This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52023AB0030
Opinion of the European Central Bank of 4 October 2023 on the transparency and integrity of Environmental, Social and Governance (ESG) rating activities (CON/2023/30)
Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2023 dwar it-trasparenza u l-integrità tal-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni Ambjentali, Soċjali u ta’ Governanza (ESG) (CON/2023/30)
Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2023 dwar it-trasparenza u l-integrità tal-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni Ambjentali, Soċjali u ta’ Governanza (ESG) (CON/2023/30)
CON/2023/30
ĠU C, C/2023/1354, 1.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1354/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje C |
C/2023/1354 |
1.12.2023 |
OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tal-4 ta' Ottubru 2023
dwar it-trasparenza u l-integrità tal-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni Ambjentali, Soċjali u ta’ Governanza (ESG)
(CON/2023/30)
(C/2023/1354)
Introduzzjoni u bażi legali
Fit-13 ta’ Ġunju 2023, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat proposta għal regolament dwar it-trasparenza u l-integrità tal-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni Ambjentali, Soċjali u ta’ Governanza (ESG) (1) (minn hawn ’il quddiem ir-“regolament propost”).
Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iddeċieda li jagħti opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar id-direttiva proposta. IIl-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), peress li r-regolament propost fih dispożizzjonijiet li jaffettwaw (1) il-kompitu bażiku tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) li tiddefinixxi u timplimenta l-politika monetarja tal-Unjoni skont l-Artikolu 127(2) tat-Trattat, (2) il-kompiti tal-BĊE dwar is-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu skont l-Artikolu 127(6) tat-Trattat, u (3) il-kontribut tas-SEBĊ għat-tmexxija bla xkiel tal-politiki segwiti mill-awtoritajiet kompetenti relatati mal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, kif imsemmi fl-Artikolu 127(5) tat-Trattat.
Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.
1. Osservazzjonijiet Ġenerali
1.1. |
Il-BĊE jilqa’ r-regolament propost, li jintroduċi approċċ regolatorju komuni biex jissaħħu l-adegwatezza, l-integrità, it-trasparenza, ir-responsabbiltà, il-governanza tajba, u l-indipendenza tal-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni ESG, li jikkontribwixxi għat-trasparenza u l-kwalità tal-klassifikazzjonijiet ESG. Il-BĊE jappoġġa bil-qawwa l-objettiv tar-regolament propost li jikkontribwixxi għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern, filwaqt li jikseb livelli għoljin ta’ protezzjoni tal-konsumatur u tal-investitur u jipprevjeni l-greenwashing u tipi oħra ta’ miżinformazzjoni, billi jintroduċi rekwiżiti ta’ trasparenza relatati mal-klassifikazzjonijiet ESG u regoli dwar l-organizzazzjoni u l-kondotta tal-fornituri ta’ klassifikazzjoni ESG (2). |
1.2. |
Ir-Regolament propost huwa parti integrali mill-istrateġija usa’ tal-Kummissjoni għall-finanzi sostenibbli (3). Il-kisba tal-objettivi stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew (4) u fil-Ftehim ta’ Pariġi (5) u sanċiti fir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (il-“Liġi Ewropea dwar il-Klima”) tiddependi (6) fuq il-kontribut tal-partijiet ikkonċernati ekonomiċi kollha u (7) tirrikjedi investiment sinifikanti, li parti sostanzjali minnu jeħtieġ li tiġi mis-settur privat (8). Il-finanzjament sostenibbli, u b’mod partikolari r-regolament propost, jista’ jkollu rwol importanti f’dan ir-rigward billi jippermetti lill-investituri jidentifikaw investimenti ambjentalment sostenibbli u jaġġustaw il-portafolli tagħhom skont il-preferenzi ta’ sostenibbiltà tagħhom stess. |
1.3. |
Permezz tal-mezzi msemmija hawn fuq, ir-regolament propost huwa mistenni li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ulterjuri ta’ suq tal-kapital ekoloġiku tal-Unjoni integrat, profond u likwidu, li min-naħa tiegħu javvanza l-Unjoni tas-Swieq Kapitali b’mod aktar wiesa’ (9). Il-bini ta’ swieq kapitali ekoloġiċi maturi u integrati tal-Unjoni se jirrikjedi sforzi biex jissaħħu s-swieq kapitali, inkluża armonizzazzjoni akbar tas-superviżjoni u l-protezzjoni tal-investituri. F’dan ir-rigward, il-BĊE jilqa’ l-fatt li l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) se tingħata l-kompitu li tissorvelja l-fornituri tal-klassifikazzjonijiet ESG. |
2. Ir-rilevanza tar-regolament propost għall-għanijiet u l-kompiti tal-BĊE u tal-Eurosistema
Kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà, u b’mod partikolari t-tibdil fil-klima, jista’ jkollhom impatt fuq il-mod li bih il-banek ċentrali jeżegwixxu l-mandati tagħhom (10), b’mod partikolari minħabba r-rilevanza tagħhom għall-politika monetarja, l-istabbiltà finanzjarja u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu.
2.1. Rilevanza għall-politika monetarja
2.1.1. |
It-tibdil fil-klima u t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli jaffettwaw il-prospetti għall-istabbiltà tal-prezzijiet, l-objettiv primarju tas-SEBĊ, permezz tal-impatt tagħhom fuq indikaturi makroekonomiċi bħall-inflazzjoni, il-produzzjoni, l-impjiegi, ir-rati tal-imgħax, l-investiment u l-produttività; l-istabbiltà finanzjarja; u t-trażmissjoni tal-politika monetarja (11). Ir-riskji fiżiċi u r-riskji ta’ tranżizzjoni assoċjati mat-tibdil fil-klima jistgħu, fost l-oħrajn, ikollhom impatt fuq il-valutazzjonijiet u l-affidabbiltà kreditizja tal-kumpaniji b’effetti indiretti għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għas-sistema finanzjarja (12). Għalkemm il-metodoloġiji għall-valutazzjoni tal-kobor tar-riskji relatati mal-klima għall-banek u l-istabbiltà finanzjarja għadhom qed jiġu żviluppati, l-istimi disponibbli jissuġġerixxu li l-impatt ta’ dawn ir-riskji x’aktarx li jkun sinifikanti (13). Dan, min-naħa tiegħu, jista’ jaffettwa t-trażmissjoni tal-politika monetarja, pereżempju permezz tat-tqassim tal-assi u l-ipprezzar mill-ġdid f’daqqa tar-riskji finanzjarji relatati mal-klima. Barra minn hekk, fir-rigward tas-settur bankarju, il-valur tal-kollateral jista’ jonqos, u t-telf tal-kreditu jista’ jimmaterjalizza, li jista’ jfixkel il-pożizzjoni tal-kapital u tal-likwidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ intermedjarji finanzjarji oħra, u b’hekk idgħajjef il-kapaċità tagħhom li jidderieġu l-fondi lejn l-ekonomija reali. In-Network tal-Banek Ċentrali u s-Superviżuri għall-Ekoloġizzazzjoni tas-Sistema Finanzjarja (NGFS), jirrakkomanda, għalhekk, li l-banek ċentrali jikkunsidraw l-effetti possibbli tat-tibdil fil-klima fuq l-ekonomija. L-NGFS jargumenta li dawn l-effetti jistgħu jkunu rilevanti għall-politika monetarja anke jekk jimmaterjalizzaw biss lil hinn mill-orizzont konvenzjonali fuq żmien medju tal-politika monetarja (14). |
2.1.2. |
Barra minn hekk, meta ssegwi l-objettiv tagħha li żżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet u twettaq il-kompitu tagħha li tiddefinixxi u timplimenta l-politika monetarja tal-Unjoni, l-Eurosistema għandha tirrispetta r-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 18.1, it-tieni inċiż, tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ’il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”) li jisilfu b’kollateral adegwat. Kunsiderazzjonijiet simili ta’ ġestjoni tar-riskju japplikaw għal xiri dirett ta’ pretensjonijiet u strumenti kummerċjabbli mwettqa skont l-Artikolu 18.1, l-ewwel inċiż, tal-Istatut tas-SEBĊ. Għalhekk, fl-operazzjonijiet tal-politika monetarja tagħha l-Eurosistema għandha timmira li tevita telf u għandha tiżgura protezzjoni adegwata tar-riskju tal-karta tal-bilanċ tagħha permezz, inter alia, tal-qafas ta’ kontroll tar-riskju tagħha. L-Eurosistema għalhekk teħtieġ li tidentifika, timmonitorja u timmitiga r-riskji, inklużi r-riskji finanzjarji relatati mal-klima, li huma assoċjati mal-kollateral li taċċetta fl-operazzjonijiet ta’ kreditu tagħha li jipprovdu likwidità, u l-parteċipazzjonijiet tagħha ta’ assi mixtrija taħt tranżazzjonijiet diretti. Dawn ir-riskji jistgħu jaffettwaw il-valur tal-assi aċċettati bħala kollateral mill-banek ċentrali jew miżmuma fil-portafolli diretti tagħhom għall-finijiet tal-politika monetarja. Barra minn hekk, il-ħtieġa li jiġu ġestiti riskji bħal dawn hija rilevanti wkoll għall-portafoll tal-politika mhux monetarja tal-Eurosistema. |
2.1.3. |
Barra minn hekk, skont l-Artikoli 127(1) u 282(2) TFUE, kif rifless fl-Artikolu 2 tal-Istatut tas-SEBĊ, mingħajr preġudizzju għall-objettiv tal-istabbiltà tal-prezzijiet, l-Eurosistema għandha tappoġġa l-politiki ekonomiċi ġenerali fl-Unjoni bl-għan li tikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tal-Unjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Dawn l-objettivi jinkludu livell għoli ta’ protezzjoni u titjib tal-kwalità tal-ambjent. Il-Liġi Ewropea dwar il-Klima tistabbilixxi objettiv vinkolanti ta’ newtralità klimatika fl-Unjoni sal-2050 sabiex tintlaħaq il-mira fit-tul dwar it-temperatura stabbilita fil-Ftehim ta’ Pariġi. Peress li l-Liġi Ewropea dwar il-Klima taffettwa kull aspett konċepibbli tal-politika ekonomika fl-Unjoni, hija tifforma parti mill-politiki ekonomiċi ġenerali fl-Unjoni, li l-BĊE huwa meħtieġ li jappoġġa. |
2.1.4. |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, kif deskritt fir-rieżami tal-istrateġija tal-politika monetarja tal-Kunsill Governattiv u l-pjan ta’ azzjoni relatat mal-klima li kien ippubblikat fit-8 ta’ Lulju 2021 (15), meta jaġġusta l-istrumenti tal-politika monetarja tiegħu, il-BĊE se jagħżel il-konfigurazzjoni li tappoġġa bl-aħjar mod il-politiki ekonomiċi ġenerali fl-Unjoni, sakemm iż-żewġ konfigurazzjonijiet tal-istrument stabbilit iwasslu bl-istess mod u ma jippreġudikawx l-istabbiltà tal-prezzijiet. |
2.1.5. |
F’dan ir-rigward, l-istabbiliment ta’ standards regolatorji biex jiġu żgurati klassifikazzjonijiet ESG trasparenti u ta’ kwalità għolja x’aktarx li jaċċellera t-titjib fil-kwalità tad-divulgazzjonijiet u tad-data ambjentali f’termini aktar ġenerali. Dawn l-iżviluppi min-naħa tagħhom isaħħu l-kapaċità tal-Eurosistema li tinkorpora kunsiderazzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika monetarja. |
2.2. L-applikazzjoni tar-regolament propost għall-banek ċentrali
2.2.1. |
Il-premessa 15 tar-regolament propost tipprevedi li l-klassifikazzjonijiet ESG żviluppati mill-awtoritajiet Ewropej jew nazzjonali u mill-banek ċentrali għandhom ikunu eżentati mir-regoli dwar il-fornituri tal-klassifikazzjoni ESG. Id-dispożizzjoni sostantiva li tistabbilixxi l-eżenzjoni tistabbilixxi li r-regolament propost ma japplikax għal klassifikazzjonijiet ESG prodotti minn banek ċentrali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin: (a) ma jitħallsux mill-entità klassifikata; (b) ma jiġux żvelati lill-pubbliku; (c) huma pprovduti skont il-prinċipji, l-istandards u l-proċeduri li jiżguraw l-adegwatezza, l-integrita u l-indipendenza tal-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni, kif previst mir-Regolament propost; u (d) ma jkunux relatati ma’ strumenti finanzjarji maħruġa mill-Istati Membri tal-banek ċentrali rispettivi (16). |
2.2.2. |
Il-BĊE jilqa’ l-inklużjoni ta’ eżenzjoni għall-banek ċentrali mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament propost, peress li din tista’ tappoġġa l-azzjonijiet tal-Eurosistema biex tinkorpora kunsiderazzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima fit-twettiq tal-politika monetarja tagħha, u b’mod partikolari fil-qafas kollaterali tagħha għal operazzjonijiet ta’ kreditu li jipprovdu likwidità (17). Dan huwa partikolarment rilevanti fl-istadju attwali, fejn id-disponibbiltà, it-trasparenza u l-kwalità tal-klassifikazzjonijiet ESG prodotti minn fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG kummerċjali għadhom mhumiex adegwati għall-użu mill-banek ċentrali. Għalhekk, tal-inqas temporanjament, huwa meħtieġ li l-banek ċentrali jkunu jistgħu jiżviluppaw u japplikaw il-metodoloġiji ta’ valutazzjoni tagħhom stess għal xi aspetti tal-fatturi ESG, b’mod partikolari kunsiderazzjonijiet klimatiċi, li huma mfassla u xierqa għall-ħtiġijiet tal-Eurosistema fl-insegwiment tal-objettivi tal-politika monetarja tagħha. |
2.2.3. |
Dawn il-metodoloġiji jistgħu jkunu ta’ rilevanza għall-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema li jipprovdu likwidità. Kif innutat hawn fuq, dawn l-operazzjonijiet huma parti integrali mill-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema u għandhom jiġu ggarantiti b’ “kollateral adegwat” skont l-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-SEBĊ biex l-Eurosistema tiġi protetta kontra telf finanzjarju relatat mar-riskjutal-kontroparti (18). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 18.2 tal-Istatut tas-SEBĊ, il-BĊE għandu jistabbilixxi prinċipji ġenerali għal operazzjonijiet tas-suq miftuħ u ta’ kreditu mwettqa minnu stess jew mill-banek ċentrali nazzjonali, inkluż għat-tħabbir tal-kundizzjonijiet li taħthom huma jkunu lesti li jidħlu għal tali tranżazzjonijiet. Dawn il-kundizzjonijiet jinkludu regoli pubbliċi dwar ċerti miżuri ta’ kontroll tar-riskju, li għalihom huma soġġetti l-assi eliġibbli mobilizzati bħala kollateral (19). Bl-istess mod, l-assi eliġibbli negozjabbli kollha huma elenkati fil-bażi tad-data tal-assi eliġibbli tal-Eurosistema, li hija ppubblikata fuq is-sit web tal-BĊE u aġġornata mill-BĊE fuq bażi ta’ kuljum, bil-ħsieb li tiġi pprovduta trasparenza lill-kontropartijiet tal-politika monetarja tiegħu u tiġi żgurata l-effettività operazzjonali tal-qafas. |
2.2.4. |
Wara r-rieżami tal-istrateġija tal-politika monetarja tal-BĊE, u l-pjan ta’ azzjoni relatat mal-klima li jakkumpanjah li ġie ppubblikat fit-8 ta’ Lulju 2021 (20), il-BĊE ħabbar diversi miżuri biex iqis kunsiderazzjonijiet relatati mal-klima fil-qafas kollaterali tiegħu għall-operazzjonijiet ta’ kreditu li jipprovdu likwidità. Dawn il-miżuri jinkludu l-introduzzjoni ta’ limiti fuq il-mobilizzazzjoni ta’ ċerti assi maħruġa minn entitajiet b’impronta tal-karbonju għolja li tista’ tiġi mirhuna bħala kollateral minn kontropartijiet individwali u r-rabta tal-eliġibbiltà tal-kollateral mal-konformità tal-emittenti tal-assi mobilizzati mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-finanzjament sostenibbli (21). |
2.2.5. |
Dawn il-miżuri se jittieħdu biex jintlaħaq l-objettiv primarju tal-Eurosistema li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet u li jiġu appoġġati l-politiki ekonomiċi ġenerali fl-Unjoni, mingħajr preġudizzju għall-objettiv tal-istabbiltà tal-prezzijiet. Il-BĊE jifhem li l-għan tar-regolament propost huwa li jintroduċi rekwiżiti għall-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG li joperaw fuq bażi kummerċjali, u li mhuwiex maħsub li japplika għall-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-banek ċentrali tal-Eurosistema. Dan huwa evidenzjat mill-eżenzjoni wiesgħa għall-banek ċentrali msemmija fil-premessa 15 tar-regolament propost u l-fatt li r-regolament propost jiddefinixxi l-fornituri tal-klassifikazzjonijiet ESG bħala persuni ġuridiċi li l-okkupazzjoni tagħhom tinkludi l-offerta u d-distribuzzjoni ta’ klassifikazzjonijiet jew punteġġi ESG fuq bażi professjonali, jiġifieri fuq bażi kummerċjali (22). Madankollu, skont id-disinn tagħhom, ladarba l-Eurosistema tiżvela r-riżultat tal-applikazzjoni tal-metodoloġija tagħha biex tidentifika emittenti jew assi li jsiru soġġetti għal tali miżuri, hemm riskju li dan l-iżvelar jista’ jiġi pperċepit bħala li jaqa’ taħt id-definizzjoni wiesgħa ta’ “klassifikazzjonijiet ESG” stabbilita skont ir-regolament propost (23). F’dan il-kuntest, il-BĊE jinnota li l-abbozzar attwali tal-eżenzjoni għall-klassifikazzjonijiet ESG prodotti mill-banek ċentrali jidher li b’mod mhux intenzjonat għandu kamp ta’ applikazzjoni ristrett bla bżonn, li jmur kontra l-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Eurosistema skont it-Trattati. |
2.2.6. |
L-ewwel nett, il-kundizzjoni tal-eżenzjoni, li tirrikjedi li l- “klassifikazzjonijiet ESG” tal-banek ċentrali “ma jiġux iddivulgati lill-pubbliku” (24), tidher li tostakola l-kapaċità tal-Eurosistema li tikkomunika lill-kontropartijiet tal-politika monetarja tagħha permezz tad-database tagħha tal-assi eliġibbli aċċessibbli għall-pubbliku l-kundizzjonijiet li taħthom l-Eurosistema tkun lesta li tidħol f’operazzjonijiet ta’ kreditu li jipprovdu likwidità skont l-Artikolu 18.2 tal-Istatut tas-SEBĊ. Dan fl-aħħar mill-aħħar jimpedixxi wkoll il-kapaċità tal-Eurosistema li twettaq operazzjonijiet tal-politika monetarja b’mod trasparenti u effiċjenti. |
2.2.7. |
It-tieni, il-BĊE jinnota li l-miżuri relatati mal-klima tal-Eurosistema jistgħu u jkunu mfassla u pprovduti b’mod kompatibbli mal-ispirtu prevalenti tal-prinċipji, l-istandards u l-proċeduri li jiżguraw l-adegwatezza, l-integrità u l-indipendenza tal-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni (25), kif previst fir-Regolament propost (26). Madankollu, il-BĊE jinnota li diversi dispożizzjonijiet tar-regolament propost (27) huma rilevanti u xierqa biss fir-rigward tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG li joperaw fuq bażi kummerċjali. Bħala tali, il-kundizzjoni tal-eżenzjoni stabbilita fir-regolament propost, li tirrikjedi li l-“klassifikazzjonijiet ESG” tal-banek ċentrali jiġu “pprovduti f’konformità mal-prinċipji, l-istandards u l-proċeduri li jiżguraw l-adegwatezza, l-integrità u l-indipendenza tal-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni” (28), mhijiex xierqa jew rilevanti għall-banek ċentrali li jwettqu l-kompiti statutorji tagħhom. |
2.2.8. |
Fil-każ li l-Eurosistema ma tkunx tista’ tagħmel użu mill-eżenzjoni għar-raġunijiet deskritti hawn fuq, dan jista’ jfisser li parti mid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-Eurosistema, b’mod partikolari dik il-parti tal-qafas kollaterali tal-Eurosistema li tfittex li tindirizza kunsiderazzjonijiet relatati mal-klima, tista’ tkun soġġetta għal awtorizzazzjoni u superviżjoni mill-ESMA. Minħabba li s-self kollateralizzat u x-xiri dirett tal-Eurosistema huma strumenti ewlenin għall-implimentazzjoni tal-politika monetarja, tali konsegwenza ma tkunx kompatibbli mal-prinċipju tal-indipendenza tal-bank ċentrali skont l-Artikolu 130 TFUE u l-Artikolu 7 tal-Istatut tas-SEBĊ, jew mal-kompetenza tal-Eurosistema li tmexxi l-politika (29)monetarja tal-Unjoni. |
2.2.9. |
Barra minn hekk, il-BĊE jinnota li tali konsegwenza ma tikkontribwixxix għall-kisba tal-objettivi tar-regolament propost biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur u tal-investitur u jiġu evitati l-greenwashing u tipi oħra ta’ miżinformazzjoni. Għall-kuntrarju tal-klassifikazzjonijiet ESG prodotti mill-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG li joperaw fuq bażi kummerċjali, il-miżuri tal-Eurosistema huma mfassla biex jissodisfaw l-objettivi tagħha bbażati fuq it-Trattat billi jiżguraw l-istabbiltà tal-prezzijiet permezz tat-twettiq tal-politika monetarja billi jisilfu kontra kollateral adegwat, jipproteġu l-karta tal-bilanċ tagħha u jappoġġaw il-politiki ekonomiċi ġenerali fl-Unjoni. Minħabba din id-differenza essenzjali fil-valutazzjonijiet tal-prestazzjoni klimatika prodotti mill-banek ċentrali, meta mqabbla mal-klassifikazzjonijiet ESG maħruġa minn fornituri ta’ klassifikazzjoni ESG kummerċjali, il-BĊE jqis li l-banek ċentrali tas-SEBĊ għandhom jiġu eżentati b’mod simili għall-eżenzjoni mogħtija lill-klassifikazzjonijiet ESG prodotti mill-awtoritajiet pubbliċi l-oħra kollha tal-Unjoni jew tal-Istati Membri skont ir-regolament propost (30), kif diġà rifless fil-premessa 15 tar-regolament propost. B’mod partikolari, ma jidhirx li hemm xi raġuni biex “klassifikazzjonijiet ESG” prodotti minn banek ċentrali jiġu ttrattati b’mod differenti mill-klassifikazzjonijiet ESG prodotti minn awtoritajiet pubbliċi tal-Unjoni jew tal-Istati Membri jew biex membri tas-SEBĊ jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli meta mqabbla ma’ impriżi finanzjarji regolati fl-Unjoni li jużaw klassifikazzjonijiet ESG għal finijiet interni (31), li t-tnejn li huma huma kompletament u inkondizzjonalment eżentati mill-applikazzjoni tar-regolament propost. Il-BĊE jirrakkomanda li r-regolament propost jiġi emendat skont dan. |
2.3. Rilevanza għall-istabbiltà finanzjarja
2.3.1. |
Il-BĊE jappoġġa l-għan tar-regolament propost li jsaħħaħ l-affidabbiltà u l-komparabbiltà tal-klassifikazzjonijiet ESG. It-tisħiħ tal-affidabbiltà u l-komparabbiltà tal-klassifikazzjonijiet ESG se jkun kruċjali biex jiġi ffaċilitat l-ipprezzar effiċjenti tas-suq, f’konformità mal-prinċipju ta’ ekonomija tas-suq miftuħ, u b’hekk tiġi appoġġata l-istabbiltà finanzjarja, għar-raġunijiet deskritti hawn taħt. Se ssaħħaħ ukoll il-kapaċità tal-BĊE li jimmonitorja u jindirizza l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq l-istabbiltà finanzjarja. |
2.3.2. |
L-ewwel nett, il-komparabbiltà tal-klassifikazzjonijiet ESG f’għadd dejjem jikber ta’ fornituri bħalissa hija limitata. Dan huwa dovut għal diversi fatturi, inklużi differenzi metodoloġiċi, fost suq imdaqqas li qed jikber għal strumenti finanzjarji sostenibbli. Il-klassifikazzjonijiet ESG jista’ jkollhom effetti sinifikanti fuq il-parteċipazzjonijiet ta’ assi u fuq ir-redditi fuq l-assi minħabba li jistgħu jinfluwenzaw direttament l-għażliet tal-investituri. In-nuqqas attwali ta’ trasparenza jipprevjeni l-komparabbiltà u huwa impediment għall-użu konsistenti tad-data ESG mill-parteċipanti fis-swieq finanzjarji. Dan min-naħa tiegħu jxekkel il-kapaċità tal-klassifikazzjonijiet ESG li jipprovdu lill-investituri b’sinjali effettivi għal allokazzjoni tal-kapital effiċjenti, li hija kruċjali biex tippermetti l-kontribuzzjoni tas-swieq kapitali għall-finanzjament tat-tranżizzjoni ekoloġika. F’dan l-isfond, il-BĊE jilqa’ l-fatt li r-regolament propost jirrikjedi li l-fornituri tal-klassifikazzjonijiet ESG jipprovdu aktar ċarezza dwar il-metodoloġija għall-klassifikazzjonijiet ESG li joħorġu. Madankollu, il-BĊE jirrikonoxxi li anke bil-benefiċċju tar-regolament propost, se jkomplu jeżistu approċċi metodoloġiċi differenti, u d-dispersjoni tal-punteġġi tal-klassifikazzjoni ESG se tkompli wkoll. Dan jirrifletti kemm il-metodoloġiji differenti fost il-fornituri differenti, kif ukoll parzjalment il-fatt li l-aggregazzjoni tad-diversi komponenti E, S u G se tkompli tvarja b’mod sinifikanti. Għalhekk, il-BĊE jirrakkomanda li t-titjib fil-komparabbiltà għandu jiġi mmonitorjat. Jekk il-progress ma jkunx sodisfaċenti, tista’ tiġi kkunsidrata azzjoni leġiżlattiva ulterjuri. |
2.3.3. |
It-tieni, ir-riskju ta’ greenwashing fil-klassifikazzjonijiet ESG jista’ jnaqqas il-fiduċja tal-konsumatur fi prodotti finanzjarji sostenibbli, u potenzjalment jikkawża flussi ta’ ħruġ fis-settur kollu, inaqqas l-investiment fis-sostenibbiltà, u jdewwem l-isforzi ta’ tranżizzjoni, u b’hekk jista’ jikkontribwixxi għal akkumulazzjoni kontinwa ta’ riskji klimatiċi fis-sistema kollha. |
2.3.4. |
Il-BĊE jilqa’ wkoll il-fatt li r-regolament propost jirrikjedi li l-fornituri tal-klassifikazzjonijiet ESG jiċċaraw aktar l-iskop u l-objettivi tal-klassifikazzjonijiet ESG li joħorġu (32). Approċċi differenti bħalissa jeżistu flimkien fis-suq fir-rigward tal-objettivi u l-approċċ ta’ materjalità li jirfdu l-klassifikazzjonijiet ESG. Xi klassifikazzjonijiet ESG għandhom l-għan li jikkwantifikaw il-prestazzjoni ESG reali ta’ entità (jiġifieri l-materjalità tal-impatt) sabiex jinfurmaw diversi tipi ta’ strateġiji ta’ investiment orjentati lejn is-sostenibbiltà. Madankollu, bosta klassifikazzjonijiet ESG oħra għandhom l-għan li jkejlu l-impatt potenzjali tal-fatturi ESG fuq ir-riskju u r-redditu tal-investiment mingħajr konnessjoni diretta mas-sostenibbiltà attwali tal-attivitajiet reali sottostanti (jiġifieri materjalità finanzjarja). Il-BĊE jqis li l-koeżistenza ta’ dawn l-approċċi differenti, li jservu strateġiji ta’ investiment differenti fl-istess ħin, tikkontribwixxi għal konfużjoni fir-rigward tal-iskop tal-klassifikazzjonijiet ESG, il-grad sa fejn ikejlu l-prestazzjoni reali tas-sostenibbiltà, u fl-aħħar mill-aħħar il-kapaċità tagħhom li jaffettwaw l-eżiti reali tas-sostenibbiltà fl-ekonomija reali. Dan jista’ jkun sors ta’ greenwashing, sal-punt li l-klassifikazzjonijiet ESG jistgħu ma jaqblux mal-aspettattivi pubbliċi dwar l-impatt reali fuq is-sostenibbiltà tal-investimenti ffinanzjati. Fl-istess ħin, l-istabbiltà finanzjarja tista’ tiġi affettwata b’mod negattiv ukoll jekk il-klassifikazzjonijiet ESG jintużaw b’mod mhux xieraq bħala miżuri diretti għall-affidabbiltà kreditizja finanzjarja. F’dan l-isfond, il-BĊE jirrakkomanda li r-regolament propost jipprevedi l-impożizzjoni ta’ obbligu fuq il-fornituri tal-klassifikazzjonijiet ESG biex jikkomunikaw b’mod ċar, pereżempju permezz ta’ dikjarazzjoni espliċita ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà, li l-klassifikazzjonijiet ESG, anki dawk li huma maħsuba b’mod predominanti bħala metrika tar-riskju, mhumiex metrika diretta tar-riskju ta’ kreditu. Dan jagħmilha aktar faċli li ssir distinzjoni bejn il-klassifikazzjonijiet ESG u l-klassifikazzjonijiet tal-kreditu stabbiliti tas-suq, u b’hekk tiġi evitata kwalunkwe konfużjoni dwar l-iskop tagħhom. |
2.3.5. |
Fl-aħħar nett, filwaqt li dan imur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament propost, il-BĊE jirrakkomanda li huma meħtieġa wkoll miżuri ulterjuri u aktar konkreti biex jiġi żgurat li l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jirriflettu b’mod sistematiku u xieraq ir-riskji tat-tibdil fil-klima, bħala parti minn kunsiderazzjonijiet ESG usa’, fil-metodoloġiji tagħhom u jiddivulgaw ir-rilevanza u l-materjalità tar-riskji tat-tibdil fil-klima fil-klassifikazzjonijiet tal-kreditu. L-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandhom jiċċaraw jekk u kif dawn il-klassifikazzjonijiet jinfurmaw il-valutazzjoni tagħhom tal-affidabbiltà kreditizja ta’ entità partikolari, biex jiżguraw l-użu xieraq tagħhom mis-suq kif ukoll il-komparabbiltà tagħhom fost emittenti differenti. |
2.4. Rilevanza għas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu
2.4.1. |
Istituzzjonijiet sinifikanti taħt superviżjoni diretta mill-BĊE huma mistennija li jimmaniġġjaw u jiżvelaw b’mod prudenti r-riskji relatati mal-klima u dawk ambjentali (33). B’mod partikolari, huma mistennija jikkunsidraw ir-riskji relatati mal-klima u dawk ambjentali, bħala xprunaturi tal-kategoriji eżistenti tar-riskju, meta jifformulaw u jimplimentaw l-istrateġija tan-negozju u l-oqfsa ta’ governanza u ta’ ġestjoni tar-riskju tagħhom. F’dan il-kuntest, il-BĊE osserva li xi istituzzjonijiet ta’ kreditu, fost l-oħrajn, jużaw klassifikazzjonijiet ESG esterni biex jimmonitorjaw ir-riskji relatati mal-klima (34). |
2.4.2. |
Il-BĊE jqis li l-istabbiliment ta’ standards ta’ divulgazzjoni komprensivi dwar il-karatteristiċi tal-klassifikazzjonijiet ESG, il-metodoloġiji tagħhom u s-sorsi tad-data tagħhom permezz tar-regolament propost huwa kritiku biex jiġi ffaċilitat l-użu tal-klassifikazzjonijiet ESG bħala fattur ta’ input fil-proċessi ta’ monitoraġġ imwettqa mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu. L-istituzzjonijiet ta’ kreditu, bħala utenti potenzjali tal-klassifikazzjonijiet ESG, jeħtieġ li jkunu jistgħu jivvalutaw l-objettiv ta’ klassifikazzjoni ESG, l-ispeċifikazzjoni eżatta tas-suġġetti koperti minn klassifikazzjoni ESG fir-rigward tal-fatturi E, S, jew G, u l-kontribuzzjonijiet rispettivi ta’ fatturi individwali biex jiġu aggregati l-klassifikazzjonijiet. Dan huwa meħtieġ biex jittaffew ir-riskji li jistgħu jinħolqu meta l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jiddependu fuq klassifikazzjonijiet ESG aggregati, pereżempju fejn prestazzjoni ħażina minn entità klassifikata f’termini ta’ fatturi ambjentali tista’ tkun moħbija bi prestazzjoni tajba għal fatturi soċjali u ta’ governanza. It-trasparenza hija essenzjali biex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu ma japplikawx b’mod mekkaniku l-klassifikazzjonijiet ESG bħala indikaturi tar-riskju tal-kreditu, iżda pjuttost ikunu jistgħu jisiltu minn dawn il-klassifikazzjonijiet l-informazzjoni rilevanti għall-fini tal-valutazzjoni tar-riskju tagħhom stess.
Fejn il-BĊE jirrakkomanda li r-regolament propost jiġi emendat, il-proposti ta’ abbozzar speċifiċi huma stabbiliti f’dokument ta’ ħidma tekniku separat flimkien ma’ test ta’ spjegazzjoni f’dan is-sens. Id-dokument ta’ ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fuq EUR-Lex. |
Magħmul fi Frankfurt am Main, l-4 ta’ Ottubru 2023.
Il-President tal-BĊE
Christine LAGARDE
(1) COM(2023) 314 final.
(2) Ara l-Artikolu 1 tar-regolament propost.
(3) Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija għall-Finanzjament tat-Tranżizzjoni lejn Ekonomija Sostenibbli (COM (2021) 390 final).
(4) Il-Kummissjoni ppubblikat il-komunikazzjoni tagħha dwar “il-Patt Ekoloġiku Ewropew” fil-11 ta’ Diċembru 2019; ara COM(2019) 640 final.
(5) Il-Ftehim ta’ Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.
(6) Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (minn hawn ’il quddiem il-“Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).
(7) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija għall-Finanzjament tat-Tranżizzjoni lejn Ekonomija Sostenibbli (COM (2021) 390 final).
(8) Ara wkoll il-memorandum ta’ spjegazzjoni għar-Regolament propost.
(9) Ara “Lejn unjoni tas-swieq kapitali ekoloġiċi għall-Ewropa”, diskors minn Christine Lagarde, President tal-BĊE, fil-konferenza ta’ livell għoli tal-Kummissjoni dwar il-proposta għal Direttiva dwar ir-Rappurtar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà, Frankfurt am Main, 6 ta’ Mejju 2021, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu
(10) Ara l-paragrafu 2.4 tal-Opinjoni CON/2021/12 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Marzu 2021 dwar il-mandat u l-kompiti tal-Magyar Nemzeti Bank relatati mas-sostenibbiltà ambjentali, u l-paragrafu 2 tal-Opinjoni CON/2021/27 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-7 ta’ Settembru 2021 dwar proposta għal direttiva li temenda d-Direttiva 2013/34/UE, id-Direttiva 2004/109/KE, id-Direttiva 2006/43/KE u r-Regolament (UE) Nru 537/2014, fir-rigward tar-rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà (ĠU C 446, 3.11.2021, p. 2). L-opinjonijiet kollha tal-BĊE huma disponibbli fuq EUR-Lex.
(11) Ara l-istqarrija għall-istampa “ECB presents action plan to include climate change considerations in its monetary policy strategy”, 8 ta’ Lulju 2021, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu
(12) Ara “Climate-related risks to financial stability”, Artiklu Speċjali fil-Financial Stability Review tal-BĊE, Mejju 2021, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu
(13) Ara l-paragrafu 2.4 tal-Opinjoni CON/2021/12; il-paragrafu 2.2 tal-Opinjoni BĊE CON/2021/22 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-11 ta’ Ġunju 2021 dwar ir-regolazzjoni tan-nuqqas ta’ qbil dwar il-maturita tal-forint ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu; u Isabel Schnabel, “Qatt taħli kriżi: COVID-19, climate change and monetary policy”, roundtable virtwali dwar “Sustainable Crisis Responses in Europe”, Network ta’ Riċerka INSPIRE, 17 ta’ Lulju 2020, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu
(14) Ara l-paragrafu 2.4 tal-Opinjoni CON/2021/12; u l-paġna 3 ta’ “Il-bidla fil-klima u l-politika monetarja: għażliet inizjali”, Ġunju 2020, disponibbli fuq is-sit web tan-Netwerk tal-Banek Ċentrali u s-Superviżuri għall-ekoloġizzazzjoni tas-Sistema finanzjarja f’www.ngfs.net
(15) Disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu
(16) Ara l-Artikolu 2 punt (2) tar-regolament propost.
(17) Ara l-istqarrija għall-istampa tal-4 ta’ Lulju 2022, “Il-BĊE jieħu passi ulterjuri biex jinkorpora t-tibdil fil-klima fl-operazzjonijiet tal-politika monetarja tiegħu”, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu
(18) Ara l-Artikolu 18 tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2014/60) (ĠU L 91, 2.4.2015, p. 3).
(19) Ara, b’mod partikolari, il-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) u l-Linja Gwida (UE) 2016/65 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta’ Novembru 2015 dwar l-haircuts fil-valutazzjoni applikati fl-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2015/35) (ĠU L 14, 21.1.2016, p. 30).
(20) Disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu
(21) Ara l-istqarrija għall-istampa tal-4 ta’ Lulju 2022, “Il-BĊE jieħu passi ulterjuri biex jinkorpora t-tibdil fil-klima fl-operazzjonijiet tal-politika monetarja tiegħu”, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu
(22) Ara l-Artikolu 3(4) tar-regolament propost.
(23) L-Artikolu 3(1) tar-regolament propost jiddefinixxi “klassifikazzjoni ESG” bħala “opinjoni, punteġġ jew kombinazzjoni tat-tnejn, fir-rigward ta’ entità, strument finanzjarju, prodott finanzjarju, jew il-profil jew il-karatteristiċi ESG ta’ impriża jew skopertura għar-riskji ESG jew l-impatt fuq in-nies, is-soċjetà u l-ambjent, li huma bbażati fuq metodoloġija stabbilita u sistema ta’ klassifikazzjoni definita tal-kategoriji ta’ klassifikazzjoni u li huma pprovduti lil partijiet terzi, irrispettivament minn jekk tali klassifikazzjoni ESG hijiex espliċitament ittikkettata bħala “klassifikazzjoni” jew “punteġġ ESG’”.
(24) Ara l-Artikolu 2(2), punt (i)(b) tar-regolament propost.
(25) Ara l-Artikolu 2(2), punt (i)(c) tar-regolament propost.
(26) Ara, pereżempju, l-Artikolu 130 TFUE; u l-Artikoli 7 (indipendenza), 36 (persunal) u 37 (segretezza professjonali) tal-Istatut tas-SEBĊ. Ara wkoll il-Linja Gwida (UE) 2021/2253 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-2 ta’ Novembru 2021 li tistabbilixxi l-prinċipji tal-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema (BĊE/2021/49) (ĠU L 454, 17.12.2021, p. 7), u l-qafas tal-etika tal-BĊE (ĠU C 204, 20.6.2015, p. 3), b’mod partikolari l-Parti 0 tar-Regoli tal-Persunal tal-BĊE fir-rigward tal-qafas tal-etika (ĠU C 375, 6.11.2020, p. 25).
(27) Ara, pereżempju, id-dispożizzjonijiet li ġejjin tar-regolament propost: L-Artikolu 15, li jipprojbixxi lill-fornituri tal-klassifikazzjoni ESG milli jipprovdu attivitajiet oħra (bħall-forniment ta’ konsultazzjoni lill-investituri jew lill-impriżi, il-ħruġ u l-bejgħ ta’ klassifikazzjonijiet tal-kreditu, attivitajiet ta’ investiment, attivitajiet ta’ awditjar); l-Artikolu 23(3), li jikkonċerna s-superviżjoni mill-ESMA fir-rigward ta’ riskju ta’ kunflitt ta’ interess fi ħdan fornitur tal-klassifikazzjoni ESG minħabba l-istruttura tas-sjieda, l-interessi ta’ kontroll, jew l-attivitajiet ta’ dak il-fornitur tal-klassifikazzjoni ESG; u l-Artikolu 25, li jikkonċerna t-tariffi mitluba mill-fornituri tal-klassifikazzjoni ESG lill-klijenti tagħhom.
(28) Ara l-Artikolu 2(2), punt (i)(c) tar-regolament propost.
(29) Ara l-Artikolu 127(1) u (2), u l-Artikolu 282 tat-TFUE.
(30) Ara l-Artikolu 2(2), punt g, tar-regolament propost.
(31) L-Artikolu 2(2), il-punt (b), tar-regolament propost jipprovdi eżenzjoni għal “klassifikazzjonijiet ESG prodotti minn impriżi finanzjarji regolati fl-Unjoni li jintużaw għal skopijiet interni jew għall-forniment ta’ servizzi u prodotti finanzjarji interni”.
(32) Ara l-premessa 11 u l-Artikolu 21 tar-regolament propost. B’mod partikolari, l-Anness III(1), il-punt (d), jirrikjedi li l-fornituri tal-klassifikazzjonijiet ESG jiddivulgaw informazzjoni lill-pubbliku dwar l-objettiv tal-klassifikazzjonijiet, filwaqt li jimmarka b’mod ċar jekk il-klassifikazzjoni hijiex qed tivvaluta r-riskji, l-impatti jew xi dimensjonijiet oħra.
(33) Ara s-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE, “Guide on climate related and environmental risks” (Gwida dwar ir-riskji relatati mal-klima u l-ambjent), Novembru 2020, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu
(34) Ara s-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE, “Walking the talk — Banks gearing up to management risks from climate change and environmental degradation”, Novembru 2022, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.euG
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1354/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)