This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52023AE3197
Opinion of the European Economic and Social Committee on the communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions: An adjusted package for the next generation of own resources (COM(2023) 330 final) and the amended proposal for a Council Decision amending Decision (EU, Euratom) 2020/2053 on the system of own resources of the European Union (COM(2023) 331 final/2 — 2021/0430 (CNS))
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Pakkett aġġustat għall-ġenerazzjoni li jmiss tar-riżorsi proprji” (COM(2023) 330 final) u “Proposta emendata għal Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea” (COM(2023) 331 final/2 – 2021/0430 (CNS))
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Pakkett aġġustat għall-ġenerazzjoni li jmiss tar-riżorsi proprji” (COM(2023) 330 final) u “Proposta emendata għal Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea” (COM(2023) 331 final/2 – 2021/0430 (CNS))
EESC 2023/03197
ĠU C, C/2024/884, 6.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/884/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje C |
C/2024/884 |
6.2.2024 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Pakkett aġġustat għall-ġenerazzjoni li jmiss tar-riżorsi proprji”
(COM(2023) 330 final)
u “Proposta emendata għal Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”
(COM(2023) 331 final/2 – 2021/0430 (CNS))
(C/2024/884)
Relatur: |
Katrīna ZARIŅA |
Korelatur: |
Philip VON BROCKDORFF |
Konsultazzjoni |
Kummissjoni Ewropea, 18.7.2023 Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 19.7.2023 |
Bażi legali |
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali |
Adozzjoni fis-sezzjoni |
5.10.2023 |
Adozzjoni fil-plenarja |
25.10.2023 |
Sessjoni plenarja Nru |
582 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
169/04/04 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni biex tipproponi riżorsi proprji ġodda u tiggarantixxi baġit tal-UE sod u sostenibbli. Il-baġit tal-UE jirrappreżenta wieħed mill-pilastri ewlenin għall-integrazzjoni ekonomika u l-koeżjoni soċjali tal-UE u l-kompetittività globali tagħha fit-tul. |
1.2. |
Il-KESE jappoġġja l-proposta għal rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021-2027 biex jiżdied progressivament il-proporzjon tar-riżorsi proprji tal-UE meta mqabbel mad-dħul tal-Istati Membri bbażat fuq l-ING. Il-ħtiġijiet baġitarji tal-UE, affettwati mir-reċessjoni ekonomika tal-COVID-19, in-Next Generation EU u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, l-appoġġ mogħti għall-irkupru tal-Ukrajna, il-politiki ta’ awtonomija strateġika, u t-tranżizzjoni ġusta, ekoloġika u diġitali, se jirrikjedu żieda fil-kontribuzzjoni tal-Istati Membri għar-riżorsi proprji eżistenti tal-UE. |
1.3. |
Il-KESE jappoġġja wkoll b’mod ġenerali l-pakkett aġġustat tal-Kummissjoni Ewropea għall-ġenerazzjoni li jmiss tar-riżorsi proprji, u fl-istess waqt jifhem in-natura temporanja tiegħu u l-fatt li huwa limitat għar-ripagament tal-approprjazzjonijiet użati għall-finanzjament tan-Next Generation EU. |
1.4. |
Il-KESE jistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-UE jadottaw pakkett aġġustat għall-ġenerazzjoni li jmiss tar-riżorsi proprji qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li jmiss fl-2024 u qabel tmiem il-mandat politiku attwali. |
1.5. |
Madankollu, il-KESE jemmen li l-kwistjoni tar-riżorsi proprji u l-kapaċitajiet baġitarji tal-UE ma rċevietx il-viżibbiltà meħtieġa biex jiġu indirizzati l-aspetti kollha tagħha. Għandu jsir dibattitu profond iżda bi żmien limitat li jinvolvi lill-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, mingħajr dewmien u b’konformità mal-mandat li jmiss tal-istituzzjonijiet tal-UE. Dan huwa dibattitu partikolarment urġenti, li għandu jiffoka wkoll fuq il-kapaċità fiskali tal-UE li tiffinanzja l-aġenda ambizzjuża iżda meħtieġa tagħha stess. F’dan ir-rigward, is-sett ta’ proposti għal riżorsi proprji propost mill-Parlament Ewropew fl-10 ta’ Mejju 2023 (1), u fil-biċċa l-kbira appoġġjat mill-KESE, jirrappreżenta kontribut importanti għal dan id-dibattitu. |
1.6. |
Il-KESE jenfasizza li n-nefqa mill-baġit tal-Unjoni b’rabta mar-ripagament tan-Next Generation EU ma tridx tnaqqas il-finanzjament ta’ programmi jew investimenti oħra tal-UE taħt il-QFP attwali u li jmiss. Dan jibqa’ kruċjali għall-integrazzjoni ekonomika u l-koeżjoni soċjali tal-UE, kif ukoll għall-kompetittività globali tal-UE matul l-irkupru ta’ wara l-pandemija fuq terminu medju. |
1.7. |
Il-KESE jirrikonoxxi l-ħtieġa u l-urġenza li jiżdiedu aġġustamenti għar-riżorsi proprji ġodda diġà proposti u li jiġu proposti riżorsi proprji addizzjonali ġodda. Fl-istess ħin, il-KESE jtenni l-ħtieġa għal modernizzazzjoni strutturali tas-sistema tar-riżorsi proprji, li għandha tappoġġja l-objettivi ta’ tkabbir ekonomiku diġitali, ambjentali u sostenibbli. |
1.8. |
Il-KESE jemmen li d-dħul mis-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) għandu jappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri biex jistabbilixxu miżuri għad-dekarbonizzazzjoni tan-negozji li joperaw fis-setturi minn fejn jinġabar id-dħul. Għalhekk, is-sehem tad-dħul mill-ETS li għandu jmur għall-baġit tal-UE għandu jkun soġġett għal valutazzjoni rigoruża u kunsens bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. |
1.9. |
Il-KESE jemmen li l-produttività u l-kompetittività tan-negozji Ewropej għandhom ikunu fost il-prijoritajiet. Fl-istess ħin, il-KESE jirrikonoxxi li għandha ssir valutazzjoni adatta tal-impatt potenzjali ta’ din ir-riżorsa proprja ġdida fuq il-kompetittività tan-negozji, inkluż rieżami possibbli tal-politiki nazzjonali tat-tassazzjoni korporattiva, u li l-piż amministrattiv, għall-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-kumpaniji, għandu jinżamm f’livell minimu. Ir-riżorsi għandhom jintużaw b’mod strateġiku biex jissaħħu l-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-UE u biex jiġu promossi l-innovazzjoni kif ukoll il-ġustizzja soċjali u fiskali, u l-objettivi ambjentali. |
1.10. |
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-riżorsa proprja statistika dwar il-profitti tal-kumpaniji tista’ tinvolvi piż amministrattiv għall-istituti tal-istatistika nazzjonali u n-negozji, kif huwa inerenti għal kwalunkwe riżorsa proprja ġdida. Filwaqt li dan il-piż żejjed huwa meqjus marġinali meta mqabbel mal-alternattivi, il-KESE jisħaq li l-piżijiet amministrattivi – speċjalment fuq in-negozji – għandhom jiġu evitati jew minimizzati. |
1.11. |
Il-KESE jqis li huwa meħtieġ l-użu ta’ analiżijiet kwantitattivi biex jiġi vvalutat kif il-miżuri proposti se jaħdmu fil-prattika. Sabiex l-Istati Membri jaċċettawhom, il-volum tad-dħul mistenni minn kull riżorsa proprja ġdida u l-aġġustamenti tekniċi proposti jridu jiġu sostanzjati minn previżjonijiet komprensivi u għandha tiġi garantita t-trasparenza. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tipproduċi evalwazzjonijiet speċifiċi fil-livell tal-pajjiżi, u fejn meħtieġ fil-livell reġjonali, biex tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet mistennija mill-baġits tal-Istati Membri. |
1.12. |
Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li tingħata prijorità lill-implimentazzjoni tal-Ewwel Pilastru tal-OECD/G20 kontra miżuri oħra fis-settur diġitali. Il-KESE jemmen li huwa essenzjali li titħaffef ir-ratifika tal-konvenzjoni. F’dan ir-rigward, il-KESE jixtieq jenfasizza li l-Kummissjoni għandha ssegwi minnufih l-implimentazzjoni tal-Ewwel Pilastru tal-OECD bil-ħidma teknika biex tappoġġja Direttiva tal-UE għar-riżorsa proprja bbażata fuq l-Ewwel Pilastru. |
1.13. |
Il-KESE jirrikonoxxi li, b’mod ġenerali, ir-riżorsa proprja statistika temporanja tista’ tikkontribwixxi għall-finanzjament tan-Next Generation EU sakemm jiġi implimentat il-mekkaniżmu tal-BEFIT. Fl-istess ħin, il-KESE jitlob valutazzjoni bir-reqqa tal-effettività tar-riżorsi proprji li huma diġà fis-seħħ, u jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata l-konformità mar-regoli diġà stabbiliti u li jitlestew u jiġu implimentati r-riformi li nbdew. |
2. Kummenti ġenerali
2.1. |
F’Diċembru 2021, il-Kummissjoni pproponiet tliet riżorsi proprji ġodda biex jiffinanzjaw il-baġit tal-UE: kontribuzzjoni mill-ETS, kontribuzzjoni mill-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (CBAM), u riżorsa proprja bbażata fuq sehem mill-profitti residwi minn kumpaniji multinazzjonali skont il-ftehim tal-OECD/G20 (l-Ewwel Pilastru). |
2.2. |
Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-proposta fir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-QFP 2021-2027 biex jiżdied progressivament il-proporzjon tar-riżorsi proprji tal-UE meta mqabbel mad-dħul ibbażat fuq l-ING tal-Istati Membri (2). Wara l-adozzjoni tal-QFP, inħolqu rekwiżiti ġodda għall-finanzjament Ewropew minħabba r-reċessjoni ekonomika tal-COVID-19, in-Next Generation EU u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, l-appoġġ mogħti għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna, u l-finanzjament ta’ investimenti biex tiġi żgurata l-awtonomija strateġika tal-UE f’diversi oqsma, b’mod partikolari fl-industrija ekoloġika. |
2.3. |
Il-proposta tal-Kummissjoni hija meqjusa urġenti fid-dawl tar-ripagament b’rati ogħla ta’ imgħax tas-self tal-UE biex tiffinanzja l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Il-KESE jaqbel mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta u jappoġġja l-adozzjoni bikrija tagħha qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li jmiss. Madankollu, b’konformità mar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa li fil-futur jiġi żgurat aktar introjtu għall-baġit tal-UE. Il-Kumitat jemmen li dan it-tieni pass għandu jittieħed wara dibattitu fil-fond u meħtieġ b’mod urġenti dwar il-kapaċità fiskali tal-UE għal finanzjament sostenibbli tal-għanijiet komuni tal-Ewropa, li fih għandu jkollha rwol ewlieni is-soċjetà ċivili organizzata. |
2.4. |
Il-KESE jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni – f’konformità mal-Artikolu 322(2) tat-TFUE u l-Artikolu 9(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 (3) – biex tipproponi riżorsi proprji ġodda u tiggarantixxi baġit tal-UE solidu u sostenibbli. Il-baġit tal-UE jirrappreżenta wieħed mill-pilastri ewlenin għall-integrazzjoni ekonomika u l-koeżjoni soċjali tal-UE u l-kompetittività globali tagħha fit-tul. |
2.5. |
Il-KESE jirrikonoxxi l-ħtieġa għal qafas stabbli li jiggarantixxi rispons baġitarju Ewropew flessibbli għal xokkijiet mhux mistennija li jistgħu jseħħu fil-futur. Dan il-qafas għandu jqis il-ħtieġa li jitħallas lura l-kapital u l-imgħax tal-finanzjament tan-Next Generation EU, li ġie miftiehem mill-Istati Membri matul il-pandemija tal-COVID-19. |
2.6. |
Il-KESE jenfasizza li n-nefqa mill-baġit tal-Unjoni b’rabta mar-ripagamenti tan-Next Generation EU ma tridx tnaqqas il-finanzjament ta’ programmi jew investimenti oħra tal-UE taħt il-qafas finanzjarju pluriennali attwali u li jmiss. Dan jibqa’ kruċjali għall-integrazzjoni ekonomika u l-koeżjoni soċjali tal-UE kif ukoll għall-kompetittività globali tal-UE matul l-irkupru ta’ wara l-pandemija fuq terminu medju. |
2.7. |
Kif enfasizza fiż-żewġ Opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Proposta għal deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji (4) u dwar It-tieni sett ta’ riżorsi proprji ġodda (5), il-KESE jirrikonoxxi l-ħtieġa u l-urġenza li jiżdiedu aġġustamenti għar-riżorsi proprji diġà proposti u li jitressqu riżorsi proprji ġodda. Dan huwa meħtieġ biex tiġi evitata żieda fil-kontribuzzjoni tar-riżorsi bbażati fuq l-ING minħabba kontribuzzjonijiet insuffiċjenti li jirriżultaw mill-pakkett ta’ riżorsi proprji ppreżentat f’Diċembru 2021. |
2.8. |
Il-KESE, fil-prinċipju, jilqa’ l-analiżi u l-proposta tal-Kummissjoni, ippubblikati f’Ġunju 2023, għal pakkett ġdid ta’ riżorsi proprji li jinkludi r-reviżjoni tal-proposta inizjali ta’ Diċembru 2021 biex jiġu ġġenerati tliet sorsi ġodda ta’ dħul għall-UE, inkluża riżorsa proprja statistika temporanja ġdida bbażata fuq il-profitti tal-kumpaniji. Fl-istess ħin, il-KESE jtenni l-ħtieġa għal modernizzazzjoni strutturali tas-sistema tar-riżorsi proprji, li għandha tappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri biex jiksbu objettivi diġitali, ambjentali u ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli. |
2.9. |
F’Mejju 2023, il-Parlament Ewropew ippreżenta firxa ta’ sorsi ġodda ta’ introjtu għall-baġit tal-UE, inklużi riżorsi proprji korporattivi bbażati fuq it-taxxa, it-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, mekkaniżmu ġust fil-fruntieri, taxxa fuq il-kriptoassi, riżorsi proprji ekoloġiċi, u kontribuzzjonijiet nazzjonali bbażati fuq l-istatistika. |
2.10. |
Fl-Opinjoni preċedenti tiegħu dwar it-tieni sett ta’ riżorsi proprji ġodda, il-KESE laqa’ għadd ta’ proposti tal-Parlament Ewropew u ressaq ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu stess dwar riżorsi proprji ġodda possibbli. Fl-istess okkażjoni, il-KESE tenna li kwalunkwe proposta għal riżorsi proprji għandha tkun akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt tal-effettività u l-impatt tagħhom fuq in-negozji u l-unitajiet domestiċi. Għalhekk, l-UE għandha tesplora, bħala kwistjoni ta’ prijorità, aktar għażliet għal dħul futur għall-baġit tal-UE li jimminimizzaw il-piż tat-taxxa fuq in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej. |
2.11. |
Waqt li l-Kummissjoni wettqet analiżi tal-għażliet possibbli għal sorsi ġodda ta’ dħul għall-baġit tal-UE, il-KESE jinnota b’dispjaċir li għadd mill-għażliet proposti mill-Parlament Ewropew u l-KESE tqiesu fl-aħħar mill-aħħar bħala mhux adatti u robusti biżżejjed biex jiġu inklużi fil-proposta tal-Kummissjoni. Minkejja dan, riżorsa proprja statistika bbażata fuq stima tal-profitti tal-kumpaniji titqies bħala soluzzjoni interim effettiva b’potenzjal kbir ta’ valur miżjud (6). |
2.12. |
Il-KESE jsostni, għal darb’oħra, li għal kull deċiżjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-baġit tal-UE, il-Kummissjoni trid tfittex li tiftaħ dibattitu soċjetali wiesa’ u tiġbor il-fehmiet taċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u tas-soċjetà ċivili, in-negozji, l-amministrazzjonijiet, u l-partijiet interessati kollha. Dan il-prinċipju għandu dejjem jiggwida lill-koleġiżlaturi tal-UE biex jipproponu miżuri li ma joħolqu l-ebda riskju għall-baġits ta’ programmi oħra tal-UE u li jagħtu riżultati f’konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u tal-ġustizzja soċjali. |
2.13. |
Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjonijiet u evalwazzjonijiet ulterjuri tal-miżuri kandidati identifikati bħala riżorsi proprji potenzjali, u jesprimi dubji dwar l-effettività u s-sostenibbiltà fit-tul tar-riżorsi proposti biex jitħallsu lura l-fondi miġbura għall-finanzjament tal-istrument għall-irkupru Next Generation EU. |
2.14. |
F’dan ir-rigward, il-KESE jqis li l-kriterji adottati mill-Kummissjoni fil-valutazzjoni tagħha, eż. il-potenzjal tad-dħul, is-sempliċità, u l-mobilizzazzjoni rapida tad-dħul, huma relattivament limitati. L-evalwazzjoni tat-tmien riżorsi proprji potenzjali kienet ibbażata fuq tliet prinċipji derivati minn letteratura eżistenti limitata dwar id-dħul tal-UE. B’riżultat ta’ dan, il-valutazzjoni tal-punteġġ hija fil-biċċa l-kbira kwalitattiva (7) u toħloq aktar ambigwità rigward l-effettività u s-sostenibbiltà tar-riżorsi fuq terminu twil. |
2.15. |
Sabiex jingħeleb dan, il-KESE jqis li huwa meħtieġ l-użu ta’ analiżijiet kwantitattivi tal-miżuri. Il-volum tad-dħul mistenni minn kull riżorsa proprja ġdida u l-aġġustamenti tekniċi proposti jridu jiġu sostanzjati minn previżjonijiet komprensivi u għandhom jiggarantixxu t-trasparenza sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jaċċettawhom. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tipproduċi evalwazzjonijiet speċifiċi fil-livell tal-pajjiżi, u fejn meħtieġ fil-livell reġjonali, biex tistabbilixxi l-pressjoni mistennija fuq il-baġits tal-Istati Membri. Il-previżjonijiet għandhom jikkunsidraw ukoll xenarji futuri – inklużi xokkijiet ekonomiċi jew sorsi ġodda ta’ instabbiltà finanzjarja – li se jimponu aktar restrizzjonijiet fuq il-baġits tal-Istati Membri. |
2.16. |
Il-KESE jesprimi wkoll tħassib dwar l-iskeda ta’ żmien għall-preżentazzjoni tal-proposta dwar ir-riżorsi proprji l-ġodda. Fid-dawl tal-prijoritajiet ippreżentati mill-Presidenza Spanjola tal-Kunsill tal-UE, u l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li jmiss f’Ġunju 2024, il-KESE jħeġġeġ lill-partijiet involuti biex jadottaw pakkett ta’ riżorsi proprji aġġustat qabel tmiem il-mandat politiku attwali. |
2.17. |
Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tkompli tidentifika sorsi ġodda ta’ finanzjament għar-ripagament tan-Next Generation EU u għall-finanzjament tal-baġit tal-UE. Kif issemma qabel, huwa kruċjali li jinfetaħ id-dibattitu billi jiġu involuti l-partijiet interessati rilevanti meta jiġu esplorati aktar għażliet u jiġi indirizzat l-impatt potenzjali tagħhom fuq perjodu ta’ żmien medju u twil. Il-KESE jemmen li, fir-rigward tal-istabbiliment ta’ riżorsi proprji għall-finanzjament tar-ripagament tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, kif ukoll ir-rieżami tas-sistema ġenerali tar-riżorsi proprji, l-involviment tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili organizzata fil-konsultazzjonijiet formali huwa kruċjali. Dan jiffaċilita l-kisba ta’ kunsens soċjali Ewropew fir-rigward tal-baġit tal-UE. Il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni timxi f’din id-direzzjoni. |
3. Kummenti speċifiċi
3.1. |
Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li tingħata prijorità lill-implimentazzjoni tal-Ewwel Pilastru tal-OECD/G20 kontra miżuri oħra fis-settur diġitali. Peress li l-Ewwel Pilastru tal-OECD diġà jindirizza l-isfidi b’rabta mat-tassazzjoni fis-settur diġitali u bil-ħidma teknika għall-implimentazzjoni tiegħu li għadha għaddejja, il-KESE jemmen li huwa essenzjali li titħaffef ir-ratifika tal-konvenzjoni. F’dan ir-rigward, il-KESE jixtieq jenfasizza li l-Kummissjoni għandha ssegwi minnufih l-implimentazzjoni tal-Ewwel Pilastru tal-OECD bil-ħidma teknika biex tappoġġja Direttiva tal-UE għar-riżorsa proprja bbażata fuq l-Ewwel Pilastru. |
3.2. |
Il-KESE jirrikonoxxi li l-iżviluppi reċenti fis-swieq tal-karbonju żiedu l-potenzjal tad-dħul tas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet. Minkejja li l-prezzijiet tas-suq huma mistennija li jibqgħu b’mod stabbli ogħla mil-livell tal-prezz ta’ EUR 55 matul is-snin li ġejjin – kif imsemmi mill-Kummissjoni (8) – il-KESE jemmen li d-dħul mill-ETS għandu jappoġġja wkoll l-isforzi tal-Istati Membri biex jistabbilixxu miżuri għad-dekarbonizzazzjoni tan-negozji li joperaw fis-setturi fejn jinġabar id-dħul. Għalhekk, is-sehem mid-dħul mill-ETS li jmur fil-baġit tal-UE għandu jkun soġġett għal valutazzjoni rigoruża u għal kunsens bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Il-KESE huwa mħasseb dwar l-aġġustament tar-riżorsa proprja tal-ETS u ż-żieda proposta fir-rata ta’ ġbir għal 30 % tad-dħul kollu ġġenerat mill-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-UE, żieda minn dik ta’ 25 % proposta inizjalment. Dan iġib miegħu r-riskju ta’ dewmien fil-proċessi ta’ dekarbonizzazzjoni u, b’mod ġenerali, fl-investimenti ekoloġiċi fil-livell nazzjonali. |
3.3. |
Il-kisba tan-newtralità klimatika tirrikjedi sforzi sinifikanti mill-Istati Membri, dejjem billi jitqiesu l-ħtiġijiet, l-istrumenti u l-miżuri speċifiċi differenti li għandhom jittieħdu għall-pajjiżi differenti. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu ffaċilitati l-kapaċità u l-isforzi tagħhom biex jiksbu l-objettivi b’rabta mal-klima mingħajr ma jikkompromettu l-impenn tagħhom li jħallsu lura n-Next Generation EU. |
3.4. |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li r-riżorsa proprja statistika proposta hija ta’ natura temporanja. Fl-istess ħin, il-KESE jirrikonoxxi li għandha ssir valutazzjoni adatta tal-impatt potenzjali ta’ din ir-riżorsa proprja ġdida fuq il-kompetittività tan-negozji, inkluż rieżami possibbli tal-politiki nazzjonali tat-tassazzjoni korporattiva, u li l-piż amministrattiv, għall-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-kumpaniji, għandu jinżamm f’livell minimu. |
3.5. |
Il-KESE jinnota d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tat-taxxa suffiċjenti fl-UE jiġġustifika r-riżorsa proprja statistika bbażata fuq il-profitti tal-kumpaniji. Dan jippermetti lill-intrapriżi multinazzjonali (MNEs) kbar jibbenefikaw permezz ta’ mġiba ta’ trasferiment tal-profitti, ippjanar tat-taxxa, u diskrepanzi fis-sistemi tat-taxxa nazzjonali. Madankollu, għandha ssir disponibbli stampa aktar ċara tal-problema b’rabta mal-proposta tal-Kummissjoni u valutazzjoni bir-reqqa tad-dħul potenzjali. Għalhekk, il-KESE jemmen li valutazzjoni tal-impatt komprensiva għandha tappoġġja l-proposta għal dan is-sors ġdid ta’ dħul. |
3.6. |
Il-KESE jenfasizza l-fatt li hija meħtieġa aktar ċarezza fid-definizzjoni ta’ MNEs li joperaw fis-setturi finanzjarji u mhux finanzjarji. Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (9) jeħtieġ informazzjoni aktar trasparenti għall-identifikazzjoni tal-istatistika armonizzata dwar l-introjtu korporattiv jew il-profitti korporattivi u l-kompożizzjoni tagħhom. B’kalkoli bbażati fuq data estrapolata mill-bażi tad-data tal-NFSA tal-Eurostat, il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni faċilment aċċessibbli għall-monitoraġġ tal-kontribuzzjoni ta’ kull Stat Membru għall-baġit tal-UE permezz tar-riżorsa proprja statistika temporanja. |
3.7. |
Il-KESE jirrikonoxxi li, b’mod ġenerali, ir-riżorsa proprja statistika temporanja tista’ tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-programm Next Generation EU sakemm jiġi implimentat il-mekkaniżmu tal-BEFIT. |
Brussell, il-25 ta’ Ottubru 2023.
Oliver RÖPKE
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Ir-riżorsi proprji: bidu ġdid għall-finanzi tal-UE, bidu ġdid għall-Ewropa
(2) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. Baġit modern għal Unjoni li Tipproteġi, Tagħti s-Setgħa u Tiddefendi. Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027” [COM(2018) 321 final] “Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027” [COM(2018) 322 final/2 — 2018/0166 (APP)] “Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sistema ta’ Riżorsi Proprji tal-Unjoni Ewropea” [COM(2018) 325 final — 2018/0135 (CNS)] “Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-metodi u l-proċedura għad-disponibbiltà tar-Riżorsi Proprji bbażati fuq Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva, fuq l-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet tal-Unjoni Ewropea u fuq l-Iskart tal-plastik mill-imballaġġ li mhux qed jiġi riċiklat, u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti” [COM(2018) 326 final — 2018/0131 (NLE)] “Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni għas-sistema tar-Riżorsi Proprji tal-Unjoni Ewropea” [COM(2018) 327 final — 2018/0132 (APP)] u “Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (tal-KEE, u l-Euratom) Nru 1553/89 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir mir-riżorsi nfushom li jidħol mit-taxxa fuq il-valur miżjud” [COM(2018) 328 final — 2018/0133 (NLE)] (ĠU C 440, 6.12.2018, p. 106).
(3) Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom (ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1).
(4) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. Il-ġenerazzjoni li jmiss tar-riżorsi proprji tal-baġit tal-UE” (COM(2021) 566 final), “Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (COM(2021) 569 final — 2021/0429 (APP)) u “Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea” (COM(2021) 570 final — 2021/0430 (CNS)) (ĠU C 323, 26.8.2022, p. 48).
(5) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tieni sett ta’ riżorsi proprji ġodda” (opinjoni esploratorja) (ĠU C 293, 18.8.2023, p. 13).
(6) Abbozz ta’ rapport dwar ir-riżorsi proprji: bidu ġdid għall-finanzi tal-UE, bidu ġdid għall-Ewropa, Kumitat għall-Baġits, Parlament Ewropew
(7) Proposta emendata għal Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (COM(2023) 331 final).
(8) Proposta emendata għal Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (COM(2023) 331 final).
(9) Proposta emendata għal Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (COM(2023) 331 final).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/884/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)