IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.7.2023
COM(2023) 457 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Missjonijiet tal-UE sentejn wara: valutazzjoni tal-progress u t-triq ’il quddiem
{SWD(2023) 260 final}
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Missjonijiet tal-UE sentejn wara: valutazzjoni tal-progress u t-triq ’il quddiem
1.Strument ġdid fl-Orizzont Ewropa
L-UE qed tiffaċċja sfidi bla preċedent, f’kuntest ta’ bidla rapida u ta’ multiplikazzjoni tat-theddid iżda wkoll tal-opportunitajiet. Hemm ħtieġa urġenti għal soluzzjonijiet innovattivi għal dawn l-isfidi, li jinkludu l-gwerra Russa ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna, l-impatti tat-tibdil fil-klima, id-degradazzjoni ambjentali, l-emerġenzi tas-saħħa, il-pressjonijiet demografiċi, u inugwaljanzi dejjem akbar. Il-kapaċità tal-UE li tindirizzahom se ssawwar il-futur kollettiv tagħna, iżda wkoll il-perċezzjonijiet tal-effettività tas-sistema demokratika tagħna u tal-valuri tagħha.
Il-politika pubblika bbażata fuq Missjoni hija approċċ ġdid u promettenti biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetà. Dan jinvolvi l-istabbiliment ta’ għanijiet ambizzjużi u speċifiċi iżda li jistgħu jintlaħqu u t-tmexxija tar-riżorsi pubbliċi u privati, tal-isforzi fir-riċerka u l-innovazzjoni (R&I), u tal-involviment pubbliku biex dawn jintlaħqu fi żmien speċifikat. L-approċċ tnieda fl-Orizzont Ewropa, il-programm ta’ finanzjament tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni (R&I), bħala parti mis-sett ta’ strumenti estiż tiegħu.
Il-Missjonijiet tal-UE jikkomplementaw u jibnu fuq ir-R&I konvenzjonali b’diversi modi uniċi. Dawn għandhom l-għan li jiksbu eżiti soċjetali konkreti u tanġibbli, filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-istrumenti l-oħra huma mmirati lejn impatti xjentifiċi u/jew ekonomiċi. Minbarra li jipprovdu appoġġ finanzjarju għar-R&I, huma jikkoordinaw ukoll ma’ aspetti regolatorji u ta’ politika rilevanti. Dawn għandhom perjodi ta’ żmien itwal u li jistgħu jiġu ddeterminati li madankollu huma fissi. Dan jiffoka l-isforzi u jiskatta għaġla lejn it-tmiem. Huma jiffokaw b’mod qawwi fuq l-involviment taċ-ċittadini u tal-partijiet ikkonċernati mill-bidu, u jagħmlu l-aċċettazzjoni tat-teknoloġija u l-inklużività parti integrali mill-mudell. Għalkemm għandhom l-għeruq fir-R&I, dawn imorru lil hinn mir-riċerka bażika u applikata biex jieħdu approċċ wiesa’ għall-innovazzjoni (inkluż dak soċjali u organizzazzjonali) u jivvalorizzaw l-għarfien eżistenti, filwaqt li jgħaqqdu flimkien il-firxa sħiħa ta’ attivitajiet tal-Orizzont Ewropa. Il-Missjonijiet ma jippreskrivux il-mezzi biex jilħqu l-objettivi tagħhom, u dan jagħmilhom transdixxiplinari skont id-disinn, li jeħtieġu approċċ tal-portafoll li joħloq sinerġiji u komplementarjetajiet fl-iżvilupp u fil-varar ta’ soluzzjonijiet.
Orizzont Ewropa identifika ħames Oqsma tal-Missjoni fejn l-isfidi jistgħu jiġu indirizzati b’mod effettiv f’approċċ ibbażat fuq il-missjoni. Dawn l-Oqsma huma: L-Adattament għat-Tibdil fil-Klima, inkluża t-Trasformazzjoni Soċjetali; il-Kanċer; l-Oċeani, l-Ibħra, l-Ilmijiet Kostali u Interni f’Saħħithom; il-Bliet Newtrali għall-Klima u Intelliġenti; u s-Saħħa tal-Ħamrija u l-Ikel. Sa issa, il-Kummissjoni nediet ħames Missjonijiet tal-UE, abbażi ta’ rapporti minn Bords tal-Missjoni dedikati li vvalutaw il-maturità tal-innovazzjoni teknoloġika u soċjali f’dawn l-oqsma. Għal kull Missjoni, ġew abbozzati Pjanijiet dettaljati ta’ Implimentazzjoni tal-Missjoni, bl-użu tal-kriterji tal-Missjoni tal-bażi ġuridika ta’ Orizzont Ewropa bħala punt tat-tluq.
Ir-Regolament Orizzont Ewropa jeħtieġ valutazzjoni tal-Missjonijiet tal-UE mhux aktar tard mill-2023. Din il-valutazzjoni hija waħda kemm mill-Missjonijiet individwali kif ukoll mill-istrument tal-Missjonijiet bħala tali, u rieżami tal-Oqsma tal-Missjoni. Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal (SWD) li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni jippreżenta r-riżultati ta’ din il-valutazzjoni u jipprovdi “awtovalutazzjonijiet” għal kull Missjoni organizzata madwar il-kriterji li ġejjin:
·Għan ambizzjuż iżda realistiku tal-Missjoni;
·Valur miżjud;
·Kontenut ta’ R&I;
·L-iżgurar li l-implimentazzjoni tkun fattibbli, tista’ titkejjel, u marbuta biż-żmien;
·L-iżgurar ta’ aċċettazzjoni jew ftehim;
·Baġit;
·Involviment taċ-ċittadini u tal-partijiet ikkonċernati;
·Progress, kisbiet u stadji importanti.
Il-valutazzjoni tal-proċess tal-għażla identifikat ukoll lakuni u wasslet għal riflessjonijiet dwar il-possibbiltà tat-tnedija ta’ Missjonijiet addizzjonali fil-ħames Oqsma. Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi s-sejbiet prinċipali ta’ valutazzjoni bir-reqqa tal-Missjonijiet tal-UE u tfassal it-triq ’il quddiem għal dan l-istrument.
2.Il-kisbiet ewlenin sa issa
Inqas minn sentejn wara l-implimentazzjoni, il-ħames Missjonijiet kurrenti tal-UE wrew individwalment u kollettivament il-potenzjal tagħhom. Din it-taqsima tipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-kisbiet prinċipali identifikati fil-valutazzjoni għal kull waħda mill-ħames Missjonijiet kurrenti, kif ukoll valutazzjoni ġenerali tat-tagħlimiet pożittivi meħuda. It-taqsima li jmiss tiffoka fuq il-limitazzjonijiet identifikati u tipproponi azzjonijiet biex tindirizzahom u tkompli tiżviluppa u ttejjeb l-istrument tal-Missjonijiet fis-snin li ġejjin.
L-Adattament għat-Tibdil fil-Klima
Il-Missjoni għandha l-għan li tappoġġa mill-inqas 150 reġjun Ewropew biex isiru reżiljenti għall-klima sal-2030. Il-Missjoni ġiet żviluppata b’mod parallel mal-Istrateġija ta’ Adattament tal-UE u hija marbuta mal-għan tal-Istrateġija ta’ Ewropa reżiljenti għall-klima sal-2050. Hija mfassla biex tgħin biex jitħaffef l-adattament għat-tibdil fil-klima u tinstiga t-tibdil trasformattiv fl-Ewropa, u tikkontribwixxi għal tfassil ta’ politika aktar sistemiku bbażat fuq l-aħħar għarfien, teknoloġiji u data ġġenerati mir-R&I.
B’mod aktar speċifiku, qed tgħin lir-reġjuni u lill-awtoritajiet lokali billi tipprovdi appoġġ dirett u billi tiffaċilita l-aċċess għall-għarfien fi tliet oqsma: 1) biex jifhmu aħjar ir-riskji klimatiċi li huma esposti għalihom jew li se jkunu esposti għalihom; 2) biex jiddefinixxu mogħdijiet għar-reżiljenza klimatika għal mill-inqas 150 reġjun billi jsir esperiment b’futuri differenti; u 3) biex tinbena r-reżiljenza b’mill-inqas 75 proġett ta’ dimostrazzjoni fuq skala kbira.
Mit-tnedija tal-Missjoni f’Settembru 2021, 308 awtoritajiet reġjonali u lokali ffirmaw il-Karta tal-Missjoni, li turi impenn politiku ċar għal ħidma lejn l-objettivi tal-Missjoni. F’Jannar 2023 tnedew il-Pjattaforma tal-Implimentazzjoni tal-Missjoni, li tipprovdi assistenza teknika lir-reġjuni, u l-komunità ta’ prattika tal-Missjoni. Flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), il-Missjoni bdiet tilħaq lir-reġjuni biex tidentifika sensiela ta’ proġetti ta’ adattament bankabbli. F’kollaborazzjoni mad-DĠ JRC u l-KKI dwar il-Klima tal-EIT, qed jiġu żviluppati mogħdijiet ta’ innovazzjoni għall-adattament, li jibnu fuq speċjalizzazzjoni intelliġenti u s-sħubijiet għall-innovazzjoni reġjonali.
L-ewwel proġetti tal-Missjoni ta’ Orizzont Ewropa qed jgħinu lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju klimatiku u tal-vulnerabbiltà, juru soluzzjonijiet innovattivi (bħal binjiet reżistenti għall-għargħar, għelejjel aktar reżistenti għan-nixfa, u prodotti innovattivi tal-assigurazzjoni) jew jappoġġawhom b’għodod biex jinvolvu liċ-ċittadini tagħhom b’mod parteċipattiv. Għall-proġetti ta’ dimostrazzjoni li jissodisfaw il-kriterji tal-għażla iżda li ma jistgħux jingħataw prijorità, jingħata Siġill ta’ Eċċellenza biex jiffaċilita l-adozzjoni tagħhom minn programmi ta’ finanzjament oħrajn.
Il-Kanċer
Il-Missjoni dwar il-Kanċer stabbiliet l-għan ġenerali ta’ titjib tal-ħajja ta’ aktar minn 3 miljun ruħ sal-2030, permezz tal-prevenzjoni, tal-kura u għal dawk affettwati mill-kanċer inklużi l-familji tagħhom, biex jgħixu ħajja itwal u aħjar. Il-Missjoni tiffoka fuq erba’ objettivi speċifiċi: (1) tipprovdi fehim aħjar tal-kanċer, (2) iżżid il-prevenzjoni, inkluż permezz tal-iskrinjar u d-detezzjoni bikrija, (3) ittejjeb id-dijanjożi u t-trattament, u (4) iżżid il-kwalità tal-ħajja għall-pazjenti u għall-familji tagħhom.
Il-Missjoni dwar il-Kanċer hija komponent ewlieni tal-investiment tal-UE fir-riċerka u l-innovazzjoni dwar il-kanċer li hija essenzjali għat-twettiq b’suċċess tal-Pjan dwar il-Kanċer u ħafna mill-azzjonijiet ewlenin tiegħu, bħala parti minn Unjoni Ewropea tas-Saħħa b’saħħitha. Sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tal-politiki tar-R&I u tas-saħħa, il-Missjoni dwar il-Kanċer u l-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer ġew żviluppati b’mod konġunt mill-bidu nett. L-objettivi tagħhom huma allinjati, intlaħaq qbil dwar inizjattivi ewlenin komplementari, u ġiet stabbilita governanza konġunta.
Fil-livell tal-UE, il-Missjoni dwar il-Kanċer u l-Pjan dwar il-Kanċer rawmu djalogu ġdid mal-Istati Membri dwar il-kanċer u laqqgħu flimkien lill-ministeri tas-saħħa u tar-riċerka biex jaħdmu flimkien f’sottogrupp konġunt dwar il-kanċer tal-Grupp ta’ Esperti dwar is-Saħħa Pubblika. Dan qed joħloq l-ambjent it-tajjeb sabiex l-evidenza tar-riċerka tinforma b’mod sistematiku l-iżvilupp tal-politika. Il-Missjoni dwar il-Kanċer iffaċilitat l-involviment bikri tal-Grupp ta’ Esperti dwar is-Saħħa Pubblika li għen fit-tfassil tar-Rakkomandazzjoni aġġornata tal-Kunsill dwar l-iskrinjar tal-kanċer, l-estensjoni tal-iskrinjar għall-kanċer tal-prostata, tal-pulmun, u tal-istonku lil hinn mill-kanċer tas-sider, kolorettali u ċervikali. Billi jirreplikaw dan l-approċċ integrat għall-politiki tas-saħħa u r-riċerka, iċ-Ċentri Nazzjonali tal-Missjoni dwar il-Kanċer li tnedew reċentement se jrawmu djalogi bejn il-politiki mal-partijiet ikkonċernati nazzjonali dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-kanċer.
Il-Missjoni qed taqdi rwol ewlieni biex tippermetti l-iżvilupp tal-UNCAN.eu, ċentru Ewropew tad-data dwar il-kanċer, biex tgħin lir-riċerkaturi janalizzaw id-data kkombinata tar-riċerka, tas-saħħa u data rilevanti oħra fuq skala mingħajr preċedent, u b’hekk tagħti spinta lir-robustezza tad-data u toħloq opportunitajiet ġodda ta’ riċerka. Il-Missjoni qed tippermetti wkoll inizjattivi oħra tal-UE: hija tappoġġa ċ-Ċentru Diġitali Ewropew għall-Pazjenti bil-Kanċer, li se jippermetti lill-pazjenti jikkondividu d-data tagħhom u “jinnavigaw” aħjar is-sistemi tas-saħħa, issarraf l-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa futur f’benefiċċji tanġibbli għar-riċerkaturi u għaċ-ċittadini. Barra minn hekk, tnieda djalogu mas-superstiti żgħażagħ tal-kanċer, li jagħtihom spazju biex jikkondividu l-esperjenza tagħhom, jesprimu l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, u b’mod konġunt joħolqu inizjattivi li se jgħinuhom jindirizzawhom.
Nirrestawraw l-Oċeani u l-Ilmijiet Tagħna sal-2030
L-għan tal-Missjoni huwa li l-protezzjoni u r-restawr tal-ekosistemi tal-baħar u tal-ilma ħelu jiġu rikonċiljati mal-pressjonijiet dejjem jiżdiedu fuq ir-riżorsi akkwatiċi. Il-Missjoni tikkontribwixxi direttament biex l-UE ssir minn ta’ quddiem fit-tranżizzjoni għal ekonomija blu sostenibbli u ċirkolari u biex tmexxi l-mewġa l-ġdida ta’ innovazzjonijiet li din it-tranżizzjoni teħtieġ.
Bħala inizjattiva inklużiva, sistemika u trasformattiva li tiġbor flimkien l-isforzi eżistenti fil-livelli tal-UE, nazzjonali u reġjonali, il-Missjoni tikkontribwixxi biex jingħelbu oqfsa ta’ governanza frammentati u tappoġġa leġiżlazzjoni u politiki ewlenin tal-UE fl-oqsma tal-baħar, marittimi u tal-ilma ħelu kif ukoll f’oqsma relatati.
Il-Missjoni stabbiliet erba’ “fanali” tal-Missjoni f’baċiri ewlenin Ewropej tal-baħar u tax-xmajjar bħala siti biex jiġu ppilotati, murija u varati fuq skala kbira s-soluzzjonijiet meħtieġa, u jagħmluhom disponibbli għal aktar minn 100 reġjun assoċjat Ewropew. Aktar minn 480 azzjoni ġew imwiegħda skont il-Karta tal-Missjoni, u b’hekk ġie mmobilizzat total ta’ EUR 3,72 biljun. Bl-approvazzjoni tal-Karta, l-Istati Membri, ir-reġjuni, l-awtoritajiet lokali, is-sħab internazzjonali u ħafna partijiet ikkonċernati differenti qed jesprimu appoġġ politiku qawwi, jieħdu miżuri konkreti u jimmobilizzaw azzjonijiet u riżorsi minn isfel għal fuq. Qed jiġu stabbiliti komunitajiet ewlenin ta’ atturi (eż. portijiet, sidien tal-flotot, bliet kostali, gżejjer, komunitajiet tas-sajd u tal-konservazzjoni) taħt il-fanali tal-Missjoni biex jiġbru flimkien bliet kostali, gżejjer, komunitajiet tas-sajd u tal-konservazzjoni, portijiet, u sidien tal-flotot. Tnediet Pjattaforma ta’ Implimentazzjoni biex tipprovdi appoġġ lill-partijiet ikkonċernati impenjati biex jimplimentaw il-Missjoni.
Mod wieħed kif jintlaħqu l-partijiet ikkonċernati huwa t-Tewmi Diġitali Ewropew tal-Oċean li se jkun operazzjonali fl-2024. Dan jagħmel l-għarfien dwar l-oċeani disponibbli faċilment għaċ-ċittadini, għall-imprendituri, għax-xjenzati u għal dawk li jfasslu l-politika, u b’hekk jippermetti tbassir u deċiżjonijiet infurmati. Il-Missjoni qed timplimenta wkoll approċċi parteċipattivi u involviment taċ-ċittadini bħal azzjonijiet għaċ-ċittadini ta’ għarfien dwar ix-xjenza u l-oċeani, impriżi mmexxija mill-komunità għat-trobbija tal-oċeani u kampanji favur konsum responsabbli tal-prodotti tal-baħar.
Il-Missjoni qed taġixxi bħala katalista għal sinerġiji u komplementarjetajiet fi programmi differenti tal-UE, nazzjonali u reġjonali, li diġà qed jiġbru fondi lil hinn mir-R&I, jiġifieri pjanijiet nazzjonali tal-FEMSA, BlueInvest b’EUR 1,5 biljun f’finanzjament ta’ riskju, Fondi ta’ Rkupru u ta’ Reżiljenza, Interreg u Copernicus.
100 Belt Newtrali għall-Klima u Intelliġenti sal-2030
Iż-żewġ għanijiet tal-Missjoni huma li tħejji 100 Belt Newtrali għall-Klima u Intelliġenti sal-2030 u li tiżgura li dawn l-ibliet jaġixxu wkoll bħala ċentri ta’ esperimentazzjoni u ta’ innovazzjoni sabiex iqiegħdu lill-bliet Ewropej kollha f’pożizzjoni li jsiru newtrali għall-klima sal-2050. L-interess fil-Missjoni kien b’saħħtu mill-bidu b’aktar minn 377 belt li applikaw biex jissieħbu fil-Missjoni.
Il-Missjoni ħolqot komunità ta’ bliet ambizzjużi. Appoġġat mill-Pjattaforma tal-Missjoni, il-bliet parteċipanti għandhom aċċess għal portal online li jippermettilhom jaħdmu fi gruppi, jiskambjaw l-esperjenza u jaċċessaw repożitorju tal-għarfien biex jaċċelleraw soluzzjonijiet newtrali għall-klima. Bħalissa, il-portal għandu aktar minn 1 400 utent attiv.
Il-Missjoni hija inklużiva u tinvolvi l-Istati Membri kollha tal-UE u tmien pajjiżi assoċjati. L-Istati Membri qed jiġu involuti b’mod sistematiku permezz ta’ żjarat fil-pajjiżi u l-proġett CapaCITIES, li jappoġġa n-networks nazzjonali u jikkonnettjahom ma’ xulxin. Il-bliet kollha bdew joħolqu b’mod konġunt il-Kuntratt tagħhom ta’ Belt Klimatika (CCC) mal-komunità u maċ-ċittadini lokali, appoġġati minn Konsulenti ddedikati dwar il-Bliet.
Il-BEI jappoġġa azzjonijiet tal-Missjoni inkluż sensibilizzazzjoni mmirata għall-bliet u kontribut għall-proċess ta’ rieżami tas-CCC. Intgħażlu 53 belt pilota biex jirċievu għotjiet (bejn EUR 0,5 u EUR 1,5 miljun) biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet innovattivi biex jiġu indirizzati l-isfidi tat-tranżizzjoni klimatika. 50 belt oħra dalwaqt se jibbenefikaw mill-ħidma li saret fil-proġetti pilota permezz ta’ skambju ta’ esperjenza u ta’ mentoraġġ mal-bliet pilota.
Ir-riġenerazzjoni urbana tinsab fil-qalba ta’ sejħa konġunta ta’ Orizzont Ewropa organizzata bejn il-Missjoni tal-Bliet u l-Missjoni ta’ Adattament għat-Tibdil fil-Klima. Azzjoni ddedikata ta’ Orizzont Ewropa qed tagħmilha wkoll possibbli għall-bliet Ukreni li jiġu assoċjati mal-Missjoni. Ġew stabbiliti sinerġiji ma’ programmi u inizjattivi tal-UE, inkluż il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC), il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Proġetti Integrati Strateġiċi tal-LIFE u l-Azzjonijiet Innovattivi Urbani.
Ħafna Stati Membri jew reġjuni qed jirreferu għall-Missjoni tal-Bliet fil-programmi operazzjonali reġjonali tagħhom u ġew identifikati flussi ta’ finanzjament ddedikati fil-livell nazzjonali pereżempju fil-Greċja u fi Spanja. Il-Missjoni għandha wkoll sejħa konġunta fil-programm ta’ ħidma Orizzont Ewropa 2023-2024 bis-Sħubijiet għal mobbiltà mingħajr emissjonijiet (2Zero) u għal Mobbiltà Konnessa, Kooperattiva u Awtomatizzata (CCAM) b’baġit ikkombinat ta’ EUR 50 miljun. Iċ-Ċentru ta’ Tranżizzjonijiet Urbani, jappoġġa l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni internazzjonali tal-Missjoni tal-Bliet u jorbot mal-Missjoni globali ta’ Tranżizzjonijiet Urbani tal-Innovazzjoni tal-Missjoni.
Patt dwar il-Ħamrija għall-Ewropa
Bl-għan tagħha li tistabbilixxi 100 Laboratorju Ħaj u Fanal sal-2030, il-Missjoni għandha l-għan li tipprovdi soluzzjonijiet għall-ġestjoni sostenibbli u r-restawr tal-ħamrija f’żoni rurali u urbani. Madwar 60 % tal-ħamrija tal-UE titqies mhux sana, jiġifieri qed titlef il-kapaċità tagħha li tappoġġa l-produzzjoni tal-ikel, il-bijodiversità u r-regolamentazzjoni taċ-ċikli tal-ilma, tan-nutrijenti u tal-karbonju. Flimkien mal-Istrateġija dwar il-Ħamrija għall-2030, il-proposta għal Direttiva dwar il-Monitoraġġ u r-Reżiljenza tal-Ħamrija, u l-Osservatorju tal-Ħamrija tal-UE, il-Missjoni tifforma parti minn qafas solidu għall-protezzjoni u r-restawr tal-ħamrija, kif rikonoxxut ukoll mill-Parlament Ewropew.
12-il strateġija tal-Patt Ekoloġiku tal-UE, komunikazzjonijiet u pjanijiet ta’ azzjoni identifikaw il-Missjoni bħala għodda biex jintlaħqu l-ambizzjonijiet ta’ politika tagħhom. Il-Missjoni tirċievi appoġġ minn sorsi bħall-Programm LIFE u l-Impriża Konġunta Ewropea tal-Bijoekonomija Ċirkolari, PRIMA u l-EIC. Bil-promozzjoni tal-edukazzjoni dwar il-ħamrija, il-Missjoni qed tappoġġa s-Sena Ewropea tal-Ħiliet. Sabiex jiġu sfruttati riżorsi finanzjarji addizzjonali, il-BEI qed jiżviluppa riżerva ta’ investimenti fil-ħamrija fuq skala kbira b’rabta ma’ InvestEU.
B’mod ġenerali, l-Istati Membri rrapportaw aktar minn 200 attività komplementari b’appoġġ għall-objettivi tal-Missjoni. Il-Missjoni hija integrata fi 18 minn 28 Pjan Strateġiku tal-Istati Membri taħt il-Politika Agrikola Komuni (PAK), biex b’hekk qed jinħolqu rabtiet bejn l-innovazzjonijiet fil-ġestjoni tal-ħamrija, fil-prattiki tal-biedja u fl-allokazzjoni tal-fondi tal-PAK. Dawn is-sinerġiji se jippermettu l-varar u r-replikazzjoni ta’ soluzzjonijiet żviluppati taħt il-Missjoni f’aktar minn 1 000 sit ta’ ttestjar addizzjonali. Taħt il-Missjoni, l-awtoritajiet reġjonali u lokali qed jiżviluppaw Ftehimiet Territorjali dwar il-Ġestjoni tal-Ħamrija għas-saħħa tal-ħamrija. Il-Pjattaforma tal-Missjoni dwar il-Ħamrija taġixxi bħala punt uniku ta’ servizz għall-informazzjoni u l-involviment fl-attivitajiet tal-Missjoni.
Il-Missjoni qed tavvanza l-monitoraġġ armonizzat tal-ħamrija fl-UE u qed tiżviluppa strateġiji għad-dekontaminazzjoni u r-riġenerazzjoni tal-ħamrija kif ukoll mudelli ġodda ta’ negozju għal ktajjen tal-valur li ma jagħmlux ħsara lill-ħamrija u newtrali għall-klima. Permezz tal-appoġġ tagħha għas-sekwestru tal-karbonju f’art agrikola, il-Missjoni dwar il-Ħamrija tippromwovi għodod ta’ monitoraġġ, rapportar, u verifika kostkompetittivi għall-assorbimenti tal-karbonju fil-ħamrija.
L-ewwel Laboratorji Ħajjin taħt il-Missjoni se jibdew fl-2024 u se jirriżultaw f’aktar minn 200 sit ta’ ttestjar għall-esperimentazzjoni lokali fiż-żoni urbani u rurali. Il-Missjoni qed tilħaq diversi udjenzi b’modi ġodda, eż. billi tinvolvi industriji kulturali u kreattivi u tippromwovi l-Manifest tal-Missjoni. B’ħarsa lil hinn mill-Ewropa, il-Missjoni saret inizjattiva ewlenija għall-kooperazzjoni internazzjonali mas-Sħubija Globali għall-Ħamrija, l-inizjattiva Missjoni għall-Innovazzjoni fl-Agrikoltura għall-Klima, jew ma’ sħab internazzjonali tar-R&I bħall-Ġappun, l-Istati Uniti, il-Kanada u l-pajjiżi Afrikani.
Valutazzjoni ġenerali tal-Missjonijiet tal-UE
Din is-subtaqsima tiġbor fil-qosor il-valutazzjoni mill-perspettiva tal-istrument tal-Missjoni bħala tali, billi tislet xi konklużjonijiet orizzontali mill-ħames Missjonijiet dwar l-aspetti meħtieġa mill-bażi ġuridika: proċess tal-għażla, governanza, baġit, fokus u progress sal-lum. Sa mill-bidu tagħhom, il-Missjonijiet tal-UE wrew potenzjal ċar biex titħaffef il-bidla. Bl-għajnuna tal-finanzjament ta’ Orizzont Ewropa, il-Missjonijiet tal-UE kkollegaw u appoġġaw politiki u programmi madwar l-UE bl-involviment u bl-implimentazzjoni tal-pubbliku lokali. Il-valutazzjoni tikkonferma li l-Missjonijiet huma inizjattivi f’waqthom u ta’ ispirazzjoni li jipprovdu imbuttatura ġdida għal prijoritajiet importanti tal-politika tal-UE u jgħinu biex l-isforzi tal-politika tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali jiġu allinjati lejn għanijiet komuni.
Proċess tal-għażla: Il-valutazzjoni ssib li l-proċess ta’ żvilupp tal-Missjoni ta’ sena sħiħa offra opportunitajiet siewja lil esperti ewlenin u firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati biex jipparteċipaw fil-ħolqien konġunt ta’ Missjonijiet, pereżempju permezz tal-involviment tagħhom fil-Bords tal-Missjonijiet u fil-panels taċ-ċittadini. Hija kkonfermat ukoll ir-rilevanza kontinwa tal-Oqsma tal-Missjoni u tal-Missjonijiet tal-UE nfushom.
Governanza: Kull Missjoni tinkludi mekkaniżmi ta’ governanza fil-livell tal-UE. Il-governanza hija partikolarment importanti għal strument ġdid, u aktar u aktar għal wieħed ta’ din il-kumplessità, li huwa maħsub biex ilaqqa’ flimkien kostitwenti, livelli ta’ gvern, dixxiplini xjentifiċi, u sorsi ta’ finanzjament differenti. Dawn il-mekkaniżmi jinkludu korpi ddedikati ta’ tmexxija u koordinazzjoni transsettorjali li jippermettu forom ġodda ta’ kollaborazzjoni fis-servizzi tal-Kummissjoni u fil-livelli differenti ta’ gvern. Il-Maniġers tal-Missjonijiet u l-Viċi Maniġers tal-Missjonijiet inħatru biex imexxu kull Missjoni bl-appoġġ tas-Segretarjati tal-Missjoni. Intgħażlu żewġ fażijiet ta’ Bords tal-Missjoni biex jipprovdu pariri strateġiċi u għarfien espert strateġiku (waħda għall-fażi tad-disinn u waħda għall-implimentazzjoni). Kien hemm ukoll progress importanti fil-governanza fil-livell nazzjonali: diversi Stati Membri stabbilew taskforces interministerjali u gruppi simili nazzjonali biex jikkooperaw aħjar mal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni nazzjonali. L-Istati Membri mmobilizzaw ukoll programmi tal-UE taħt ġestjoni kondiviża b’appoġġ għall-Missjonijiet. Il-valutazzjoni sabet ukoll li l-governanza tal-Missjoni qed tkisser is-sajlos organizzazzjonali u qed tressaq organizzazzjonijiet differenti eqreb lejn xulxin sabiex jintlaħqu l-għanijiet komuni u marbuta biż-żmien.
Baġit: Saru investimenti importanti taħt il-programm Orizzont Ewropa biex jippermettu l-iżvilupp ta’ għarfien u soluzzjonijiet innovattivi biex jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mill-Missjonijiet tal-UE. Sa issa, il-Kummissjoni Ewropea għamlet disponibbli total ta’ EUR 1,8 biljun f’żewġ programmi ta’ ħidma sussegwenti (WPs 2021-2022 u WP 2023-2024), li jikkorrispondu għal 10 % tal-baġit tal-Pilastru 2 ta’ Orizzont Ewropa għas-snin 2021-23. Il-Missjonijiet kollha rnexxielhom jiksbu xi livell ta’ interess u impenji minn sorsi ta’ finanzjament lil hinn minn Orizzont Ewropa, inkluż is-settur privat (l-aktar permezz tal-BEI).
Fokus u progress sal-lum: L-għadd kbir ta’ inizjattivi ta’ involviment taċ-ċittadini organizzati matul il-fażi preparatorja tad-disinn tal-Missjonijiet għenu biex tinbena s-sjieda tas-soċjetà u biex iħeġġu l-involviment wiesa’ tal-komunitajiet rilevanti tal-partijiet ikkonċernati. Il-valutazzjoni tissuġġerixxi li permezz ta’ fokus strett fuq, u allinjament mill-qrib mal-politiki u l-istrateġiji tal-UE, il-Missjonijiet qed jikkontribwixxu għalihom b’mod utli. Lil hinn mil-livell tal-UE, il-Missjonijiet tal-UE rnexxielhom jiġbru komunitajiet kbar ta’ partijiet ikkonċernati, inkluż billi jibnu u jinvolvu komunitajiet fil-livelli reġjonali u lokali. Barra minn hekk, il-valutazzjoni tissuġġerixxi li l-Missjonijiet b’mod ġenerali qed jagħmlu progress f’konformità mal-pjanijiet ta’ implimentazzjoni tagħhom u jidhru li jinsabu fit-triq it-tajba biex jilħqu l-miri tagħhom għall-2030.
3.Sfidi u titjib pendenti
Bħala strument ġdid, il-Missjonijiet jeħtieġu appoġġ politiku kif ukoll kontinwità u prevedibbiltà, iżda wkoll evalwazzjoni u titjib ġenwini. Il-valutazzjoni tirrikonoxxi dawn il-limitazzjonijiet, u l-Kummissjoni hija impenjata li tindirizzahom, minħabba li l-wegħda inizjali tal-istrument tal-Missjonijiet baqgħet b’saħħitha, u l-ħames Missjonijiet juru sinjali li qed jaħdmu tajjeb. Ir-rakkomandazzjonijiet f’din it-taqsima huma r-riżultat ta’ riflessjoni fost is-servizzi tal-Kummissjoni, il-Presidenti tal-Bord tal-Missjoni u l-Maniġers tal-Missjonijiet.
Minbarra l-kisbiet bikrija inkoraġġanti deskritti hawn fuq, il-Missjonijiet tal-UE qed jiffaċċjaw ukoll għadd ta’ sfidi importanti. Hemm diversi oqsma li fihom jista’ jsir titjib, inkluż l-istruttura ta’ governanza xi kultant diffiċli, l-ingranaġġ pjuttost limitat sa issa tal-finanzjament lil hinn minn Orizzont Ewropa, is-sinerġiji subottimali ma’ strumenti oħra tal-UE, l-involviment baxx tas-settur privat, u l-isforzi ta’ komunikazzjoni u s-sensibilizzazzjoni għall-partijiet ikkonċernati u ċ-ċittadini. Il-Missjonijiet kollha ħadu passi biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet, iżda hemm bżonn ta’ sforz addizzjonali – anke fuq livell orizzontali. L-indirizzar ta’ dawn l-isfidi se jsir aktar importanti hekk kif tkompli l-implimentazzjoni tal-Missjoni u l-fokus jimxi dejjem aktar fuq il-varar u l-impatt.
Titjib fil-governanza u fid-direzzjoni politika
Il-Missjonijiet tal-UE jeħtieġu tmexxija soda u sistema ta’ governanza b’saħħitha biex ikunu effettivi. Filwaqt li l-valutazzjoni wriet li s-sistema stabbilita għall-Missjonijiet tal-UE qed tippromwovi rabtiet bejn l-oqsma ta’ politika u bejn l-organizzazzjonijiet, jistgħu jittejbu għadd ta’ funzjonijiet oħra ta’ governanza. Is-sistema ta’ governanza hija perċepita minn ħafna partijiet ikkonċernati bħala waħda diffiċli, kumplessa u nieqsa mit-trasparenza. Barra minn hekk, is-sistema ta’ governanza għadha ma waslitx għal sistema ta’ monitoraġġ koerenti u konsistenti għall-Missjonijiet, kemm individwalment kif ukoll bħala strument. Is-sistema ta’ governanza hija ffukata ħafna fuq l-implimentazzjoni u bħalissa ma għandhiex spazju għal analiżi u riflessjoni dwar il-progress (in-nuqqas tiegħu) u għal aktar żvilupp tal-istrument u tal-politika. Is-sistema ta’ governanza lanqas ma għandha biżżejjed lok għal diskussjonijiet politiċi ta’ livell għoli dwar il-progress u għal orjentazzjoni mill-ġdid fejn meħtieġ.
Hija meħtieġa governanza amministrattiva msaħħa u kkoordinata aħjar sabiex il-Missjonijiet ikunu jistgħu jkunu effettivi. Dan it-tip ta’ inizjattivi ambizzjużi u b’approċċ ta’ gvern sħiħ bħall-Missjonijiet tal-UE jeħtieġu l-iżvilupp ta’ sinerġiji fuq skala kbira u ta’ politika trażversali fuq perjodi twal u fil-livelli kollha tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex jirnexxu. Pereżempju, il-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni bejn ir-rappreżentanti tal-Missjonijiet fil-livell tal-UE u l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali għandhom jissaħħu biex jiġi żgurat li l-isforzi tal-Missjonijiet jiġu varati kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadini tal-UE. Huwa ċar ukoll li tmexxija politika msaħħa għandha taġixxi bħala sinjal ċar biex tiffaċilita l-aċċess għar-riżorsi (inkluż il-finanzjament) u azzjonijiet biex isir progress lejn l-objettivi tal-Missjoni. Għalhekk, it-tmexxija tal-Missjonijiet tal-UE għandha tissaħħaħ aktar fil-livell amministrattiv.
Il-Kummissjoni se:
·Tistieden lill-atturi politiċi kollha involuti, inklużi l-Istati Membri, biex jinnominaw rappreżentanti ta’ livell għoli biex jingħaqdu mal-Kummissarji responsabbli għall-Missjonijiet rispettivi tal-UE fil-promozzjoni ta’ Missjonijiet lejn iċ-ċittadini, il-mobilizzazzjoni ta’ fondi nazzjonali eċċ.
·Tintensifika d-diskussjonijiet, b’mod partikolari mal-Istati Membri, dwar kif għandha tiġi ssimplifikata l-governanza tal-Missjonijiet tal-UE biex din issir aktar effiċjenti, inklużiva u effettiva.
·Tinvesti b’mod sinifikanti fit-tisħiħ tal-funzjonijiet ta’ appoġġ konġunt (“back office”) għall-Missjonijiet kollha kurrenti u futuri tal-UE u biex tindirizza l-limitazzjonijiet identifikati f’din il-Komunikazzjoni.
·Tibda dibattitu annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Missjonijiet tal-UE fil-formazzjonijiet tematiċi tal-Kunsill u fil-kumitati tal-Parlament Ewropew rilevanti għal kull Missjoni tal-UE.
Jiġi żgurat aktar koinvestiment u koinvestiment aħjar, inkluż mis-settur privat
Jeħtieġ li jiġi mmobilizzat portafoll usa’ ta’ strumenti, bis-sejħiet ta’ Orizzont Ewropa jservu biss bħala finanzjament tal-bidu u orkestraturi aktar milli l-istrumenti prinċipali tal-varar. L-approċċ integrat għall-Missjonijiet jeħtieġ sjieda konġunta b’saħħitha fil-Kummissjoni u fl-Unjoni kollha, li tinvolvi lill-atturi u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inkluż fl-użu tal-istrumenti ta’ finanzjament tagħhom, peress li l-Missjonijiet jeħtieġ li jkopru l-katina sħiħa tal-innovazzjoni mil-laboratorju sal-varar fuq skala kbira. In-natura interdixxiplinarja tal-mekkaniżmi ta’ governanza toffri ħafna opportunitajiet għall-bini ta’ sinerġiji bejn il-Missjonijiet tal-UE u partijiet oħra ta’ Orizzont Ewropa, il-Missjonijiet tal-UE u strumenti oħra tal-UE u l-Missjonijiet tal-UE u l-politiki u l-programmi ta’ finanzjament nazzjonali, reġjonali u lokali. L-evidenza miġbura f’din il-valutazzjoni turi li dawn l-opportunitajiet għadhom ma ġewx sfruttati bis-sħiħ.
L-ipprogrammar tal-finanzjament tal-UE tal-Istati Membri jeħtieġ li jiġi allinjat aktar mill-qrib mal-Missjonijiet tal-UE. Dan huwa element integrali fil-bini tas-sinerġija, pereżempju billi jsir użu aktar sistematiku mill-politika ta’ Koeżjoni għall-Missjonijiet tal-UE. Għalhekk, id-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ finanzjament biex jappoġġaw sensiela ta’ attivitajiet mir-riċerka sal-varar hija sfida ewlenija oħra. Għal dan il-għan, għandhom jiġu stabbiliti kuntatti mill-qrib ħafna bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet ta’ ġestjoni u ta’ implimentazzjoni tal-Istati Membri.
L-implimentazzjoni tal-Missjonijiet tal-UE sa issa hija primarjament iffinanzjata minn Orizzont Ewropa u minn sorsi oħra ta’ finanzjament pubbliku. Madankollu, biex jinkiseb impatt sħiħ sal-2030, dawn il-fondi jeħtieġ li jiġu kkomplementati b’investimenti sinifikanti mis-settur privat u mill-organizzazzjonijiet filantropiċi biex jiġu żgurati l-varar u r-replikazzjoni tas-soluzzjonijiet fuq skala kbira. Filwaqt li qed isiru sforzi f’din id-direzzjoni, il-livell ta’ investiment u ta’ involviment ta’ dawn l-atturi għandu jingħata spinta.
Iż-żieda fil-kooperazzjoni mal-BEI hija kruċjali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Missjonijiet tal-UE. Matul l-istadji preparatorji u ta’ implimentazzjoni tagħhom, il-Missjonijiet tal-UE kienu qed jaħdmu mill-qrib mal-BEI, li pprovda servizzi ta’ konsulenza biex jappoġġaw l-iżvilupp tal-aġendi ta’ investiment tal-Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Missjonijiet. Din il-kollaborazzjoni għandha tiżdied, b’mod partikolari meta jitqies l-allinjament qawwi ta’ diversi għanijiet tal-Missjonijiet u l-objettivi tal-BEI.
Hemm bżonn ta’ aktar sforz biex jiżdied l-interess tas-settur privat fl-attivitajiet tal-Missjonijiet tal-UE. L-użu ta’ strumenti innovattivi mfassla għas-settur privat, bħall-akkwist pubbliku tal-innovazzjoni, għadu ma ġiex esplorat bis-sħiħ. Barra minn hekk, l-esperjenza wriet li l-involviment mas-Sħubijiet Ewropej, u b’mod partikolari dawk b’involviment qawwi tal-industrija, huma modi effettivi biex jiżdied l-interess tal-industrija fil-prijoritajiet tal-politika tal-UE u kif dawn jistgħu jikkontribwixxu għalihom. Diġà tnedew sejħiet konġunti bejn il-Missjonijiet tal-UE u xi wħud mis-Sħubijiet Ewropej ipprogrammati b’mod konġunt. It-tnedija ta’ sejħiet orjentati lejn il-Missjonijiet u marbuta mal-Missjonijiet fil-qafas ta’ Sħubijiet Ewropej eżistenti u futuri tiftaħ aktar opportunitajiet għall-involviment mal-industrija. Dan se jkun ikkomplementat minn djalogu strutturat ma’ gruppi ta’ interess prinċipali kemm tal-industrija kif ukoll tal-organizzazzjonijiet filantropiċi.
Il-Kummissjoni se:
·Tintensifika l-ħidma fuq il-bini u l-ġestjoni tal-portafoll tal-Missjonijiet tal-UE biex tipprovdi lill-Maniġers tal-Missjonijiet b’għodod intelliġenti ta’ monitoraġġ u ta’ intervent.
·Timmobilizza portafoll usa’ ta’ strumenti, inklużi sħubijiet pubbliċi-privati u l-akkwist pubbliku tal-innovazzjoni.
·Tintensifika d-diskussjonijiet dwar l-allinjament tal-ipprogrammar tal-finanzjament tal-UE tal-Istati Membri mal-Missjonijiet tal-UE.
·Tistieden rakkomandazzjonijiet u pariri dwar kif jista’ jiżdied l-involviment tas-settur privat fil-Missjonijiet tal-UE u l-kontribut għalihom.
It-tisħiħ tal-involviment taċ-ċittadini u tal-partijiet ikkonċernati
L-ilħuq tal-għanijiet ta’ Missjonijiet individwali tal-UE (u b’mod ġenerali l-ambizzjonijiet tal-UE) fl-aħħar mill-aħħar se jiddependi fuq l-appoġġ pubbliku wiesa’ u l-aċċettazzjoni tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali meħtieġa. Filwaqt li l-involviment tal-partijiet ikkonċernati involuti direttament fil-Missjonijiet kien pjuttost effettiv, għad hemm lok għal aktar inċentivar ta’ sensibilizzazzjoni usa’ fost il-pubbliku ġenerali u l-involviment dirett tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u s-sħab soċjali, u b’hekk iżommu l-wegħda u l-potenzjal tal-Missjonijiet. Huma meħtieġa sforzi addizzjonali biex titqajjem kuxjenza dwar l-għanijiet u l-impatt tal-Missjonijiet, biex jissaħħu l-mekkaniżmi ta’ feedback tal-partijiet ikkonċernati u biex tiżdied il-viżibbiltà tal-Missjonijiet u l-azzjonijiet konkreti tagħhom fil-prattika. Għal dan il-għan, l-isforzi ta’ komunikazzjoni jeħtieġ li jiżdiedu b’mod sinifikanti lejn gruppi ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti u ċittadini individwali.
Għad hemm nuqqas ta’ għarfien fost il-pubbliku dwar il-benefiċċji u l-potenzjal tal-Missjonijiet tal-UE bħala strument. Dan minkejja s-suċċess relattiv ta’ Missjonijiet individwali tal-UE, li kienu attivi fil-komunikazzjoni u fis-sensibilizzazzjoni u fl-involviment ta’ komunitajiet ta’ partijiet ikkonċernati affettwati. Il-viżibbiltà tal-marka għall-Missjonijiet bħala strument tiffaċilita l-involviment ta’ dawk individwali. L-involviment attiv u kontinwu tal-Parlament Ewropew, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u tal-Kumitat tar-Reġjuni huwa kruċjali wkoll biex jiżdied l-għarfien pubbliku u jiġu mmobilizzati ċ-ċittadini.
Il-Kummissjoni se żżid l-użu ta’ azzjonijiet immirati biex tappoġġa b’mod konġunt il-Missjonijiet, inkluż dwar is-sensibilizzazzjoni u l-komunikazzjoni. Se ssaħħaħ ukoll is-sistema ta’ monitoraġġ għall-valutazzjoni tal-progress fl-implimentazzjoni tal-Missjonijiet tal-UE b’mod aktar kwantitattiv u aktar faċli biex jinftiehem. Se tħejji wkoll parir ta’ politika dwar il-futur tal-Missjonijiet tal-UE, inkluż dwar strateġiji ta’ tranżizzjoni lejn il-baġit fit-tul tal-UE li jmiss. L-esperjenza tal-valutazzjoni kurrenti, de facto kmieni ħafna matul il-ħajja tal-Missjonijiet, uriet l-importanza ta’ ħarsa ġenerali kontinwa tal-parametri ta’ implimentazzjoni. Il-Kummissjoni timpenja ruħha li tipproduċi rapport ta’ valutazzjoni ulterjuri dwar l-implimentazzjoni tal-Missjonijiet tal-UE fl-2025 biex tqis il-progress, tivvaluta l-adegwatezza tal-finanzjament, tidentifika l-kisbiet għat-tixrid futur u tirreplika soluzzjonijiet innovattivi li jkunu ġejjin mill-Missjonijiet.
Il-Kummissjoni se:
·Tinvolvi ruħha ulterjorment mal-professjonisti tal-komunikazzjoni fir-rigward ta’ strateġija għal approċċ aktar ibbażat fuq iċ-ċittadini għall-Missjonijiet tal-UE.
·Twettaq azzjonijiet immirati biex tappoġġa l-isforzi ta’ komunikazzjoni lokali u nazzjonali biex tagħti spinta lill-involviment taċ-ċittadini u tqajjem kuxjenza pubblika dwar il-Missjonijiet tal-UE.
·Tippubblika rapport ġdid dwar l-implimentazzjoni tal-Missjonijiet tal-UE fl-2025.
·Torganizza dibattitu pubbliku dwar ir-rapporti ta’ implimentazzjoni biex jittieħdu tagħlimiet, tiddiskuti l-progress, u tikkomunika l-kisbiet tal-Missjonijiet tal-UE.
4.Imbuttatura ġdida
Il-ħames Missjonijiet kurrenti tal-UE kisbu firxa sostanzjali fil-prattika u se jaħdmu aktar biex jikkonsolidaw u jindirizzaw l-isfidi li fadal. Madankollu, il-valutazzjoni enfasizzat ukoll l-opportunità li jiġi estiż il-portafoll tal-Missjonijiet, u l-ħtieġa li jiġi affermat mill-ġdid l-appoġġ politiku u finanzjarju għall-istrument.
It-tnedija ta’ Missjoni ġdida tal-UE dwar il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida
Aktar minn sentejn wara t-tnedija tagħha, l-inizjattiva tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida (NEB) għamlet progress sinifikanti fl-għan tagħha li tgħaqqad il-Patt Ekoloġiku Ewropew mal-ispazji u l-esperjenzi tal-għajxien tagħna. Għandha l-Komunità tagħha stess ta’ aktar minn 1 000 membru attivi madwar l-Ewropa u lil hinn minnha, grupp konsultattiv magħmul minn persuni stmati fid-dinja tal-arkitettura, tal-kultura, tad-disinn, u tas-sostenibbiltà. U qed tispira proġetti u inizjattivi minn isfel għal fuq li jittestjaw u juru ideat u azzjonijiet tal-NEB.
Il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida diġà għandha diversi karatteristiċi komuni għall-Missjonijiet tal-UE. L-eżerċizzju ta’ valutazzjoni kurrenti u l-isfidi li identifika, kif ukoll ir-riflessjonijiet fil-komunità tal-NEB u s-sejħiet mill-Parlament Ewropew jindikaw li issa huwa xieraq li l-inizjattiva tal-NEB tikkonsolida l-progress tagħha, li tikkonsolida l-fokus u l-għeruq tagħha fir-R&I, u li tikseb il-fokus fil-forma ta’ Missjoni ddedikata ġdida tal-UE.
It-tnedija ta’ Missjoni ddedikata tal-NEB se ssegwi l-istess proċess bħall-ewwel ħamsa. Dan jinkludi l-ħatra ta’ Bord tal-Missjoni, u l-abbozzar ta’ Pjan ta’ Implimentazzjoni tal-Missjoni, li t-tnejn li huma se jgħinu fid-definizzjoni tal-miri u l-istadji importanti eżatti tal-Missjoni, kif kien il-każ għall-ewwel ħamsa. Dan iqis il-kisbiet u l-potenzjal tal-inizjattiva tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida sa issa, kif ukoll il-valutazzjoni tal-Missjonijiet tal-UE.
Il-Missjoni l-ġdida tikkomplementa u tmexxi ’l quddiem il-ħidma tal-Missjonijiet eżistenti. Pereżempju, il-Missjonijiet dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima u dwar il-Bliet Newtrali għall-Klima u Intelliġenti jaraw potenzjal għal aktar sinerġiji fi strumenti ta’ finanzjament differenti u aktar investiment mis-settur privat. Din tista’ tikkomplementa wkoll dawn iż-żewġ Missjonijiet billi tieħu approċċ olistiku u aktar fil-fond għall-ambjent mibni. Pereżempju, billi jiġi esplorat, permezz tar-R&I, kif il-viċinati jistgħu jsiru bjar ta’ karbonju, jiġu integrati f’ekosistema ċirkolari, isiru aktar reżiljenti għat-tibdil fil-klima, u jitħallew jagħtu riżorsi lura lin-natura permezz ta’ disinn riġenerattiv. L-NEB għandha wkoll dimensjoni ta’ innovazzjoni soċjali b’saħħitha, peress li trawwem l-iżvilupp ta’ approċċi innovattivi ta’ governanza u ta’ tfassil tal-politika biex tiżdied il-flessibbiltà, il-veloċità u ċ-ċirkolarità tal-flussi tat-teħid tad-deċiżjonijiet meta mqabbla mal-proċessi klassiċi. Fl-ambitu tagħha, il-Missjoni tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida tiżgura sinerġiji ta’ komplementarjetajiet ma’ inizjattivi rilevanti bħas-Sħubija Built4People. Il-Missjoni tal-NEB tinvolvi lin-nies biex tinbena aċċettazzjoni soċjali akbar għall-politiki tal-Patt Ekoloġiku, tippromwovi s-sjieda soċjali ta’ soluzzjonijiet ekoloġiċi u tinkoraġġixxi bidliet fl-imġiba meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-Patt Ekoloġiku. Dan isir billi ssir enfasi fuq is-sostenibbiltà flimkien ma’ kriterji oħra, inklużi l-aċċessibbiltà, l-affordabbiltà u l-kwalità tal-esperjenza pprovduta.
Il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida diġà żviluppat sinerġiji bejn l-investimenti fir-R&I, strumenti oħra ta’ finanzjament u l-investiment mis-settur privat. Is-27 Stat Membru kollha impenjaw ruħhom għall-Bauhaus Ewropea l-Ġdida f’aktar minn 220 programm tal-politika ta’ koeżjoni. Issa għandha potenzjal konsiderevoli għal applikazzjoni fuq skala akbar u aktar varar ta’ soluzzjonijiet innovattivi fil-livell lokali u reġjonali. Il-Bank Ewropew tal-Investiment huwa involut ukoll bl-għan li jiżviluppa linji gwida dwar l-investiment għall-Bauhaus Ewropea l-Ġdida biex jgħin lin-negozji ġodda u lill-promoturi tal-proġetti. Fl-2023, żewġ sfidi tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni qed jikkontribwixxu għat-twettiq tal-NEB. Mill-2021, l-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija qed jimmobilizza ħames Komunitajiet ta’ Għarfien u Innovazzjoni u n-networks rispettivi tagħhom fin-negozju, fl-edukazzjoni, u fir-riċerka permezz tal-inizjattiva tal-Komunità tal-EIT, il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida. Il-Missjoni tal-UE hija l-għodda xierqa biex jissaħħu sinerġiji bħal dawn, tiżdied l-iskala u jiġi żgurat impatt massimu.
Il-Kummissjoni se:
·Tipproponi Missjoni ġdida tal-UE ddedikata għall-Bauhaus Ewropea l-Ġdida.
·Tibda t-tħejjijiet għall-espansjoni tagħha, inkluż l-istabbiliment ta’ Bord tal-Missjoni u l-abbozzar ta’ Pjan ta’ Implimentazzjoni tal-Missjoni.
L-affermazzjoni mill-ġdid tal-appoġġ politiku u finanzjarju
Minħabba l-ambizzjoni tagħhom, il-Missjonijiet tal-UE jeħtieġu sforz sostnut u kontinwament ikkoordinat fuq perjodu ta’ aktar minn 10 snin. Filwaqt li għadhom fi stadju bikri tal-implimentazzjoni, il-Missjonijiet tal-UE rċevew attenzjoni u appoġġ sinifikanti mill-Istituzzjonijiet tal-UE, mill-Istati Membri, mill-awtoritajiet reġjonali u lokali, u minn firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati. Dan il-momentum jeħtieġ li jiġi appoġġat ulterjorment biex jiġi żgurat li l-Missjonijiet tal-UE jilħqu l-għanijiet tagħhom fit-tul.
Sabiex il-Missjonijiet tal-UE jwettqu bis-sħiħ il-wegħda tagħhom, dawn jeħtieġu impenn ċar rigward appoġġ finanzjarju kontinwu f’Orizzont Ewropa matul il-baġit kurrenti fit-tul tal-UE. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-appoġġ ta’ Orizzont Ewropa għall-Missjonijiet tal-UE għal wara l-2023 għandu jiġi stabbilit f’livell ta’ 11 % tal-Pilastru 2. Dan il-finanzjament se jiggarantixxi l-kontinwità u jgħin biex jinżamm il-pass tal-implimentazzjoni fil-Missjonijiet eżistenti. Fl-istess ħin, se jinċentivahom biex jisfruttaw sorsi ta’ finanzjament lil hinn minn Orizzont Ewropa, filwaqt li jakkomoda wkoll għat-tnedija ta’ Missjoni ġdida.
Il-Kummissjoni se:
·Tafferma mill-ġdid l-impenn politiku u l-appoġġ tagħha għall-Missjonijiet tal-UE.
·Iżżomm il-Missjonijiet tal-UE bħala inizjattivi ewlenin tal-implimentazzjoni ta’ Orizzont Ewropa u strumenti oħra tal-Unjoni.
·Tipproponi baġit ta’ Orizzont Ewropa għall-Missjonijiet tal-UE ta’ 11 % tal-Pilastru 2 sal-2027.
5.Konklużjoni
L-esperjenza b’sentejn ta’ implimentazzjoni ta’ ħames Missjonijiet tal-UE kkonfermat li l-approċċ ibbażat fuq il-missjoni bħala strument ta’ Orizzont Ewropa jinċentiva l-involviment ta’ komunitajiet wiesgħa u entużjasti ta’ partijiet ikkonċernati. Permezz tal-kapaċità tiegħu li jippromwovi l-esperimentazzjoni, il-koordinazzjoni u l-iskalar tal-varar, l-istrument tal-Missjoni tal-UE jista’ jkollu rwol ċentrali fit-tranżizzjonijiet soċjetali meħtieġa f’diversi oqsma.
Abbażi tal-valutazzjoni u tal-analiżi tal-Missjonijiet tal-UE spjegati fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, din il-Komunikazzjoni tikkonkludi li l-implimentazzjoni tal-ħames Missjonijiet kurrenti għandha titkompla, u l-appoġġ għandu jiżdied, kemm politikament kif ukoll finanzjarjament. Missjoni ġdida dwar l-NEB se tikkomplementa u ssaħħaħ il-Missjonijiet kurrenti, u se tiftaħ possibbiltajiet ġodda biex iġġib benefiċċji tanġibbli fir-R&I għall-Ewropa.
Madankollu, l-esperjenza wriet ukoll li biex jinkiseb il-potenzjal sħiħ tiegħu, l-istrument tal-Missjoni jeħtieġ li jindirizza ftit sfidi li fadal, b’mod partikolari fir-rigward tal-għarfien pubbliku, il-governanza u l-kapaċità tiegħu li jisfrutta sorsi oħra ta’ finanzjament, inkluż il-finanzjament privat. L-azzjonijiet ifformulati f’din il-Komunikazzjoni għandhom l-għan li jindirizzaw l-isfidi li għadhom qed jiffaċċjaw il-Missjonijiet tal-UE, f’ħolqien konġunt mal-istituzzjonijiet kollha tal-UE, mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati minn madwar l-UE, biex din l-għodda trasformattiva ssir suċċess veru.