Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023DC0283

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont id-Direttiva 2013/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar id-dgħajjes li jintużaw għar-rikreazzjoni u l-inġenji tal-ilma personali u li tħassar id-Direttiva 94/25/KE

    COM/2023/283 final

    Brussell, 31.5.2023

    COM(2023) 283 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont id-Direttiva 2013/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar id-dgħajjes li jintużaw għar-rikreazzjoni u l-inġenji tal-ilma personali u li tħassar id-Direttiva 94/25/KE


    INTRODUZZJONI

    Id-Direttiva 2013/53/UE 1 tistabbilixxi r-rekwiżiti għad-disinn u l-manifattura tad-dgħajjes rikreattivi u l-inġenji tal-ilma personali, u r-regoli dwar il-moviment liberu tagħhom fl-Unjoni. L-Artikolu 47 tad-Direttiva jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati biex temenda:

    -il-punti 2.3, 2.4 u 2.5 tat-Taqsima 2 kif ukoll it-Taqsima 3 tal-Parti B u t-Taqsima 3 tal-Parti C tal-Anness I, li jittrattaw rispettivament iċ-ċikli tal-ittestjar tal-magni tal-baħar, l-applikazzjoni tal-familja tal-magna u l-għażla tal-magna ewlenija, il-fjuwils ta’ prova, u d-durabbiltà tal-magni fejn jidħlu r-rekwiżiti għall-emissjonijiet tal-egżost u tal-ħsejjes (l-Artikolu 47(a)(i)), biex jitqies il-progress tal-għarfien tekniku u evidenza xjentifika ġdida;

    -L-Annessi VII u IX li jittrattaw rispettivament “il-valutazzjoni tal-konformità tal-produzzjoni għall-emissjonijiet tal-egżost u tal-ħsejjes” u “id-dokumentazzjoni teknika” (l-Artikolu 47(a)(ii)), biex jitqies il-progress tal-għarfien tekniku u evidenza xjentifika ġdida.

    -L-Anness V jistabbilixxi r-rekwiżiti dwar “Konformità ekwivalenti bbażata fuq il-Valutazzjoni ta’ wara l-Bini” (Artikolu 47(b)), biex jitqies il-progress tal-għarfien tekniku, l-adegwatezza li tkun żgurata konformità ekwivalenti, u evidenza xjentifika ġdida.

    BAŻI ĠURIDIKA

    Dan ir-rapport huwa meħtieġ skont l-Artikolu 48(2) tad-Direttiva 2013/53/UE. Skont dik id-dispożizzjoni, is-setgħa li tadotta atti delegati qed tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mis-17 ta’ Jannar 2014, u l-Kummissjoni jeħtieġ tħejji rapport dwar is-setgħat delegati fi żmien sa disa’ xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa diġà ġiet estiża darba għal perjodu ta’ ħames snin sas-17 ta’ Jannar 2024.

    EŻERĊIZZJU TAD-DELEGA

    Mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2013/53/UE, il-Kummissjoni ma eżerċitatx is-setgħa mogħtija lilha. L-ebda att delegat ma ġie adottat s’issa.

    Madankollu, ir-raġunijiet li wasslu biex il-koleġiżlaturi jiddelegaw is-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati għadhom validi, u l-Kummissjoni jaf fil-futur tabilħaqq ikollha bżonn teżerċita s-setgħa mogħtija lilha. Pereżempju, id-Direttiva tistabbilixxi ċ-ċikli tat-test għall-magni tal-baħar li jaħdmu bil-petrol u anki bid-diżil, iżda ma tinkludix iċ-ċiklu tat-test għat-teknoloġija tal-magni tal-baħar ibridi. Din hi teknoloġija ġdida għall-qasam tal-baħar li żżewweġ il-magni tal-kombustjoni mal-propulsjoni elettrika. Għalhekk, il-Kummissjoni jaf ikollha bżonn teżerċita s-setgħa biex tintroduċi ċikli tat-test għall-magni tal-baħar ibridi.

    KONKLUŻJONI

    Il-Kummissjoni temmen li minkejja l-fatt li sal-lum il-Kummissjoni ma adottat l-ebda att delegat, id-delega tas-setgħa kif dikjarata fl-Artikolu 47 tad-Direttiva 2013/53/UE jenħtieġ li tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodu ta’ ħames snin, f’konformità mal-Artikolu 48(2) tad-Direttiva.

    Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.

    (1)

       Id-Direttiva 2013/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar id-dgħajjes li jintużaw għar-rikreazzjoni u l-inġenji tal-ilma personali u li tħassar id-Direttiva 94/25/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 90-131).

    Top