This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52022XC0321(03)
Communication from the Commission on Operational guidelines for the implementation of Council implementing Decision 2022/382 establishing the existence of a mass influx of displaced persons from Ukraine within the meaning of Article 5 of Directive 2001/55/EC, and having the effect of introducing temporary protection 2022/C 126 I/01
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Linji gwida operattivi għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2022/382 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja 2022/C 126 I/01
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Linji gwida operattivi għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2022/382 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja 2022/C 126 I/01
C/2022/1806
ĠU C 126I, 21.3.2022, p. 1–16
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
21.3.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CI 126/1 |
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI
dwar Linji gwida operattivi għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2022/382 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja
(2022/C 126 I/01)
Fl-4 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja (id-Deċiżjoni tal-Kunsill) (1). Hija daħlet fis-seħħ fl-istess jum.
Abbażi tal-mistoqsijiet reċenti mill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill u d-Direttiva 2001/55/KE (id-“Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja”), il-Kummissjoni identifikat għadd ta’ kwistjonijiet li dwarhom issibha utli li tipprovdi gwida lill-Istati Membri. Dawn il-kwistjonijiet huma koperti mil-linji gwida annessi, bħall-kamp ta’ applikazzjoni (persuni koperti/mhux koperti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill, membri tal-familja), u kif għandhom jiġu ttrattati t-tfal, inklużi minorenni mhux akkumpanjati. L-Anness ikopri wkoll il-kwistjoni tad-dritt tal-moviment liberu bejn l-Istati Membri, ir-reġistrazzjoni u l-għoti ta’ informazzjoni.
Din hija sitwazzjoni li hija ta’ sfida kbira għall-Istati Membri. L-iskala tal-isfida hija kbira ħafna billi diġà waslu kważi tliet miljun persuna. Din is-sitwazzjoni qed tevolvi kuljum. Din il-gwida jeħtieġ li tkun kapaċi żżomm il-pass mal-iżviluppi u għalhekk se teħtieġ aġġornamenti fid-dawl tal-esperjenzi tal-Istati Membri hekk kif jitfaċċaw.
Il-linji gwida huma għalhekk maħsuba bħala dokument ħaj u se jkollhom jiġu aġġornati regolarment abbażi ta’ mistoqsijiet ġodda li jaslu mingħand l-Istati Membri, biex jirriflettu s-sitwazzjoni fil-post u jqisu l-ħtiġijiet li qed jevolvu tal-Istati Membri. Dawn il-linji gwida jistgħu jiġu segwiti minn rakkomandazzjonijiet aktar speċifiċi dwar suġġetti partikolari. Il-Kummissjoni beħsiebha wkoll taġġorna regolarment il-paġna web iddedikata dwar l-informazzjoni għan-nies li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna bi kwalunkwe gwida addizzjonali li tista’ tkun meħtieġa mill-Istati Membri. Bl-istess mod, il-Kummissjoni beħsiebha tiltaqa’ mal-Istati Membri fuq bażi ta’ kull xahar biex tiddiskuti kwistjonijiet relatati mal-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill u d-Direttiva 2001/55/KE.
Il-Kummissjoni waqqfet “Pjattaforma ta’ Solidarjetà” bil-ħsieb li tikkoordina r-rispons operazzjonali fost l-Istati Membri skont l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill. Hija se taħdem flimkien man-Netwerk tal-UE għat-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-Migrazzjoni (il-Blueprint) imsemmi fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, b’kont meħud tal-informazzjoni riċevuta f’dak in-Netwerk. Il-Pjattaforma ta’ Solidarjetà se tiġbor informazzjoni u teżamina l-ħtiġijiet identifikati fl-Istati Membri u tikkoordina s-segwitu operazzjonali b’rispons għal dawn il-ħtiġijiet.
Il-Pjattaforma ta’ Solidarjetà se tiffaċilita l-mobilizzazzjoni tal-istrumenti rilevanti tal-UE, tikkoordina t-tlaqqigħ tal-offerti għas-solidarjetà mal-ħtiġijiet identifikati u tikkoordina t-trasferiment ta’ persuni fuq livell ġenerali bejn l-Istati Membri u, fejn xieraq, lejn pajjiżi terzi, f’kooperazzjoni mal-aġenziji tal-UE u atturi rilevanti oħra.
L-Istati Membri ħatru żewġ persuni, waħda li se tkun il-punt ta’ kuntatt nazzjonali b’kapaċità ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u oħra fil-livell operattiv. L-informazzjoni kollha relatata mal-Pjattaforma ta’ Solidarjetà kif ukoll kwalunkwe mistoqsija addizzjonali fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar dawn il-Linji Gwida jenħtieġ li tintbagħat lill-kaxxa postali funzjonali ddedikata diġà kkomunikata lill-Istati Membri.
Fl-2020, il-Kummissjoni adottat, bħala parti integrali mill-proposti tal-Patt, rakkomandazzjoni għal Blueprint tal-UE għat-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji. L-objettiv tiegħu huwa li jipprovdi qafas operazzjonali għall-monitoraġġ u l-antiċipazzjoni tal-flussi migratorji u s-sitwazzjonijiet ta’ migrazzjoni, il-bini tar-reżiljenza, kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ rispons sitwazzjonali għal kriżi tal-migrazzjoni.
Mill-bidu ta’ Jannar 2022, il-Kummissjoni kienet qed taħdem mill-qrib ħafna mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, l-aġenziji rilevanti tal-UE u l-Istati Membri skont il-qafas tan-Netwerk tal-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-Migrazzjoni biex tistabbilixxi ħarsa ġenerali lejn il-livell ta’ tħejjija għal kriżi potenzjali. Sa mill-bidu tal-gwerra fl-Ukrajna, in-Netwerk iltaqa’ darbtejn fil-ġimgħa u kkomunika kontinwament kuljum rapporti ta’ għarfien tas-sitwazzjoni kondiviżi, sabiex jiżgura rispons ta’ kontinġenza kkoordinat għall-isfidi tal-migrazzjoni kkawżati minn avvenimenti bħal dawn.
Din il-ħidma hija kkoordinata bis-sħiħ mar-Rispons Politiku Integrat f’Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi (IPCR) u r-rapport tal-Blueprint huwa inkluż fir-rapport ta’ kull ġimgħa tal-Analiżi Integrata tal-Għarfien tas-Sitwazzjoni (ISAA).
Il-Blueprint se jkompli jikkondividi informazzjoni dwar is-sitwazzjoni u jikkonsolida l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni relatata mal-invażjoni Russa tal-Ukrajna, inkluż dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2001/55/KE.
Dawn il-linji gwida għandhom l-għan li jgħinu lill-Istati Membri japplikaw id-Deċiżjoni tal-Kunsill u d-Direttiva 2001/55/KE (2) (id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja) u liġi applikabbli oħra tal-UE. Huma jikkomplementaw il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Marzu 2022 li tipprovdi linji gwida operazzjonali għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni biex jiġi ffaċilitat il-qsim tal-fruntieri fil-fruntieri bejn l-UE u l-Ukrajna (3).
1. PERSUNI KOPERTI MINN PROTEZZJONI TEMPORANJA
Persuni intitolati għal protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2022/382 (“id-Deċiżjoni tal-Kunsill”)
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tistabbilixxi fl-Artikolu 2(1) u 2(2) il-gruppi speċifiċi ta’ persuni li għalihom għandha tapplika l-protezzjoni temporanja jew il-protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali:
Skont l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, il-protezzjoni temporanja kif prevista fid-Direttiva 2001/55/KE tapplika għal
(1) |
Ċittadini Ukreni residenti fl-Ukrajna li ġew spostati fl-24 ta’ Frar 2022 jew wara u l-membri tal-familja tagħhom; |
(2) |
Persuni apolidi, u ċittadini ta’ pajjiżi terzi għajr l-Ukrajna, li bbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali jew protezzjoni nazzjonali ekwivalenti fl-Ukrajna qabel l-24 ta’ Frar 2022 u li ġew spostati mill-Ukrajna fl-24 ta’ Frar 2022 jew wara, u l-membri tal-familja tagħhom. |
Skont l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, protezzjoni temporanja kif prevista fid-Direttiva 2011/55/KE jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali tal-Istati Membri għandha tapplika għal persuni apolidi u ċittadini ta’ pajjiżi terzi minbarra l-Ukrajna li jistgħu jippruvaw li kienu legalment residenti fl-Ukrajna qabel l-24 ta’ Frar 2022 fuq il-bażi ta’ permess ta’ residenza permanenti validu maħruġ f’konformità mal-liġi tal-Ukrajna, u li ma jistgħux jirritornaw f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema lejn il-pajjiż tagħhom [ta’ oriġini] jew reġjun [fil-pajjiż tagħhom] ta’ oriġini.
Xi tfisser “protezzjoni adegwata” skont il-liġi nazzjonali kif previst fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill?
“Protezzjoni adegwata” skont il-liġi nazzjonali hija msemmija fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill bħala alternattiva possibbli li tista’ tiġi offruta mill-Istati Membri għall-protezzjoni temporanja u għalhekk ma għandhiex tinvolvi benefiċċji identiċi għal dawk marbuta mal-protezzjoni temporanja kif previst fid-Direttiva 2001/55/KE. Madankollu, meta jimplimentaw id-Deċiżjoni tal-Kunsill, l-Istati Membri jridu jirrispettaw il-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-ispirtu tad-Direttiva 2001/55/KE. Ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem u għalhekk standard ta’ għajxien dinjituż (bħad-drittijiet ta’ residenza, aċċess għal mezzi ta’ sussistenza u akkomodazzjoni, kura ta’ emerġenza u kura adegwata għall-minorenni) għandu jiġi żgurat fir-rigward ta’ kulħadd.
Xi tfisser “protezzjoni nazzjonali ekwivalenti” fl-Ukrajna skont l-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill?
Il-Kummissjoni tqis li “protezzjoni nazzjonali ekwivalenti” fl-Ukrajna hija alternattiva għall-protezzjoni internazzjonali u tkopri forom oħra ta’ protezzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Ukreni bħall-protezzjoni temporanja jew il-protezzjoni umanitarja. Il-Kummissjoni bħalissa qed tiġbor informazzjoni mill-awtoritajiet Ukreni dwar il-forom ta’ protezzjoni skont il-liġi Ukrena u d-dokumenti maħruġa mill-awtoritajiet Ukreni lill-benefiċjarji ta’ tali forom ta’ protezzjoni. Mill-informazzjoni preliminari li waslet, id-dokumenti maħruġa mill-Ukrajna huma: “dokument tal-ivvjaġġar għal persuni mogħtija protezzjoni komplementari”, “dokument tal-ivvjaġġar ta’ persuna apolida”, u “ċertifikat għal persuni mogħtija protezzjoni komplementari”.
Evidenza li wieħed ikun intitolat għal protezzjoni temporanja kif previst fid-Direttiva 2001/55/KE jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill introduċiet protezzjoni temporanja immedjata għall-kategoriji ta’ persuni elenkati fl-Artikolu 2(1) u (2). Ma hemm l-ebda proċess ta’ applikazzjoni għal protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali. Għalhekk, il-persuna kkonċernata, meta tippreżenta lilha nnifisha lill-awtoritajiet biex tapprofitta mid-drittijiet marbuta mal-protezzjoni temporanja jew mal-protezzjoni adegwata, ikollha turi biss in-nazzjonalità tagħha, l-istatus ta’ protezzjoni internazzjonali jew ekwivalenti tagħha, ir-residenza fl-Ukrajna jew ir-rabta familjari kif xieraq. Id-dritt għal protezzjoni temporanja huwa immedjat. Madankollu, biex jiġu żgurati l-amministrazzjoni u r-reġistrazzjoni xierqa tal-individwu kkonċernat, l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li jissodisfa ċerti rekwiżiti bħal formola ta’ reġistrazzjoni u li jippreżenta evidenza kif previst fid-Deċiżjoni tal-Kunsill.
Wieħed mill-għanijiet tal-protezzjoni temporanja huwa li jiġi żgurat proċess rapidu billi jitnaqqsu kemm jista’ jkun il-formalitajiet. Kif imsemmi fil-Premessa 12 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, dawk li jfittxu li jibbenefikaw mill-protezzjoni jenħtieġ li jkunu jistgħu jagħtu prova li huma intitolati għal protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali billi jippreżentaw id-dokumenti rilevanti lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru kkonċernat.
Dan jista’ jinkludi evidenza dokumentarja li tista’ tgħin:
— |
l-istabbiliment tal-identità u r-residenza; |
— |
l-attestazzjoni tar-relazzjoni familjari jew l-għaqda tal-familja u d-dipendenza mal-qraba stretti. |
Fil-każ li d-dokumenti ppreżentati jkunu skadew, l-Istati Membri huma mħeġġa jikkunsidrawhom bħala evidenza tal-identità jew tal-istatus ta’ residenza tal-persuna kkonċernata.
Jekk l-Istati Membri jkollhom dubji dwar l-awtentiċità tad-dokumenti, jew jekk il-persuna ma jkollhiex fil-pussess tagħha d-dokumenti msemmija hawn fuq, l-awtoritajiet Ukreni fl-Istati Membri jistgħu jiġu kkuntattjati għall-appoġġ jew biex jiċċertifikaw jekk/fejn possibbli ċ-ċittadinanza Ukrena tal-persuna jew l-istatus ta’ residenza tagħha fl-Ukrajna.
Meta persuna ma tkunx tista’ tippreżenta d-dokumenti rilevanti u l-Istati Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jiddeterminaw malajr jekk il-persuna kkonċernata hijiex intitolata għal protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-persuna tiġi diretta mill-ġdid lejn il-proċedura tal-ażil. Bl-istess mod, persuni li jiddikjaraw li ma jistgħux jirritornaw b’mod sikur lejn il-pajjiż/reġjun ta’ oriġini tagħhom iżda l-proċess biex jiġi ddeterminat l-intitolament għal protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali jsir kumpless wisq, jenħtieġ li fi kwalunkwe każ jiġu diretti mill-ġdid lejn il-proċedura tal-ażil.
Lista indikattiva ta’ dokumenti li jagħtu prova taċ-ċittadinanza Ukrena anki jekk il-perjodu ta’ validità jkun skada:
— |
passaporti ta’ kull tip (passaporti nazzjonali, passaporti diplomatiċi, passaporti tas-servizz, passaporti kollettivi u passaporti surrogati inklużi l-passaporti tat-tfal), |
— |
karti tal-identità nazzjonali (inklużi dawk temporanji u proviżorji); |
— |
kotba tas-servizz militari u karti tas-servizz militari; |
— |
kotba tar-reġistrazzjoni tal-baħħara, karti tas-servizz tal-kaptani u passaporti tal-baħħara; |
— |
ċertifikati taċ-ċittadinanza; kif ukoll |
— |
dokumenti uffiċjali oħra li jsemmu jew jindikaw iċ-ċittadinanza. |
Xi tfisser “ma tistax tirritorna f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema lejn il-pajjiż jew ir-reġjun ta’ oriġini” fl-Artikoli 2 (2) u 2(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill?
L-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill jobbliga lill-Istati Membri biex japplikaw jew din id-Deċiżjoni jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali tagħhom, fir-rigward ta’ persuni apolidi, u nazzjonali ta’ pajjiżi terzi għajr l-Ukrajna, li jistgħu jippruvaw li kienu legalment residenti fl-Ukrajna qabel l-24 ta’ Frar 2022 fuq il-bażi ta’ permess ta’ residenza permanenti validu maħruġ f’konformità mal-liġi tal-Ukrajna, u li ma jistgħux jirritornaw f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema lejn il-pajjiż jew ir-reġjun ta’ oriġini tagħhom. L-Artikolu 2(3) jistipula li l-Istati Membri jistgħu japplikaw ukoll din id-Deċiżjoni għal persuni oħra, inkluż għal persuni apolidi u għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi għajr l-Ukrajna, li kienu jirrisjedu legalment fl-Ukrajna u li ma jistgħux jirritornaw f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema lejn il-pajjiż jew ir-reġjun ta’ oriġini tagħhom.
Ir-ritorn lejn il-pajjiż jew ir-reġjun ta’ oriġini f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema mhuwiex definit fid-Direttiva 2001/55/KE jew fid-Deċiżjoni tal-Kunsill. Il-Kummissjoni tqis li dan huwa kunċett sui generis għad-Direttiva.
Ir-referenza għall-inabbiltà li wieħed jirritorna f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema għall-pajjiż jew ir-reġjun ta’ oriġini tiegħu jenħtieġ li tinqara fid-dawl tal-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2001/55/KE li jirreferi speċifikament għal sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat jew vjolenza endemika u riskju serju ta’ ksur sistematiku jew ġeneralizzat tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż ta’ oriġini. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2011/55/KE jipprevedi li biex tiġi fi tmiemha l-protezzjoni temporanja, is-sitwazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja trid tkun tali li tippermetti r-ritorn sikur u dejjiemi ta’ dawk li jingħataw protezzjoni temporanja bir-rispett dovut għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-obbligu tal-Istati Membri rigward in-non-refoulement (4).
F’dan ir-rigward, l-inabbiltà ta’ “ritorn f’kundizzjonijiet sikuri” tista’ tirriżulta, pereżempju, minn riskju ovvju għas-sikurezza tal-persuna kkonċernata, sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat jew vjolenza endemika, riskji dokumentati ta’ persekuzzjoni jew trattament jew kastig ieħor inuman jew degradanti.
Sabiex ir-ritorn ikun “dejjiemi”, il-persuna kkonċernata jenħtieġ li tkun tista’ tgawdi f’pajjiżha jew fir-reġjun ta’ oriġini tagħha drittijiet attivi, li jippermettu li dik il-persuna jkollha prospetti biex il-ħtiġijiet bażiċi jiġu indirizzati fil-pajjiż/fir-reġjun ta’ oriġini tagħha, u l-possibbiltà li tintegra mill-ġdid fis-soċjetà.
Meta jiġi ddeterminat jekk ir-ritorn huwiex “f’kundizzjonijiet sikuri u durabbli”, l-Istati Membri jenħtieġ li jibbażaw ruħhom fuq is-sitwazzjoni ġenerali fil-pajjiż jew fir-reġjun ta’ oriġini. Minkejja dan, il-persuna kkonċernata jenħtieġ li tkun kapaċi tagħti prova/tipprovdi evidenza prima facie fil-livell individwali li ma tistax tirritorna f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema lejn il-pajjiż jew ir-reġjun ta’ oriġini tagħha. F’dak il-kuntest, l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu jekk il-persuna kkonċernata għadx għandha rabta sinifikanti mal-pajjiż ta’ oriġini tagħha, filwaqt li jikkunsidraw pereżempju ż-żmien li qattgħet tirrisjedi fl-Ukrajna jew il-familja fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha. Jenħtieġ li tingħata wkoll kunsiderazzjoni xierqa lill-ħtiġijiet partikolari ta’ persuni u ta’ tfal vulnerabbli, b’mod partikolari minorenni mhux akkumpanjati u orfni, abbażi tal-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal.
Membri tal-familja intitolati għal protezzjoni temporanja u possibbiltajiet oħra ta’ riunifikazzjoni tal-familja
Il-membri tal-familja tal-persuni msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) jaqgħu wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, fejn il-familji tagħhom kienu diġà jirrisjedu fl-Ukrajna qabel l-24 ta’ Frar 2022, fid-dawl tal-importanza li tiġi ppreservata l-unità tal-familja u biex jiġu evitati statuses diverġenti fost il-membri tal-istess familja.
Il-kategoriji ta’ persuni li ġejjin huma kkunsidrati bħala membri tal-familja għall-finijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill:
(a) |
il-konjuġi tal-persuna koperta minn protezzjoni temporanja, jew is-sieħeb mhux miżżewweġ f’relazzjoni stabbli, fejn il-leġiżlazzjoni jew il-prattika tal-Istat Membru kkonċernat tittratta koppji mhux miżżewġa b’mod komparabbli ma’ koppji miżżewġa skont il-liġi nazzjonali tiegħu dwar il-barranin — li tista’ tiġi ppruvata minn dokumenti u ċertifikati tar-reġistru rilevanti jew minn kwalunkwe dokument ieħor maħruġ mill-awtoritajiet Ukreni, anki attestazzjonijiet ipprovduti mir-rappreżentanza tal-pajjiż f’dak l-Istat Membru; |
(b) |
it-tfal minorenni mhux miżżewġa tal-persuna msemmija hawn fuq koperta minn protezzjoni temporanja, jew tal-konjuġi tagħha, mingħajr distinzjoni dwar jekk twildux fiż-żwieġ jew barra ż-żwieġ jew adottati — li tista’ tiġi ppruvata permezz ta’ ċertifikati tat-twelid jew simili; |
(c) |
qraba stretti oħra li għexu flimkien bħala parti mill-unità tal-familja fiż-żmien taċ-ċirkostanzi tal-wasliet tal-massa ta’ persuni spostati, u li kienu kompletament jew prinċipalment dipendenti fuq il-persuna msemmija hawn fuq koperta minn protezzjoni temporanja - li tista’ tiġi ppruvata permezz ta’ dokumenti ta’ residenza, reġistru tal-familja u prova ta’ pagamenti ta’ kura rilevanti. L-Istati Membri jenħtieġ li “jużaw il-marġni ta’ apprezzament tagħhom bl-aktar mod umanitarju” (5). |
Ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/55/KE huma partikolarment rilevanti għall-membri tal-familja: L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2001/55/KE dwar ir-riunifikazzjoni tal-membri tal-familja li jgawdu minn protezzjoni temporanja fi Stati Membri differenti (il-paragrafu 2), il-kunsiderazzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal (il-paragrafu 4), is-solidarjetà fir-rigward tat-trasferimenti għall-fini tar-riunifikazzjoni tal-familja (il-paragrafu 5), il-ħruġ u l-irtirar ta’ dokumenti wara r-riunifikazzjoni (il-paragrafu 6), il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni (il-paragrafi 6 u 7) japplikaw.
Il-Kummissjoni tenfasizza li, fil-każ ta’ persuni apolidi u ċittadini ta’ pajjiżi terzi minbarra l-Ukrajna, li jistgħu jippruvaw li kienu legalment residenti fl-Ukrajna qabel l-24 ta’ Frar 2022 fuq il-bażi ta’ permess ta’ residenza permanenti validu maħruġ f’konformità mal-liġi tal-Ukrajna, u li ma jistgħux jirritornaw f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema lejn il-pajjiż jew ir-reġjun ta’ oriġini tagħhom, il-membri tal-familja tagħhom mhumiex intitolati għal protezzjoni temporanja jew protezzjoni nazzjonali adegwata skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill. Għalkemm id-Deċiżjoni tal-Kunsill ma teħtieġx li l-membri tal-familja ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 2(2) jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja kif previst fid-Direttiva 2001/55/KE jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali tal-Istati Membri, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jestendu l-applikazzjoni ta’ protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali għall-membri tal-familja ta’ dawk il-persuni.
Barra minn hekk, kemm il-persuni intitolati għal protezzjoni temporanja kif ukoll dawk li mhumiex jistgħu jibbenefikaw ukoll minn:
— |
ir-riunifikazzjoni tal-familja skont id-Direttiva 2003/86/KE, jekk ikunu membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz residenti legalment fi Stat Membru u jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dik id-Direttiva; |
— |
id-drittijiet stabbiliti fid-Direttiva 2004/38/KE jekk ikunu membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu jew tagħha. |
L-akkwist ta’ drittijiet skont id-Direttiva 2003/86/KE, id-Direttiva 2004/38/KE jew il-liġi nazzjonali tal-Istati Membri kkonċernati ma jistax iwassal għat-telf tal-protezzjoni temporanja għal dawk li huma intitolati għaliha. Soġġett għall-issodisfar kontinwu tal-kundizzjonijiet rilevanti, dawn id-drittijiet ta’ residenza xorta waħda jippermettu lil dawn il-persuni jkomplu jirrisjedu legalment fl-Istat Membru kkonċernat wara li tintemm il-protezzjoni temporanja f’konformità mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/55/KE.
Persuni li mhumiex intitolati għal protezzjoni temporanja jew protezzjoni nazzjonali adegwata skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill u l-possibbiltà li tiġi estiża l-protezzjoni temporanja għal din il-kategorija ta’ persuni (l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja)
Il-kategoriji li ġejjin ta’ persuni spostati fil-prinċipju mhumiex intitolati għal protezzjoni temporanja kif previst fid-Direttiva 2001/55/KE jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali:
(1) |
Ċittadini Ukreni, residenti fl-Ukrajna li ġew spostati mill-Ukrajna qabel l-24 ta’ Frar 2022 jew li sabu ruħhom barra l-Ukrajna qabel din id-data, pereżempju minħabba xogħol, studju, vaganzi, żjarat tal-familja jew mediċi jew raġunijiet oħra; |
(2) |
persuni apolidi jew ċittadini ta’ pajjiżi terzi minbarra l-Ukrajna, li kienu qed jibbenefikaw fl-Ukrajna minn status ta’ protezzjoni internazzjonali jew protezzjoni ekwivalenti ta’ refuġjati mill-Ukrajna qabel l-24 ta’ Frar 2022 u li ġew spostati mill-Ukrajna qabel l-24 ta’ Frar 2022 jew li sabu ruħhom barra l-Ukrajna, pereżempju minħabba xogħol, studju, btajjel, żjarat familjari jew mediċi jew raġuni oħra qabel dik id-data; |
(3) |
persuni apolidi, u ċittadini ta’ pajjiżi terzi minbarra l-Ukrajna, li jistgħu jagħtu prova li kienu legalment residenti fl-Ukrajna qabel l-24 ta’ Frar 2022 fuq il-bażi ta’ permess ta’ residenza permanenti validu maħruġ f’konformità mal-liġi tal-Ukrena, u li jistgħu jirritornaw f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema lejn il-pajjiż jew ir-reġjun ta’ oriġini tagħhom. |
Barra minn hekk, il-kategoriji li ġejjin ta’ persuni spostati ukoll mhumiex intitolati għal protezzjoni temporanja kif previst fid-Direttiva 2001/55/KE jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali:
(4) |
persuni apolidi, u ċittadini ta’ pajjiżi terzi minbarra l-Ukrajna, li jirrisjedu legalment fl-Ukrajna fuq bażi ta’ żmien qasir qabel l-24 ta’ Frar 2022, bħal studenti u ħaddiema, u li ma jistgħux jirritornaw f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema lejn il-pajjiż jew ir-reġjun ta’ oriġini tagħhom; |
(5) |
persuni apolidi, u ċittadini ta’ pajjiżi terzi minbarra l-Ukrajna, li jirrisjedu legalment fl-Ukrajna fuq bażi ta’ żmien qasir qabel l-24 ta’ Frar 2022, bħal studenti u ħaddiema, u li jistgħu jirritornaw f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema lejn il-pajjiż jew ir-reġjun ta’ oriġini tagħhom; |
Madankollu, f’konformità mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2001/55/KE, l-Istati Membri jistgħu jestendu l-protezzjoni temporanja kif previst fid-Direttiva għal kategoriji addizzjonali ta’ persuni spostati lil hinn minn dawk li għalihom tapplika d-Deċiżjoni tal-Kunsill, fejn jiġu spostati għall-istess raġunijiet u mill-istess pajjiż jew reġjun ta’ oriġini, u jinnotifikaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni minnufih. L-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill jirreferi speċifikament f’dak ir-rigward għal persuni oħra, inklużi persuni apolidi u ċittadini ta’ pajjiżi terzi minbarra l-Ukrajna, li kienu residenti fl-Ukrajna u li ma jistgħux jirritornaw f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.
F’konformità mal-Premessa 14 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, il-Kummissjoni tħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri biex jikkunsidraw li jestendu l-protezzjoni temporanja b’mod partikolari għal dawk li ħarbu mill-Ukrajna mhux ħafna qabel l-24 ta’ Frar 2022 (persuni elenkati fil-punti 1 u 2 hawn fuq) hekk kif żdiedu t-tensjonijiet jew li sabu ruħhom fit-territorju tal-Unjoni jew ta’ pajjiż terz ieħor (pereż. waqt vaganzi jew għal raġunijiet ta’ xogħol jew familja) ftit qabel din id-data u li, bħala riżultat tal-kunflitt armat, ma jistgħux jirritornaw lejn l-Ukrajna.
Dan għaliex dawn il-persuni fi kwalunkwe każ ma jkunux jistgħu jirritornaw lejn l-Ukrajna bħala l-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ rifuġju tagħhom fil-kuntest attwali. L-alternattiva hija li jingħatalhom aċċess immedjat għall-proċeduri tal-ażil u li l-każijiet tagħhom jingħataw prijorità billi dawn il-persuni jeħtieġu protezzjoni immedjata bl-istess mod kif jeħtieġu l-Ukreni li ħarbu mill-24 ta’ Frar.
L-għoti ta’ protezzjoni temporanja jkun ukoll ta’ vantaġġ għall-Istat Membru fid-dawl tas-sempliċità tal-proċedura, u b’hekk ikompli jitnaqqas ir-riskju ta’ piż żejjed fuq is-sistema tal-ażil.
Barra minn hekk, fir-rigward ta’ persuni apolidi u ċittadini ta’ pajjiżi terzi minbarra l-Ukrajna, li jistgħu jippruvaw li kienu legalment residenti fl-Ukrajna qabel l-24 ta’ Frar 2022 fuq il-bażi ta’ permess ta’ residenza permanenti validu (persuni elenkati taħt il-punt 3 hawn fuq) maħruġ f’konformità mal-liġi Ukrena, kif imsemmi hawn fuq (fit-taqsima msemmija fuq il-kundizzjoni “sikuri u dejjiema”) l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li dawn il-persuni għandhom rabtiet prima facie aktar sinifikanti mal-Ukrajna milli mal-pajjiż jew ir-reġjun ta’ oriġini u b’hekk l-Ukrajna hija d-dar tagħhom. Dan huwa aktar u aktar il-każ għal persuni apolidi li skont id-definizzjoni ma għandhomx pajjiż ta’ oriġini biex jirritornaw lejh.
Fi kwalunkwe każ, kif imsemmi fil-Premessa 13, persuni li mhumiex intitolati għal protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali u li jistgħu jirritornaw f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, jenħtieġ li jiġu ammessi fl-Unjoni, anki meta ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet kollha ta’ dħul stabbiliti mill-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, sabiex jiġi żgurat passaġġ sikur bil-ħsieb li jirritornaw lejn il-pajjiż jew ir-reġjun ta’ oriġini tagħhom. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jikkooperaw b’mod proattiv mal-pajjiżi terzi kkonċernati fid-dawl tar-ripatrijazzjoni sikura taċ-ċittadini ta’ dawn tal-aħħar. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ persuni li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill li jaċċessaw il-proċedura tal-ażil.
L-Istati Membri jenħtieġ li jinnotifikaw minnufih lill-Kunsill u lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2001/55/KE jekk ikunu estendew l-applikazzjoni tal-protezzjoni temporanja lil hinn minn dak li huwa meħtieġ mid-Deċiżjoni tal-Kunsill. Il-Kummissjoni tqis li l-Istati Membri jenħtieġ li jinnotifikaw lill-Kummissjoni permezz ta’ THEMIS/Direttivi, li huwa l-mezz uffiċjali għall-komunikazzjoni tar-regoli ta’ traspożizzjoni u implimentazzjoni.
Persuni li jistgħu jiġu esklużi mill-protezzjoni temporanja (l-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja)
L-Istati Membri jistgħu jeskludu persuna spostata mill-protezzjoni temporanja f’każ li jkollhom raġunijiet serji biex jikkunsidraw li l-persuna wettqet delitt kontra l-paċi, delitt tal-gwerra, jew delitt kontra l-umanità, delitt serju mhux politiku barra mill-Istat Membru tal-akkoljenza qabel l-ammissjoni f’dak l-Istat Membru bħala persuna li tgawdi minn protezzjoni temporanja, jew jekk il-persuna tinstab ħatja ta’ atti li jmorru kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti.
L-Istati Membri jistgħu wkoll jeskludu persuna spostata mill-protezzjoni temporanja meta jkun hemm raġunijiet raġonevoli biex dik il-persuna titqies bħala periklu għas-sigurtà tal-Istat Membru ospitanti jew bħala periklu għall-komunità tal-Istat Membru ospitanti.
Il-Kummissjoni tirrakkomanda bil-qawwa li l-Istati Membri, qabel ma joħorġu permess ta’ residenza lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali, jikkonsultaw il-bażijiet ta’ data internazzjonali, tal-UE u nazzjonali rilevanti, u b’mod partikolari l-allerti dwar persuni, u dokumenti fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS), li jippermettilhom jipproċedu bil-kontroll tas-sigurtà meħtieġ (ara t-taqsima 4 hawn taħt għal aktar dettalji).
Tfal
L-istimi jissuġġerixxu li t-tfal (persuni taħt it-18-il sena) jirrappreżentaw aktar minn nofs il-popolazzjoni li ilha titlaq mill-Ukrajna mill-24 ta’ Frar 2022 minħabba l-gwerra (6). F’konformità mal-Komunikazzjoni tal-2017 dwar il-protezzjoni tat-tfal migranti (7), il-protezzjoni tat-tfal migranti li jaslu mill-Ukrajna hija prijorità ewlenija għall-UE. Ir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni f’dak il-kuntest sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tat-tfal migranti kollha, irrispettivament mill-istatus tagħhom, jibqgħu validi fid-dawl tal-kriżi tal-Ukrajna.
Iridu jiġu żgurati l-protezzjoni sħiħa u l-aċċess rapidu għad-drittijiet speċifiċi tat-tfal (l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, inkluża l-kura preventiva u l-kura tas-saħħa mentali, u, l-assistenza psikosoċjali) kif ukoll kwalunkwe servizz ta’ appoġġ meħtieġ biex jiġu żgurati l-aħjar interess u l-benesseri tat-tfal kollha li jaħarbu mill-kunflitt tal-Ukrajna (8). L-opinjoni tat-tfal għandha tinstema’ u titqies, skont l-età u l-grad ta’ maturità. Jenħtieġ li jiġi żgurat rispons integrat għall-protezzjoni tat-tfal, bil-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni tal-awtoritajiet rilevanti.
Ostakli speċifiċi li ta’ spiss jiffaċċjaw it-tfal migranti (pereż. ostakli lingwistiċi) b’aċċess għal akkomodazzjoni deċenti, edukazzjoni ta’ kwalità u servizzi soċjali oħra għandhom jitqiesu u jiġu indirizzati kif xieraq.
L-Istati Membri huma mħeġġa jiżguraw li t-tfal kollha jiġu pprovduti, b’mod adattat għat-tfal u għall-età u għall-kuntest, b’informazzjoni rilevanti dwar is-sitwazzjoni, id-drittijiet tagħhom u dwar il-proċeduri u s-servizzi disponibbli għall-protezzjoni tagħhom. L-Istati Membri huma mħeġġa wkoll jiżguraw li dawk li jaħdmu mat-tfal – mill-wasla tagħhom fil-fruntieri tal-UE – ikunu mħarrġa kif xieraq u l-professjonisti tal-protezzjoni tat-tfal ikunu involuti fejn rilevanti.
Id-deċiżjonijiet jew l-azzjonijiet kollha li jridu jittieħdu fir-rigward tat-tfal iridu jkunu bbażati fuq il-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal bħala l-kunsiderazzjoni primarja.
Is-sitwazzjoni tat-tfal mhux akkumpanjati u separati jew orfni hija indirizzata f’aktar dettall fit-Taqsima 5.
Aċċess għall-edukazzjoni għall-minorenni (l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja)
Skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2001/55/KE, l-Istati Membri għandhom jagħtu aċċess għas-sistema edukattiva tagħhom lil persuni taħt it-18-il sena li jgawdu minn status ta’ protezzjoni temporanja taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tagħhom stess u ċ-ċittadini tal-UE. L-Istati Membri jistgħu jillimitaw dan l-aċċess għas-sistema edukattiva tal-istat. Il-Kummissjoni tqis li l-istess japplika għall-minorenni li jibbenefikaw minn protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali, kif imsemmi fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill. Fejn meħtieġ, għandhom jitqiesu d-dokumenti li juru l-livell ta’ edukazzjoni miksub fl-Ukrajna (pereż. il-gradwazzjoni tal-iskola sekondarja, il-livell A1 bl-Ingliż, eċċ.).
Il-Kummissjoni tirrakkomanda li jiġu pprovduti miżuri ta’ appoġġ, bħal klassijiet preparatorji, lit-tfal biex jiffaċilitaw l-aċċess u l-parteċipazzjoni tagħhom fis-sistema edukattiva. Tali miżuri ta’ appoġġ jinkludu l-appoġġ għall-kisba tal-għarfien tal-lingwa tal-pajjiż ospitanti (fl-edukazzjoni ġenerali jew permezz ta’ klassijiet preparatorji li jwasslu għal tranżizzjoni rapida lejn edukazzjoni regolari), il-valutazzjoni tal-livelli ta’ kompetenza tal-istudenti, l-għoti ta’ gwida lill-istudenti u lill-ġenituri dwar il-pajjiż ospitanti, l-appoġġ psikoloġiku, u l-appoġġ lill-għalliema u lil professjonisti oħra tal-edukazzjoni li jilqgħu lir-refuġjati.
L-aċċess għall-edukazzjoni għall-minorenni għandu jiġi żgurat malajr kemm ikun materjalment possibbli fejn ikun ċar li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għal protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali, anki meta l-proċedura għall-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza tkun għadha pendenti. Dan jista’ jiġi evidenzjat fuq il-bażi ta’ dokumenti tal-identità tal-minorenni jew kwalunkwe dokumentazzjoni uffiċjali oħra li tista’ tiġi ppreżentata biex tagħti prova tal-identità.
Bl-istess mod, il-Kummissjoni tagħti parir li l-aċċess għall-edukazzjoni għal minorenni mhux akkumpanjati jiġi ffaċilitat malajr kemm jista’ jkun, anki meta jkunu għaddejjin proċeduri għall-ħatra ta’ tutur/rappreżentant u għad-determinazzjoni tat-tip ta’ kura li t-tfal ikunu intitolati għaliha.
L-Istati Membri jenħtieġ li jappoġġaw ukoll l-aċċess għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, kif ukoll it-taħriġ vokazzjonali, bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tagħhom stess u ċittadini oħra tal-Unjoni. B’mod partikolari, fl-Istati Membri fejn hemm intitolament legali għal edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal jew fejn il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u fil-kura bikrija tat-tfal hija obbligatorja, l-aċċess għall-edukazzjoni u għall-kura bikrija tat-tfal koperti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill jenħtieġ li jiġi pprovdut bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti.
2. ID-DRITT TA’ MOVIMENT LIBERU
Dritt ta’ moviment qabel il-ħruġ tal-permess ta’ residenza
Bil-ħsieb li tiġi żgurata t-tħejjija fl-Istati Membri fejn il-persuni intitolati għal protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali jkunu beħsiebhom jagħmlu użu mid-drittijiet tagħhom, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-awtoritajiet tal-Istati Membri tal-ewwel dħul jitolbu lill-persuni kkonċernati li jixtiequ jiċċaqilqu lejn Stat Membru ieħor, biex jindikaw lejn liema Stat Membru se jkunu sejrin. L-għan ta’ dawn il-mistoqsijiet jenħtieġ li jkun li tinkiseb indikazzjoni tan-numru ta’ persuni li beħsiebhom jiċċaqilqu lejn Stati Membri speċifiċi. L-Istati Membri tal-ewwel dħul jenħtieġ li jikkomunikaw l-informazzjoni miġbura fuq bażi anonima (l-għadd ta’ persuni mistennija li jingħaqdu mal-Istat Membru X, Y, Z) permezz tan-Network tal-Blueprint.
Iċ-ċittadini Ukreni li għandhom passaporti bijometriċi jew ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi li huma eżentati mir-rekwiżit li jkollhom viża għal soġġorn qasir biex jidħlu fl-Unjoni, għandhom id-dritt li jiċċaqilqu liberament fiż-żona Schengen wara li jiġu ammessi fit-territorju għal perjodu ta’ 90 jum f’perjodu ta’ 180 jum. Għalhekk, huma jistgħu jivvjaġġaw lejn l-Istat Membru li fih jixtiequ jgawdu d-drittijiet marbuta mal-protezzjoni temporanja u jingħaqdu mal-familja u l-ħbieb tagħhom fin-networks sinifikanti tad-dijaspora Ukrena li bħalissa jeżistu madwar l-Unjoni.
Għal persuni li mhumiex eżentati mill-viża (pereż. minħabba li ma jkollhomx passaport bijometriku) u li ma jkollhomx viża għal soġġorn qasir jew viża għal soġġorn twil jew permess ta’ residenza maħruġ minn Stat Membru, u li huma intitolati għal protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali, il-Kummissjoni tfakkar li skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/55/KE, l-Istati Membri jridu jipprovdu lill-persuni intitolati għal protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali kull faċilità biex jiksbu l-viżi meħtieġa, inklużi viżi ta’ tranżitu, għall-fini li jiġu ammessi fit-territorji tagħhom. Il-formalitajiet iridu jitnaqqsu għall-minimu minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni. Jekk il-persuna jkollha l-intenzjoni li tagħmel użu mid-drittijiet tagħha fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru tal-ewwel dħul, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istat Membru tal-ewwel dħul joħroġ viża fil-punt ta’ qsim tal-fruntiera (jew f’post intern biex tiġi evitata l-konġestjoni) għal 15-il jum (skont l-Artikolu 35(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi (9)). B’dan il-mod il-persuna kkonċernata tkun tista’ tiċċaqlaq fiż-żona Schengen (10). Viżi maħruġa fil-fruntieri jew qrib il-punt ta’ qsim tal-fruntiera fuq il-abbażi tal-Artikolu 35 tal-Kodiċi dwar il-Viżi valida għal 15-il jum tista’ tiġi estiża aktar tard f’każ ta’ bżonn (ara l-Artikolu 33 tal-Kodiċi dwar il-Viżi). Id-data relatata mal-applikazzjoni u l-ħruġ ta’ tali viża jenħtieġ li tiġi rreġistrata fis-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) f’konformità mar-regoli applikabbli (11). Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-viżi jkunu mingħajr ħlas jew li l-ispiża tagħhom titnaqqas kemm jista’ jkun.
Jekk il-persuna intitolata għal protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali tasal fil-fruntiera ta’ Stat Membru tal-UE li ma japplikax l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ u għalhekk ma joħroġx viżi ta’ Schengen, u tkun trid tiċċaqlaq lejn Stat Membru ieħor biex tagħmel użu mid-drittijiet tagħha, jistgħu jiġu previsti għażliet differenti. L-Istati Membri li japplikaw l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ jistgħu joħorġu viżi ta’ Schengen fil-konsulati tagħhom fl-Istati Membri li ma japplikawx l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ. Huma jistgħu joħorġu wkoll viżi ta’ Schengen lill-persuni intitolati għal protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali mal-wasla fl-Istat Membru kkonċernat.
F’konformità mal-linji gwida operattivi dwar il-ġestjoni tal-fruntieri esterni (12), il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri ma jimponux penali finanzjarji fuq it-trasportaturi li jittrasportaw persuni intitolati għal protezzjoni temporanja jew protezzjoni nazzjonali adegwata li jaslu minn Stat Membru, u li ma jkollhomx id-dokumentazzjoni meħtieġa biex jidħlu fl-Istat Membru tad-destinazzjoni. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-linji tal-ajru jiġu infurmati b’dan.
B’mod aktar ġenerali, meta l-persuna kkonċernata ma jkollhiex fil-pussess tagħha dokument tal-ivvjaġġar validu, il-Kummissjoni tirrakkomanda l-estensjoni tal-użu tal-formola mudell ta’ trasferiment inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 2001/55/KE, li fiha l-Istat Membru tal-ewwel dħul jista’ jindika l-Istat Membru fejn il-persuna kkonċernata hija maħsuba li tivvjaġġa biex tapprofitta ruħha mid-drittijiet marbuta mal-protezzjoni temporanja.
Il-pjattaforma ta’ Solidarjetà tista’ tintuża bħala bażi għall-Istati Membri biex jikkoordinaw l-assistenza fir-rigward tat-trasferiment ta’ persuni li ma għandhomx il-mezzi biex jivvjaġġaw lejn l-Istat Membru fejn jixtiequ jgawdu minn protezzjoni temporanja jew protezzjoni nazzjonali adegwata. Madankollu, id-data personali jenħtieġ li tiġi skambjata biss permezz tal-kanal sigur DubliNet.
Dritt ta’ moviment liberu wara l-ħruġ tal-permess ta’ residenza
Ladarba Stat Membru jkun ħareġ permess ta’ residenza skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/55/KE, il-persuna li tgawdi minn protezzjoni temporanja għandha d-dritt li tivvjaġġa lejn Stati Membri oħra minbarra dak li joħroġ il-permess ta’ residenza għal 90 jum fi żmien perjodu ta’ 180 jum. Meta tali persuna sussegwentement tiċċaqlaq lejn Stat Membru ieħor, fejn hija tirċievi permess ta’ residenza ieħor taħt protezzjoni temporanja, l-ewwel permess ta’ residenza maħruġ u d-drittijiet li jirriżultaw minnu jridu jiskadu u jiġu rtirati, skont l-ispirtu tal-Artikoli 15(6) u 26(4) tad-Direttiva 2001/55/KE.
Għandu jiġi nnutat li, bil-ħsieb li jiġu appoġġati l-Istati Membri li huma l-punti ta’ dħul ewlenin tal-wasla tal-massa ta’ persuni spostati li qed jaħarbu mill-gwerra mill-Ukrajna koperti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill u biex jiġi promoss bilanċ tal-isforzi bejn l-Istati Membri kollha, l-Istati Membri qablu li ma japplikawx l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/55/KE fir-rigward ta’ persuni li jgawdu minn protezzjoni temporanja fi Stat Membru partikolari f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill u li ċċaqilqu lejn Stat Membru ieħor mingħajr awtorizzazzjoni, sakemm fuq bażi bilaterali l-Istati Membri ma jaqblux mod ieħor (13).
3. REĠISTRAZZJONI (L-ARTIKOLU 10 TAD-DIRETTIVA DWAR IL-PROTEZZJONI TEMPORANJA)
Skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2001/55/KE, l-Istati Membri huma obbligati jirreġistraw id-data personali (l-isem, in-nazzjonalità, id-data u l-post tat-twelid, l-istat ċivili, u r-relazzjoni familjari) tal-persuni li jgawdu minn protezzjoni temporanja fit-territorju tagħhom. Meta jagħmlu dan, jekk ma jkunux diġà għamlu dan, l-Istati Membri jenħtieġ li jikkonsultaw il-bażijiet tad-data internazzjonali, tal-UE u nazzjonali rilevanti matul il-kontrolli u l-investigazzjonijiet tagħhom, u b’mod partikolari l-allerti dwar persuni u dokumenti fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS).
Skont il-bażi ġuridika attwali, il-Eurodac jew sistemi u bażijiet ta’ data oħra tal-IT fuq skala kbira tal-UE ma jistgħux jintużaw għar-reġistrazzjoni ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja. Għalhekk, il-Kummissjoni tagħti parir lill-Istati Membri biex jirreġistraw dawn il-persuni fir-reġistri nazzjonali tagħhom għall-barranin jew reġistri nazzjonali oħra b’rispett sħiħ tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data. L-Istati Membri jenħtieġ li ma jirreġistraw l-ebda data personali oħra għajr dik koperta mill-Anness II tad-Direttiva 2001/55/KE.
L-isfida li wieħed jaħdem biss permezz ta’ bażijiet tad-data nazzjonali tillimita l-kapaċità li tiġi skambjata informazzjoni pereżempju biex jiġi traċċat u identifikat jekk l-istess persuna hijiex qed tibbenefika mid-drittijiet marbuta mal-protezzjoni temporanja f’aktar minn Stat Membru wieħed. Il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil, hija lesta li taħdem mal-Istati Membri fl-indirizzar ta’ din l-isfida, billi pereżempju tipprovdi pjattaforma għall-iskambju ta’ informazzjoni.
Meta l-informazzjoni dwar persuni speċifiċi rreġistrati skont l-Anness II tad-Direttiva 2001/55/KE tkun teħtieġ li tiġi skambjata ma’ Stati Membri oħra, għall-finijiet tad-Direttiva (bħal fil-każ tar-riunifikazzjoni tal-familja jew jekk ikunu meħtieġa inkjesti addizzjonali dwar każ speċifiku) din id-data tista’ tiġi skambjata permezz tal-kanal sigur DubliNet.
4. PERMESS TA’ RESIDENZA (L-ARTIKOLU 8 TAD-DIRETTIVA DWAR IL-PROTEZZJONI TEMPORANJA)
L-Istati Membri jridu jipprovdu lill-persuni li jgawdu minn protezzjoni temporanja permessi ta’ residenza għat-tul tal-protezzjoni u joħorġu dokumenti jew evidenza ekwivalenti oħra għal dan il-għan, skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/55/KE. Il-protezzjoni temporanja kif introdotta mid-Deċiżjoni tal-Kunsill iddum sena mid-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni, jiġifieri mill-4 ta’ Marzu 2022 sal-4 ta’ Marzu 2023, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/55/KE.
Il-permess ta’ residenza mbagħad iservi bħala dokument biex jagħti prova tal-istatus tagħhom ma’ awtoritajiet oħra, bħal uffiċċji u servizzi tal-impjiegi, skejjel, sptarijiet. Il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li l-perjodu ta’ sena huwa wieħed oġġettiv, jiġifieri jdum sal-4 ta’ Marzu 2023 irrispettivament minn meta nħareġ il-permess ta’ residenza. Għalhekk, id-data tat-tmiem għall-permessi ta’ residenza kollha maħruġa skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill għandha tkun l-4 ta’ Marzu 2023, f’konformità mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/55/KE.
Jekk matul dan il-perjodu l-Kunsill ma jiħux Deċiżjoni, bi proposta mill-Kummissjoni, biex itemm il-protezzjoni temporanja, din tiġi estiża awtomatikament b’sitt xhur, jiġifieri sal-4 ta’ Settembru 2023, u għal darb’oħra b’sitt xhur, jiġifieri sal-4 ta’ Marzu 2024. L-obbligu li jinħarġu/jiġu estiżi l-permessi ta’ residenza jkompli għal dawn il-perjodi. Bil-ħsieb li jitnaqqas il-piż amministrattiv tat-tiġdid tal-permessi, l-Istati Membri jistgħu jagħtu l-permess ta’ residenza diġà għal sentejn, filwaqt li jkunu jafu li fi kwalunkwe ħin il-protezzjoni temporanja tista’ tintemm skont l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva. Jekk l-Istati Membri ma jagħmlux użu minn din il-possibbiltà, ikollhom iġeddu l-permessi ta’ residenza għal perjodi ta’ sitt xhur darbtejn.
Min-naħa l-oħra, jekk il-Kunsill jieħu Deċiżjoni, fuq proposta mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 2001/55/KE, biex itemm il-protezzjoni temporanja qabel dawn id-dati, il-permessi ta’ residenza maħruġa, bħala li huma biss dikjaratorji (billi hija d-Deċiżjoni nnifisha li hija kostituttiva tad-drittijiet), isiru invalidi u jenħtieġ li jiġu rtirati. L-Istati Membri jenħtieġ li jippubblikaw permezz tal-proċeduri u l-mezzi nazzjonali tagħhom li l-permessi ta’ residenza kollha taħt protezzjoni temporanja jkunu saru invalidi fid-data speċifika.
Għall-fini tal-għoti ta’ drittijiet relatati mal-protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali, fejn applikabbli, il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Istati Membri jiffaċilitaw il-ftuħ ta’ kont bankarju u l-aċċess għal servizzi rilevanti abbażi ta’ dokument ta’ identifikazzjoni jew soluzzjoni ta’ identifikazzjoni ekwivalenti aċċettata mill-Istati Membri u ta’ prova ta’ dħul fl-UE fl-24 ta’ Frar 2022 jew wara, anki meta l-proċedura għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza tkun għadha pendenti.
Il-Kummissjoni tirrakkomanda bil-qawwa li l-Istati Membri, qabel ma joħorġu permess ta’ residenza lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali, jikkonsultaw il-bażijiet tad-data internazzjonali, tal-UE u nazzjonali rilevanti matul il-kontrolli u l-investigazzjonijiet tagħhom, u b’mod partikolari l-allerti dwar persuni u dokumenti fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS).
Jenħtieġ li l-Istati Membri jdaħħlu data dwar il-kuntrabandisti, it-traffikanti tal-bnedmin u awturi oħra ta’ reati serji jew il-kompliċi tagħhom fis-SIS malajr kemm jista’ jkun. Ir-riżultati tal-kontrolli jiddependu fuq il-kwalità tad-data mdaħħla mill-Istati Membri li joħorġu t-twissijiet. Il-Kummissjoni għalhekk tfakkar lill-Istati Membri emittenti biex jinkludu d-data rilevanti kollha disponibbli. Is-sistema tippermetti lill-Istati Membri emittenti jikkollegaw l-allerti konnessi b’mod operattiv. Għalhekk, l-Istati Membri emittenti huma mħeġġa wkoll jagħmlu l-aħjar użu possibbli mill-funzjonalitajiet kollha tas-SIS. Fix-xhur li ġejjin (2022) se tidħol fis-seħħ SIS imġedda, u nistennew li l-Istati Membri jimplimentaw malajr il-funzjonalitajiet il-ġodda u jagħmlu wkoll l-aħjar użu possibbli minnhom.
5. MINORENNI MHUX AKKUMPANJATI (L-ARTIKOLU 16 TAD-DIRETTIVA DWAR IL-PROTEZZJONI TEMPORANJA)
Sa mill-bidu tal-invażjoni Russa kontra l-Ukrajna, l-Ewropa rat mewġa bla preċedent ta’ solidarjetà lejn persuni li qed jaħarbu mill-Ukrajna, b’mod partikolari t-tfal. Familji, individwi jew assoċjazzjonijiet Ewropej ivvjaġġaw lejn il-fruntiera tal-UE mal-Ukrajna biex jieħdu f’idejhom it-tfal Ukreni li l-ġenituri tagħhom baqgħu fl-Ukrajna.
Il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li, fl-applikazzjoni tas-salvagwardji legali speċifiċi għall-minorenni mhux akkumpanjati u t-tfal separati, l-objettiv huwa li jinkiseb il-bilanċ it-tajjeb bejn il-grad ta’ flessibbiltà meħtieġ biex is-solidarjetà tkun tista’ tiffunzjona b’mod effettiv u l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-garanziji u s-salvagwardji bażiċi għat-tfal mhux akkumpanjati jiġu rispettati u għalhekk il-protezzjoni tagħhom tiġi żgurata bis-sħiħ.
Din is-solidarjetà hija mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-awtoritajiet tal-Istati Membri li jikkonformaw mar-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fid-Direttiva 2001/55/KE u li jikkonformaw mal-Artikolu 24 tal-Karta meta jimplimentaw dik id-Direttiva u d-deċiżjoni tal-Kunsill. Skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2001/55/KE, l-Istati Membri jridu jaħtru mill-aktar fis possibbli gwardjani/rappreżentanti legali għall-minorenni mhux akkumpanjati li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja fit-territorju tagħhom, inkluż fejn meħtieġ billi jaħtru tutur temporanju sakemm jinħatar it-tutur permanenti, jew, billi jiżguraw ir-rappreżentanza minn organizzazzjoni li tkun responsabbli għall-kura u l-benesseri tal-minorenni, jew minn kwalunkwe rappreżentanza xierqa oħra.
Ir-rappreżentanza tista’ tiġi żgurata minn tutur legali, minn organizzazzjoni li tkun responsabbli għall-kura u l-benesseri tal-minorenni, jew minn kwalunkwe rappreżentanza xierqa oħra. Il-Kummissjoni tqis li r-“rappreżentanza xierqa” teħtieġ neċessarjament li tkun adattata għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-minorenni u, b’mod partikolari, li tivvaluta u taġixxi fl-aħjar interessi tat-tfal. Ir-rappreżentanza tista’ tiġi żgurata biss minn individwi li ma jkollhom l-ebda rekord ta’ reati preċedenti relatati mat-tfal (“skrutinju”).
Ir-rappreżentanza trid tiġi żgurata malajr kemm jista’ jkun fl-Istat Membru tal-ewwel dħul, billi tiġi żgurata l-preżenza, fil-punti kollha tal-proċeduri fejn l-aħjar interessi tal-minorenni jridu jiġu kkunsidrati għat-teħid ta’ deċiżjoni rigward il-minorenni, ta’ rappreżentant tas-servizzi tal-protezzjoni tat-tfal, jew, fejn meħtieġ, individwi jew organizzazzjonijiet maħtura biex jaġixxu f’isem is-servizzi tal-protezzjoni tat-tfal. Dan ir-rappreżentant ma għandux għalfejn jinħatar speċifikament fir-rigward ta’ kull minorenni mhux akkumpanjat, ikun biżżejjed li jingħata mandat ġenerali biex jassisti fejn meħtieġ biex jiġi żgurat li jitqiesu l-aħjar interessi tat-tfal mhux akkumpanjati.
Fil-każijiet ta’:
(1) |
minorenni mhux akkumpanjati li qed ikomplu l-vjaġġ tagħhom lejn Stat Membru ieħor sabiex jingħaqdu mill-ġdid ma’ membru tal-familja fis-sens tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2001/55/KE, jew |
(2) |
minorenni mhux akkumpanjati li huma kkurati minn individwi magħrufa mhux relatati (li kienu diġà magħhom matul il-parti preċedenti tal-vjaġġ), jew organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati minn Stati Membri oħra bil-ħsieb li jingħataw kura f’dawn tal-aħħar, |
jenħtieġ li l-Istat Membru tal-ewwel dħul jiżgura mill-anqas li:
(1) |
L-identità tat-tfal u dik tal-adulti li magħhom it-tfal qed ikomplu l-vjaġġ tagħhom, kif ukoll l-Istat Membru tad-destinazzjoni ddikjarat, huma rreġistrati fl-Istat Membru tal-ewwel dħul mill-awtoritajiet kompetenti skont il-liġi nazzjonali qabel ma t-tfal/tfal u l-adulti li jakkumpanjawhom ikomplu l-vjaġġ tagħhom; |
(2) |
Għandhom jiġu stabbiliti u ppromulgati kontrolli rapidi meta ssir ir-reġistrazzjoni msemmija hawn fuq, għall-prevenzjoni u l-identifikazzjoni ta’ każijiet possibbli jew riskju ta’ abbuż jew traffikar tal-bnedmin; f’każ ta’ suspett ta’ każijiet ta’ traffikar tal-bnedmin, jenħtieġ li l-Istati Membri joħorġu twissija preventiva fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen; |
(3) |
Rappreżentant tas-servizzi tal-protezzjoni tat-tfal – kif deskritt fil-paragrafu preċedenti, huwa preżenti fil-mument tar-reġistrazzjoni msemmija hawn fuq. |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jibdew mill-aktar fis possibbli proċeduri għall-identifikazzjoni ta’ membri tal-familja fis-sens tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2001/55/KE li jistgħu jkunu residenti fi Stati Membri oħra tal-UE, u, fejn dawn ikunu ġew identifikati, jibdew mill-aktar fis possibbli proċeduri għar-riunifikazzjoni mal-membri tal-familja.
Il-minorenni mhux akkumpanjati li għandhom membri tal-familja fi Stat Membru ieħor li huma wkoll benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja, jenħtieġ li jerġgħu jingħaqdu ma’ dawk il-membri tal-familja f’konformità mar-regoli stabbiliti fl-Artikoli 15 u 26 tad-Direttiva 2011/95/KE, b’kont meħud tal-fehmiet tat-tfal, f’konformità mal-età u l-maturità tagħhom, u dment li dan ikun fl-aħjar interess tagħhom. Il-minorenni mhux akkumpanjati li għandhom membri tal-familja li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor taħt reġim legali differenti jistgħu wkoll jerġgħu jingħaqdu magħhom f’konformità ma’ strumenti oħra tad-dritt tal-Unjoni (pereż. id-Direttiva 2003/86/KE, id-Direttiva 2004/38/KE, ir-Regolament (UE) 604/2013), fejn applikabbli, jew fuq il-bażi tal-liġi nazzjonali. Il-proċeduri ta’ riunifikazzjoni tal-familja jenħtieġ li japplikaw mingħajr preġudizzju għall-membri tal-familja tat-tfal ikkonċernati li jkunu jistgħu jiġu fl-Istat Membru tal-ewwel dħul biex jiġbruhom jew għal arranġamenti oħra miftiehma fil-kuntest tal-Pjattaforma ta’ Solidarjetà.
Għall-Istati Membri ta’ destinazzjoni, il-Kummissjoni tirrakkomanda li tiġi stabbilita proċedura rapida għar-reġistrazzjoni tal-preżenza ta’ tfal mhux akkumpanjati li jistabbilixxu residenza fit-territorju tagħhom, u li jinbdew malajr kemm jista’ jkun il-proċeduri għall-ħatra tat-tutur/tar-rappreżentant legali u biex tiġi fdata l-kura tat-tfal, kif previst mil-liġi nazzjonali - soġġett għall-verifiki previsti mil-liġi nazzjonali, inkluż f’termini ta’ valutazzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal u l-iskrutinju tal-adulti involuti għal rekord ta’ reati preċedenti relatati mat-tfal.
Il-proċeduri biex tiġi fdata l-kura tat-tfal jistgħu jkunu separati mill-proċeduri għall-ħatra ta’ tuturi/rappreżentanti legali għall-istess tfal, kif previst mil-liġi nazzjonali. Meta meħtieġ, it-tutela/ir-rappreżentanza legali tista’ tiġi żgurata wkoll minn organizzazzjoni li tkun responsabbli għall-kura u l-benesseri tal-minorenni, jew minn kull rappreżentanza xierqa oħra, kif stipulat fl-Artikolu 16 tad-Direttiva. Il-familji tar-rispett u komunitajiet/organizzazzjonijiet fdati skont il-liġi nazzjonali bl-indukrar ta’ minorenni mhux akkumpanjati li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja jenħtieġ li jiġu pprovduti wkoll b’allowances tal-familja u ta’ appoġġ għat-tfal taħt kura, kif previst mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti.
Skont l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2001/55/KE, matul il-perjodu ta’ protezzjoni temporanja, l-Istati Membri għandhom jipprovdu li minorenni mhux akkumpanjati jitqiegħdu ma’ qraba adulti, jew ma’ familja tar-rispett, jew f’ċentri ta’ akkoljenza b’dispożizzjonijiet speċjali għall-minorenni, jew f’akkomodazzjoni oħra xierqa għall-minorenni. Dan huwa validu kemm għall-Istat Membru tal-ewwel dħul kif ukoll għall-Istati Membri fejn jiġu trasferiti minorenni mhux akkumpanjati, fejn applikabbli.
L-Istati Membri jridu jieħdu l-passi meħtieġa biex jippermettu t-tqegħid. Dan jimplika li titqies il-fehma tat-tfal, skont l-età u l-maturità tagħhom, iżda wkoll li jiġi żgurat li l-forma ta’ kollokament magħżula tkun xierqa għat-tfal u fl-aħjar interessi tagħhom. L-Istati Membri jridu jistabbilixxu wkoll il-ftehim mill-persuna jew persuni adulti kkonċernati, dwar it-tqegħid tal-minorenni mhux akkumpanjat/mhix akkumpanjati fejn applikabbli.
Għal dawk it-tfal mhux akkumpanjati li ma jkomplux il-vjaġġ tagħhom lejn Stat Membru ieħor f’waħda miż-żewġ tipi ta’ ċirkostanzi deskritti hawn fuq, jenħtieġ li l-Istat Membru tal-ewwel dħul jiżgura, minbarra l-ħatra ta’ tutur/rappreżentant legali, li dawn it-tfal ikollhom akkomodazzjoni xierqa kemm jista’ jkun malajr (14) (fejn disponibbli, alternattivi għal kura istituzzjonalizzata – bħal familji tar-rispett jew kura komunitarja, arranġamenti ta’ għajxien semiindipendenti għal adolexxenti li għandhom aktar minn 16-il sena eċċ. – jenħtieġ li jiġu prijoritizzati). aċċess għall-edukazzjoni u/jew taħriġ vokazzjonali, kura tas-saħħa (inkluż kura preventiva u kura tas-saħħa mentali) u assistenza psikosoċjali.
Kif previst mill-Artikolu 26 tad-Direttiva 2001/55/KE, it-tfal mhux akkumpanjati li ma jkunux qed ikomplu l-vjaġġ tagħhom wara li jkunu tqiegħdu taħt kura f’waħda miċ-ċirkostanzi msemmija hawn fuq jistgħu madankollu jiġu ttrasferiti lejn l-Istat Membru li huwa meqjus li huwa fl-aħjar pożizzjoni biex jieħu ħsieb it-tifel jew tifla, wara valutazzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal li għandha titwettaq fl-Istat Membru tal-ewwel dħul.
L-Istati Membri huma mħeġġa jikkollaboraw biex jiffaċilitaw l-iskambju ta’ informazzjoni u data bejn il-fruntieri dwar il-każijiet ta’ tfal mhux akkumpanjati li jiċċaqilqu f’ġuriżdizzjonijiet differenti tal-UE.
Kif imsemmi hawn fuq, aħna nħeġġu lill-Istati Membri jwettqu l-verifiki meħtieġa u jagħmlu l-aħjar użu mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen. Hekk kif tibda titħaddem is-SIS imġedda, din se toffri l-possibbiltà li jiddaħħlu fis-SIS mhux biss twissijiet “reattivi” dwar tfal li għebu, iżda wkoll allerti “preventivi” dwar:
— |
tfal f’riskju ta’ ħtif; |
— |
tfal f’riskju li jittieħdu barra mill-pajjiż illegalment jew li jeħtieġ li ma jitħallewx jivvjaġġaw għall-protezzjoni tagħhom stess; |
— |
adulti vulnerabbli f’riskju li jittieħdu illegalment barra mill-pajjiż jew li jeħtieġ li ma jitħallewx jivvjaġġaw għall-protezzjoni tagħhom stess; |
— |
il-ġbir ta’ informazzjoni dwar persuni jew oġġetti fuq il-bażi ta’ inkjesti (kontrolli ta’ inkjesta); kif ukoll |
— |
persuni mfittxija mhux magħrufa għall-identifikazzjoni tagħhom bl-użu ta’ marki miġbura minn xeni ta’ kriminalità serja. |
6. TRAFFIKAR TA’ BNEDMIN
Id-Direttiva 2011/36/UE (id-“Direttiva tal-UE Kontra t-Traffikar”) (15), u l-leġiżlazzjoni li tittrasponiha fis-sistemi legali tal-Istati Membri huma applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ persuni li jaħarbu mill-Ukrajna, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawk l-istrumenti legali. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva Kontra t-Traffikar tal-UE tinkludi miżuri biex jitnaqqsu r-riskji ta’, u d-domanda għal, il-forom kollha ta’ sfruttament relatati mat-traffikar tal-bnedmin.
Il-maġġoranza tan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna huma nisa u tfal. It-traffikanti, b’mod partikolari l-gruppi tal-kriminalità organizzata, jistgħu jieħdu vantaġġ mill-vulnerabbiltà tagħhom għal kull forma ta’ sfruttament relatat mat-traffikar tal-bnedmin, u b’mod partikolari għall-fini tal-isfruttament sesswali jew tax-xogħol. L-Istati Membri huma mħeġġa bil-qawwa biex jistabbilixxu miżuri ta’ prevenzjoni adegwati mmirati speċifikament lejn persuni li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Dawn jistgħu jinkludu l-għoti ta’ informazzjoni dwar ir-riskji tat-traffikar, b’lingwa li l-persuni li jkunu qed jaħarbu mill-Ukrajna jkunu kapaċi jifhmu u, għall-każijiet ta’ tfal mhux akkumpanjati, b’mod adattat għat-tfal u xieraq għall-età, fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri, fl-akkomodazzjoni kif ukoll lill-awtoritajiet kompetenti u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li x’aktarx jidħlu f’kuntatt magħhom. It-tali informazzjoni jenħtieġ li tkun disponibbli wkoll online u jkun fiha n-numru ta’ hotline ta’ emerġenza li jista’ jiġi kkuntattjat f’diversi lingwi 24/7.
Is-sensibilizzazzjoni fost il-professjonisti ewlenin li x’aktarx jiġu f’kuntatt ma’ vittmi potenzjali tat-traffikar tal-bnedmin u mal-komunitajiet riċeventi hija kruċjali. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-minorenni mhux akkumpanjati, minħabba l-vulnerabbiltà msaħħa maħluqa mis-sitwazzjoni tagħhom. Jenħtieġ li l-istituzzjonijiet tal-kura tat-tfal (pereż. orfanatrofji, skejjel, foster care) jiġu infurmati b’mod speċjali dwar ir-riskji tat-traffikar u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti f’każijiet bħal dawn.
Taħriġ u struzzjonijiet xierqa lill-awtoritajiet rilevanti tal-infurzar tal-liġi u tal-fruntieri jattrezzawhom biex jagħtu attenzjoni lil kategoriji partikolarment vulnerabbli ta’ persuni li qed jaħarbu mill-Ukrajna, bil-ħsieb li jipprevjenu t-traffikar tal-bnedmin u jidentifikaw vittmi potenzjali fi stadju bikri. Jenħtieġ li l-isforzi ta’ identifikazzjoni jinkludu hotlines ta’ emerġenza li jistgħu jiġu kkuntattjati f’diversi lingwi 24/7 għar-rappurtar ta’ każijiet lill-awtoritajiet kompetenti u biex il-vittmi jiġu riferuti għas-servizzi ta’ assistenza, appoġġ u protezzjoni xierqa.
Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-Mekkaniżmu ta’ Riferiment Nazzjonali tagħhom ikun kompletament operattiv biex itejjeb l-identifikazzjoni bikrija, l-assistenza u l-appoġġ għall-vittmi tat-traffikar. Jenħtieġ li l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-ażil, tal-fruntieri, tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji tiġi żgurata kemm internament kif ukoll ma’ Stati Membri oħra. Jenħtieġ li l-informazzjoni rilevanti dwar każijiet transfruntiera tiġi kondiviża permezz tal-mezzi ta’ kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja tal-UE inklużi l-Europol u l-Eurojust.
Għall-fini ta’ identifikazzjoni bikrija, assistenza u appoġġ għall-vittmi, l-awtoritajiet nazzjonali huma mħeġġa bil-qawwa biex jaħdmu mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Meta jinstabu każijiet konkreti ta’ traffikar, jenħtieġ li l-vittmi għandhom jingħataw l-assistenza, l-appoġġ u l-miżuri ta’ protezzjoni stabbiliti fid-Direttiva tal-UE Kontra t-Traffikar malli l-awtoritajiet ikollhom indikazzjoni ta’ raġunijiet raġonevoli biex jemmnu li l-persuna setgħet ġiet sfruttata u mingħajr kundizzjonijiet tar-rieda tagħhom li jikkooperaw f’investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet jew proċessi kriminali. Dan jenħtieġ jinkludi mill-inqas standards ta’ għajxien li kapaċi jiżguraw l-għajxien tal-vittmi permezz ta’ miżuri bħall-għoti ta’ akkomodazzjoni xierqa u sikura u assistenza materjali, kif ukoll trattament mediku meħtieġ inkluż assistenza psikoloġika, konsulenza u informazzjoni, u servizzi ta’ traduzzjoni u interpretazzjoni fejn xieraq.
F’każijiet li jinvolvu tfal vittmi, l-aħjar interessi tagħhom għandhom ikunu kunsiderazzjoni primarja u huma jenħtieġ li jirċievu aċċess immedjat għall-assistenza, l-appoġġ u l-protezzjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll soluzzjonijiet dejjiema għall-minorenni mhux akkumpanjati bbażati fuq l-aħjar interessi tagħhom.
7. AĊĊESS GĦALL-PROĊEDURA TAL-AŻIL
F’konformità mal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2001/55/KE, il-persuni li jgawdu minn protezzjoni temporanja għandhom id-dritt li jagħmlu u jippreżentaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali f’kull ħin. F’dan il-każ, japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-acquis dwar l-ażil, inkluża r-reġistrazzjoni tal-applikanti fil-Eurodac. L-istess jgħodd għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill.
Mingħajr preġudizzju għad-dritt li ssir applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, il-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja jenħtieġ li jkunu assigurati mid-drittijiet li jingħataw b’dan l-istatus.
L-Istati Membri jistgħu jipprevedu wkoll li l-protezzjoni temporanja ma tistax titgawda fl-istess ħin mal-istatus ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali waqt li l-applikazzjonijiet tagħhom ikunu qed jiġu kkunsidrati (l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2001/55/KE).
Għalhekk huwa importanti ħafna li l-persuna tkun infurmata bis-sħiħ dwar liema prattiki japplika l-Istat Membru, biex b’hekk il-persuna tkun tista’ tiddeċiedi jekk titlobx protezzjoni internazzjonali flimkien ma’ permess ta’ residenza li juri l-istatus ta’ protezzjoni temporanja tal-persuna.
F’konformità mal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2001/55/KE, fejn persuna intitolata jew li tgawdi minn protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali tiddeċiedi li tapplika għall-protezzjoni internazzjonali, u, wara eżami, l-istatus ta’ rifuġjat jew il-protezzjoni sussidjarja ma jingħatax, dik il-persuna għandha tgawdi jew tkompli tgawdi minn protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali għall-bqija tal-perjodu ta’ protezzjoni.
Jekk l-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ma jkunx tlesta matul il-perjodu ta’ protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali, jenħtieġ li dan jitlesta wara li tkun intemmet il-protezzjoni temporanja, f’konformità mal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2001/55/KE.
Applikazzjoni tar-Regolament Dublin III
Meta persuna intitolata għal jew li tgawdi minn protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali tippreżenta applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 (16) (“ir-Regolament Dublin III”) għandu japplika biex jiddetermina l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina dik l-applikazzjoni. Skont dak ir-Regolament, l-Istat Membru responsabbli għandu jiġi ddeterminat abbażi ta’ kriterji oġġettivi (17) applikabbli għal xenarji differenti, inkluż il-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza għal protezzjoni temporanja (18).
Meta jiġi applikat ir-Regolament ta’ Dublin, il-Kummissjoni tirrakkomanda bil-qawwa lill-Istati Membri biex iqisu l-ispirtu tad-dikjarazzjoni magħmula mill-Kunsill meta jadottaw id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2022/382 bil-ħsieb li tittaffa l-pressjoni fuq l-Istati Membri li jesperjenzaw wasliet tal-massa. Minħabba li persuna li hija intitolata għal protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali tista’ tgawdi d-drittijiet tagħha fi kwalunkwe Stat Membru, jekk dik il-persuna tapplika għall-protezzjoni internazzjonali, l-Istat Membru fejn tkun ġiet iddepożitata l-applikazzjoni huwa mħeġġeġ bil-qawwa biex jieħu r-responsabbiltà biex jeżamina l-applikazzjoni skont il-klawżola diskrezzjonali stabbilita fl-Artikolu 17(1), meta Stat Membru li jkun qed jesperjenza wasliet tal-massa jkun responsabbli skont il-kriterji ta’ responsabbiltà (19) stabbiliti fir-Regolament Dublin III, bil-ħsieb li tittaffa l-pressjoni fuq dak l-Istat Membru.
L-approċċ issuġġerit mill-Kummissjoni jenħtieġ li jnaqqas ukoll ir-riskju ta’ applikazzjonijiet multipli li jsiru f’diversi Stati Membri u b’hekk itaffi l-piż fuq is-sistemi tal-ażil.
Fir-rigward tar-riunifikazzjoni tal-familja, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jikkooperaw malajr sabiex jiżguraw riunifikazzjoni rapida tal-membri tal-familja.
8. ASSISTENZA GĦAR-RIPATRIJAZZJONI
F’konformità mal-linji gwida operazzjonali għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni (20), il-persuni kollha li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna, inklużi dawk li jistgħu ma jkunux intitolati għal protezzjoni temporanja jew, fejn applikabbli, protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali, jenħtieġ li jiġu ammessi fl-Unjoni.
Persuni li ma jkunux qed jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja jew, fejn applikabbli, protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali, u li ma jkollhom l-ebda dritt li jibqgħu fit-territorju tal-Istati Membri abbażi tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali jkollhom jiġu ripatrijati lejn il-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom.
Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri joħorġu, skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn (21), permessi jew awtorizzazzjonijiet nazzjonali li joffru dritt ta’ soġġorn għal żmien limitat għal raġunijiet umanitarji. Dan jiżgura li l-persuni f’din is-sitwazzjoni jkollhom aċċess aktar faċli għall-assistenza bażika, inklużi l-akkomodazzjoni, il-kura soċjali u medika sakemm jiġu ripatrijati.
Filwaqt li hija primarjament ir-responsabbiltà tal-pajjiżi terzi ta’ oriġini li jiżguraw ir-ripatrijazzjoni sikura taċ-ċittadini tagħhom maqbuda fl-UE, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkoordinaw mal-awtoritajiet ta’ dawn il-pajjiżi biex jiffaċilitaw u jappoġġaw l-organizzazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ ripatrijazzjoni. Jenħtieġ li tingħata assistenza speċifika biex tappoġġa s-sensibilizzazzjoni lejn l-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi speċifiċi ta’ ripatrijazzjoni, jekk meħtieġ, minn Stati Membri oħra u/jew il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli.
Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu appoġġ u assistenza lill-persuni kkonċernati, filwaqt li jiffaċilitaw il-kuntatti mal-awtoritajiet konsulari kompetenti tal-pajjiż ta’ oriġini u, fejn meħtieġ, jipprovdu assistenza finanzjarja għar-ripatrijazzjoni permezz ta’ titjiriet kummerċjali. L-Istati Membri jistgħu jorganizzaw b’mod konġunt titjiriet ta’ ripatrijazzjoni, inkluż bl-appoġġ operazzjonali u loġistiku tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex). Il-Frontex tista’ tipprovdi appoġġ operazzjonali, jekk mitlub mill-Istati Membri kkonċernati, pereżempju billi tibbukkja postijiet fuq titjiriet kummerċjali jew torganizza charters jekk in-numri jkunu jeħtieġu dan.
9. GĦOTI TA’ INFORMAZZJONI F’DOKUMENT / FULJETT (L-ARTIKOLU 9 TAD-DIRETTIVA DWAR IL-PROTEZZJONI TEMPORANJA)
Skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2001/55/KE, l-Istati Membri jridu jipprovdu lill-persuni li jgawdu minn protezzjoni temporanja dokument/fuljett ta’ informazzjoni, f’lingwa li x’aktarx tinftiehem minnhom, li fiha d-dispożizzjonijiet rilevanti relatati mal-protezzjoni temporanja huma stabbiliti b’mod ċar (benefiċċji stabbiliti, drittijiet u obbligi li jirriżultaw mill-protezzjoni temporanja). Il-Kummissjoni ħarġet xi Mistoqsijiet u Tweġibiet għad-Direttiva 2001/55/KE fil-link li ġejja: https://ec.europa.eu/info/strategy/priorities-2019-2024/stronger-europe-world/eu-solidarity-ukraine_mt li jista’ jintuża mill-Istati Membri biex jissodisfaw dan l-obbligu, filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu r-rekwiżit tal-lingwa. Il-Kummissjoni qed tiżviluppa wkoll kodiċi QR li jista’ jiġi skennjat biex jiffaċilita l-aċċess għall-informazzjoni. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu siti web simili adattati għall-ispeċifiċitajiet tal-kuntest nazzjonali u li mbagħad ikunu marbuta mas-sit web tal-Kummissjoni, u b’hekk jinħoloq punt ta’ dħul uniku għall-persuni kollha kkonċernati. Fil-każ tat-tfal, jenħtieġ li l-informazzjoni tkun tinftiehem ukoll minnhom, skont l-età u l-maturità tagħhom.
F’dak li għandu x’jaqsam mat-trasferimenti lejn Stat ieħor, jenħtieġ li tiġi żviluppata u pprovduta informazzjoni speċifika qabel ma l-persuni jagħtu l-kunsens għat-trasferiment, f’koordinazzjoni mal-Kummissjoni u ma’ Stati Membri oħra.
10. INFORMAZZJONI LI GĦANDHA TIĠI RRAPPORTATA SKONT IL-PJAN TA’ AZZJONI
Bil-ħsieb li tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tad-Deċiżjoni tal-Kunsill u f’konformità mal-Artikoli 7 (2), 19, 25, 26(2), 27(1) u (2) tad-Direttiva 2001/55/KE, il-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri jipprovdu l-informazzjoni li ġejja permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni:
— |
estensjoni tal-protezzjoni temporanja għal kategoriji addizzjonali ta’ persuni spostati; |
— |
talbiet ġenerali u kapaċità ta’ akkoljenza għat-trasferimenti; |
— |
data dwar l-għadd ta’ persuni li jgawdu minn protezzjoni temporanja; |
— |
l-għadd ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom permess ta’ residenza permanenti mill-Ukrajna li jgawdu minn protezzjoni temporanja jew protezzjoni oħra u |
— |
informazzjoni dwar il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali relatati mal-implimentazzjoni tal-protezzjoni temporanja. |
Huma jistgħu jipprovdu wkoll informazzjoni dwar elementi tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna li huma direttament rilevanti għall-moviment tal-persuni u s-sitwazzjoni tagħhom; l-antiċipazzjoni ta’ aktar wasliet fl-UE; is-sitwazzjoni fil-fruntiera u qabel, l-ostakli għall-fluwidità tal-ħruġ u l-miżuri li jiffaċilitaw it-tranżitu fil-fruntiera; is-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet ta’ akkoljenza; ċifri u proċeduri għal minorenni mhux akkumpanjati; is-sitwazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi mhux Ukreni u l-ħtiġijiet relatati għall-assistenza; l-għoti ta’ appoġġ bilaterali lil Stati Membri oħra, informazzjoni dwar l-għadd ta’ persuni li beħsiebhom jiċċaqilqu lejn Stat Membru ieħor. L-ambitu u n-natura tal-informazzjoni mitluba mill-Istati Membri se jiġu adattati għaċ-ċirkostanzi li qed jevolvu fil-kuntest tan-Netwerk tal-Pjan ta’ Azzjoni.
L-informazzjoni miġbura se tintuża wkoll fil-Pjattaforma ta’ Solidarjetà u fir-Rispons Politiku Integrat f’Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi (IPCR) kif rilevanti.
(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠU L 212, 7.8.2001 p. 12).
(3) ĠU C 104 I, 4.3.2022, p. 1.
(4) F’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, huwa prekluż li persuna tiġi rritornata lejn il-fruntieri ta’ territorji fejn ħajjitha jew il-libertà tagħha jkunu mhedda minħabba r-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, is-sħubija fi grupp soċjali partikolari jew l-opinjoni politika. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 19 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ħadd ma jista’ jitneħħa, jitkeċċa jew jiġi estradit lejn Stat fejn ikun hemm riskju serju li jkun suġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti.
(5) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar gwida għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86/KE dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, it-3 ta’ April 2014, COM/2014/0210 final.
(6) https://www.unicef.org/press-releases/one-week-conflict-ukraine-half-million-children-become-refugees. (ippubblikata fit-3 ta’ Marzu 2022). Informazzjoni aġġornata dwar il-wasliet fl-UE tista’ tiġi aċċessata hawnhekk: https://data2.unhcr.org/en/situations/ukraine.
(7) COM(2017) 211 final tat-12 ta’ April 2017.
(8) F’konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, l-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal u l-acquis rilevanti tal-UE.
(9) Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1).
(10) Dan japplika biss għal nazzjonalitajiet li mhumiex soġġetti għal konsultazzjoni minn qabel mal-awtoritajiet ċentrali ta’ Stati Membri oħra qabel ma tinħareġ viża (l-Artikolu 22 tal-Kodiċi dwar il-Viżi)
(11) Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perijodu qasir (Regolament VIS) (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60).
(12) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi linji gwida operazzjonali għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni biex jiġi ffaċilitat il-qsim tal-fruntieri fil-fruntieri bejn l-UE u l-Ukrajna (ĠU C 104 I, 4.3.2022, p. 1).
(13) https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-6826-2022-ADD-1/mt/pdf.
(14) Issir referenza għall-Gwida dwar il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza għal minorenni mhux akkumpanjati (Guidance on reception conditions for unaccompanied minors) ipprovduta mill-EUAA - https://euaa.europa.eu/sites/default/files/Guidance-on%20reception-%20conditions-%20for-unaccompanied-children.pdf.
(15) Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1).
(16) Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida.
(17) Il-kriterji oġġettivi japplikaw, f’ordni ġerarkika, mill-preżenza ta’ membri tal-familja fi Stat Membru, il-ħruġ ta’ viża jew permess ta’ residenza, id-dħul irregolari fl-UE, jew id-dħul mingħajr viża. Fejn l-ebda wieħed minn dawn il-kriterji ma japplika, l-ewwel Stat Membru fejn tkun ġiet iddepożitata l-applikazzjoni għandu jkun responsabbli.
(18) L-Artikoli 2(l) u l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013.
(19) Il-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 12-15 jew l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament.
(20) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi linji gwida operattivi għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni biex jiġi ffaċilitat il-qsim tal-fruntieri fil-fruntieri bejn l-UE u l-Ukrajna, C(2022) 1404 final.
(21) Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’permanenza illegali fil-pajjiż (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98).