EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023DC0455

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-ambitu tar-Regolament (UE) 2016/1011, b’mod partikolari fir-rigward tal-użu kontinwu minn entitajiet taħt superviżjoni ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi u dwar nuqqasijiet potenzjali tal-qafas attwali

COM/2023/455 final

Brussell, 14.7.2023

COM(2023) 455 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-ambitu tar-Regolament (UE) 2016/1011, b’mod partikolari fir-rigward tal-użu kontinwu minn entitajiet taħt superviżjoni ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi u dwar nuqqasijiet potenzjali tal-qafas attwali


1.Introduzzjoni

2.Il-kuntest politiku u ġuridiku

3.Valutazzjoni

4.Il‑passi li jmiss



1.Introduzzjoni

Parametru referenzjarju( 1 ) huwa indiċi li jintuża bħala referenza biex jiġi ddeterminat il-prezz ta’ strument finanzjarju jew kuntratt finanzjarju. Bħalissa qed tiġi prodotta varjetà wiesgħa ta’ parametri referenzjarji, inklużi parametri referenzjarji tar-rati tal-imgħax bħal EURIBOR, parametri referenzjarji tal-ekwità u parametri referenzjarji tal-komoditajiet, pereż. parametri referenzjarji tal-enerġija bħal West Texas Intermediate (WTI) jew Brent. Il-parametri referenzjarji jvarjaw f’termini tad-data sottostanti użata, kif tinġabar id-data sottostanti, kif jiġi kkalkulat il-parametru referenzjarju u kif dan jiġi disseminat lill-utent finali.

Is-swieq finanzjarji huma swieq globali, u l-parametri referenzjarji jiġu prodotti u użati internazzjonalment. Il-banek Ewropej, il-fondi ta’ investiment u utenti oħra ta’ parametri referenzjarji( 2 ) jirreferu għal parametri referenzjarji tal-UE u mhux tal-UE għal diversi skopijiet, mill-iħħeġġjar tar-riskji tagħhom stess, inklużi r-riskji tal-imgħax, tal-kreditu u tal-kambju, u l-offerta ta’ prodotti għall-iħħeġġjar tar-riskju tal-klijenti tagħhom, sal-istabbiliment ta’ portafoll ta’ investiment bl-użu tal-parametru referenzjarju jew bħala mudell ta’ investiment jew bħala parametru referenzjarju tal-prestazzjoni. Il-biċċa l-kbira tal-parametri referenzjarji (aktar minn 3,6 miljun) huma prodotti minn amministraturi barra mill-UE( 3 ). Ir-regoli fir-Regolament (UE) 2016/1011 (ir-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji / BMR) dwar l-użu ta’ parametri referenzjarji mhux tal-UE huma għalhekk ta’ importanza kbira( 4 ).

Dan ir-rapport iwettaq il-mandat fl-Artikolu 54(6) tal-BMR, li jitlob rapport dwar l-ambitu ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward tal-użu kontinwu minn entitajiet taħt superviżjoni ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi u dwar nuqqasijiet potenzjali tal-qafas attwali. Dan ir-rapport u l-konklużjoni tiegħu jissodisfaw ukoll il-kundizzjoni għall-adozzjoni ta’ att delegat skont l-Artikolu 54(7) tal-BMR, biex jiġi estiż il-perjodu tranżitorju qabel ma jibdew japplikaw ir-regoli għall-użu ta’ parametri referenzjarji mhux tal-UE.

2.Il-kuntest politiku u ġuridiku

Il-forniment u l-użu ta’ parametri referenzjarji ilhom attivitajiet regolati skont il-BMR sa mill-2016. L-amministraturi tal-parametri referenzjarji kollha fl-UE( 5 ) huma taħt superviżjoni nazzjonali jew tal-UE( 6 ) u jridu jikkonformaw mar-regoli organizzazzjonali u r-regoli dwar il-kondotta tan-negozju.

Il-BMR essenzjalment jimplimenta l-Prinċipji għall-Parametri Referenzjarji Finanzjarji tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (il-Prinċipji IOSCO), jew, fejn applikabbli, il-Prinċipji għall-Aġenziji tar-Rappurtar tal-Prezzijiet taż-Żejt (il-Prinċipji IOSCO PRA). Dawn iż-żewġ settijiet ta’ prinċipji ġew żviluppati fil-livell internazzjonali fl-2012-2013 b’reazzjoni għal diversi rivelazzjonijiet dwar il-manipulazzjoni tal-parametri referenzjarji u għadhom iservu bħala punt fokali importanti għal sistemi ta’ regolamenti tal-parametri referenzjarji madwar id-dinja. Il-biċċa l-kbira tal-amministraturi ta’ parametri referenzjarji professjonali josservaw il-prinċipji, għalkemm fil-biċċa l-kbira fuq bażi ta’ awtoċertifikazzjoni.



Ambitu tal-BMR

Il-BMR huwa vinkolanti fuq l-amministraturi tal-parametri referenzjarji kollha tal-UE, bi ksur punibbli b’multi sa 10 % tal-fatturat annwali tal-parti li tkun wettqet il-ksur. B’kuntrast mar-reġimi legali għall-parametri referenzjarji f’ġuriżdizzjonijiet oħra, il-BMR għandu ambitu wiesa’, ibbażat fuq il-premessa li l-parametri referenzjarji finanzjarji kollha u l-amministraturi kollha huma potenzjalment soġġetti għal kunflitti ta’ interess. Għalhekk, il-BMR mhux biss ikopri parametri referenzjarji b’rilevanza sistemika u parametri referenzjarji li huma speċjalment suxxettibbli għal kunflitti ta’ interess, iżda wkoll parametri referenzjarji u parametri referenzjarji inqas użati fejn x’aktarx ma jkunx hemm kunflitti ta’ interess. Għal din ir-raġuni, ġew inkorporati elementi sinifikanti ta’ proporzjonalità fil-BMR abbażi ta’ differenzi bejn il-parametri referenzjarji f’termini ta’ karatteristiċi u vulnerabbiltajiet( 7 ). Fl-aħħar nett, biex jittaffa kwalunkwe riskju ta’ arbitraġġ regolatorju, l-użu ta’ parametri referenzjarji mhux tal-UE kien ipprojbit, ħlief meta jkunu soġġetti għal regolamentazzjoni u superviżjoni lokali ekwivalenti, jew fejn amministratur ta’ parametru referenzjarju jikkonforma volontarjament mal-BMR u jfittex aċċess għas-suq tal-UE permezz ta’ rikonoxximent jew approvazzjoni. 

Il-BMR daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2018, b’perjodu tranżitorju għall-parametri referenzjarji eżistenti u għall-parametri referenzjarji mhux tal-UE sal-31 ta’ Diċembru 2019. Aktar tard dik l-iskadenza ġiet posposta darbtejn u issa hija l-31 ta’ Diċembru 2023( 8 ).

Il-proposta għal dak li jsir ir-rieżami tal-BMR tal-2020 eżaminat l-effetti tar-regoli tal-pajjiżi terzi previsti fil-BMR fuq id-disponibbiltà ta’ ċerti parametri referenzjarji tal-kambju (FX) għall-parteċipanti fis-suq tal-UE, peress li l-parteċipanti fis-suq indikaw li l-Artikolu 29 (1) tal-BMR jirrestrinġi l-aċċess għal ħafna minn dawn il-parametri referenzjarji jekk il-kapitolu tal-pajjiż terz jidħol fis-seħħ.( 9 ) Sfida partikolari għal dawn il-parametri referenzjarji biex jiġi żgurat l-aċċess għas-suq tal-UE tinsab fil-fatt li dawn ġeneralment ma jiġux prodotti għal skopijiet kummerċjali u spiss jiġu ppubblikati minn entitajiet semipubbliċi jew huma taħt il-kontroll tal-gvernijiet li jużawhom bħala għodda ta’ politika. Peress li huma ppubblikati fuq bażi mhux kummerċjali, l-amministraturi tagħhom ma għandhomx inċentiv ekonomiku biex ifittxu konformità mal-BMR. Filwaqt li rrikonoxxew ir-riskju li l-entitajiet taħt superviżjoni tal-UE jistgħu jitħallew mingħajr aċċess għall-parametri referenzjarji FX meħtieġa biex jiħħeġġjaw l-attivitajiet kummerċjali fil-pajjiżi terzi kkonċernati, il-koleġiżlaturi taw is-setgħat lill-Kummissjoni biex tippermetti l-użu ta’ parametri referenzjarji speċifiċi tal-FX.

B’mod aktar ġenerali, il-koleġiżlaturi fehmu li d-dħul fis-seħħ tar-regoli dwar il-parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi potenzjalment jaffettwa d-disponibbiltà ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi għall-utenti tal-parametri referenzjarji tal-UE lil hinn mis-subsett speċifiku ħafna tal-parametri referenzjarji tal-FX. Kien ukoll matul dan il-proċess ta’ negozjati li l-koleġiżlaturi inkludew il-mandat ta’ rieżami fl-oriġini ta’ dan ir-rapport.( 10 ).



Regoli għall-użu ta’ parametri referenzjarji mhux tal-UE( 11

Skont ir-regoli attwali ta’ pajjiżi terzi, il-parametri referenzjarji mhux tal-UE jistgħu jintużaw fl-UE dment li jiksbu aċċess permezz ta’ waħda mit-tliet rotot speċifikati fil-BMR.

L-ewwel rotta hija l-ekwivalenza (l-Artikolu 30 BMR), li tieħu l-forma ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tiddikjara li l-qafas regolatorju f’pajjiż terz jimponi rekwiżiti vinkolanti ekwivalenti għal dawk tal-BMR, u li dawk ir-rekwiżiti huma soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi. Żewġ varjanti ta’ deċiżjoni bħal din huma disponibbli, jew li jkopru l-ambitu kollu tar-regolament tal-parametru referenzjarju ta’ ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz jew li jkopru biss amministraturi speċifiċi, parametri referenzjarji speċifiċi jew familji ta’ parametri referenzjarji. Ladarba tittieħed deċiżjoni dwar l-ekwivalenza, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (European Securities and Markets Authority, ESMA) tikkuntattja lis-superviżur tal-pajjiż terz u tfassal arranġamenti ta’ kooperazzjoni li jkopru l-iskambju ta’ informazzjoni u n-notifika fil-pront jekk awtorità kompetenti ta’ pajjiż terz issib amministratur li jkun qed jikser l-obbligi legali tiegħu. Il-parametri referenzjarji koperti minn deċiżjoni ta’ ekwivalenza huma inklużi fir-reġistru tal-ESMA tal-parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi li huma disponibbli għall-użu fl-UE. L-Awstralja u Singapore biss ingħataw ekwivalenza parzjali, bi ftit ġuriżdizzjonijiet oħra li esprimew interess.

Filwaqt li l-ekwivalenza tiddependi fuq il-fatt li l-leġiżlatur u / jew is-superviżur ta’ pajjiż terz jieħdu l-inizjattiva li jikkuntattjaw lill-Kummissjoni Ewropea, iż-żewġ rotot ta’ aċċess ta’ hawn taħt jistgħu jintużaw fuq l-inizjattiva tal-amministraturi tal-parametri referenzjarji biss, jew tal-amministraturi tal-parametri referenzjarji attivi f’ġuriżdizzjoni fejn ma jkunux soġġetti għal regolamentazzjoni vinkolanti.

It-tieni rotta ta’ aċċess hija l-approvazzjoni (l-Artikolu 33 BMR), li fiha entità taħt superviżjoni tal-UE (li tista’ tkun amministratur ta’ parametru referenzjarju jew tip ieħor ta’ entità soġġetta għal superviżjoni minn awtorità nazzjonali kompetenti tal-UE) tassumi responsabbiltà regolatorja għal parametru referenzjarju mhux tal-UE. Il-BMR jistabbilixxi li l-entità li tapprova jenħtieġ li jkollha “rwol ċar u definit sew fi ħdan il-qafas ta’ kontroll jew obbligu ta’ rendikont ta’ amministratur ta’ pajjiż terz” u hija kapaċi “timmonitorja b’mod effettiv il-forniment ta’ parametru referenzjarju”. Fost kundizzjonijiet oħra, il-BMR jeħtieġ raġuni oġġettiva għaliex il-parametru referenzjarju jiġi prodott barra mill-UE. Parametri referenzjarji jew familji ta’ parametri referenzjarji approvati huma inklużi fir-reġistru tal-ESMA tal-parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi.

It-tielet rotta ta’ aċċess għal parametri referenzjarji mhux tal-UE hija r-rikonoxximent (l-Artikolu 32 BMR). Skont din l-iskema, amministratur ta’ pajjiż terz jeħtieġ li jkollu rappreżentant legali, jiġifieri, persuna fiżika jew ġuridika li tinsab fl-UE u espressament maħtura minn dak l-amministratur biex taġixxi f’ismu fir-rigward tal-obbligi tiegħu skont il-BMR. L-amministratur jeħtieġ li juri konformità mar-rekwiżiti ewlenin tal-BMR lill-ESMA, li tista’ tikkonkludi arranġament ta’ kooperazzjoni mas-superviżur domestiku tal-amministratur fejn applikabbli.

Kemm ir-rikonoxximent kif ukoll l-approvazzjoni jistgħu jinbdew minn amministratur mhux tal-UE li jixtieq jikkummerċjalizza l-parametri referenzjarji tiegħu lil entitajiet taħt superviżjoni tal-UE. Madankollu, il-kisba ta’ aċċess permezz ta’ waħda minn dawn ir-rotot teħtieġ li amministratur ikollu interess ekonomiku li jagħmel dan. Jekk ma jkunx hemm, amministratur mhux tal-UE ma jagħmilx l-isforz biex jistabbilixxi u jirrimunera l-preżenza meħtieġa fl-Unjoni, u l-utenti tal-UE jiġu mċaħħda mill-parametri referenzjarji kkonċernati.

Stampa tas-suq tal-UE għall-parametri referenzjarji

72 amministratur tal-parametri referenzjarji tal-UE bħalissa huma elenkati fir-reġistru tal-ESMA. Mill-parametri referenzjarji li qed jintużaw bħalissa fl-UE, wieħed (EURIBOR) huwa parametru referenzjarju ta’ importanza kritika taħt is-superviżjoni tal-ESMA( 12 ). Tlieta - ir-Rata Offruta tal-Interbank ta’ Stokkolma (STIBOR), ir-Rata Offruta tal-Interbank tan-Norveġja (NIBOR) u r-Rata Offruta tal-Interbank ta’ Varsavja (WIBOR) huma parametri referenzjarji ta’ importanza kritika taħt superviżjoni nazzjonali( 13 ). Dawn il-parametri referenzjarji ta’ importanza kritika kollha huma parametri referenzjarji tar-rati tal-imgħax, u kull wieħed minnhom huwa amministrat minn amministratur differenti tal-UE. Stħarriġ informali tas-superviżuri nazzjonali mill-ESMA żvela li f’Settembru 2022, sitt amministraturi tal-parametri referenzjarji taħt superviżjoni Ewropea (tlieta mill-UE u tlieta mhux tal-UE( 14 )) joffru total ta’ 50 parametru referenzjarju sinifikanti( 15 ). Barra minn hekk, minn Marzu 2023, hemm total ta’ 12-il amministratur li jipprovdu parametri referenzjarji klimatiċi tal-UE, li nofshom huma soġġetti għal superviżjoni Ewropea taħt il-BMR: ħamsa taħt superviżjoni mill-awtoritajiet nazzjonali u waħda sorveljata mill-ESMA taħt ir-reġim ta’ rikonoxximent.

Ir-reġistru tal-ESMA jelenka wkoll 14-il amministratur mhux tal-UE, li jagħżlu rotot ta’ aċċess li jvarjaw. Id-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza għall-Awstralja u Singapore jkopru żewġ amministraturi u total ta’ seba’ parametri referenzjarji. Żewġ amministraturi tal-parametri referenzjarji (S&P Dow Jones Indices LLC u SIX Index AG) għażlu r-rotta ta’ approvazzjoni għal total ta’ 4 597 parametru referenzjarju. Permezz tar-rotta ta’ rikonoxximent, ġew inklużi 10 amministraturi( 16 ) fir-reġistru tal-ESMA, b’total ta’ 15 245 parametru referenzjarju koperti.

Tabella 2: Ħarsa ġenerali lejn l-għadd ta’ amministraturi tal-parametri referenzjarji tal-UE u mhux tal-UE

Amministraturi tal-parametri referenzjarji

Totali

TAL-UE

MHUX TAL-UE

Numru totali

345

72

273

Disponibbli fl-UE( 17

86

72

14

Barra minn hekk, 259 amministratur ta’ pajjiżi terzi li bħalissa mhumiex irreġistrati fl-UE jibbenefikaw mill-perjodu tranżitorju previst fl-Artikolu 51(5) tal-BMR.( 18 ) L-ewwel 10 fost dawn l-259, f’termini ta’ għadd ta’ parametri referenzjarji offruti, huma bbażati fir-Renju Unit jew fl-Istati Uniti. Figure 1 tagħti ħarsa ġenerali lejn l-għadd ta’ amministraturi tal-parametri referenzjarji f’kull pajjiż u tippreżenta d-distribuzzjoni ġenerali tal-amministraturi tal-parametri referenzjarji madwar id-dinja. Barra minn hekk, l-aqwa 10 amministraturi ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi jammontaw għal 98 % tal-parametri referenzjarji totali ta’ pajjiżi terzi pprovduti. B’paragun ma’ dan: l-akbar amministratur ta’ pajjiż terz li bħalissa huwa rreġistrat (permezz ta’ approvazzjoni jew rikonoxximent) fl-UE ma jikklassifikax fost l-aqwa 10 amministraturi tal-parametri referenzjarji globalment skont l-għadd ta’ parametri referenzjarji pprovduti.

Dan ta’ hawn fuq juri li ħamsa fil-mija biss tal-amministraturi tal-parametri referenzjarji mhux tal-UE li l-parametri referenzjarji tagħhom huma attwalment disponibbli għall-użu fis-suq tal-UE kisbu status li jiżgura li l-parametri referenzjarji tagħhom jibqgħu disponibbli ladarba r-regoli tal-pajjiżi terzi jsiru obbligatorji.

Illustrazzjoni 1: L-għadd ta’ amministraturi tal-parametri referenzjarji għal kull pajjiż madwar id-dinja (esklużi dawk diġà rreġistrati) ( 19 )

3.Valutazzjoni

Il-BMR tfassal biex japplika għall-parametri referenzjarji kollha, għall-amministraturi tal-parametri referenzjarji kollha u għall-użu kollu tal-parametri referenzjarji mill-entitajiet taħt superviżjoni tal-UE. L-entitajiet taħt superviżjoni tal-UE jistgħu jużaw biss parametri referenzjarji li jikkonformaw mal-BMR. Għall-amministraturi tal-parametri referenzjarji li jinsabu fl-UE, il-konformità mal-BMR hija obbligatorja u tirriżulta fid-disponibbiltà tal-parametri referenzjarji kollha tagħhom għall-użu fl-Unjoni. Għal parametri referenzjarji mhux tal-UE, ġew ipprovduti għadd ta’ rotot ta’ aċċess għal amministraturi mhux tal-UE. Madankollu, l-amministraturi tal-parametri referenzjarji mhux tal-UE - minbarra dawk li l-parametri referenzjarji tagħhom huma koperti minn deċiżjoni ta’ ekwivalenza - jeħtieġ li jieħdu deċiżjoni pożittiva biex ifittxu konformità mal-BMR permezz ta’ rikonoxximent jew approvazzjoni. Din id-deċiżjoni tiddependi fuq l-interess ekonomiku li s-suq tal-Unjoni jirrappreżenta għalihom.

Ġie preżunt li maż-żmien ġuriżdizzjonijiet mhux tal-UE jiżviluppaw regoli komparabbilment komprensivi għall-parametri referenzjarji finanzjarji. Dan kien jippermetti lill-Kummissjoni tirrikonoxxi dawk is-sistemi regolatorji bħala ekwivalenti jew kien jippermetti lill-amministraturi tal-parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi jfittxu aċċess għas-suq tal-UE permezz tar-rotot ta’ rikonoxximent jew approvazzjoni mingħajr sforzi addizzjonali ta’ konformità jew inqas. Madankollu, dan ma kienx il-każ. Mis-sistemi mhux tal-UE ta’ regolamentazzjoni tal-parametri referenzjarji, l-ebda waħda ħlief il-BMR tar-Renju Unit ma topera fuq il-bażi ta’ ambitu ugwalment wiesa’.

Din is-sitwazzjoni taffettwa lill-utenti tal-parametri referenzjarji tal-UE, peress li l-applikazzjoni tar-regoli attwali tal-pajjiżi terzi skont il-BMR tista’ tnaqqas b’mod drammatiku l-għadd u l-varjetà ta’ parametri referenzjarji li l-entitajiet taħt superviżjoni tal-UE jistgħu jużaw. Fost affarijiet oħra, dan ikun problematiku għas-settur tal-ġestjoni tal-assi, peress li jillimita l-għadd u l-varjetà ta’ parametri referenzjarji disponibbli għall-fondi ta’ investiment biex jirreplikaw il-prestazzjoni ta’ parametru referenzjarju jew biex iqabblu l-prestazzjoni ta’ fond ta’ investiment ma’ parametru referenzjarju, li t-tnejn li huma jitqiesu bħala użu ta’ dak il-parametru referenzjarju skont il-BMR. Dan jista’ jiddestabbilizza s-settur tal-ġestjoni tal-assi tal-UE, u jista’ jnaqqas il-kapaċità tal-utenti tad-derivattivi li jiħħeġġjaw l-attivitajiet tagħhom. Din id-destabbilizzazzjoni tas-settur tal-ġestjoni tal-assi tal-Unjoni, minbarra l-kapaċità mnaqqsa għall-utenti tad-derivattivi li jiddependu fuq firxa wiesgħa ta’ għażliet biex jiħħeġġjaw l-attivitajiet tagħhom minħabba l-kapaċità mnaqqsa ta’ dawk id-derivattivi għal parametri referenzjarji ta’ referenza ta’ pajjiżi terzi, tista’ timplika tħassib dwar l-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni. Fl-aħħar nett, suq iżgħar b’inqas atturi li joffru parametri referenzjarji x’aktarx li jkun inqas kompetittiv.

L-utenti u l-utenti finali tal-parametri referenzjarji tal-UE jiddependu b’mod sinifikanti fuq parametri referenzjarji amministrati barra mill-UE. Konsultazzjoni mmirata li saret fis-sajf tal-2022( 20 ) indikat dan li ġej:

-Mill-utenti tal-parametri referenzjarji li wieġbu għall-kwestjonarju, ħadd ma wieġeb li l-attivitajiet tagħhom ma kinux jiddependu fuq parametri referenzjarji mhux tal-UE – għalkemm jista’ jkun hemm preġudizzju fl-għażla (16 minn 20 utent irrappurtaw li l-attivitajiet tagħhom kienu jiddependu b’mod moderat, qawwi jew esklużiv fuq parametri referenzjarji mhux tal-UE)

-Ir-raġunijiet imsemmija għall-użu ta’ parametru referenzjarju mhux tal-UE minflok alternattiva tal-UE jinkludu:

odrawwa: l-użu ta’ parametru referenzjarju partikolari jkun prattika stabbilita, jew l-utent ikollu relazzjoni kummerċjali fit-tul jew wiesgħa mal-amministratur tal-parametru referenzjarju; 

oin-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattiva bbażata fl-UE, pereżempju, f’ċerti swieq niċċa li huma intrinsikament marbuta ma’ parametru referenzjarju speċifiku mhux tal-UE, bħas-suq tal-merkanzija xotta bl-ingrossa li jiddependi fuq parametri referenzjarji prodotti mill-Baltic Exchange, ibbażat f’Londra;

oid-domanda tal-klijenti jew is-saħħa fis-suq ta’ ċerti amministraturi ta’ parametri referenzjarji: il-klijenti xi drabi jfittxu esponiment għal parametru referenzjarju speċifiku (ħafna drabi isem tad-ditta) mhux tal-UE, u ċerti parametri referenzjarji mhux tal-UE jitqiesu wkoll bħala mexxejja fis-segment tas-suq speċifiku tagħhom (pereż. il-familja tal-indiċi dinji tal-MSCI).

-Għalkemm diversi utenti tal-parametri referenzjarji jirrapportaw prinċipalment jew esklużivament bl-użu ta’ parametri referenzjarji li bħalissa diġà jissodisfaw il-kriterji tar-regoli tal-pajjiżi terzi tal-BMR, jew jirrapportaw li huma fiduċjużi li l-amministraturi tal-parametri referenzjarji li jużaw se jieħdu l-passi meħtieġa fil-ħin, għad hemm inċertezza sinifikanti dwar id-disponibbiltà futura ta’ ħafna parametri referenzjarji mhux tal-UE. F’ħafna każijiet (58 %; 11 minn 19), l-amministraturi li l-parametri referenzjarji tagħhom għadhom mhumiex konformi mal-BMR għadhom ma infurmawx sistematikament lill-utenti tal-UE tagħhom dwar l-intenzjonijiet tagħhom li jikkonformaw.

Meta l-użu ta’ parametri referenzjarji mhux tal-UE jkun rispons għal domandi speċifiċi minn utenti finali jew karatteristiċi speċifiċi ta’ skopertura jew ta’ ħħeġġjar imfittxija mill-utenti finali li ma jistgħux jiġu ssodisfati mill-parametri referenzjarji tal-UE, ir-restrizzjoni tal-użu tagħhom minn entitajiet taħt superviżjoni tal-UE tista’ tispostja d-domanda għal prodotti u servizzi finanzjarji li jirreferenzjaw dawn il-parametri referenzjarji ma’ fornituri ta’ servizzi finanzjarji barra mill-UE. Tabilħaqq, meta d-domanda ta’ investitur jew ta’ negozju ma tkunx tista’ tiġi ssodisfata minn bank jew fond ta’ investiment tal-UE (minħabba l-inabbiltà li ssir referenza għal parametru referenzjarju mhux tal-UE), id-domanda tista’ tinbidel għal fornituri f’ġuriżdizzjonijiet li ma jillimitawx l-aċċess għal dawn il-parametri referenzjarji.

4.Il‑passi li jmiss

L-għadd attwali ta’ parametri referenzjarji amministrati f’pajjiżi terzi li jintużaw fl-UE f’konformità mar-rotot ta’ aċċess tal-ekwivalenza, ir-rikonoxximent, u l-approvazzjoni tal-BMR huwa baxx meta mqabbel mal-għadd totali ta’ parametri referenzjarji disponibbli madwar id-dinja. Jekk ir-regoli applikabbli għal parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi jidħlu fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2023, l-użu kontinwu fl-Unjoni ta’ tali parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi minn entitajiet taħt superviżjoni jkun imfixkel b’mod sinifikanti jew ikun ta’ riskju għall-istabbiltà finanzjarja. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħmel użu mill-għoti tas-setgħa fl-Artikolu 54(7) biex tadotta att delegat li jipposponi d-dħul fis-seħħ tar-regoli li jirregolaw l-użu ta’ parametri referenzjarji mhux tal-UE sal-31 ta’ Diċembru 2025. Filwaqt li tinnota d-differenzi bejn ir-reġim tal-UE u ġuriżdizzjonijiet oħra, il-Kummissjoni tkompli timmonitorja l-applikazzjoni tal-BMR fl-UE u r-riskji relatati għall-istabbiltà finanzjarja biex tinforma rieżami possibbli tar-reġim legali fil-futur.

(1) ()    Indiċi huwa kejl statistiku, tipikament ta’ prezz jew kwantità, ikkalkulat jew determinat minn sett rappreżentattiv ta’ data sottostanti.
(2) ()    L-entitajiet taħt superviżjoni huma definiti fl-Artikolu 3(1)(17) tal-BMR.
(3) ()    Skont l-informazzjoni li waslet mingħand l-ESMA, li hija bbażata fuq data minn Rimes Technologies - Ġestjoni tad- Data għas-Servizzi Finanzjarji (www.rimes.com).
(4) ()    B’mod partikolari l-Artikolu 29(1) in fine u l-Artikoli 30-33 tal-BMR.
(5) ()    Għall-parametri referenzjarji kollha ħlief il-parametri referenzjarji ta’ importanza kritika tal-UE.
(6) ()    Il-parametri referenzjarji ta’ importanza kritika tal-UE huma ssorveljati mill-ESMA.
(7) ()    Pereżempju, hemm gradwazzjoni bejn parametri referenzjarji kritiċi, sinifikanti u mhux sinifikanti abbażi tal-volum ta’ kuntratti finanzjarji u strumenti finanzjarji li jirreferenzjaw parametru referenzjarju, bl-amministraturi taż-żewġ kategoriji tal-aħħar ikollhom l-għażla li ma japplikawx ċerti rekwiżiti fuq bażi ta’ konformità jew spjegazzjoni (ara l-Artikoli 25 u 26 tal-BMR). Barra minn hekk, il-parametri referenzjarji li jużaw data tal-input regolata fis-sors (l-hekk imsejħa parametri referenzjarji tad-data regolata) huma soġġetti għal regoli inqas stretti dwar il-kontrolli tad-data tal-input (ara l-Artikolu 17 tal-BMR).
(8) ()    Permezz tar-Regolament (UE) 2019/2089 u r-Regolament (UE) 2021/168.
(9) ()    Ara r-Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt fuq: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52020SC0142  
(10) ()    L-Artikoli 54(6) u 54(7) tal-BMR.
(11) ()    B’mod partikolari l-Artikolu 29(1) in fine u l-Artikoli 30-33 tal-BMR.
(12) ()    L-Artikolu 20(1)(a) tal-BMR, li jirrikjedi li parametru referenzjarju jiġi referenzjat minn ammont totali ta’ kuntratti finanzjarji u strumenti finanzjarji ta’ mill-inqas EUR 500 biljun.
(13) ()    L-Artikolu 20(1)(b) tal-BMR.
(14) ()    Li jkunu kisbu aċċess għas-suq tal-UE permezz ta’ rikonoxximent jew approvazzjoni. Dan minbarra għadd mhux magħruf ta’ amministraturi mhux tal-UE li joffru parametri referenzjarji sinifikanti fl-UE skont id-dispożizzjonijiet tranżizzjonali.
(15) ()    jiġifieri, parametri referenzjarji referenzjati minn ammont totali ta’ kuntratti finanzjarji u strumenti finanzjarji li jaqbeż l-EUR 50 biljun, jew [li] ma għandhom l-ebda sostitut jew ftit li xejn sostituti xierqa mmexxija mis-suq u [jistgħu jikkawżaw] impatt sinifikanti u negattiv fuq l-integrità tas-suq, l-istabbiltà finanzjarja, il-konsumaturi, l-ekonomija reali jew il-finanzjament ta’ unitajiet domestiċi jew negozji fi Stat Membru wieħed jew aktar.
(16) ()    Hedge Fund Research, Inc. (USA), ICAP information Services Limited (UK), Invesco Indexing LLC (USA), JPX Market Innovation & Research, Inc. (Japan), Leonteq Securities AG (Switzerland), LPX AG (Switzerland), Nikkei Inc. (Japan), Scientific Infra Pte Ltd (Singapore), STOXX Ltd. (Switzerland), WisdomTree, Inc. (USA).
(17) ()    Ladarba jibdew japplikaw ir-regoli tal-pajjiż terz.
(18) ()    Irrapportat mill-ESMA abbażi ta’ bażi tad-data kummerċjali.
(19) ()    Il-kategorija “Oħrajn” tinkludi: Iċ-Ċilì, l-Indja, New Zealand, il-Federazzjoni Russa, Singapore u l-Afrika t’Isfel (bi tliet amministraturi kull wieħed); l-Emirati Għarab Magħquda, l-Arġentina, l-Awstralja, il-Baħrejn, il-Brażil, l-Eġittu, l-Indoneżja, l-Iżrael, in-Namibja, in-Niġerja, il-Filippini, it-Tajlandja, it-Turkiye u l-Vjetnam (b’żewġ amministraturi kull wieħed) u l-Kolombja, Guernsey, il-Ġamajka, il-Ġordan, il-Kenja, il-Kuwajt, il-Każakistan, is-Sri Lanka, il-Marokk, il-Montenegro, Mauritius, il-Messiku, il-Malasja, l-Oman, il-Panama, il-Pakistan, il-Qatar, is-Serbja, l-Arabja Sawdija, it-Tuneżija, Trinidad u Tobago, l-Ukrajna, l-Uganda, iż-Żambja u ż-Żimbabwe (b’amministratur wieħed kull wieħed).
(20) ()    Ara https://finance.ec.europa.eu/regulation-and-supervision/consultations/finance-2022-benchmarks-third-country_en għal rapport fil-qosor tat-tweġibiet għal din il-konsultazzjoni.
Top