EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023DC0547

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL dwar is-sejbiet ewlenin tar-rieżami tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2576 tat-19 ta’ Diċembru 2022, fid-dawl tas-sitwazzjoni ġenerali tal-provvista tal-gass fl-Unjoni

COM/2023/547 final

Brussell, 28.9.2023

COM(2023) 547 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

dwar is-sejbiet ewlenin tar-rieżami tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2576 tat-19 ta’ Diċembru 2022, fid-dawl tas-sitwazzjoni ġenerali tal-provvista tal-gass fl-Unjoni


SOMMARJU EŻEKUTTIV

Koordinazzjoni aħjar tax-xiri tal-gass (Kapitolu II)

Skont ir-Regolament u bl-għajnuna ta’ fornitur tas-servizzi, il-Kummissjoni fasslet u nediet il-mekkaniżmu tax-xiri konġunt imsejjaħ AggregateEU, li mill-14 ta’ Lulju 2023 ’il quddiem kiseb ir-riżultati li ġejjin:

L-ewwel ċiklu
April/Mejju 2023

It-tieni ċiklu
Ġunju/Lulju 2023

Riżultati kumulattivi

Status

Magħluq

Magħluq

[Għaddej]

Sottoskrizzjonijiet (total)

120

154

-

Domanda aggregata

11.6 biljun metru kubu (bcm)

15.9 bcm

27.5 bcm

Offerti tal-provvista

18.7 bcm

15.2 bcm

33.9 bcm

Domanda mqabbla

10.9 bcm

12 bcm

22.9 bcm

Il-Kummissjoni implimentat ukoll miżuri akkumpanjatorji kif jeżiġi r-Regolament, inkluż dwar it-trasparenza u l-iskambju tal-informazzjoni, il-governanza tal-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE u l-użu obbligatorju ta’ AggregateEU.

Il-Kummissjoni jidhrilha li l-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE kkontribwiet għall-isforz tad-diversifikazzjoni u l-mili tal-ħażniet tal-Unjoni qabel l-istaġun tat-tisħin tal-2023-2024. AggregateEU fetaħ opportunità addizzjonali lix-xerrejja Ewropej biex iwettqu akkwisti konġunti tal-gass mingħand fornituri affidabbli bi prezzijiet kompetittivi kif ukoll bi trasparenza tas-suq fuq id-domanda u l-provvista, filwaqt li għenu biex tonqos il-volatilità tas-swieq.

Il-fatt li l-volumi totali aggregati tul l-ewwel żewġ ċikli waħedhom irduppjaw l-aggregazzjoni tad-domanda obbligatorja, wera li l-atturi tas-suq qiesu li l-mekkaniżmu tax-xiri konġunt hu utli ħafna fil-kuntest tal-kriżi.

Miżuri li jtejbu l-użu tal-faċilitajiet tal-LNG, tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass u tal-pipelines (Kapitolu II – Taqsima 3)

Ir-Regolament fih dispożizzjonijiet li jżidu t-trasparenza u jiffaċilitaw il-kummerċ sekondarju fil-kapaċitajiet tal-ħżin tal-LNG u tal-gass, jippermettu l-użu effiċjenti tal-faċilitajiet tal-LNG u tal-ħżin u tal-pipelines (eż. minħabba konġestjoni). Iż-żieda fit-trasparenza tipprovdi perspettiva iżjed komprensiva tas-swieq tal-LNG u tal-ħżin fl-UE, u użu aktar effiċjenti ta’ dawn l-infrastrutturi.

Miżuri li jevitaw prezzijiet eċċessivi tal-gass u volatilità eċċessiva fl-istess jum fis-swieq tad-derivattivi tal-enerġija (Kapitolu III)

Rigward in-negozjar, ir-Regolament fih miżura għall-ġestjoni tal-volatilità eċċessiva fis-swieq tad-derivattivi tal-gass u tal-elettriku, filwaqt li jħares il-proċessi tal-formazzjoni tal-prezzijiet. Il-kullar temporanju għaż-żieda fil-prezzijiet fl-istess jum hu mekkaniżmu għall-ġestjoni tal-volatilità maħsub biex jevita l-volatilità eċċessiva tal-prezzijiet u żidiet estremi fil-prezzijiet tas-suq tad-derivattivi tal-enerġija, iħares lill-operaturi tal-enerġija tal-UE minn ċaqliq qawwi ’l fuq fil-prezzijiet fl-istess jum u jgħinhom jiżguraw il-provvista tal-enerġija tagħhom fiż-mien medju.

Mill-adozzjoni tiegħu sal-lum, l-iżviluppi tas-swieq ma kinux jeżiġu li jiskatta biex jevita żidiet estremi fil-prezzijiet. F’dan il-kuntest, hu meħtieġ aktar monitoraġġ tas-swieq tal-komoditajiet tal-enerġija biex jinstab jekk hemmx bżonn estensjoni temporanja tal-mekkaniżmi tal-ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum (IVMs), peress li jeżistu inċertezzi f’dawk is-swieq wara kriżi tal-enerġija u anki minħabba issikkar fis-swieq dinjin, kif ħareġ fid-dieher tul is-sajf tal-2023.

Miżuri fil-każ ta’ emerġenza tal-gass (Kapitolu IV) 

Ir-Regolament jikumplimenta temporanjament ir-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass 1 , b’mod partikolari billi għamel il-mekkaniżmu tas-solidarjetà applikabbli b’mod awtomatiku fin-nuqqas ta’ ftehimiet bilaterali, u billi estenda l-mekkaniżmu tas-solidarjetà għall-gass naturali likwifikat (LNG) u għall-volumi kritiċi tal-gass (CGV) għall-elettriku. Barra minn hekk, żdiedet dispożizzjoni li tiffaċilita t-tnaqqis tad-domanda mill-klijenti protetti, kif ukoll dispożizzjoni li tissalvagwardja l-flussi transfruntieri.

F’Diċembru 2022, il-Kummissjoni wettqet sessjoni ta’ prattika konġunta ta’ solidarjetà mal-Istati Membri tal-UE u n-Network Ewropew tal-Operaturi tas-Sistemi tat-Trażmissjoni (ENTSOG), li ttestjat ir-regoli u l-proċeduri ta’ emerġenza, u l-mekkaniżmu tas-solidarjetà.

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kunċetti stabbiliti f’dan il-Kapitolu wrew li huma kunċetti utli fil-kuntest ta’ mitigazzjoni ta’ kriżi tal-gass u għal sforzi kontinwi jew futuri biex tonqos id-domanda.



Introduzzjoni

Bi tweġiba għat-tfixkil fis-suq dinji tal-enerġija kkawżat mill-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna, l-Unjoni Ewropea (UE) adottat il-Pjan REPowerEU biex tiffranka l-enerġija, tipproduċi enerġija nadifa u tiddiversifika l-provvisti tal-enerġija tagħha ħalli żżid ir-reżiljenza strateġika tal-Ewropa u tagħmilha anqas dipendenti fuq l-importazzjonijiet tal-gass Russu.

F’April 2022, wara talba mill-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni nediet il-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE permezz tal-Pjan REPowerEU, bi tliet objettivi: (1) l-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt tal-gass, (2) l-aktar użu effiċjenti tal-infrastruttura eżistenti, (3) kuntatt internazzjonali.

Mill-bidu tal-gwerra ’l hawn, is-sitwazzjoni fis-suq tal-gass qed tkompli tmur għall-agħar. L-użu tal-provvista tal-gass lejn l-Ewropa bħala arma Russa ssikka s-suq u wassal għal żieda drammatika fil-prezzijiet tal-gass. Il-prezz medju bl-ingrossa fl-2022 kien aktar minn ħames darbiet ogħla mil-livell tiegħu ta’ qabel il-kriżi, u saħansitra qabeż it-EUR 300/MWh fl-eqqel tal-kriżi fis-sajf tal-2022 2 .

Din hi r-raġuni għalfejn fid-19 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill adotta r-Regolament tal-Kunsill ta’ emerġenza (UE) 2022/2576 biex itejjeb is-solidarjetà b’koordinazzjoni aħjar tax-xiri tal-gass, b’parametri referenzjarji affidabbli tal-prezzijiet u bi skambji tal-gass bejn il-fruntieri (ir-Regolament).

Dan ir-Regolament jipprovdi bażi ġuridika temporanja għal:

-koordinazzjoni aħjar tax-xiri tal-gass (Kapitolu II),

-miżuri li jevitaw il-prezzijiet eċċessivi tal-gass u l-volatilità eċċessiva fl-istess jum fis-swieq tad-derivattivi tal-enerġija (Kapitolu III),

-miżuri fil-każ ta’ emerġenza tal-gass (Kapitolu IV).

L-Artikolu 30 tar-Regolament jiddikjara li “sal-1 ta’ Ottubru 2023, il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami ta’ dan ir-Regolament fid-dawl tas-sitwazzjoni ġenerali tal-provvista tal-gass lejn l-Unjoni u għandha tippreżenta rapport lill-Kunsill dwar is-sejbiet ewlenin ta’ dak ir-rieżami. Il-Kummissjoni tista’, abbażi ta’ dak ir-rapport, tipproponi li ttawwal il-validità ta’ dan ir-Regolament.

F’konformità ma’ dan ta’ hawn fuq, dan ir-rapport jiddeskrivi kif il-Kummissjoni implimentat ir-Regolament u jagħti ħarsa ġenerali lejn is-sejbiet ewlenin u l-konklużjonijiet riżultanti dwar id-dispożizzjonijiet tar-Regolament.



RIEŻAMI TAL-KAPITOLU II (KOORDINAZZJONI AĦJAR TAX-XIRI TAL-GASS)

Il-Kummissjoni implimentat il-koordinazzjoni tax-xiri tal-gass (i) billi stabbiliet mekkaniżmu għar-rapportar tal-kuntratti tal-gass u tal-offerti biex is-swieq tal-gass isiru aktar trasparenti, u (ii) billi organizzat l-aggregazzjoni tad-domanda, is-sejħiet għall-offerti, it-tqabbil u t-twaqqif ta’ mekkaniżmu għax-xiri konġunt tal-gass (il-mekkaniżmu tax-xiri konġunt). Fir-rapport, il-Kummissjoni tippreżenta r-riżultati u d-data disponibbli fl-14 ta’ Lulju 2023, li jkopru s-sejħiet għall-offerti u l-kuntratti notifikati sa dik id-data kif ukoll ir-riżultati tal-ewwel żewġ ċikli tal-aggregazzjoni tad-domanda u tas-sejħiet għall-offerti tal-mekkaniżmu tax-xiri konġunt organizzati bl-appoġġ ta’ AggregateEU 3 .

Il-koordinazzjoni tal-aggregazzjoni tad-domanda tal-gass u tas-sejħiet għall-offerti se tkompli sakemm jiskadi r-Regolament.

Rieżami tat-Taqsima 1 – Koordinazzjoni tax-xiri tal-gass fl-Unjoni (Artikoli 3 u 4)

1.Trasparenza u skambju tal-informazzjoni (Artikolu 3 tar-Regolament)

Il-kriżi tal-enerġija ħarġet fid-dieher id-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils fossili Russi u l-impatt detrimentali tan-nuqqas ta’ azzjoni kkoordinata mill-Istati Membri tal-UE li batew meta r-Russja biddlet il-provvista tal-gass f’arma u kkaġunat żidiet fil-prezzijiet u kriżi tas-sigurtà tal-provvista. Biex tonqos id-dipendenza tal-UE fuq il-provvisti tal-gass naturali Russu u jorħsu l-prezzijiet, kien kruċjali li ssir koordinazzjoni aħjar tax-xiri tal-gass mingħand il-fornituri esterni. Għalhekk, l-Artikolu 3 tar-Regolament 4 għandu l-għan li jiżgura koordinazzjoni aħjar tax-xiri tal-gass fl-UE u s-solidarjetà enerġetika fost l-Istati Membri tal-UE. Dan għandu jinkiseb billi l-Kummissjoni jkollha perspettiva wiesgħa tas-sejħiet għall-offerti jew tal-kuntratti futuri dwar il-bejgħ u x-xiri tal-gass. Għal dan il-għan, il-kumpaniji tal-gass naturali jew il-kumpaniji li jużaw il-gass jeħtieġ jibagħtu notifiki lill-Kummissjoni dwar kull offerta jew kuntratt futur li l-volum tiegħu jaqbeż il-5TWh/sena.

Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament, jekk il-Kummissjoni jkun jidhrilha li hemm bżonn iżjed koordinazzjoni fis-sejħiet għall-offerti jew il-kuntratti (pereżempju jekk is-sejħiet għall-offerti jew il-kuntratti jaf jolqtu ħażin il-funzjonament tas-suq, is-sigurtà tal-provvista jew is-solidarjetà, jew jistgħu jkunu ta’ ġid għall-mekkaniżmu tax-xiri konġunt), il-Kummissjoni tista’ toħroġ rakkomandazzjonijiet lil dawn il-kumpaniji wara li tinforma lill-Bord tat-Tmexxija ad hoc tal-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE.

Statistika dwar in-notifiki u r-rakkomandazzjonijiet tal-Artikolu 3

Fl-14 ta’ Lulju 2023

Numru

Volum għall-konsenji fl-2023 (sigħat terawatt (TWh))

Volum għall-konsenji fl-2024 (TWh)

Volum għall-konsenji fl-2025 (TWh)

Notifiki riċevuti, li wasslu biex:

22

89.2

189.6

197.9

inħarġu rakkomandazzjonijiet

2

11.05

25.5

25.5

ma kien hemm bżonn l-ebda rakkomandazzjoni

20

78.15

164.1

172.4

tinbeda valutazzjoni

0

0

0

0

Il-Kummissjoni organizzat diversi modi aċċettabbli u siguri bl-istess mod għal sottomissjonijiet siguri tan-notifiki, kif previst fl-Artikolu 3 tar-Regolament. B’hekk seta’ jiġi indirizzat it-tħassib tal-kumpaniji dwar is-sigurtà u l-kunfidenzjalità, filwaqt li l-Istati Membri tal-UE ġew informati f’konformità mar-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità.

Sejbiet ewlenin: B’mod ġenerali, il-Kummissjoni jidhrilha li l-implimentazzjoni tal-Artikolu 3 wasslet għal aktar trasparenza fis-sejħiet għall-offerti u l-kuntratti ppjanati dwar il-bejgħ u x-xiri tal-gass għax tat perspettiva usa’ lill-Kummissjoni tas-sejħiet għall-offerti futuri.

L-uniċi notifiki li wasslu għal rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 3 tar-Regolament kienu notifiki ta’ kumpaniji li kienu qed jippjanaw li jniedu sejħa għall-offerti. Waqt l-implimentazzjoni tar-Regolament kien hemm bosta sfidi: ċerti arranġamenti kummerċjali ġew notifikati wara l-fatt, u l-kumpaniji sabuha bi tqila jaqsmu informazzjoni kummerċjalment sensittiva. Partijiet mill-industrija qajmu wkoll dubji dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament, b’mod partikolari dwar kemm ikun opportun li jsiru n-notifiki meta n-negozjati jkun għadhom għaddejjin.

Il-Kummissjoni ma tistax tivvaluta bi preċiżjoni kemm ma ġews ippreżentati notifiki fir-rigward tar-rekwiżiti tal-Artikolu 3. Dan għax l-aċċess għas-settijiet tad-data dwar l-arranġamenti kummerċjali ffirmati hu ristrett jew mhux komplut.

Konklużjoni: Il-prinċipju ta’ obbligu li jiġu notifikati s-sejħiet għall-offerti jew il-kuntratti dwar il-bejgħ u x-xiri tal-gass sar mod ġdid kif tiżdied it-trasparenza u jkun evitat li jsiru offerti għoljin wisq. In-notifiki tal-kuntratti kienu problematiċi iżjed għax l-istadju ta’ qabel il-kuntratt hu sensittiv ħafna għall-kumpaniji.

Kien aktar faċli li tiġi implimentata d-dispożizzjoni dwar in-notifiki bil-quddiem tas-sejħiet għall-offerti milli dik għan-notifiki tal-kuntratti. Barra minn hekk, meta wieħed iqis li AggregateEU jaħdem b’sejħiet għall-offerti, jidher li r-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Kummissjoni jkunu rilevanti aktar meta jiġu indirizzati lill-kumpaniji li jkunu qed jippjanaw sejħiet għall-offerti li jistgħu jsiru permezz ta’ AggregateEU.

Tagħlima oħra meħuda hi li t-twessigħ tal-aċċess tal-Kummissjoni għal sett usa’ tad-data dwar l-arranġamenti kummerċjali ffirmati (b’data aggregata u anonimizzata) għandu, min-naħa tiegħu, iwassal għal infurzar aħjar tal-obbligu li jiġu notifikati l-kuntratti u s-sejħiet għall-offerti, u għal valutazzjoni aktar bir-reqqa tal-impatt ta’ sejħiet għall-offerti jew kuntratti individwali.

2.Bord tat-Tmexxija ad hoc (Artikolu 4 tar-Regolament)

Il-Kummissjoni stabbiliet Bord tat-Tmexxija ad hoc permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Jannar 2023 (C(2023) 407 final 5 ). Il-Bord tat-Tmexxija ad hoc adotta r-Regoli tal-Proċedura tiegħu fis-16 ta’ Frar 2023 u saru sitt laqgħat sal-14 ta’ Lulju 2023.

Il-Bord tat-Tmexxija ad hoc hu presedut mill-Viċi President Eżekuttiv Maroš Šefčovič u l-membri tiegħu huma rappreżentanti ta’ livell għoli maħtura mill-awtoritajiet tal-Istati Membri. Is-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija jipparteċipa bħala osservatur u l-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija jipparteċipaw fil-laqgħat dwar kwistjonijiet ta’ tħassib reċiproku, meta jiġu mistiedna.

Il-Bord tat-Tmexxija ad hoc ġie stabbilit biex jiffaċilita l-koordinazzjoni tal-mekkaniżmu tax-xiri konġunt, b’mod partikolari l-aggregazzjoni tad-domanda. Il-Kummissjoni jeħtieġ ukoll tikkonsulta lill-Bord tat-Tmexxija ad hoc dwar l-abbozzi tar-rakkomandazzjonijiet tagħha skont l-Artikolu 3(2), u tinformah dwar l-effett tal-parteċipazzjoni tal-kumpaniji inkwistjoni fil-mekkaniżmu tax-xiri konġunt.

Sejbiet ewlenin: Il-Kummissjoni jidhrilha li l-Bord tat-Tmexxija ad hoc qeda dmiru bis-sħiħ u ffaċilita l-koordinazzjoni tal-mekkaniżmu tax-xiri konġunt fil-livell nazzjonali, inkluż l-aggregazzjoni tad-domanda. Il-membri u l-osservaturi tal-Bord tat-Tmexxija ad hoc qdew rwol strumentali biex jinżamm appoġġ politiku sod u kontinwu għall-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE, jiġi promoss il-mekkaniżmu tax-xiri konġunt, u tingħata l-informazzjoni lill-istituzzjonijiet nazzjonali rispettivi tagħhom u lill-kumpaniji kkonċernati. Id-diskussjonijiet nazzjonali organizzati mill-membri tal-Bord tat-Tmexxija ad hoc kienu strumentali għall-mobilizzazzjoni tan-naħa tad-domanda u għall-koordinazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-industriji intensivi fil-gass u fl-enerġija. Impenjaw ruħhom b’mod attiv ukoll ma’ istituzzjonijiet finanzjarji nazzjonali (banek promozzjonali nazzjonali u aġenziji tal-kreditu tal-esportazzjoni) biex iqisu kif jistgħu jiksbu u jiżguraw garanziji lix-xerrejja li ma jkollhomx affidabbiltà kreditizja biżżejjed.

Il-membri u l-osservaturi tal-Bord tat-Tmexxija ad hoc iddiskutew regolarment l-aspetti ewlenin kollha tal-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE, qasmu l-aqwa prattiki, u taw rispons siewi dwar kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu tax-xiri konġunt. L-Istati Membri tal-UE ddiskutew ukoll l-applikazzjoni tar-Regolament, b’mod partikolari l-aggregazzjoni tad-domanda obbligatorja.

Il-membri tal-Bord tat-Tmexxija ad hoc ġew ikkonsultati wkoll dwar abbozzi tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa fir-rigward tal-Artikolu 3 tar-Regolament (ara t-Taqsima preċedenti hawn fuq għal aktar dettalji). Madankollu, ir-rispons miksub kien pjuttost limitat u japplika biss għal għadd limitat ta’ rakkomandazzjonijiet.

Konklużjoni: L-operat tal-Bord tat-Tmexxija ad hoc kien strumentali biex tirnexxi l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu tax-xiri konġunt. Dan żgura xiri aktar sod mill-Istati Membri tal-UE u l-parteċipazzjoni wiesgħa tal-industrija.

Rieżami tat-Taqsima 2 – Aggregazzjoni tad-domanda u xiri konġunt (Artikoli 5 sa 11 tar-Regolament)

3.Aggregazzjoni tad-domanda u xiri konġunt (Artikoli 5 sa 8 tar-Regolament)

I.AggregateEU: l-għażla tal-fornitur tas-servizzi

Il-Kummissjoni fasslet u implimentat il-mekkaniżmu tax-xiri konġunt bl-għajnuna tal-Pjattaforma Ewropea tal-Kapaċità PRISMA GmbH, magħżula bħala fornitur tas-servizzi f’konformità mar-Regolament.

Sejbiet ewlenin: Il-Kummissjoni jidhrilha li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar l-għażla u l-ikkuntrattar tal-fornitur tas-servizzi ppermettew il-ħatra ta’ fornitur tas-servizzi kkwalifikat biex jiddisinja, jiżviluppa, jopera u jħaddem AggregateEU.

Iggwidata mill-Kummissjoni bħala awtorità kontraenti u b’kooperazzjoni kontinwa magħha, PRISMA nediet AggregateEU fil-ħin biex jimtlew il-ħażniet tal-UE bi tħejjija għall-istaġun tat-tisħin 2023/2024.

F’anqas minn 3 xhur, PRISMA ddisinjat, żviluppat u nediet il-mekkaniżmu tax-xiri konġunt – b’ingranaġġ ta’ kapaċitajiet u għodod eżistenti għall-allokazzjoni tal-kapaċità tal-pipelines – f’konformità mad-dispożizzjonijiet dwar l-ispeċifikazzjoni tas-sejħiet għall-offerti u l-objettivi tar-Regolament. Ir-Regolament ma jindikax b’mod espliċitu kif irid jiġi implimentat il-mekkaniżmu tax-xiri konġunt, iżda s’issa l-Kummissjoni u PRISMA ħadu ħsieb l-aspetti li ġejjin:

·Stabbilew il-mekkaniżmu AggregateEU skont id-disinn u l-gwida tal-Kummissjoni.

·Irreġistraw parteċipanti fil-pjattaforma PRISMA skont standards tal-industrija u pproċessaw is-sottoskrizzjonijiet ma’ AggregateEU, skont il-kriterji tal-esklużjoni stabbiliti fl-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament. Sal-14 ta’ Lulju 2023, aktar minn 150 kumpanija ġew irreġistrati ma’ AggregateEU.

·Organizzaw ċikli ta’ aggregazzjoni tad-domanda biex il-kumpaniji jkunu jistgħu jistabbilixxu d-domandi tagħhom fid-dettall, inkluż l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar il-volumi, il-ħinijiet ippjanati u l-punti tat-twassil – ara t-tabella taħt il-punt iii (AggregateEU: riżultati inizjali).

·Għaqqdu ġabra ta’ offerti mingħand il-bejjiegħa u qablu l-aktar offerti kompetittivi mad-domanda aggregata, billi allokaw offerti prorata fil-każ ta’ nuqqas ta’ provvista – ara t-tabella taħt il-punt iii (AggregateEU: riżultati inizjali).

·Ġabru informazzjoni dwar l-istatus tan-negozjati u l-ikkuntrattar tal-pożizzjonijiet imqabbla bejn ix-xerrejja u l-bejjiegħa.

Biex l-operat ta’ AggregateEU jinġieb konformi mal-prattiki u mal-istandards tan-negozju, u tkun żgurata l-aċċettazzjoni wiesgħa tagħha mill-industrija, il-mekkaniżmu ġie żviluppat b’kooperazzjoni mill-qrib mal-industrija u mal-partijiet ikkonċernati rrappreżentati fil-Grupp Konsultattiv tal-Industrija. Dan il-grupp informali ta’ esperti, magħmul minn 27 kumpanija tal-UE u 11-il osservatur b’esperjenza fil-kummerċ tal-gass fis-swieq dinjin, kien il-forum ewlieni għall-industrija biex tinvolvi ruħha, jidher li kien utli ħafna biex id-diskussjonijiet tas-servizzi li jridu jiġu żviluppati f’AggregateEU ikunu jinkludu perspettiva industrijali.

L-involviment ta’ PRISMA, fit-tmexxija ta’ waħda mill-pjattaformi ewlenin tal-Ewropa għan-negozjar tal-kapaċità tal-gass, kellu rwol sinifikanti biex ikunu żgurati l-kredibbiltà tal-mekkaniżmu tax-xiri konġunt u l-fiduċja u l-kunfidenza tal-atturi industrijali fil-proċess, speċjalment fir-rigward tal-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali.

Konklużjoni: L-appoġġ tal-fornitur tas-servizzi kien strumentali biex l-implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-mekkaniżmu tax-xiri konġunt tirnexxi fiż-żmien meħtieġ.

Iżda meta wieħed iqis l-implimentazzjoni tas-servizz mill-perspettiva tar-Regolament, kien jagħmel aktar sens li kieku d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar il-kriterji tal-għażla taw prijorità lid-deskrizzjoni tas-servizzi flok lir-rekwiżiti tekniċi tal-għodda tal-IT.

II.Iddisinjar ta’ AggregateEU

Id-disinn ta’ AggregateEU kelli l-għan ewlieni li jippermetti l-aggregazzjoni tad-domanda, l-organizzazzjoni ta’ ċiklu ta’ sejħiet għall-offerti mingħand il-fornituri internazzjonali tal-gass, u t-tqabbil tad-domanda mal-offerti tal-fornituri.

Il-Kummissjoni u l-fornitur tas-servizzi implimentaw AggregateEU billi organizzaw ċikli ta’ sejħiet għall-offerti, li lkoll imxew hekk:

Sejbiet ewlenin: Tul il-perjodu vvalutat, il-kumpaniji kbar kienu ġeneralment aktar lesti mill-kumpaniji żgħar li jipparteċipaw f’AggregateEU. S’issa, b’kollox f’AggregateEU hemm iżjed minn 150 kumpanija ta’ daqsijiet differenti u minn madwar il-katina tal-provvista kollha.

Il-parteċipanti apprezzaw il-grad tal-flessibbiltà li jipprovdi AggregateEU u jidher li dan ma għandux effett fixkiel fuq il-mekkaniżmi tas-suq. B’mod partikolari, apprezzaw it-tipi ta’ prodotti disponibbli (it-twassil lejn il-punti tal-ibbilanċjar nazzjonali jew it-terminals tal-gass naturali likwifikat (LNG)) u l-profil u d-dati tat-twassil ta’ kull xahar.

Xi parteċipanti apprezzaw ukoll il-possibbiltà li jagħmlu offerta u mbagħad jirtiraw id-domanda, u l-possibbiltà li jkunu involuti f’negozjati ma’ kontropartijiet korrispondenti b’termini differenti minn dawk sottomessi f’AggregateEU. Min-naħa l-oħra, minflok in-natura volontarja attwali tiegħu, xi atturi tas-suq oħrajn u awtoritajiet nazzjonali talbu li AggregateEU jeżiġi domanda aktar vinkolanti mingħand ix-xerrejja u offerti mingħand il-fornituri.

Wara l-ewwel ċiklu tas-sejħiet għall-offerti, xi parteċipanti talbu adattamenti biex jissodisfaw aħjar ix-xejriet tal-konsum tagħhom. Il-flessibbiltà u d-disinn tal-qafas regolatorju ppermettew lill-Kummissjoni tindirizza parzjalment dawn it-talbiet u tkompli ttejjeb il-funzjonament ta’ AggregateEU billi timmodifika u taġġorna l-karatteristiċi bejn iċ-ċikli tas-sejħiet għall-offerti. Pereżempju, bi tweġiba għal talbiet mingħand xi parteċipanti mill-industrija intensiva fl-enerġija, l-aħħar dati tat-twassil fit-tieni ċiklu tas-sejħiet għall-offerti ġew estiżi għal 20 xahar, jiġifieri sa Marzu 2025.

Madankollu, in-nuqqas ta’ bażi ġuridika soda għar-rappurtar tal-kuntratti mill-parteċipanti wasal għal rispons ġeneralment limitat dwar il-kuntratti li jkunu qed jiġu konklużi.

Fl-aħħar, il-limitazzjoni ġeografika għall-parteċipazzjoni f’AggregateEU min-naħa tax-xerrejja kienet problematika għal xi organizzazzjonijiet korporattivi kbar li jiddependu fuq sussidjarji inkorporati fir-Renju Unit, fl-Iżvizzera jew fiż-Żona Ekonomika Ewropea.

Konklużjoni: B’mod ġenerali, kif jikkonferma l-livell tajjeb ta’ parteċipazzjoni tax-xerrejja u tal-bejjiegħa fil-mekkaniżmu tax-xiri konġunt u r-riżultati tal-ewwel żewġ ċikli, fil-biċċa l-kbira tagħhom il-parteċipanti apprezzaw id-disinn ta’ AggregateEU, tas-servizzi li joffri u tar-risponsività tal-Kummissjoni u tal-fornitur tas-servizzi għat-talbiet tagħhom. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE esprimew l-apprezzament tagħhom ukoll waqt il-laqgħa tal-Bord tat-Tmexxija ad hoc tal-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE, hekk ukoll għamlet l-industrija waqt bosta skambji (inkluż waqt il-laqgħat tal-Grupp Konsultattiv tal-Industrija).

Ir-rappurtar mill-parteċipanti dwar ir-riżultati tal-istadji tan-negozjati u tal-ikkuntrattar seta’ kien aktar dettaljat. Dan aktarx kien jgħin biex jitkejlu aħjar l-effettività u s-suċċess ta’ AggregateEU.

III.AggregateEU: riżultati inizjali

Sal-14 ta’ Lulju 2023, il-Kummissjoni kienet nediet żewġ ċikli ta’ sejħiet għall-offerti bir-riżultati li ġejjin:

L-ewwel ċiklu
April/Mejju 2023

It-tieni ċiklu
Ġunju/Lulju 2023

Riżultati kumulattivi

Status

Magħluq

Magħluq

-

Sottoskrizzjonijiet (total)

120

154

154

Domanda aggregata

11.6 biljun metru kubu (bcm)

15.9 bcm

27.5 bcm

Offerti tal-provvista

18.7 bcm

15.2 bcm

33.9 bcm

Domanda mqabbla

10.9 bcm

12 bcm

22.9 bcm

Sal-aħħar tal-2023 mistennija jitnedew aktar ċikli ta’ sejħiet għall-offerti.

Sejbiet ewlenin: F’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament, il-parteċipazzjoni fil-mekkaniżmu tax-xiri konġunt permezz ta’ AggregateEU fuq in-naħa tax-xerrejja kienet disponibbli għall-kumpaniji stabbiliti fl-UE u għall-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija. Il-parteċipazzjoni min-naħa tal-bejjiegħa kienet miftuħa għall-kumpaniji kollha. Għax-xerrejja u għall-bejjiegħa, ġew esklużi l-kumpaniji li għandhom xi rabta mal-Federazzjoni Russa jew li huma soġġetti għall-miżuri restrittivi tal-UE adottati fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja fl-Ukrajna.

Sal-14 ta’ Lulju 2023 ġew sottoskritti b’kollox 154 kumpanija f’AggregateEU. Dan in-numru jinkludi kumpaniji stabbiliti fl-UE u kumpaniji stabbiliti fil-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija, b’mod partikolari mill-Ukrajna, mill-Moldova u mis-Serbja, li wrew interess sinifikanti f’AggregateEU u kienu attivi u rrappreżentati sew fiċ-ċikli tas-sejħiet għall-offerti. Il-biċċa l-kbira tal-kumpaniji kienu kumpaniji tal-gass u tan-negozju. Madankollu, anki l-utenti finali industrijali ġew irrappreżentati.

Ir-riżultati tal-ewwel żewġ ċikli tas-sejħiet għall-offerti waħedhom, li aggregaw 27.5 bcm ta’ domanda, qabżu l-aggregazzjoni tad-domanda obbligatorja stabbilita fir-Regolament (ta’ 13.5 bcm).

Il-fornituri impenjaw ruħhom ukoll b’mod attiv b’offerti ta’ 33,9 bcm tul l-ewwel żewġ ċikli, li wasslu għal ammont ġmielu ta’ provvista żejda.

Il-mekkaniżmu tax-xiri konġunt kellu l-għan li jiftaħ opportunitajiet ġodda tas-suq u tan-negozju għax-xerrejja u għall-fornituri fl-Ewropa. Fil-kuntest tal-kriżi, dan ta għodda f’idejn l-atturi tas-suq biex isibu u jibnu relazzjonijiet kuntrattwali ma’ kontropartijiet potenzjalment ġodda, u jakkwistaw gass b’kundizzjonijiet kompetittivi irrispettivament mid-daqs u x-xejriet tal-konsum tagħhom.

Il-proċess tar-rispons dwar il-mekkaniżmu tax-xiri konġunt għadu għaddej. Hemm indikazzjonijiet minn xi Stati Membri tal-UE u minn atturi tas-suq li l-mekkaniżmu tax-xiri konġunt ikkontribwixxa biex issaħħet is-sigurtà tal-provvista, u li xi drabi dan seta’ għen biex il-prezzijiet jinżammu baxxi u tonqos il-volatilità tas-suq. Il-mekkaniżmu tax-xiri konġunt jidher ukoll li għen biex tiżdied it-trasparenza tas-suq (bl-iskoperta tal-offerti u tal-prezzijiet). Madankollu, xi Stati Membri tal-UE u atturi tas-suq kienu ħafna aktar kawti rigward il-valur miżjud tal-mekkaniżmu.

Il-mekkaniżmu tax-xiri konġunt ġie ddisinjat biex ikun ta’ ġid partikolari għall-industriji intensivi fil-gass u għall-utenti finali iżgħar, ħalli jkunu jistgħu jiżguraw provvisti tal-gass bi prezzijiet kompetittivi billi jaħdmu direttament mal-produtturi u mal-esportaturi li joperaw fis-swieq tal-operaturi u tal-LNG.

Ftit xerrejja rrapportaw li l-mekkaniżmu tax-xiri konġunt għen biex jorħsu l-prezzijiet tal-gass tagħhom skont il-kuntratti eżistenti tagħhom konklużi barra AggregateEU. Ġew konklużi wkoll diversi kuntratti bis-saħħa tat-tqabbil li sar f’AggregateEU. Dawn jixhdu li l-offerti tal-fornituri f’AggregateEU kellhom prezzijiet kompetittivi. Fl-istess ħin, xi atturi tal-industrija indikaw li l-kwoti tal-prezzijiet riċevuti kienu ogħla jew daqs il-prezz tas-suq u li ma ġie attirat l-ebda sors ġdid tal-provvista meta mqabbla ma’ dawk diġà magħrufa mill-parteċipanti.

Konklużjoni: AggregateEU qajjem l-interess ta’ ħafna parteċipanti fis-suq, kif jixhdu l-volumi aggregati u offruti. L-ewwel żewġ ċikli tas-sejħiet għall-offerti ġew organizzati bejn April u Lulju 2023, meta s-sitwazzjoni fis-suq stabbilizzat meta mqabbla mas-sajf tal-2022. Il-fatt li l-volumi totali aggregati tul l-ewwel żewġ ċikli waħedhom irduppjaw l-aggregazzjoni tad-domanda obbligatorja juri li l-atturi tas-suq dehrilhom li l-aggregazzjoni tad-domanda għall-gass hija utli ħafna fil-kuntest tal-kriżi. Din hija indikazzjoni li l-atturi tas-suq jaf ikun jinteressahom li jkollhom mekkaniżmu simili mħaddem b’mod volontarju.

4.Aspetti finanzjarji (Artikolu 8(3) tar-Regolament)

F’konformità mal-Artikolu 8(3) tar-Regolament, il-Kummissjoni vvalutat il-ħtieġa ta’ appoġġ tal-likwidità, inkluż garanziji, għall-parteċipanti f’AggregateEU, u organizzat attivitajiet ta’ tixrid tal-għarfien bit-tir li tiżgura dan l-appoġġ. L-attivitajiet iffokaw fuq (i) id-definizzjoni tal-ħtiġijiet ta’ dawk kollha kkonċernati u tal-prodotti finanzjarji biex ikunu jissodisfaw bl-aħjar mod dawn il-ħtiġijiet u (ii) l-ħolqien ta’ network ta’ istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi li lesti jipprovdu dawn il-prodotti.

Pereżempju, garanziji fil-forma ta’ ittra standard tal-kreditu, jaqdu prinċipalment il-ħtiġijiet tal-kumpaniji żgħar tal-gass biex ikunu jistgħu jindirizzaw kwistjonijiet ta’ affidabbiltà kreditizja, u tal-kumpaniji intensivi fl-enerġija li ma jkollhomx esperjenza preċedenti fil-mod kif jaħdem is-suq dinji tal-gass u li jkun għadhom ma stabbilew l-ebda relazzjoni mal-fornituri. Il-garanziji jaqdu rwol importanti biex ikun żgurat li l-kumpaniji kollha involuti f’AggregateEU, irrispettivament mill-profili tagħhom u mill-oqsma li joperaw fihom, ikunu jistgħu jaħtfu kull opportunità tal-mekkaniżmu tax-xiri konġunt.

Il-kuntatt organizzat fil-livell politiku u tal-esperti kien jinkludi bosta laqgħat multilaterali u bilaterali u jiffoka fuq suġġetti speċifiċi organizzati mal-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej, mal-banek u mal-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali u mad-diversi assoċjazzjonijiet tagħhom, bħall-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Investituri fit-Tul u l-Unjoni ta’ Berna, kif ukoll diskussjonijiet dwar suġġetti speċifiċi waqt sessjonijiet taż ħidma u laqgħat ta’ gruppi reġjonali fl-Istati Membri tal-UE.

Il-membri tal-Bord tat-Tmexxija ad hoc tal-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE kellhom sehem importanti għax għenu lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtiġijiet tal-garanziji tal-kumpaniji Ewropej stabbiliti fit-territorji tagħhom, li kienu attivi f’AggregateEU, u għenu biex isir kuntatt mal-istituzzjonijiet finanzjarji nazzjonali.

In-network kien magħmul hekk:

Fl-14 ta’ Lulju 2023

Numru

Ismijiet

Istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi

8

-

Istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali

1

Il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp 6  

Banek promozzjonali nazzjonali

3

BGK (il-Polonja)

Finnvera (il-Finlandja)

Instituto de Crédito Oficial (Spanja)

Aġenziji tal-kreditu għall-esportazzjoni

4

Eksfin (in-Norveġja)

Exim Bank Românească (ir-Rumanija)

Exim Bank Slovakia (is-Slovakkja)

SACE (l-Italja)

B’dan il-mod, AggregateEU seta’ jagħti informazzjoni dwar il-prodotti finanzjarji disponibbli għall-partijiet ikkonċernati abbażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni.

Sejbiet ewlenin: In-network laħaq kopertura ġeografika tajba, speċjalment bl-involviment tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u tal-Eksfin li kapaċi jipprovdu garanziji għall-gass naturali lill-kumpaniji stabbiliti f’ħafna pajjiżi. Xi istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi ma setgħux jipprovdu garanziji minħabba l-mandati tad-dekarbonizzazzjoni tagħhom, u/jew issuġġerew li tinħoloq garanzija sovrana tal-Kummissjoni jew tal-Bank Ewropew tal-Investiment. Uħud qalu wkoll li kien hemm nuqqas ta’ interess mix-xerrejja.

Konklużjoni: Jeħtieġ jitqies kif jistgħu jiġu previsti aktar sforzi biex jingħata appoġġ finanzjarju mfassal apposta u affordabbli 7 fil-forma ta’ garanziji u strumenti oħra. Dan jista’ jiżgura parteċipazzjoni aktar attiva tal-kumpaniji żgħar tal-gass u tal-industrija intensiva fl-enerġija fil-mekkaniżmu tax-xiri konġunt, għax dawn għandhom ikunu l-benefiċjarji ewlenin tal-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE.

5.Provvisti tal-gass naturali esklużi mix-xiri konġunt (Artikolu 9 tar-Regolament)

Il-Kummissjoni implimentat l-Artikolu 9 tar-Regolament billi talbet lill-kumpaniji attivi f’AggregateEU biex jiffirmaw Dikjarazzjoni ta’ Unur 8 dwar il-konformità tagħhom mal-esklużjoni tal-gass naturali li joriġina mill-Federazzjoni Russa.

Sejbiet ewlenin: Il-parteċipanti staqsew dwar id-definizzjoni tas-sjieda u l-kontroll 9 . Il-Kummissjoni kellha wkoll xi limitazzjonijiet tekniċi u prattiċi fil-valutazzjoni tal-oriġini tal-gass naturali mqabbel f’AggregateEU. Il-Kummissjoni u PRISMA żguraw il-konformità bid-Dikjarazzjoni tal-Unur u bil-kontrolli kumplimentari meta meħtieġ (bħall-kontrolli tal-kontropartijiet u t-traċċar tal-LNG).

Konklużjoni: Il-Kummissjoni se tkompli tistinka biex tivverifika l-oriġini tal-gass u timmonitorja l-esklużjoni tal-gass naturali mill-Federazzjoni Russa – billi tuża d-Dikjarazzjoni ta’ Unur u, meta meħtieġ, b’aktar kontrolli.

6.Użu obbligatorju ta’ AggregateEU (Artikolu 10 tar-Regolament)

Abbażi tal-informazzjoni disponibbli fl-14 ta’ Lulju 2023, 19-il Stat Membru tal-UE huma meqjusa li jissodisfaw l-obbligi tagħhom tal-aggregazzjoni tad-domanda skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament. Għal ħafna minnhom, id-domanda aggregata fl-ewwel żewġ ċikli waħedhom qabżet b’darbtejn, jew saħansitra b’aktar, il-volumi obbligatorji tagħhom tal-aggregazzjoni tad-domanda.

Sejbiet ewlenin: Minħabba n-novità tal-mekkaniżmu tax-xiri konġunt, l-obbligu tal-aggregazzjoni tad-domanda kien mezz tajjeb kif tiġi mobilizzata d-domanda f’xi Stati Membri tal-UE.

Xi Stati Membri tal-UE li ma għandhomx l-għodod adegwati għall-monitoraġġ u l-infurzar, kellhom jibbażaw esklużivament fuq il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, li tista’ tkun biss indikattiva fin-natura tagħha.

Konklużjoni: L-aggregazzjoni tad-domanda obbligatorja għenet biex tiġi mobilizzata d-domanda f’xi Stati Membri tal-UE. F’oħrajn, interess qawwi fil-parteċipazzjoni f’AggregateEU wassal għall-aggregazzjoni ta’ volumi sinifikanti, ferm iżjed mil-livelli obbligatorji.

L-infurzar effettiv tad-dispożizzjoni jaf kien jixħet obbligu aktar ċar fuq l-Istati Membri tal-UE biex jieħdu azzjonijiet xierqa, bħal pereżempju biex jadottaw strumenti vinkolanti li jiżguraw il-konformità mal-livell meħtieġ tal-aggregazzjoni tad-domanda filwaqt li titqies il-ħtieġa li jkun evitat li jixteħet piż amministrattiv bla bżonn, b’mod partikolari fuq l-Istati Membri b’konsum limitat tal-gass.

7.Konsorzju għax-xiri tal-gass (Artikolu 11 tar-Regolament)

L-Artikolu 11 tar-Regolament jistipula li l-kumpaniji jistgħu “jikkoordinaw elementi tal-kundizzjonijiet tal-kuntratt tax-xiri” f’konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni.

Ma nħoloq l-ebda konsorzju għax-xiri tal-gass, aktarx minħabba l-kumplessità involuta u r-restrizzjonijiet taż-żmien li nħolqu bil-ħtieġa li l-mekkaniżmu konġunt tax-xiri jitnieda qabel jibda l-istaġun tal-mili tal-gass.

Minflok, b’konsultazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali u mal-atturi tas-suq, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta żewġ mudelli ta’ kooperazzjoni, il-mudell ta’ “aġent f’isem ħaddieħor 10 ” u l-mudell ta’ “xerrej ċentrali 11 ”, biex tiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-kumpaniji Ewropej fil-mekkaniżmu tax-xiri konġunt.

Dawn iż-żewġ mudelli jistgħu jkunu partikolarment utli għall-kumpaniji li ma jistgħux jilħqu l-limitu tal-volum meta jissottomettu d-domanda tagħhom, li ma għandhomx għarfien espert fin-negozjar tal-kuntratti tax-xiri tal-gass fis-suq dinji (eż. l-industrija intensiva fl-enerġija), jew li ma għandhomx il-kapaċitajiet meħtieġa tar-rigassifikazzjoni jew tal-ħżin tal-gass naturali likwifikat (LNG).

Sal-14 ta’ Lulju 2023 f’AggregateEU ġew elenkati 16-il kumpanija li kienu interessati jipprovdu servizzi bħala aġent f’isem ħaddieħor, u 11 interessati li jipprovduhom bħala xerrej ċentrali.

Ir-Regolament jiddikjara li “it-trasferiment ta’ prezzijiet orħos ikun indikatur importanti għas-suċċess tax-xiri konġunt, peress li hu kruċjali għall-konsumaturi”. Għalhekk, il-Kummissjoni talbet lill-kumpaniji li joffru servizzi ta’ xerrej ċentrali biex jitolbu l-flus lill-klijenti tagħhom għas-servizzi li joffru iżda jgħaddu l-kostijiet tal-komodità stess.

Sejbiet ewlenin: L-Artikolu 11 tar-Regolament kien maħsub bħala għodda ta’ appoġġ waqt emerġenza u kien biżżejjed għall-Kummissjoni biex tiffaċilita l-proċess tal-ħolqien ta’ konsorzji (għalkemm ma nħolqot l-ebda waħda) u l-iżvilupp ta’ mudelli oħra ta’ kooperazzjoni bejn il-kumpaniji f’konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. Il-kooperazzjoni bejn il-kumpaniji tista’ tiftaħ opportunità biex il-kumpaniji żgħar u mingħajr esperjenza jiġbru d-domandi tagħhom b’mod aktar effettiv u vantaġġuż, jaċċessaw is-swieq dinjin tal-gass, inkluż il-fornituri tal-LNG u jiżguraw provvisti bi prezzijiet kompetittivi. Dan jaqbel mar-rispons limitat li taw xi atturi industrijali u li jissuġġerixxi li dawn il-mudelli ta’ kooperazzjoni setgħu żiedu sew il-parteċipazzjoni tagħhom f’AggregateEU.

Madankollu, minħabba l-esperjenza limitata sal-lum, diffiċli li jkollna konklużjonijiet wiesgħa dwar l-applikazzjoni sħiħa ta’ dawn il-mudelli.

Konklużjoni: F’kuntest ta’ kriżi, il-Kummissjoni jidhrilha li l-mudelli eżistenti tal-kooperazzjoni msemmija hawn fuq jistgħu jipprovdu alternattivi vijabbli. Dan qablu miegħu xi atturi industrijali meta enfasizzaw il-fatt li dawn il-mudelli tal-kooperazzjoni jistgħu jgħinu biex joktru l-benefiċċji tal-mekkaniżmu tax-xiri konġunt. Madankollu, barra mill-kuntest ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza, hu l-funzjonament normali tas-suq Ewropew tal-gass, xprunat mill-kompetizzjoni, li għandu jiddetermina jekk u kif il-kumpaniji jridux jikkooperaw għax-xiri tal-gass u skont ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE.

Rieżami tat-Taqsima 3 – Miżuri li jżidu l-użu tal-faċilitajiet tal-LNG, tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass u tal-pipelines (Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament)

Ir-Regolament fih dispożizzjonijiet li jżidu t-trasparenza u jiffaċilitaw il-kummerċ sekondarju fil-kapaċitajiet tal-ħżin tal-LNG u tal-gass. L-arranġamenti biex dan isir aktar trasparenti jixbhu lil dawk għall-ġarr tal-gass naturali mill-pipelines u jagħtu kontribut sinifikanti għall-ottimizzazzjoni tal-użu tal-kapaċitajiet tal-LNG u tal-ħżin fl-UE.

8.Pjattaforma tal-prenotazzjoni sekondarja tal-kapaċità għall-utenti tal-faċilitajiet tal-LNG u għall-utenti tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass (Artikolu 12 tar-Regolament)

Sejbiet ewlenin: Il-pjattaformi tal-prenotazzjoni sekondarja tal-kapaċità ġew stabbiliti minn operaturi individwali tal-ħżin u tal-LNG u issa qed jitħaddmu. Il-Gas Infrastructure Europe (GIE) għandha repożitorju ta’ rabtiet ma’ pjattaformi tal-prenotazzjoni sekondarja tal-kapaċità offruti mill-operaturi tal-infrastruttura.

Il-prenotazzjoni sekondarja tippermetti allokazzjoni aktar effettiva tal-kapaċitajiet li ma jintużawx fis-swieq primarji. B’aktar trasparenza f’dan il-qasam, tkun aktar faċli għall-parteċipanti fis-suq li jsibu alternattivi għall-użu tal-kapaċità fl-infrastruttura kollha fis-suq tal-UE, b’mod partikolari meta fl-UE jkunu qed jiġu importati volumi kbar ta’ LNG.

Konklużjoni: Dispożizzjonijiet simili ġew inklużi fl-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Gass rivedut (ir-Regolament (KE) 2009/715) (il-Pakkett dwar is-Swieq tal-Gass tal-Idroġenu u Dekarbonizzat) propost f’Diċembru 2021 mill-Kummissjoni u li bħalissa qed jiġi negozjat mill-koleġiżlaturi.

9.Pjattaformi tat-trasparenza għall-faċilitajiet tal-LNG u għall-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass (Artikolu 13 tar-Regolament)

Sejbiet ewlenin: Il-GIE tħaddem żewġ pjattaformi ewlenin li jkopru lill-Istati Membri kollha tal-UE kif ukoll lir-Renju Unit u lill-Ukrajna: l-Inventarju Aggregat tal-Ħżin tal-Gass (AGSI) għall-ħżin tal-gass u l-Inventarju Aggregat tal-Ħżin tal-LNG (ALSI) għal-LNG.

Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament, ma’ dawn il-pjattaformi żdiedu komponenti ġodda, inkluż informazzjoni dwar is-servizzi offruti u l-kundizzjonijiet li japplikaw għal dawk is-servizzi, il-kapaċitajiet kuntrattati u disponibbli tal-faċilitajiet tal-ħżin u tal-LNG, it-tariffi, eċċ. Il-pjattaformi bħalissa jkopru kważi lit-terminali kollha tal-LNG fuq skala kbira tal-UE (b’5 operaturi biss tas-sistema tal-LNG mhumiex fuq il-pjattaformi) u 98% tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-UE (bi 3 operaturi biss tas-sistema tal-ħżin mhumiex fuq il-pjattaformi).

Aktar trasparenza tipprovdi perspettiva aħjar u aktar komprensiva tas-swieq tal-LNG u tal-ħżin fl-UE. Din tissarraf ukoll f’użu aktar effiċjenti ta’ dawn l-infrastrutturi. Aktar trasparenza fis-suq tal-LNG tal-UE għandha l-potenzjal ukoll li tattira fornituri oħra.

Konklużjoni: Dispożizzjonijiet simili ġew inklużi fl-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Gass rivedut (ir-Regolament (KE) 2009/715) (il-Pakkett dwar is-Swieq tal-Idroġenu u tal-Gass Dekarbonizzat) propost f’Diċembru 2021 mill-Kummissjoni u li bħalissa qed jiġi negozjat mill-koleġiżlaturi.

10.Użu aktar effettiv tal-kapaċitajiet tat-trażmissjoni (Artikolu 14 tar-Regolament)

L-Artikolu 14 tar-Regolament għandu l-għan li jtejjeb l-użu tal-kapaċitajiet tal-ġarr fid-dawl tal-bidliet fid-direzzjoni tal-flussi tal-gass fl-UE. Il-Linji Gwida eżistenti għall-Proċeduri tal-Ġestjoni tal-Konġestjonijiet jistabbilixxu l-proċeduri ta’ “tużah jew titilfu” (UIOLI). Iżda dawk il-proċeduri japplikaw biss għall-punti ta’ interkonnessjoni konġestjonati u kienu tfasslu għal żmien qasir ħafna jew għal żmien twil ħafna.

L-Artikolu 14 jipprevedi l-applikazzjoni tal-proċeduri UIOLI għall-punti tal-interkonnessjoni kollha, sew dawk ikkonġestjonati u sew jekk le. Hemm żewġ possibbiltajiet bażiċi għall-applikazzjoni tal-Artikolu 14: (i) bl-implimentazzjoni ta’ proċedura UIOLI ġdida ta’ kull xahar stabbilita fir-Regolament, jew (ii) bl-estensjoni tal-proċeduri UIOLI eżistenti għall-interkonnetturi kollha, mhux biss dawk konġestjonati.

Sejbiet ewlenin: L-ebda Stat Membru tal-UE ma għażel il-proċedura UIOLI l-ġdida ta’ kull xahar, u minflok ilkoll għażlu l-proċeduri previsti fil-Linji Gwida għall-Proċeduri tal-Ġestjoni tal-Konġestjonijiet, kif jippermetti r-Regolament.

Konklużjonijiet: L-impatt tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14 għat-trażmissjoni tal-gass se jiġi vvalutat skont il-parametru tal-kapaċitajiet tat-trażmissjoni prenotati bil-proċeduri UIOLI sa mhux aktar tard minn tmiem l-2024. B’hekk se jkun jista’ jinstab kemm ta’ spiss ikunu qed jiġu implimentati l-proċeduri UIOLI u kemm kienu utli.

RIEŻAMI TAL-KAPITOLU III (MIŻURI LI JEVITAW PREZZIJIET EĊĊESSIVI TAL-GASS U VOLATILITÀ EĊĊESSIVA FL-ISTESS JUM FIS-SWIEQ TAD-DERIVATTIVI TAL-ENERĠIJA)

Rieżami tat-Taqsima 1 – Solidarjetà tal-gass għall-provvista tal-elettriku, l-industriji essenzjali u l-klijenti protetti (Artikoli 15 sa 22)

1.Għodda temporanja tal-istess jum għall-ġestjoni tal-volatilità eċċessiva fis-swieq tad-derivattivi tal-enerġija (Artikoli 15 sa 17 tar-Regolament)

L-Artikoli 15 sa 17 tar-Regolament jeżiġu li ċ-ċentri tan-negozjar li permezz tagħhom jiġu negozjati derivattivi relatati mal-enerġija (derivattivi li l-assi sottostanti tagħhom hu l-gass jew l-elettriku) jistabbilixxu mekkaniżmi temporanji tal-ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum (IVMs). Din il-miżura għandha l-għan li tħares lill-parteċipanti fis-suq minn livelli akuti ta’ volatilità f’dawn is-swieq, billi tara li l-mekkaniżmi stabbiliti miċ-ċentri tan-negozjar ikunu jevitaw iċ-ċaqliq qawwi fil-prezzijiet f’jum tan-negozjar.

Biex jindirizza d-diversità tal-istrumenti negozjati u d-diversi livelli tal-likwidità tas-swieq tad-derivattivi tal-enerġija, ir-Regolament jistabbilixxi biss parametri bażiċi għall-funzjonament tal-IVMs, u jara li dawn jiġu adattati għall-karatteristiċi ta’ kull kuntratt u ċentru tan-negozjar. Ir-Regolament jippermetti wkoll li l-IVMs jiġu implimentati miċ-ċentri tan-negozjar billi jintegrawhom f’interrutturi taċ-ċirkwiti eżistenti flok ma joħolqu mekkaniżmu addizzjonali.

Fit-30 ta’ Ġunju 2023, u f’konformità mal-mandat mogħti lilha fl-Artikolu 17 tar-Regolament, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) ippubblikat rapport li jiddokumenta d-diverġenzi potenzjali fl-implimentazzjoni tal-IVMs miċ-ċentri tan-negozjar u li jevalwa l-effettività tal-miżura 12 .

Sejbiet ewlenin: Fir-rapport tagħha, l-ESMA tinnota li l-IVMs implimentati ġeneralment dehru kkalibrati sew, bir-riżerva li l-valutazzjoni saret fi żmien meta ma kien hemm l-ebda evidenza ta’ perjodi twal ta’ volatilità li jaffettwaw in-negozjar tad-derivattivi tal-komoditajiet tal-enerġija. Il-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 15 sa 17 tar-Regolament applikaw għal 17-il ċentru tan-negozjar 13 . Is-sejbiet tal-ESMA jirreferu għal xi diversità fil-mod kif iċ-ċentri tan-negozjar implimentaw l-IVMs, minħabba l-karatteristiċi ta’ kull ċentru tan-negozjar u kuntratt. Id-diverġenzi kienu relatati b’mod partikolari ma’:

·l-għażla tal-“prezz ta’ referenza”, il-livell baxx tal-likwidità ta’ xi kuntratti f’xi ċentri tan-negozjar, bir-riżultat li użaw prezzijiet f’ċentri oħra bħala faċilitatur għad-definizzjoni tal-prezz ta’ referenza;

·il-frekwenza tat-tiġdid tal-prezz ta’ referenza u tal-limiti tal-prezzijiet, b’likwidità baxxa li twassal għal intervalli itwal bejn tiġdid u ieħor;

·il-firxa tal-“kuritur tal-prezzijiet”, b’limiti kbar mhux adattati għall-kuntratti illikwidi.

B’mod ġenerali, il-valutazzjoni tal-ESMA hi li dawn id-diverġenzi jistgħu jiġu ġġustifikati u li l-IVM ġie implimentat sew miċ-ċentri tan-negozjar. Madankollu, l-ESMA tindika wkoll li l-IVM mhux adattat għall-kuntratti illikwidi, għax id-diffikultajiet fl-implimentazzjoni tiegħu jidher li jisbqu kull benefiċċju potenzjali. L-ESMA tirrapporta li ċentru tan-negozjar wieħed biss kellu l-IVMs tiegħu skattati bl-implimentazzjoni tagħhom u li dan kien l-aktar probabbli minħabba ordnijiet żbaljati. Minħabba l-volatilità limitata tas-swieq għad-derivattivi relatati mal-enerġija tul dan il-perjodu, jidher li l-IVMs ġew ikkalibrati sew miċ-ċentri tan-negozjar.

Fir-rigward tal-effiċjenza tal-mekkaniżmu, l-ESMA tinnota li, minħabba n-nuqqas ta’ evidenza ta’ perjodi twal ta’ volatilità li jaffettwaw id-derivattivi tal-komoditajiet tal-enerġija tul il-perjodu inkwistjoni 14 , din għandha “bażi limitata biex tipprovdi valutazzjoni tal-effettività tal-IVM, la fuq effetti pożittivi u lanqas fuq effetti negattivi potenzjali”. Fi kwalunkwe każ, din jidhrilha li l-perjodi ta’ volatilità qawwija fl-2022 kienu marbuta ma’ stress li jolqot il-prinċipji fundamentali tas-suq tal-gass u tal-elettriku, u mal-fatt li r-Russja biddlet l-użu tal-provvista tal-gass naturali lejn l-Ewropa f’arma tal-gwerra, aktar milli ma’ xi forma ta’ kummerċ diżorganizzat li l-IVM – u l-interrutturi taċ-ċirkwiti b’mod ġenerali – huma mfassla biex isolvu.

Fl-aħħar nett, l-ESMA tinnota li l-kompatibbiltà tal-IVM mal-obbligi eżistenti fir-rigward tal-interrutturi taċ-ċirwiti, kif ukoll l-implimentazzjoni tagħha minn diversi ċentri tan-negozjar billi adattaw l-interrutturi taċ-ċirkwiti eżistenti, jindikaw li l-objettiv tagħha jista’ jintlaħaq permezz tad-dispożizzjonijiet eżistenti tad-Direttiva dwar is-Suq tal-Istrumenti Finanzjarji (MiFID), u li l-objettiv li jrid jintlaħaq ma kienx jiġġustifika l-ħolqien ta’ saff ieħor ta’ interrutturi taċ-ċirkwiti.

Ir-rapport tal-ESMA hu bbażat fuq data miġbura għall-perjodu bejn Frar u Mejju 2023, perjodu kkaratterizzat minn tnaqqis fil-volatilità tas-suq tal-gass għal livelli estremament baxxi. Madankollu, fis-sajf ġew osservati episodji ta’ volatilità sinifikanti fl-istess jum fis-swieq tal-gass finanzjarji, b’mod partikolari fil-Faċilità tat-Trasferiment tat-Titoli, l-ewwel fil-bidu ta’ Ġunju u mbagħad mill-ġdid f’Awwissu, ħafna drabi b’varjazzjonijiet fil-prezzijiet ta’ aktar minn 10% fl-istess jum (li xi drabi jilħqu jew jaqbżu l-20%).

Dan jissuġġerixxi li, filwaqt li l-bilanċ tal-gass tjieb ġmielu mill-2022 sal-lum, u li l-UE setgħet tissostitwixxi b’suċċess ammont kbir ta’ gass li qabel kienet tfornih ir-Russja, għad hemm xi elementi ta’ fraġilità fis-swieq tal-enerġija. Ċerti riskji, bħal pereżempju waqfien totali u għal għarrieda fl-importazzjonijiet li fadal tal-gass Russu, inċidenti infrastrutturali, kundizzjonijiet tat-temp mhux favorevoli jew żieda sinifikanti fid-domanda għall-gass fil-livell dinji, jistgħu jfixklu s-swieq u potenzjalment jikkawżaw episodji ta’ volatilità qawwija żżejjed fl-istess jum. Ċertu volatilità sinifikanti tista’ tiġi kkawżata wkoll jekk xi atturi tas-suq jirreaġixxu għal xi aħbarijiet dwar skarsezzi potenzjali fil-provvista (anki meta dawk l-iskarsezzi eventwalment ma jseħħux).

Peress li l-UE dipendenti fuq il-provvisti tal-LNG, u peress li wara kriżi tal-enerġija mhux kollox ikun jista’ jitreġġa’ lura minnufih għas-sitwazzjoni preċedenti fil-provvista tal-enerġija, hu kruċjali li tkun żgurata l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji tal-enerġija billi tiġi evitata volatilità eċċessiva fil-prezzijiet. Sal-lum m’hemmx ċertezza li l-episodji ta’ volatilità (li żdiedu tul is-sajf tal-2023) mhux se jerġgħu jseħħu fix-xhur li ġejjin. L-ESMA tinnota li, minħabba n-nuqqas ta’ volatilità fit-tul tul il-perjodu skrutinizzat, din kellha bażi limitata biex tipprovdi valutazzjoni tal-effettività tal-IVM mil-lat ta’ effetti pożittivi jew negattivi potenzjali tiegħu.

Konklużjoni: Il-mekkaniżmu tal-volatilità fl-istess jum jista’ jgħin biex jiġu limitati ċ-ċaqliqiet estremi fil-prezzijiet u jiġu llixxati x-xejriet tal-prezzijiet fi swieq volatili ħafna. Jista’ jkollu wkoll effett dixxiplinari indirett tas-suq.

Madankollu, l-ESMA ma sabet l-ebda raġuni biex l-IVM isir element permanenti tal-qafas legali tal-UE, għalkemm il-valutazzjoni tiegħu saret f’perjodu nieqes mill-volatilità fit-tul. L-ESMA jidhrilha li l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni xierqa tal-interrutturi taċ-ċirkwiti eżistenti skont il-MiFID II, meta jitqiesu t-tagħlimiet meħuda mill-użu tal-IVMs, jistgħu jilħqu l-objettiv li jillimitaw il-volatilità eċċessiva tal-prezzijiet fl-istess jum mingħajr ma jżidu t-tieni saff ta’ interrutturi taċ-ċirkwiti fil-forma ta’ IVMs. Il-ftehim politiku riċenti dwar ir-rieżami tal-MiFID/tas-Suq fir-Regolament dwar l-Istrumenti Finanzjarji għandu jitqies ukoll. Aktar monitoraġġ tas-swieq tal-komoditajiet tal-enerġija u l-impatt tal-IVMs fil-ftit xhur li ġejjin jistgħu jkunu ta’ ġid għall-Istati Membri biex jiksbu opinjoni aktar informata dwar il-ħtieġa ta’ estensjoni temporanja tal-IVMs. Fil-ġejjieni, kif innotat l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq 15 , it-tensjoni fis-suq tal-gass toħloq ċerti riskji speċifiċi u vulnerabbiltajiet fis-swieq tad-derivattivi relatati mal-gass li jistgħu “jamplifikaw iċ-ċaqliq fis-suq” u jixħtu “pressjoni fuq il-prezzijiet tad-derivattivi”. L-analiżi ta’ dawn ir-riskji “teħtieġ iżjed ħidma biex tindirizza l-lakuni tad-data u l-frammentazzjoni tad-data.” Il-Kummissjoni se żżomm lill-Istati Membri informati bil-ħidma dwar dan is-suġġett.

2.Valutazzjoni u parametru referenzjarju tal-prezz tal-LNG (Artikoli 18 sa 22 tar-Regolament)

L-Artikolu 18 tar-Regolament jeżiġi li l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) tipproduċi u tippubblika kuljum:

·valutazzjoni tal-prezz tal-LNG, li tibda mhux aktar tard mit-13 ta’ Jannar 2023; u

·valur referenzjarju ta’ kuljum tal-LNG mill-31 ta’ Marzu 2023.

Il-valutazzjoni u l-parametru referenzjarju tal-prezz tal-LNG ġew ippromulgati biex joħolqu t-trasparenza tant meħtieġa fis-suq. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ indikatur affidabbli tal-prezz li bih l-Istati Membri tal-UE kienu qed jixtru l-LNG fis-swieq internazzjonali allegatament wassal għall-kompetizzjoni tagħhom biex jiżguraw il-provvisti tal-gass tul il-kriżi tas-sena l-oħra. Sussegwentement, dan seta’ kellu rwol sinifikanti biex jogħlew il-prezzijiet. Mill-bidu nett, dan kien maħsub bħala miżura permanenti li trid tiddaħħal mill-aktar fis possibbli fir-Regolament dwar l-Integrità u t-Trasparenza tas-Swieq tal-Enerġija bl-Ingrossa (REMIT), għax dan tqies meħtieġ fil-kuntest ta’ bidla strutturali fl-importanza tal-LNG għall-provvista tal-gass tal-UE, bidla li kellha ssir meta r-Russja biddlet l-użu tal-gass mill-pipelines f’arma tal-gwerra. Madankollu, il-kriżi tal-enerġija tal-2022 uriet kemm kienet meħtieġa b’mod urġenti għodda tat-trasparenza li tkun tirrifletti b’mod oġġettiv il-prezz li bih il-merkanzija tal-LNG kienet qed tasal fl-Ewropa. F’dan il-kuntest, il-miżura ddaħħlet fir-Regolament, b’indikazzjoni ċara li din tkun inkluża bħala miżura permanenti fir-REMIT (kif turi l-Premessa 57 tar-Regolament).

Sejbiet ewlenin: Mill-implimentazzjoni tagħha, il-valutazzjoni tal-prezz tal-LNG żiedet it-trasparenza tas-suq, skont rappurtar oġġettiv obbligatorju u li jkun jirrifletti l-prezzijiet internazzjonali tal-gass. Mill-pubblikazzjoni tagħha, il-prezzijiet tal-parametri referenzjarji tal-gass naturali fl-UE (il-Faċilità għat-Trasferiment tat-Titolu) naqsu progressivament skont il-valutazzjoni tal-prezzijiet tal-LNG. Biex ikun żgurat li jibqa’ affidabbli u oġġettiv, ir-Regolament ta setgħat speċifiċi lill-ACER biex tiġbor u tipproċessa d-data meħtieġa dwar is-suq. L-ACER issa se tippubblika regolarment il-valutazzjonijiet tal-prezzijiet li ġejjin:

·il-Majjistral tal-Ewropa;

·in-Nofsinhar tal-Ewropa; u

·l-prezz tal-LNG tal-UE.

Il-parametru referenzjarju tal-LNG kompla jsaħħaħ din it-trasparenza billi pprovda firxa tal-prezz tal-LNG tal-UE għall-prezz tas-saldu tal-Faċilità ta’ Trasferiment tat-Titolu ta’ xahar bil-quddiem, l-aktar kuntratt tal-futuri użat fl-UE u rikonoxxut b’mod wiesa’ bħala l-aktar indikatur rappreżentattiv għall-prezzijiet tal-gass tal-UE.

B’aktar trasparenza rigward il-prezz effettiv li bih l-LNG jidħol fl-UE, l-atturi tas-suq fl-Istati Membri tal-UE jkunu informati aħjar dwar il-prezzijiet tas-suq u l-Istati Membri tal-UE jkunu jistgħu jikkoordinaw aħjar biex jiżguraw il-provvisti tal-LNG bi spirtu ta’ solidarjetà, ħalli tiġi evitata pressjoni bla bżonn fuq is-suq.

Fl-14 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni adottat proposta biex jiġi emendat ir-Regolament dwar l-Integrità u t-Trasparenza tas-Swieq tal-Enerġija bl-Ingrossa (REMIT). Il-proposta tinkludi l-valutazzjoni tal-prezz tal-LNG kif ukoll il-parametru referenzjarju. Madankollu, l-adozzjoni finali u d-dħul fis-seħħ tar-REMIT rivedut mistennija jsiru wara li jiskadi r-Regolament attwali.

Konklużjoni: Il-Kummissjoni jidhrilha li hu importanti ħafna li l-miżuri rilevanti adottati b’mod temporanju jiġu estiżi ħalli b’hekk jibqa’ jkollna aktar trasparenza fl-ipprezzar tal-importazzjonijiet tal-LNG, u jkun żgurat ambjent ekwu bejn l-Istati Membri tal-UE bi spirtu ta’ solidarjetà, u biex l-Istati Membri jkollhom l-appoġġ ukoll biex jiżguraw provvista stabbli li tissodisfa l-ħtiġijiet tal-enerġija tal-UE. Din hija r-raġuni għalfejn il-proposta tar-REMIT tinkludi miżuri permanenti simili.

RIEŻAMI TAL-KAPITOLU IV (MIŻURI FIL-KAŻ TA’ EMERĠENZA TAL-GASS)

1.Regoli ta’ solidarjetà prestabbiliti (Artikoli 23 u 26 sa 28 tar-Regolament)

Biex jibqgħu jissaħħu l-miżuri tas-solidarjetà 16 fil-każ ta’ skarsezza serja fil-provvista tal-gass u biex jitpatta n-nuqqas ta’ ftehimiet bilaterali ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri tal-UE, ir-Regolament jistabbilixxi regoli ta’ solidarjetà prestabbiliti applikabbli meta ma jkunx hemm ftehimiet bilaterali. Ir-regoli ta’ solidarjetà prestabbiliti jestendu l-obbligu tas-solidarjetà għall-volumi kritiċi tal-gass meħtieġa biex tkun żgurata l-adegwatezza tas-sistema tal-elettriku, biex b’hekk tkun evitata kriżi tal-elettriku. Issa l-Istati Membri tal-UE li għandhom faċilitajiet tal-LNG qed jintalbu wkoll jagħtu solidarjetà.

Ir-regoli prestabbiliti huma bbażati fuq il-prinċipju li s-solidarjetà trid tingħata b’kumpens ġust, u l-kumpens massimu jkun jiġbor:

1.il-prezz tal-gass;

2.il-kostijiet tal-ħżin u tal-ġarr;

3.il-kostijiet tal-litigazzjoni fil-proċeduri ġudizzjarji għall-Istat Membru tal-UE fornitur tal-gass; u

4.il-kostijiet indiretti mhux riflessi fil-prezz tal-gass, eż. kumpens għat-tnaqqis tal-industrija, limitat għal 100% tal-prezz tal-gass.

Ir-regoli ta’ solidarjetà prestabbiliti jindirizzaw ukoll nuqqas fid-dispożizzjonijiet ta’ solidarjetà tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass, jiġifieri li l-Istati Membri tal-UE li qed jitolbu s-servizz, ma għandhomx għalfejn jagħtu prijorità lill-offerti msejsa fuq miżuri bbażati fuq is-suq. Ir-Regolament estenda temporanjament ukoll il-protezzjoni tas-solidarjetà għall-volumi kritiċi tal-gass għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku, u estenda temporanjament l-obbligu tas-solidarjetà għall-Istati Membri tal-UE li għandhom faċilitajiet tal-LNG.

Il-mekkaniżmu tas-solidarjetà jiġi applikat biss fil-każ ta’ emerġenza severa, u għalhekk ma jistax jiġi ttestjat fir-realtà. Madankollu, il-Kapitolu IV ġie simulat waqt sessjoni ta’ prattika kif deskritt fit-taqsima li ġejja. Barra minn hekk, f’Mejju 2023 intbagħat kwestjonarju lill-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Gass 17 .

Sejbiet ewlenin: riżultati mis-sessjoni ta’ prattika

Biex jiġu ttestjati r-rwoli u r-responsabbiltajiet fil-każ ta’ emerġenza tal-gass madwar l-UE kollha, u biex jiġu ttestjati d-dispożizzjonijiet tas-solidarjetà adottati skont ir-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass u r-Regolament, f’Diċembru 2022 il-Kummissjoni wettqet sessjoni ta’ prattika konġunta mal-Istati Membri tal-UE, l-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni u n-Network Ewropew tal-Operaturi tas-Sistema tat-Trażmissjoni tal-Gass (ENTSOG).

B’mod ġenerali, l-eżerċizzju kkonferma t-tħejjija tal-Istati Membri tal-UE, tal-Kummissjoni u tal-ENTSOG għal emerġenza tal-gass, u li r-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass u r-Regolament jikkostitwixxu qafas adegwat għal rispons ta’ emerġenza, b’mod partikolari fil-każ ta’ talbiet ta’ solidarjetà. Iżda ġew identifikati wkoll diversi punti li jeħtieġu segwitu:

·Waqt l-eżerċizzju, id-dispożizzjonijiet ta’ solidarjetà tqiesu essenzjali għas-sigurtà tal-provvista jekk jiġu stabbiliti bil-quddiem. Iżda s’issa ġew iffirmati biss numru limitat ta’ ftehimiet bilaterali (7 minn 40). Il-kumplessità tad-deċiżjoni dwar x’jikkostitwixxi kumpens ġust bejn l-Istati Membri tal-UE tqieset ostaklu biex tintalab u tingħata s-solidarjetà jekk dan ma jkunx ġie stabbilit bil-quddiem.

·Ġie identifikat li ma hemm l-ebda bażi ġuridika biex tintalab solidarjetà minn pipeline lejn Stat Membru tal-UE ġar li ma jkunx konness direttament. Din il-possibbiltà ma tissemmiex b’mod espliċitu fir-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass, iżda dak ir-Regolament fih dispożizzjonijiet għal meta żewġ Stati Membri tal-UE jkunu konnessi tramite pajjiż terz.

·Jekk Stat Membru tal-UE jirċievi żewġ talbiet ta’ solidarjetà, il-proċedura għall-allokazzjoni u l-prijoritizzazzjoni tqieset mhix ċara. Jekk is-suq ma jippermettix li jiġu ssodisfati ż-żewġ talbiet, hemm diversi alternattivi: Allokazzjoni prorata, allokazzjoni skont l-ordni sekwenzjali tat-talbiet (min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel), jew allokazzjoni skont l-ammont riċevut bħala kumpens.

·Diversi Stati Membri tal-UE huma tal-fehma li se jinħolqu l-kumplikazzjonijiet minħabba l-ħin mibdul tas-sottomissjoni ta’ talba ta’ solidarjetà għal mill-anqas 72 siegħa qabel il-ħin tal-wasla indikat, maqbul fir-Regolament. Il-parteċipanti esprimew ix-xewqa li għas-solidarjetà mogħtija bil-pipelines ikun japplika perjodu ta’ 24 siegħa, filwaqt li t-72 siegħa xorta jistgħu jkunu rilevanti għas-solidarjetà mogħtija bl-LNG.

·Il-bażi ġuridika biex tintalab u tingħata s-solidarjetà tal-LNG teħtieġ aktar kjarifiki, inkluż dwar kwistjonijiet kuntrattwali relatati mad-devjazzjonijiet tal-merkanzija u l-kumpens lil partijiet terzi, id-disponibbiltà tal-bastimenti, diskrepanza possibbli fil-volumi bejn it-talba ta’ solidarjetà u l-volumi fil-bastiment inkwistjoni, u l-modi li jiżguraw il-pagamenti.

Konklużjoni: Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni huma dawn:

·Il-kunċett ta’ regoli ta’ solidarjetà prestabbiliti, fin-nuqqas ta’ ftehimiet bilaterali, għandu jsir permanenti. B’hekk l-arkitettura tas-sigurtà tal-provvista tal-UE tkun kompluta b’mod permanenti, filwaqt li l-Istati Membri tal-UE jinħelsu mill-obbligu li jiffirmaw ftehimiet bilaterali.

·Minħabba x-xenarju l-ġdid tal-enerġija fl-UE, bl-LNG jsir is-sors ewlieni tal-provvista tal-gass, l-estensjoni tas-solidarjetà għal-LNG hi kruċjali għas-sigurtà tal-provvista. Fir-Regolament japplikaw l-istess dispożizzjonijiet għall-gass mill-pipeline u għal-LNG, iżda dan ma għadux jirrifletti r-realtà. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet jibbenefikaw jekk jiġu adattati wkoll skont l-ispeċifiċità tas-suq tal-LNG.

·Il-volumi kritiċi tal-gass huma ddisinjati biex jiżguraw l-adegwatezza tas-sistema tal-elettriku ħalli l-kriżi tal-gass ma tixteridx għas-sistema tal-elettriku. Apparti dawk proposti fir-Regolament, jistgħu jiġu esplorati modi oħra kif dan jista’ jsir.

2.Konsum mhux essenzjali tal-klijenti protetti (Artikolu 24 tar-Regolament)

L-Artikolu 2 tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass jiddefinixxi l-klijenti protetti bħala konsumaturi domestiċi konnessi man-network tad-distribuzzjoni. L-Istati Membri tal-UE jistgħu jiddeċiedu wkoll li jżidu l-konsumaturi li ġejjin mal-klijenti protetti tagħhom, diment li f’daqqa ma jkunux jirrappreżentaw aktar minn 20% tal-konsum annwali totali tal-gass:

1.l-intrapriżi żgħar u medji konnessi mal-grilja tad-distribuzzjoni;

2.is-servizzi soċjali essenzjali;

3.l-installazzjonijiet tat-tisħin distrettwali.

L-Istati Membri jeħtieġ jistabbilixxu miżuri stretti biex jiżguraw il-provvista lil dawn il-klijenti protetti u biex jevitaw l-iskonnessjonijiet, anki waqt emerġenza tal-gass.

Madankollu, waqt il-kriżi tal-enerġija tal-2022, u wara l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369 tal-5 ta’ Awwissu 2022 dwar miżuri kkoordinati għat-tnaqqis tad-domanda għall-gass, żdiedet l-importanza ta’ tnaqqis volontarju tad-domanda fost is-setturi kollha.

Għalhekk, l-Artikolu 24 tar-Regolament introduċa l-possibbiltà li l-Istati Membri tal-UE jieħdu miżuri biex inaqqsu l-konsum mhux essenzjali tal-klijenti protetti, diment li dawn il-klijenti ma jkunux jikkwalifikaw bħala konsumaturi vulnerabbli kif definit fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/73/KE dwar regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali.

Sejbiet ewlenin: Fit-12 ta’ Mejju 2023, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-membri tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Gass, u fost l-oħrajn talbet rispons dwar id-dispożizzjonijiet relatati mal-konsum mhux essenzjali tal-klijenti protetti u dwar salvagwardji addizzjonali li jiżguraw il-flussi transfruntieri tal-gass. Ir-riżultati kienu:

·diversi Stati Membri tal-UE indikaw li għalihom dan l-approċċ aktar flessibbli għall-kunċett tal-klijenti protetti kien benefiċċjali, għax pereżempju jista’ jillibera volumi għall-industriji kritiċi b’impatt relattivament żgħir fuq l-unitajiet domestiċi (billi pereżempju jbaxxu ftit it-termostat);

·xi Stati Membri tal-UE indikaw li din id-dispożizzjoni kienet diffiċli biex tiġi applikata fil-prattika, għax hu diffiċli li jiġi monitorjat il-konsum mhux essenzjali tal-klijenti protetti fuq bażi mhux annwali.

Konklużjoni: Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kunċett ta’ konsum mhux essenzjali tal-klijenti protetti hu kunċett utli fil-kuntest ta’ sforzi kontinwi jew futuri biex tonqos id-domanda. 

3.Salvagwardji għall-flussi transfruntieri tal-gass (Artikolu 25 tar-Regolament)

L-Artikolu 12(5)a tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass jiddikjara li l-Istati Membri tal-UE ma għandhomx jillimitaw bla bżonn il-flussi transfruntieri tal-gass. Madankollu, il-proċedura għal dan tista’ tieħu sa ġimgħa biex tiġi konkluża u għalhekk, f’nofs kriżi, il-flussi transfruntieri jistgħu jitwaqqfu bla bżonn.

Din hija r-raġuni għalfejn l-Artikolu 25 tar-Regolament introduċa salvagwardji addizzjonali biex jiżgura l-flussi transfruntieri tal-gass, ħalli l-Kummissjoni tkun tista’ tobbliga lill-Istat Membru tal-UE inkwistjoni jimmodifika l-azzjonijiet tiegħu b’effett immedjat.

Sejbiet ewlenin: Qatt ma ġiet dikjarata emerġenza kif definita fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2017/1938, u għalhekk id-dispożizzjoni ma ġietx ittestjata. Fil-kwestjonarju msemmi hawn fuq, il-membri tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Gass madankollu ntalbu jagħtu l-fehmiet tagħhom dwar il-kwistjoni. It-tweġibiet tagħhom jistgħu jiġu kkategorizzati kif ġej.

Inqis l-Artikolu 25 b’mod pożittiv

L-Artikolu 12(5) diġà jiġi osservat

Ma naqbilx ma’ salvagwardji ġodda

Frekwenza

10/18 (55%)

3/18 (17%)

5/18 (28%)

Argumentazzjoni

·Ir-rispondenti apprezzaw iż-żieda fiċ-ċertezza.

·Is-solidarjetà hi kruċjali waqt kriżi.

·L-Artikolu 12(5) tqies diġà legalment vinkolanti.

·L-Artikolu 12(5) jiġi osservat anki mingħajr salvagwardji addizzjonali.

·Imħasseb/ba dwar il-possibbiltà li d-dispożizzjonijiet jinżammu b’mod indefinit.

·L-Istati Membri tal-UE għandhom ikunu jistgħu jiddefendu l-pożizzjoni tagħhom.

It-tweġibiet ta’ dan il-kwestjonarju huma sinjal li l-biċċa l-kbira tar-rispondenti jidhrilhom li s-salvagwardji għall-flussi transfruntieri tal-gass huma utli, għax isiqu s-siwi tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-Artikolu 25 tar-Regolament, jew inkella għax jemmnu li l-Artikolu 12(5) tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass diġà qed jiġi osservat il-ħin kollu.

Konklużjoni: Il-Kummissjoni tikkonkludi li hu importanti li wieħed ifittex li jżomm is-salvagwardji għall-flussi transfruntieri tal-gass, u li jkollu proċedura iqsar, biex waqt kriżi jkunu żgurati l-flussi transfruntieri.

KONKLUŻJONI

Is-sitwazzjoni ġenerali tal-provvista tal-gass lill-Unjoni

Minn mindu r-Russja invadiet l-Ukrajna, l-Ewropa wettqet bidla fl-enerġija mingħajr preċedent. Is-suq tal-gass tal-UE seta’ jibqa’ fornut tajjeb minkejja li tilef ammonti kbar mis-sehem tal-flussi mir-Russja (-70 biljun metru kubu (bcm) fl-2022) bis-saħħa ta’ żieda fil-provvisti tal-LNG (+50 bcm fl-2022), bis-saħħa tal-importazzjonijiet mill-pipelines mingħand sħab mhux Russi, u bis-saħħa ta’ tnaqqis fid-domanda għall-gass (-58 bcm fl-2022) li ffaċilita l-mili tal-ħażniet għal livelli storikament għoljin biex f’Awwissu kien ġie ssodisfat ir-rekwiżit ta’ 90% stabbilit mir-Regolament dwar il-Ħżin 18 .

Din il-bidla saret possibbli bl-implimentazzjoni b’suċċess tal-miżuri mill-UE u mill-Istati Membri tagħha fl-oqsma ewlenin kollha tal-politika tal-enerġija, inkluż il-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE, il-politika dwar il-mili tal-ħażniet fil-livell tal-UE, it-tnaqqis fid-domanda għall-gass, it-tnaqqis fid-domanda massima għall-elettriku, il-varar aktar malajr tas-sorsi rinnovabbli u t-titjib immirat fl-infrastruttura (+25 bcm f’kapaċità ġdida tar-rigassifikazzjoni tal-LNG).

Is-sitwazzjoni tal-ibbilanċjar tal-gass tjiebet meta mqabbla mal-2022, meta l-prezzijiet tal-gass żdiedu għal livelli mingħajr preċedent iżjed minn EUR 300/MWh. Madankollu, il-gwerra ma ntemmitx u l-prezzijiet tal-gass xorta għadhom ogħla u aktar volatili minn qabel is-sajf tal-2021 meta r-Russja biddlet is-settur tal-gass f’arma tal-gwerra. Bl-impatt pożittiv kontinwu tal-miżuri ta’ politika tal-2022 relatati mal-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE, it-tnaqqis fid-domanda estiż għal Marzu 2024 u l-miri milħuqa tal-mili tal-ħażniet, il-prospettiva għax-xitwa li ġejja hi aktar pożittiva b’mod ġenerali milli kienet għax-xitwa 2022/2023. Madankollu, baqa’ xi riskji sinifikanti għas-sigurtà tal-provvista tal-gass lejn l-UE, fosthom: waqfien totali u għal għarrieda fl-importazzjonijiet tal-gass Russu, inċidenti infrastrutturali, kundizzjonijiet tat-temp mhux favorevoli, żieda fid-domanda għall-gass fl-Ewropa jew band’oħra li toħloq rivalità għall-merkanzija tal-LNG, żieda fl-użu tal-gass għall-ġenerazzjoni tal-elettriku minħabba nixfiet jew qtugħ nukleari mhux ippjanat. Dawn ilkoll huma fatturi tar-riskju li jistgħu, speċjalment jekk jinqalgħu fl-istess ħin, jagħsru lis-swieq u jerġgħu jagħmlu pressjoni fuq il-prezzijiet.

Barra minn hekk, il-perspettiva pożittiva għax-xitwa 2023/2024 hi soġġetta għall-żamma tal-bilanċ tal-enerġija miksub is-sena l-oħra bis-saħħa tal-isforzi tal-Istati Membri tal-UE u l-miżuri tal-politika li stabbilew. Deterjorament fil-bilanċ tal-gass, jekk jiġri flimkien ma’ xi wħud mir-riskji msemmija hawn fuq, jista’ jdgħajjef is-sigurtà tal-provvista tal-UE. Għalhekk neħtieġu viġilanza kontinwa u monitoraġġ mill-qrib tas-suq. L-UE jeħtieġ titħejja wkoll għax-xenarji tal-agħar każ possibbli.

Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-estensjoni tar-Regolament

Mis-sejbiet ewlenin fl-ewwel xhur tal-implimentazzjoni tar-Regolament, kif stabbilit f’dan ir-rapport, il-Kummissjoni jidhrilha li d-dispożizzjonijiet tiegħu kellhom sehem importanti biex inkisbet l-istabbilizzazzjoni tas-suq tal-gass u kienet żgurata provvista xierqa tal-gass lill-UE, u li r-Regolament hu parti importanti mis-sett tal-għodda tas-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-UE.

Minħabba r-riskji persistenti msemmija hawn fuq, l-interess tal-atturi tas-suq, u l-potenzjal ta’ benefiċċji tal-mekkaniżmu tax-xiri konġunt u tal-mekkaniżmu tas-solidarjetà, il-Kummissjoni qed tevalwa jekk għandhiex tipproponi li testendi wħud mill-miżuri jew il-miżuri kollha tar-Regolament u kif xi wħud mill-miżuri fih jistgħu jiġu integrati b’mod aktar strutturali.

Għal dan il-għan, ir-Regolament tal-Gass rivedut (ir-Regolament (KE) 2009/715) (il-Pakkett dwar is-Swieq tal-Idroġenu u tal-Gass Dekarbonizzat) ġie identifikat bħala att legali xieraq biex jiddaħħlu ċerti aspetti tal-mekkaniżmu tax-xiri konġunt u tal-mekkaniżmu tas-solidarjetà (skont is-sejbiet u t-tagħlimiet meħuda waqt l-applikazzjoni tar-Regolament). Il-koleġiżlaturi bħalissa qed jaħdmu flimkien f’dan ir-rigward.

(1)

     Ir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2017 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 994/2010

(2)

   Dan jgħodd kemm għall-futuri (bl-eqreb skadenza) tat-TTF (il-Faċilità għat-Trasferiment tat-Titolu) kif ukoll għall-ispot tat-TTF (ġurnata bil-quddiem).

(3)

   AggregateEU hu mekkaniżmu tal-aggregazzjoni tad-domanda u tax-xiri konġunt imħaddem minn Prisma, il-fornitur tas-servizzi, permezz tal-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill 2022/2576.

(4)

   L-Artikolu 3 jistipula li: “1. Għall-għan waħdani ta’ koordinazzjoni aħjar, l-impriżi tal-gass naturali jew l-impriżi li jikkonsmaw il-gass stabbiliti fl-Unjoni jew l-awtoritajiet ta’ Stati Membri, li jkun beħsiebhom iniedu offerta għax-xiri tal-gass jew jiftħu n-negozjati ma’ produtturi jew fornituri tal-gass naturali minn pajjiżi terzi dwar ix-xiri tal-gass, ta’ volum ta’ aktar minn 5TWh/sena, għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni u fejn applikabbli lill-Istat Membru li fih huma stabbiliti dawk l-impriżi bil-konklużjoni ta’ kuntratt dwar il-forniment tal-gass jew memorandum ta’ qbil jew bit-tnedija ta’ offerta għax-xiri tal-gass.”

(5)

     Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tinsab hawn: Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Jannar 2023 li tistabbilixxi l-Bord tat-Tmexxija ad hoc biex jiffaċilita l-koordinazzjoni tal-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt tal-gass 2023/C 48/05 .

(6)

     Il-lista tal-pajjiżi tal-operazzjonijiet tal-BERŻ tinsab fuq https://www.ebrd.com/where-we-are.html.

(7)

   Meta l-appoġġ finanzjarju, fil-forma ta’ garanziji jew forom oħrajn, ikun jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, dan ikun soġġett għall-kontroll tal-għajnuna mill-Istat skont l-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE.

(8)

   Il-mudell rilevanti jinsab fuq https://aggregateeu.prisma-capacity.eu/support/solutions/articles/36000429400-how-to-fill-out-the-declaration-of-honor- .

(9)

   L-Artikolu 8 (Parteċipazzjoni fl-aggregazzjoni tad-domanda u fix-xiri konġunt) jiddikjara li: “1. Il-parteċipazzjoni fl-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt għandha tkun miftuħa u trasparenti għall-impriżi kollha tal-gass naturali u l-impriżi kollha li jikkonsmaw il-gass stabbiliti fl-Unjoni irrispettivament mill-volum mitlub. L-impriżi tal-gass naturali u l-impriżi li jikkonsmaw il-gass għandhom ikunu preklużi milli jipparteċipaw bħala fornituri, produtturi u konsumaturi fl-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt, jekk ikunu:    
(a) immirati mill-miżuri restrittivi tal-Unjoni adottati skont l-Artikolu 215 tat-TFUE, b’mod partikolari l-miżuri restrittivi tal-Unjoni adottati fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, jew fir-rigward ta’ azzjonijiet li jimminaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna;    
(b) fis-sjieda jew ikkontrollati direttament jew indirettament, minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi fil-mira ta’ dawn il-miżuri restrittivi tal-Unjoni, jew li jaġixxu f’isimhom jew bid-direzzjoni tagħhom; jew    
(c) fis-sjieda jew ikkontrollati direttament jew indirettament, mill-Federazzjoni Russa jew mill-Gvern tagħha jew minn xi persuna fiżika jew ġuridika Russa jew entità jew korp stabbilit fir-Russja, jew li jaġixxu f’isimhom jew bid-direzzjoni tagħhom.”

(10)

     Meta x-xerrejja jqabbdu kumpanija oħra biex taġixxi bħala aġent li jipprovdi s-servizzi (pereżempju r-riżerva ta’ slott fit-terminal tal-LNG).

(11)

     Meta diversi xerrejja jitolbu lil kumpanija oħra taġixxi f’isimhom bħala xerrejja u tixtri l-gass għalihom.

(12)

     Ir-rapport jinsab fuq: https://www.esma.europa.eu/sites/default/files/2023-06/ESMA70-156-6509_Final_Report_Intra-day_Volatility_Management_Mechanism.pdf.

(13)

     Capman AD (il-Belġju), 42 Financial Services (iċ-Ċekja), European Energy Exchange (il-Ġermanja – kemm is-suq regolat kif ukoll il-faċilità tan-negozjar organizzata), MEFF Power (Spanja), CIMD SV SA (Spanja), Tradition Espana (Spanja), Griffin Markets Europe (Franza), TPICAP EU (Franza), Tradition Paris (Franza), Hellenic Energy Exchange (il-Greċja), Hungarian Derivative Energy Exchange (l-Ungerija), Marx Spectron Europe (l-Irlandja), Borsa Italiana SPA – IDEM (l-Italja), ICE Endex Markets BV (in-Netherlands), Nasdaq Oslo ASA (in-Norveġja) u OMIP – Polo Portugues SGMR SA (il-Portugall).

(14)

     L-informazzjoni sottostanti nġabret f’żewġ iterazzjonijiet bejn Frar u Mejju 2023.

(15)

     L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, TRV Risk Analysis: EU natural gas derivatives markets: risks and trends, it-12 Mejju 2023.

(16)

     Inizjalment previsti mill-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2017/1938, li jistabbilixxi l-mekkaniżmi tas-“solidarjetà” applikabbli bħala l-aħħar alternattiva fil-każ ta’ emerġenza severa tal-gass u regolati bi ftehimiet bilaterali ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri tal-UE.

(17)

     Il-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Gass hu grupp konsultattiv permanenti li jikkoordina l-miżuri tas-sigurtà tal-provvista, speċjalment waqt xi kriżi. Ara: Reġistru ta’ gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni u ta’ entitajiet simili oħrajn .

(18)

   Ir-Regolament (UE) 2022/1032 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2022 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1938 u (KE) Nru 715/2009 fir-rigward tal-ħżin tal-gass.

Top