet domestiċi vulnerabbli għax-xokkijiet, u dawn ir-riskji huma aggravati mis-sopravalutazzjoni għolja u li qed tiżdied tal-prezzijiet tad-djar. Għall-ġejjieni, hu mistenni li d-dejn ikompli jonqos b’mod moderat. Minkejja t-tnaqqis moderat fil-prezzijiet tad-djar, għad hemm pressjoni fuq is-suq tad-djar, b’mod partikolari peress li l-kostruzzjoni ta’ djar ġodda għadha ferm taħt il-miri tal-gvern. Fl-istess ħin, is-sjieda tad-djar iffinanzjata mid-dejn għadha ssussidjata minn tassazzjoni favorevoli, filwaqt li l-politiki dwar is-suq tal-kiri privat jirriskjaw li jimminaw l-iżvilupp tiegħu.

(13)Fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat 13 , il-bilanċ tal-baġit tal-gvern estiż tan-Netherlands naqas minn defiċit ta’ 2,4 % tal-PDG fl-2021 għal baġit ibbilanċjat fl-2022, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 52,5 % tal-PDG fi tmiem l-2021 għal 51,0 % fi tmiem l-2022.

(14)Il-bilanċ tal-gvern estiż ġie affettwat mill-miżuri adottati biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Fl-2022, tali miżuri li jnaqqsu d-dħul kienu jinkludu t-tnaqqis tal-VAT fuq l-enerġija u tad-dazju tas-sisa fuq il-petrol u d-diżil; filwaqt li tali miżuri li jżidu n-nefqa kienu jinkludu skont fuq il-kont tal-enerġija f’Novembru u Diċembru u l-appoġġ għal unitajiet domestiċi b’introjtu baxx b’kontijiet għoljin tal-enerġija. L-ispiża ta’ dawn il-miżuri kienet parzjalment ikkumpensata minn taxxi ġodda fuq profitti mhux mistennija tal-produtturi u l-fornituri tal-enerġija, jiġifieri kontribuzzjoni ta’ solidarjetà fl-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1854 b’rata ta’ 33 %. Il-Kummissjoni tistma li l-ispiża baġitarja netta ta’ dawn il-miżuri kienet ta’ 0,6 % tal-PDG fl-2022. Il-bilanċ tal-gvern estiż ġie affettwat ukoll mill-ispiża baġitarja tal-protezzjoni temporanja għall-persuni spostati mill-Ukrajna, li hija stmata għal 0,1 % tal-PDG fl-2022. Fl-istess ħin, l-ispiża stmata tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza tal-COVID-19 naqset għal 0,3 % tal-PDG fl-2022, minn 1,8 % fl-2021.

(15)Fit-18 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill irrakkomanda li fl-2022 in-Netherlands 14 isegwu pożizzjoni fiskali ta’ appoġġ, inkluż mill-impuls li tipprovdi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u li jippreservaw l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali.

(16)Skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali 15 fl-2022 kienet ta’ appoġġ, fil-livell ta’ -0,5 % tal-PDG, kif irrakkomanda l-Kunsill. Kif irrakkomanda l-Kunsill, in-Netherlands komplew jappoġġaw l-irkupru b’investimenti ffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE kienet tammonta għal 0,2 % tal-PDG fl-2022 (0,2 % tal-PDG fl-2021). L-investiment iffinanzjat f’livell nazzjonali pprovda kontribuzzjoni restrittiva ta’ 0,1 punt perċentwali għall-pożizzjoni fiskali 16 . Għalhekk in-Netherlands ma żammewx l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali, li mhuwiex konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Fl-istess ħin, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (nett minn miżuri ġodda ta’ dħul) ipprovda kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,4 punt perċentwali għall-pożizzjoni fiskali ġenerali. Għalhekk in-Netherlands żammew biżżejjed taħt kontroll it-tkabbir fin-nefqa kurrenti ffinanzjata fil-livell nazzjonali.

(17)Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-proġettazzjonijiet baġitarji fil-Programm ta’ Stabbiltà huwa realistiku. Il-Gvern jipproġetta li l-PDG reali jikber b’1,6 % fl-2023 u b’1,4 % fl-2024. B’paragun ma’ dan, it-tbassir tar-rebbiegħa tal-2023 tal-Kummissjoni jipproġetta tkabbir tal-PDG reali ftit aktar għoli ta’ 1,8 % fl-2023 u tkabbir ftit aktar baxx ta’ 1,2 % fl-2024. Dan huwa prinċipalment dovut għal differenzi żgħar fil-prospettiva tad-domanda domestika fis-sentejn li huma.

(18)Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2023, il-Gvern jistenna li d-defiċit tal-gvern estiż jonqos għal 3,0 % tal-PDG fl-2023. Iż-żieda fl-2023 tirrifletti prinċipalment l-ispiża tal-pakkett tal-enerġija, iż-żieda fin-nefqa fuq l-imgħax u pjanijiet ta’ nfiq addizzjonali relatati mal-isfidi tas-soċjetà, bħat-tranżizzjoni ekoloġika, il-limitazzjoni tad-depożizzjonijiet eċċessivi tan-nitroġenu, l-edukazzjoni u l-provvista tal-akkomodazzjoni. Skont il-Programm, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos minn 49,3 % tal-PDG fl-2022 għal 48,4 % tal-PDG fl-2023. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 2,1 % tal-PDG għall-2023. Dan huwa aktar baxx mid-defiċit ipproġettat fil-Programm ta’ Stabbiltà, prinċipalment minħabba li d-data dwar l-eżitu tal-bilanċ tal-gvern għall-2022 irriżultat aħjar milli preżunt fil-Programm ta’ Stabbiltà. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjon ogħla ta’ dejn tal-gvern estiż mal-PDG, ta’ 49,3 % fl-aħħar tal-2023. Id-differenza hija dovuta għall-fatt li d-data tal-eżitu għall-2022 irriżultat ogħla minn dik preżunta fil-Programm ta’ Stabbiltà, bħala riżultat ta’ aġġustament għoli bejn il-fondi u l-flussi fl-2022.

(19)Huwa mistenni li l-bilanċ tal-gvern fl-2023 ikompli jiġi affettwat mill-miżuri fiskali adottati biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Dawn jikkonsistu f’miżuri estiżi mill-2022 (b’mod partikolari, it-tnaqqis tad-dazju tas-sisa fuq il-petrol u d-diżil u l-appoġġ tal-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx) u miżuri ġodda bħal limitu massimu fuq il-prezz tal-elettriku u l-gass u l-iskema ta’ appoġġ għall-SMEs li jużaw ħafna enerġija. L-ispiża baġitarja nett tal-miżuri ta’ appoġġ hija pproġettata fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni għal 1,1 % tal-PDG fl-2023 17 . Jidher li bosta mill-miżuri fl-2023 mhumiex immirati lejn l-aktar unitajiet domestiċi jew ditti vulnerabbli, u ma jżommux għal kollox is-sinjal tal-prezz biex tonqos id-domanda u titjieb l-effiċjenza enerġetika. B’riżultat ta’ dan, l-ammont ta’ miżuri ta’ appoġġ immirati, li għandhom jitqiesu fil-valutazzjoni tal-konformità mar-rakkomandazzjoni għall-2023, huwa stmat fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni għal 0,5 % tal-PDG fl-2023 (meta mqabbel maż-0,1 % tal-PDG fl-2022). L-ispiża baġitarja tal-protezzjoni temporanja għall-persuni spostati mill-Ukrajna hija pproġettata li tibqa’ stabbli meta mqabbla mal-2022.

(20)Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda 18 li n-Netherlands jieħdu azzjoni biex fl-2023 jiżguraw li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali jkun konformi ma’ pożizzjoni ta’ politika newtrali ġenerali 19 , u tqis l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu lill-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Jenħtieġ li n-Netherlands ikunu lesti li taġġusta l-infiq attwali f’sitwazzjoni li qed tevolvi. Saret ukoll rakkomandazzjoni biex in-Netherlands jespandu l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija u jqisu l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi jagħmlu użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni.

(21)Fl-2023, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni li tkun espansjonarja (- 1,1 % tal-PDG), f’kuntest ta’ inflazzjoni għolja. Dan isegwi pożizzjoni fiskali espansjonarja fl-2022 (- 0,5 % tal-PDG). It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (nett minn miżuri diskrezzjonarji ta’ dħul) fl-2023 jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,9 % tal-PDG għall-pożizzjoni fiskali. Dan jinkludi ż-żieda fl-ispiża tal-miżuri ta’ appoġġ immirati lejn l-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija b’0,4 % tal-PDG. Għalhekk, il-kontribuzzjoni espansjonarja tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata nazzjonalment hija dovuta parzjalment biss għall-appoġġ immirat għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. It-tkabbir espansjonarju fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata f’livell nazzjonali (nett minn miżuri diskrezzjonarji ta’ dħul) huwa xprunat ukoll minn miżuri tal-enerġija mhux immirati, żidiet permanenti fil-pagi tas-settur pubbliku u benefiċċji soċjali u nfiq ogħla fuq il-kura tas-saħħa. Fil-qosor, it-tkabbir ipproġettat tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata f’livell nazzjonali mhuwiex konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE kienet tammonta għal 0,2 % tal-PDG fl-2023, filwaqt li l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali pprovda kontribuzzjoni newtrali għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,0 punt perċentwali. Għalhekk, in-Netherlands qed jippjanaw li jiffinanzjaw investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, u huwa pproġettat li jippreservaw l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali 20 . Qed jippjanaw li jiffinanzjaw l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħall-investiment u l-iffaċilitar tal-iżvilupp ta’ parks eoliċi lil hinn mill-kosta, l-inċentivar tal-użu tal-idroġenu u t-titjib tal-litteriżmu diġitali tal-istudenti, li huma parzjalment iffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE.

(22)Skont il-Programm ta’ Stabbiltà hu mistenni li d-defiċit tal-gvern estiż jonqos gradwalment għal 2,6 % tal-PDG fl-2024. It-tnaqqis fl-2024 jirrifletti prinċipalment it-tneħħija gradwali tal-biċċa l-kbira tal-miżuri ta’ emerġenza. Il-programm jipprevedi li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż jiżdied għal 48,7 % fi tmiem l-2024. Fuq il-bażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 1,7 % tal-PDG fl-2024. Dan huwa aktar baxx mid-defiċit ipproġettat fil-programm, l-aktar bis-saħħa tal-effett bażi mill-proporzjon tad-defiċit mal-PDG aktar baxx ipproġettat fl-2023. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjon simili ta’ dejn tal-gvern estiż mal-PDG, ta’ 48,8 % fl-aħħar tal-2024.

(23)Il-Programm ta’ Stabbiltà jipprevedi t-tneħħija gradwali tal-miżuri kollha ta’ appoġġ għall-enerġija fl-2024. Il-Kummissjoni tassumi wkoll it-tneħħija gradwali sħiħa tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija fl-2024. Dan jiddependi fuq is-suppożizzjoni li ma jkunx hemm żidiet ġodda fil-prezzijiet tal-enerġija.

(24)Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 jeżiġi titjib annwali fil-bilanċ tal-baġit strutturali lejn l-objettiv ta’ terminu medju ta’ 0,5 % tal-PDG bħala punt ta’ riferiment 21 . Meta jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet tas-sostenibbiltà fiskali, 22 ikun xieraq li jsir titjib fil-bilanċ strutturali ta’ mill-inqas 0,3 % tal-PDG għall-2024. Sabiex jiġi żgurat tali titjib, jenħtieġ li t-tkabbir fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali 23 fl-2024 ma jaqbiżx it-3,5 %, kif rifless f’din ir-rakkomandazzjoni. Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija li jifdal (attwalment stmati mill-Kummissjoni għal 1,1 % tal-PDG fl-2023) jitneħħew gradwalment, skont kif jiżviluppa s-suq tal-enerġija u jibdew minn dawk l-inqas immirati, u jenħtieġ li l-iffrankar relatat jintuża biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern. Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, dan iwassal għal tkabbir fin-nefqa primarja netta taħt ir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata għall-2024. Madankollu, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja netta ffinanzjata f’livell nazzjonali fl-2023 mhuwiex konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Jekk dan jiġi kkonfermat, ikun xieraq li jkun hemm inqas tkabbir fin-nefqa primarja netta fl-2024.

(25)Jekk wieħed jassumi li l-politiki ma jinbidlux, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta li n-nefqa primarja netta ffinanzjata f’livell nazzjonali tikber għal 1,7 % fl-2024 li hija taħt ir-rata ta’ tkabbir rakkomandata. L-aġġustament ipproġettat fit-tbassir tal-Kummissjoni huwa konformi mal-iffrankar mit-tneħħija gradwali sħiħa tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija.

(26)Skont il-Programm, l-investiment tal-Gvern mistenni li jiżdied minn 3,4 % tal-PDG fl-2023 għal 3,5 % tal-PDG fl-2024. L-investiment ogħla jirrifletti investiment ogħla ffinanzjat f’livell nazzjonali u investiment ffinanzjat mill-UE, jiġifieri permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Il-programm jirreferi għal riformi u investimenti, li huma mistennija jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà fiskali u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv. Dawn jinkludu riformi u investimenti fil-qasam tal-edukazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, is-suq tax-xogħol u t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, li huma wkoll parti mill-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

(27)Il-Programm ta’ Stabbiltà jiddeskrivi perkors fiskali fuq terminu medju sal-2027. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà hu mistenni li d-defiċit tal-gvern estiż jiżdied għal 2,8 % sal-2026 u għal 3,2 % tal-PDG fl-2027. Għalhekk, huwa ppjanat li d-defiċit tal-gvern estiż jibqa’ taħt it-3 % tal-PDG sal-2026 u jiżdied biex jaqbeż it-3 % tal-PDG fl-2027. Skont il-Programm, huwa mistenni li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż jonqos minn 48,7 % fl-aħħar tal-2024 għal 52,7 % sal-aħħar tal-2027.

(28)Il-prezzijiet tad-djar li għolew b’rata mgħaġġla f’dawn l-aħħar snin irriżultaw f’suq tad-djar sopravalutat. Madankollu, b’kundizzjonijiet finanzjarji aktar stretti, is-suq tad-djar laħaq punt ta’ bidla f’nofs l-2022 hekk kif il-prezzijiet tad-djar bdew jonqsu b’reazzjoni għaż-żieda fir-rati tal-imgħax fuq l-ipoteki. Id-dejn ipotekarju relattiv għall-PDG għadu għoli fin-Netherlands, skont l-istandards internazzjonali. Dan huwa xprunat minn limiti ta’ self relattivament għoljin (self għall-valur) u minn ħelsien sostanzjali mit-taxxa fuq il-pagamenti ipotekarji. Għalkemm it-tnaqqis tat-taxxa fuq l-imgħax ipotekarju qed jitnaqqas gradwalment, dan għadu għoli. Id-dejn għoli tal-unitajiet domestiċi li jirriżulta jagħmel lill-unitajiet domestiċi vulnerabbli għax-xokkijiet ekonomiċi, li huwa speċjalment rilevanti issa li żdiedu r-riskji ta’ korrezzjonijiet fil-prezzijiet tad-djar. Fl-istess ħin, is-suq tal-kiri privat huwa relattivament żgħir, u jirriżulta f’alternattivi affordabbli u disponibbli limitati għax-xiri ta’ dar. In-nuqqas ta’ akkomodazzjoni għall-kiri affordabbli jdgħajjef ukoll il-mobilità tal-forza tax-xogħol. It-tneħħija tal-ostakli li bħalissa qed iżommu lura l-investimenti, inkluż fil-kostruzzjoni residenzjali, tista’ tippermetti li l-gvern jirnexxielu jwettaq il-pjanijiet tiegħu għal żieda fil-provvista tad-djar u għalhekk tista’ tikkontribwixxi għal riekwilibriju estern kif ukoll għal funzjonament aħjar tas-suq tad-djar.

(29)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b) u l-Kriterju 2.2 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Filwaqt li l-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tan-Netherlands ġie adottat biss fl-2022, l-implimentazzjoni tiegħu issa tinsab għaddejja. Il-proċediment rapidu bin-negozjar tal-ftehim operazzjonali se jgħin fl-implimentazzjoni tal-pjan u huwa meħtieġ għal meta tiġi ppreżentata tal-ewwel talba għal pagament, li hija mistennija sa tmiem l-2023. L-implimentazzjoni għadha għaddejja, f’dan l-istadju, ir-riskji ta’ nuqqas ta’ assorbiment jidhru limitati minħabba l-allokazzjoni finanzjarja relattivament żgħira. It-tħejjijiet ta’ kapitolu tar-REPowerEU jinsabu għaddejjin. L-inklużjoni rapida tal-kapitolu l-ġdid tar-REPowerEU fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza se tippermetti li jiġu ffinanzjati riformi u investimenti addizzjonali b’appoġġ għall-objettivi strateġiċi tan-Netherlands fil-qasam tal-enerġija u t-tranżizzjoni ekoloġika. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, tas-sħab soċjali u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ importanti biex tirnexxi l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll ta’ politiki ekonomiċi u tal-impjiegi oħra li jmorru lil hinn mill-pjan, biex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa tal-aġenda ta’ politika ġenerali.

(30)Fl-2022 il-Kummissjoni approvat id-dokumenti kollha ta’ programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni tan-Netherlands. It-tkomplija tal-implimentazzjoni rapida tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni f’komplementarjetà u sinerġija mal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija kruċjali biex tinkiseb it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, tiżdied ir-reżiljenza ekonomika u soċjali kif ukoll jinkiseb żvilupp territorjali bbilanċjat fin-Netherlands.

(31)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, in-Netherlands qwd jiffaċċjaw għadd ta’ sfidi addizzjonali relatati mas-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, in-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet, id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u d-depożiti eċċessivi tan-nitroġenu.

(32)Is-sehem tal-impjieg flessibbli (kemm ħaddiema b’kuntratti flessibbli kif ukoll temporanji u dawk li jaħdmu għal rashom mingħajr impjegati) fis-suq tax-xogħol għadu għoli fin-Netherlands. Dan jindika riskju dejjem akbar ta’ segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, b’effetti partikolarment distorsivi fil-marġini tas-suq tax-xogħol. Dan jista’ jamplifika l-inugwaljanza fl-opportunitajiet u jkun problematiku għall-produttività. Ċertu ammont ta’ flessibbiltà fis-suq tax-xogħol jista’ jikkontribwixxi għall-adattabilità tal-ekonomija u jista’ wkoll jakkomoda aħjar il-preferenzi individwali. Madankollu, l-użu eċċessiv ta’ tipi flessibbli ta’ impjiegi jista’ jkollu effetti negattivi għall-ħaddiema u għall-ekonomija usa’. Pereżempju, il-parteċipazzjoni fit-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja hija sfida għal dawk b’arranġamenti flessibbli ta’ impjieg b’kuntratt, u dan min-naħa tiegħu jnaqqas l-investiment fil-ħiliet. F’kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali, il-Gvern Olandiż biħsiebu jindirizza d-differenzi bejn l-arranġamenti tax-xogħol permanenti u dak flessibbli. Il-pjanijiet jinkludu t-tneħħija ta’ kuntratti ta’ żero sigħat u s-sostituzzjoni ta’ kuntratti “on-call” fil-forma preżenti tagħhom b’tip ġdid ta’ kuntratt li jipprovdi aktar sigurtà tal-introjtu għall-ħaddiema, u titjib fis-sigurtà tal-impjieg tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija. Il-progress rapidu fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-pjanijiet se jkun importanti biex jiġi żgurat li l-għażla ta’ ċertu tip ta’ kuntratt ta’ impjieg tkun xprunata minn ħtiġijiet speċifiċi għall-impjieg jew mill-preferenzi tal-persuni li jkollhom impjieg, filwaqt li tittejjeb ukoll il-pożizzjoni soċjali u tal-impjieg tal-persuni f’impjieg flessibbli u titnaqqas is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol. 

(33)In-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet diġà kienu karatteristika tas-suq tax-xogħol Olandiż qabel il-pandemija tal-COVID-19, iżda nfirxu aktar fis-setturi kollha minn dak iż-żmien ’l hawn. Setturi bħall-ICT, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-impjiegi tekniċi qed jiffaċċjaw nuqqasijiet strutturali, li diġà kienu jeżistu qabel il-pandemija u hu mistenni li jippersistu, sa ċertu punt minħabba l-iżviluppi demografiċi. Minkejja rata ta’ parteċipazzjoni ġenerali għolja, in-Netherlands għad għandhom riżerva ta’ ħaddiema potenzjali mhux sfruttati u mhux utilizzati biżżejjed, bħal persuni ġejjin minn kuntest ta’ migrazzjoni u dawk li jaħdmu f’impjieg part-time. Ladarba jkunu f’impjieg part-time, ftit impjegati jagħżlu li jżidu s-sigħat tax-xogħol tagħhom. Dan jista’ jiġi parzjalment spjegat mir-rati tat-taxxa marġinali għoljin, l-obbligi (jew l-antiċipazzjoni ta’ obbligi futuri) relatati mal-kura informali tat-tfal jew ta’ membri oħra tal-familja u/jew il-kwalità tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Biex jiġu indirizzati l-iskarsezzi ta’ ħaddiema u ħiliet se jkun hemm bżonn li jittieħed approċċ komprensiv filwaqt li jiġu indirizzati wkoll il-ħtiġijiet u l-ostakli speċifiċi għas-settur u l-investimenti li jsaħħu l-produttività. Tista’ tiġi kkunsidrata taħlita ta’ politiki biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet ta’ ħaddiema u ħiliet. Dawn il-politiki jistgħu jinkludu: (i) it-tnaqqis ulterjuri tar-rata tat-taxxa marġinali u/jew it-titjib tat-trasparenza tar-rata tat-taxxa marġinali li jiffaċċjaw l-individwi; (ii) żieda fil-pagi f’setturi b’nuqqasijiet strutturali, b’mod partikolari dawk b’konċentrazzjoni ta’ impjegaturi pubbliċi u semipubbliċi; (iii) il-promozzjoni tal-kwalità tax-xogħol u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; (iv) it-titjib tal-gwida vokazzjonali; u (v) it-titjib tal-aċċess għal indukrar tat-tfal ta’ kwalità għolja u affordabbli. Barra minn hekk, it-tisħiħ tal-opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet jew ta’ taħriġ mill-ġdid permezz ta’ miżuri mmirati u mfassla apposta, b’mod partikolari għal dawk fil-marġini tas-suq tax-xogħol u l-persuni inattivi, jista’ jgħin biex itaffi n-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet u jtejjeb l-eżiti soċjali.

(34)Għalkemm in-Netherlands introduċew miżuri biex inaqqsu d-dipendenza tagħhom fuq il-fjuwils fossili Russi, iż-żejt u l-gass naturali ammontaw għal 38 % u 41 % rispettivament tat-taħlita tal-enerġija tagħhom, u b’hekk l-ekonomija Olandiża saret vulnerabbli għall-iżviluppi fil-prezzijiet globali. Hemm bżonn li jsiru aktar sforzi biex in-Netherlands jilħqu l-miri tal-enerġija rinnovabbli tal-UE għall-2030. Minkejja li l-ambizzjonijiet għall-installazzjoni ta’ kapaċità addizzjonali tal-enerġija rinnovabbli żdiedu, is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija kien jammonta għal 13,0 % biss fl-2021, li huwa taħt il-mira miftehma politikament fil-livell tal-UE u l-medja tal-UE ta’ 21,8 %. B’riżultat ta’ dan, in-Netherlands għadhom fost l-Istati Membri bl-agħar prestazzjoni f’termini ta’ sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija, u għandhom waħda mill-akbar diskrepanzi bejn is-sehem tal-2021 u l-miri tal-2030. L-espansjoni tal-grilja tal-elettriku, kemm għat-trażmissjoni kif ukoll għad-distribuzzjoni, hija essenzjali biex jitħaffef l-użu tal-infrastruttura tal-enerġija rinnovabbli kemm fuq l-art kif ukoll lil hinn mill-kosta. Minħabba l-konġestjoni dejjem tiżdied tal-grilja tal-elettriku, l-operaturi tan-network spiss ikollhom jirrifjutaw talbiet għall-aċċess għall-grilja mingħand produtturi u konsumaturi ġodda tal-elettriku. Billi l-konsum tal-gass fl-abitazzjonijiet jammonta għal madwar 25 % tal-konsum totali tal-gass naturali fin-Netherlands, it-titjib fl-effiċjenza enerġetika fl-istokk tal-bini (pereżempju permezz ta’ standards minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija biex jiskattaw rinnovazzjonijiet u infurzar aktar b’saħħtu tar-rekwiżiti tal-awditjar tal-enerġija għall-industrija) jista’ jikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex ikun hemm aktar tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju u d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili. Il-konsum tal-gass naturali tan-Netherlands naqas b’29 % fil-perjodu bejn Awwissu 2022 u Marzu 2023, meta mqabbel mal-konsum medju tal-gass matul l-istess perjodu fil-ħames snin preċedenti, lil hinn mill-mira ta’ tnaqqis ta’ 15 %. In-Netherlands huma mħeġġa jkomplu bl-isforzi tagħhom biex inaqqsu temporanjament id-domanda għall-gass sal-31 ta’ Marzu 2024 24 .

(35)Minħabba l-effetti negattivi ta’ depożiti eċċessivi ta’ nitroġenu f’żoni naturali li jirriżultaw prinċipalment mis-settur agrikolu intensiv Olandiż, il-ħruġ ta’ permessi għal ċerti proġetti li jarmu n-nitroġenu, b’mod partikolari proġetti ta’ kostruzzjoni, bħalissa huwa mblukkat. Il-Gvern Olandiż qed jieħu azzjoni biex inaqqas id-depożiti tan-nitroġenu, b’mod partikolari permezz ta’ programmi ta’ żoni integrati fil-livell provinċjali. Hemm bżonn ta’ aktar appoġġ biex l-agrikoltura ssir aktar sostenibbli filwaqt li tiġi żgurata l-kompetittività permezz ta’ pereżempju appoġġ għat-tnaqqis tal-bhejjem, jitħaffef il-pass tat-tranżizzjoni lejn agrikoltura ċirkolari u/jew organika u jiżdiedu d-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni.

(36)In-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet fis-setturi u l-okkupazzjonijiet ewlenin għat-tranżizzjoni ekoloġika, inklużi l-manifattura, l-iskjerament u l-manutenzjoni ta’ teknoloġiji ekoloġiċi, qed joħolqu restrizzjonijiet fit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima. Sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja li jirrispondu għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu u miżuri mmirati ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid huma kruċjali biex jitnaqqas in-nuqqas ta’ ħiliet u jiġu promossi l-inklużjoni u r-riallokazzjoni tax-xogħol. Biex tiġi sfruttata l-provvista tax-xogħol mhux sfruttata, dawn il-miżuri jeħtieġ li jkunu aċċessibbli, b’mod partikolari għall-individwi u fis-setturi u r-reġjuni l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika. Fl-2022, fin-Netherlands ġew irrapportati nuqqasijiet ta’ ħaddiema għal 108 professjonijiet li kienu jeħtieġu ħiliet jew għarfien speċifiċi għat-tranżizzjoni ekoloġika, inklużi professjonisti tal-protezzjoni ambjentali, installaturi tal-iżolament, u tekniċi tal-inġinerija ċivili.

(37)Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 u l-opinjoni tiegħu 25 hija riflessa fir-Rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

(38)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex (i) jippreservaw is-sostenibbiltà tad-dejn u joqogħdu lura minn appoġġ fuq bażi wiesgħa għad-domanda aggregata fl-2023, jimmiraw aħjar il-miżuri fiskali meħuda biex itaffu l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija u jirriflettu dwar modi xierqa biex jitnaqqas l-appoġġ hekk kif jonqsu l-pressjonijiet tal-prezzijiet tal-enerġija; (ii) isostnu investiment pubbliku għoli u jippromwovu l-investiment privat biex jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali; (iii) jappoġġaw l-iżviluppi fil-pagi li jtaffu t-telf fil-kapaċità tal-akkwist filwaqt li jillimitaw l-effetti sekondarji fuq l-inflazzjoni, ikomplu jtejbu l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol u jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħiliet; (iv) itejbu l-ambjent tan-negozju u jiżguraw li l-appoġġ għall-enerġija lill-kumpaniji jkun kosteffettiv, temporanju, immirat lejn ditti vijabbli u li jżomm l-inċentivi għat-tranżizzjoni ekoloġika; u (v) jippreservaw l-istabbiltà makrofinanzjarja u jimmonitorjaw ir-riskji filwaqt li jkomplu jaħdmu biex titlesta l-Unjoni Bankarja. Għan-Netherlands, ir-Rakkomandazzjonijiet(1), (2), (3) u (4) jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames Rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro. 

(39)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 u l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-Rakkomandazzjoni (1) hawn taħt. Il-politiki msemmija fir-Rakkomandazzjoni (1) jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet relatati ma’ dejn privat għoli u l-vulnerabbiltajiet marbuta ma’ surplus għoli fil-kont kurrenti. Ir-Rakkomandazzjonijiet (2) u (4) jikkontribwixxu biex jindirizzaw ir-Rakkomandazzjoni (1) safejn din tikkonċerna investiment ogħla. Ir-Rakkomandazzjoni (1) tikkontribwixxi kemm biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro, f’konformità mal-premessa 38.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li n-Netherlands jieħdu azzjoni fl-2023 u fl-2024 biex:

1.Sa tmiem l-2023 inaqqsu gradwalment il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija fis-seħħ, bl-użu tal-iffrankar relatat biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern. Jekk iż-żidiet mġedda fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu jeħtieġu miżuri ta’ appoġġ, jiżguraw li dawn ikunu mmirati biex jipproteġu l-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu sostenibbli għall-baġits pubbliċi u jkomplu jipprovdu inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija.

Jiżguraw politika fiskali prudenti, b’mod partikolari billi jillimitaw iż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata f’livell nazzjonali fl-2024 għal mhux aktar minn 3,5 %.

Jippreservaw l-investiment pubbliku ffinanzjat f’livell nazzjonali u jiżguraw l-assorbiment effettiv tal-għotjiet tal-RRF u fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari biex irawwmu t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali.

Wara l-2024, tkompli ssegwi strateġija fiskali fuq terminu medju mmirata lejn konsolidazzjoni gradwali u sostenibbli, flimkien ma’ investimenti u riformi li jwasslu għal tkabbir sostenibbli ogħla, biex tinkiseb pożizzjoni fiskali prudenti fuq terminu medju.

Inaqqsu l-predispożizzjoni favur id-dejn u d-distorsjonijiet tad-dejn tal-unitajiet domestiċi fis-suq tad-djar. Jappoġġaw id-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni fis-suq tal-kiri privat. Ineħħu l-ostakli li jżommu lura l-investimenti, inkluż fil-kostruzzjoni tad-djar.

2.Jipproċedu bl-implimentazzjoni kostanti tal-pjan tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza u jiffinalizzaw malajr il-kapitolu REPowerEU bil-ħsieb li mingħajr dewmien tibda l-implimentazzjoni tiegħu. Jissoktaw bl-implimentazzjoni rapida tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, f’komplementarjetà u sinerġija mill-qrib mal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

3.Inaqqsu l-inċentivi għall-użu ta’ kuntratti flessibbli jew temporanji. Filwaqt li jqisu l-ħtiġijiet speċifiċi għas-settur, jindirizzaw in-nuqqasijiet strutturali tax-xogħol u tal-ħiliet, inkluż billi jisfruttaw il-potenzjal tax-xogħol mhux utilizzat u jsaħħu l-opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid, inkluż għal dawk fil-marġini tas-suq tax-xogħol u tal-persuni inattivi.

4.Inaqqsu d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili billi jaċċelleraw l-użu tal-enerġija rinnovabbli, itejbu l-kundizzjonijiet qafas biex jagħtu spinta lill-investimenti fl-espansjoni tal-grilji tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni tal-elettriku, jestendu u jaċċelleraw il-miżuri tal-effiċjenza enerġetika biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija b’mod partikolari fl-ambjent mibni. Jappoġġaw it-tranżizzjoni lejn agrikoltura sostenibbli. Jintensifikaw l-isforzi ta’ politika mmirati lejn il-forniment u l-akkwist tal-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2)    ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(3)    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).
(4)    COM(2022) 780 final.
(5)    COM(2023) 62 final.
(6)    COM(2023) 168 final.
(7)    Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1).
(8)    COM(2023) 141 final.
(9)    COM(2022) 583 final.
(10)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Ottubru 2022 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għan-Netherlands (ST 12275//22; ST 12275//22 ADD 1).
(11)    SWD(2023) 619 final.
(12)    SWD(2023) 640 final.
(13)    Eurostat-Euro Indicators, 47/2023, 21.4.2023
(14)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021 li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tan-Netherlands tal-2021, ĠU C 304, 29.07.2021, p. 88.
(15)    Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bil-bidla fin-nefqa primarja (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonali), bl-esklużjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza temporanji relatati mal-kriżi tal-COVID-19 imma bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn sostenn mhux ripagabbli (għotjiet) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħrajn tal-UE, relattivi mat-tkabbir potenzjali fit-terminu medju. Għal aktar dettalji ara l-Kaxxa 1 fit-Tabelli Statistiċi Fiskali.
(16)    Nefqa kapitali oħra ffinanzjata f’livell nazzjonali pprovdiet kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,2 punt perċentwali tal-PDG.
(17)    Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-ispejjeż baġitarji annwali ta’ dawn il-miżuri, inkluż id-dħul u n-nefqa kurrenti kif ukoll – meta rilevanti – il-miżuri tan-nefqa kapitali.
(18)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tan-Netherlands u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tan-Netherlands tal-2022, ĠU C 334, 1.9.2022, p. 154. 
(19)    Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni, it-tkabbir potenzjali tal-output fuq terminu medju (fuq medja ta’ 10 snin) tan-Netherlands, li jintuża biex titkejjel il-pożizzjoni fiskali, huwa stmat għal 7,9 % f’termini nominali.
(20)    Nefqa kapitali oħra ffinanzjata f#livell nazzjonali hija pproġettata li tipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ -0,2 punt perċentwali tal-PDG.
(21)    Ara l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, li jirrikjedi wkoll aġġustament ta’ aktar minn 0,5 % tal-PDG għall-Istati Membri b’dejn tal-gvern li jaqbeż is-60 % tal-PDG, jew b’riskji aktar evidenti għas-sostenibbiltà tad-dejn.
(22)    Il-Kummissjoni stmat li n-Netherlands se jkollhom bżonn żieda annwali medja fil-bilanċ strutturali primarju bħala sehem tal-PDG ta’ 0,35 punt perċentwali biex jinkiseb tnaqqis plawżibbli tad-dejn jew biex jiġi żgurat li d-dejn tal-gvern jinżamm f’livelli prudenti fit-terminu medju. Din l-istima kienet ibbażata fuq it-tbassir tal-ħarifa 2022 tal-Kummissjoni. Il-punt tat-tluq għal din l-istima kien id-defiċit u d-dejn ipproġettati tal-gvern għall-2024 li assumew l-irtirar tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija fl-2024.
(23)    In-nefqa primarja netta hija definita bħala nefqa ffinanzjata nazzjonalment netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji u bl-esklużjoni tan-nefqa fuq l-imgħax kif ukoll in-nefqa ċiklika fuq il-qgħad.
(24)     Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369 
(25)    Skont l-Artikoli 5(2) u 9(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.
Top