Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023DC0302

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar ir-rieżami tal-interventi ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1854

    COM/2023/302 final

    Brussell, 5.6.2023

    COM(2023) 302 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar ir-rieżami tal-interventi ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1854


    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar ir-rieżami tal-interventi ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1854

    Werrej

    I.    Introduzzjoni    

    II.    Rekwiżit fl-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill    

    III.    Il-kundizzjonijiet attwali tas-suq tal-elettriku    

    IV.    Tnaqqis fid-Domanda għall-Elettriku    

    V.    Limitu massimu tad-dħul inframarġinali    

    VI.    Appoġġ għall-konsumaturi finali    

    VII.    Konklużjonijiet preliminari    



    I.Introduzzjoni

    Dan ir-rapport jirrieżamina d-dispożizzjonijiet skont il-Kapitolu II tar-Regolament 2022/1854 skont l-Artikolu 20(1) ta’ dak ir-Regolament (ir-Regolament tal-Kunsill) 1 . Huwa bbażat fuq l-informazzjoni pprovduta minn 25 Stat Membru skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill. Ir-rapport jibbaża wkoll fuq it-tweġibiet għal xi wħud mill-mistoqsijiet li għamlet il-Kummissjoni Ewropea (il-Kummissjoni) fil-konsultazzjoni pubblika tagħha għall-proposta tagħha dwar ir-riforma tad-disinn tas-suq tal-elettriku.

    Ir-Regolament tal-Kunsill kien waħda mill-miżuri li permezz tagħhom l-Unjoni wieġbet għal kriżi tal-enerġija li żviluppat matul l-aħħar sentejn meta l-prezzijiet tal-enerġija kienu ogħla b’mod sinifikanti minn kemm kienu f’dawn l-aħħar deċennji. Il-prezzijiet bdew jiżdiedu b’mod rapidu fis-sajf tal-2021 meta l-ekonomija dinjija reġgħet qabdet wara li tnaqqsu r-restrizzjonijiet tal-COVID-19. Għaldaqstant, l-użu tas-sorsi tl-enerġija min-naħa tar-Russja bħala arma fis-swieq spot u l-invażjoni tal-Ukrajna wasslu għal livelli sostanzjalment aktar baxxi ta’ kunsinna tal-gass u għal tfixkil akbar fil-provvista tal-gass, li komplew iżidu l-prezzijiet tal-gass. Il-prezzijiet għoljin tal-gass għandhom influwenza sinifikanti fuq il-prezz tal-elettriku peress li spiss ikunu meħtieġa impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-gass biex tiġi ssodisfata d-domanda għall-elettriku.

    Sa mill-bidu tal-kriżi tal-enerġija, il-Kummissjoni ilha impenjata bis-sħiħ biex ittaffi l-effetti tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija fuq iċ-ċittadini u l-kumpaniji Ewropej, u żviluppat malajr serje ta’ reazzjonijiet ta’ politika b’ħidma mill-qrib mal-Istati Membri..

    F’Ottubru 2021, l-UE pprovdiet sett ta’ għodod dwar il-prezzijiet tal-enerġija b’miżuri biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin u l-impatt tagħhom fuq il-konsumaturi (inkluż appoġġ għall-introjtu, ħelsien mit-taxxa, iffrankar tal-gass u miżuri ta’ ħażna) 2 . Dan, fil-kuntest tal-użu tal-provvista tal-gass bħala arma u tal-manipulazzjoni min-naħa tar-Russja tas-swieq tal-enerġija permezz ta’ tfixkil intenzjonat tal-flussi tal-gass li wassal għal tħassib dejjem akbar dwar il-possibbiltà ta’ nuqqasijiet li ssarraf f’żieda bla preċedent fil-prezzijiet tal-enerġija.

    Wara l-invażjoni Russa tal-Ukrajna fi Frar 2022, l-UE wieġbet b’Komunikazzjoni f’Marzu li tiddeskrivi l-prinċipji tal-pjan REPowerEU 3  li sussegwentement ġie żviluppat fid-dettall fit-18 ta’ Mejju 2022 4 – pjan għall-UE biex ittemm id-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili Russi sa mhux aktar tard mill-2027 permezz ta’ tliet pilastri: id-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija lil hinn mill-fjuwils fossili Russi, l-iffrankar tal-enerġija u l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni tal-enerġija. Fir-rigward ta’ dan l-aħħar pilastru, il-Kummissjoni pproponiet li żżid il-mira ewlenija tal-2030 għall-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli minn 40 % għal 45 % u dik tal-effiċjenza tal-enerġija minn 9 % għal 13 % fil-kuntest tal-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %”. L-użu aktar mgħaġġel ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, effiċjenza akbar fl-enerġija u aktar elettrifikazzjoni tad-domanda huma meħtieġa biex iċ-ċittadini Ewropej jiġu protetti kontra l-kriżijiet relatati mal-fjuwils fossili peress li se jnaqqsu minnufih u strutturalment id-domanda għall-fjuwils fossili u jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ dekarbonizzazzjoni fis-setturi tal-enerġija, tal-industriji tat-tisħin u tat-tkessiħ u tat-trasport. Minħabba l-kostijiet operazzjonali baxxi tagħhom, is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli għandu jkollhom impatt pożittiv fuq il-prezzijiet tal-enerġija fl-UE kollha. Barra minn hekk, l-użu aktar mgħaġġel tal-enerġija rinnovabbli flimkien ma’ effiċjenza akbar fl-enerġija se jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija bl-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili li l-UE hija dipendenti ħafna fuqhom. Flimkien mal-pjan REPowerEU, il-Komunikazzjoni dwar l-Interventi fis-Suq tal-Enerġija b’Terminu Qasir 5  minbarra li tistabbilixxi miżuri ulterjuri b’terminu qasir biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija, identifikat oqsma potenzjali għat-titjib fid-disinn tas-suq tal-elettriku u ħabbret l-intenzjoni li dawn l-oqsma jiġu vvalutati bil-ħsieb li jinbidel il-qafas leġiżlattiv rilevanti.

    Fis-6 ta’ Ottubru 2022, il-Kunsill adotta r-Regolament tal-Kunsill li introduċa miżuri komuni eċċezzjonali, immirati u limitati biż-żmien biex titnaqqas id-domanda għall-elettriku u biex jinġabar u jiġi distribwit mill-ġdid id-dħul eċċezzjonalment għoli tas-settur tal-enerġija lill-klijenti finali. B’mod aktar speċifiku, il-miżuri li jintervjenu fis-suq tal-elettriku jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej (il-Kapitolu II tar-Regolament tal-Kunsill):

    ·Tnaqqis fid-domanda għall-elettriku: Ir-Regolament tal-Kunsill jistabbilixxi żewġ miri, waħda indikattiva (it-tnaqqis tad-domanda kumplessiva għall-elettriku b’10 %) u waħda obbligatorja (it-tnaqqis tad-domanda, matul is-sigħat ta’ domanda għolja għall-elettriku, mill-inqas b’5 %). L-Istati Membri kienu liberi li jagħżlu l-miżuri xierqa, filwaqt li jirrispettaw xi kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill 6 . Il-mira obbligatorja applikat mill-1 ta’ Diċembru 2022 sal-31 ta’ Marzu 2023 7 .

    ·Introduzzjoni ta’ limitu massimu tad-dħul temporanju fuq il-produtturi tal-enerġija “inframarġinali” (eż., sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, nukleari u linjite): Ir-Regolament tal-Kunsill jagħti mandat għall-introduzzjoni ta’ limitu tad-dħul temporanju ta’ massimu ta’ €180/MWh fuq il-produtturi tal-elettriku li jużaw teknoloġiji b’kostijiet marġinali aktar baxxi (il-limitu massimu tad-dħul). Madankollu, jagħti wkoll flessibbiltà lill-Istati Membri biex jiddeċiedu kif japplikaw din il-miżura fil-livell nazzjonali. Id-dħul ogħla mil-limitu massimu tad-dħul se jintuża biex jittaffa l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-elettriku fuq il-konsumaturi tal-enerġija. Il-miżura tapplika mill-1 ta’ Diċembru 2022 sat-30 ta’ Ġunju 2023.

    ·Appoġġ għall-klijenti finali: Ir-Regolament tal-Kunsill jespandi s-sett ta’ għodod disponibbli għall-Istati Membri biex jipproteġu lill-konsumaturi tal-elettriku, billi jippermetti prezzijiet regolati inqas mill-kostijiet għall-unitajiet domestiċi u għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) taħt ċerti kundizzjonijiet. Din il-miżura kienet tapplika mit-8 ta’ Ottubru 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2023.

    Ir-Regolament tal-Kunsill introduċa wkoll kontribuzzjoni ta’ solidarjetà għall-kumpaniji tal-UE u għall-istabbilimenti permanenti b’attivitajiet fis-setturi taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali, tal-faħam u tar-raffineriji (il-Kapitolu III).

    Filwaqt li r-Regolament tal-Kunsill kellu l-għan li jindirizza ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali tal-kriżi tal-enerġija, fl-14 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni marret lil hinn minn rispons purament ta’ emerġenza u pproponiet riforma fit-tfassil tas-suq tal-elettriku tal-UE biex jitħaffef l-użu tal-enerġija rinnovabbli u biex titħaffef it-tneħħija gradwali tal-gass, biex il-kontijiet tal-konsumatur isiru inqas dipendenti fuq il-prezzijiet volatili tal-fjuwils fossili, biex il-konsumaturi jiġu protetti aħjar mill-volatilità fil-prezzijiet futura u mill-manipulazzjoni potenzjali tas-suq, u biex l-industrija tal-UE tkun nadifa u aktar kompetittiva (il-proposta tad-disinn tas-suq tal-elettriku) 8 . Din il-proposta tistabbilixxi miżuri li għandhom l-għan li jippermettu l-iżvilupp ta’ kuntratti fit-tul mal-produzzjoni tal-enerġija mhux fossili u li jġibu soluzzjonijiet flessibbli aktar nodfa fis-sistema, bħar-rispons għad-domanda u l-ħżin, biex il-gass jiġi mbuttat ’il barra mit-taħlita tal-elettriku. B’mod aktar speċifiku, biex tittejjeb il-flessibbiltà tas-sistema tal-enerġija, il-proposta tistabbilixxi rekwiżit fuq l-Istati Membri biex jivvalutaw il-ħtiġijiet tagħhom u jistabbilixxu objettivi biex tiżdied il-flessibbiltà mhux fossili u tistabbilixxi l-possibbiltà li jiġu introdotti skemi ġodda ta’ appoġġ għall-flessibbiltà mhux fossili bħar-rispons għad-domanda u l-ħżin.

    Il-proposta dwar id-disinn tas-suq tal-elettriku tinkludi wkoll miżuri li jsaħħu l-protezzjoni ta’ konsumaturi vulnerabbli. Fost l-oħrajn, il-proposta tippermetti lill-Istati Membri jintroduċu prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut regolati anqas mill-kostijiet lill-unitajiet domestiċi u lill-SMEs f’każ ta’ kriżi futura fil-prezzijiet tal-elettriku.

    Bi tħejjija għall-proposta, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika mit-23 ta’ Jannar 2023 sat-13 ta’ Frar 2023 (il-konsultazzjoni pubblika). Il-konsultazzjoni pubblika kienet tinkludi mistoqsijiet dwar il-miżuri introdotti fir-Regolament tal-Kunsill 9 . 

    II.Rekwiżit fl-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill 

    L-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill introduċa obbligi ta’ rapportar fuq l-Istati Membri li skonthom, sal-31 ta’ Jannar 2023, l-Istati Membri jeħtieġ li jkunu ssottomettew lill-Kummissjoni informazzjoni dwar (i) il-miżuri implimentati għat-tnaqqis tad-domanda; (ii) is-surplus tad-dħul iġġenerat wara l-introduzzjoni tal-limitu massimu tad-dħul temporanju fuq il-produtturi tal-enerġija “inframarġinali” kif ukoll id-distribuzzjoni ta’ tali dħul biex jittaffa l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-elettriku; u (iii) kwalunkwe intervent għall-iffissar tal-prezzijiet bl-imnut. Mhux l-Istati Membri kollha ssottomettew ir-rapporti tagħhom kif meħtieġ. Inqas minn nofs l-Istati Membri ppreżentaw ir-rapporti tagħhom sal-iskadenza, oħrajn għamlu sottomissjonijiet fi Frar u f’Marzu 2023 u tnejn għadhom ma ssottomettewx ir-rapporti tagħhom lill-Kummissjoni 10 . Dan ir-rapport jibbaża fuq l-informazzjoni sottomessa mill-Istati Membri fiż-żmien tal-kitba. Madankollu, għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda valutazzjoni fir-rigward tal-akkuratezza tal-informazzjoni sottomessa.

    Skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament tal-Kunsill, il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami tal-Kapitolu II fid-dawl tas-sitwazzjoni kumplessiva tal-provvista u l-prezzijiet tal-elettriku fl-UE u għandha tissottometti rapport lill-Kunsill dwar is-sejbiet ewlenin ta’ dak ir-rieżami.

    L-Artikolu 20(1) tar-Regolament tal-Kunsill jipprovdi wkoll li, abbażi ta’ dak ir-rapport, il-Kummissjoni tista’ tipproponi, jekk dan ikun iġġustifikat miċ-ċirkostanzi ekonomiċi jew mill-funzjonament tas-suq tal-elettriku fl-UE u fi Stati Membri individwali, li testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill, biex jiġi emendat il-livell limitu massimu tad-dħul fuq il-produtturi tal-enerġija “inframarġinali” u s-sorsi tal-ġenerazzjoni tal-elettriku li bħalissa huwa applikabbli għalihom, jew li l-Kapitolu II jiġi emendat mod ieħor.

    Bħala parti mir-rieżami tal-miżuri tar-Regolament tal-Kunsill fil-Kapitolu II u f’konformità mal-Artikolu 20(1), il-Kummissjoni tissottometti dan ir-rapport lill-Kunsill (ir-Rapport). Għalhekk, ir-Rapport ma jkoprix rieżami tad-dispożizzjonijiet dwar il-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà li jinsabu fil-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill, li se jiġi sottomess rapport dwarhom separatament f’konformità mal-Artikolu 20(2) ta’ dak ir-Regolament.

    Ir-Rapport huwa bbażat fuq ir-rieżami tal-Kummissjoni li sar fiż-żmien tal-kitba abbażi tal-kundizzjonijiet attwali tas-suq tal-elettriku, l-evoluzzjoni mistennija tagħhom fiż-żmien tal-kitba u informazzjoni disponibbli oħra, inklużi t-tweġibiet minn 25 Stat Membru li ssodisfaw l-obbligi ta’ rapportar tagħhom skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (l-Istati Membri relaturi). Għalhekk, ir-Rapport huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe bidla mhux prevista fis-sitwazzjoni kumplessiva tal-provvista u tal-prezzijiet tal-elettriku fl-UE jew għal konklużjonijiet futuri possibbli bbażati fuq informazzjoni addizzjonali mill-Istati Membri.

    III.Il-kundizzjonijiet attwali tas-suq tal-elettriku 

    Il-miżuri fir-Regolament tal-Kunsill ġew introdotti f’perjodu meta l-prezzijiet tal-elettriku kienu laħqu livelli rekord għoljin. Pereżempju, f’Awwissu 2022, il-prezzijiet tal-elettriku bl-ingrossa tas-swieq ewlenin tal-elettriku tal-UE kienu ogħla minn EUR 350/MWh, filwaqt li f’Diċembru 2022 il-parametru referenzjarju kien ogħla minn EUR 220/MWh. Il-prezzijiet tal-elettriku matul il-perjodu rrapportat kienu madwar erba’ darbiet ogħla mill-prezz medju bejn l-2010-2020 (EUR 40-60/MWh). Dawn il-prezzijiet eċċessivi kienu fil-biċċa l-kbira attribwibbli għall-fatt li l-prezzijiet tal-gass laħqu livelli għoljin ġodda matul is-sajf tal-2022 11 u komplew ikunu f’livelli għoljin matul il-biċċa l-kbira tal-ħarifa, u li matul dan il-perjodu, il-faċilitajiet ta’ ġenerazzjoni tal-gass u tal-faħam kienu spiss l-impjanti bl-ogħla kostijiet marġinali li kienu meħtieġa biex tiġi sodisfatta d-domanda għall-elettriku. Il-prezzijiet spot tal-gass bl-ingrossa matul il-kriżi żdiedu b’madwar sitt darbiet il-prezz medju bejn l-2010-2020 (madwar EUR 20/MWh). Kien f’dan l-isfond li f’Ottubru 2022, il-Kunsill adotta l-proposta tal-Kummissjoni għal intervent ta’ emerġenza fis-suq tal-elettriku li eventwalment wassal għall-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill. L-aspettattiva tal-Kummissjoni u tal-Kunsill dak iż-żmien kienet li l-prezzijiet tal-elettriku jkomplu jvarjaw f’livelli għoljin bħal dawk osservati fis-sajf u fil-ħarifa tal-2022.

    Madankollu, minn Diċembru 2022, meta l-miżuri fir-Regolament tal-Kunsill saru applikabbli, il-prezzijiet tal-elettriku naqsu drastikament, bil-prezzijiet medji attwali jkunu f’livelli ta’ inqas minn EUR 80/MWh (il-medja tal-parametru referenzjarju tal-UE hija ta’ EUR 80/MWh sal-aħħar ta’ Mejju 2023).

    Dan huwa prinċipalment dovut għal tnaqqis fil-prezzijiet tal-gass bl-ingrossa, li kienu marbuta ma’ diversi fatturi, bħal kundizzjonijiet tat-temp ħfief u s-sett wiesa’ ta’ miżuri li l-Istati Membri u l-Kummissjoni daħħlu fis-seħħ biex jiġġieldu l-kriżi tal-enerġija, inkluż il-miżuri għat-tnaqqis tad-domanda għall-elettriku fir-Regolament tal-Kunsill, il-parametru referenzjarju tal-LNG u l-miżuri għat-tnaqqis tad-domanda għall-gass, 12 li kollha flimkien tejbu l-bilanċ sottostanti bejn il-provvista u d-domanda.  13  

    It-tnaqqis u l-istabbilizzazzjoni reċenti tal-prezzijiet tal-gass, u konsegwentement, il-prezzijiet tal-elettriku matul l-ewwel xhur tal-2023 wasslu għal aspettattivi tas-suq li ż-żidiet fil-prezzijiet tal-elettriku osservati matul l-2022 huma inqas probabbli li jseħħu fix-xitwa li ġejja. Tali aspettattivi tas-suq huma sostnuti minn diversi fatturi, bħal-livelli ogħla ta’ ħażna tal-gass, sforzi ta’ tnaqqis tad-domanda tal-Istati Membri u r-riżultati konsegwenti u l-pipeline addizzjonali u l-infrastruttura tal-gass naturali likwifikat li nbniet bil-ħsieb li tiġi miġġielda l-kriżi tal-enerġija. Fatturi inerenti oħra tal-provvista tas-suq tal-elettriku, bħad-disponibbiltà mtejba mistennija tal-enerġija nukleari u d-disponibbiltà ogħla ġenerali tal-enerġija idroelettrika meta mqabbla mal-2022 jindikaw ukoll kundizzjonijiet ta’ provvista tal-elettriku inqas għaljin fix-xitwa li ġejja, li mistennija jirriżultaw fi pressjoni li tgħolli l-prezzijiet tal-elettriku meta mqabbla ma’ dawk fl-2022.

    IV.Tnaqqis fid-Domanda għall-Elettriku 

    Miżuri għat-tnaqqis tad-domanda

    L-Istati Membri relaturi kollha implimentaw kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-iffrankar tal-enerġija u l-konsum kif ukoll miżuri ġenerali għall-iffrankar tal-enerġija bħal azzjoni dwar it-tisħin tal-bini pubbliku u t-tidwil pubbliku. Il-Kummissjoni tilqa’ dawn il-kampanji peress li jagħmlu lill-konsumaturi konxji ta’ meta l-prezzijiet tal-elettriku jkunu għoljin sabiex ikunu jistgħu jagħmlu l-konsum tal-enerġija tagħhom aktar flessibbli. Sabiex jinkoraġġixxu r-rispons għad-domanda, ħames Stati Membri, jiġifieri l-Awstrija, il-Kroazja, iċ-Ċekja, il-Greċja u l-Polonja rrapportaw li introduċew sussidji fuq il-prezzijiet tal-enerġija bl-imnut li huma applikabbli biss għal livelli speċifiċi ta’ konsum tal-elettriku.

    19-il Stat Membru, jiġifieri l-Awstrija, il-Bulgarija, il-Kroazja, iċ-Ċekja, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja, Spanja u l-Iżvezja daħħlu fis-seħħ miżuri speċifiċi li għandhom l-għan li jiksbu tnaqqis fid-domanda għall-elettriku fis-sigħat l-aktar intensivi, bħall-pubblikazzjoni tas-sigħat l-aktar intensivi, kampanji ta’ komunikazzjoni u messaġġi individwali lill-konsumaturi li jinkoraġġixxu tnaqqis volontarju fl-elettriku. B’mod aktar speċifiku, l-Italja, is-Slovenja, u Spanja implimentaw skemi ta’ offerti kompetittivi biex inaqqsu d-domanda għall-elettriku fis-sigħat l-iktar intensivi matul ix-xitwa 2022-2023, 14   filwaqt li l-Awstrija u l-Iżvezja nnotifikaw skema rilevanti lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni fi ħdan il-qafas tal-għajnuna mill-Istat. Fl-aħħar nett, il-Portugall irrapporta li jinsab fil-proċess li jikkunsidra l-implimentazzjoni ta’ skema ta’ offerti kompetittiva biex titnaqqas id-domanda għall-elettriku fis-sigħat l-iktar intensivi.

    Tliet Stati Membri imponew miżuri għat-tnaqqis tad-domanda fuq kategoriji speċifiċi ta’ konsumaturi. Pereżempju, il-Latvja imponiet limiti fuq il-konsum tal-elettriku ta’ konsumaturi industrijali kbar.

    Tnaqqis fil-konsum tal-elettriku

    Abbażi tal-informazzjoni sottomessa mill-Istati Membri relaturi għax-xahar ta’ Diċembru 2022, it-tnaqqis kumplessiv fil-konsum tal-elettriku varja bejn 0,5 % 15 u 15 % meta mqabbel mal-perjodu ta’ referenza 16 .

    Fir-rigward tal-volumi li bihom il-konsum tal-elettriku tnaqqas fis-sigħat l-iktar intensivi:

    ·Għaxar Stati Membri, jiġifieri l-Awstrija, il-Bulgarija, il-Kroazja, l-Estonja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Polonja u l-Portugall iddikjaraw volumi mnaqqsa li jvarjaw bejn 4 % u 7 %.

    ·Tmien Stati Membri, jiġifieri l-Belġju, iċ-Ċekja, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Latvja, is-Slovenja u l-Iżvezja ddikjaraw volumi mnaqqsa li jvarjaw bejn 7 % u 10 %.

    ·Ħames Stati Membri, jiġifieri Franza, il-Greċja, il-Litwanja, is-Slovakkja u Spanja ddikjaraw volumi mnaqqsa ta’ aktar minn 10 %.

    Valutazzjoni dwar l-estensjoni tal-miżura

    L-Istati Membri relaturi jindikaw li b’mod ġenerali laħqu l-mira vinkolanti li jnaqqsu l-konsum tal-elettriku b’5 % fis-sigħat l-aktar intensivi. Madankollu, xi Stati Membri indikaw li l-konformità mar-rekwiżit indikattiv għal tnaqqis ta’ 10 % tal-konsum globali ta’ kull xahar (meta mqabbel mal-aħħar ħames snin) kienet ta’ sfida minħabba d-dipendenza fuq it-temp u ċ-ċirkostanzi ekonomiċi minħabba l-kriżi tal-enerġija.

    Il-konsultazzjoni pubblika kienet tinkludi mistoqsijiet dwar estensjoni possibbli tal-miżuri ta’ rispons għad-domanda. Bi tweġiba għal dawk il-mistoqsijiet, il-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati esprimew li ma hemm l-ebda ħtieġa li jiġu introdotti fir-Regolament dwar l-Elettriku (UE) 2019/943 dwar is-suq intern tal-elettriku (ir-Regolament dwar l-Elettriku) rekwiżiti speċifiċi ta’ rispons għad-domanda li jkunu applikabbli f’każ ta’ kriżi. Minflok, kienu tal-fehma li r-rispons għad-domanda diġà huwa indirizzat biżżejjed fil-leġiżlazzjoni dwar is-suq tal-elettriku, kif previst fid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2019/944 dwar regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku (id-Direttiva dwar l-Elettriku) u msaħħaħ ulterjorment fil-proposta dwar id-disinn tas-suq tal-elettriku.

    B’mod importanti, il-proposta għad-disinn tas-suq tal-elettriku tintegra ulterjorment il-miżuri għat-tnaqqis tad-domanda bħala elementi strutturali fid-disinn tas-suq tal-elettriku. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata l-integrazzjoni effiċjenti tal-elettriku ġġenerat minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli varjabbli (meta jitqiesu l-iskambji transżonali) u biex titnaqqas il-ħtieġa għall-ġenerazzjoni tal-elettriku bbażata fuq il-fjuwils fossili fi żminijiet meta jkun hemm domanda għolja għall-elettriku flimkien ma’ livelli baxxi ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli varjabbli, il-proposta għad-disinn tas-suq tal-elettriku tagħmilha possibbli għall-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni li jfasslu prodott għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda fil-perjodi bl-akbar intensità li jippermetti rispons għad-domanda biex jikkontribwixxi ulterjorment għat-tnaqqis ta’ livelli ta’ konsum fis-sistema tal-elettriku f’sigħat speċifiċi tal-jum (l-Artikolu 7a l-ġdid dwar ir-Regolament dwar l-Elettriku). Il-prodott għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda jista’ jikkontribwixxi biex tiġi massimizzata l-integrazzjoni tal-elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli fis-sistema billi l-konsum tal-elettriku jiġi trasferit għal mumenti tal-jum b’ġenerazzjoni ogħla tal-elettriku rinnovabbli, dment li l-kostijiet imbassra ma jaqbżux il-benefiċċji mistennija tal-prodotti. Peress li l-prodott għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda għandu l-għan li jnaqqas u jbiddel il-konsum tal-elettriku, il-proposta tillimita l-ambitu ta’ dan il-prodott għal rispons min-naħa tad-domanda.

    Barra minn hekk, il-proposta għad-disinn tas-suq tal-elettriku tistieden lill-Istati Membri jivvalutaw il-ħtiġijiet tagħhom għall-flessibbiltà tas-sistema tal-enerġija, inkluż ir-rispons għad-domanda, u jistabbilixxu objettivi biex jintlaħqu dawn il-ħtiġijiet. Il-proposta tintegra wkoll il-possibbiltà li l-Istati Membri jfasslu jew ifasslu mill-ġdid mekkaniżmi ta’ kapaċità biex jippromwovu flessibbiltà b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u biex jintroduċu skemi ġodda ta’ appoġġ għall-flessibbiltà mhux fossili fis-swieq tal-elettriku. Barra minn hekk, għall-kuntrarju tar-raġunament wara l-miżuri għat-tnaqqis tad-domanda fir-Regolament tal-Kunsill, li kellhom l-għan li jilħqu miri għat-tnaqqis tad-domanda b’mod universali madwar l-Istati Membri minħabba s-sitwazzjoni ta’ kriżi, il-proposta għad-disinn tas-suq tal-elettriku tindirizza r-rispons għad-domanda b’mod aktar strutturali. Dan jippermetti lill-Istati Membri jfasslu l-mekkaniżmi u l-objettivi rispettivi tagħhom ta’ flessibbiltà mhux fossili għar-rispons tad-domanda u għall-ħżin imfassla għall-ħtiġijiet speċifiċi tas-sistemi tal-elettriku rispettivi tagħhom. Għal din ir-raġuni, il-proposta ma tistabbilix miri speċifiċi.

    Il-Kummissjoni tinnota wkoll li kodiċi ġdid tan-network dwar ir-rispons għad-domanda bħalissa jinsab fil-proċess li jiġi abbozzat. Ladarba jiġi ffinalizzat, dan il-kodiċi tan-network huwa mistenni li jinkludi regoli vinkolanti dwar l-aggregazzjoni, il-ħżin tal-enerġija u t-tnaqqis tad-domanda, li se jkomplu jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tar-rispons għad-domanda għas-swieq eżistenti kollha 17 .

    Filwaqt li tqis l-informazzjoni attwalment disponibbli għall-Kummissjoni, inkluż l-aspettattivi tas-suq kurrenti kif stabbilit hawn fuq, il-Kummissjoni ma tarax il-ħtieġa attwali li jiġu estiżi l-miżuri għat-tnaqqis tad-domanda stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill.

    V.Limitu massimu tad-dħul inframarġinali 

    L-implimentazzjoni tal-limitu massimu fuq id-dħul

    Abbażi tal-informazzjoni sottomessa mill-Istati Membri relaturi, l-implimentazzjoni tal-limitu massimu tad-dħul inframarġinali kienet eteroġena ħafna. Implimentazzjoni diversa hija osservata mhux biss fir-rigward tal-livell li fih ġie stabbilit il-limitu massimu tad-dħul (17-il Stat Membru stabbilew il-limitu massimu taħt il-EUR 180/MWh 18 ), iżda wkoll fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni temporali tal-miżuri (seba’ 19 Stati Membri japplikaw il-limitu massimu b’mod retroattiv, u ħdax 20 -il Stat Membru se japplikawh wara d-data tat-tmiem stabbilita fir-Regolament tal-Kunsill għal din il-miżura).

    Diversi Stati Membri rrapportaw diffikultajiet fl-implimentazzjoni tal-miżura fil-ġurisdizzjonijiet nazzjonali tagħhom. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn id-diffikultajiet kienu jirrelataw mal-perjodu ta’ żmien qasir li fih l-Istati Membri kellhom jimplimentawhom, filwaqt li oħrajn kienu marbuta mal-ġbir tad-data u mal-kalkolu tad-dħul ta’ kull ġeneratur tal-elettriku li jkun soġġett għall-miżura. L-Istati Membri rrapportaw ukoll kunflitti mal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti tat-taxxa u mar-regolamenti applikabbli, meta ddiskutew modi kif jimplimentaw il-limitu massimu fuq id-dħul.

    Filwaqt li l-Istati Membri ma rrapportawx ostakli kbar fuq il-kummerċ transfruntier jew fuq l-imġiba tal-offerti, xi rispondenti għall-konsultazzjoni pubblika kienu mħassba li l-frammentazzjoni ta’ strateġiji ta’ implimentazzjoni differenti madwar l-Istati Membri ħolqot inċertezza regolatorja għall-parteċipanti fis-suq u kienet meqjusa bħala ostaklu għal investimenti ġodda.

    Dħul iġġenerat mill-implimentazzjoni tal-limitu massimu tad-dħul

    Huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li l-Istati Membri ssottomettew ir-rapport tagħhom fi żmien ftit xhur wara d-dħul fis-seħħ tal-limitu massimu tad-dħul inframarġinali, u sa dak iż-żmien il-biċċa l-kbira tagħhom kien għad ma kellhomx informazzjoni dwar id-dħul miġbur permezz tal-miżura. Żewġ Stati Membri biss setgħu jipprovdu xi ċifri preliminari: Il-Bulgarija rrapportat li ġabret BGN 321 700 123 (madwar EUR 163 miljun) f’Diċembru 2022, u l-Litwanja ssottomettiet li kienu nġabru madwar EUR 10 miljun sad-9 ta’ Marzu 2023. Filwaqt li l-Greċja, Spanja u l-Italja setgħu jipprovdu xi ċifri, dawn kienu jirreferu għad-dħul miġbur qabel l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill, peress li dawn il-pajjiżi kienu implimentaw miżuri ekwivalenti għal-limitu massimu tad-dħul qabel l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill.

    Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri setgħu jipprovdu stimi tad-dħul li stennew li jiġbru, f’ħafna każijiet bir-riżerva li dawk l-istimi kienu bbażati fuq prezzijiet tal-elettriku bl-ingrossa preżunti għoljin ħafna. It-total tad-dħul oriġinarjament kien mistenni li jaqbeż il-EUR 50 biljun. Madankollu, dawk is-suppożizzjonijiet diġà dehru li x’aktarx ma jimmaterjalizzawx saż-żmien tar-rapportar. L-ammont ta’ dħul jitqassam b’mod mhux uniformi madwar l-Istati Membri, bil-Ġermanja tirrapporta l-ogħla stimi li inizjalment kienet tistenna li tiġbor (EUR 23,4 biljun, filwaqt li tikkunsidra estensjoni possibbli tal-miżura sat-30 ta’ April 2024), segwita minn Franza (EUR 11-il biljun). Ta’ min jinnota li fiż-żewġ pajjiżi, il-limitu massimu tad-dħul għall-biċċa l-kbira tat-teknoloġiji ġie stabbilit f’livell ħafna aktar baxx mill-EUR 180/MWh ipprovdut mir-Regolament tal-Kunsill, u li dawn l-istimi kienu bbażati fuq il-prezzijiet għoljin mistennija tal-elettriku bl-ingrossa. Stati Membri oħra, speċjalment dawk li ma stabbilewx il-livell tal-limitu massimu aktar baxx minn EUR 180/MWh stennew li jiġbru ammonti aktar baxxi.

    Valutazzjoni dwar l-estensjoni tal-miżura

    Bħala punt preliminari, għandu jitfakkar li r-raġunament wara l-limitu massimu tad-dħul inframarġinali kien li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiġbru u jiddistribwixxu mill-ġdid id-dħul eċċessiv miksub b’mod eċċezzjonali minn ċerti ġeneraturi inframarġinali filwaqt li tiġi ppreservata l-kompetizzjoni bbażata fuq il-prezzijiet fost il-produtturi tal-elettriku (b’mod partikolari, abbażi ta’ sorsi rinnovabbli) madwar l-UE.

    F’dan ir-rigward, minħabba l-prezzijiet tal-elettriku bl-ingrossa aktar baxxi matul l-aħħar xhur, il-limitu massimu tad-dħul, li kien stabbilit għal massimu ta’ EUR 180/MWh 21 s’issa kellu effetti rilevanti prinċipalment fl-Istati Membri li f’konformità mal-Artikolu 8(1)(a) għażlu limitu massimu li huwa anqas minn EUR 180/MWh u, b’mod partikolari, baxx biżżejjed biex jinġabar id-dħul inframarġinali mill-prezzijiet tal-elettriku rilevanti f’dawk l-Istati Membri.

    Kif stabbilit hawn fuq, il-limitu massimu fuq id-dħul ġie implimentat b’mod eteroġenu ħafna madwar l-Istati Membri. Hija osservata implimentazzjoni diversa mhux biss fir-rigward tal-livell li fih ġie stabbilit il-limitu massimu tad-dħul, iżda wkoll fir-rigward tal-ambitu temporali tal-applikazzjoni tiegħu u l-livell limitu introdott għal kull teknoloġija fi Stat Membru partikolari. Barra minn hekk, il-Kummissjoni saret konxja wkoll fi skambji mal-partijiet ikkonċernati u permezz ta’ lmenti li l-mod li bih ċerti Stati Membri ddeċidew li jimplimentaw il-limitu massimu tad-dħul seta’ affettwa l-ftehimiet eżistenti dwar ix-xiri tal-enerġija (PPAs) u kuntratti oħra fit-tul kif ukoll iddiżinċentivaw il-konklużjoni ta’ kuntratti ġodda. B’mod partikolari, dan jiġi osservat meta l-limitu massimu ma japplikax għall-introjtu realizzat li produttur jirċievi mill-PPA, iżda japplika għal introjtu “preżunt” (fittizju) li jikkorrispondi, pereżempju, għall-prezzijiet tal-elettriku bl-ingrossa, li fl-aħħar mill-aħħar iwassal għal sitwazzjonijiet paradossali fejn il-produttur jista’ jkun sfurzat ibigħ l-elettriku b’telf.

    Estensjoni potenzjali tal-miżura tfixkel wieħed mill-objettivi stabbiliti fil-proposta għad-disinn tas-suq tal-elettriku, jiġifieri li jingħata inċentiv għall-adozzjoni tal-PPAs u jiġi żgurat suq tal-PPAs kemm jista’ jkun likwidu. Il-PPAs huma strumenti li jipprovdu stabbiltà tal-prezzijiet fit-tul għal min jixtri u ċ-ċertezza meħtieġa għall-produttur biex jiddeċiedi li jinvesti. Madankollu, hemm biss ftit Stati Membri li għandhom swieq attivi tal-PPAs u x-xerrejja huma tipikament limitati għal kumpaniji kbar, mhux l-anqas minħabba li l-PPAs jiffaċċjaw sett ta’ ostakoli, b’mod partikolari d-diffikultà li jiġi kopert ir-riskju ta’ inadempjenza tal-ħlas mix-xerrej f’dawn il-ftehimiet fit-tul. Għalhekk, skont il-proposta, l-Istati Membri għandhom iqisu l-ħtieġa li jinħoloq suq dinamiku tal-PPA meta jistabbilixxu l-politiki biex jintlaħqu l-objettivi tad-dekarbonizzazzjoni tal-enerġija stabbiliti fil-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima. Sabiex jindirizzaw ir-riskji relatati mal-affidabbiltà finanzjarja, il-proposta tistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istrumenti biex jitnaqqsu r-riskji finanzjarji assoċjati ma’ inadempjenza tal-ħlas ta’ min jixtri, inklużi skemi ta’ garanzija bil-prezzijiet tas-suq, ikunu aċċessibbli għall-kumpaniji li jiffaċċjaw ostakoli għad-dħul fis-suq tal-PPAs u ma jkunux f’diffikultà finanzjarja. Il-proposta tinkludi rekwiżiti addizzjonali li għandhom l-għan li jinkoraġġixxu t-tkabbir tas-suq għal ftehimiet bħal dawn.

    Barra minn hekk, il-modi differenti li bihom l-Istati Membri implimentaw il-limitu massimu fuq id-dħul ħolqu inċertezza regolatorja sinifikanti, li, min-naħa tagħha, toħloq riskji għall-iżvilupp ta’ investimenti ġodda, b’mod partikolari f’sorsi rinnovabbli, meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tal-UE. B’mod partikolari, id-diffikultajiet irrapportati f’xi Stati Membri li huma relatati mal-konklużjoni ta’ kuntratti fit-tul, inklużi l-PPAs, bħala riżultat tal-implimentazzjoni tal-limitu massimu fuq id-dħul jistgħu joħolqu livell addizzjonali ta’ inċertezza għall-investituri u jxekklu l-attraenza u l-fiduċja tal-partijiet ikkonċernati fis-swieq forward. Ir-riskji msemmija hawn fuq jistgħu fl-aħħar mill-aħħar jimminaw l-istabbiliment ta’ ambjent ta’ investiment attraenti għall-ġenerazzjoni rinnovabbli u b’karbonju baxx fil-mira tal-proposta tad-disinn tas-suq tal-elettriku u, fl-aħħar mill-aħħar, it-tranżizzjoni tal-enerġija.

    Fl-aħħar nett, il-konsultazzjoni pubblika kienet tinkludi mistoqsijiet dwar il-possibbiltà ta’ estensjoni tal-limitu massimu fuq id-dħul inframarġinali. Il-parti l-kbira tar-rispondenti kienu kontriha minħabba r-riskji u l-isfidi li ġejjin li tali estensjoni tal-miżura tkun tinvolvi:

    ·l-implimentazzjoni eteroġena tal-limitu massimu fuq id-dħul inframarġinali madwar l-Istati Membri tidher li ħolqot inċertezza għall-investituri u ġiet irrapportata bħala diżinċentiv għal investimenti ġodda;

    ·il-miżura hija diffiċli biex tiġi implimentata, u l-kostijiet amministrattivi tagħha huma għoljin meta mqabbla mal-benefiċċji tagħha;

    ·meta l-limitu massimu fuq id-dħul inframarġinali jiġi stabbilit f’livell baxx, kif għażlu li jagħmlu xi Stati Membri, il-ġeneraturi jistgħu jkunu inklinati li jnaqqsu l-produzzjoni tagħhom filwaqt li l-limitu massimu jkun fis-seħħ;

    ·il-protezzjoni tal-konsumatur tista’ tiġi żgurata mingħajr ma tinterferixxi mad-disinn tas-suq tal-elettriku, pereżempju, permezz tal-adozzjoni ta’ politiki soċjali mmirati.

    Kien hemm biss minoranza ta’ rispondenti li appoġġaw l-estensjoni tal-limitu massimu tad-dħul inframarġinali, kif stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill jew b’modifiki żgħar. Dawk ir-rispondenti fil-biċċa l-kbira bbażaw il-kontribut tagħhom fuq il-benefiċċji tal-miżura lill-konsumaturi finali.

    Fid-dawl tal-informazzjoni attwalment disponibbli għall-Kummissjoni, kif stabbilit hawn fuq, il-Kummissjoni ma tirrakkomandax l-estensjoni tar-Regolament tal-Kunsill fir-rigward tal-limitu massimu tad-dħul inframarġinali.

    Il-Kummissjoni tinnota li biex jittaffa l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija fuq il-kontijiet tal-konsumaturi, hija pproponiet fir-riforma tagħha tas-suq tal-elettriku li tippromwovi l-iżvilupp ta’ swieq fit-tul sabiex id-dħul tal-ġeneraturi inframarġinali u l-prezzijiet imħallsa mill-konsumaturi finali jkunu anqas determinati mill-prezz volatili tas-suq tal-elettriku bl-ingrossa fuq perjodu ta’ żmien qasir. Abbażi tal-proposta tal-Kummissjoni, dan id-dħul u dawn il-prezzijiet se jiġu ffurmati l-aktar b’referenza għal kuntratti fit-tul, bħall-PPAs u l-hekk imsejħa kuntratti bidirezzjonali għad-differenza, skont jekk l-installazzjoni kinitx iffinanzjata privatament jew pubblikament. Fil-każ ta’ kuntratti għal differenza, dawn se jiġġeneraw ħlas meta l-prezzijiet tas-suq isiru għoljin. Il-proposta tistabbilixxi li dan il-ħlas se jkollu jintuża mill-Istati Membri biex inaqqsu direttament il-kontijiet tal-elettriku tal-klijenti kollha tal-elettriku (inklużi l-kumpaniji u l-industrija), u b’hekk ikollu effett simili bħal dak ta’ limitu massimu tad-dħul inframarġinali, iżda mingħajr ma joħloq inċertezza għall-investituri.

    VI.Appoġġ għall-konsumaturi finali

    It-Taqsima 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament tal-Kunsill hija indirizzata lis-suq tal-bejgħ bl-imnut u tippermetti lill-Istati Membri jestendu temporanjament l-intervent pubbliku fl-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-elettriku lil intrapriżi żgħar u medji (SME) (l-Artikolu 12) u kemm għall-unitajiet domestiċi kif ukoll għall-SMEs b’mod eċċezzjonali u temporanju jistabbilixxu prezzijiet bl-imnut inqas mill-kostijiet (l-Artikolu 13).

    L-intervent pubbliku fl-iffissar tal-prezzijiet għall-unitajiet domestiċi kien jeżisti qabel il-kriżi fi ħdax-il pajjiż, jiġifieri l-Belġju, il-Bulgarija, Franza, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovakkja 22   fil-forma ta’ prezzijiet regolati jew tariffi soċjali. Matul il-kriżi, seba’ Stati Membri addizzjonali introduċew regolamentazzjoni tal-prezzijiet għall-unitajiet domestiċi, jiġifieri l-Kroazja, iċ-Ċekja, l-Estonja, il-Finlandja, il-Lussemburgu, in-Netherlands u s-Slovenja.

    Minn 25 valutazzjoni li waslu, 12-il Stat Membru rrapportaw li għamlu użu mill-miżuri fir-regolament tal-Kunsill. Erba’ Stati Membri, jiġifieri ċ-Ċekja, l-Estonja, is-Slovenja u l-Polonja, irrapportaw li introduċew prezzijiet bl-imnut regolati għall-SMEs skont l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill. Barra minn hekk, Franza u s-Slovakkja, li rregolaw il-prezzijiet għall-unitajiet domestiċi, irrapportaw skemi ta’ kumpens għall-SMEs, f’konformità mal-Qafas Temporanju ta’ Kriżi u ta’ Tranżizzjoni (TCTF) 23   skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. In-Netherlands intervjenew fl-iffissar tal-prezzijiet biex jiżguraw prezzijiet tal-elettriku inqas mill-kostijiet għall-unitajiet domestiċi u għan-negozji. Din l-iskema ġiet innotifikata lill-Kummissjoni u approvata skont il-qafas applikabbli tal-għajnuna mill-Istat 24 . 

    Għalkemm l-Artikolu 13, il-punt (c) tar-Regolament tal-Kunsill jirrikjedi li l-Istati Membri jikkumpensaw lill-fornituri għall-kost tal-provvista tal-elettriku inqas mill-kost, l-Istati Membri ma inkludewx, fir-rapporti tagħhom, informazzjoni speċifika dwar dan il-punt.

    Barra minn hekk, xi Stati Membri semmew tipi oħrajn ta’ intervent fir-rigward tal-SMEs. Pereżempju, il-Portugall semma t-tnaqqis tat-tariffi tan-network bħala intervent fil-prezz imfassal għall-SMEs. Id-Danimarka, il-Latvja u l-Iżvezja stabbilew interventi differenti għall-iffissar tal-prezzijiet għal gruppi differenti ta’ konsumaturi (azzjonijiet dwar it-taxxa, imposti, ribassi, skemi ta’ kumpens, eċċ.). Il-Ġermanja implimentat skema mifruxa mal-ekonomija kollha li tikkumpensa ż-żieda fil-kostijiet tal-elettriku lill-impriżi, madankollu mingħajr ma affettwat il-libertà tal-fornituri li jaġixxu fis-suq 25 .

    L-Artikoli 12 u 13 jirrikjedu wkoll li kwalunkwe intervent pubbliku fis-suq tal-bejgħ bl-imnut għandu jippreserva inċentiv biex titnaqqas id-domanda għall-elettriku. F’dan ir-rigward, diversi Stati Membri, bħall-Awstrija, il-Ġermanja, il-Kroazja, in-Netherlands u r-Rumanija, irrapportaw skemi bbażati fuq il-limiti massimi tal-konsum, inklużi interventi fl-iffissar tal-prezzijiet jew skemi ta’ kumpens diretti jew indiretti lill-konsumaturi finali.

    Hemm aspetti negattivi sinifikanti fil-prezzijiet regolati. B’mod partikolari, dawn jistgħu jnaqqsu l-inċentivi għall-effiċjenza enerġetika u jimminaw il-kompetizzjoni għad-detriment tal-konsumaturi fit-tul. Dan it-tħassib jenfasizza l-importanza tar-regoli applikabbli fid-Direttiva dwar l-Elettriku 2019/944, li r-Regolament tal-Kunsill jidderoga minnha.

    Valutazzjoni dwar l-estensjoni tal-miżura

    Il-miżura ta’ kriżi li tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jillimitaw il-prezzijiet għall-unitajiet domestiċi u għall-SMEs uriet biċ-ċar li kienet utli peress li diversi Stati Membri ħadu l-opportunità li jestendu l-iskemi eżistenti jew li joħolqu oħrajn ġodda fi skedi ta’ żmien qosra ħafna.

    Fil-proposta ta’ riforma tad-disinn tas-suq, il-Kummissjoni pproponiet dispożizzjonijiet ġodda simili għal dawk fir-Regolament tal-Kunsill, wara valutazzjoni tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-miżuri għall-konsumatur li kienu ġew irrapportati mill-Istati Membri, ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika u fid-dawl tal-gwida tal-politika fiskali tagħha lill-Istati Membri għall-2024 26    B’mod aktar speċifiku, il-Kummissjoni pproponiet li l-Istati Membri jistgħu jintroduċu, matul kriżi fil-prezzijiet tal-elettriku, intervent immirat fil-prezzijiet għall-unitajiet domestiċi u għall-SMEs, inkluż f’livelli aktar baxxi mil-livelli tal-kostijiet, għal volum limitat ta’ konsum tal-elettriku, u għal perjodu ta’ żmien limitat.

    Din il-possibbiltà hija apparti l-qafas ta’ protezzjoni eżistenti għall-konsumaturi foqra u vulnerabbli tal-enerġija previst fid-Direttiva dwar l-Elettriku, li fil-kuntest tiegħu l-Istati Membri jistgħu japplikaw tariffi soċjali għal konsumaturi foqra u vulnerabbli tal-enerġija u jirregolaw temporanjament il-prezzijiet bl-imnut għall-unitajiet domestiċi u l-mikrointrapriżi sakemm il-kompetizzjoni fis-suq tiġi stabbilita bis-sħiħ.

    Peress li l-miżura, essenzjalment ġiet inkluża fil-proposta tad-disinn tas-suq tal-Kummissjoni, u filwaqt li titqies l-informazzjoni attwalment disponibbli għall-Kummissjoni, kif stabbilit hawn fuq, il-Kummissjoni ma tarax li hija ħtieġa kurrenti li l-miżura tiġi estiża f’dan l-istadju.

    VII.Konklużjonijiet preliminari 

    Dan ir-Rapport ippreżenta ħarsa ġenerali lejn it-tweġibiet li waslu mill-Istati Membri dwar (i) il-miżuri tagħhom għat-tnaqqis fid-domanda; (ii) l-implimentazzjoni tal-limitu massimu tad-dħul inframarġinali; u (iii) l-interventi għall-iffissar tal-prezzijiet bl-imnut stabbiliti fil-Kapitolu II tar-Regolament tal-Kunsill. Ir-Rapport ippreżenta wkoll ħarsa ġenerali lejn il-kontribut sottomess mir-rispondenti għall-konsultazzjoni pubblika dwar l-istess suġġetti. L-informazzjoni vvalutata f’dan ir-Rapport u l-kundizzjonijiet fil-provvista u l-prezzijiet tal-elettriku fl-UE bħalissa u kif prevedibbli f’ċirkostanzi normali, ma jipprovdux evidenza li l-estensjoni ta’ kull waħda mill-miżuri għat-tnaqqis fid-domanda, il-limitu massimu tad-dħul inframarġinali u l-interventi tal-bejgħ bl-imnut ikunu meħtieġa jew rakkomandabbli.

    L-ewwel nett, fir-rigward tal-miżuri għat-tnaqqis fid-domanda, l-Istati Membri relaturi kollha jidhru li implimentaw miżuri biex inaqqsu d-domanda għall-elettriku, prinċipalment permezz ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u miżuri mmirati għall-iffrankar tal-enerġija. Filwaqt li l-Istati Membri jirrapportaw li b’mod ġenerali qed jirrispettaw il-mira vinkolanti li jnaqqsu l-konsum tal-elettriku b’5 % fis-sigħat l-aktar intensivi, jidher li t-tnaqqis tal-konsum gross tal-elettriku ta’ kull xahar b’10 % ippreżenta sfidi iżda dan ma fixkilx it-tnaqqis osservat fil-prezzijiet tal-elettriku.

    Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni ma tarahiex bħala ħtieġa kurrenti li l-miżuri għat-tnaqqis fid-domanda stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill jiġu estiżi. Sakemm ma jkunx hemm bidliet imprevedibbli, il-kundizzjonijiet attwali tas-suq tal-elettriku ma jagħmlux din l-estensjoni meħtieġa. Dan huwa wkoll konformi mar-rispons li wasal mill-biċċa l-kbira tar-rispondenti għall-konsultazzjoni pubblika. Filwaqt li ma għadux meħtieġ għal żmien qasir u permezz tal-għodod stabbiliti mir-Regolament tal-Kunsill, ir-rispons għad-domanda huwa importanti biex is-swieq tal-elettriku jiffunzjonaw tajjeb. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni introduċietu strutturalment fil-proposta tagħha dwar id-disinn tas-suq tal-elettriku.

    It-tieni, ir-rieżami sab li l-implimentazzjoni tal-limitu massimu fuq id-dħul tvarja ħafna fost l-Istati Membri. L-istrateġiji ta’ implimentazzjoni diverġenti madwar l-Istati Membri allegatament wasslu għal inċertezza sinifikanti għall-investituri. Dan huwa aggravat mill-fatt li f’ċerti Stati Membri l-implimentazzjoni tal-limitu massimu allegatament kellha impatt fuq il-konklużjoni tal-PPAs u kuntratti oħra fit-tul.

    Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, u minħabba l-kundizzjonijiet tas-suq attwali u prevedibbli, il-Kummissjoni tqis li l-benefiċċji tal-limitu massimu tad-dħul inframarġinali attwali ma jegħlbux l-impatt fuq iċ-ċertezza tal-investituri u r-riskji għall-funzjonament tas-suq u t-tranżizzjoni. L-isfidi fil-proċess ta’ implimentazzjoni jiskoraġġixxu wkoll estensjoni tal-limitu massimu fuq id-dħul inframarġinali stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill. Il-konklużjoni tal-Kummissjoni hija konformi mar-rispons li wasal mingħand il-biċċa l-kbira tar-rispondenti għall-konsultazzjoni pubblika, li opponiet estensjoni tal-miżura minħabba t-tħassib dwar l-inċertezza tal-investituri.

    It-tielet, ir-rieżami sab li diversi Stati Membri ħadu vantaġġ mill-possibbiltà li jwessgħu l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolamentazzjoni tal-prezzijiet għall-konsumatur fi żminijiet ta’ kriżi għall-SMEs u japplikaw regolamentazzjoni tal-prezzijiet inqas mill-kostijiet taħt ċerti kundizzjonijiet. Fil-proposta tagħha dwar it-tfassil tas-suq tal-elettriku, il-Kummissjoni inkludiet dispożizzjonijiet ekwivalenti li jippermettu lill-Istati Membri jintervjenu b’mod eċċezzjonali u temporanju fis-swieq tal-bejgħ bl-imnut billi jistabbilixxu prezz inqas mill-kostijiet kemm għall-unitajiet domestiċi kif ukoll għall-SMEs f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi futuri possibbli. L-adozzjoni tal-proposta tad-disinn tas-suq tal-elettriku tiżgura li tali miżuri strutturali jkunu parti mill-qafas regolatorju tal-UE, hekk kif isseħħ l-adozzjoni tal-proposta. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u fl-isfond tal-provvista tal-elettriku kurrenti u mistennija u l-kundizzjonijiet tal-prezz, il-Kummissjoni għalhekk tqis li ma huwiex meħtieġ li d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament tal-Kunsill jiġu estiżi.

    Fl-aħħar nett, minħabba li dan ir-Rapport huwa bbażat fuq informazzjoni sottomessa mill-Istati Membri ftit xhur biss wara d-dħul fis-seħħ tal-miżuri tar-Regolament tal-Kunsill, il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni huma mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li l-Kummissjoni tista’ tirċievi mill-Istati Membri jew għal kwalunkwe bidla mhux prevista fis-sitwazzjoni kumplessiva tal-provvista u tal-prezzijiet tal-elettriku fl-UE. Jekk l-informazzjoni li fuqha l-Kummissjoni bbażat dan ir-Rapport tinbidel b’mod sinifikanti, il-Kummissjoni jista’ jkollha bżonn taġġusta l-konklużjonijiet tagħha kif xieraq jew taġixxi malajr f’każ li l-istat tas-suq ikun jirrikjedi dan.

    (1)

      Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1854 dwar intervent ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija .

    (2)

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - L-indirizzar taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija: sett ta’ għodod għall-azzjoni u l-appoġġ, COM(2021) 660 final.

    (3)

    REPowerEU: Azzjoni Ewropea Konġunta għal enerġija aktar affordabbli, sigura u sostenibbli, COM(2022) 108 final.

    (4)

     Il-Pjan REPowerEU, COM/2022/230 final.

    (5)

     Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Interventi fis-Suq tal-Enerġija fi Żmien Qasir u Titjib fuq Medda Itwal ta’ Żmien fid-Disinn tas-Suq tal-Elettriku – pjan ta’ azzjoni, COM(2022) 236 final.

    (6)

     Sa fejn ikunu involuti r-riżorsi tal-Istat, tali miżuri jistgħu jkunu soġġetti għall-kontroll tal-Għajnuna mill-Istat.

    (7)

     Il-miżura li introduċiet il-mira indikattiva tkompli tapplika sal-aħħar ta’ Diċembru 2023.

    (8)

     Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda r-Regolamenti (UE) 2019/943 u (UE) 2019/942 kif ukoll id-Direttivi (UE) 2018/2001 u (UE) 2019/944 biex jittejjeb id-disinn tas-suq tal-elettriku tal-Unjoni.

    (9)

    Il-Kummissjoni rċeviet 1 369 tweġiba; aktar minn 700 minnhom ġew miċ-ċittadini, madwar 450 min-negozji u assoċjazzjonijiet tan-negozju, madwar 40 mill-amministrazzjonijiet nazzjonali jew lokali jew mir-regolaturi nazzjonali u madwar 70 mill-operaturi tan-network. Barra minn hekk, ipparteċipaw madwar 20 komunità tal-enerġija, 15-il trade union u 20 organizzazzjoni tal-konsumaturi. Kien hemm numru sinifikanti ta’ NGOs, gruppi ta’ riflessjoni u organizzazzjonijiet ta’ riċerka jew akkademiċi oħra li ssottomettew xi tweġibiet ukoll.

    (10)

     L-Ungerija u r-Rumanija.

    (11)

    F’Awwissu 2022, il-prezzijiet ta’ ġurnata bil-quddiem tat-TTF u ta’ xahar bil-quddiem kienu ogħla minn EUR 230/MWh.

    (12)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2576 tad-19 ta’ Diċembru 2022 li jsaħħaħ is-solidarjetà permezz ta’ koordinazzjoni aħjar tax-xiri tal-gass, parametri referenzjarji affidabbli tal-prezzijiet u skambji transfruntieri tal-gass, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369 tal-5 ta’ Awwissu 2022 dwar miżuri kkoordinati għat-tnaqqis fid-domanda għall-gass u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/706 tat-30 ta’ Marzu 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2022/1369 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodu tat-tnaqqis fid-domanda għall-miżuri tat-tnaqqis fid-domanda tal-gass, u t-tisħiħ tar-rapportar u tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom.

    (13)

    L-UE naqqset id-domanda tagħha għall-gass naturali bi 19,2 % jew b’41,5 bcm minn Awwissu 2022 sa Jannar 2023, meta mqabbla mal-medja tal-ħames snin preċedenti. Sa issa qabżet il-mira tagħha ta’ 15 %, li tikkorrispondi għal 32,5 bcm għall-istess perjodu. Barra minn hekk, diġà laħqet aktar minn 90 % tal-mira ġenerali tagħha ta’ tnaqqis ta’ ftit aktar minn 45 bcm għall-perjodu kollu ta’ Awwissu 2022 sa Marzu 2023.

    (14)

    Xi Stati Membri, jiġifieri l-Italja, il-Portugall, is-Slovenja u Spanja introduċew jew jikkunsidraw l-introduzzjoni ta’ proċess ta’ offerti kompetittiv biex jinkiseb tnaqqis fid-domanda għall-elettriku.

    (15)

    Ċipru, il-Kroazja, il-Polonja u l-Portugall iddikjaraw l-aktar livelli baxxi ta’ tnaqqis fil-konsum tal-elettriku miksub.

    (16)

    Kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (3) tar-Regolament tal-Kunsill. Il-Ġermanja, il-Finlandja, Franza, il-Greċja u Spanja rrapportaw l-ogħla livelli ta’ tnaqqis fil-konsum tal-elettriku miksub. Meta jiġi kkalkolat it-tnaqqis fil-konsum gross tal-elettriku, xi Stati Membri relaturi jidhru li applikaw l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill, filwaqt li oħrajn ma applikawhx. L-Artikolu 3(2) jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jqisu ż-żieda fil-konsum gross tal-elettriku li tirriżulta mill-ilħuq tal-miri għat-tnaqqis fid-domanda għall-gass u l-isforzi kumplessivi ta’ elettrifikazzjoni biex il-fjuwils fossili jitneħħew gradwalment fil-kalkoli rispettivi tagħhom tat-tnaqqis fil-konsum gross tal-elettriku. B’riżultat ta’ dan, kwalunkwe tqabbil ta’ kalkoli bħal dawn madwar diversi Stati Membri għandu jsir b’kawtela.

    (17)

      https://www.acer.europa.eu/news-and-events/news/acer-submitted-framework-guideline-demand-response-european-commission-first-step-towards-binding-eu-rules  

    (18)

     L-Istati Membri li ġejjin irrapportaw limitu massimu ta’ anqas minn EUR 180/MWh għal teknoloġija waħda mill-inqas: L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, Ċipru, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Polonja, is-Slovakkja. Spanja introduċiet limitu massimu tad-dħul mis-suq fuq ċerti teknoloġiji diġà f’Settembru 2021. Il-miżura, li hija mbassra li ddum sal-aħħar tal-2023, bħalissa tapplika limitu massimu ta’ madwar EUR 67/MWh. F’Ġunju 2022, Spanja u l-Portugall implimentaw mekkaniżmu mmirat lejn it-tnaqqis tal-prezzijiet tal-elettriku bl-ingrossa fis-suq Iberjan li jnaqqas l-impatt tal-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq. Il-mekkaniżmu ġie approvat mill-Kummissjoni fit-8 ta’ Ġunju 2022 bin-numri tal-każ SA. 102454 u SA. 102569 u dan l-aħħar ittawwal sal-aħħar tal-2023 bin-numri tal-każ SA. 106095 u SA. 106096. 

    (19)

     L-Istati Membri li ġejjin bdew japplikaw il-limitu massimu tad-dħul inframarġinali qabel l-1 ta’ Diċembru 2022: Il-Belġju (1/8/2022); Ċipru (24/6/2022); Franza (1/7/2022); Il-Greċja (08/07/2022); L-Italja (Frar 2022 għal xi ġeneraturi rinnovabbli) u l-Portugall u Spanja (Ġunju 2022).

    (20)

    Fl-Awstrija, fir-Repubblika Ċeka, fil-Finlandja, fi Franza, fil-Lussemburgu, fil-Polonja, fil-Portugall, fis-Slovenja u fi Spanja, il-limitu tad-dħul inframarġinali jew miżuri simili se jiġu applikati sal-31 ta’ Diċembru 2023. F’Ċipru, it-tmiem tal-miżura se jkun ibbażat fuq deċiżjoni maħruġa mir-regolatur. Fis-Slovakkja, il-miżura se tkun fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2024. Barra minn hekk, fil-Ġermanja l-perjodu ta’ applikazzjoni jista’ jiġi estiż sat-30 ta’ April 2024.

    (21)

     Sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista, l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill jippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu limitu massimu ogħla fuq id-dħul mis-suq għall-produtturi li altrimenti jkunu soġġetti għal-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq għall-Unjoni kollha, meta l-kostijiet tal-investiment u tal-operat tagħhom ikunu ogħla mil-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq għall-Unjoni kollha. 13-il Stat Membru inkorporaw din il-possibbiltà fl-implimentazzjoni nazzjonali tagħhom tal-limitu massimu tad-dħul inframarġinali, b’mod partikolari għall-impjanti tal-ġenerazzjoni tal-linjite, tal-bijomassa u taż-żejt.

    (22)

    Abbażi tal-informazzjoni riċevuta mill-Istati Membri, ir-rapporti mill-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali u l-miżuri vvalutati mill-Istati Membri nfushom.

    (23)

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Qafas Temporanju ta’ Kriżi u ta’ Tranżizzjoni għal miżuri ta’ Għajnuna mill-Istat biex jappoġġaw l-ekonomija wara l-aggressjoni kontra l-Ukrajna mir-Russja 2023/C 101/03.

    (24)

    SA.106377 TCTF - In-Netherlands - Skema għat-tnaqqis tal-kostijiet tal-enerġija.

    (25)

    L-iskema ġiet approvata mill-Kummissjoni skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, f’konformità mat-TCTF. SA.104606 TCTF - Il-Ġermanja - Trażżin temporanju tal-kostijiet tal-gass naturali, taż-żidiet fil-prezzijiet tat-tisħin u tal-elettriku ( JOCE C/061/2023 ).

    (26)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jneħħu gradwalment il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija, billi jibdew bl-inqas miżuri mmirati. Jekk tkun meħtieġa estensjoni tal-miżuri ta’ appoġġ minħabba pressjonijiet tal-enerġija mġedda, l-Istati Membri jenħtieġ li jimmiraw il-miżuri tagħhom ħafna aħjar milli fil-passat, filwaqt li joqogħdu lura minn appoġġ ġeneralizzat u jipproteġu biss lil dawk li jeħtiġuh, jiġifieri l-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli”, COM(2023) 141 Gwida tal-politika fiskali għall-2024.

    Top