Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023AT40522

Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Lulju 2022 Li jirrigwarda proċediment skont l-artikolu 101 tat-trattat dwar il-funzjonament tal-unjoni ewropea (Il-każ AT.40522 - METAL PACKAGING) (Notifikat skont id-dokument numru C(2022) 4761 final (It-test bl-ingliż biss huwa awtentiku) 2023/C 57/04

C/2022/4761

ĠU C 57, 16.2.2023, p. 5–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 57/5


SOMMARJU TAD-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-12 ta’ Lulju 2022

Li jirrigwarda proċediment skont l-artikolu 101 tat-trattat dwar il-funzjonament tal-unjoni ewropea

(Il-każ AT.40522 - METAL PACKAGING)

(Notifikat skont id-dokument numru C(2022) 4761 final

(It-test bl-ingliż biss huwa awtentiku)

(2023/C 57/04)

Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (1) , il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, inkluża kull penali imposta, fid-dawl tal-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni li tikkonkludi li d-destinatarji ta’ din id-Deċiżjoni pparteċipaw f’każ ta’ ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-Trattat”) fis-settur tal-imballaġġ tal-metall fil-Ġermanja li dam għaddej mill-11 ta’ Marzu 2011 sat-18 ta’ Settembru 2014.

(2)

Id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-entitajiet ġuridiċi li ġejjin:

(a)

Crown Holdings, Inc. u Crown Cork & Seal Deutschland Holdings GmbH (kollettivament imsejħa “Crown”);

(b)

Silgan Holdings Inc., Silgan White Cap Manufacturing GmbH, Silgan Metal Packaging Distribution GmbH, Silgan Holdings Austria GmbH u Silgan International Holdings B.V. (kollettivament imsejħa “Silgan”).

(3)

L-impriżi involuti f’dan il-każ jissejħu wkoll il-“partijiet” jew, individwalment, il- “parti”.

2.   DESKRIZZJONI TAL-KAŻ

2.1.   Proċedura

(4)

Il-każ ġie investigat mill-Kummissjoni b’talba tal-Bundeskartellamt, l-Awtorità tal-Kompetizzjoni Ġermaniża.

(5)

F’April 2018, il-Kummissjoni għamlet spezzjonijiet għall-għarrieda u bdiet proċedimenti kontra Crown u Silgan skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004. Permezz ta’ Deċiżjoni adottata fl-1 ta’ Ottubru 2021, il-proċedimenti ngħalqu fir-rigward tat-territorji kollha taż-ŻEE bl-eċċezzjoni tal-Ġermanja.

(6)

Crown ippreżentat applikazzjoni għall-klemenza u kkooperat mal-Kummissjoni skont l-Avviż ta’ Klemenza.

(7)

Sussegwentement, Crown u Silgan ippreżentaw it-talbiet formali tagħhom għar-riżolviment tal-każ lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 10a(2) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004. Fis-sottomissjonijiet tagħhom għar-riżolviment, kull parti rrikonoxxiet ir-responsabbiltà tagħha għall-każ ta’ ksur u tat indikazzjoni tal-ammont massimu tal-multa li hija tistenna li tiġi imposta mill-Kummissjoni, u li hija taċċetta fil-qafas ta’ proċedura ta’ riżolviment tat-tilwim.

(8)

Fid-19 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni ħarġet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata lill-partijiet, li wieġbu għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet billi kkonfermaw li l-fatti u l-evalwazzjoni legali tal-ksur kif stabbilit fid-Deċiżjoni jirriflettu l-kontenut tas-sottomissjonijiet tagħhom għar-riżolviment u li huma baqgħu impenjati li jsegwu l-proċedura ta’ riżolviment tat-tilwim.

(9)

Il-Kumitat Konsultattiv fil-qasam tal-Prattiċi Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti ħareġ opinjoni favorevoli fil-5 ta’ Lulju 2022. Fit-8 ta’ Lulju 2022, l-Uffiċjal tas-Seduta ħareġ ir-rapport finali tiegħu.

2.2.   Sommarju tal-ksur

(10)

Il-każ ta’ ksur kien jikkonsisti fi

a)

skambji bilaterali regolari tal-volumi tal-bejgħ annwali rispettivi tal-passat l-aktar reċenti (jiġifieri dawk tas-sena ta’ qabel) - f’termini ta’ unitajiet mibjugħa - fir-rigward tal-klijenti tal-partijiet fil-Ġermanja fis-suq għall-għeluq tal-metall (il-fażi I), u

b)

fil-kuntest tal-introduzzjoni fil-Ġermanja ta’ laned tal-metall u għeluq tal-metall miksija b’lacquer ġdid (dak iż-żmien) ħieles mill-Bisfenol A (mingħajr BPA) (“laned tal-metall BPA-NI” u “għeluq tal-metall BPA-NI”), skambji ta’ informazzjoni u fehmiet dwar l-intenzjoni tagħhom li jimponu ħlas addizzjonali u li jqassru r-rakkomandazzjonijiet ta’ tul minimu ta’ żmien magħmula lill-mili meta mqabbla mal-lacquers li fihom il-BPA (il-fażi II).

(11)

L-għan ġenerali ta’ dawn l-iskambji kien li tinħoloq trasparenza akbar fis-suq Ġermaniż. Dawn il-kuntatti ppermettew lill-partijiet jiksbu data dettaljata dwar il-volumi tal-bejgħ annwali tal-passat l-aktar reċenti (jiġifieri dawk tas-sena preċedenti) tal-għeluq tal-metall fir-rigward tal-klijenti tagħhom fil-Ġermanja fis-sena preċedenti, u jiksbu għarfien dwar xi kundizzjonijiet kummerċjali Ġermaniżi rigward il-laned tal-metall BPA-NI u l-għeluq tal-metall BPA-NI lill-klijenti fil-Ġermanja. Għall-għeluq tal-metall, dawn l-iskambji ta’ informazzjoni neħħew l-inċertezzi dwar il-bażi tal-klijenti tal-parti l-oħra u l-fornimenti tagħha lill-klijenti tagħha, u għal-laned tal-metall BPA-NI u l-għeluq tal-metall BPA-NI dwar l-imġiba kummerċjali ta’ xulxin fir-rigward tal-parametri tan-negozjar li kienu essenzjali fiċ-ċirkostanzi fis-suq Ġermaniż. B’mod ġenerali, din l-imġiba ppermettiet lill-partijiet jadattaw l-imġiba tas-suq u l-isforzi kompetittivi tagħhom fis-suq Ġermaniż għal-laned tal-metall BPA-NI u għall-għeluq tal-metall miksi b’lacquers ħielsa mill-BPA jew li fihom il-BPA.

(12)

L-imġiba saret fil-forma ta’ laqgħat kif ukoll telefonati u skambji ta’ emails.

(13)

Fuq il-bażi tal-evidenza, il-fażi 1 tal-imġiba bdiet fil-11 ta’ Marzu 2011 u ntemmet fil-21 ta’ Marzu 2014. Il-fażi II tal-imġiba bdiet mhux aktar tard mit-18 ta’ April 2013 u ntemmet fit-18 ta’ Settembru 2014. Għalhekk, l-imġiba globali dam għaddej mill-11 ta’ Marzu 2011 sat-18 ta’ Settembru 2014.

(14)

Id-Deċiżjoni tqis l-iskambji ta’ informazzjoni u l-koordinazzjoni bħala ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 tat-Trattat u tikkwalifika bħala kartell.

(15)

L-imġiba tikkonċerna l-għeluq tal-metall u l-laned tal-metall BPA-NI fornuti lill-klijenti fil-Ġermanja. Il-portata ġeografika tal-imġiba hija għalhekk il-Ġermanja.

(16)

Iż-żewġ fażijiet tal-każ ta’ ksur affettwaw il-kompetizzjoni bejn iż-żewġ partijiet fit-territorju kollu ta’ Stat Membru, jiġifieri l-Ġermanja, li tikkostitwixxi parti sostanzjali tas-suq intern. Għaldaqstant, il-ksur seta’ jaffettwa b’mod sinifikattiv il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat.

2.3.   Destinatarji

(17)

Għall-parteċipazzjoni ta’ Crown fl-imġiba, l-entitajiet ġuridiċi li ġejjin jinħtieġ li jinżammu responsabbli in solidum:

i)

Crown Holdings, Inc.

ii)

Crown Cork & Seal Deutschland Holdings GmbH

(18)

Għall-parteċipazzjoni ta’ Silgan fl-imġiba, l-entitajiet ġuridiċi li ġejjin jenħtieġ li jinżammu responsabbli in solidum:

(a)

Silgan White Cap Manufacturing GmbH (bħala s-suċċessur ta’ Silgan White Cap Deutschland GmbH);

(b)

Silgan Metal Packaging Distribution GmbH (bħala s-suċċessur ta’ Silgan Metal Packaging Vertriebs GmbH);

(c)

Silgan Holdings Austria GmbH (bħala l-kumpanija prinċipali ta’ Silgan Metal Packaging Vertriebs GmbH fiż-żmien tal-każ ta’ ksur);

(d)

Silgan International Holdings B.V. (bħala l-kumpanija prinċpali ta’ Silgan White Cap Deutschland GmbH fiż-żmien tal-każ ta’ ksur);

(e)

Silgan Holdings Inc. (bħala l-kumpanija prinċipali finali tal-entitajiet ġuridiċi elenkati hawn fuq minn (a) sa (d)).

2.4.   Rimedji

(19)

Id-deċiżjoni tapplika l-Linji Gwida tal-2006 dwar il-Multi.

2.4.1.   Ammont bażiku tal-multa

(20)

Il-każ ta’ ksur jikkonċerna prodotti differenti, li huwa rifless fl-użu ta’ valuri ta’ bejgħ differenti għall-iffissar tal-multi għall-fażi I u l-fażi II tal-każ ta’ ksur. Għaż-żewġ fażijiet tal-każ ta’ ksur, il-multi huma bbażati fuq il-valur tal-bejgħ tal-partijiet miksub fil-Ġermanja fl-2013, jiġifieri l-aħħar sena sħiħa ta’ negozju tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-każ ta’ ksur kif ġej.

(21)

Fir-rigward tal-fażi I, il-valur rilevanti tal-bejgħ għall-kalkolu tal-multa huwa dak tal-bejgħ tal-għeluq tal-metall lill-klijenti fil-Ġermanja fl-2013.

(22)

Fir-rigward tal-fażi II, il-valur rilevanti tal-bejgħ għall-kalkolu tal-multa huwa dak tal-bejgħ tal-għeluq tal-metall u tal-laned tal-metall lill-klijenti fil-Ġermanja fl-2013. Madankollu, minħabba ċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ dan il-każ, huwa xieraq li jitqies biss proporzjon ta’ dan il-bejgħ għall-kalkolu tal-multi. Il-fażi II tikkonċerna t-tranżizzjoni minn għeluq tal-metall u laned tal-metall miksija b’lacquers tradizzjonali (dawk li fihom il-BPA) għal prodotti miksija b’lacquers ħielsa mill-BPA. Matul il-perjodu tal-fażi II tal-ksur, il-bejgħ tal-għeluq tal-metall BPA-NI u laned tal-metall BPA-NI kien qed jikber gradwalment u kien jirrappreżenta perċentwal limitat tal-għeluq tal-metall u tal-laned mibjugħa lill-klijenti fil-Ġermanja. Il-Kummissjoni tqis li […] % tal-valur tal-bejgħ tal-2013 magħmul bil-laned tal-metall, u […] % tal-valur tal-bejgħ tal-2013 li sar bl-għeluq tal-metall huwa indikatur xieraq għall-valur rilevanti tal-bejgħ għall-fażi II.

(23)

Kartell huwa, min-natura tiegħu stess, fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar dannużi. Il-kartelli ġeneralment jiġġustifikaw perċentwal inizjali ta’ mill-inqas 15 %. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li dan kien kartell multidimensjonali. Il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jitqies huwa ta’ 16 %.

(24)

Għall-fażi I, it-tul ta’ żmien ikkunsidrat huwa dak ta’ 1 107 jum (multiplikatur 3.03). Għall-fażi II, it-tul ta’ żmien u l-multiplikaturi rilevanti huma kif ġej:

 

Tul ta’ żmien (jiem)

Multiplikatur

“Għeluq”

181

0.49

“Laned”

519

1.42

(25)

Il-Kummissjoni tapplika perċentwal ta’ 16 % tal-valur tal-bejgħ għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont addizzjonali (“tariffa tad-dħul”).

2.4.2.   Aġġustamenti għall-ammont bażiku

(26)

Ma nstabet l-ebda ċirkostanza aggravanti jew mitiganti.

2.4.3.   Applikazzjoni tal-limitu tal-fatturat ta’ 10 %

(27)

L-ebda waħda mill-multi kkalkulati għal xi waħda mill-partijiet ma taqbeż l-10 % tal-fatturat totali tal-impriża fl-2021.

2.4.4.   Applikazzjoni tal-Avviż ta’ Klemenza tal-2006: tnaqqis ta’ multi

(28)

Crown kienet l-ewwel impriża li pprovdiet mal-applikazzjoni tagħha għall-klemenza evidenza ġdida importanti kif ukoll informazzjoni korroboranti. Jingħata tnaqqis tal-multa ta’ 50 % lil Crown.

2.4.5.   Applikazzjoni tal-Avviż ta’ Riżoluzzjoni

(29)

B’riżultat tal-applikazzjoni tal-Avviż ta’ Riżolviment, l-ammont tal-multi imposti fuq kull parti kompla jitnaqqas b’10 % oħra.

3.   KONKLUŻJONI

(30)

Il-Kummissjoni timponi multa ta’ EUR 7 670 000 fuq Crown u ta’ EUR 23 852 000 fuq Silgan.

(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 411/2004 (ĠU L 68, 6.3.2004, p. 1)


Top