EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023DC0183

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni fl-2019–2020 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u tad-Direttiva 2002/15/KE dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq (il-31 Rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni soċjali relatata mal-attivitajiet tat-trasport bit-triq), u dwar il-kontrolli mwettqa skont id-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE li tistabbilixxi d-dimensjonijiet massimi awtorizzati u l-piżijiet massimi awtorizzati għal vetturi tqal

COM/2023/183 final

Brussell, 4.4.2023

COM(2023) 183 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni fl-2019–2020 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u tad-Direttiva 2002/15/KE dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq (il-31 Rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni soċjali relatata mal-attivitajiet tat-trasport bit-triq), u dwar il-kontrolli mwettqa skont id-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE li tistabbilixxi d-dimensjonijiet massimi awtorizzati u l-piżijiet massimi awtorizzati għal vetturi tqal





{SWD(2023) 74 final}


Introduzzjoni

Dan ir-rapport jagħti ħarsa ġenerali lejn l-implimentazzjoni tar-regoli soċjali tal-UE fit-trasport bit-triq fl-Istati Membri għall-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2019 u l-31 ta’ Diċembru 2020. Jenfasizza l-isfidi ewlenin fl-infurzar u fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali rilevanti, li huma stabbiliti fl-erba’ atti leġiżlattivi li ġejjin:

1) Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 1 (magħruf ukoll bħala r-Regolament dwar il-Ħin tas-Sewqan) li jistabbilixxi r-rekwiżiti minimi dwar il-ħinijiet tas-sewqan ta’ kuljum u fil-ġimgħa, il-pawżi u l-perjodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u fil-ġimgħa;

2) Id-Direttiva 2002/15/KE 2 (magħrufa wkoll bħala d-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol tat-Trasport bit-Triq) li tistabbilixxi r-regoli dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tal-ħaddiema mobbli. Tistabbilixxi r-rekwiżiti dwar il-ħinijiet massimi tax-xogħol fil-ġimgħa, il-pawżi minimi fix-xogħol u fix-xogħol billejl. Tapplika għas-sewwieqa li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Ħin tas-Sewqan;

3) Id-Direttiva 2006/22/KE 3 (magħrufa wkoll bħala d-Direttiva dwar l-Infurzar) li tistabbilixxi l-livelli minimi ta’ kontrolli mal-ġenb tat-triq u ta’ kontrolli fil-post tan-negozju tal-impriżi tat-trasport biex tiġi vverifikata l-konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-Ħin tas-Sewqan;

4) Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 4 (magħruf ukoll bħala r-Regolament dwar it-Takografu) li jistabbilixxi r-rekwiżiti dwar l-installazzjoni u l-użu tat-takografi fil-vetturi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Ħin tas-Sewqan.

L-analiżi tal-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE 5 (magħrufa wkoll bħala d-Direttiva dwar il-Piżijiet u d-Dimensjonijiet) li tistabbilixxi d-dimensjonijiet massimi awtorizzati fit-traffiku nazzjonali u internazzjonali u l-piżijiet massimi awtorizzati fit-traffiku internazzjonali għall-vetturi tqal, hija inkluża wkoll f’dan ir-rapport f’konformità mal-Artikolu 10g tad-Direttiva.

Dan ir-rapport, ibbażat fuq l-Artikolu 17 tar-Regolament dwar il-Ħin tas-Sewqan u fuq l-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol tat-Trasport bit-Triq 6 u l-Artikolu 10g tad-Direttiva dwar il-Piżijiet u d-Dimensjonijiet 7 jinkludi data kwantitattiva u kwalitattiva dwar il-kontrolli mal-ġenb tat-triq imwettqa mill-awtoritajiet ta’ kontroll tal-Istati Membri u fil-post tan-negozju tal-impriżi, kif ukoll dwar ir-reati identifikati.

Ir-rapport huwa maqsum fi tliet taqsimiet: It-Taqsima I tipprovdi l-analiżi tad-data nazzjonali dwar il-kontrolli u r-reati fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/22/KE u tar-Regolament (KE) Nru 561/2006, filwaqt li t-Taqsima II tagħti deskrizzjoni fil-qosor tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE mill-Istati Membri. It-Taqsima III tipprovdi l-analiżi tad-data nazzjonali dwar il-kontrolli u r-reati fl-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE. It-Taqsima IV tislet il-konklużjonijiet ewlenin ta’ dan ir-rapport. Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni jikkomplementa r-rapport tal-Kummissjoni b’informazzjoni supplimentari dwar il-multi, il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, kummenti minn awtoritajiet tal-infurzar, u statistika aktar dettaljata dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 u d-Direttiva 2002/15/KE. Dan ma jikkomplementax l-informazzjoni rigward id-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE.

Sottomissjoni tad-data

Ir-rapporti nazzjonali dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/15/KE u tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 iridu jiġu sottomessi sat-30 ta’ Settembru tas-sena ta’ wara t-tmiem tal-perjodu ta’ sentejn ikkonċernat, permezz tal-formola ta’ rapportar standard stabbilita bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Marzu 2017 8 . L-iskadenza għas-sottomissjoni tar-rapporti li jkopru s-snin 2019–2020 skadiet fit-30 ta’ Settembru 2021.

L-Istati Membri kollha ssottomettew id-data nazzjonali tagħhom dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006, għalkemm ħafna għamlu dan wara l-iskadenza. L-Istati Membri pprovdew id-diżaggregazzjoni mitluba tal-istatistika dettaljata dwar il-kontrolli tal-konformità mwettqa mal-ġenb tat-triq u fil-post tan-negozju. Madankollu, xi wħud ma pprovdewx data mqassma skont il-kategoriji mitluba, eż. data mqassma skont it-tip ta’ takografu 9 u t-tip ta’ reati 10 . Xi Stati Membri spjegaw ir-raġunijiet għaliex ma pprovdewx l-informazzjoni kollha meħtieġa 11 .

Kienu biss 22 Stat Membru li ppreżentaw l-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE, għalkemm xi drabi kienet limitata ħafna, u 18-il Stat Membru biss ipprovdew data statistika dwar il-kontrolli u l-eżiti tagħhom. In-nuqqas ta’ data kwantitattiva mill-Istati Membri jagħmel valutazzjoni diffiċli.

Peress li l-obbligi ta’ rapportar għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni soċjali u d-Direttiva dwar il-Piżijiet u d-Dimensjonijiet jirreferu għall-istess perjodu, il-Kummissjoni qieset li jkun aħjar li s-sejbiet tal-kontrolli jiġu kkombinati f’rapport konġunt wieħed. Id-Direttiva dwar il-Piżijiet u d-Dimensjonijiet ġiet emendata bid-Direttiva (UE) 2015/719 12 li mis-7 ta’ Mejju 2017 tintroduċi obbligu ta’ rapportar għall-Istati Membri fl-Artikolu 10g tagħha. L-informazzjoni nazzjonali trid tiġi sottomessa sat-30 ta’ Settembru tas-sena ta’ wara t-tmiem tal-perjodu ta’ sentejn ikkonċernat. L-iskadenza għas-sottomissjoni tar-rapporti li jkopru s-snin 2019–2020 skadiet fit-30 ta’ Settembru 2021. Ġie pprovdut mudell fuq excel lill-Istati Membri biex jiġi ffaċilitat ir-rapportar tagħhom.

19-il Stat Membru 13 ssottomettew l-informazzjoni nazzjonali tagħhom, li minnhom il-Polonja biss bagħtet ir-rapport tagħha sal-iskadenza. L-Istati Membri kollha apparti l-Polonja ssottomettew l-informazzjoni diżaggregata skont is-sena u l-Irlanda ssottomettiet l-informazzjoni mqassma skont il-kwarti tas-sena u skont it-tip ta’ vetturi (tal-merkanzija vs tal-passiġġieri). Madankollu, f’xi każijiet l-informazzjoni ma kinitx kompluta. Malta infurmat li ma setgħetx tipprovdi d-data għall-2019 minħabba difett kbir fis-sistema tal-użin tagħha. Il-Ġermanja indikat li l-informazzjoni li pprovdiet tirreferi għall-kontrolli mwettqa mill-Uffiċċju Federali għat-Trasport tal-Merkanzija, u li ma kellhiex statistika uniformi għall-kontrolli taħt ir-responsabbiltajiet federali. Il-Belġju informa dwar għadd residwu ta’ vetturi b’tagħbija eċċessiva/kombinazzjonijiet ta’ vetturi identifikati li għalihom l-għadd ta’ kontrolli mwettqa ma kienx magħruf għas-snin 2019 u 2020. Il-Kroazja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, Franza, l-Ungerija, il-Litwanja, il-Portugall u r-Rumanija ma ssottomettewx id-data nazzjonali tagħhom għar-rapportar attwali 2019–2020. In-nuqqas ta’ data kwantitattiva għall-Istati Membri kollha ma jippermettix valutazzjoni komprensiva.

I. Ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet ta’ infurzar għad-Direttiva 2006/22/KE u għar-Regolament (KE) Nru 561/2006

1.Kontrolli

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/22/KE jirrikjedi li l-Istati Membri jorganizzaw sistema ta’ kontrolli xierqa u regolari mal-ġenb tat-triq u fil-post tan-negozju tal-impriżi li huma soġġetti għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 561/2006. Dan l-Artikolu jistabbilixxi wkoll li l-għadd minimu ta’ kontrolli għandu jkopri tal-anqas 3 % tal-jiem maħduma mis-sewwieqa 14 tal-vetturi li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006.

Id-data nazzjonali turi li l-għadd totali ta’ jiem ta’ xogħol 15 ikkontrollati fl-UE naqas minn madwar 119,0-il miljun 16 fl-2017–2018 għal 108,9 miljun jum ta’ xogħol ikkontrollati fil-perjodu ta’ rapportar attwali. Dan jikkostitwixxi tnaqqis ta’ 8 %. Meta wieħed iħares lejn iċ-ċifri nazzjonali, it-tnaqqis tal-jiem ta’ xogħol ikkontrollati huwa l-aktar importanti f’Malta (-901 %) 17 , fl-Irlanda (-69 %), fil-Bulgarija (-59 %) u fil-Portugall (-47 %), filwaqt li ż-żieda tal-jiem tax-xogħol ikkontrollati hija l-aktar viżibbli fil-Greċja (+70 %) u fir-Rumanija (+44 %).

Kif muri fl-Illustrazzjoni 1 hawn taħt, il-medja tal-UE ta’ jiem tax-xogħol ikkontrollati hija ta’ 4,5 %, li hija ogħla minn dik meħtieġa skont id-Direttiva 18 , iżda tippreżenta xejra ta’ tnaqqis meta mqabbla mal-perjodi ta’ rapportar preċedenti (5,4 % fl-2017–2018 u 6,3 % fl-2015–2016).

Illustrazzjoni 1: Perċentwal ta’ jiem ta’ xogħol ikkontrollati għal kull Stat Membru

Ħafna mill-Istati Membri kkontrollaw aktar jiem ta’ xogħol mill-minimu meħtieġ mid-Direttiva. Madankollu, sitt Stati Membri ma laħqux il-limitu ta’ 3 %, jiġifieri l-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Lussemburgu, Malta, u n-Netherlands. Dan huwa l-istess għadd ta’ pajjiżi bħal fil-perjodu ta’ rapportar preċedenti li fih sitt Stati Membri ma laħqux il-limitu ta’ 3 % fl-2017–2018 u tliet Stati Membri ma laħquhx fl-2015–2016. Fost is-sitt Stati Membri 19 li ma kinux laħqu l-limitu ta’ 3 % fl-2017–2018, il-Greċja, l-Irlanda u n-Netherlands biss baqgħu f’dan il-grupp ta’ “livell baxx ta’ prestazzjoni”, flimkien mat-tliet Stati Membri l-oħra, li kellhom prestazzjoni tajba fil-perjodu ta’ rapportar preċedenti. Il-Greċja żiedet l-isforzi ta’ infurzar tagħha b’mod sinifikanti (titjib minn 0,1 % fl-2015–2016, 0,7 % fl-2017–2018 għal 2,4 % fil-perjodu attwali), iżda għadha taħt il-limitu.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/22/KE jistabbilixxi wkoll il-proporzjon tal-jiem ta’ xogħol li għandhom jiġu kkontrollati mal-ġenb tat-triq u fil-post tan-negozju, jiġifieri 30 % u 50 % rispettivament. Il-kalkolu ta’ dan il-proporzjon huwa bbażat fuq l-għadd ta’ kontrolli mwettqa fil-verità mill-awtoritajiet tal-infurzar u mhux fuq l-għadd minimu ta’ jiem ta’ xogħol li għandhom jiġu kkontrollati.

Bħala medja, 60 % tal-jiem ta’ xogħol ikkontrollati saru mal-ġenb tat-triq, filwaqt li 40 % ġew ikkontrollati permezz ta’ spezzjonijiet fil-post tan-negozju. Dan huwa tnaqqis fil-kontrolli mal-ġenb tat-triq meta mqabbel mal-aħħar perjodu (73 % fl-2017–2018) u żieda pożittiva fil-kontrolli fil-post tan-negozju meta mqabbla mal-aħħar perjodu (27 % fl-2017–2018). Din il-bidla tista’ tiġi spjegata parzjalment miċ-ċirkostanzi marbuta mal-COVID-19. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, sehem kbir ta’ kontrolli twettqu mal-ġenb tat-triq. Il-Greċja u l-Irlanda rrapportaw għadd baxx ta’ kontrolli mal-ġenb tat-triq. Malta ma rrapportat l-ebda kontroll fil-post tan-negozju. Sitt Stati Membri biss għandhom is-sehem bilanċjat meħtieġ bejn il-kontrolli fil-post tan-negozju u mal-ġenb tat-triq 20 , meta mqabbla ma’ tmien Stati Membri fl-2017–2018.  

Għal aktar dettalji dwar is-sehem nazzjonali tal-kontrolli mal-ġenb tat-triq u fil-post tan-negozju, ara l-Illustrazzjoni 2.

Illustrazzjoni 2: Sehem ta’ kontrolli mal-ġenb tat-triq u fil-post tan-negozju abbażi tal-jiem ta’ xogħol ikkontrollati għal kull Stat Membru

 

1.1Kontrolli mal-ġenb tat-triq

B’kollox, ġew ikkontrollati 4 112 717-il 21 vettura u 4 323 245 sewwieq fit-triq madwar l-UE meta mqabbla mal-4 982 439 vettura u 5 395 009 sewwieq ikkontrollati fl-2017–2018 22 . Id-differenza bejn l-għadd ta’ vetturi u sewwieqa kkontrollati tista’ tiġi spjegata minn sewqan minn aktar minn sewwieq wieħed, jiġifieri meta jkun hemm mill-inqas żewġ sewwieqa fil-vettura biex isuqu. Id-differenzi bejn l-għadd ta’ sewwieqa u vetturi huma prinċipalment preżenti f’rapporti mill-Belġju, mid-Danimarka, mill-Ġermanja, mill-Polonja, mir-Rumanija u mis-Slovenja.

Meta mqabbel mar-rapport għall-2017–2018, l-għadd ta’ vetturi kkontrollati rrapportat naqas bi 869 722 vettura. Dan huwa prinċipalment dovut għall-fatt li l-għadd ta’ vetturi kkontrollati mir-Renju Unit (156 496 vettura fl-2017–2018) ma huwiex inkluż fir-rapport attwali u għal tnaqqis sinifikanti fin-numri rrapportati f’Malta (-73 %), li ma kinux ikkumpensati miż-żidiet irrapportati minn Stati Membri oħra 23 .

L-għadd ta’ sewwieqa kkontrollati naqas b’1 071 764 sewwieq meta mqabbel mal-2017–2018. Dan huwa dovut ukoll għall-fatt li l-għadd ta’ sewwieqa kkontrollati mir-Renju Unit (156 496 sewwieq fl-2017–2018) ma huwiex inkluż fir-rapport attwali u l-effetti kumulattivi ta’ tnaqqis f’diversi Stati Membri oħra.

Abbażi tal-pajjiż ta’ reġistrazzjoni tal-vettura, 63 % tal-vetturi kkontrollati fl-UE kienu vetturi nazzjonali, 31 % kienu minn Stati Membri oħra tal-UE u 6 % kienu vetturi rreġistrati f’pajjiżi mhux tal-UE 24 . B’mod ġenerali, il-biċċa l-kbira tal-vetturi kkontrollati mal-ġenb tat-triq (madwar 91 % tat-total) kienu trasportaturi tal-merkanzija, filwaqt li 10 % biss kienu trasportaturi tal-passiġġieri.

Fl-2019–2020, 74 % tal-vetturi kkontrollati mal-ġenb tat-triq kienu mgħammra b’takografu diġitali, meta mqabbla mal-75 % fi-perjodu ta’ rapportar preċedenti. B’hekk, ma hemm ebda raġuni għaliex il-limitu tal-kontrolli għandu jiżdied minn 3 % għal 4 %, peress li dan għandu jsir biss meta 90 % tal-vetturi kkontrollati jkunu mgħammra b’takografi diġitali skont l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2006/22/KE.

1.2Kontrolli fil-post tan-negozju

Fil-perjodu 2019–2020, ġew ikkontrollati 58 300 25  impriża tat-trasport, li huwa tnaqqis ta’ 44 % meta mqabbel ma’ 104 104 26  impriżi tat-trasport ikkontrollati fl-2017–2018. Il-kontrolluri fil-post tan-negozju kkontrollaw madwar 34,3 miljun jum ta’ xogħol, li jirrappreżenta żieda ta’ madwar 2 % meta mqabbla ma’ 33,7 miljun fir-rapport preċedenti, anke meta jitqies li ma sar l-ebda kontroll fil-post tan-negozju f’Malta u n-nuqqas ta’ data mir-Renju Unit. B’mod ġenerali, l-awtoritajiet ta’ kontroll tal-Istati Membri kkontrollaw fil-post tan-negozju r-rekords ta’ 499 943 sewwieq, li huwa 14 % inqas meta mqabbel ma’ 641 033 sewwieq fl-2017–2018.

2.Reati

Is-27 Stat Membru kollha pprovdew data dwar ir-reati identifikati, iżda mhux kollha 27 pprovdew dettalji dwar it-tipi ta’ ksur. L-għadd totali ta’ reati rrapportati kien ta’ madwar 2,25 miljun, li huwa tnaqqis meta mqabbel mal-aħħar rapport (3,41 miljun 28 ). Dan jista’ jiġi spjegat mill-fatt li ġew ikkontrollati inqas jiem ta’ xogħol. Is-sehem tar-reati mal-ġenb tat-triq identifikati baqa’ stabbli fil-livell ta’ 60 % tar-reati totali identifikati (58 % fl-aħħar rapport).

Is-sehem tat-tipi ta’ ksur fl-għadd totali ta’ ksur identifikat baqa’ simili bħal fil-perjodu ta’ rapportar preċedenti, b’xi bidliet. L-Illustrazzjoni 3 hawn taħt turi s-sehem medju tal-UE ta’ ksur skont it-tip ta’ dispożizzjoni miksura, identifikata kemm mal-ġenb tat-triq kif ukoll fil-post tan-negozju fl-2019–2020. L-għadd ta’ reati rigward il-pawżi żdied minn 17 % għal 19 %, filwaqt li r-reati tar-rekords tal-ħin tas-sewqan naqsu minn 27 % għal 26 %. Ir-reati għall-perjodi ta’ mistrieħ jikkostitwixxu 23 % tar-reati totali bħal fl-aħħar rapport, it-tagħmir ta’ reġistrazzjoni 29 jirrappreżenta 9 % tar-reati totali (12 % fl-aħħar rapport) u n-nuqqas/id-disponibbiltà ta’ rekords għal xogħol ieħor jikkostitwixxu 8 % (6 % fl-aħħar rapport) tal-ksur kollu identifikat. Dawn l-iżviluppi huma ppreżentati fl-Illustrazzjoni 4 hawn taħt.

Ir-rata medja ta’ reati, li hija kkalkolata abbażi ta’ 100 jum ta’ xogħol ikkontrollati fil-post tan-negozju u kontrolli mal-ġenb tat-triq, naqset minn 2,7 fl-2017–2018 għal 2,1 fil-perjodu ta’ rapportar attwali. Ir-rata ta’ detezzjoni fil-post tan-negozju baqgħet ogħla mir-rata ta’ detezzjoni mal-ġenb tat-triq, u dan jikkonferma li l-kontrolli fil-post tan-negozju huma aktar effiċjenti mill-kontrolli ad hoc mal-ġenb tat-triq. Madankollu, ir-rata ta’ detezzjoni fil-post tan-negozju naqset meta mqabbla mal-aħħar perjodu ta’ rapportar.

Illustrazzjoni 3: Kategoriji ta’ ksur mal-ġenb tat-triq u fil-post tan-negozju 2019–2020

Illustrazzjoni 4: Kategoriji ta’ ksur mal-ġenb tat-triq u fil-post tan-negozju matul l-aħħar 10 snin

2.1 Reati identifikati mal-ġenb tat-triq

Fl-2019–2020, instabu madwar 1,36 miljun reat mal-ġenb tat-triq, u dan huwa 30 % inqas meta mqabbel ma’ madwar 1,94 miljun reat fl-2017–2018 30 . Il-medja tal-UE ta’ reati identifikati mal-ġenb tat-triq naqset minn 2,11 għal 1,82 għal kull 100 jum ta’ xogħol ikkontrollat. Bħala medja, 53 % tar-reati nstabu li twettqu minn sewwieqa domestiċi, filwaqt li s-sehem ta’ vetturi domestiċi fost il-vetturi kollha mwaqqfa għall-kontrolli kien ta’ 63 %.

2.2 Reati identifikati fil-post tan-negozju

L-għadd ta’ reati identifikati fil-post tan-negozju kien ta’ madwar 890 000, li huwa tnaqqis sinifikanti meta mqabbel mal-aħħar rapport (1,46 miljun). Ir-rata medja ta’ detezzjoni ta’ reati għal kull 100 jum ta’ xogħol ikkontrollat naqset minn 4,35 għal 2,59, u dan jirrappreżenta tnaqqis ta’ 40 % meta mqabbla mal-2017–2018. Ir-rata medja ta’ reati misjuba fil-post tan-negozju għal kull impriża żdiedet bi ftit minn 14-il reat għal kull impriża fl-2017–2018 għal aktar minn 15-il reat għal kull impriża.

2.3 Għadd ta’ uffiċjali tal-infurzar u ta’ tagħmir biex janalizzaw it-takografi

Fil-perjodu ta’ rapportar attwali, 54 679 uffiċjal tal-kontroll (kontra l-61 558 fl-2017–2018) kienu involuti f’kontrolli madwar l-UE. Din hija xejra kontinwa ta’ tnaqqis, anke meta wieħed iqis li ċ-ċifri mir-Renju Unit mill-perjodu ta’ rapportar preċedenti (jiġifieri 588 uffiċjal tal-kontroll) ma humiex inklużi.

20 058 uffiċjal tal-kontroll ġew imħarrġa biex janalizzaw ir-rekords tat-takografu diġitali (meta mqabbla ma’ 21 786 fl-2017–2018). L-unitajiet ta’ tagħmir ipprovduti lill-uffiċjali tal-kontroll biex janalizzaw ir-rekords tat-takografu żdiedu minn 9 677 fl-2017–2018 għal 13 067 fl-2019–2020.

3.Interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea pprovdiet interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 permezz tas-sentenzi fil-Kawża C-834/18 31 tal-10 ta’ April 2019. Il-Qorti ddeċidiet li t-terminu “perjodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa”, skont it-tifsira tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006, mhux neċessarjament irid jintemm matul il-“ġimgħa”, kif iddefinit fl-Artikolu 4(i) ta’ dak ir-Regolament.

4.Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri

Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/22/KE, l-Istati Membri huma obbligati jwettqu mill-inqas sitt kontrolli organizzati mal-ġenb tat-triq ma’ mill-inqas Stat Membru ieħor. Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri bbażata fuq kontrolli miftiehma, inizjattivi ta’ taħriġ konġunt jew skambji ta’ esperjenza u informazzjoni, għandha rwol kruċjali fit-tisħiħ tal-infurzar sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-leġiżlazzjoni soċjali fis-settur tat-trasport bit-triq, jiġifieri kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba, kompetizzjoni ġusta u sikurezza mtejba fit-toroq. Il-Pakkett dwar il-Mobilità I 32 , li ġie adottat f’Lulju 2020 u li beda japplika (parzjalment) fl-20 ta’ Awwissu 2020, għandu l-għan li jippromwovi u jsaħħaħ il-kooperazzjoni u l-assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri u li jiżgura infurzar aktar effettiv u konsistenti tar-regoli fis-seħħ. Barra minn hekk, l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA), li ġiet stabbilita fl-2019 33 b’objettiv ġenerali li tiżgura mobilità tal-forza tax-xogħol ġusta fis-suq intern, bdiet l-attivitajiet tagħha ta’ appoġġ għall-informazzjoni, it-taħriġ u l-infurzar fil-qasam tat-trasport bit-triq. Wieħed mill-kompiti tal-ELA jikkonsisti fl-għoti ta’ appoġġ lill-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-infurzar transfruntier u fl-iffaċilitar tal-ispezzjonijiet konġunti, inkluż fil-qasam tar-regoli soċjali tal-UE fis-settur tat-trasport bit-triq.

Minħabba l-kriżi tal-COVID-19, ħafna azzjonijiet konġunti ta’ infurzar previsti ma setgħux iseħħu fl-2020. Madankollu, anke fir-rigward tas-sena 2019, mhux l-Istati Membri kollha pprovdew informazzjoni dwar l-għadd eżatt ta’ kontrolli miftiehma jew ma rrapportaw xejn dwar jekk kinux wettqu l-kontrolli miftiehma. Mill-14-il Stat Membru li pprovdew informazzjoni dwar il-kontrolli 34 , 12-il Stat Membru 35 ssodisfaw l-għadd meħtieġ ta’ kontrolli miftiehma fil-perjodu ta’ rapportar.

Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-biċċa l-kbira kienet tikkonċerna Stati Membri ġirien. Barra minn hekk, fir-rigward tal-aħħar perjodu ta’ rapportar, ħafna mill-Istati Membri indikaw li l-kooperazzjoni seħħet fi ħdan il-qafas tal-Euro Contrôle Route (ECR).

II. Ħarsa ġenerali lejn l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE

Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/15/KE, l-Istati Membri huma obbligati jirrapportaw dwar l-implimentazzjoni tagħha u jindikaw l-opinjonijiet tal-impjegati u tal-impjegaturi fil-livell nazzjonali kull sentejn.

1.Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE

Id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli li jirregolaw, fost l-oħrajn, pawżi xierqa waqt il-perjodu tax-xogħol, il-ħin massimu tax-xogħol fil-ġimgħa u x-xogħol billejl. Id-dispożizzjonijiet tagħha jissupplimentaw ir-regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan, il-pawżi u l-perjodi ta’ mistrieħ stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 561/2006. Billi din id-Direttiva tistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet dwar is-sigħat tax-xogħol li huma speċifiċi għas-settur tat-trasport bit-triq, din titqies bħala lex specialis għad-Direttiva 2003/88/KE ġenerali 36 dwar il-ħinijiet tax-xogħol, li tistabbilixxi r-rekwiżiti bażiċi għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tal-ħaddiema fis-setturi kollha.

2.Aspetti ta’ implimentazzjoni fl-Istati Membri

Xi Stati Membri u sħab soċjali rrapportaw xi kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni. L-awtoritajiet Ġermaniżi rrapportaw nuqqas ġenerali ta’ għarfien tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħinijiet tas-sewqan u tax-xogħol fost l-impjegaturi. Kif irrapportat, il-ħin tax-xogħol għall-ħaddiema mobbli normalment jiġi kkontrollat għall-konformità biss fi ħdan il-kontrolli tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħin tas-sewqan u ġeneralment ma jiġix irrispettat biżżejjed.

Malta infurmat li għall-vetturi, li ma humiex obbligati jużaw takografi f’konformità mal-eżenzjoni skont l-Artikolu 13(1)(e) tar-Regolament dwar il-Ħin tas-Sewqan, il-kejl tal-ħin tax-xogħol isir permezz ta’ mezzi eżistenti biex jitkejlu l-ħinijiet tax-xogħol tas-sewwieq, eż. punch clocks.

Xi Stati Membri rrapportaw nuqqas ta’ spetturi għall-kontroll tal-ħin tax-xogħol. L-awtoritajiet Taljani indikaw il-problema tal-kisba tal-minimu meħtieġ ta’ 50 % tal-kontrolli fil-post tan-negozju. Il-problemi ewlenin huma dovuti għall-kumplessità partikolari tal-kontrolli fis-settur u għall-isforz konsiderevoli meħtieġ f’termini ta’ riżorsi umani. Matul l-ispezzjonijiet fil-post tan-negozju, minbarra l-kontrolli rigward il-konformità mal-leġiżlazzjoni soċjali tal-UE, jiġi kkontrollat ukoll l-istatus tas-sigurtà soċjali u tas-salarju tal-ħaddiema.

L-Iżvezja rrapportat dwar il-metodu użat mill-awtoritajiet ta’ kontroll biex jimmonitorjaw il-konformità ma’ dik il-parti tal-leġiżlazzjoni soċjali li dwarha s-sħab soċjali kkonkludew ftehimiet, eż. dwar ix-xogħol ta’ billejl. F’każijiet bħal dawn, l-awtoritajiet Żvediżi mhux biss jibagħtu talbiet bil-miktub lil min iħaddem u lis-sewwieqa li jaħdmu għal rashom, iżda wkoll jikkuntattjaw personalment lis-sewwieqa li jkunu qed jiġu spezzjonati. L-objettiv huwa li titqajjem kuxjenza dwar ir-regoli u li jiġu skattati bidliet fl-imġiba.

Xi awtoritajiet irrapportaw ukoll ħtieġa ta’ kjarifika ulterjuri ta’ xi definizzjonijiet fid-Direttiva 2002/15/KE. Fil-Ġermanja, Land waħda appellat għal kjarifika ulterjuri dwar kif għandhom jiġu ttrattati “l-ħinijiet ta’ stennija fir-rampa”. Instab ukoll li x-xogħol tal-ħatt spiss ma jiġix irreġistrat bħala “xogħol ieħor”, iżda bħala ħin ta’ mistrieħ. F’xi każijiet, in-negozji għamlu distinzjoni wkoll bejn il-ħin tax-xogħol effettiv u l-ħin tax-xogħol soġġett għal remunerazzjoni, u għalhekk il-ħin ġie rreġistrat u remunerat b’rata fissa, iżda mhux bħala “xogħol ieħor”.

Fl-aħħar nett, xi awtoritajiet nazzjonali rrapportaw diffikultajiet fil-kontroll tal-ħin tax-xogħol tas-sewwieqa involuti f’tipi differenti ta’ attivitajiet ta’ trasport jew fit-twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ trasport għal diversi impjegaturi.

B’kuntrast għal dan, il-Bulgarija infurmat li ma kien hemm l-ebda problema sinifikanti fl-eżerċizzju tal-kontrolli skont id-Direttiva 2002/15/KE.

Minkejja dawn l-osservazzjonijiet kondiviżi, għadu diffiċli li jiġu identifikati x-xejriet u l-kwistjonijiet pendenti fil-livell tal-UE minħabba l-għadd sinifikanti ta’ sottomissjonijiet mhux kompluti mill-Istati Membri u prattiki nazzjonali differenti.

3.Interpretazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE

Għadd żgħir ta’ Stati Membri rrapportaw interpretazzjoni ġudizzjarja mill-qrati nazzjonali li interpretaw ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/15/KE fl-2019–2020. L-Iżvezja tenniet li kienet qiegħda tistenna deċiżjoni tal-qorti f’każ relatat mad-demarkazzjoni bejn ir-responsabbiltajiet tal-Aġenzija Żvediża tat-Trasport u dawk tas-sħab soċjali meta ġew iffirmati ftehimiet kollettivi li jidderogaw minn partijiet tal-att legali nazzjonali li jittrasponi d-Direttiva 2002/15/KE. L-Iżvezja infurmat ukoll li ftit tilwim legali ieħor dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE kien ġie solvut mill-qrati tal-prim istanza u li ma kien hemm l-ebda deċiżjoni legali mill-qorti suprema. L-istess sitwazzjoni ġiet irrapportata mill-Estonja, li kkonfermat li, b’mod ġenerali, it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE ma kienet ħolqot l-ebda problema soċjali fl-2019–2020 fl-Estonja.

Spanja kellha għadd ta’ kawżi tal-qorti relatati mal-ħin tax-xogħol, il-pawżi, il-perjodi ta’ disponibbiltà u l-ftehimiet kollettivi dwar, pereżempju, il-kalkolu tas-sigħat ta’ preżenza għad-dispożizzjoni tal-impjegatur, il-pagamenti għal aktar minn 20 siegħa ta’ disponibbiltà, u l-pagamenti tas-sussistenza ta’ kuljum.

4.Ksur tar-regoli dwar il-ħinijiet tax-xogħol

Ħdax-il Stat Membru 37 biss ipprovdew data kwantitattiva dwar ir-reati identifikati, minkejja li xi data ma kinitx kompluta għalkollox. Dan l-għadd huwa kemxejn ogħla meta mqabbel mal-perjodu ta’ rapportar preċedenti li fih disa’ Stati Membri 38 pprovdew din l-informazzjoni. L-għadd insuffiċjenti ta’ kontributi ma jippermettix li tinstilet konklużjoni għall-UE kollha.

Xi Stati Membri indikaw li korrezzjoni tal-imġiba kienet possibbli f’perjodu definit biex tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ penali. L-awtoritajiet tal-infurzar jipproċedu biss bis-sanzjonijiet tagħhom f’każijiet li fihom in-nuqqas ma jkunx ġie indirizzat. F’dan ir-rigward, l-industrija Żvediża rrapportat li n-nuqqas ta’ sanzjoni diretta ġie apprezzat, peress li tagħti lill-impjegaturi u lil dawk li jaħdmu għal rashom opportunità li jimplimentaw modi ġodda ta’ ħidma, bl-użu ta’ teknoloġiji ġodda jew bit-tibdil ta’ proċeduri biex itejbu l-konformità legali.

5.L-opinjonijiet tal-partijiet ikkonċernati dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE

Kif meħtieġ mill-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/15/KE 39 , għaxar Stati Membri indikaw b’mod ċar li ż-żewġ naħat tal-industrija kienu ġew ikkonsultati għall-fini ta’ dan l-eżerċizzju ta’ rapportar. Dan l-għadd huwa kemxejn aktar baxx meta mqabbel mal-aħħar rapport 40 , iżda xorta waħda juri li aktar minn nofs l-Istati Membri ma jinvolvux lis-sħab soċjali fir-rapportar dwar l-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-ħin tax-xogħol. L-Awstrija spjegat li s-sħab soċjali ma ġewx ikkonsultati, iżda li l-abbozz tar-rapport annwali ma huwiex biss diskuss fil-Parlament (il-Kumitat Soċjali) iżda huwa wkoll disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tal-Ispettorat tax-Xogħol.

F’sitta mill-għaxar Stati Membri 41 , il-fehmiet tas-sħab soċjali ġew riflessi f’taqsima jew paragrafu separat.

L-opinjonijiet mis-sħab soċjali ma jistgħux jiġu analizzati aktar, peress li ma jikkostitwux kampjun rappreżentattiv.

III. Ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet ta’ infurzar għad-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE

1.Kontrolli

L-Artikolu 10d(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE, kif emendata bid-Direttiva UE 2015/719, jirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu miżuri speċifiċi, sas-27 ta’ Mejju 2021, biex jidentifikaw awtomatikament vetturi jew kombinazzjonijiet ta’ vetturi fiċ-ċirkolazzjoni li x’aktarx ikunu qabżu l-piż massimu awtorizzat u li għalhekk għandhom jiġu kkontrollati mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar il-Piżijiet u d-Dimensjonijiet. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, l-Irlanda u l-Ġermanja qed jużaw sistema awtomatika tal-użin u ilhom jagħmlu dan mill-inqas sa mill-2019. L-Artikolu 10d(1) jipprevedi wkoll il-possibbiltà li jintużaw is-sistemi awtomatiċi biex jiġi stabbilit direttament il-ksur u jiġu imposti penali, f’liema każ dawk is-sistemi għandhom jiġu ċċertifikati. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, l-ebda Stat Membru ma għażel li jinstalla sistemi ċċertifikati. Għalhekk, wara li l-vetturi tqal fiċ-ċirkolazzjoni li x’aktarx ikunu qabżu l-piż massimu awtorizzat jiġu identifikati permezz ta’ sistemi awtomatiċi, tali vetturi kellhom jiġu sottomessi għal kontroll addizzjonali tal-piż mal-ġenb tat-triq bi skali ċċertifikati biex jiġi stabbilit il-ksur eventwali.

Barra minn hekk, l-Artikolu 10d(2) jirrikjedi li l-Istati Membri jwettqu f’kull sena kalendarja għadd xieraq ta’ kontrolli fuq il-piż tal-vetturi jew tal-kombinazzjonijiet ta’ vetturi fiċ-ċirkolazzjoni, proporzjonat għall-għadd totali ta’ vetturi spezzjonati kull sena fit-territorju tagħhom. Madankollu, id-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE ma tipprevedix interpretazzjoni ta’ dak li jista’ jitqies “proporzjonat”, u tħalli ċertu marġni ta’ interpretazzjoni għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri dwar kif jimplimentaw din ir-regola. Min-naħa l-oħra, id-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE ma tirrikjedix li l-Istati Membri jikkomunikaw l-għadd totali ta’ vetturi spezzjonati kull sena fit-territorji tagħhom, li jkun meħtieġ biex titqabbel u tinkiseb informazzjoni dwar il-proporzjon effettiv ta’ kontrolli fuq il-piżijiet massimi mwettqa.

1.1Kontrolli mal-ġenb tat-triq

B’kollox, madwar 17-il miljun vettura u kombinazzjoni ta’ vetturi ġew ikkontrollati mal-ġenb tat-triq fl-2019 u fl-2020 (11 350 448 vettura fl-2019 u 5 810 609 fl-2020) fit-territorji tad-dsatax-il Stat Membru li pprovdew data totali jew parzjali. L-għadd ta’ kontrolli mwettqa huwa irregolari ħafna: L-Irlanda wettqet l-akbar għadd ta’ kontrolli (madwar 12,6-il miljun kontroll), segwita bil-bosta mill-Polonja (madwar 3 miljun kontroll) u mill-Italja (kważi 600 000 kontroll). Dan jista’ jiġi attribwit għall-użu esklużiv ta’ sistemi awtomatiċi tal-użin fl-Irlanda 42 .

Skont is-settijiet komparabbli ta’ data minn sittax-il Stat Membru 43 , l-għadd ta’ kontrolli żdied bi 2 % fit-territorji tagħhom.

1.2Reati

Ġew identifikati aktar minn nofs miljun reat minħabba li nqabeż il-piż massimu jew il-piż massimu fuq il-fus fi dsatax-il Stat Membru (285 065 reat fl-2019 u 287 547 fl-2020).

Skont is-settijiet komparabbli ta’ data f’sittax-il Stat Membru 44 għall-perjodu 2017–2018, l-għadd ta’ reati identifikati fit-territorji tagħhom żdied b’4 % fil-perjodu 2019–2020.

B’mod ġenerali, skont id-data disponibbli, 3,3 % tal-vetturi jew tal-kombinazzjonijiet ta’ vetturi kkontrollati kienu mgħobbija żżejjed. Dan il-perċentwal ivarja minn 4,9 % fl-2019 għal 2,5 % fl-2020, li jista’ jissuġġerixxi, minħabba l-ammont simili ta’ kontrolli mwettqa f’dawk is-sentejn, li l-konformità mar-regoli tal-piż żdiedet. Madankollu, iċ-ċifri jvarjaw ħafna fost l-Istati Membri u hemm ċirkostanzi oħra, bħall-postijiet, il-ġranet u l-ħinijiet magħżula għall-kontrolli mal-ġenb tat-triq u l-esperjenza/it-taħriġ tal-uffiċjali tal-infurzar li jwettqu l-kontrolli li jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinifikanti l-effiċjenza ta’ tali kontrolli, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri. Bħala eżempju tal-varjazzjonijiet fost l-Istati Membri, l-Estonja tirrapporta 2 166 każ ta’ ksur identifikat minn 2 929 kontroll imwettaq (effettività ta’ 72,2 %), filwaqt li l-Polonja tirrapporta 7 217-il każ ta’ ksur identifikat minn 3 050 851 kontroll imwettaq (effettività ta’ 0,2 %).

IV. Konklużjonijiet

L-eżitu ġenerali tal-analiżi dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli soċjali tal-UE dwar it-trasport bit-triq juri li l-prestazzjoni ġenerali fir-rigward tal-livelli ta’ infurzar u konformità fl-2019–2020 baqgħet stabbli meta mqabbla mal-2017–2018.

Madankollu, tqabbil dirett tal-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli soċjali tal-UE dwar it-trasport bit-triq fiż-żewġ perjodi ta’ rapportar ma huwiex possibbli, 2017–2018 u 2019–2020, minħabba s-sitwazzjoni speċifika relatata mal-kriżi tal-COVID-19 u l-fatt li r-Renju Unit ma għadux meħtieġ jirrapporta dwar l-attivitajiet ta’ infurzar tiegħu.

Il-kriżi tal-COVID-19 kellha impatt negattiv fuq l-għadd ta’ kontrolli u azzjonijiet miftiehma mwettqa mill-Istati Membri. Madankollu, jistgħu jissemmew xi xejriet.

Għad hemm tnaqqis kontinwu fl-għadd ta’ jiem ta’ xogħol ikkontrollati. Meta mqabbel mal-perjodi ta’ rapportar preċedenti, kien hemm tnaqqis kemm fl-għadd irrapportat ta’ vetturi kif ukoll fl-għadd irrapportat ta’ sewwieqa kkontrollati mal-ġenb tat-triq madwar l-UE. It-tnaqqis ġie osservat ukoll għall-għadd ta’ impriżi tat-trasport ikkontrollati fil-post tan-negozju. Fl-istess ħin, il-proporzjon tal-jiem ta’ xogħol ikkontrollati mal-ġenb tat-triq u fil-post tan-negozju nbidel għall-benefiċċju tal-jiem ta’ xogħol ikkontrollati fil-post tan-negozju (60 % mal-ġenb tat-triq u 40 % fil-post tan-negozju u 73 % u 27 % rispettivament fl-aħħar rapport), li huwa żvilupp pożittiv li jġib il-proporzjon ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ kontrolli eqreb lejn ir-rekwiżiti legali.

Kemm l-għadd ta’ reati identifikati fil-post tan-negozju kif ukoll mal-ġenb tat-triq naqsu meta mqabbla mal-aħħar rapport, li jista’ jiġi spjegat bit-tnaqqis fl-għadd ta’ kontrolli mwettqa. Ir-rata ta’ detezzjoni fil-post tan-negozju baqgħet ogħla mir-rata ta’ detezzjoni mal-ġenb tat-triq, u dan jikkonferma li l-kontrolli fil-post tan-negozju huma aktar effiċjenti mill-kontrolli ad hoc mal-ġenb tat-triq. Madankollu, ir-rata ta’ detezzjoni fil-post tan-negozju naqset meta mqabbla mal-aħħar perjodu ta’ rapportar.

Ir-rati ta’ detezzjoni tal-ksur ivarjaw b’mod sinifikanti madwar l-UE (minn 0,12 sa 8,39). Dan il-fatt, flimkien max-xejra tal-għadd dejjem jonqos ta’ jiem tax-xogħol ikkontrollati u l-kapaċitajiet ta’ infurzar limitati (riżorsi umani u finanzjarji, ħiliet u tagħmir ta’ kontroll) madwar l-Istati Membri, jindika li huwa imperattiv li l-kontrolli jiġu mmirati aħjar. L-aċċess għad-data, bħall-klassifikazzjoni tar-riskju, mal-ġenb tat-triq għandu importanza kbira b’mod partikolari biex il-kontrolli jiġu mmirati aħjar u biex jitnaqqsu l-kontrolli “nodfa” mhux meħtieġa, jiġifieri kontrolli li fihom ma jiġi identifikat l-ebda ksur. L-aċċess għad-data dwar il-klassifikazzjoni tar-riskju mill-ispetturi tal-ġenb tat-triq huwa obbligatorju f’konformità mar-rekwiżiti l-ġodda introdotti mill-Pakkett dwar il-Mobilità I 45 . Il-Kummissjoni se tadotta att ta’ implimentazzjoni dwar il-modalitajiet ta’ dan l-aċċess 46 . Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tinvestiga kif it-teknoloġiji tad-diġitalizzazzjoni u tal-awtomatizzazzjoni jistgħu jgħinu biex il-kontrolli tal-konformità jsiru aktar intelliġenti (aktar effettivi, effiċjenti, mingħajr karti, abbażi tal-aċċess għad-data diġitali u l-iskambju tagħha).

Fir-rigward ta’ kontrolli miftiehma u konġunti fost l-Istati Membri, jidher ċar li dawn jikkontribwixxu għall-kondiviżjoni tal-għarfien, u għall-istabbiliment ta’ approċċ armonizzat għall-fehim u l-infurzar tar-regoli tal-UE fis-seħħ. Għalhekk, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex ikomplu jsaħħu l-isforzi tagħhom fit-titjib tal-kooperazzjoni, permezz ta’ spezzjonijiet konġunti u kontrolli miftiehma, kif ukoll biex jibbenefikaw mill-assistenza offruta mill-Awtorità Ewropea tax-Xogħol.

Is-sehem tat-tipi differenti ta’ reati għadu simili għall-aħħar perjodu ta’ rapportar. Fil-post tan-negozju, ir-reati relatati mar-rekords tal-ħin tas-sewqan jammontaw għal kważi nofs ir-reati kollha identifikati li jindikaw diffikultajiet fil-ħżin xieraq tad-data rilevanti mill-impriżi. B’kuntrast għal dan, ir-reati relatati mal-perjodi ta’ mistrieħ u l-ħinijiet tas-sewqan jammontaw għal kważi nofs ir-reati kollha identifikati mal-ġenb tat-triq.

Fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE, in-nuqqas ta’ data kwantitattiva u kwalitattiva dettaljata f’ħafna rapporti nazzjonali jagħmel valutazzjoni fil-fond diffiċli. Il-Kummissjoni tixtieq tisħaq fuq l-importanza ta’ dan l-eżerċizzju ta’ rapportar u tfakkar li tista’ titnieda azzjoni legali kontra l-Istati Membri li jonqsu milli jikkonformaw mar-rekwiżit li jissottomettu l-informazzjoni kif meħtieġ mill-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/15/KE. 

Fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE in-nuqqas ta’ informazzjoni minn ħafna Stati Membri jagħmel il-konklużjonijiet diffiċli. B’dan il-ħsieb, l-eżitu ġenerali huwa li, filwaqt li l-livelli ġenerali ta’ infurzar u konformità għall-2019–2020 it-tnejn żdiedu bi ftit (2 % aktar kontrolli u 4 % aktar infrazzjonijiet identifikati meta mqabbla mal-2017–2018), hemm differenzi sinifikanti fost l-Istati Membri fl-għadd ta’ kontrolli u infrazzjonijiet identifikati f’perjodu partikolari.

Dawn id-differenzi jistgħu jiġu osservati wkoll fl-effiċjenza tal-kontrolli mkejla bħala l-perċentwal ta’ infrazzjonijiet identifikati għal kull kontroll imwettaq.

Minħabba li mis-27 ta’ Mejju 2021 is-sistemi għall-użin waqt is-sewqan iridu jiġu implimentati fl-Istati Membri kollha, l-analiżi futura tad-data u t-tqabbil mas-settijiet attwali ta’ data se jkunu kruċjali biex jinstiltu konklużjonijiet dwar il-prestazzjoni u l-effiċjenza ta’ dawn is-sistemi awtomatiċi.

Ma tista’ tinstilet l-ebda konklużjoni ġenerali fir-rigward tal-adegwatezza u l-proporzjonalità tal-kontrolli fuq il-piżijiet massimi. Dan huwa dovut, minn naħa waħda, għan-nuqqas ta’ kriterji uniformi oġġettivi biex tiġi ddefinita l-“proporzjonalità” fit-test legali. Għall-kuntrarju tal-kriterji ta’ 3 % previsti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/22/KE, id-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE tħalli ċertu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri dwar kif jimplimentaw din ir-regola. Min-naħa l-oħra, id-Direttiva dwar il-Piżijiet u d-Dimensjonijiet lanqas ma tirrikjedi li l-Istati Membri jikkomunikaw l-għadd totali ta’ vetturi spezzjonati kull sena fit-territorji tagħhom, u dan ixekkel il-valutazzjoni tal-proporzjonalità tal-kontrolli tal-piżijiet anke mill-perspettiva ta’ proporzjon kostanti, jiġifieri li aktar ma l-vetturi jiġu spezzjonati fit-territorju ta’ Stat Membru, aktar ikun meħtieġ li jsiru kontrolli fuq il-piż tal-vetturi.

Il-Kummissjoni temmen li l-livelli ġenerali ta’ infurzar u konformità wara l-applikazzjoni tal-Pakkett dwar il-Mobilità I, se jittejbu fil-perjodi ta’ rapportar futuri. Att ta’ implimentazzjoni adottat mill-Kummissjoni dwar formula armonizzata tal-klassifikazzjoni tar-riskju 47 jippermetti lill-infurzaturi jirrikonoxxu malajr il-profil tal-kumpanija li beħsiebhom jikkontrollaw u jkunu jafu jekk kumpanija għandhiex klassifikazzjoni tar-riskju baxxa (minħabba ksur ta’ livell baxx tal-liġi) jew klassifikazzjoni tar-riskju għolja (livell għoli ta’ ksur tal-liġi). Barra minn hekk, detezzjoni bikrija mill-bogħod ta’ manipulazzjoni u użu ħażin possibbli, se tagħti lill-infurzaturi għodda biex jagħżlu liema vetturi għandhom jikkontrollaw. Dan kollu għandu jnaqqas l-għadd ta’ kontrolli bla bżonn u jiffranka r-riżorsi kemm min-naħa tal-infurzaturi kif ukoll tas-sewwieqa.

Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-implimentazzjoni tar-regoli soċjali fit-trasport bit-triq bl-assistenza tal-Istati Membri. Hija tistieden lill-Istati Membri jinkludu l-fehmiet taż-żewġ naħat tal-industrija dwar l-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-ħin tax-xogħol, kif meħtieġ mid-Direttiva 2002/15/KE.

Il-Kummissjoni tinsisti fuq l-importanza li l-Istati Membri jissottomettu settijiet sħaħ ta’ data dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE u l-infurzar tagħha kif ukoll dwar l-infurzar tad-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE għall-perjodu ta’ rapportar li jmiss sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/15/KE, l-Artikolu 10g tad-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE u l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006.

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1).

(2)

Id-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq (ĠU L 80, 23.3.2002, p. 35).

(3)

Id-Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar il-kondizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti (KE) 561/2006 u (UE) Nru 164/2014 u d-Direttiva 2002/15/KE dwar il-leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam ma’ attivitajiet tat-trasport bit-triq u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 35).

(4)

Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 1).

(5)

Id-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE tal-25 ta’ Lulju 1996 li tistabbilixxi għal ċerti vetturi tat-triq li jiċċirkolaw fi ħdan il-Komunità id-dimensjonijiet massimi awtorizzati fit-traffiku nazzjonali u internazzjonali u l-piżijiet massimi awtorizzati fit-traffiku internazzjonali (ĠU L 235, 17.9.1996, p. 59).

(6)

L-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 jirrikjedi li kull sentejn l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni meħtieġa biex jippermettu li l-Kummissjoni tfassal rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament u dwar l-iżviluppi li jkunu saru fl-oqsma inkwistjoni. L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/15/KE jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, filwaqt li jindikaw ukoll l-opinjonijiet taż-żewġ naħat tal-industrija. Ir-rapporti dwar id-Direttiva 2002/15/KE u r-Regolament (KE) Nru 561/2006 jistgħu jiġu ppreżentati f’dokument uniku, peress li ż-żewġ atti leġiżlattivi jkopru l-istess perjodu ta’ rapportar ta’ sentejn u jistabbilixxu regoli komplementari għas-sewwieqa professjonali.

(7)

L-Artikolu 10g tad-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE jirrikjedi li kull sentejn l-Istati Membri jikkomunikaw l-informazzjoni meħtieġa dwar l-għadd ta’ kontrolli mwettqa fuq vetturi tqal u l-għadd ta’ vetturi mgħobbija żżejjed jew il-kombinazzjonijiet ta’ vetturi skoperti. L-Artikolu 10g tad-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE jipprevedi li din l-informazzjoni tista’ tkun parti mill-informazzjoni sottomessa skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006.

(8)

C(2017) 1927 final.

(9)

Dan huwa l-każ għal-Litwanja li infurmat li d-data ma kinitx disponibbli minħabba żball tekniku.  

(10)

Il-Latvja ma pprovdietx din il-kategorizzazzjoni għal reati fil-post tan-negozju.

(11)

L-awtoritajiet Franċiżi infurmaw li d-data mill-Ministeru tax-Xogħol, li tirrappreżenta madwar nofs l-obbligi nazzjonali ta’ spezzjoni fl-intrapriżi, ma setgħetx tiġi estratta mis-sistema ta’ informazzjoni, għall-kuntrarju tas-snin preċedenti. Il-Polonja infurmat li ma kien hemm disponibbli l-ebda data dwar l-għadd ta’ uffiċjali tal-pulizija li wettqu kontrolli mal-ġenb tat-triq.

(12)

Id-Direttiva (UE) 2015/719 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE li tistabbilixxi għal ċerti vetturi tat-triq li jiċċirkolaw fi ħdan il-Komunità d-dimensjonijiet massimi awtorizzati fit-traffiku nazzjonali u internazzjonali u l-piżijiet massimi awtorizzati fit-traffiku internazzjonali (ĠU L 115, 6.5.2015, p. 1).

(13)

L-Istati Membri li ssottomettew id-data nazzjonali tagħhom kienu l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, ir-Repubblika Slovakka, is-Slovenja, Spanja u l-Iżvezja.

(14)

Din iċ-ċifra hija bbażata fuq l-għadd ta’ jiem ta’ xogħol għal sentejn u fuq l-għadd ta’ vetturi rreġistrati fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament matul dak il-perjodu għal kull Stat Membru.

(15)

It-terminu “jiem ta’ xogħol” jintuża b’mod interkambjabbli mat-terminu “jiem maħduma” minn sewwieq fil-leġiżlazzjoni rilevanti: Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006, id-Direttiva 2006/22/KE u d-Deċiżjoni (UE) 2017/1013;

(16)

It-total ta’ 125,7 miljun jum ta’ xogħol ikkontrollati fl-2017–2018 kien jinkludi r-Renju Unit.

(17)

Malta infurmat li t-tnaqqis fl-għadd ta’ kontrolli kien dovut għaċ-ċirkostanzi tal-COVID-19 kif ukoll għat-tluq f’daqqa taż-żewġ impjegati li f’dak iż-żmien kienu unikament responsabbli għall-ispezzjonijiet tat-takografi. L-awtoritajiet Maltin irrikonoxxew il-ħtieġa li din il-kwistjoni tiġi indirizzata minnufih u li jipproċedu għat-tħarriġ ta’ tmien membri tal-persunal biex jiżguraw li tali sitwazzjoni ma sseħħx mill-ġdid fil-futur.

(18)

Speċjalment fl-Awstrija, fil-Bulgarija, fi Franza, fil-Ġermanja, fil-Latvja, fil-Portugall u fir-Rumanija li kienu responsabbli għal terz tal-jiem ta’ xogħol ikkontrollati.

(19)

Id-Danimarka, il-Finlandja, il-Greċja, l-Irlanda, il-Litwanja u n-Netherlands.

(20)

Il-Bulgarija, Ċipru, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u s-Slovakkja.

(21)

Il-Litwanja ma rrapportatx data.

(22)

Iċ-ċifra għall-2017–2018 tinkludi d-data mir-Renju Unit (jiġifieri 17 461 impriża). Mingħajr data mir-Renju Unit, it-tnaqqis huwa ta’ kważi 33 %.

(23)

Pereżempju +81 % fid-Danimarka u 64 % fil-Lussemburgu.

(24)

Il-Litwanja ma pprovdietx din id-data. Ċipru rrapporta li ġew ikkontrollati biss il-vetturi nazzjonali.

(25)

Malta ma pprovdietx din id-data.

(26)

86 643 impriża kontrollati fl-2017–2018 mingħajr ir-Renju Unit.

(27)

Il-Latvja ma pprovdietx it-tipi ta’ reati fil-kontrolli tal-post tan-negozju.

(28)

Jew 3,29 miljun mingħajr ir-Renju Unit.

(29)

Ir-reati fir-rigward tat-tagħmir ta’ reġistrazzjoni huma relatati mal-funzjonament mhux korrett u mal-użu ħażin jew mal-manipulazzjoni tat-tagħmir ta’ reġistrazzjoni.

(30)

Jew madwar 1,84 miljun reat mingħajr ir-Renju Unit.

(31)

  https://curia.europa.eu/jcms/jcms/P_126035/en/

(32)

  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=OJ:L:2020:249:FULL&from=FR

(33)

Ir-Regolament (UE) 2019/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tax-Xogħol, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 883/2004, (UE) Nru 492/2011, u (UE) 2016/589 u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2016/344 (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 21).

(34)

Il-Belġju, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Greċja, Malta, in-Netherlands, il-Portugall u s-Slovenja. L-Ungerija u Malta infurmaw li ma sarux kontrolli miftiehma.

(35)

L-Awstrija, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja u Spanja. 

(36)

Id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9).

(37)

L-Awstrija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Polonja, is-Slovakkja u Spanja.

(38)

L-Awstrija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, Franza, l-Irlanda, il-Lussemburgu u l-Polonja.

(39)

Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovakkja u l-Iżvezja.

(40)

L-aħħar rapport indika 12-il Stat Membru, inkluż ir-Renju Unit.

(41)

Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Polonja, il-Portugall u l-Iżvezja.

(42)

Il-kontrolli kollha rrapportati mill-Irlanda jitwettqu permezz ta’ sistemi għall-użin waqt is-sewqan (WIM).

(43)

L-Istati Membri li ssottomettew id-data nazzjonali tagħhom għall-perjodu sħiħ 2017–2018 kienu l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Latvja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Polonja, ir-Repubblika Slovakka, is-Slovenja u Spanja.

(44)

L-Istati Membri li ssottomettew id-data nazzjonali tagħhom għall-perjodu sħiħ 2017–2018 kienu l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Latvja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Polonja, ir-Repubblika Slovakka, is-Slovenja u Spanja.

(45)

F’konformità mal-Artikolu 16(6) tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 kif emendat bir-Regolament (UE) 2020/1055.

(46)

 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/695 tat-2 ta’ Mejju 2022 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-formula komuni għall-kalkolu tal-klassifikazzjoni tar-riskju tal-impriżi tat-trasport (ĠU L 129, 3.5.2022, p. 33). 

Top