Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023DC0301

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 166/2006 dwar il-ħolqien ta’ Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti u li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 91/689/KEE u 96/61/KE

    COM/2023/301 final

    Brussell, 9.6.2023

    COM(2023) 301 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 166/2006 dwar il-ħolqien ta’ Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti u li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 91/689/KEE u 96/61/KE


    1.INTRODUZZJONI

    Ir-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2006 1 (ir-Regolament) stabbilixxa reġistru integrat dwar ir-rilaxx u t-trasferiment ta’ inkwinanti fil-livell tal-UE fil-forma ta’ bażi tad-data elettronika. Dan jipprovdi aċċess pubbliku u bla ħlas għad-data dwar ir-rilaxxi ta’ inkwinanti fl-ambjent minn attivitajiet industrijali u huwa parti mill-qafas ta’ Monitoraġġ tal-UE għal Tniġġis Żero. Ir-Regolament jimplimenta l-Protokoll ta’ Kiev (Protokoll), tan-NU/KEE, dwar ir-Reġistri dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti. L-Artikoli 8(3), 18 u 18a tar-Regolament jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati (i) biex tissupplimentah billi tibda r-rappurtar dwar ir-rilaxxi ta’ inkwinanti rilevanti minn sors diffuż wieħed jew aktar u (ii) biex tadatta l-Annessi II u III tar-Regolament (a) għall-progress xjentifiku jew tekniku u/jew (b) bħala riżultat tal-adozzjoni, mil-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll, ta’ kwalunkwe emenda għall-Annessi tal-Protokoll. Filwaqt li l-Anness II fih il-lista ta’ inkwinanti koperti mir-Regolament flimkien mal-limiti tar-rilaxx, l-Anness III tiegħu tħassar mill-1 ta’ Jannar 2020 f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2019/1010 2 .

    2.BAŻI ĠURIDIKA

    Dan ir-rapport huwa meħtieġ skont l-Artikolu 18a(2) tar-Regolament, li jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati għal perjodu ta’ ħames snin mis-26 ta’ Lulju 2019. Dan jirrikjedi wkoll li l-Kummissjoni tfassal rapport f’dan ir-rigward. Din id-delega għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, għajr jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għaliha mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu. L-Artikolu 18a(3) jiddikjara li d-delega tas-setgħa tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

    3.EŻERĊITAR TAD-DELEGA

    Il-Kummissjoni tirrapporta li ma adottatx atti delegati. Id-data miġbura skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE dwar il-protezzjoni tal-kwalità tal-arja u tal-ilma tipprovdi biżżejjed informazzjoni dwar l-emissjonijiet diffużi ta’ inkwinanti biex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ Tniġġis Żero. Dan serva bħala bażi għar-Rapport ta’ Monitoraġġ u Prospettiva ta’ Tniġġis Żero ppubblikat fl-2022 3 . Barra minn hekk, il-Laqgħat tal-Partijiet għall-Protokoll ta’ Kiev ma adottaw l-ebda Deċiżjoni li tkun teħtieġ l-adozzjoni ta’ att delegat għall-adattament tal-Anness II tar-Regolament.

    4.KONKLUŻJONI

    Matul l-aħħar ħames snin, il-Kummissjoni ma eżerċitatx is-setgħat delegati mogħtija lilha skont ir-Regolament (KE) Nru 166/2006. Hija tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jieħdu nota ta’ dan ir-rapport. 

    (1)

    ĠU L 33, 4.2.2006, p.1.

    (2)

    Ir-Regolament (UE) 2019/1010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar l-allinjament tal-obbligi ta’ rapportar fil-qasam tal-leġiżlazzjoni relatata mal-ambjent u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 166/2006 u (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 2002/49/KE, 2004/35/KE, 2007/2/KE, 2009/147/KE u 2010/63/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 u (KE) Nru 2173/2005, u d-Direttiva tal-Kunsill 86/278/KEE (ĠU L 170, 25.6.2019, p. 115–127).

    (3)

      European Commission, J.R.C., Zero Pollution Outlook 2022 , EUR 31248 EN, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2022, ISBN 978-92-76-57575-7, doi:10.2760/778012, JRC129655.

    Top