Escolha as funcionalidades experimentais que pretende experimentar

Este documento é um excerto do sítio EUR-Lex

Documento 52023DC0601

    Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 tal-Belġju u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 tal-Belġju

    COM/2023/601 final

    Brussell, 24.5.2023

    COM(2023) 601 final

    Rakkomandazzjoni għal

    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 tal-Belġju u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 tal-Belġju

    {SWD(2023) 600 final} - {SWD(2023) 601 final}


    Rakkomandazzjoni għal

    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 tal-Belġju u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 tal-Belġju

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 , li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi sostenn finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jinvolvi impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, hija tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u soċjali u għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-UE u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal kull Stat Membru permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ġiet aġġornata fit-30 ta’ Ġunju 2022, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241.

    (2)Fit-22 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2023 3 , li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2023 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-istħarriġ madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva fit-23 ta’ Marzu 2023. Fit-22 ta’ Novembru 2022, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija 2023, li fih ma identifikatx lill-Belġju bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat minn żbilanċi, u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll opinjoni dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju tal-2023 tal-Belġju. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro, li l-Kunsill adotta fis-16 ta’ Mejju 2023 kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2023 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li l-Kunsill adotta fit-13 ta’ Marzu 2023.

    (3)Filwaqt li l-ekonomiji tal-UE qed juru reżiljenza notevoli, il-kuntest ġeopolitiku għad għandu impatt negattiv. Billi l-UE tappoġġa bis-sħiħ lill-Ukrajna, l-aġenda tal-politika ekonomika u soċjali tal-UE hija ffukata fuq it-tnaqqis tal-impatt negattiv tax-xokkijiet tal-enerġija kemm fuq l-unitajiet domestiċi u l-kumpaniji vulnerabbli fuq terminu qasir, kif ukoll fuq iż-żamma tal-isforzi biex titwettaq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, jiġi appoġġat it-tkabbir sostenibbli u inklużiv, tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà makroekonomika u tiżdied ir-reżiljenza fit-terminu medju. Hija tiffoka ħafna wkoll fuq iż-żieda fil-kompetittività u l-produttività tal-UE.

    (4)Fl-1 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni ħarġet il-Komunikazzjoni Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti 4 biex tagħti spinta lill-kompetittività tal-industrija b’emissjonijiet żero netti tal-UE u tappoġġa t-tranżizzjoni rapida lejn in-newtralità klimatika. Il-pjan jikkomplementa l-isforzi li għaddejjin bil-Patt Ekoloġiku Ewropew u r-REPowerEU. Dan għandu l-għan li jipprovdi ambjent aktar ta’ appoġġ biex tiżdied il-kapaċità tal-manifattura tal-UE għat-teknoloġiji u l-prodotti b’emissjonijiet żero netti meħtieġa biex jintlaħqu l-miri klimatiċi ambizzjużi tal-UE, kif ukoll jiġi żgurat l-aċċess għal materja prima kritika rilevanti, inkluż billi jiġi diversifikat l-akkwist, jiġu sfruttati kif xieraq ir-riżorsi ġeoloġiċi fl-Istati Membri u jiġi massimizzat ir-riċiklaġġ tal-materja prima. Il-pjan huwa msejjes fuq erba’ pilastri: ambjent regolatorju prevedibbli u simplifikat, li jħaffef l-aċċess għall-finanzi, itejjeb il-ħiliet, u jiftaħ il-kummerċ għal ktajjen tal-provvista reżiljenti. Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet ukoll il-Komunikazzjoni Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030 5 , strutturata fuq disa’ muturi li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku u l-objettiv li ssir ħidma lejn qafas regolatorju li jsaħħaħ it-tkabbir. Din tistabbilixxi prijoritajiet ta’ politika mmirati biex jiżguraw b’mod attiv titjib strutturali, investimenti ffukati sew u miżuri regolatorji għall-kompetittività fit-tul tal-UE u l-Istati Membri tagħha. Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt jgħinu biex jiġu indirizzati dawk il-prijoritajiet.

    (5)Fl-2023, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż kollha jew subsett sinifikanti minnhom maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020 u l-2022 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

    (6)Ir-Regolament REPowerEU 6 adottat fis-27 ta’ Frar 2023 għandu l-għan li jelimina malajr id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. Dan se jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jżid l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. Ir-Regolament jippermetti lill-Istati Membri jżidu kapitolu ġdid tar-REPowerEU mal-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza biex jiffinanzjaw riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU. Dawn se jgħinu wkoll biex jagħtu spinta lill-kompetittività tal-industrija b’emissjonijiet żero netti tal-UE kif deskritt fil-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti u biex jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż relatati mal-enerġija maħruġa lill-Istati Membri fl-2022 u, fejn applikabbli, fl-2023. Ir-Regolament REPowerEU jintroduċi kategorija ġdida ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, li ssir disponibbli għall-Istati Membri biex jiffinanzjaw riformi u investimenti ġodda relatati mal-enerġija skont il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom.

    (7)Fit-8 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li tipprovdi gwida għall-politika fiskali għall-2024. Din għandha l-għan li tappoġġa t-tħejjija tal-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza tal-Istati Membri u b’hekk issaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politika 7 . Il-Kummissjoni fakkret li l-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir se tiġi diżattivata fi tmiem l-2023. Appellat għal politiki fiskali fl-2023-2024 li jiżguraw is-sostenibbiltà tad-dejn fuq terminu medju kif ukoll iżidu t-tkabbir potenzjali b’mod sostenibbli. L-Istati Membri ġew mistiedna jistabbilixxu fil-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza tagħhom tal-2023 kif il-pjanijiet fiskali tagħhom se jiżguraw li l-valur referenzjarju tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG jiġi aderit kif ukoll it-tnaqqis tad-dejn plawżibbli u kontinwu, jew biex id-dejn jinżamm f’livelli prudenti fit-terminu medju. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri jeliminaw gradwalment il-miżuri fiskali nazzjonali introdotti biex jipproteġu lill-unitajiet domestiċi u lid-ditti mix-xokk tal-prezz tal-enerġija, u jibdew bl-inqas miżuri mmirati. Indikat li, jekk il-miżuri ta’ appoġġ ikollhom bżonn jiġu estiżi minħabba t-tiġdid tal-pressjonijiet tal-prezzijiet tal-enerġija, jenħtieġ li l-Istati Membri jimmiraw dawn il-miżuri ħafna aħjar milli fil-passat lejn unitajiet domestiċi u ditti vulnerabbli. Il-Kummissjoni pproponiet li r-rakkomandazzjonijiet fiskali jkunu kwantifikati u differenzjati u fformulati fuq il-bażi tan-nefqa primarja netta kif propost fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE 8 . Irrakkomandat li l-Istati Membri kollha jenħtieġ li jkomplu jipproteġu l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali u jiżguraw l-użu effettiv tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u ta’ fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari fid-dawl tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tal-objettivi ta’ reżiljenza. Il-Kummissjoni indikat li se tipproponi lill-Kunsill biex jiftaħ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit fir-rebbiegħa tal-2024 fuq il-bażi tad-data tal-eżitu għall-2023, f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti.

    (8)Fis-26 ta’ April 2023, il-Kummissjoni ppreżentat proposti leġiżlattivi biex timplimenta riforma komprensiva tar-regoli ta’ governanza ekonomika tal-UE. L-objettiv ċentrali tal-proposti huwa li tissaħħaħ is-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u jiġi promoss it-tkabbir sostenibbli u inklużiv fl-Istati Membri kollha permezz ta’ riformi u investiment. Il-proposti għandhom l-għan li jipprovdu lill-Istati Membri b’aktar kontroll fuq it-tfassil tal-pjanijiet tagħhom fuq perjodu ta’ żmien medju, filwaqt li jistabbilixxu reġim ta’ infurzar aktar strett biex jiżguraw li l-Istati Membri jwettqu l-impenji li jieħdu fil-pjanijiet fiskali-strutturali tagħhom fuq perjodu ta’ żmien medju. L-objettiv huwa li tiġi konkluża l-ħidma leġiżlattiva fl-2023.

    (9)Fit-30 ta’ April 2021, il-Belġju ppreżenta l-pjan tiegħu għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fit-13 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Belġju 9 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li l-Belġju laħaq b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.

    (10)Fit-30 ta’ April 2023, il-Belġju ppreżenta l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tiegħu tal-2023 u, fit-30 ta’ April 2023, il-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2023, f’konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati flimkien. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Belġju dwar il-progress li sar fl-ilħiq tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha.

    (11)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2023 għall-Belġju 10 fl-24 ta’ Mejju 2023. Dan ivvaluta l-progress tal-Belġju fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2022 u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Belġju. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Belġju fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

    (12)Fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat 11 , id-defiċit tal-gvern estiż tal-Belġju naqas minn 5,5 % tal-PDG fl-2021 għal 3,9 % fl-2022, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 109,1 % tal-PDG fi tmiem l-2021 għal 105,1 % fi tmiem l-2022. Fl-[24 ta’ Mejju] 2023, il-Kummissjoni ppubblikat rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE 12 ; ir-rapport iddiskuta l-qagħda baġitarja tal-Belġju, billi fl-2022 id-defiċit tal-gvern estiż tiegħu qabeż il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG stabbilit fit-Trattat. Ir-rapport ikkonkluda li l-kriterju tad-defiċit ma ġiex issodisfat. F’konformità mal-Komunikazzjoni tat-8 ta’ Marzu 2023 13 , il-Kummissjoni ma pproponietx li tiftaħ proċeduri ġodda ta’ defiċit eċċessiv fir-rebbiegħa tal-2023; minflok, il-Kummissjoni ddikjarat li tipproponi lill-Kunsill biex jiftaħ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit fir-rebbiegħa tal-2024 fuq il-bażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Jenħtieġ li l-Belġju jqis dan fl-eżekuzzjoni tal-baġit tiegħu għall-2023 u fit-tħejjija tal-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju għall-2024.

    (13)Il-bilanċ tal-gvern estiż intlaqat mill-miżuri ta’ politika fiskali adottati biex itaffu l-impatti ekonomiċi u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Fl-2022, tali miżuri li jnaqqsu d-dħul kienu jinkludu tnaqqis fid-dazji tas-sisa fuq il-fjuwil tal-petrol u tnaqqis tal-VAT fuq kuntratti tal-elettriku u l-gass residenzjali; filwaqt li tali miżuri li jżidu n-nefqa kienu jinkludu kopertura estiża tat-tariffa soċjali fuq il-prodotti tal-enerġija għal unitajiet domestiċi vulnerabbli, trasferimenti tal-introjtu ġenerali lill-unitajiet domestiċi direttament permezz tal-kontijiet tal-enerġija tal-gass u tal-elettriku tagħhom (“pakkett tal-enerġija”), trasferimenti ta’ somma f’daqqa allokati (għal dawk l-unitajiet domestiċi li jużaw żejt għat-tisħin, propan, butan, jew fjuwil tal-gerbub), u appoġġ dirett biex jgħinu lill-kumpaniji jiffaċċjaw kostijiet tal-enerġija li qed jiżdiedu. Il-kost ta’ dawn il-miżuri kien parzjalment ikkumpensat minn taxxi ġodda fuq profitti mhux mistennija tal-produtturi u l-fornituri tal-enerġija, jiġifieri fuq is-setturi tal-elettriku u taż-żejt. Il-Kummissjoni tistma li l-kost baġitarju nett ta’ dawn il-miżuri huwa ta’ 0,9 % tal-PDG fl-2022. Il-bilanċ tal-gvern estiż ġie affettwat ukoll mill-kost baġitarju tal-protezzjoni temporanja għall-persuni spostati mill-Ukrajna, li huwa stmat għal 0,1 % tal-PDG fl-2022. Fl-istess ħin, il-kost stmat tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza tal-COVID-19 naqas għal 0,5 % tal-PDG fl-2022, minn 3 % fl-2021.

    (14)Fit-18 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill irrakkomanda li fl-2022 il-Belġju 14 juża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jiffinanzja investiment addizzjonali b’appoġġ għall-irkupru, filwaqt li jsegwi politika fiskali prudenti. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Belġju jippreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali.

    (15)Skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali 15 fl-2022 kienet espansjonarja, fil-livell ta’ -2 % tal-PDG. Kif irrakkomandat mill-Kunsill, il-Belġju kompla jappoġġa l-irkupru b’investimenti li għandhom jiġu ffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE ammontat għal 0,2 % tal-PDG fl-2022 (0,2 % tal-PDG fl-2021). L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali pprovda kontribuzzjoni newtrali għall-pożizzjoni fiskali 16 . Għaldaqstant, il-Belġju ppreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali, kif irrakkomandat mill-Kunsill. Fl-istess ħin, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata min-nazzjon (nett minn miżuri ġodda ta’ dħul) ipprovda kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 1,9 punt perċentwali għall-pożizzjoni fiskali.

    Din il-kontribuzzjoni espansjonarja sinifikanti inkludiet l-impatt addizzjonali tal-miżuri tal-politika fiskali biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija (kost baġitarju addizzjonali ta’ 0,8 % tal-PDG meta mqabbel mal-2021) kif ukoll il-kostijiet biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna (0,1 % tal-PDG). Fl-istess ħin, iż-żieda fin-nefqa kurrenti, xprunata b’mod partikolari mill-indiċjar awtomatiku tal-benefiċċji soċjali u l-pagi tas-settur pubbliku u nefqa kurrenti oħra li qed tiżdied strutturalment (b’mod partikolari li tirrifletti t-tixjiħ demografiku) ikkontribwiet ukoll għat-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja netta. B’hekk, il-kontribuzzjoni espansjonarja sinifikanti ta’ nefqa kurrenti ffinanzjata fil-livell nazzjonali kienet parzjalment dovuta biss għall-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, kif ukoll il-kostijiet biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna. Għaldaqstant, il-Belġju ma llimitax biżżejjed it-tkabbir fin-nefqa kurrenti ffinanzjata fil-livell nazzjonali.

    (16)Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-proġettazzjonijiet baġitarji fil-Programm ta’ Stabbiltà huwa realistiku fl-2023 u minn hemm ’il quddiem. Il-Gvern jipproġetta li l-PDG reali jikber b’1 % fl-2023 u b’1,7 % fl-2024. B’paragun ma’ dan, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta tkabbir tal-PDG reali, ta’ 1,2 % fl-2023 u ta’ 1,4 % fl-2024.

    (17)Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2023, il-Gvern jistenna li l-proporzjon tad-defiċit tal-gvern estiż se jiżdied għal 5,1 % tal-PDG fl-2023. Iż-żieda fl-2023 tirrifletti prinċipalment iż-żieda fl-infiq kurrenti permanenti (notevolment minħabba l-indiċjar awtomatiku tal-benefiċċji soċjali u l-pagi pubbliċi kif ukoll it-tixjiħ demografiku), l-impatt baġitarju ta’ tnaqqis temporanju fil-kontribuzzjonijiet soċjali tad-ditti matul l-ewwel nofs tal-2023, u riforma li żżid id-defiċit tat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija residenzjali. Skont il-Programm, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied minn 105,1 % fi tmiem l-2022 għal 106,7 % fi tmiem l-2023. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 5 % tal-PDG għall-2023. Dan huwa konformi mad-defiċit ipproġettat fil-Programm ta’ Stabbiltà. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjon kemxejn aktar baxx tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG, ta’ 106 % fi tmiem l-2023. Id-differenza hija dovuta għal PDG nominali pproġettat kemxejn ogħla fl-2023 fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni.

    (18)Il-bilanċ tal-gvern fl-2023 huwa mistenni li jkompli jintlaqat mill-miżuri ta’ politika fiskali adottati biex itaffu l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Dawn jikkonsistu f’miżuri estiżi mill-2022, b’mod partikolari tnaqqis fid-dazji tas-sisa fuq il-fjuwil tal-petrol u tnaqqis tal-VAT fuq kuntratti tal-elettriku u l-gass residenzjali; estensjoni tal-kopertura tat-tariffa soċjali fuq il-prodotti tal-enerġija, trasferimenti tal-introjtu ġenerali lill-unitajiet domestiċi permezz tal-kontijiet tal-enerġija tal-gass u tal-elettriku tagħhom (“pakkett tal-enerġija”), trasferimenti ta’ somma f’daqqa allokati (għal dawk l-unitajiet domestiċi li jużaw sorsi oħra għat-tisħin għajr il-gass u l-elettriku), u appoġġ dirett biex jgħinu lill-kumpaniji jiffaċċjaw kostijiet tal-enerġija li qed jiżdiedu.

    Il-kost ta’ dawn il-miżuri għadu parzjalment ikkumpensat mit-taxxi fuq il-profitti mhux mistennija tal-fornituri tal-enerġija, jiġifieri mit-taxxi fuq is-setturi tal-elettriku u taż-żejt, li ilhom fis-seħħ mill-2022, u minn taxxa fl-2023 fuq operatur ta’ sistema ta’ network internazzjonali tal-gass (Fluxys). Meta jitqies dan id-dħul, il-kost baġitarju nett tal-miżuri ta’ appoġġ huwa pproġettat fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni għal 0,4 % tal-PDG fl-2023 17 .

    Il-biċċa l-kbira tal-miżuri fl-2023 ma jidhrux li huma mmirati lejn l-unitajiet domestiċi jew id-ditti l-aktar vulnerabbli, għalkemm ħafna minnhom jippreservaw is-sinjal tal-prezz biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija u tiżdied l-effiċjenza enerġetika. B’riżultat ta’ dan, l-ammont ta’ miżuri ta’ appoġġ immirati, li għandhom jitqiesu fil-valutazzjoni tal-konformità mar-rakkomandazzjoni fiskali għall-2023, huwa stmat fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni fil-livell ta’ 0,1 % tal-PDG fl-2023 (meta mqabbel maż-0,2 % tal-PDG fl-2022). Il-kost baġitarju tal-protezzjoni temporanja għall-persuni spostati mill-Ukrajna huwa pproġettat li jibqa’ stabbli meta mqabbel mal-2022. Fl-aħħar nett, il-bilanċ tal-gvern tal-2023 huwa mistenni li jibbenefika mit-tneħħija gradwali tal-miżuri ta’ emerġenza temporanji tal-COVID-19 ta’ 0,5 % tal-PDG.

    (19)Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda 18 li l-Belġju jiżgura politika fiskali prudenti fl-2023, b’mod partikolari billi jillimita t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata nazzjonalment għal taħt it-tkabbir potenzjali tal-output fuq terminu medju 19 , filwaqt li jqis l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu għall-unitajiet domestiċi u għad-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-Belġju jkun lest li jaġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Il-Belġju qiegħed ukoll jiġu rrakkomandat jespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi jagħmel użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni.

    (20)Fl-2023, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata fit-tbassir ta-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni li tkun espansjonarja (-1,1 % tal-PDG), fil-kuntest ta’ inflazzjoni għolja. Dan isegwi l-pożizzjoni fiskali espansjonarja fl-2022 (-2 % tal-PDG). It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (nett minn miżuri diskrezzjonarji ta’ dħul) fl-2023 huwa pproġettat li jipprovdi kontribut espansjonarju ta’ 0,7 % tal-GDP għall-pożizzjoni fiskali. Dan jinkludi l-kost imnaqqas tal-miżuri ta’ appoġġ immirati għall-unitajiet domestiċi u għad-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija b’0,1 % tal-PDG.

    Għaldaqstant, it-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali li taqbeż it-tkabbir potenzjali tal‑output fuq terminu medju mhuwiex dovut għall-appoġġ immirat għall-unitajiet domestiċi u għad-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. It-tkabbir espansjonarju fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (nett minn miżuri diskrezzjonarji ta’ dħul) huwa xprunat ukoll minn żidiet permanenti fil-pagi u l-benefiċċji soċjali tas-settur pubbliku (minħabba l-indiċjar tal-pagi u l-benefiċċji soċjali tas-settur pubbliku), għal żieda strutturali fin-nefqa kurrenti li tirriżulta mit-tixjiħ demografiku, għal riforma tat-tassazzjoni tal-kuntratti tal-enerġija residenzjali, u għal tnaqqis temporanju fil-kontribuzzjonijiet soċjali tad-ditti matul l-ewwel nofs tal-2023. Fil-qosor, it-tkabbir ipproġettat tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali mhuwiex konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

    In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE hija pproġettata li tammonta għal 0,3 % tal-PDG fl-2023, filwaqt li l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,1 punti perċentwali 20 . Għaldaqstant, il-Belġju jippjana li jiffinanzja investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, u jippjana wkoll li jippreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali. Huwa jippjana li jiffinanzja l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħal proġetti ta’ investiment fir-rinnovazzjoni tal-bini, il-mobilità sostenibbli u d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-enerġija, u investimenti ewlenin biex titħaffef it-tranżizzjoni diġitali (inklużi id-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, il-promozzjoni tal-inklużjoni diġitali, u t-tisħiħ taċ-ċibersigurtà) li huma ffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE.

    (21)Skont il-Programm ta’ Stabbiltà, id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos gradwalment għal 4,2 % tal-PDG fl-2024. It-tnaqqis fl-2024 jirrifletti wkoll l-irtirar ta’ miżuri ta’ appoġġ temporanji li ġew adottati fil-kuntest taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Il-programm jistenna li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż jiżdied għal 107,1 % fi tmiem l-2024. Fuq il-bażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 4,7 % tal-PDG fl-2024. Dan huwa ogħla mid-defiċit ipproġettat fil-programm, prinċipalment minħabba miżuri li jnaqqsu d-defiċit li għadhom mhumiex speċifikati fil-Programm li jammontaw għal 0,2 % tal-PDG (u għaldaqstant ma tqisux fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni) u minħabba proġezzjoni inqas favorevoli tad-dħul tal-gvern, b’mod partikolari fir-rigward tat-taxxi korporattivi. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjon simili tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG, ta’ 107,3 % fi tmiem l-2024.

    (22)Il-Programm ta’ Stabbiltà jipprevedi t-tneħħija gradwali tal-miżuri kollha ta’ appoġġ għall-enerġija fl-2024. Il-Kummissjoni bħalissa qed tassumi wkoll it-tneħħija gradwali sħiħa tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija fl-2024. Dan jiddependi fuq is-suppożizzjoni li ma jkunx hemm żidiet ġodda fil-prezzijiet tal-enerġija.

    (23)Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 jitlob titjib annwali fil-bilanċ tal-baġit strutturali lejn l-objettiv ta’ terminu medju b’0,5 % tal-PDG bħala punt ta’ riferiment 21 . Meta jitqiesu konsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà fiskali 22 u l-ħtieġa li d-defiċit jitnaqqas għal taħt il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PDG, ikun xieraq li jkun hemm titjib fil-bilanċ strutturali ta’ mill-inqas 0,7 % tal-PDG għall-2024. Biex jiġi żgurat tali titjib, jenħtieġ li t-tkabbir fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fuq livell nazzjonali 23 fl-2024 ma jaqbiżx it-2 %, kif rifless f’din ir-rakkomandazzjoni.

    Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija li fadal (attwalment stmati mill-Kummissjoni għal 0,4 % tal-PDG fl-2023) jitneħħew gradwalment, skont l-iżviluppi tas-suq tal-enerġija u nibdew minn dawk li huma l-inqas immirati, u jenħtieġ li l-iffrankar relatat jintuża biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern.

    Barra minn hekk, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2023 mhuwiex konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Jekk dan jiġi kkonfermat, ikun xieraq li jkun hemm inqas tkabbir fin-nefqa primarja netta fl-2024.

    (24)Jekk wieħed jassumi li l-politiki ma nbidlux, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta li n-nefqa primarja netta fil-livell nazzjonali tikber bi 2,7 % fl-2024, li hija ogħla mir-rata ta’ tkabbir rakkomandata.

    (25)Skont il-programm, l-investiment tal-gvern huwa mistenni li jiżdied minn 2,9 % tal-PDG fl-2023 għal 3,1 % tal-PDG fl-2024. L-investiment ogħla jirrifletti investiment ogħla ffinanzjat fil-livell nazzjonali u investiment iffinanzjat mill-UE, jiġifieri permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Il-Programm jirreferi għal riformi u investimenti, li huma mistennija jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà fiskali u għat-tkabbir sostenibbli u inklużiv. Dawn jinkludu proġett għal riforma fiskali tas-sistema tat-taxxa u tal-benefiċċji bil-għan li tingħata spinta lill-impjiegi u lill-attività ekonomika, biex b’hekk titrawwem is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, u riforma tal-pensjonijiet (kif previst fil-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza) biex tittejjeb is-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistema tal-pensjonijiet. Barra minn hekk, il-Pjan għandu l-għan li jżid l-isforzi biex isaħħaħ l-investiment pubbliku bil-ħsieb li jħaffef it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

    (26)Il-Programm ta’ Stabbiltà jiddeskrivi perkors fiskali fuq terminu medju sal-2026. Skont il-programm, id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos gradwalment għal 3,3 % tal-PDG fl-2025, u għal 2,9 % sal-2026. Għaldaqstant, id-defiċit tal-gvern estiż huwa ppjanat li jinżel taħt it-3 % tal-PDG fl-2026. Skont il-programm, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied minn 107,1 % fi tmiem l-2024 għal 107,8 % fi tmiem l-2026.

    (27)Il-Belġju qed jiffaċċja sfidi sostanzjali ta’ sostenibbiltà fiskali. Dawn jirrigwardaw kemm il-livell għoli ta’ dejn tal-gvern kif ukoll id-deterjorament mistenni, taħt politiki mhux mibdula, tal-impatt tan-nefqa relatata mat-tixjiħ fuq il-finanzi pubbliċi fid-dawl ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ b’mod rapidu. Fir-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2021 tal-Kummissjoni, in-nefqa relatata mat-tixjiħ hija pproġettata li tiżdied bi 3,6 punti perċentwali tal-PDG sal-2040 u b’5,4 punti perċentwali tal-PDG sal-2070, l-aktar minħabba n-nefqa fuq il-pensjonijiet u l-kura fit-tul. In-nefqa fuq il-pensjonijiet hija pproġettata li tiżdied bi 3 punti perċentwali tal-PDG matul l-2019-2070, meta mqabbla ma’ medja ta’ 0,1 punti perċentwali tal-PDG fiż-Żona tal-Euro. Fil-każ tal-Belġju, il-biċċa l-kbira taż-żieda proġettata tkun diġà seħħet sal-2040, meta n-nefqa fuq il-pensjonijiet tiżdied b’2,7 punti perċentwali tal-PDG għal 14,9 % tal-PDG. Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Belġju jinkludi riforma tal-pensjonijiet li għandha l-għan li tgħin biex tiġi indirizzata din l-isfida, flimkien ma’ objettivi oħra bħat-titjib tas-sostenibbiltà soċjali tas-sistema, l-inċentivar tan-nies biex jibqgħu attivi fis-suq tax-xogħol wara li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-irtirar bikri u l-iżgurar ta’ konverġenza akbar bejn is-sistemi tal-pensjonijiet u fihom. Fir-rigward tal-kura fit-tul, l-infiq pubbliku ammonta għal 2,2 % tal-PDG fl-2019 (medja tal-UE ta’ 1,7 %), li għamel lill-Belġju wieħed mill-pajjiżi bl-ogħla infiq fuq il-kura fit-tul fl-UE. Sal-2070, in-nefqa fuq il-kura fit-tul hija pproġettata li tkompli tiżdied sa 4,3 % tal-PDG fix-xenarju bażi. Madankollu, dawk il-kostijiet jistgħu jiżdiedu sa 6,0 % tal-PDG fl-aktar xenarji negattivi 24 . L-evidenza tindika possibbiltà ta’ użu żejjed ta’ kura residenzjali u istituzzjonalizzazzjoni mhux meħtieġa jew prematura ta’ persuni anzjani. Id-data disponibbli tindika li l-għadd ta’ persuni anzjani li jitqiegħdu bla bżonn jew tal-anqas b’mod prematur f’faċilità ta’ kura residenzjali għadu għoli, għalkemm ilu jonqos f’dawn l-aħħar snin. B’mod partikolari, id-data indikat li s-sehem ta’ individwi affettwati minn din il-kwistjoni kien għoli fi Brussell u fil-Wallonia. Ir-riformi biex jittejjeb l-użu kosteffiċjenti tal-ambjenti differenti tal-kura, b’mod partikolari biex tiġi evitata u mdewma l-istituzzjonalizzazzjoni mhux meħtieġa jew prematura, inbdew mill-entitajiet federati, li lilhom ġiet devoluta r-responsabbiltà għall-kura fit-tul mill-2019. Madankollu, dawn ma jiffokawx biżżejjed fuq l-indirizzar tal-isfida tas-sostenibbiltà fiskali.

    (28)Minkejja r-riformi reċenti, il-porzjon ta’ taxxa (il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u t-tassazzjoni tal-introjtu mix-xogħol) fil-Belġju għadu ferm ogħla mill-medja tal-UE fil-livelli kollha tal-pagi, ħlief għall-ħaddiema b’paga baxxa ħafna (50 % tal-medja), u dan jista’ joħloq diżinċentivi għax-xogħol. Ġew introdotti xi miżuri biex jiżdied l-introjtu nett tal-ħaddiema b’paga baxxa, bħall-bonus tal-impjiegi (Flanders) u l-benefiċċji relatati max-xogħol għall-persuni qiegħda fit-tul jew għall-mobilità interreġjonali (federali). Madankollu, dawn il-miżuri jkomplu jżidu wkoll ir-rata tat-taxxa marġinali għolja għall-ħaddiema b’introjtu medju inferjuri (“nassa tal-pagi baxxi”), li tista’ tiskoraġġixxi l-investimenti fit-tagħlim tul il-ħajja kif ukoll iżżid l-għadd ta’ sigħat maħduma. Il-benefiċċji tal-qgħad huma illimitati fiż-żmien u mhux soġġetti għal test tal-mezzi għall-persuni qiegħda fit-tul. Barra minn hekk, diversi benefiċċji soċjali mhux fi flus huma marbuta mal-istatus tal-qgħad tal-benefiċjarji, li jistgħu jikkontribwixxu għall-inattività eżistenti, għall-qgħad u għan-nases tal-pagi baxxi. Rieżami wiesa’ tas-sistema tal-benefiċċji jtejjeb it-trasparenza f’termini ta’ inċentivi tax-xogħol u jista’ jikkontribwixxi biex tiżdied l-effettività tal-politiki ta’ attivazzjoni.

    (29)L-użu estensiv tan-nefqa tat-taxxa, parzjalment biex ikun ta’ kontrobilanċ għar-rati għoljin tat-taxxa, joħloq ineffiċjenzi u għandu t-tendenza li jiffavorixxi ċerti tipi ta’ remunerazzjoni u spejjeż. Dan iwassal għal distorsjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Skemi speċjali, bħal vawċers għall-ikel, sussidji għall-ivvjaġġar lejn ix-xogħol u lura jew eżenzjoni mit-taxxa minn ras l-għajn għas-sahra, xogħol ta’ riċerka u żvilupp u xogħol billejl/bix-xift huma għaljin għall-baġit u nstab li joħolqu ineffiċjenzi. Xi tnaqqis tat-taxxa fuq l-introjtu personali (pereż. tnaqqis għal vawċers ta’ servizz) jibbenefika b’mod sproporzjonat lil dawk li jaqilgħu introjtu għoli. Għad hemm inċentivi tat-taxxa għall-investimenti fil-proprjetà immobbli fil-livell federali (valuri katastali li jissottovalutaw l-introjtu reali mill-kera, it-tnaqqis tal-imgħax għal self sekondarju għall-akkomodazzjoni) u l-livell reġjonali (“chèque-habitat” fil-Wallonia). Dawn ifixklu l-allokazzjoni tar-riżorsi u potenzjalment jiġġeneraw investiment żejjed ikkawżat mit-taxxa f’ċerti tipi ta’ assi. Żdiedu s-sussidji relatati mat-taxxa li jagħmlu ħsara lill-ambjent. It-tnaqqis tar-rata tal-VAT fuq l-elettriku u l-gass għall-kuntratti residenzjali, filwaqt li jipprovdi appoġġ domestiku, ikompli jiffavorixxi l-fjuwils fossili fit-tul u jiskoraġġixxi aktar diversifikazzjoni u ffrankar tal-enerġija. Fid-dawl ta’ żieda fil-konġestjoni tat-traffiku u kwistjonijiet ta’ tniġġis tal-arja, it-taxxi fuq it-trasport u t-taxxi fuq it-tniġġis għadhom jidhru li mhumiex użati biżżejjed. Ir-riforma usa’ tat-taxxa, li l-gvern qed jippjana li jdaħħalha gradwalment sal-2024, hija mistennija – jekk tiġi adottata u implimentata – li tnaqqas il-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol u li tnaqqas uħud mid-distorsjonijiet.

    (30)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b) u l-kriterju 2.2 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. L-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Belġju tinsab għaddejja, iżda b’riskju akbar ta’ dewmien. Il-Belġju għadu ma ppreżentax talba għall-pagament. Se tkun meħtieġa governanza effettiva biex tippermetti implimentazzjoni rapida u kostanti. Il-pjan huwa mistenni li jiġi rivedut fl-2023, biex jinkludi fost l-oħrajn kapitolu REPowerEU, filwaqt li titqies ir-reviżjoni ’l isfel tal-allokazzjoni massima tal-għotja tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza lill-Belġju. L-inklużjoni rapida tal-kapitolu REPowerEU il-ġdid fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza se tippermetti riformi u investimenti addizzjonali li għandhom jiġu ffinanzjati b’appoġġ għall-objettivi strateġiċi tal-Belġju fil-qasam tal-enerġija u t-tranżizzjoni ekoloġika. F’konformità mal-Artikolu 14(6) tar-Regolament (UE) 2021/241, fil-31 ta’ Marzu 2023, il-Belġju esprima l-intenzjoni tiegħu li jitlob EUR 1 024 900 000 ta’ appoġġ ta’ self addizzjonali bil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-involviment sistematiku u effettiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, tas-sħab soċjali u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ importanti għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll ta’ politiki ekonomiċi u tal-impjiegi oħra li jmorru lil hinn mill-pjan, biex tiġi żgurata sjieda wiesgħa tal-aġenda ta’ politika ġenerali.

    (31)Il-Kummissjoni approvat id-dokumenti kollha ta’ programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni tal-Belġju fl-2022, minbarra d-dokument ta’ programmazzjoni tal-politika rigward l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għar-Reġjun ta’ Brussell Kapitali, li ġie adottat fl-2023. It-tkomplija tal-implimentazzjoni rapida tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni f’komplementarjetà u sinerġija mal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija kruċjali biex tinkiseb it-tranżizzjonijiet ekoloġika u diġitali, tiżdied ir-reżiljenza ekonomika u soċjali, kif ukoll żvilupp territorjali bbilanċjat fil-Belġju.

    (32)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, il-Belġju qed jiffaċċja għadd ta’ sfidi addizzjonali relatati mas-suq tax-xogħol, mas-sistema edukattiva, mal-politika tal-enerġija u mat-tranżizzjoni ekoloġika tiegħu. Ir-rata tal-postijiet tax-xogħol battala fil-Belġju bħalissa hija waħda mill-ogħla fl-UE u l-impjegaturi qed isibuha dejjem aktar diffiċli biex jimpjegaw impjegati bil-ħiliet it-tajba. Madankollu, id-disparitajiet reġjonali fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol huma sinifikanti. In-nuqqas ta’ ħaddiema huwa għoli kemm f’okkupazzjonijiet tas-sengħa ta’ livell baxx kif ukoll f’dawk ta’ livell għoli b’nuqqasijiet f’diversi setturi, inklużi t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, l-impjiegi professjonali, tekniċi u xjentifiċi, l-ospitalità u l-kura tas-saħħa. L-għadd ta’ gradwati, speċjalment nisa, fix-xjenza, fit-teknoloġija, fl-inġinerija u fil-matematika (science, technology, engineering and mathematics, STEM) għadu baxx u s-sehem tagħhom qed jiżdied biss bil-mod, minkejja pjanijiet ta’ azzjoni STEM iddedikati. In-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet huwa spjegat ukoll minn parteċipazzjoni baxxa fit-tagħlim għall-adulti. L-inċentivi attwali għat-tagħlim għall-adulti jistgħu ma jilħqux lil dawk b’livell baxx ta’ edukazzjoni, li t-titjib tal-ħiliet jista’ joffri opportunitajiet ta’ impjieg aħjar għalihom. Sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja li jirrispondu għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu u miżuri mmirati ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid huma kruċjali biex jitnaqqas in-nuqqas ta’ ħiliet u jiġu promossi l-inklużjoni u r-riallokazzjoni tax-xogħol. L-indirizzar tan-nuqqas ta’ ħaddiema u l-ispariġġ fil-ħiliet huwa lieva essenzjali biex tiġi ffaċċjata t-trasformazzjoni diġitali u tiġi permessa t-tranżizzjoni ekoloġika, kif ukoll biex jintlaħqu l-miri ewlenin tal-UE għall-2030 dwar l-impjiegi u l-ħiliet.

    (33)Minbarra t-tnaqqis fid-diżinċentivi tax-xogħol mis-sistema ta’ taxxa u benefiċċji, miżuri aktar effettivi u mmirati ta’ attivazzjoni jistgħu jgħinu biex jiġi sfruttat il-potenzjal tax-xogħol kbir mhux sfruttat u biex jittaffa n-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet li qiegħed jikber. Gruppi żvantaġġati, inklużi persuni b’livell baxx ta’ edukazzjoni, sfond ta’ migrazzjoni jew b’diżabilità, huma inqas integrati fis-suq tax-xogħol. Hemm rata ta’ tranżizzjoni baxxa bħala medja mill-qgħad jew l-inattività għall-impjieg. Dan jindika li għad hemm lok biex tissaħħaħ l-effettività tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, b’mod partikolari b’evalwazzjonijiet aktar sistematiċi u perkorsi integrati għall-persuni li qed ifittxu impjieg li jiffaċċjaw diversi ostakli biex isibu impjieg. Se jkun meħtieġ ukoll li jiġu segwiti politiki biex tingħata spinta lir-riintegrazzjoni tal-ħaddiema fuq liv minħabba mard fit-tul, b’mod partikolari minħabba l-eżawriment u d-dipressjoni (25 % tal-każijiet), li issa jaqbżu bil-kbir l-għadd ta’ persuni qiegħda, biex tiżdied aktar ir-rata tal-impjiegi.

    (34)Fi-rigward ta’ nuqqasijiet ta’ ħaddiema u ta’ spariġġi fil-ħiliet, hemm tħassib dwar il-prestazzjoni, l-inklużività u l-ekwità tas-sistema edukattiva, anki fl-isfond tal-infiq pubbliku għoli fuq l-edukazzjoni. Id-distakk fir-riżultati edukattivi huwa marbut mill-qrib mal-isfond soċjoekonomiku u ta’ migrazzjoni tal-istudenti u huwa fost l-akbar fl-UE, li jwassal għal inugwaljanzi fl-edukazzjoni. Iż-żieda tar-rilevanza għas-suq tax-xogħol u l-attraenza tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali se tkun kruċjali. It-tisħiħ tal-professjoni tat-tagħlim billi jiġi pprovdut taħriġ aħjar tal-għalliema u żvilupp professjonali kontinwu, u billi jiġu żviluppati perkorsi ta’ karriera aktar flessibbli u attraenti, jgħin biex jitnaqqas in-nuqqas dejjem jikber ta’ għalliema kwalifikati, li jirriskja li jkompli jżid l-inugwaljanzi edukattivi eżistenti. Dan l-aħħar ittieħdu jew huma ppjanati xi passi biex tissaħħaħ il-professjoni tat-tagħlim. Se jkun essenzjali li jsir monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri u l-impatt tagħhom.

    (35)Madwar 70 % tal-konsum gross intern tal-enerġija tal-Belġju huwa kopert mill-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili. Fl-2021, iż-żejt ipprovda 45 % tat-taħlita tal-enerġija tal-Belġju u l-gass naturali ipprovda 23 %. Il-konsum tal-gass naturali fil-Belġju naqas bi 15 % fil-perjodu bejn Awwissu 2022 u Marzu 2023, meta mqabbel mal-konsum medju tal-gass matul l-istess perjodu fil-ħames snin preċedenti, f’konformità mal-mira ta’ tnaqqis ta’ 15 %. Il-Belġju jista’ jkompli bl-isforzi tiegħu biex inaqqas temporanjament id-domanda għall-gass sal-31 ta’ Marzu 2024 25 . L-enerġija rinnovabbli kienet tammonta għal 13 % biss tal-konsum finali tal-enerġija fl-2021. Il-Belġju se jkollu bżonn iżid b’mod sinifikanti l-mira tal-enerġija rinnovabbli tiegħu sal-2030, li bħalissa hija ta’ 17,5 % u li hija meqjusa bħala mhux ambizzjuża fil-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-2020, biex jirrifletti l-objettivi aktar ambizzjużi tal-UE. Sabiex jintlaħaq it-tnaqqis ippjanat tal-enerġija nukleari u ż-żieda mbassra fid-domanda għall-elettriku, jeħtieġ li jiżdiedu b’mod sinifikanti l-effiċjenza fl-enerġija u s-sehem tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli. Madankollu, l-iżvilupp ta’ proġetti eoliċi fuq l-art u l-espansjoni relatata tal-grilja tal-elettriku għadhom imxekkla serjament minn aċċettazzjoni pubblika baxxa u minn dewmien twil relatat ma’ proċeduri ta’ għoti ta’ permessi, b’mod partikolari minħabba proċeduri ta’ appell ripetittivi u twal. Jistgħu jittieħdu passi ulterjuri biex jitħaffef l-iskjerament tal-enerġija eolika fuq l-art u r-rinfurzar relatat tal-grilja. Il-ġestjoni tat-territorju u rieżami tar-regoli tad-distanza minima tat-turbini eoliċi mill-ajruporti, ir-radars u ż-żoni militari jistgħu jilliberaw aktar spazju għall-enerġija eolika. Barra minn hekk, l-għoti ta’ permessi jista’ jsir aktar faċli billi l-proġetti tal-infrastruttura eolika u tal-grilja jingħataw l-istatus ta’ interess pubbliku prevalenti u jitħaffef l-ipproċessar tal-appelli. Il-parteċipazzjoni tal-muniċipalitajiet u ċ-ċittadini fi proġetti ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli tista’ żżid l-aċċettabbiltà lokali. L-espansjoni tal-enerġija solari fuq il-bjut (kemm installazzjonijiet fuq skala żgħira kif ukoll fuq skala kbira) tista’ tiġi stimulata aktar billi jiġu adottati riformi li jipprevedu rekwiżiti vinkolanti għal bini pubbliku u kummerċjali kbir, inċentivi għas-sidien, u oqfsa legali li jiffaċilitaw il-kondiviżjoni tal-enerġija. Barra minn hekk, jistgħu jiġu promossi l-awtokonsum u l-flessibbiltà min-naħa tad-domanda. L-iżvilupp proattiv ta’ pjanijiet ta’ investiment fin-network tal-elettriku aktar integrati u konsistenti fuq 10 snin jista’ jevita dewmien fil-konnessjoni ta’ proġetti ġodda tal-enerġija eolika (u sorsi rinnovabbli oħra) kif ukoll utenti finali (pompi tas-sħana, punti tal-iċċarġjar għall-karozzi elettriċi), u jenħtieġ li jantiċipa ż-żieda mistennija fil-konsum tal-elettriku industrijali.

    (36)Aktar riformi ta’ politika u investimenti addizzjonali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fis-setturi tal-enerġija, tal-industrija, tal-bini u tat-trasport jgħinu biex titnaqqas id-dipendenza għolja b’mod globali tal-Belġju fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili. It-titjib fl-effiċjenza enerġetika fl-industrija jista’ jiġi inċentivat billi jittejbu l-ftehimiet volontarji, jiġu introdotti pjanijiet ta’ ffrankar tal-enerġija u ta’ dekarbonizzazzjoni għall-akbar utenti tal-fjuwils fossili, jiġu stimulati l-elettrifikazzjoni u l-użu ta’ pompi tas-sħana industrijali u jiġu integrati aktar il-metodi ta’ produzzjoni ċirkolari. Il-Belġju qed jirriskja li ma jilħaqx il-miri tiegħu għar-rinnovazzjoni u l-effiċjenza fl-enerġija għall-2030. L-isfida tat-tnaqqis tal-konsum tal-fjuwils fossili fil-bini għadha konsiderevoli. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-investiment attwali fir-rinnovazzjonijiet tal-enerġija jkomplu jiżdiedu u jiġu kkomplementati b’riformi ta’ politika bħal projbizzjoni fuq il-fjuwils fossili f’binjiet ġodda, rinnovazzjonijiet obbligatorji effiċjenti fl-enerġija, l-eliminazzjoni gradwali tat-tisħin ibbażat fuq il-fjuwils fossili u ċ-ċaqliq ta’ inċentivi lejn soluzzjonijiet ta’ tisħin b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju bħall-pompi tas-sħana u n-networks tas-sħana fornuti b’enerġija rkuprata u rinnovabbli. Jenħtieġ li dan ikun akkumpanjat mill-adattament tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-ħiliet tekniċi ekoloġiċi emerġenti rilevanti u l-iżgurar ta’ biżżejjed speċjalisti tekniċi suffiċjenti u b’ħiliet xierqa u ħaddiema tal-kostruzzjoni. Fit-trasport, is-sehem għoli tal-użu tal-karozzi privati jirrappreżenta parti kbira mill-konsum taż-żejt fil-Belġju. Il-promozzjoni ta’ “mobilità mhux motorizzata” (pereżempju, iċ-ċikliżmu, il-mobilità kondiviża) u l-użu tat-trasport pubbliku jgħinu biex jitnaqqas l-użu ta’ karozzi privati, flimkien mal-kostijiet tal-konġestjoni tat-toroq. Fl-2022, iċ-ċikliżmu żdied bħala metodu ta’ vjaġġar lejn ix-xogħol u lura, b’mod partikolari fi Flanders u fi Brussell, bis-saħħa ta’ investimenti kontinwi fl-infrastruttura taċ-ċikliżmu, inizjattivi ta’ promozzjoni u inċentivi mmirati. Madankollu, għad hemm lok biex din il-forma ta’ mobilità mhux motorizzata tiġi mħeġġa aktar permezz ta’ investimenti fl-infrastruttura taċ-ċikliżmu u fis-sikurezza fit-toroq għaċ-ċiklisti. L-użu tat-trasport pubbliku għadu ma rkuprax kompletament wara l-kriżi tal-COVID-19 u jista’ jiġi promoss aktar permezz ta’ titjib fis-servizzi suburbani u interurbani, investimenti fit-tiġdid tal-flotta u żieda fil-frekwenza tas-servizzi.

    (37)In-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet fis-setturi u l-okkupazzjonijiet ewlenin għat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluż il-manifattura, il-varar u l-manutenzjoni ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti, qed joħolqu ostakli fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b’emissjonijiet żero netti. Sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja li jirrispondu għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu u miżuri mmirati ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid huma kruċjali biex jitnaqqas in-nuqqas ta’ ħiliet u jiġu promossi l-inklużjoni u r-riallokazzjoni tax-xogħol. Biex tiġi sfruttata l-provvista tax-xogħol mhux sfruttata, dawn il-miżuri jeħtieġ li jkunu aċċessibbli, b’mod partikolari għall-individwi u fis-setturi u r-reġjuni l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika. Fl-2022, ġew irrapportati nuqqasijiet ta’ ħaddiema għal diversi okkupazzjonijiet li jeħtieġu ħiliet jew għarfien ekoloġiċi speċifiċi, inklużi funzjonijiet tal-inġinerija ċivili u operaturi tal-impjanti tal-enerġija.

    (38)Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 u l-opinjoni tiegħu 26 hija riflessa fir-Rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

    (39)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex (i) jippreservaw is-sostenibbiltà tad-dejn u joqogħdu lura minn appoġġ wiesa’ għad-domanda aggregata fl-2023, jimmiraw aħjar il-miżuri fiskali meħuda biex jittaffa l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija u jirriflettu dwar modi xierqa biex jitnaqqas l-appoġġ hekk kif jonqsu l-pressjonijiet tal-prezzijiet tal-enerġija; (ii) isostnu investiment pubbliku għoli u jippromwovu l-investiment privat biex jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali; (iii) jappoġġaw l-iżviluppi fil-pagi li jtaffu t-telf fil-kapaċità tal-akkwist filwaqt li jillimitaw l-effetti sekondarji fuq l-inflazzjoni, ikomplu jtejbu l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol u jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħiliet; (iv) itejbu l-ambjent tan-negozju u jiżguraw li l-appoġġ għall-enerġija lill-kumpaniji jkun kosteffettiv, temporanju, immirat lejn ditti vijabbli u li jżomm l-inċentivi għat-tranżizzjoni ekoloġika; u (v) jippreservaw listabbiltà makrofinanzjarja u jagħmlu monitoraġġ tar-riskji filwaqt li jkomplu jaħdmu biex jikkompletaw l-Unjoni Bankarja. Għall-Belġju, ir-Rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (4) jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni u t-tielet rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Eeuro.

    B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Belġju jieħu azzjoni fl-2023 u fl-2024 biex:

    1.Inaqqas il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija fis-seħħ sa tmiem l-2023, bl-użu tal-iffrankar relatat biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern. Jekk iż-żidiet imġedda fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu jeħtieġu miżuri ta’ appoġġ, jiżgura li dawn ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli, u jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija.

    Jiżgura politika fiskali prudenti, b’mod partikolari billi jillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2024 għal mhux aktar minn 2 %.

    Jippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u jiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet tal-RRF u fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari biex irawwem it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

    Għall-perjodu lil hinn mill-2024, ikompli jsegwi strateġija fiskali fuq terminu medju ta’ konsolidazzjoni gradwali u sostenibbli, flimkien ma’ investimenti u riformi li jwasslu għal tkabbir sostenibbli ogħla, biex tinkiseb pożizzjoni fiskali prudenti fuq terminu medju.

    Isaħħaħ l-isforzi tiegħu biex ittejjeb l-effiċjenza tal-kura fit-tul. Isegwi r-riforma tas-sistemi tat-tassazzjoni u tal-benefiċċji biex jitnaqqsu d-diżinċentivi għax-xogħol billi jċaqlaq il-piż tat-taxxa minn fuq ix-xogħol u billi jissimplifika s-sistema tat-taxxa u tal-benefiċċji. Jirrieżamina n-nefqiet tat-taxxa biex inaqqas l-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali tagħhom li jagħmel ħsara.

    2.Jiżgura governanza effettiva li tippermetti implimentazzjoni rapida u kostanti tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha. Jiffinalizza malajr il-kapitolu REPowerEU bil-ħsieb li tibda l-implimentazzjoni tiegħu b’mod rapidu. Ikompli bl-implimentazzjoni rapida tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, f’komplementarjetà u sinerġija mill-qrib mal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

    3.Jindirizza n-nuqqas ta’ ħaddiema u n-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet, b’mod partikolari billi jsaħħaħ il-politiki ta’ attivazzjoni biex il-gruppi żvantaġġati jiġu integrati fis-suq tax-xogħol. Itejjeb il-prestazzjoni u l-ekwità tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u jkompli r-riformi biex isaħħaħ il-professjoni tat-tagħlim.

    4.Inaqqas id-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili billi jżid it-titjib fl-effiċjenza enerġetika u t-tnaqqis fl-użu tal-fjuwils fossili fil-bini, billi jistimula aktar id-dekarbonizzazzjoni tal-industrija u billi jippromwovi l-użu u l-provvista tat-trasport pubbliku kif ukoll il-mobilità mhux motorizzata. Jaċċellera l-użu tal-enerġiji rinnovabbli u l-infrastruttura tal-grilja relatata billi jissimplifika aktar il-proċeduri għall-għoti ta’ permessi inkluż billi jnaqqas it-tul tal-proċeduri ta’ appell, u billi jadotta oqfsa legali biex ikompli jagħti spinta lill-investimenti fl-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli u jiffaċilita l-kondiviżjoni tal-enerġija. Iżid l-isforzi ta’ politika mmirati lejn il-forniment u l-akkwist tal-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
    (2)    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).
    (3)    COM(2022) 780 final.
    (4)    COM(2023) 62 final.
    (5)    COM(2023) 168 final.
    (6)    Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1).
    (7)    COM(2023) 141 final.
    (8)    COM(2022) 583 final.
    (9)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Belġju (ST 10161/21; ST 10161/21 ADD 1).
    (10)    SWD(2023) 601 final.
    (11)    Indikaturi Eurostat-Euro, 47/2023, 21.4.2023
    (12)    COM(2023) 631 final, 24.05.2023.
    (13)    COM(2023) 141 final, 8.3.2023.
    (14)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021 li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà 2021 tal-Belġju, ĠU C 304, 29.07.2021, p. 5.
    (15)    Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala l-bidla fin-nefqa primarja (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonali), bl-esklużjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza temporanji relatati mal-kriżi tal-COVID-19 imma bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (għotjiet) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħrajn tal-UE, relattivi mat-tkabbir potenzjali fit-terminu medju. Għal aktar dettalji ara l-Kaxxa 1 fit-Tabelli tal-Istatistika Fiskali.
    (16)    Nefqa kapitali oħra ffinanzjata fil-livell nazzjonali pprovdiet kontribuzzjoni newtrali ta’ 0 punti perċentwali tal-PDG.
    (17)    Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-kost baġitarju annwali ta’ dawk il-miżuri, inklużi d-dħul u n-nefqa kurrenti kif ukoll – fejn rilevanti – il-miżuri tan-nefqa kapitali.
    (18)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Belġju u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Belġju għall-2022, ĠU C 334, 1.9.2022, p. 9. 
    (19)    Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni, it-tkabbir potenzjali tal-output fuq terminu medju (medja ta’ 10 snin) tal-Belġju huwa stmat għal 5,4 % f’termini nominali.
    (20)    Nefqa kapitali oħra ffinanzjata fuq livell nazzjonali hija pproġettata li tipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,1 punti perċentwali tal-PDG.
    (21)    Ara l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, li jirrikjedi wkoll aġġustament ta’ aktar minn 0,5 % tal-PDG għall-Istati Membri b’dejn tal-gvern li jaqbeż is-60 % tal-PDG, jew b’riskji aktar evidenti għas-sostenibbiltà tad-dejn.
    (22)    Il-Kummissjoni stmat li l-Belġju jkun jeħtieġ żieda annwali medja fil-bilanċ strutturali primarju bħala sehem tal-PDG ta’ 1,0 punt perċentwali biex jikseb tnaqqis plawżibbli tad-dejn jew jiżgura li d-dejn tal-gvern jinżamm f’livelli prudenti fuq terminu medju. Din l-istima kienet ibbażata fuq it-tbassir tal-ħarifa 2022 tal-Kummissjoni. Il-punt tat-tluq għal din l-istima kien id-defiċit u d-dejn ipproġettati tal-gvern għall-2024 li assumew l-irtirar tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija fl-2024.
    (23)    In-nefqa primarja netta hija definita bħala nefqa ffinanzjata fuq livell nazzjonali netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji u bl-esklużjoni tan-nefqa fuq l-imgħax kif ukoll in-nefqa ċiklika fuq il-qgħad.
    (24)    Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Rapport tal-2021 dwar it-Tixjiħ L-infiq tal-Belġju fuq il-kura fit-tul huwa pproġettat li jilħaq is-6 % tal-PDG fix-xenarju ta’ konverġenza tal-kostijiet u fix-xenarju ta’ konverġenza tal-kost u tal-kopertura.
    (25)     Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369 u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/706
    (26)    Skont l-Artikoli 5(2) u 9(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.
    Início