Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023DC0616

    Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-Programm Nazzjonali ta’ riforma tal-2023 tal-Lussemburgu u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 tal-Lussemburgu

    COM/2023/616 final

    Brussell, 24.5.2023

    COM(2023) 616 final

    Rakkomandazzjoni għal

    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-Programm Nazzjonali ta’ riforma tal-2023 tal-Lussemburgu u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 tal-Lussemburgu

    {SWD(2023) 616 final}


    Rakkomandazzjoni għal

    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-Programm Nazzjonali ta’ riforma tal-2023 tal-Lussemburgu u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 tal-Lussemburgu

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet baġitarji u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 , li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, hija tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u soċjali u għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-UE u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal kull Stat Membru bil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ġiet aġġornata fit-30 ta’ Ġunju 2022, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241.

    (2)Fit-22 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2023 4 , li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2023 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-istħarriġ madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva fit-23 ta’ Marzu 2023. Fit-22 ta’ Novembru 2022, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2023, li fih hija identifikat lil-Lussemburgu bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat mill-iżbilanċi, u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll opinjoni dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju tal-2023 tal-Lussemburgu. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro, li l-Kunsill adotta fis-16 ta’ Mejju 2023, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2023 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li l-Kunsill adotta fit-13 ta’ Marzu 2023.

    (3)Filwaqt li l-ekonomiji tal-UE qed juru reżiljenza notevoli, il-kuntest ġeopolitiku għad għandu impatt negattiv. Hekk kif l-UE qed tappoġġa b’mod sod lill-Ukrajna, l-aġenda tal-politika ekonomika u soċjali tal-UE hija ffukata fuq it-tnaqqis tal-impatt negattiv tax-xokkijiet tal-enerġija kemm fuq l-unitajiet domestiċi vulnerabbli kif ukoll fuq il-kumpaniji fuq terminu qasir, u fuq iż-żamma tal-isforzi biex titwettaq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, jiġi appoġġat it-tkabbir sostenibbli u inklużiv, tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà makroekonomika u tiżdied ir-reżiljenza fuq terminu medju. Hija tiffoka ħafna wkoll fuq iż-żieda fil-kompetittività u l-produttività tal-UE.

    (4)Fl-1 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni ħarġet il-Komunikazzjoni Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti 5 biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija b’emissjonijiet żero netti tal-UE u tiġi appoġġata t-tranżizzjoni rapida lejn in-newtralità klimatika. Il-pjan jikkomplementa l-isforzi li għaddejjin bil-Patt Ekoloġiku Ewropew u r-REPowerEU. Huwa għandu l-għan li jipprovdi ambjent aktar ta’ appoġġ biex tiżdied il-kapaċità tal-manifattura tal-UE għat-teknoloġiji u l-prodotti b’emissjonijiet żero netti meħtieġa biex jintlaħqu l-miri klimatiċi ambizzjużi tal-UE, kif ukoll jiġi żgurat l-aċċess għal materja prima kritika rilevanti, inkluż billi jiġi diversifikat l-akkwist, jiġu sfruttati kif xieraq ir-riżorsi ġeoloġiċi fl-Istati Membri u jiġi massimizzat ir-riċiklaġġ tal-materja prima. Il-pjan huwa msejjes fuq erba’ pilastri: ambjent regolatorju prevedibbli u simplifikat, li jħaffef l-aċċess għall-finanzi, itejjeb il-ħiliet, u jiftaħ il-kummerċ għal ktajjen tal-provvista reżiljenti. Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet ukoll il-Komunikazzjoni, Il-kompetittività fit-tul tal-UE: Inħarsu lil hinn mill-2030 6 , strutturata fuq disa’ muturi li jsaħħu lil xulxin bil-għan li ssir ħidma lejn qafas regolatorju li jsaħħaħ it-tkabbir. Hija tistabbilixxi prijoritajiet ta’ politika mmirati biex jiżguraw b’mod attiv titjib strutturali, investimenti ffukati tajjeb u miżuri regolatorji għall-kompetittività fit-tul tal-UE u l-Istati Membri tagħha. Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt jgħinu biex jiġu indirizzati dawk il-prijoritajiet.

    (5)Fl-2023, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż kollha jew subsett sinifikanti minnhom maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020 u l-2022 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

    (6)Ir-Regolament REPowerEU 7 adottat fis-27 ta’ Frar 2023 għandu l-għan li jelimina malajr id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. Dan se jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jżid l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. Ir-Regolament jippermetti lill-Istati Membri jżidu kapitolu ġdid tar-REPowerEU mal-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex jiffinanzjaw riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU. Dawn se jgħinu wkoll biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija b’emissjonijiet żero netti tal-UE kif deskritt fil-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti u se jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż relatati mal-enerġija maħruġa lill-Istati Membri fl-2022 u, fejn applikabbli, fl-2023. Ir-Regolament REPowerEU jintroduċi kategorija ġdida ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, li ssir disponibbli għall-Istati Membri biex jiffinanzjaw riformi u investimenti ġodda relatati mal-enerġija skont il-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza.

    (7)Fit-8 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li tipprovdi gwida għall-politika fiskali għall-2024. Hija għandha l-għan li tappoġġa t-tħejjija tal-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza tal-Istati Membri u b’hekk issaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politika 8 . Il-Kummissjoni fakkret li l-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir se tiġi diżattivata fi tmiem l-2023. Hija appellat għal politiki fiskali fl-2023-2024 li jiżguraw is-sostenibbiltà tad-dejn fuq terminu medju kif ukoll iżidu t-tkabbir potenzjali b’mod sostenibbli. L-Istati Membri ġew mistiedna jistabbilixxu fil-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza tagħhom tal-2023 kif il-pjanijiet fiskali tagħhom se jiżguraw li l-valur ta’ referenza tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG jiġi rispettat kif ukoll it-tnaqqis plawżibbli u kontinwu tad-dejn, jew biex id-dejn jinżamm f’livelli prudenti fit-terminu medju. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri jeliminaw gradwalment il-miżuri fiskali nazzjonali introdotti biex jipproteġu lill-unitajiet domestiċi u lid-ditti mix-xokk tal-prezz tal-enerġija, u jibdew bl-inqas miżuri mmirati. Hija indikat li, jekk ikun meħtieġ li l-miżuri ta’ appoġġ jiġu estiżi minħabba pressjoni mill-ġdid fuq il-prezzijiet tal-enerġija, jenħtieġ li l-Istati Membri jimmiraw tali miżuri ħafna aħjar milli fil-passat lejn unitajiet domestiċi u ditti vulnerabbli. Il-Kummissjoni pproponiet li r-rakkomandazzjonijiet fiskali jkunu kwantifikati u differenzjati u fformulati fuq il-bażi tan-nefqa primarja netta, kif propost fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE 9 . Hija rrakkomandat li l-Istati Membri kollha jenħtieġ li jkomplu jipproteġu l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali u jiżguraw l-użu effettiv tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u ta’ fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari fid-dawl tal-objettivi tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tar-reżiljenza. Il-Kummissjoni indikat li se tipproponi lill-Kunsill biex jiftaħ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit fir-rebbiegħa tal-2024 fuq il-bażi tad-data tal-eżitu għall-2023, f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti.

    (8)Fis-26 ta’ April 2023, il-Kummissjoni ppreżentat proposti leġiżlattivi biex timplimenta riforma komprensiva tar-regoli ta’ governanza ekonomika tal-UE. L-objettiv ċentrali tal-proposti huwa li tissaħħaħ is-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u jiġi promoss it-tkabbir sostenibbli u inklużi fl-Istati Membri kollha permezz ta’ riformi u investimenti. Il-proposti għandhom l-għan li jipprovdu l-Istati Membri b’aktar kontroll fuq id-disinn tal-pjanijiet tagħhom fuq terminu medju, filwaqt li jimplimentaw reġim ta’ infurzar aktar strett biex jiġi żgurat li l-Istati Membru jwettqu l-impenji meħuda fil-pjanijiet strutturali fiskali fuq terminu medju. L-objettiv huwa li l-ħidma leġiżlattiva tiġi konkluża fl-2023.

    (9)Fil-21 ta’ April 2021, il-Lussemburgu ppreżenta l-pjan nazzjonali tiegħu għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fit-13 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal-Lussemburgu 10 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li l-Lussemburgu laħaq b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.

    (10)Fit-28 ta’ April 2023, il-Lussemburgu ppreżenta l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tiegħu tal-2023 u, fis-27 ta’ April 2023, il-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2023, f’konformità mal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati flimkien. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Lussemburgu dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha.

    (11)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2023 għal-Lussemburgu 11 fl-24 ta’ Mejju 2023. Huwa vvaluta l-progress tal-Lussemburgu fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2022, u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Lussemburgu. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Lussemburgu fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

    (12)Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għal-Lussemburgu u ppubblikat ir-riżultati tagħha fl-24 ta’ Mejju 2023 12 . Hija kkonkludiet li l-Lussemburgu mhux qed jesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, il-vulnerabbiltajiet relatati mal-prezzijiet għoljin tad-djar u d-dejn għoli tal-unitajiet domestiċi dan l-aħħar żdiedu iżda b’mod ġenerali sa issa jidher li huma kkontrollati u mistennija jonqsu fuq terminu medju. It-tkabbir qawwi fil-popolazzjoni flimkien maż-żieda fil-kreditu ipotekarju, bl-inċentiva tal-appoġġ fiskali, żied id-domanda għall-akkomodazzjoni, filwaqt li l-provvista ġiet ristretta minħabba l-art limitata disponibbli għall-kostruzzjoni u l-ikkapparar tal-artijiet. Id-distakk dejjem jikber bejn id-domanda u l-provvista tal-akkomodazzjoni irriżulta f’żidiet qawwija fil-prezzijiet tad-djar b’riskji dejjem akbar ta’ sopravalutazzjoni tal-prezzijiet tad-djar u deterjorament fl-affordabbiltà. Il-prezzijiet tad-djar stabbilizzaw ruħhom ħafna lejn l-aħħar tal-2022, u l-għadd ta’ tranżazzjonijiet fl-akkomodazzjoni naqas drastikament, hekk kif iż-żieda fir-rati tal-imgħax wasslet għal bidla fis-suq. Madankollu, mhijiex mistennija korrezzjoni qawwija fil-prezzijiet tad-djar billi l-introjti żammew f’livell tajjeb u minħabba li n-nuqqas ta’ provvista huwa mistenni li jkompli. Id-dejn tal-unitajiet domestiċi huwa għoli ħafna f’termini ta’ introjtu disponibbli u qed jiżdied filwaqt li s-self naqas kemxejn lejn l-aħħar tal-2022. L-assi finanzjarji tal-unitajiet domestiċi huma sostanzjali, l-unitajiet domestiċi bl-aktar dejn huma dawk bil-livell l-aktar għoli ta’ introjtu u ta’ ġid, u s-settur bankarju huwa sod, u dan kollu b’mod ġenerali jtaffi r-riskji makrofinanzjarji. L-isforzi ta’ politika addizzjonali, inkluż iż-żieda fl-adozzjoni u fl-implimentazzjoni ta’ miżuri riċenti u l-prijoritizzazzjoni tagħhom, inklużi taxxi rikorrenti biex tiżdied il-provvista ta’ art li tista’ tinbena, flimkien mar-riforma li għaddejja tal-ippjanar tal-użu tal-art, jistgħu jgħinu biex tingħata spinta lill-provvista tal-akkomodazzjoni, inkluż permezz tal-provvista ta’ akkomodazzjoni affordabbli u soċjali mmirata lejn dawk l-aktar fil-bżonn. L-effiċjenza tas-suq tal-kiri tista’ tittejjeb ukoll. Barra minn hekk, it-tnaqqis tad-deduċibbiltà tal-imgħax ipotekarju, li dan l-aħħar żdied b’mod sinifikanti, inaqqas l-inċentivi fiskali għas-self li jappoġġa l-prezzijiet għoljin tad-djar.

    (13)Fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat 13 , is-surplus tal-gvern estiż tal-Lussemburgu naqas minn 0,7 % tal-PDG fl-2021 għal 0,2 % fl-2022, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż żdied bi ftit minn 24,5 % tal-PDG fi tmiem l-2021 għal 24,6 % fi tmiem l-2022.

    (14)Il-bilanċ tal-gvern estiż intlaqat mill-miżuri ta’ politika fiskali adottati biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Fl-2022, miżuri bħal dawn li jnaqqsu d-dħul kienu jinkludu tnaqqis fit-taxxi fuq il-prodotti biex jitbaxxew il-prezzijiet tal-konsumatur għall-petrol, id-diżil u ż-żejt għat-tisħin b’7,5ct għal kull litru; filwaqt li miżuri bħal dawn li jżidu n-nefqa kienu jinkludu l-introduzzjoni ta’ kreditu ta’ taxxa fuq l-enerġija 14 , għajnuna għall-kumpaniji affettwati miż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u l-limitazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet tal-gass. Il-Kummissjoni tistma li l-ispiża baġitarja netta ta’ dawn il-miżuri hija ta’ 0,5 % tal-PDG fl-2022. Il-bilanċ tal-gvern estiż ġie affettwat ukoll mill-ispiża baġitarja tal-protezzjoni temporanja għall-persuni spostati mill-Ukrajna, li hija stmata għal 0,1 % tal-PDG fl-2022. Fl-istess ħin, l-ispiża stmata tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza tal-COVID-19 naqset għal 0,1 % tal-PDG fl-2022, minn 0,8 % fl-2021.

    (15)Fit-18 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill irrakkomanda li fl-2022 il-Lussemburgu 15 jsegwi pożizzjoni fiskali ta’ appoġġ, inkluż mill-impuls ipprovdut mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u jippreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali.

    (16)Skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali 16 fl-2022 kienet ta’ appoġġ
    (-0,9 % tal-PDG), kif irrakkomandat mill-Kunsill. Kif irrakkomandat mill-Kunsill, il-Lussemburgu kompla jappoġġa l-irkupru b’investimenti ffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE ammontat għal 0,1 % tal-PDG fl-2022 (0,1 % tal-PDG fl-2021). L-investiment iffinanzjat nazzjonalment ipprovda kontribuzzjoni newtrali għall-pożizzjoni fiskali 17 . Għalhekk, il-Lussemburgu ppreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali, kif irrakkomandat mill-Kunsill. Fl-istess waqt, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri ġodda ta’ dħul) pprovda kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 1,3 punt perċentwali għall-pożizzjoni fiskali. Din il-kontribuzzjoni espansjonarja sinifikanti kienet tinkludi l-impatt addizzjonali ta’ miżuri biex jiġi mitigat l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija (spiża baġitarja netta addizzjonali ta’ 0,5 % tal-PDG), kif ukoll l-ispejjeż biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lil persuni spostati mill-Ukrajna (0,1 % tal-PDG). Fl-istess ħin, is-sussidji, nefqa kurrenti oħra u l-konsum intermedju kkontribwew ukoll (0,3 % tal-PDG) għat-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja netta. Għalhekk, il-Lussemburgu ma żammx taħt kontroll biżżejjed it-tkabbir fin-nefqa kurrenti ffinanzjata fil-livell nazzjonali. Il-kontribuzzjoni espansjonarja sinifikanti tan-nefqa kurrenti ffinanzjata fil-livell nazzjonali kienet biss parzjalment minħabba l-miżuri biex jiġi indirizzat l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija kif ukoll l-ispejjeż biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna.

    (17)Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-proġettazzjonijiet baġitarji fil-Programm ta’ Stabbiltà huwa favorevoli fl-2023 u minn hemm ’il quddiem. Il-Gvern jipproġetta li l-PDG reali jikber bi 2,4 % fl-2023 u bi 3,8 % fl-2024. B’paragun ma’ dan, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta tkabbir tal-PDG reali aktar baxx ta’ 1,6 % fl-2023 u ta’ 2,4 % fl-2024, prinċipalment minħabba kontribuzzjonijiet ta’ tkabbir aktar baxxi mill-esportazzjonijiet netti fl-2023 u d-domanda domestika fl-2024 18 .

    (18)Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2023, il-gvern jistenna li l-bilanċ tal-gvern estiż se jiddeterjora għal proporzjon tad-defiċit ta’ 1,5 % tal-PDG fl-2023. Id-deterjorament fl-2023 jirrifletti prinċipalment miżuri addizzjonali li jappoġġaw l-introjtu tal-unitajiet domestiċi u korporattiv wara l-prezzijiet għoljin tal-enerġija u l-inflazzjoni. Skont il-Programm, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG huwa mistenni li jiżdied minn 24,6 % fi tmiem l-2022 għal 26,1 % fi tmiem l-2023. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 1,7 % tal-PDG għall-2023. Dan huwa kemxejn ogħla mid-defiċit ipproġettat fil-Programm ta’ Stabbiltà, prinċipalment minħabba dħul kemxejn aktar baxx mit-taxxa, skont it-tbassir tal-Kummissjoni. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjon simili tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG, ta’ 25,9 % fi tmiem l-2023. Id-differenza hija dovuta għal tkabbir nominali ogħla tal-PDG fl-2023, skont it-tbassir tal-Kummissjoni.

    (19)Il-bilanċ tal-gvern fl-2023 huwa mistenni li jkompli jiġi affettwat mill-miżuri adottati biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Dawn jikkonsistu f’miżuri estiżi mill-2022 (b’mod partikolari, il-limitazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet tal-gass billi jiġu ssussidjati l-ispejjeż tal-enerġija tal-unitajiet domestiċi u t-tariffi tan-network, l-istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet tal-elettriku permezz ta’ sussidji lill-unitajiet domestiċi, u miżuri ta’ appoġġ għan-negozji) u miżuri ġodda, bħal sussidji għall-provvista tat-tisħin permezz ta’ networks distrettwali u għal abitazzjonijiet kbar, kif ukoll sussidji għall-promozzjoni tal-awtokonsum permezz tal-elettriku fotovoltajku mill-kumpaniji. L-ispiża baġitarja netta tal-miżuri ta’ appoġġ hija pproġettata fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni għal 1,1 % tal-PDG fl-2023 19 . Xi miżuri fl-2023 huma mmirati lejn l-aktar unitajiet domestiċi jew ditti vulnerabbli, filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-miżuri ma jippreservawx is-sinjal tal-prezz biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija u tiżdied l-effiċjenza enerġetika. B’riżultat ta’ dan, l-ammont ta’ miżuri ta’ appoġġ immirati, li għandhom jitqiesu fil-valutazzjoni tal-konformità mar-rakkomandazzjoni fiskali għall-2023, huwa stmat fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni għal 0,6 % tal-PDG fl-2023 (meta mqabbel ma’ 0,4 % tal-PDG fl-2022).

    (20)Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill rrakkomanda 20 li l-Lussemburgu jieħu azzjoni biex jiżgura li fl-2023 it-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali jkun konformi ma’ pożizzjoni politika li kollox ma’ kollox hija newtrali 21 , b’kont meħud tal-appoġġ temporanju u mmirat li jibqa’ għaddej għall-unitajiet domestiċi u d-ditti li huma l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li jaħarbu mill-Ukrajna. Il-Lussemburgu jenħtieġ li jkun lest li jaġġusta l-infiq attwali f’sitwazzjoni li qiegħda tevolvi. Il-Lussemburgu kien irrakkomandat ukoll biex jespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li jqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi jagħmel użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni.

    (21)Fl-2023, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni li tkun espansjonarja (-1,5 % tal-PDG), fil-kuntest ta’ inflazzjoni għolja. Din issegwi l-pożizzjoni fiskali espansjonarja fl-2022 (-0,9 % tal-PDG). It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fuq livell nazzjonali (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonali) fl-2023 huwa pproġettat li se jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 1,3 punt perċentwali għall-pożizzjoni fiskali. Dan jinkludi ż-żieda fl-ispiża tal-miżuri ta’ appoġġ immirat għall-unitajiet domestiċi u għad-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija b’0,3 % tal-PDG. Il-kontribuzzjoni espansjonarja tan-nefqa kurrenti primarja netta ffinanzjata fuq livell nazzjonali hija għalhekk parzjalment dovuta biss għall-appoġġ immirat għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija. It-tkabbir espansjonarju fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fuq livell nazzjonali (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji) huwa xprunat ukoll minn, fost fatturi oħra, benefiċċji soċjali minbarra dawk in natura, sussidji relatati ma’ miżuri tal-enerġija mhux immirati, żidiet permanenti fil-pagi tas-settur pubbliku, kontribuzzjoni ta’ darba għall-baġit tal-UE, u t-tnaqqis fir-rati tal-VAT. B’kollox, it-tkabbir ipproġettat tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fuq livell nazzjonali mhuwiex konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE hija pproġettata li tammonta għal 0,2 % tal-PDG fl-2023, filwaqt li l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,1 punti perċentwali. Il-Lussemburgu qed jippjana li jiffinanzja investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, u huwa pproġettat li jippreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali 22 . Huwa jippjana li jiffinanzja l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħall-elettrifikazzjoni tat-trasport pubbliku, it-tisħiħ tan-network tat-tramm u tal-ferrovija, fond għall-klima u l-enerġija biex jappoġġa l-akkwist ta’ pannelli fotovoltajċi, id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi u s-sigurtà tal-komunikazzjoni diġitali (it-teknoloġija kwantistika), li huma parzjalment iffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE.

    (22)Skont il-Programm ta’ Stabbiltà, id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 1,7 % tal-PDG fl-2024. Iż-żieda fl-2024 tirrifletti prinċipalment l-estensjoni tal-miżuri ta’ appoġġ biex jipproteġu l-introjtu tal-unitajiet domestiċi u korporattiv kontra l-effetti taż-żieda fl-inflazzjoni. Il-programm jistenna li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż jiżdied għal 27,5 % fi tmiem l-2024. Fuq il-bażi tal-miżuri ta’ politika li jkunu magħrufin fid-data tal-għeluq tat-tbassir, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 1,5 % tal-PDG fl-2024. Dan huwa kemxejn aktar baxx mid-defiċit ipproġettat fil-programm, prinċipalment minħabba żieda iżgħar fil-kumpens tal-impjegati u t-trasferimenti soċjali, skont it-tbassir tal-Kummissjoni. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjon simili tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG, ta’ 27,0 % fi tmiem l-2024.

    (23)Il-Programm ta’ Stabbiltà jipprevedi l-estensjoni tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija sa tmiem l-2024. Il-Kummissjoni bħalissa tassumi li l-ispiża netta tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija hija ta’ 0,5 % tal-PDG fl-2024 23 , meta mqabbla ma’ 1,1 % tal-PDG fl-2023. Dawn l-istimi jiddependu fuq is-suppożizzjoni li ma jkunx hemm żidiet ġodda fil-prezzijiet tal-enerġija. Il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija li bħalissa huma ppjanati li jibqgħu fis-seħħ fl-2024 ma jidhrux li huma mmirati lejn unitajiet domestiċi jew ditti vulnerabbli. Ħafna minnhom ma jippreservawx bis-sħiħ is-sinjal tal-prezz biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija u tiżdied l-effiċjenza enerġetika.

    (24)Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 jitlob titjib annwali fil-bilanċ tal-baġit strutturali lejn l-objettiv ta’ terminu medju ta’ 0,5 % tal-PDG bħala punt ta’ riferiment 24 . Meta jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet tas-sostenibbiltà fiskali 25 , ikun xieraq titjib fil-bilanċ strutturali ta’ mill-inqas 0,3 % tal-PDG għall-2024. Sabiex jiġi żgurat titjib bħal dan, jenħtieġ li t-tkabbir fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali 26 fl-2024 ma jaqbiżx l-4,8 %, kif rifless f’din ir-rakkomandazzjoni. Fl-istess ħin, il-miżuri li jifdal ta’ appoġġ tal-enerġija (attwalment stmati mill-Kummissjoni għal 1,1% tal-PDG fl-2023) jenħtieġ li jitneħħew fl-2023, skont l-iżviluppi tas-suq tal-enerġija u jibdew mill-inqas miżuri mmirati, u jenħtieġ li t-tfaddil relatat jintuża biex inaqqas id-defiċit tal-gvern fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, u dan iwassal għal tkabbir fin-nefqa primarja netta li huwa anqas mir-rata ta’ tkabbir massimu rakkomandata għall-2024. Madankollu, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2023 mhuwiex konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Jekk dan jiġi kkonfermat, ikun xieraq li jkun hemm inqas tkabbir fin-nefqa primarja netta fl-2024.

    (25)Jekk wieħed jassumi li l-politiki ma jinbidlux, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta li n-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali tikber għal 2,9 % fl-2024, li hija anqas mir-rata ta’ tkabbir rakkomandata.

    (26)Skont il-programm, l-investiment tal-gvern huwa mistenni li jibqa’ stabbli għal 4,5 % tal-PDG fl-2023 u l-2024. Il-programm jirreferi għal riformi u investimenti, li huma mistennija jikkontribwixxu għal tkabbir sostenibbli u inklużiv. Dawn jinkludu investimenti biex jitrawmu t-tranżizzjonijiet tal-enerġija u dawk diġitali, li huma wkoll parti mill-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

    (27)Il-Programm ta’ Stabbiltà jiddeskrivi perkors fiskali fuq terminu medju sal-2027. Skont il-programm, id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos gradwalment għal 1,0 % tal-PDG fl-2025, u għal 0,8 % sal-2026, qabel jiżdied bi ftit għal 0,9 % fl-2027. Għalhekk, id-defiċit tal-gvern estiż hu ppjanat li jibqa’ taħt it-3 % tal-PDG matul il-perjodu tal-programm. Skont il-programm, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied minn 27,5 % fi tmiem l-2024 għal 29,0 % sa tmiem l-2027.

    (28)L-impatt tax-xejriet demografiċi fuq l-infiq pubbliku se jsir aktar akut fid-deċennji li ġejjin, billi l-għadd ta’ pensjonanti għal kull ħaddiem huwa mistenni jiżdied b’mod kostanti minħabba l-popolazzjoni li qed tixjieħ u t-tnaqqis fil-flussi ta’ migrazzjoni netti. F’xenarju ta’ ebda bidla fil-politika, il-Lussemburgu se jiffaċċja waħda mill-akbar żidiet fl-infiq tal-pensjonijiet bħala sehem tal-PDG, fejn huwa pproġettat li dan se jirdoppja għal madwar 18 % tal-PDG sal-2070, l-ogħla fl-UE. Dan se jwassal għal żieda sinifikanti fid-dejn pubbliku, li tpoġġi s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi f’riskju. Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ma jindirizzax is-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet. B’mod speċifiku, il-pjan ma jindirizzax l-effetti negattivi tal-iskemi ta’ rtirar bikri u l-inċentivi finanzjarji biex wieħed jitlaq mis-suq tax-xogħol kmieni, li jikkontribwixxu għal rata baxxa ta’ impjieg fost ħaddiema akbar fl-età. Iż-żieda fl-età effettiva tal-irtirar ikollha impatt makroekonomiku ta’ benefiċċju u l-potenzjal li jitnaqqas l-infiq fuq il-pensjonijiet, peress li rata ogħla ta’ ħaddiema akbar fl-età fl-impjieg tappoġġa t-tkabbir ekonomiku. Il-ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa fl-UE hija essenzjali biex: i) tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn id-ditti; ii) jiġi żgurat trattament ġust tal-kontribwenti; u iii) jiġu ssalvagwardjati l-finanzi pubbliċi. Il-Lussemburgu huwa ekonomija żgħira, miftuħa, b’settur finanzjarju internazzjonali kbir, li fil-biċċa l-kbira jispjega l-eżistenza ta’ flussi finanzjarji kbar. Madankollu, dawn il-flussi jirriflettu wkoll il-preżenza ta’ ħafna kumpaniji bi sjieda barranija fil-pajjiż, li huma involuti f’attivitajiet intragrupp tat-teżor. Punt partikolari ta’ tħassib huwa n-nuqqas ta’ taxxi minn ras il-għajn, jew miżuri ekwivalenti fuq pagamenti ta’ imgħax u royalties magħmula lil ġuriżdizzjonijiet b’taxxa baxxa jew żero lil hinn minn dawk il-pajjiżi inklużi fil-lista tal-UE ta’ ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx 27 . Il-pagamenti ’l barra ta’ mgħax u royalties minn kumpaniji bbażati fil-Lussemburgu għal ġuriżdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi jistgħu jkunu soġġetti għal ftit tassazzjoni jew l-ebda tassazzjoni jekk dawn il-pagamenti ma jiġux intaxxati jew intaxxati f’livell baxx fil-ġuriżdizzjoni riċeventi. Il-Lussemburgu ħa xi passi biex jiġġieled l-ippjanar aggressiv tat-taxxa. Madankollu, sa issa dawn il-miżuri ma kinux biżżejjed biex jindirizzaw dawk il-karatteristiċi tas-sistema tat-taxxa, li jistgħu jintużaw minn kumpaniji multinazzjonali biex jinvolvu ruħhom f’ippjanar aggressiv tat-taxxa.

    (29)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b) u l-kriterju 2.2 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investiment li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. L-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Lussemburgu għadha għaddejja. Il-Lussemburgu ppreżenta l-ewwel talba għall-pagament fit-28 ta’ Diċembru 2022, li tikkorrispondi għal 26 stadju importanti u miri fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill, għall-iżborż ta’ EUR 20 miljun fl-ambitu tal-faċilità għall-irkupru u r-reżiljenza. Il-Kummissjoni ppubblikat l-ewwel valutazzjoni preliminari pożittiva tagħha fit-28 ta’ April 2023. It-talba għall-pagament issa qed tiġi diskussa l-Kunsill. L-istadji importanti u l-miri kkonċernati jinkludu d-dħul fis-seħħ tar-riforma tal-“Patt ta’ Akkomodazzjoni 2.0”, bil-għan li żżid il-provvista ta’ akkomodazzjoni għall-kiri affordabbli offruta mill-muniċipalitajiet, investimenti għad-diġitalizzazzjoni tas-settur pubbliku għall-iżvilupp ta’ komunikazzjoni ultra sigura, it-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol bit-tnedija tal-programm “FutureSkills”, kif ukoll riforma għall-akkwist ta’ vetturi nodfa. Il-Lussemburgu ppreżenta emenda tal-pjan tiegħu fil-11 ta’ Novembru 2022, li ġie approvat mill-Kunsill fis-17 ta’ Jannar 2023. Il-Lussemburgu huwa mistenni jippreżenta kapitlu REPowerEU u diġà ddeċieda li jittrasferixxi 128,5 miljun EUR mir-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit (Brexit Adjustment Reserve, BAR) għall-RRF biex tiffinanzja l-implimentazzjoni tagħha. L-inklużjoni rapida tal-kapitolu l-ġdid tar-REPowerEU fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza se tippermetti l-finanzjament ta’riformi u investimenti addizzjonali b’appoġġ għall-objettivi strateġiċi tal-Lussemburgu fil-qasam tal-enerġija u t-tranżizzjoni ekoloġika. L-involviment sistematiku u effettiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, tas-sħab soċjali u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ importanti għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll ta’ politiki ekonomiċi u tal-impjiegi oħra li jmorru lil hinn mill-pjan, biex tiġi żgurata sjieda wiesgħa tal-aġenda ta’ politika ġenerali.

    (30)Il-Kummissjoni approvat id-dokumenti ta’ programmazzjoni kollha tal-politika ta’ koeżjoni tal-Lussemburgu fl-2022. It-tkomplija tal-implimentazzjoni rapida tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni f’komplementarjetà u sinerġija mal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija kruċjali biex tinkiseb it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, tiżdied ir-reżiljenza ekonomika u soċjali kif ukoll jinkiseb żvilupp territorjali bbilanċjat fil-Lussemburgu.

    (31)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, il-Lussemburgu jiffaċċja għadd ta’ sfidi addizzjonali, b’mod partikolari s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, li jirriżultaw prinċipalment mis-sistema tal-pensjonijiet, lakuni legali li jistgħu jintużaw minn intrapriżi multinazzjonali involuti fl-ippjanar aggressiv tat-taxxa, vulnerabbiltajiet relatati ma’ prezzijiet għoljin tad-djar u dejn għoli tal-unitajiet domestiċi, dgħufijiet fis-sistema tal-edukazzjoni li jżidu mal-inugwaljanza u kwistjonijiet relatati mal-politika tal-enerġija u t-tranżizzjoni ekoloġika, inklużi ostakli potenzjali għat-tranżizzjoni mill-fjuwils fossili u kwistjonijiet bin-network tat-trasport.

    (32)Il-ħiliet bażiċi u l-prestazzjoni ġenerali tal-istudenti jiddependu primarjament fuq l-isfond soċjoekonomiku u lingwistiku tagħhom. Il-livelli medji fl-għarfien u l-ħiliet ewlenin fl-età ta’ 15-il sena, kif imkejla mill-Programm tal-OECD għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (Programme for International Student Assessment, PISA), huma ferm aktar baxxi fil-Lussemburgu mill-medja tal-UE. Id-distakk bejn l-istudenti żvantaġġati u l-pari żvantaġġati tagħhom huwa akbar fil-Lussemburgu milli fi kwalunkwe pajjiż ieħor tal-UE. Is-sistema edukattiva ma tagħtix lill-istudenti kollha ħiliet bażiċi biżżejjed biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol tal-pajjiż. Il-lingwa mitkellma fis-sistema skolastika nazzjonali fil-livell primarju hija Lussemburgiża, filwaqt li l-istudenti jitgħallmu jaqraw u jiktbu bil-Ġermaniż. Is-suġġetti kollha (ħlief għall-Franċiż) jiġu mgħallma bil-Ġermaniż. Dan jikkostitwixxi domanda għolja ħafna għall-ħiliet lingwistiċi f’pajjiż fejn wieħed biss minn kull tliet studenti jitkellmu l-Lussemburgu bħala l-ewwel lingwa tagħhom. Is-sehem taż-żgħażagħ ta’ bejn it-18 u l-24 sena li telqu mill-edukazzjoni u t-taħriġ mingħajr ma lestew edukazzjoni sekondarja għolja żdied minn 6,3 % fl-2018 għal 8,2 % fl-2022. F’Settembru 2022, il-Lussemburgu nieda proġett pilota f’erba’ skejjel primarji, fejn l-istudenti jibdew jitgħallmu l-ewwel bil-Franċiż u mbagħad bil-Ġermaniż. Jekk jiġi estiż għal aktar skejjel, dan l-approċċ jista’ jgħin biex titjieb il-prestazzjoni tal-istudenti li l-ewwel lingwa tagħhom mhijiex il-Franċiż. Il-Lussemburgu żied ukoll il-provvista tiegħu ta’ skejjel internazzjonali pubbliċi: mill-2022/2023, 4 % tal-istudenti fil-livelli ta’ qabel il-primarja u tal-primarja huma rreġistrati f’dawn l-iskejjel, fejn jistgħu jagħżlu bejn l-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż bħala l-lingwa tat-tagħlim. Jekk din l-għażla ta’ tagħlim permezz ta’ lingwa ewlenija waħda tiġi estiża biex tkopri parti akbar tal-popolazzjoni skolastika, din tista’ ttejjeb b’mod sostanzjali l-possibbiltajiet tal-istudenti li jiksbu riżultati ta’ tagħlim aħjar.

    (33)Is-sistema tal-enerġija tal-Lussemburgu hija kkaratterizzata minn dipendenza għolja fuq l-importazzjoni u fuq il-fjuwils fossili. Il-pajjiż huwa importatur nett kbira tal-enerġija. Huwa kważi kompletament dipendenti fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija primarja, b’rata ta’ dipendenza ta’ 92 % fl-2021. Iż-żejt ipprovda 69 % tat-taħlita tal-enerġija tal-Lussemburgu, u l-gass naturali 18 %, filwaqt li 12 % kienet ġejja minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, u laħaq kapaċità ta’ 572 MW fl-2022. Il-Lussemburgu ma jimporta l-ebda żejt mir-Russja. Fir-rigward tal-gass, id-dipendenza fuq ir-Russja hija limitata billi kważi 100 % tal-gass ikkunsmat fil-Lussemburgu ġie importat minn pipelines mill-Belġju u mill-Ġermanja li joriġinaw min-Norveġja u min-Netherlands. Il-konsum ta’ gass naturali tal-Lussemburgu naqas b’26 % fil-perjodu Awwissu 2022-Marzu 2023, meta mqabbel mal-konsum medju tal-gass matul l-istess perjodu fil-ħames snin preċedenti, lil hinn mill-mira ta’ tnaqqis ta’ 15 %. Il-Lussemburgu jista’ jkompli jagħmel sforzi biex inaqqas id-domanda tal-gass temporanjament sal-31 ta’ Marzu 2024 28 .

    (34)Filwaqt li l-Lussemburgu huwa interkonness f’termini kemm tal-enerġija kif ukoll tal-gass, se jkun meħtieġ aktar investiment b’antiċipazzjoni taż-żieda fil-ġenerazzjoni rinnovabbli u fid-domanda għall-enerġija. Il-Lussemburgu għandu jindirizza l-isfida ta’ provvista insuffiċjenti ta’ akkomodazzjoni filwaqt li jilħaq il-miri tiegħu dwar l-enerġija u l-klima. Hemm ukoll il-ħtieġa li jiġi rinnovat l-istokk tal-bini eżistenti. B’20,8 % tal-potenzjal totali tal-iffrankar tal-enerġija (f’termini ta’ GWh), is-settur tal-bini residenzjali u tar-rinnovazzjoni jirrappreżenta t-tieni l-akbar sors ta’ potenzjal kumulattiv għall-iffrankar tal-enerġija sal-2030. Madwar 89 % tal-istokk tal-bini residenzjali juża sistemi tat-tisħin ibbażati fuq il-fjuwils fossili (żejt għat-tisħin u gass naturali). Il-muniċipalitajiet se jkollhom rwol ewlieni f’dan ir-rigward. Il-konġestjoni tat-traffiku fit-toroq hija ta’ piż fuq l-ekonomija u fuq is-sostenibbiltà ambjentali, filwaqt li t-trasport jammonta għal sehem sinifikanti tal-konsum taż-żejt u għal 59 % tal-emissjonijiet totali ta’ gassijiet serra, li jitqabbel ma’ medja tal-UE ta’ 24 % fl-2019. Filwaqt li l-Lussemburgu adotta xi miżuri rilevanti biex itejjeb il-mobilità sostenibbli, interventi addizzjonali u aktar immirati jgħinu sostanzjalment biex jitnaqqsu d-dipendenza fuq iż-żejt u l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Dan huwa rifless fl-NECP tal-Lussemburgu, li jistabbilixxi mira ta’ 40 % ta’ vetturi elettriċi u vetturi plug-in għall-flotta tal-vetturi sal-2030. Il-Lussemburgu stabbilixxa għalih innifsu l-mira li jsir newtrali għall-klima sal-2050. Fis-snin riċenti, għamel progress konsiderevoli dwar l-enerġiji rinnovabbli iżda jibqa’ wieħed mill-Istati Membri bl-iktar sehem baxx. Se jkunu meħtieġa aktar żidiet fl-ambizzjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u żieda fl-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika għal-Lussemburgu biex jilħaq il-miri tal-enerġija tiegħu għall-2030 – li jikseb 25 % ta’ enerġija mis-sorsi rinnovabbli u jnaqqas il-konsum finali tal-enerġija b’40 % sa 44 % meta mqabbel mal-2007.

    (35)In-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet fis-setturi u l-okkupazzjonijiet ewlenin għat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluż il-manifattura, l-użu u l-manutenzjoni tat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti, qed joħolqu ostakli fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b’emissjonijiet żero netti. Sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja li jirrispondu għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu u miżuri mmirati ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid huma kruċjali biex jitnaqqas in-nuqqas ta’ ħiliet u jiġu promossi l-inklużjoni u r-riallokazzjoni tax-xogħol. Biex tiġi sfruttata l-provvista tax-xogħol mhux sfruttata, dawn il-miżuri jeħtieġ li jkunu aċċessibbli, b’mod partikolari għall-individwi u fis-setturi l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika. Il-Lussemburgu żied l-isforzi tiegħu biex itejjeb il-ħiliet u jħarreġ mill-ġdid lill-ħaddiema fis-setturi li qed jonqsu u jittrasformaw. Madankollu, in-nuqqas ta’ ħaddiema jippersisti f’xi okkupazzjonijiet, inklużi l-maniġers tal-politika u tal-ippjanar. Dan huwa ostaklu possibbli fit-tranżizzjoni ekoloġika u fl-implimentazzjoni tar-REPowerEU.

    (36)Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 u l-opinjoni tiegħu 29 hija riflessa fir-Rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

    (37)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex (i) jippreservaw is-sostenibbiltà tad-dejn u joqogħdu lura minn appoġġ fuq bażi wiesgħa għad-domanda aggregata fl-2023, jimmiraw aħjar il-miżuri fiskali meħuda biex itaffu l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija u jirriflettu dwar modi xierqa biex jitnaqqas l-appoġġ hekk kif jonqsu l-pressjonijiet tal-prezzijiet tal-enerġija; (ii) isostnu investiment pubbliku għoli u jippromwovu l-investiment privat biex jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali; (iii) jappoġġaw l-iżviluppi fil-pagi li jtaffu t-telf fil-kapaċità tal-akkwist filwaqt li jillimitaw l-effetti sekondarji fuq l-inflazzjoni, ikomplu jtejbu l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol u jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħiliet; (iv) itejbu l-ambjent tan-negozju u jiżguraw li l-appoġġ għall-enerġija lill-kumpaniji jkun kosteffettiv, temporanju, immirat lejn ditti vijabbli u li jżomm l-inċentivi għat-tranżizzjoni ekoloġika; u (v) jippreservaw l-istabbiltà makrofinanzjarja u jimmonitorjaw ir-riskji filwaqt li jkomplu jaħdmu fuq it-tlestija tal-Unjoni Bankarja. Għal-Lussemburgu, ir-Rakkomandazzjonijiet (1), (2) u (4) jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro. 

    B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Lussemburgu jieħu azzjoni fl-2023 u l-2024 biex:

    1.Inaqqas il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija fis-seħħ sa tmiem l-2023, bl-użu tal-iffrankar relatat biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern. F’każ li żidiet ġodda fil-prezzijiet tal-enerġija jwasslu għall-ħtieġa ta’ miżuri ta’ appoġġ, jiżgura li dawn ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, fiskalment affordabbli, u li jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija.

    Jiżgura politika fiskali prudenti, b’mod partikolari billi jillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2024 għal mhux aktar minn 4,8 %.

    Jippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u jiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet tal-RRF u fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari biex jitrawmu t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

    Għall-perjodu lil hinn mill-2024, ikompli jsegwi strateġija fiskali fuq terminu medju ta’ konsolidazzjoni gradwali u sostenibbli, flimkien ma’ investimenti u riformi li jwasslu għal tkabbir sostenibbli ogħla, biex tinkiseb pożizzjoni fiskali prudenti fuq terminu medju.

    Inaqqas ir-riskji relatati mas-suq tal-akkomodazzjoni, b’mod partikolari billi jnaqqas id-deduċibbiltà tal-imgħax ipotekarju, u billi jieħu miżuri biex tiżdied il-provvista ta’ art li tista’ tinbena.. Itejjeb is-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet, b’mod partikolari billi jillimita l-irtirar kmieni u billi jżid ir-rata ta’ impjieg ta’ ħaddiema akbar fl-età. Iżid l-azzjoni biex jindirizza b’mod effettiv l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, b’mod partikolari billi jiżgura tassazzjoni suffiċjenti ta’ pagamenti ’l barra ta’ mgħax u royalties għal ġuriżdizzjonijiet b’taxxa żero/baxxa.

    2.Jipproċedi bl-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza rivedut tiegħu u jiffinalizza malajr il-kapitolu REPowerEU bil-għan li jibda l-implimentazzjoni tiegħu malajr. Jipproċedi bl-implimentazzjoni rapida tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni f’komplementarjetà u sinerġija mal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

    3.Ittejjeb il-prestazzjoni tas-sistema edukattiva skolastika u jippromwovi opportunitajiet indaqs għall-istudenti kollha, b’mod partikolari billi jadatta t-tagħlim għall-ħtiġijiet ta’ studenti żvantaġġati u dawk minn sfondi lingwistiċi varji.

    4.Inaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili billi jaċċellera l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, il-kapaċità ta’ trażmissjoni tal-elettriku, jħaffef il-proċeduri għall-ħruġ tal-permessi u jinvesti fl-effiċjenza enerġetika kemm fis-settur residenzjali kif ukoll f’dak mhux residenzjali. Jappoġġa lill-muniċipalitajiet fl-iżvilupp ta’ pjanijiet lokali dettaljati għall-użu tal-enerġija rinnovabbli, inklużi l-enerġija mir-riħ u l-fotovoltajċi, u għas-sistemi tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali. Jippromwovi aktar l-elettrifikazzjoni tat-trasport u jinvesti fin-networks u l-infrastruttura tat-trasport pubbliku. Iżid l-isforzi ta’ politika mmirati lejn il-forniment u l-akkwist tal-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
    (2)    ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
    (3)    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).
    (4)    COM(2022) 780 final.
    (5)    COM(2023) 62 final.
    (6)    COM(2023) 168 final.
    (7)    Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1).
    (8)    COM(2023) 141 final.
    (9)    COM(2022) 583 final.
    (10)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal-Lussemburgu (ST 10155/21; ST 10155/21 ADD 1).
    (11)    SWD(2023) 616 final.
    (12)    SWD(2023) 638 final.
    (13)    Eurostat-Euro Indicators, 47/2023, 21.4.2023
    (14)    Il-krediti tat-taxxa pagabbli jistgħu jaqbżu l-obbligazzjoni tat-taxxa u jaffettwaw lil dawk li mhumiex kontribwenti kif ukoll lill-kontribwenti; għalhekk, huma kklassifikati bħala nefqa fil-kontijiet nazzjonali (ESA 2010, l-Artikoli 20.167 u 20.168).
    (15)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021 li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2021 tal-Lussemburgu, ĠU C 304, 16.2021, p. 73.
    (16)    Għaldaqstant, il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala l-bidla fin-nefqa primarja (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonali), bl-esklużjoni tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19 iżda inkluża n-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (l-għotjiet) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, apparagun tat-tkabbir potenzjali fuq terminu medju. Għal aktar dettalji ara l-Kaxxa 1 fit-Tabelli Statistiċi Fiskali.
    (17)    Nefqa kapitali oħra ffinanzjata fil-livell nazzjonali pprovdiet kontribuzzjoni restrittiva ta’ 0,4 punti perċentwali tal-PDG, minħabba tnaqqis fi “Trasferimenti kapitali oħra” prinċipalment relatati mat-tneħħija gradwali tal-appoġġ għan-negozju u tal-assistenza għall-irkupru fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 (Fond għall-irkupru u s-solidarjetà għan-negozji).
    (18)    Għall-PDG nominali l-istampa hija kemxejn differenti; il-Programm ta’ Stabbiltà jipprevedi rati ta’ tkabbir nominali tal-PDG ta’ 4,7 % fl-2023 u ta’ 6,0 % fl-2024, filwaqt li t-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta rata ogħla ta’ 7,1 % fl-2023, u rata komparabbli ta’ 5,9 % fl-2024.
    (19)    Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-ispiża baġitarja annwali ta’ dawk il-miżuri, inkluż id-dħul u n-nefqa kurrenti kif ukoll, fejn rilevanti, il-miżuri tan-nefqa kapitali.
    (20)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Lussemburgu u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Lussemburgu tal-2022, ĠU C 334, 01.09.2022, p. 128.
    (21)    Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni, it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju (medja ta’ 10 snin) tal-Lussemburgu, li jintuża għall-kejl tal-pożizzjoni fiskali, huwa stmat għal 7,8 % f’termini nominali.
    (22)    Nefqa kapitali oħra ffinanzjata fil-livell nazzjonali hija pproġettata li tipprovdi kontribuzzjoni newtrali għall-PDG.
    (23)    Id-definizzjoni tal-Kummissjoni ta’ miżuri tal-enerġija tinkludi biss miżuri ta’ politika fiskali li jaffettwaw direttament il-prezzijiet tal-enerġija jew jipprovdu appoġġ temporanju għall-introjtu għall-konsum tal-enerġija. Il-miżuri ġenerali ta’ appoġġ għall-inflazzjoni mhumiex ikklassifikati bħala miżuri tal-enerġija, u dan jispjega differenza fl-ispiża baġitarja stmata tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija bejn il-Programm ta’ Stabbiltà u t-tbassir tal-Kummissjoni.
    (24)    Ara l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, li jirrikjedi wkoll aġġustament ta’ aktar minn 0,5 % tal-PDG għall-Istati Membri b’dejn tal-gvern li jaqbeż is-60 % tal-PDG, jew b’riskji aktar evidenti għas-sostenibbiltà tad-dejn.
    (25)    Il-Kummissjoni stmat li l-Lussemburgu jkun jeħtieġ bilanċ primarju strutturali stabbli biex jiżgura li d-dejn tal-gvern jinżamm f’livelli prudenti fit-terminu medju. Din l-istima kienet ibbażata fuq it-tbassir tal-ħarifa 2022 tal-Kummissjoni. Il-punt tat-tluq għal din l-istima kien id-defiċit u d-dejn ipproġettati tal-gvern għall-2024 li assumew l-irtirar tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija fl-2024.
    (26)    In-nefqa primarja netta hija definita bħala nefqa netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji u bl-esklużjoni tan-nefqa fuq l-imgħax kif ukoll in-nefqa ċiklika fuq il-qgħad.
    (27)    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 ta’ Frar 2022 dwar il-lista riveduta tal-UE ta’ ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa, ĠU C 103/01, 3.2.2022, p. 1.
    (28)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369 u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/706
    (29)    Skont l-Artikoli 5(2) u 9(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.
    Top