This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52022XC0616(01)
Communication from the Commission on Guidance for access to the labour market, vocational education and training and adult learning of people fleeing Russia’s war of aggression against Ukraine 2022/C 233/01
Komunikazzjoni tal-kummissjoni dwar Gwida għall-aċċess għas-suq tax-xogħol, għall-edukazzjoni u għat-taħriġ vokazzjonali, u għall-apprendiment għall-adulti fil-każ ta’ persuni li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna 2022/C 233/01
Komunikazzjoni tal-kummissjoni dwar Gwida għall-aċċess għas-suq tax-xogħol, għall-edukazzjoni u għat-taħriġ vokazzjonali, u għall-apprendiment għall-adulti fil-każ ta’ persuni li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna 2022/C 233/01
C/2022/4050
ĠU C 233, 16.6.2022, p. 1–13
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
16.6.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 233/1 |
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
dwar Gwida għall-aċċess għas-suq tax-xogħol, għall-edukazzjoni u għat-taħriġ vokazzjonali, u għall-apprendiment għall-adulti fil-każ ta’ persuni li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna
(2022/C 233/01)
1. INTRODUZZJONI
Minn meta bdiet il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, aktar minn 6,5 miljun persuna ħarbu mill-Ukrajna u waslu fl-UE; madwar 3 miljun irreġistraw għall-protezzjoni temporanja u l-maġġoranza huma nisa bit-tfal (1). Mill-informazzjoni disponibbli s’issa, numru relattivament żgħir biss ta’ dawk fl-età tax-xogħol daħlu fis-suq tax-xogħol tal-UE jew irreġistraw mas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi. Dan jista’ jkun minħabba trawmi fiżiċi u psikoloġiċi, l-akklimatizzazzjoni li għaddejja fl-Istati Membri ospitanti, in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-opportunitajiet disponibbli jew ostakli oħra (bħal-lingwa u l-indukrar tat-tfal).
Minkejja l-inċertezza dwar in-numru ta’ persuni li x’aktarx jibqgħu fl-UE u l-prospetti għar-ritorn, in-numru ta’ persuni li jixtiequ jidħlu fis-suq tax-xogħol fl-Istati Membri huwa mistenni li jiżdied.
L-integrazzjoni rapida u effettiva fis-suq tax-xogħol se tkun importanti kemm għall-komunitajiet ospitanti kif ukoll għan-nies li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna peress li jkunu jistgħu jibnu ħajjithom mill-ġdid u jkomplu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom. Dan se jkun għall-benefiċċju tal-persuni kkonċernati, tal-UE u, eventwalment, għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna.
Din il-Komunikazzjoni tippreżenta gwida ta’ politika għall-azzjonijiet tal-Istati Membri dwar l-aċċess għas-suq tax-xogħol, għall-edukazzjoni u għat-taħriġ vokazzjonali, u għall-apprendiment għall-adulti fil-każ ta’ persuni li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.
Din il-gwida tikkomplementa u tibni fuq l-azzjonijiet li diġà ttieħdu fil-livell tal-UE mmirati biex jappoġġaw lil dawk li jaslu fl-UE. Fl-4 ta’ Marzu 2022 ġiet adottata d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 (2) li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE (“id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja”) u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja (3). Il-Kummissjoni ppreżentat Linji Gwida Operazzjonali dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni fil-21 ta’ Marzu (4) (“Linji gwida operazzjonali”), Komunikazzjoni dwar l-akkoljenza ta’ dawk li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna fit-23 ta’ Marzu (5) (“Komunikazzjoni tat-23 ta’ Marzu”) kif ukoll Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki għal persuni li jaħarbu mill-invażjoni Russa fl-Ukrajna fil-5 ta’ April (6) (“Rakkomandazzjoni dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki”). Fil-Kunsill straordinarju tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tat-28 ta’ Marzu, il-Kummissjoni, f’koordinazzjoni mal-Presidenza Franċiża tal-Kunsill, ippreżentat Pjan ta’ 10 Punti għal koordinazzjoni Ewropea aktar b’saħħitha dwar l-akkoljenza ta’ persuni li qed jaħarbu mill-Ukrajna minħabba l-gwerra (7). Dawn id-dokumenti ewlenin jiġu aġġornati skont il-ħtieġa biex jirriflettu ċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu u biex ikunu ta’ għajnuna bħala gwida supplimentari.
Il-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja għandhom id-dritt ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol tal-UE, għall-edukazzjoni u għat-taħriġ vokazzjonali, u għall-apprendiment għall-adulti. Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-23 ta’ Marzu, il-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri biex jagħtu aċċess għas-suq tax-xogħol u biex jestendu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja wkoll lil persuni li jirċievu protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali, kif previst fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 (“protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali”). B’mod simili, b’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex, kemm jista’ jkun, jestendu d-dispożizzjonijiet relatati mal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-apprendiment għall-adulti skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja wkoll għal persuni li jirċievu protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali. Din il-Komunikazzjoni għalhekk tirreferi għal persuni li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna li huma eliġibbli għal protezzjoni temporanja skont id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, kif ukoll għal dawk li huma eliġibbli għal protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali.
Il-Kummissjoni qiegħda tiskambja permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ kanali mal-awtoritajiet nazzjonali, mas-sħab soċjali u ekonomiċi, mas-settur privat, u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili involuti fl-akkoljenza u fl-integrazzjoni ta’ dawk li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Il-Pjattaforma ta’ Solidarjetà (8) tikkoordina l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, pereżempju dwar l-immappjar tal-ħtiġijiet, ir-riżorsi, il-kapaċitajiet ta’ akkoljenza u t-trasferimenti, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet ta’ dawk l-aktar vulnerabbli, b’mod partikolari t-tfal. Il-Kummissjoni waqqfet sit web multilingwi li jipprovdi informazzjoni lin-nies li qed jaħarbu mill-gwerra tar-Russja ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna dwar id-drittijiet tagħhom, u dwar l-opportunitajiet li jkollhom u l-proċeduri li għandhom isegwu ladarba jaslu fl-UE (9). Barra minn hekk, serje ta’ inizjattivi fil-livell tal-UE jiżguraw li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu użu sħiħ mill-fondi disponibbli tal-UE, b’mod partikolari bħala parti mill-“Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa” (l-inizjattiva CARE) (10).
L-iskala u l-veloċità tal-wasliet huma mingħajr preċedent u jeħtieġu rispons effettiv fil-livelli kollha. Dan id-dokument għandu l-għan li jipprovdi gwida politika lill-Istati Membri bil-għan li jiffaċilita l-integrazzjoni ta’ persuni li jaslu mill-Ukrajna fis-suq tax-xogħol. Huwa jiddeskrivi azzjonijiet konkreti li jistgħu jittieħdu mill-Istati Membri abbażi tat-tagħlimiet meħuda u tal-aħjar prattiki miġbura matul dawn l-aħħar xhur u mill-kriżi ta’ migrazzjoni tal-2015-2016. L-integrazzjoni b’suċċess fis-suq tax-xogħol tiddependi wkoll fuq il-miżuri meħuda f’oqsma oħra bħall-aċċess għall-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa (inkluż il-kura tas-saħħa mentali u dik riproduttiva), il-protezzjoni u s-servizzi soċjali, kif ukoll, għall-ġenituri, l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal u l-edukazzjoni formali. L-azzjonijiet li qed tieħu l-Kummissjoni f’dawn l-oqsma kollha (11) huma komplementari.
L-Istati Membri huma mħeġġa jimplimentaw il-gwida f’din il-Komunikazzjoni f’konformità mal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (12), li huma essenzjali għal swieq tax-xogħol u sistemi ta’ protezzjoni soċjali ġusti u li jiffunzjonaw tajjeb fl-Ewropa. Bosta azzjonijiet inklużi fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni għall-2021-27 (13) huma ta’ rilevanza partikolari għan-nies li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. Għandha tingħata attenzjoni wkoll għan-nondiskriminazzjoni u għall-vulnerabbiltajiet speċifiċi ta’ gruppi partikolari f’riskju akbar ta’ diskriminazzjoni, inklużi r-Rom u nies bi sfond razzjali u etniku ta’ minoranza, il-persuni b’diżabilità u l-komunità LGBTIQ.
L-UE se tkompli bil-kooperazzjoni tagħha mal-awtoritajiet Ukreni biex tappoġġa miżuri li jiżguraw li l-persuni li jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom. Id-dijaspora Ukrajna fl-UE għandha rwol partikolari fl-appoġġ ta’ dawk li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.
2. L-AĊĊESS GĦAS-SUQ TAX-XOGĦOL U T-TAĦRIĠ
2.1. Impjieg u impjieg indipendenti
L-aċċess rapidu u effettiv għas-suq tax-xogħol u l-integrazzjoni fih huma kruċjali għan-nies li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna li jistgħu u li huma lesti jaħdmu. Huma jistgħu jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ impjieg jew ta’ persuni li jaħdmu għal rashom li jippermettulhom ukoll li jkunu finanzjarjament indipendenti, jibnu ħajjithom mill-ġdid, u jikkontribwixxu u jintegraw fil-komunità lokali matul is-soġġorn tagħhom fl-UE. Dan se jkun għall-benefiċċju tal-persuni kkonċernati, tal-UE u, eventwalment, għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna.
Il-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja għandhom ikunu awtorizzati jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ impjieg jew ta’ impjieg indipendenti, soġġett għar-regoli applikabbli għall-professjoni. Għar-raġunijiet tal-politiki tas-suq tax-xogħol, l-Istati Membri jistgħu jagħtu prijorità liċ-ċittadini tal-UE u liċ-ċittadini tal-Istati marbutin bil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea kif ukoll liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma residenti legalment u li jirċievu l-benefiċċju tal-qgħad. Għandha tapplika l-liġi ġenerali fis-seħħ fl-Istati Membri li hija applikabbli għar-remunerazzjoni, għall-aċċess għas-sistemi tas-sigurtà soċjali li għandhom x’jaqsmu mal-attivitajiet ta’ min jinsab f’impjieg jew ta’ min jaħdem għal rasu u għal kondizzjonijiet oħra tax-xogħol.
Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-23 ta’ Marzu, il-Kummissjoni rrakkomandat li l-Istati Membri jinterpretaw id-drittijiet mogħtija mid-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja għall-aċċess għas-suq tax-xogħol tal-UE bl-aktar mod wiesa’ possibbli, billi japplikaw eċċezzjonijiet għall-moviment liberu fis-suq intern biss f’ċirkostanzi iġġustifikati tajjeb. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu tali aċċess għas-suq tax-xogħol tagħhom ukoll lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali. Fir-Rakkomandazzjoni dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki, il-Kummissjoni rrakkomandat ukoll li l-Istati Membri ma jintroduċu jew ma jżommu l-ebda rekwiżit li l-kumpaniji iridu jagħtu prova li ma setgħux jimpjegaw ċittadin tal-UE qabel ma jirreklutaw persuna li tgawdi minn protezzjoni temporanja.
Huwa importanti wkoll li jiġi evitat l-isfruttament kif ukoll ix-xogħol mhux iddikjarat. L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol tappoġġa l-iskambju tal-aħjar prattiki permezz tal-Pjattaforma tagħha Nindirizzaw ix-Xogħol Mhux Iddikjarat (14), biex tiġġieled kontra l-abbuż jew l-isfruttament possibbli tal-ħaddiema. F’dawn l-aħħar snin, il-Pjattaforma ppromwoviet approċċ komprensiv li jikkombina miżuri preventivi (bħal sensibilizzazzjoni u għoti ta’ informazzjoni) u sanzjonijiet wara spezzjonijiet fuq il-post tax-xogħol (15).
Is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi għandhom rwol ewlieni meta jiġu biex jintegraw il-persuni fis-suq tax-xogħol, jipprovdu informazzjoni lil dawk li jaslu u jaġixxu ta’ entità li tlaqqa’ lil dawk li qed ifittxu impjieg u min iħaddem. Huma jikkooperaw u jikkoordinaw azzjonijiet ma’ partijiet ikkonċernati oħra, bħal amministrazzjonijiet nazzjonali oħra, muniċipalitajiet, sħab soċjali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi organizzazzjonijiet tal-migranti u tad-dijaspora Ukrena, biex jiġi żgurat appoġġ f’waqtu u mmirat. Is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi huma wkoll fornituri ewlenin tas-servizzi tal-EURES (16), li wħud minnhom jistgħu jintużaw minn dawk li qed jaħarbu mill-gwerra Russa ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tkompli tiffaċilita l-iskambji u l-kooperazzjoni dwar dawn il-kwistjonijiet permezz tan-Network Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi.
F’Marzu 2022, il-Kummissjoni nediet stħarriġ fost is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi, li wera li dawn aġġustaw il-proċessi rilevanti malajr, permezz ta’ informazzjoni online f’diversi lingwi (xi drabi inkluż l-Ukrajn) u konsulenti ddedikati. F’xi pajjiżi, is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi stabbilew uffiċċji ta’ fergħat iddedikati għal persuni li jkunu qed ifittxu impjieg li jkunu qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u, f’xi każijiet, qed jirreklamaw offerti ta’ impjieg speċifikament immirati għalihom. Xi Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi diġà huma preżenti f’ċentri u f’servizzi ta’ akkoljenza, u xi wħud huma involuti fi gruppi konġunti ta’ rispons għal emerġenza jew f’taskforces għal persuni li jkunu qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Ħafna Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi kisbu esperjenza sostanzjali f’dawn l-aħħar snin fir-reġistrazzjoni, fit-tfassil ta’ profili, u fl-appoġġ tal-integrazzjoni ta’ dawk li jkunu qed ifittxu l-ażil u tar-refuġjati fis-suq tax-xogħol, u għalhekk huma mħeġġa jikkooperaw u jiskambjaw prattiki tajbin permezz tan-Network Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi. |
Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll mas-sħab soċjali u ekonomiċi permezz tas-Sħubija Ewropea għall-Integrazzjoni (17) biex tavvanza l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ persuni li qed jaħarbu mill-gwerra tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. L-Istati Membri huma mħeġġa jadottaw ukoll approċċ b’diversi partijiet ikkonċernati fil-livell nazzjonali mas-sħab ekonomiċi u soċjali, peress li dawn huma kruċjali biex tabilħaqq jinħolqu u jkunu disponibbli opportunitajiet ta’ impjieg u ta’ impjieg indipendenti bl-appoġġ meħtieġ.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex meta jkunu se jieħdu miżuri rigward l-aċċess għall-impjieg u l-impjieg indipendenti:
|
Il-proġetti ffinanzjati mill-UE (27) jistgħu jservu ta’ ispirazzjoni u juru prattiki tajbin. Pereżempju, il-programmi ta’ integrazzjoni “rapida”, b’enfażi doppja fuq il-lingwa u fuq it-taħriġ fuq il-post tax-xogħol urew li huma partikolarment effettivi fl-integrazzjoni ta’ dawk li jfittxu l-ażil u r-refuġjati. Inrawmu Opportunitajiet għall-Ħaddiema Refuġjati (FORWORK) (28) huwa proġett pilota ffinanzjat mill-EaSI li għandu fil-mira l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ dawk li jfittxu l-asil u r-refuġjati ospitati f’ċentri ta’ akkoljenza (CAS) fi Piemonte (l-Italja) u l-Albanija. Il-proġett joffri valutazzjonijiet tal-ħiliet u servizzi ta’ mentoraġġ speċifiċi għall-ġeneru, flimkien ma’ taħriġ fil-lingwa u taħriġ professjonali, biex jiġi żviluppat pjan ta’ integrazzjoni individwalizzat. Proġett pilota ieħor iffinanzjat mill-EaSI huwa Spinta għall-azzjoni rapida (FAB) (29), li ffoka fuq approċċ tal-bliet biex jitħaffu l-perkorsi ta’ integrazzjoni lejn is-suq tax-xogħol għar-rifuġjati u l-familji tagħhom, b’enfasi speċjali fuq ir-rifuġjati nisa. Is-sħubija tiegħu laqqgħet flimkien lil Belgrad, Berlin, Madrid, Milan, Stokkolma u Vjenna. Eżempju ta’ suċċess ta’ sħubijiet bejn diversi partijiet ikkonċernati huwa l-proġett Labour INT (30), li jippromwovi mogħdijiet ta’ integrazzjoni b’diversi livelli (mill-wasliet sal-post tax-xogħol, u inklużi l-kollokamenti fl-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjiegi) għal dawk li jfittxu l-asil u r-refuġjati, li jibni fuq l-interess u l-kapaċitajiet tan-negozji, il-kmamar tal-industrija u l-kummerċ, it-trade unions u l-assoċjazzjonijiet tal-migranti. Eżempji ta’ proġetti ffinanzjati mill-FSE u li jiffukaw fuq l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol tan-nisa migranti jinludu l-proġett Stark im Beruf (31) (il-Ġermanja) għall-ommijiet bi sfond migratorju, Mirjam (32) għan-nisa li jaslu l-Iżvezja, u CIAO (33) (il-Lussemburgu) għan-nisa bi sfond migratorju. |
2.2. L-immappjar tal-ħiliet u r-rikonoxximent rapidu tal-kwalifiki
Il-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja u ta’ protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali jeħtieġ li jkunu jistgħu juru liema ħiliet u kwalifiki għandhom sabiex jiġu integrati malajr fis-suq tax-xogħol. Diversi Stati Membri qed jistabbilixxu proċeduri biex jivvalutaw l-ekwivalenza tal-istudji u l-kwalifiki meta d-dokumentazzjoni tkun disponibbli u, meta dan ma jkunx il-każ, biex jivvalidaw il-ħiliet u l-apprendiment u l-esperjenza preċedenti (eż. permezz ta’ testijiet, valutazzjoni tal-ħiliet prattiċi jew dimostrazzjonijiet tal-ħiliet, intervisti, jew awtoevalwazzjoni online). Huwa importanti li dawk il-miżuri ma jintroduċux ostakli bla bżonn biex jinkiseb aċċess effettiv għas-suq tax-xogħol, inkluż pereżempju r-rekwiżiti lingwistiċi.
Sabiex jiġu aċċessati professjonijiet regolati, bħal gruppi differenti ta’ professjonijiet tas-saħħa u tat-tagħlim, normalment tkun meħtieġa valutazzjoni u rikonoxximent formali tal-kwalifika barranija. Ir-Rakkomandazzjoni dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki tipprovdi gwida u pariri prattiċi biex jiġi żgurat proċess ta’ rikonoxximent rapidu, ġust u flessibbli, u kompliet tenfasizza l-importanza li jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent akkademiku, eż. ta’ diplomi universitarji. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-programmi ta’ apprendiment, inkluż l-apprendiment jew iċ-ċertifikati miksuba fis-suq tax-xogħol u dawk immaniġġjati mill-impjegatur, ma humiex marbuta ma’ professjonijiet regolati. Barra minn hekk, ħafna nies jista’ jkollhom ukoll ħiliet li jkunu nkisbu permezz tax-xogħol, it-tmexxija ta’ negozju, jew f’kuntesti oħra bħall-volontarjat. Dawn il-ħiliet jistgħu jkunu siewja ħafna fis-suq tax-xogħol iżda jirriskjaw li ma jiġux rikonoxxuti u ma jiġux valorizzati biżżejjed.
Il-Kummissjoni toffri diversi għodod relatati mal-ħiliet għall-utenti finali u l-intermedjarji bħall-Għodda tal-Profil tal-Ħiliet għal nazzjonali (34) ta’ pajjiżi terzi, li issa hija disponibbli fl-Ukrajna. L-għodda tista’ tappoġġa lill-persuni li jitkellmu bl-Ukren li jkunu qed ifittxu impjieg u lil dawk li jkunu jixtiequ jkomplu bit-taħriġ u bl-istudji tagħhom. L-għodda tidentifika l-ħiliet u tiġbor evidenza tal-kwalifiki u l-esperjenza bħala parti minn intervista strutturata. Il-klassifikazzjoni Ewropea tal-Ħiliet, il-Kompetenzi, il-Kwalifiki u l-Impjiegi (ESCO) (35) se tkun disponibbli wkoll fl-Ukrajna f’Ġunju biex tiffaċilita l-użu tal-Għodda tal-Profil tal-Ħiliet u għodod simili użati minn implimentaturi privati. Il-portafoll elettroniku tal-Europass (36) sar disponibbli fl-Ukrajna fl-aħħar ta’ April 2022. Il-Kummissjoni tinsab ukoll fil-proċess li tniedi l-inizjattiva Pilota tar-Riżerva ta’ Talent tal-UE (37) billi qed tiżviluppa portal web għall-UE kollha, li jippermetti li l-persuni li ħarbu mill-Ukrajna jirreġistraw il-ħiliet u l-interess tagħhom li jsibu impjieg, u b’hekk jiffaċilita l-immappjar tal-ħiliet disponibbli fost din il-komunità u l-pariġġar potenzjali mal-impjegaturi. It-tfassil tal-proġett pilota qed javvanza f’diskussjoni mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati ewlenin.
Sabiex jiġi żgurat li l-kwalifiki Ukreni jkunu jistgħu jinftiehmu b’mod aktar faċli bejn il-fruntieri, kemm minn min iħaddem kif ukoll mill-fornituri tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, il-Kummissjoni ħadmet mal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF), mal-awtoritajiet Ukreni (38) u mal-Istati Membri tal-UE biex tqabbel il-qafas nazzjonali tal-kwalifiki tal-Ukrajna u l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK). L-ETF stabbiliet ċentru ta’ riżorsi (39) biex tgħin lil dawk li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna b’informazzjoni dwar kif ikomplu l-edukazzjoni u t-taħriġ u jfittxu assistenza biex il-kwalifiki tagħhom jiġu rikonoxxuti, u oħrajn li jeħtieġu l-għajnuna fl-interpretazzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni qed tesplora wkoll il-potenzjal ta’ Kredenzjali Diġitali Ewropej għall-Apprendiment biex ikunu jistgħu jinħarġu mill-ġdid diplomi b’mod diġitali għal dawk li jkunu ħarbu mill-gwerra u ma jkollhomx id-dokumenti meħtieġa.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex meta jieħdu miżuri rigward l-immappjar u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki:
|
Fil-Belġju (Vallonja), “Ċentri ta’ validazzjoni tal-ħiliet (41)”, appoġġati minn finanzjament mill-FSE, jistgħu jgħinu lin-nies li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna b’esperjenza professjonali biex jiksbu l-ħiliet tagħhom ivvalidati uffiċjalment u mingħajr ħlas. Ir-rikonoxximent uffiċjali jgħin biex jagħti prova tal-ħiliet lill-impjegatur, biex jerġa’ jibda t-taħriġ b’dispensa jew biex jinkiseb aċċess għal professjoni. |
2.3. Edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali inizjali
Il-Kummissjoni qed tikkoopera mal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ biex tappoġġa l-kontinwazzjoni tal-apprendiment mill-istudenti tal-VET permezz ta’ mezzi online. B’mod partikolari, il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ tikkoopera mal-awtoritajiet tal-Ukrajna u ma’ sħab oħra sabiex tidentifika u tiġbor kontenut ta’ apprendiment u riżorsi ta’ apprendiment online, bħal mikrokorsijiet u moduli professjonali qosra mill-Istati Membri u mill-pajjiżi sħab, li jistgħu jitqassmu b’mod wiesa’ biex jipprovdu lill-istudenti spostati mill-Ukrajna b’opportunitajiet ta’ apprendiment li jwasslu għal kompetenzi speċifiċi tal-VET u għal mikrokredenzjali.
Biex tikseb informazzjoni dwar il-miżuri relatati mal-VET li ttieħdu s’issa fl-Istati Membri u biex tappoġġa l-iskambji ta’ prattiki tajbin, f’Marzu 2022, il-Kummissjoni nediet stħarriġ fost il-membri tal-Kumitat Konsultattiv dwar it-Taħriġ Vokazzjonali, id-Diretturi Ġenerali dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali, l-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-fornituri tal-VET u l-membri tal-Patt għall-Ħiliet (in-negozji, l-assoċjazzjonijiet, il-kmamar tal-kummerċ, il-fornituri tat-taħriġ u oħrajn). Ir-riżultati preliminari (42) jagħtu ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet tal-Istati Membri sal-lum u jipprovdu eżempji ta’ prattiki tajba li jistgħu jservu ta’ ispirazzjoni għal oħrajn. Dawn jinkludu proċeduri aċċellerati, ekwivalenza ta’ studji u proċeduri ta’ validazzjoni, pjanijiet individwali, mentoraġġ u konsulenza, apprendiment ibbażat fuq ix-xogħol, u klassijiet preparatorji inklużi ħiliet lingwistiċi u interpersonali. |
Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex:
|
B’First Room, proġett ibbażat f’Bucharest kofinanzjat mill-FSE, l-Iskola Vokazzjonali Concordia (44) tipprovdi servizzi ta’ taħriġ u konsulenza biex tappoġġa l-integrazzjoni soċjali tat-tfal u ż-żgħażagħ li reċentement kienu taħt sistemi ta’ protezzjoni tal-istat. L-Iskola Vokazzjonali tipprovdi ċertifikazzjoni tal-kompetenzi tagħhom, kif ukoll orjentazzjoni lejn l-impjiegi u x-xogħol. Is-servizzi integrati jappoġġaw ukoll liż-żgħażagħ li ħarġu mis-sistema billi jikru akkomodazzjoni u kmamar disponibbli fiċ-ċentru ta’ tranżitu ta’ Concordia. Bħalissa qed tappoġġa wkoll lill-persuni li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. |
2.4. Opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid għall-adulti biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-suq tax-xogħol
Il-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja jridu jingħataw aċċess għal opportunitajiet edukattivi għall-adulti, taħriġ vokazzjonali u esperjenza prattika fuq il-post tax-xogħol. It-taħriġ prattiku fuq il-post tax-xogħol wera li huwa effettiv ħafna fl-integrazzjoni tal-migranti u tar-refuġjati. Barra minn hekk, it-titjib tal-ħiliet personali u tekniċi (inklużi l-ħiliet fl-intraprenditorija, l-awtożvilupp u l-litteriżmu fil-kompjuter) b’mod partikolari t-taħriġ fil-lingwi (inkluż permezz ta’ attivitajiet ibbażati fuq ix-xogħol) huwa element essenzjali għal parteċipazzjoni b’suċċess fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà (inkluż f’termini tal-għarfien tal-migranti u t-tgawdija tad-drittijiet tagħhom). Barra minn hekk, billi jinvestu llum fil-ħiliet tan-nies li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, l-Istati Membri jistgħu jagħtu kontribut importanti għar-rikostruzzjoni futura tal-Ukrajna.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex meta jieħdu miżuri rigward l-edukazzjoni u t-taħriġ għall-adulti:
|
Iċ-Ċentru tal-Ħiliet ta’ Omnia (45) (il-Finlandja), appoġġjat minn ERASMUS +, jipprovdi servizzi lill-immigranti f’Espoo biex iżidu l-ħiliet professjonali tagħhom u jippromwovu l-impjieg. Fost l-oħrajn, dan jorganizza taħriġ, coaching, konsulenza u jipprovdi korsijiet tal-lingwa Finlandiża. Il-proġett Bremen Integration Qualification (46) (il-Ġermanja) iffinanzjat mill-FSE jiffoka fuq l-aċċess għat-tagħlim u l-ħolqien ta’ mogħdijiet għax-xogħol għall-immigranti ta’ bejn it-18 u s-26 sena, inkluż permezz ta’ korsijiet intensivi tal-lingwa. Ġestit mis-Salib l-Aħmar, dan il-proġett diġà qed jipprovdi appoġġ liż-żgħażagħ li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna. |
2.5. L-għoti ta’ opportunitajiet għall-adulti biex ilestu l-edukazzjoni tagħhom
L-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-benefiċjarji adulti tal-protezzjoni temporanja aċċess għas-sistema tal-edukazzjoni ġenerali. Dan jista’ jkun ta’ għajnuna għal persuni li ma setgħux ilestu l-edukazzjoni inizjali formali tagħhom u jiksbu kwalifika tal-edukazzjoni sekondarja tat-tieni livell jew fejn l-istudji tal-edukazzjoni għolja kellhom jiġu interrotti minħabba l-invażjoni, jew għal persuni li ma kellhomx l-opportunità li javvanzaw għal edukazzjoni għolja. Dawn l-isforzi mhux biss ikunu ta’ benefiċċju għall-persuni kkonċernati, iżda wkoll għall-UE u, eventwalment, għall-Ukrajna.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex meta jieħdu miżuri nazzjonali rigward it-tlestija tal-edukazzjoni tal-adulti:
|
3. APPOĠĠ MILL-FONDI TAL-UE
L-azzjonijiet deskritti f’din il-Komunikazzjoni jistgħu jiġu appoġġati b’diversi fondi u inizjattivi tal-UE. Emendi reċenti għar-Regolamenti eżistenti ffokaw fuq fondi mhux minfuqa taħt il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) u l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF).
L-inizjattiva CARE (“Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa”), billi emendat ir-Regolamenti li jirregolaw il-Fondi (47), iffokat fuq l-għoti ta’ flessibbiltà akbar lill-Istati Membri biex jimmobilizzaw malajr il-Fondi ta’ Koeżjoni tal-UE, mingħajr ma jibdlu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.
Inizjattiva CARE Il-bidliet ewlenin introdotti bir-Regolament CARE huma dawn li ġejjin:
|
Ir-Regolament (UE) 2022/585, adottat fit-6 ta’ April (51), jestendi l-perjodu ta’ implimentazzjoni għall-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF), u l-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF) Fruntieri Esterni u Viża u ISF Pulizija b’sena (sa Ġunju 2024) u jirrilaxxa fondi tal-AMIF 2014–2020 li qabel kienu allokati għal skopijiet speċifiċi.
Biex tgħin lill-Istati Membri jagħmlu l-aħjar użu mill-possibbiltajiet ta’ finanzjament u l-arranġamenti ta’ programmazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni stabbiliet lista indikattiva ta’ miżuri eliġibbli taħt il-FSE, il-FEAD, il-FEŻR, l-AMIF u l-FSI (fruntieri esterni u Visa), u stabbiliet paġna web tal-Q &A (52), primarjament iżda mhux esklussivament aċċessibbli għall-awtoritajiet tal-programm, biex jingħataw tweġibiet rapidi u kkoordinati lill-Istati Membri.
L-FSE jista’ jgħin biex jiffinanzja l-biċċa l-kbira tal-miżuri ppreżentati fit-taqsimiet preċedenti, inklużi l-mentoraġġ, il-gwida għall-karriera, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, il-kollokamenti fix-xogħol, l-apprendistati u t-traineeships, l-appoġġ għas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjieg, kif ukoll arranġamenti biex tiġi evitata d-diskriminazzjoni u tiġi żgurata l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni għall-ħaddiema kollha. L-FSE jista’ jiffinanzja wkoll il-persunal li jaħdem ma’ persuni li jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, jew fil-fruntiera jew f’postijiet oħra fl-Istati Membri, kif ukoll edukazzjoni kemm għat-tfal kif ukoll għall-adulti, u aċċess għas-saħħa, għall-akkomodazzjoni u għas-servizzi soċjali.
Barra minn hekk, il-FEŻR jista’ jappoġġa l-aċċess għal servizzi ġenerali mhux segregati fl-edukazzjoni, fl-impjiegi u fit-taħriġ, fl-akkomodazzjoni, fil-kura tas-saħħa u fil-kura soċjali permezz tal-iżvilupp ta’ infrastruttura aċċessibbli (eż. bini/rinnovazzjoni/estensjoni) u tagħmir relatat. Il-fondi tal-AMIF u l-fondi għall-appoġġ finanzjarju għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni u l-politika komuni dwar il-viża u għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet jistgħu jkopru l-ewwel ħtiġijiet ta’ akkoljenza tal-persuni li jkunu qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, kif ukoll – fil-każ tal-AMIF – l-integrazzjoni tagħhom fil-pajjiżi ospitanti.
Kumplimentari għall-missjoni ewlenija tiegħu li jtejjeb l-opportunitajiet ta’ impjieg fit-tul, l-FSE jista’ jappoġġa miżuri ta’ emerġenza, bħall-ikel u l-assistenza materjali bażika, l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni jew tat-trasport, sakemm dawn ikunu kkombinati ma’ mogħdija ta’ integrazzjoni individwali fil-pajjiż li jipprovdi assistenza. Il-FEAD għandu ambitu saħansitra usa’ u jista’ jintuża irrispettivament mill-istatus u r-residenza tar-riċevituri għall-assistenza materjali bażika, bħall-ikel, il-prodotti tal-iġjene, l-oġġetti għat-trabi u t-tfal, eċċ.
Il-finanzjament taħt InvestEU, b’mod partikolari taħt il-Garanzija għall-Ħiliet u l-Edukazzjoni, jista’ jintuża wkoll biex jappoġġa lin-nies biex itejbu l-ħiliet tagħhom, jew mill-organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex jespandu l-forniment tagħhom, kif ukoll fl-impjieg indipendenti u fl-appoġġ għall-intrapriżi li jirreklutaw u jħarrġu lill-persuni spostati. Barra minn hekk, meta jintalab jagħmel hekk, l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (53) se jkun jista’ jipprovdi appoġġ tekniku lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-impjiegi u t-taħriġ, l-inklużjoni soċjali u l-edukazzjoni.
Opportunitajiet ta’ finanzjament minn Erasmus + ġew mobilizzati bis-saħħa tal-flessibbiltà intrinsika tal-programm. Pereżempju, l-għalliema u l-ħarrieġa li jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna jistgħu jirċievu appoġġ finanzjarju biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tagħhom u biex jiġu megħjuna jiksbu l-ħiliet meħtieġa biex jaħdmu fis-sistemi edukattivi tal-UE. Persunal kwalifikat jista’ jintbagħat, fuq bażi temporanja, f’reġjuni fejn persuni li jkunu qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna jiġu akkomodati. L-istudenti jistgħu wkoll jintlaqgħu malajr mill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ involuti fi proġetti ta’ kooperazzjoni Erasmus+. Il-fondi tal-proġetti tal-proġetti ta’ kooperazzjoni tal-Erasmus+ jistgħu jintużaw b’mod flessibbli biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tat-tfal li jkunu qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.
Fl-aħħar nett, kwalunkwe ħtieġa relatata mal-appoġġ ta’ persuni li jkunu qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna xorta tista’ titqies fil-ħidma li għaddejja biex jitħejjew il-programmi ta’ Koeżjoni tal-2021-2027. Ladarba jiġu adottati, dawn il-programmi se jintużaw ukoll biex jiffinanzjaw miżuri li jappoġġaw lil dawk li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna fl-oqsma tal-impjiegi, l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-inklużjoni soċjali, l-akkomodazzjoni, is-saħħa u l-kura soċjali, kif ukoll l-ikel u l-assistenza materjali bażika (minħabba l-amalgamazzjoni tal-FEAD mal-FSE +) (54). In-nefqa taħt dawn il-programmi hija eliġibbli mill-1 ta’ Jannar 2021.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex:
|
4. KONKLUŻJONI U L-PASSI LI JMISS
L-Istati Membri huma mistiedna jkomplu bl-isforzi tagħhom biex jappoġġaw lil dawk li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u jiffaċilitaw l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, f’konformità mal-gwida f’din il-Komunikazzjoni u l-inizjattivi l-oħrajn ippreżentati s’issa fil-livell tal-UE. Huma mħeġġa jikkooperaw mal-partijiet ikkonċernati rilevanti biex jiżguraw rispons komprensiv u kkoordinat, u biex jagħmlu użu mill-appoġġ kollu disponibbli fil-livell tal-UE, inkluż il-finanzjament.
Il-Kummissjoni tinsab lesta li taħdem aktar mal-awtoritajiet nazzjonali u ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, u se tkompli tipprovdi gwida fid-dawl tas-sitwazzjoni li qed tevolvi, inkluż permezz tal-Pjattaforma ta’ Solidarjetà u l-pjattaforma ta’ Mistoqsijiet u Tweġibiet tal-fondi. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll tappoġġa t-tagħlim reċiproku bejn l-Istati Membri, tiġbor informazzjoni dwar l-azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri (55) b’mod partikolari permezz tan-networks iddedikati apposta għalhekk, bħan-Network Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi u l-Kumitat Konsultattiv dwar it-Taħriġ Vokazzjonali, u tipprovdi informazzjoni rilevanti lil dawk li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna permezz tal-ispazju web iddedikat apposta (56) u permezz tal-midja soċjali. Kull euro li jintefaq u kull sforz li jsir illum fl-iżvilupp uman ta’ nies li jkunu qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna huwa kontribut lejn il-futur tal-UE u tal-Ukrajna.
(1) L-aktar data reċenti miksuba min-Network tal-Mekkaniżmu tal-UE għat-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-Migrazzjoni (Blueprint).
(3) Kif stabbilit fil-Linji Gwida Operazzjonali u fil-Komunikazzjoni tat-23 ta’ Marzu, minbarra ċ-ċittadini Ukreni, l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 jipprevedi li nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi li jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali fl-Ukrajna u l-membri tal-familja tagħhom jenħtieġ li jingħataw protezzjoni temporanja jekk kienu residenti fl-Ukrajna qabel jew fl-24 ta’ Frar 2022. Għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li kienu jirrisjedu fl-Ukrajna qabel jew fl-24 ta’ Frar b’permess ta’ residenza permanenti u li ma jistgħux jirritornaw b’mod sikur lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom, l-Istati Membri għandhom japplikaw protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali tagħhom (l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill). L-Istati Membri jistgħu jagħtu wkoll protezzjoni temporanja lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi oħrajn li kienu residenti legalment fl-Ukrajna u li ma jistgħux jirritornaw (l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill). Kif stabbilit fil-Linji Gwida Operazzjonali, il-protezzjoni temporanja kif introdotta mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill iddum sena mid-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni, jiġifieri mill-4 ta’ Marzu 2022 sal-4 ta’ Marzu 2023, f’konformità mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/55/KE. Jekk, matul dan il-perjodu, il-Kunsill ma jiħux Deċiżjoni, fuq proposta mill-Kummissjoni, biex itemm il-protezzjoni temporanja, din tiġi estiża awtomatikament b’sitt xhur, jiġifieri sal-4 ta’ Settembru 2023, u għal darba oħra b’sitt xhur, jiġifieri sal-4 ta’ Marzu 2024.
(4) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Linji gwida operattivi għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2022/382 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja (ĠU C 126 I, 21.3.2022, p. 1).
(5) COM(2022) 131 final.
(6) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/554 tal-5 ta’ April 2022 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki għan-nies li qed jaħarbu mill-invażjoni tar-Russja tal-Ukrajna (ĠU L 107 I, 6.4.2022, p. 1).
(7) Kunsill Affarijiet Interni: Ten-Point Plan (europa.eu)
(8) Stabbilita mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikoli 24-27 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja.
(9) Informazzjoni għan-nies li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna | Il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu)
(10) Ukraine: final adoption of CARE | Fond Soċjali Ewropew Plus (europa.eu)
(11) Għadha għaddejja azzjoni ulterjuri f’dawn l-oqsma — ara pereżempju l-inizjattivi għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ 10 Punti, inkluża l-inizjattiva “Djar Sikuri”; dwar l-edukazzjoni, il-Kummissjoni ħejjiet Gwida ta’ politika dwar l-appoġġ għall-inklużjoni tar-refuġjati Ukrajni fl-edukazzjoni: kunsiderazzjonijiet, prinċipji ewlenin u prattiki (schooleducationgateway.eu).
(12) Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali | Il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu)
(13) COM(2020) 758 final.
(14) European Platform tackling undeclared work | L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (europa.eu)
(15) L-FSE ffinanzja wkoll proġetti bħal dawn. Ara pereżempju Integrazione migranti Progetto PIU’ SUPREME (lavoro.gov.it).
(16) EURES (europa.eu) huwa network Ewropew ta’ kooperazzjoni tas-servizzi tal-impjiegi, imfassal biex jiffaċilita l-moviment liberu tal-ħaddiema. Ara b’mod partikolari t-taqsima “xogħol u għajxien”.
(17) Sħubija Ewropea għall-Integrazzjoni (europa.eu) Is-Sħubija tinkludi l-Kummissjoni Ewropea u l-ħames organizzazzjonijiet tas-sħab soċjali u ekonomiċi (ETUC, Business Europe, SMEUnited, CEEP, Eurochambres). Mit-tnedija tas-Sħubija fl-2017, is-sħab soċjali u ekonomiċi implimentaw firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet fil-qasam tal-integrazzjoni tas-suq tax-xogħol f’aktar minn 20 pajjiż tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea kkofinanzjat diversi proġetti innovattivi biex tgħin lir-refuġjati u lil migranti oħra jintegraw fis-suq tax-xogħol. Il-Kummissjoni qiegħda taħdem mas-sħab soċjali u ekonomiċi biex issaħħaħ is-Sħubija Ewropea għall-Integrazzjoni u tkopri l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ persuni li qed jaħarbu mill-invażjoni Russa fl-Ukrajna.
(18) Il-Patt għall-Ħiliet huwa mudell ta’ impenn komuni għall-iżvilupp tal-ħiliet fl-Ewropa. Il-Kummissjoni qiegħda timmobilizza lill-partijiet ikkonċernati tal-Patt biex joffru taħriġ u opportunitajiet ta’ impjieg konkreti għal dawk li jaħarbu mill-invażjoni Russa fl-Ukrajna.
(19) Skills-OVATE | CEDEFOP (europa.eu)
(20) Analysis of shortage and surplus occupations 2021 | L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (europa.eu)
(21) Paġna ewlenija | L-Għodda tal-Politika dwar Intraprenditorija Aħjar: żviluppata mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi u l-Kummissjoni hija għodda online mfassla għal dawk li jfasslu l-politika u għal partijiet interessati oħra fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali li jixtiequ jesploraw kif il-politika pubblika tista’: tappoġġa liż-żgħażagħ, lin-nisa, lill-migranti u lill-persuni qiegħda fil-ħolqien tan-negozju u fl-impjieg indipendenti; tappoġġa l-iżvilupp ta’ intrapriżi soċjali.
(22) Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ (erasmus-entrepreneurs.eu): dan jgħin biex jipprovdi lill-imprendituri Ewropej aspiranti bil-ħiliet meħtieġa biex jibdew u/jew biex imexxu b’suċċess negozju żgħir fl-Ewropa.
(23) Network Ewropa għall-Intrapriża (europa.eu): dan jgħin lin-negozji jinnovaw u jikbru fuq skala internazzjonali. Huwa l-akbar network ta’ appoġġ fid-dinja għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs).
(24) Ara pereżempju In-Notifika ta’ Twissija Bikrija — Gwerra fl-Ukrajna: refugees arriving to the EU from Ukraine at risk of exploitation as part of THB | Europol (europa.eu)
(25) COM(2021) 171 final.
(26) A new Anti-Trafficking Plan to protect people fleeing the war in Ukraine (europa.eu)
(27) Eżempji ta’ proġetti: is-sit web tal-FSE, is-sit web tal-FSE+ u s-sit web Ewropew dwar l-Integrazzjoni. L-aktar eżempji reċenti ta’ prattika tajba dwar l-integrazzjoni tar-refuġjati u l-migranti huma miġbura fil-qosor fir-rapporti finali u tematiċi mill-Konferenzi ta’ Apprendiment Reċiproku 2021, 2020 u 2019.
(28) Forwork
(29) FAB
(30) Labour-INT
(31) Stark im Beruf
(32) Mirjam
(33) CIAO
(34) Profil tal-Ħiliet (europa.eu): din l-għodda multilingwi hija maħsuba għall-użu minn organizzazzjonijiet li joffru assistenza lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Din tgħin biex jiġu identifikati l-ħiliet, il-kwalifiki u l-esperjenzi tax-xogħol taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u biex jingħatawlhom pariri personalizzati dwar passi ulterjuri, eż. riferiment għar-rikonoxximent ta’ diplomi, validazzjoni tal-ħiliet, taħriġ ulterjuri jew servizzi ta’ appoġġ għall-impjiegi.
(35) Paġna ewlenija (europa.eu): L-ESCO hija l-klassifikazzjoni multilingwi Ewropea tal-Ħiliet, il-Kompetenzi u l-Impjiegi. Taħdem bħal dizzjunarju li jiddeskrivi, jidentifika u jikklassifika l-impjiegi u l-ħiliet professjonali rilevanti għas-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ fl-UE.
(36) Paġna ewlenija |L-Europass: huwa sett ta’ għodod online li jgħin fil-ħolqien ta’ CVs u ta’ ittri ta’ akkumpanjament, u jgħin ukoll lill-utenti jsibu impjiegi u korsijiet fl-UE.
(37) Il-passi għat-tnedija tal-proġett pilota huma stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “L-attrazzjoni tal-ħiliet u t-talent lejn l-UE”, 27 ta’ April 2022 (COM (2022) 657 final).
(38) Bħall-Ministeru tal-Edukazzjoni, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Kwalifiki, l-Aġenzija Nazzjonali għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja, iċ-Ċentru ENIC NARIC.
(39) Informazzjoni dwar l-edukazzjoni u x-xogħol għall-Ukreni u l-pajjiżi tal-UE | ETF (europa.eu)
(40) Enic-Naric: in-network ENIC-NARIC (Network Ewropew ta’ Ċentri ta’ Informazzjoni fir-Reġjun Ewropew-Ċentri Nazzjonali ta’ Informazzjoni dwar ir-Rikonoxximent Akkademiku fl-Unjoni Ewropea) żviluppa l-proġett Erasmus+ Q-entry, bażi tad-data li tkopri l-Istati Membri u l-pajjiżi mhux tal-UE u tipprovdi informazzjoni dwar il-kwalifiki tat-tluq mill-iskola filwaqt li tagħti aċċess għall-edukazzjoni għolja.
(41) CVDC | Site de la validation des compétences (validationdescompetences.be)
(42) Riżultati preliminari: Stħarriġ dwar l-integrazzjoni tar-refujati Ukreni fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (VET) - Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Inklużjoni - Il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu)
(43) Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2018 dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi (ĠU C 153, 2.5.2018, p. 1).
(44) Il-Kummissarju Schmit iżur proġetti ffinanzjati mill-FSE fir-Rumanija li jgħinu lir-refuġjati mill-Ukrajna | Fond Soċjali Ewropew Plus (europa.eu)
(45) Għajnuna u taħriġ lill-immigranti fiċ-Ċentru tal-Ħiliet ta’ Omnia| Omnia
(46) Noħolqu perkorsi biex l-immigranti jsibu xogħol permezz tat-tagħlim tal-lingwi | Fond Soċjali Ewropew Plus (europa.eu)
(47) Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.) u r-Regolament (UE) Nru 223/2014 dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (ĠU L 72, 12.3.2014, p. 1).
(48) Għall-perjodu kontabilistiku li jibda fl-1 ta’ Lulju 2021 u jintemm fit-30 ta’ Ġunju 2022.
(49) Żieda mal-prefinanzjament inizjali REACT-EU ta’ 11 % sa 15 % għall-Istati Membri kollha, u sa 45 % għall-Istati Membri l-aktar esposti (HU, PL, RO, SK) u dawk bl-akbar għadd ta’ wasliet meta mqabbla mal-popolazzjoni tagħhom (aktar minn 1 % tal-popolazzjoni tagħhom fit-23 ta’ Marzu: AT, BG, CZ, EE, LT).
(50) Ukraine: making it easier and quicker for Member States to use cohesion funding to support immediate needs of refugees | Il-Fond Soċjali Ewropew Plus (europa.eu). Dan se japplika għal dawk kollha li ngħataw protezzjoni temporanja skont id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, li għandha tintuża sa 13-il ġimgħa wara l-wasla tagħhom.
(51) Ir-Regolament (UE) 2022/585, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 514/2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet, (UE) Nru 516/2014 li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u (UE) 2021/1147 li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni.
(52) Din hija paġna web semipubblika, primarjament iżda mhux esklussivament aċċessibbli għall-awtoritajiet tal-programm.
(53) Ir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi Strument ta’ Appoġġ Tekniku.
(54) Il-Kummissjoni ppubblikat “Sett ta’ għodod dwar l-użu tal-fondi tal-UE għall-integrazzjoni ta’ persuni bi sfond ta’ migrazzjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021–2027” biex trawwem l-użu tal-FEŻR, l-FSE + u l-AMIF b’mod komplementari għall-integrazzjoni ta’ persuni bi sfond ta’ migrazzjoni.
(55) L-użu ta’ stħarriġ u attivitajiet ta’ monitoraġġ ulterjuri bħal dawk imwettqa mill-aġenziji Eurofound, Cedefop u ETF.
(56) Informazzjoni għan-nies li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna | Il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu)