Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022XC0318(01)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Approvazzjoni tal-kontenut ta’ abbozz għal Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE għal ftehimiet kollettivi rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom 2022/C 123/01

C/2021/8838

ĠU C 123, 18.3.2022, p. 1–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/1


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Approvazzjoni tal-kontenut ta’ abbozz għal Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE għal ftehimiet kollettivi rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom

(2022/C 123/01)

Il-Kummissjoni approvat il-kontenut għal abbozz għal Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Linji Gwida dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE għal ftehimiet kollettivi rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom fid-9 ta’ Diċembru 2021.

L-abbozz għal Komunikazzjoni – Linji Gwida dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE għal ftehimiet kollettivi rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom, huwa mehmuż bħala Anness għal din il-Komunikazzjoni. L-abbozz ta’ għal Komunikazzjoni huwa miftuħ għall-konsultazzjoni pubblika fuq:

http://ec.europa.eu/competition/consultations/open.html


ANNESS

ABBOZZ TA’ KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE għal ftehimiet kollettivi rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom

1.   Introduzzjoni

(1)

Dawn il-Linji Gwida jistabbilixxu l-prinċipji għall-valutazzjoni skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“l-Artikolu 101 TFUE”) ftehimiet bejn impriżi, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u prattiki miftiehma (kollettivament imsejħa “ftehimiet”) konklużi bħala riżultat ta’ negozjati kollettivi bejn persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom (1) u impriża(i) oħra (“il-kontraparti/jiet” (2)), dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom.

(2)

L-Artikolu 101 tat-TFUE jipprojbixxi ftehimiet bejn impriżi li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-suq intern, b’mod partikolari jekk huma jiffissaw direttament jew indirettament il-prezzijiet tax-xiri jew tal-bejgħ jew kwalunkwe kundizzjoni oħra tan-negozju. Ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE huma bbażati fuq l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (“TUE”), li jipprevedi li l-Unjoni għandha tistabbilixxi suq intern, inkluża sistema li tiżgura li l-kompetizzjoni ma tiġix imfixkla (3).

(3)

L-Artikolu 3(3) TUE jipprevedi wkoll li l-Unjoni għandha tippromwovi “ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, li timmira lejn livell massimu ta’ impjiegi u progress soċjali”. Għal dak il-għan, l-Unjoni tirrikonoxxi r-rwol importanti tad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv u timpenja ruħha, skont l-Artikolu 152 TFUE, li “tiffaċilita d-djalogu bejn is-sħab soċjali, filwaqt li tirrispetta l-awtonomija tagħhom”. L-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jirrikoxxi ulterjorment id-dritt ta’ negozjar u ta’ azzjoni kollettiva. Kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba u protezzjoni soċjali xierqa jikkostitwixxu wkoll prinċipji ewlenin tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li skontu “is-sħab soċjali għandhom jiġu kkonsultati dwar it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki ekonomiċi, tal-impjiegi u soċjali skont il-prattiki nazzjonali” u “għandhom jiġu mħeġġa jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi fi kwistjonijiet rilevanti għalihom” (4).

(4)

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-“Qorti”) qieset l-objettivi tal-politika soċjali tal-UE meta ddeċidiet, fil-kuntest tan-negozjar kollettiv bejn il-maniġment u l-ħaddiema, li ċerti restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni huma inerenti fil-ftehimiet kollettivi bejn l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lil min iħaddem u l-ħaddiema u meħtieġa għat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol (5). Għalhekk, il-ftehimiet konklużi fil-qafas tan-negozjar kollettiv bejn l-impjegaturi u l-ħaddiema u maħsuba, min-natura u l-għan tagħhom, biex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol (inkluża l-paga), jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u għalhekk ma jiksrux id-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE (6).

(5)

Il-Qorti ċċarat ukoll li din l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE tkopri wkoll ftehimiet kollettivi konklużi bejn min iħaddem u l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema li jinnegozjaw f’isimhom, u f’ isem il-membri li jaħdmu għal rashom foloz tagħhom (7), partikolarment fornituri ta’ servizzi f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-ħaddiema (8). F’dan il-kuntest il-Qorti kkunsidrat individwu bħala persuna li taħdem għal rasha falza jekk: (i) taġixxi taħt id-direzzjoni ta’ min iħaddimha fir-rigward, b’mod partikolari, tal-libertà tiegħu/tagħha li j/tagħżel il-ħin, il-post u l-kontenut tax-xogħol tiegħu/tagħha; (ii) ma jaqbilx mar-riskji kummerċjali tal-impjegatur u (iii) għat-tul ta’ żmien tar-relazzjoni, jifforma parti integrali mill-impriża tal-impjegatur. Tali kriterji japplikaw irrispettivament minn jekk dik il-persuna hijiex ittimbrata bħala persuna li taħdem għal rasha skont il-liġi nazzjonali għal raġunijiet fiskali, amministrattivi jew organizzattivi u teħtieġ valutazzjoni każ b’każ fid-dawl tal-fatti tal-każ individwali (9).

(6)

F’dawn l-aħħar snin, is-suq tax-xogħol għadda minn bidliet fundamentali, influwenzati mix-xejra lejn is-sottokuntrattar u l-esternalizzazzjoni tan-negozju u l-attivitajiet ta’ servizzi personali kif ukoll mid-diġitalizzazzjoni tal-proċessi tal-produzzjoni u ż-żieda fl-ekonomija tal-pjattaformi online. L-impjieg indipendenti fl-UE huwa relattivament għoli u kiber sostanzjalment f’dawn l-aħħar snin, prinċipalment fl-ekonomija tal-pjattaformi online.

(7)

Filwaqt li dawn l-iżviluppi żiedu l-flessibbiltà u l-aċċessibbiltà tas-suq tax-xogħol, f’xi każijiet wasslu wkoll għal kundizzjonijiet tax-xogħol diffiċli fl-ekonomija tal-pjattaformi online u lil hinn minnha. Anki jekk ma jkunux integrati bis-sħiħ fin-negozju tal-prinċipal tagħhom bl-istess mod bħall-ħaddiema, ċerti persuni li jaħdmu għal rashom xorta jistgħu ma jkunux kompletament indipendenti mill-prinċipal tagħhom jew jista’ jkun li ma jkollhomx biżżejjed setgħa ta’ negozjar biex jinfluwenzaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Barra minn hekk, il-kriżi tal-COVID-19 għamlet ħafna persuni li jaħdmu għal rashom saħansitra aktar vulnerabbli peress li t-telf ta’ qligħ tagħhom ġie aggravat minn skemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali dgħajfa jew ineżistenti u miżuri ta’ appoġġ dedikati (10).

(8)

Meta l-persuni li jaħdmu għal rashom ikunu ġeneralment f’ sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-ħaddiema, huma jistgħu, f’każijiet individwali, jitqiesu bħala persuni li jaħdmu għal rashom foloz u jiġu kklassifikati mill-ġdid bħala ħaddiema mill-awtoritajiet/qrati nazzjonali. Ċerti gruppi jistgħu wkoll jitqiesu bħala ħaddiema bis-saħħa ta’ preżunzjoni legali. Madankollu, f’każijiet fejn ma jkunux ġew ikklassifikati mill-ġdid bħala ħaddiema, l-aċċess għan-negozjar kollettiv xorta jista’ jippermettilhom itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.

(9)

Il-projbizzjoni tal-Artikolu 101 TFUE tapplika għal “impriżi”, li huwa kunċett wiesa’ li jkopri kwalunkwe entità involuta f’attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus legali tagħha, u l-mod kif tiġi ffinanzjata (11). Għalhekk, persuni li jaħdmu għal rashom ġenwini, anki jekk huma individwi li jaħdmu waħedhom, huma, fil-prinċipju, impriżi skont it-tifsira tal-Artikolu 101 TFUE, peress li joffru s-servizzi tagħhom bi ħlas f’suq partikolari u jwettqu l-attivitajiet tagħhom bħala operaturi ekonomiċi indipendenti (12). Fornitur ta’ servizz jista’ jitlef l-istatus ta’ impriża mhux biss meta, fil-prattika, ikun f’sitwazzjoni ta’ subordinazzjoni, iżda wkoll f’każijiet ta’ dipendenza ekonomika, abbażi ta’ valutazzjoni tal-fatti ta’ każ speċifiku (13). L-iżviluppi attwali fis-suq tax-xogħol, u b’mod partikolari l-emerġenza tal-ekonomija tal-pjattaformi online, isaħħu l-inċertezza fir-rigward taċ-ċirkostanzi li taħthom ftehimiet kollettivi konklużi minn jew f’isem persuni li jaħdmu għal rashom jistgħu jitqiesu li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE.

(10)

F’dan l-isfond, dawn il-Linji Gwida jiċċaraw i) li ċerti kategoriji ta’ ftehimiet kollettivi jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE; u ii) li l-Kummissjoni mhux se tintervjeni kontra ċerti kategoriji oħra ta’ ftehimiet kollettivi.

(11)

Dawn il-Linji Gwida jispjegaw kif il-Kummissjoni se tapplika l-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE, mingħajr ħsara għall-applikazzjoni ta’ regoli jew prinċipji oħra tal-liġi tal-UE. Dawn il-Linji Gwida ma jaffettwawx il-prerogattivi tal-Istati Membri fil-politika soċjali jew l-awtonomija tal-imsieħba soċjali. Huma wkoll mingħajr ħsara għad-definizzjonijiet tat-termini “ħaddiem” jew “persuna li taħdem għal rasha” skont il-liġi nazzjonali (14). Dawn ma jaffettwawx il-kompetenzi tal-Istati Membri jew tas-sħab soċjali fir-rigward tal-organizzazzjoni ta’ negozjati kollettivi fil-qafas tal-liġi tax-xogħol, jew il-possibbiltà li l-partijiet kontraenti jfittxu klassifikazzjoni mill-ġdid tal-istatus tal-impjieg tagħhom (jew l-awtoritajiet/qrati kompetenti biex jivvalutaw każijiet bħal dawn) skont il-liġi tal-UE jew dik nazzjonali.

(12)

Dawn il-Linji Gwida huma wkoll mingħajr ħsara għall-interpretazzjoni ulterjuri tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 101 TFUE fir-rigward tal-ftehimiet ta’ negozjar kollettiv. Dawn ma jaffettwawx l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE, kif preskritt mill-Artikolu 42 TFUE u l-leġiżlazzjoni (15) rilevanti tal-UE fir-rigward tas-setturi tal-agrikoltura u tas-sajd. Barra minn hekk, huma japplikaw mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) TFUE, li jeżenta mill-Artikolu 101(1) TFUE ftehimiet li (i) jikkontribwixxu għat-titjib tal-produzzjoni/distribuzzjoni ta’ oġġetti jew għall-promozzjoni tal-progress tekniku jew ekonomiku; (ii) jgħaddu sehem ġust mill-benefiċċji tagħhom lill-konsumaturi (iii) ikun fihom biss restrizzjonijiet indispensabbli tal-kompetizzjoni u (iv) ma jagħtux lill-partijiet il-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ parti sostanzjali tal-prodotti jew servizzi inkwistjoni (16).

(13)

Sabiex jiġi evitat kull dubju, il-ftehimiet kollettivi konklużi minn persuni li jaħdmu għal rashom li mhumiex koperti minn dawn il-Linji Gwida ma jiksrux awtomatikament l-Artikolu 101 TFUE, iżda jeħtieġu valutazzjoni individwali.

2.   Kamp ta’ applikazzjoni ġenerali ta’ dawn il-Linji Gwida

(a)   Tipi ta’ ftehimiet koperti minn dawn il-Linji Gwida

(14)

Dawn il-Linji Gwida japplikaw għall-ftehimiet kollha nnegozjati u/jew konklużi kollettivament bejn ċerti kategoriji ta’ persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom fuq naħa u l-kontraparti tagħhom fuq in-naħa l-oħra (imsemmija hawnhekk bħala “ftehimiet kollettivi”), sa fejn min-natura u l-għan tagħhom jikkonċernaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ tali persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom.

(15)

Mingħajr ħsara għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-forma tal-kanali ta’ rappreżentanza kollettiva għall-persuni li jaħdmu għal rashom, dawn il-Linji Gwida japplikaw għall-forom kollha ta’ negozjati kollettivi, li jvarjaw minn negozjati permezz ta’ sħab soċjali jew assoċjazzjonijiet oħra għal negozjar dirett minn grupp ta’ persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom mal-kontropartijiet tagħhom jew assoċjazzjonijiet ta’ dawk il-kontropartijiet. Huma jkopru wkoll każijiet fejn persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom jixtiequ jkunu koperti minn ftehim kollettiv eżistenti konkluż bejn il-kontroparti li jaħdmu għaliha u grupp ta’ ħaddiema/persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom.

(16)

Il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom jinkludu kwistjonijiet bħar-remunerazzjoni, il-ħin tax-xogħol u l-mudelli tax-xogħol, il-btajjel, il-liv, l-ispazji fiżiċi fejn isir ix-xogħol, is-saħħa u s-sikurezza, l-assigurazzjoni u s-sigurtà soċjali, u l-kundizzjonijiet li taħthom il-persuna waħedha li taħdem għal rasha tkun intitolata li tieqaf tipprovdi s-servizzi tagħha, pereżempju, b’reazzjoni għall-ksur tal-ftehim relatat mal-kundizzjonijiet tax-xogħol. Madankollu, ftehimiet li taħthom persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom jiddeċiedu kollettivament li ma jipprovdux servizzi lil kontropartijiet partikolari, pereżempju minħabba li l-kontroparti ma tkunx lesta li tidħol fi ftehim dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol jeħtieġu valutazzjoni individwali. Ftehimiet bħal dawn jirrestrinġu l-provvista ta’ ħaddiema u għalhekk jistgħu jqajmu tħassib dwar il-kompetizzjoni. Sa fejn jista’ jintwera li tali rifjut ikkoordinat għall-provvista ta’ ħaddiema huwa meħtieġ u proporzjonat għan-negozjar jew il-konklużjoni tal-ftehim kollettiv, dan jiġi ttrattat għall-finijiet ta’ dawn il-Linji Gwida bl-istess mod bħall-ftehim kollettiv li miegħu huwa marbut (jew kien ikun marbut fil-każ ta’ negozjati li ma rnexxewx).

(17)

Il-konklużjoni ta’ ftehimiet kollettivi tippresupponi ċertu livell ta’ koordinazzjoni bejn id-diversi partijiet fuq kull naħa tan-negozjati qabel il-konklużjoni tal-ftehim kollettiv. Tali koordinazzjoni tista’ tieħu l-forma ta’ ftehim jew skambju ta’ informazzjoni jew komunikazzjoni bejn il-partijiet fuq kull naħa tan-negozjati sabiex jiġi deċiż approċċ komuni għas-suġġett u l-forma ta’ negozjati (eż. multilaterali jew permezz tal-ħatra ta’ rappreżentanti). Għal darb’ oħra, sa fejn tali koordinazzjoni hija meħtieġa u proporzjonata għan-negozjar jew il-konklużjoni tal-ftehim kollettiv, għall-finijiet ta’ dawn il-Linji Gwida ser tiġi ttrattata bl-istess mod bħall-ftehim kollettiv li miegħu hija marbuta.

(18)

Dawn il-Linji Gwida ma jkoprux deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet jew ftehimiet bejn persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom barra mill-kuntest tan-negozjati (jew tħejjijiet għal negozjati) ma’ kontroparti biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persuni li jaħdmu għal rashom. B’mod partikolari, dawn ma jkoprux ftehimiet li jmorru lil hinn mir-regolamentazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol billi jiddeterminaw il-kundizzjonijiet (b’mod partikolari, il-prezzijiet) li taħthom is-servizzi jiġu offruti mill-persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom jew mill-kontroparti lill-konsumaturi (17), jew li jillimitaw il-libertà tal-impjegaturi li jimpjegaw il-fornituri tax-xogħol li jeħtieġu.

Eżempju 1

Sitwazzjoni: Is-sewwieqa li jaħdmu għal rashom waħedhom jipprovdu s-servizzi tagħhom lit-tliet pjattaformi ta’ konsenja attivi fil-belt B. Hemm fis-seħħ ftehim kollettiv bejn il-pjattaformi ta’ konsenja u s-sewwieqa, li jistabbilixxi t-tariffi li l-pjattaformi jridu jħallsu lis-sewwieqa għas-servizzi tagħhom, kif ukoll l-obbligi minimi tas-saħħa u s-sigurtà tal-pjattaformi lejn is-sewwieqa. Il-Ftehim kollettiv jipprevedi li s-sewwieqa jillimitaw is-servizzi tagħhom għal żona speċifika tal-belt. Għal dak il-għan, il-ftehim jaqsam il-belt fi tliet oqsma separati, waħda għas-sewwieqa ta’ kull pjattaforma. Separatament, is-sewwieqa waħedhom li jaħdmu għal rashom fil-belt B jaqblu bejniethom li ma jwettqux aktar minn għoxrin kunsinna kull erba’ sigħat f’jum tax-xogħol.

Analiżi: L-eżempju fih żewġ ftehimiet bejn impriżi skont it-tifsira tal-Artikolu 101 TFUE: (i) il-ftehim kollettiv bejn il-pjattaformi u s-sewwieqa li jaħdmu għal rashom waħedhom; (ii) il-ftehim separat bejn is-sewwieqa li jaħdmu għal rashom fuq in-numru massimu ta’ kunsinni. Il-ftehim kollettiv huwa kopert minn dawn il-Linji Gwida, peress li huwa r-riżultat ta’ negozjati kollettivi u jirregola l-kundizzjonijiet tax-xogħol (it-tariffi, il-kundizzjonijiet tas-saħħa u s-sigurtà) li skonthom is-sewwieqa li jaħdmu għal rashom jipprovdu s-servizzi tagħhom lill-pjattaformi. Madankollu, il-parti tal-ftehim kollettiv li taqsam it-territorju tal-belt bejn it-tliet pjattaformi ma tirrigwardax il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, iżda tikkostitwixxi ftehim ta’ tqassim tas-swieq, li bħala tali jista’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni minħabba l-għan skont l-Artikolu 101 TFUE (18).

B’kuntrast ma’ dan, il-ftehim separat bejn is-sewwieqa li jaħdmu għal rashom waħedhom dwar l-għadd ta’ kunsinni għal kull jum tax-xogħol mhuwiex ir-riżultat ta’ negozjati kollettivi bejn il-persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom u l-kontraparti tagħhom u għalhekk mhuwiex kopert minn dawn il-Linji Gwida iżda għandu jiġi analizzat separatament.

Eżempju 2

Sitwazzjoni: Il-klabbs sportivi fl-Istat Membru X jaqblu bejniethom li ma jirreklutawx atleti minn xulxin, għat-tul tal-kuntratti tagħhom mal-klabb sportiv rispettiv. Il-klabbs jikkoordinaw ukoll il-livelli ta’ remunerazzjoni tal-atleti li għandhom aktar minn 35 sena.

Analiżi: L-arranġamenti bejn il-klabbs sportivi jikkostitwixxu ftehimiet bejn impriżi skont it-tifsira tal-Artikolu 101 TFUE. Dawn l-arranġamenti mhumiex koperti minn dawn il-Linji Gwida, peress li mhumiex negozjati bejn persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom u l-kontropartijiet tagħhom u għalhekk mhumiex ftehimiet kollettivi. L-ewwel arranġament x’aktarx jikser l-Artikolu 101 TFUE minħabba l-għan tiegħu, peress li jirrestrinġi l-kompetizzjoni bejn il-klabbs sportivi biex jimpjegaw l-aqwa atleti fis-suq. It-tieni arranġament (iffissar tal-pagi), jista’ wkoll jikser l-Artikolu 101 TFUE minħabba l-għan tiegħu, peress li essenzjalment huwa ftehim bejn kompetituri (il-klabbs) biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-input tagħhom.

B’mod ġenerali, l-eżempju preżenti juri prattiki ta’ impriżi fis-swieq tax-xogħol li b’mod ċar jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u li x’aktarx jiksru l-Artikolu 101 TFUE. B’mod partikolari, il-ftehimiet tal-eżempju bejn klabbs sportivi x’aktarx jiksru l-Artikolu 101 TFUE irrispettivament minn jekk humiex relatati ma’ persuni li jaħdmu għal rashom jew ħaddiema.

(b)   Il-persuni koperti minn dawn il-Linji Gwida

(19)

Dawn il-Linji Gwida jkopru ftehimiet kollettivi relatati mal-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom (ara t-Taqsimiet III u IV ta’ dawn il-Linji Gwida). Għall-finijiet ta’ dawn il-Linji Gwida, it-terminu “persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom” jirreferi għal persuni li ma għandhomx kuntratt ta’ impjieg jew li mhumiex f’relazzjoni ta’ impjieg u li jiddependu primarjament fuq ix-xogħol personali tagħhom għall-provvista tas-servizzi kkonċernati. Persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom jistgħu jużaw ċerti oġġetti jew assi sabiex jipprovdu s-servizzi tagħhom. Pereżempju, ħaddiem tat-tindif juża aċċessorji tat-tindif u mużiċista idoqq strument mużikali. F’dawn il-każijiet, il-prodotti jintużaw bħala mezz anċillari biex jiġi pprovdut is-servizz finali, u l-persuni waħedhom li jaħdmu għal rashom għalhekk jitqiesu li jiddependu fuq ix-xogħol personali tagħhom. B’kuntrast ma’ dan, dawn il-Linji Gwida ma japplikawx għal sitwazzjonijiet, fejn l-attività ekonomika tal-persuna li taħdem għal rasha waħedha tikkonsisti sempliċiment fil-kondiviżjoni jew fl-isfruttament ta’ oġġetti jew assi, jew fil-bejgħ mill-ġdid ta’ oġġetti/servizzi. Pereżempju, fejn persuna li taħdem għal rasha waħedha tikri akkomodazzjoni jew tbigħ mill-ġdid partijiet tal-karozzi, dawn l-attivitajiet jirrelataw mal-isfruttament tal-assi u l-bejgħ mill-ġdid ta’ oġġetti, aktar milli l-forniment ta’ xogħol personali.

(20)

It-Taqsima III ta’ dawn il-Linji Gwida tistabbilixxi l-kategoriji ta’ ftehimiet kollettivi li jinvolvu persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom li l-Kummissjoni tqis li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-TFUE u t-Taqsima IV tistabbilixxi l-kategoriji ta’ ftehimiet kollettivi li l-Kummissjoni mhux se tintervjeni kontrihom. Il-kategoriji ta’ persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom u/jew ftehimiet kollettivi identifikati fit-Taqsima III u IV ta’ dawn il-Linji Gwida jenħtieġ li jirrispettaw u jikkonformaw bis-sħiħ mal-prinċipji ġenerali li jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida stabbiliti f’din it-Taqsima II.

3.   Ftehimiet kollettivi minn persuni waħedhom li jaħdmu għal rashom komparabbli ma’ ħaddiema li ma jaqgħux taħt l-Artikolu 101 tat-TFUE

(21)

F’każijiet fejn persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom jitqiesu li huma f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-ħaddiema, il-ftehimiet kollettivi tagħhom għandhom jitqiesu li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE irrispettivament minn jekk jissodisfawx il-kriterji biex ikunu persuni li jaħdmu għal rashom foloz (ara l-paragrafu (5) ta’ dawn il-Linji Gwida) (19).

(22)

Il-Qorti ddeċidiet li ftehim kollettiv li jkopri fornituri ta’ servizzi li jaħdmu għal rashom jista’ jitqies bħala r-riżultat ta’ djalogu bejn il-maniġment u l-ħaddiema jekk il-fornituri tas-servizzi jkunu f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-ħaddiema (20) u kkonfermat li “fl-ekonomija tal-lum mhuwiex dejjem faċli li jiġi stabbilit l-istatus ta’ xi kuntratturi li jaħdmu għal rashom bħala “impriżi” (21). Il-Qorti ddeċidiet ukoll li “fornitur ta’ servizz jista’ jitlef l-istatus tiegħu ta’ kummerċjant indipendenti, u għalhekk ta’ impriża, jekk ma jiddeterminax b’mod indipendenti l-imġiba tiegħu fis-suq, iżda jkun kompletament dipendenti fuq il-prinċipal tiegħu, minħabba li ma jġorr l-ebda wieħed mir-riskji finanzjarji jew kummerċjali li jirriżultaw mill-attività ta’ dan tal-aħħar u jopera bħala organu awżiljarju fl-impriża tal-prinċipal” (22).

(23)

Abbażi ta’ dawn il-kriterji u filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol tal-UE u fil-livell nazzjonali (f’termini ta’ leġiżlazzjoni u ġurisprudenza), għall-finijiet ta’ dawn il-Linji Gwida, il-Kummissjoni tqis li l-kategoriji li ġejjin ta’ persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom huma f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-ħaddiema u li l-ftehimiet kollettivi konklużi minnhom għalhekk jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE (23):

(a)   Persuni li jaħdmu għal rashom ekonomikament dipendenti

(24)

Persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom li jipprovdu s-servizzi tagħhom esklużivament jew b’mod predominanti lil kontroparti waħda x’aktarx li jkunu f’sitwazzjoni ta’ dipendenza ekonomika vis-à-vis dik il-kontroparti. B’mod ġenerali, tali persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom ma jiddeterminawx l-imġiba tagħhom b’mod indipendenti fis-suq u jiddependu ħafna fuq il-kontroparti tagħhom, li tifforma parti integrali min-negozju tagħha. Barra minn hekk, huma aktar probabbli li jirċievu direzzjonijiet dwar kif il-ħidma tagħhom għandha titwettaq. Il-kwistjoni ta’ persuni li jaħdmu għal rashom ekonomikament dipendenti ġiet rikonoxxuta minn għadd ta’ liġijiet nazzjonali li jagħtu lil tali persuni li jaħdmu għal rashom id-dritt li jinnegozjaw kollettivament, dment li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti mill-miżuri nazzjonali rispettivi (24).

(25)

Il-Kummissjoni tqis li persuna li taħdem għal rasha waħedha tinsab f’sitwazzjoni ta’ dipendenza ekonomika fejn hija taqla’ mill-inqas 50 % tad-dħul annwali totali tagħha relatat max-xogħol minn kontroparti waħda. Għalhekk, il-ftehimiet kollettivi relatati mat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol konklużi bejn persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ dipendenza ekonomika u l-kontroparti tagħhom li huma ekonomikament dipendenti fuqha ma jaqgħux taħt l-Artikolu 101 tat-TFUE, anki jekk il-persuni li jaħdmu għal rashom inkwistjoni ma ġewx ikklassifikati mill-ġdid bħala ħaddiema mill-awtoritajiet/qrati nazzjonali.

Eżempju 3

Sitwazzjoni: Il-kumpanija X hija kumpanija ta’ periti li tikkuntratta għadd kbir ta’ periti (li jaħdmu għal rashom) għat-tlestija tal-proġetti tagħha. Il-periti jaqilgħu 90 % tad-dħul tagħhom mill-Kumpanija X. Jinnegozjaw u jikkonkludu b’mod kollettiv ftehim mal-Kumpanija X li jipprevedi massimu ta’ 45 siegħa xogħol fil-ġimgħa, liv annwali ta’ 26 jum kalendarju u rati ta’ remunerazzjoni speċifikati bbażati fuq il-livell ta’ esperjenza tal-perit.

Analiżi: Periti li jaħdmu għal rashom, bħal kuntratturi indipendenti oħra, ġeneralment jitqiesu bħala impriżi għall-finijiet tal-Artikolu 101 TFUE u għalhekk dik id-dispożizzjoni tapplika għal ftehimiet bejniethom. Madankollu, il-ftehim konkluż bejn il-periti li jaħdmu għal rashom u l-Kumpanija X jaqa’ barra mill-ambitu tal-Artikolu 101 TFUE, peress li huwa ftehim kollettiv relatat mal-kundizzjonijiet tax-xogħol bejn il-Kumpanija X u l-individwi li jistgħu jitqiesu li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-ħaddiema (f’termini tad-dipendenza ekonomika tagħhom). F’dan l-eżempju, l-arkitetti huma ekonomikament dipendenti fuq il-kontroparti tagħhom (Kumpanija X), peress li jaqilgħu 90 % tad-dħul tagħhom minn dik il-kumpanija. Għalhekk jistgħu jitqiesu li jiffurmaw parti integrali mill-Kumpanija X.

(b)   Persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom li jaħdmu “b’mod parallel” mal-ħaddiema

(26)

Persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom li jwettqu l-istess kompiti jew kompiti simili “b’mod parallel” ma’ ħaddiema għall-istess kontroparti, huma f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-ħaddiema, peress li jipprovdu s-servizzi tagħhom taħt id-direzzjoni tal-kontroparti tagħhom u ma jġorrux ir-riskji kummerċjali tal-attività tal-kontroparti jew igawdu minn kwalunkwe indipendenza fir-rigward tal-prestazzjoni tal-attività ekonomika kkonċernata. Huwa f’idejn l-awtoritajiet/qrati nazzjonali kompetenti, li jiddeċiedu jekk ir-relazzjoni kuntrattwali ta’ persuni li jaħdmu għal rashom li jaħdmu flimkien mal-ħaddiema għandhiex tiġi kklassifikata mill-ġdid bħala relazzjoni ta’ impjieg. Madankollu, f’każijiet fejn il-persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom ma ġewx ikklassifikati mill-ġdid bħala ħaddiema, xorta jistgħu jibbenefikaw minn negozjar kollettiv. Din ir-realtà ġiet rikonoxxuta mill-prattika f’diversi Stati Membri fejn il-ftehimiet kollettivi jkopru l-ħaddiema u l-persuni li jaħdmu għal rashom attivi fl-istess setturi (25).

(27)

Għalhekk, ftehimiet kollettivi relatati mal-kundizzjonijiet tax-xogħol bejn kontroparti u persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom li jwettqu l-istess kompiti jew kompiti simili “b’mod parallel” ma’ ħaddiema għall-istess kontroparti jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, anki jekk il-persuni li jaħdmu għal rashom inkwistjoni ma ġewx ikklassifikati mill-ġdid bħala ħaddiema mill-awtoritajiet/qrati nazzjonali. L-istess japplika għall-ftehimiet kollettivi li skont is-sistemi tad-djalogu soċjali jkopru kemm il-ħaddiema kif ukoll il-persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom.

Eżempju 4

Sitwazzjoni: Il-kumpanija X torganizza kunċerti orkestrali u avvenimenti mużikali klassiċi oħra. Għadd ta’ mużiċisti jaħdmu ma’ Kumpanija X bħala ħaddiema jew bħala persuni li jaħdmu għal rashom, fuq il-bażi ta’ kuntratti annwali. Dawn il-mużiċisti, indipendentement mill-istatus tagħhom, jingħataw struzzjonijiet mid-direttur kulturali tal-Kumpanija X dwar ix-xogħlijiet li jridu jwettqu, il-ħin u l-post tal-provi u l-avvenimenti li fihom iridu jipparteċipaw. Il-kumpanija X ikkonkludiet ftehim kollettiv mal-mużiċisti kollha. Dan jistabbilixxi limitu massimu ta’ 45 siegħa ta’ xogħol fil-ġimgħa u jagħti lill-mużiċisti leave speċjali ta’ 1 jum wara li jsiru 3 kunċerti fl-istess ġimgħa.

Analiżi: Il-mużiċisti li jaħdmu għal rashom waħedhom jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli ta’ dik tal-ħaddiema tal-Kumpanija X f’termini ta’ subordinazzjoni u similarità tal-kompiti. Huma jwettqu l-istess kompiti bħall-mużiċisti impjegati (jiġifieri jwettqu mużika għal avvenimenti), huma soġġetti għall-istess struzzjonijiet tal-Kumpanija X rigward il-kontenut, il-post u l-ħin tal-prestazzjonijiet u huma ingaġġati għal tul ta’ żmien simili bħall-mużiċisti impjegati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ftehim kollettiv li jirregola l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-mużiċisti ma jaqax fl-ambitu tal-Artikolu 101 TFUE.

(c)   Persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi diġitali tax-xogħol

(28)

Il-ħolqien ta’ ekonomija tal-pjattaformi online u l-provvista tax-xogħol permezz ta’ pjattaformi diġitali tax-xogħol ħolqu realtà ġdida għal ċerti persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom, li jsibu ruħhom f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-ħaddiema vis-à-vis il-pjattaformi diġitali tax-xogħol li permezz tagħhom jipprovdu x-xogħol tagħhom. Persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom jistgħu jkunu dipendenti fuq pjattaformi diġitali, speċjalment f’termini tas-sensibilizzazzjoni tal-klijenti tagħhom, u spiss jistgħu jiffaċċjaw offerti ta’ xogħol fissi, bi ftit jew mingħajr skop biex jinnegozjaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, inkluża r-remunerazzjoni tagħhom. Il-pjattaformi diġitali tax-xogħol normalment ikunu jistgħu jimponu b’mod unilaterali t-termini u l-kundizzjonijiet tar-relazzjoni tagħhom, mingħajr informazzjoni jew konsultazzjoni minn qabel mal-persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom.

(29)

Il-ġurisprudenza reċenti u l-iżviluppi leġiżlattivi fil-livell nazzjonali jipprovdu indikazzjonijiet ulterjuri tal-komparabbiltà ta’ tali persuni li jaħdmu għal rashom mal-ħaddiema. Fil-kuntest tal-kawżi ta’ riklassifikazzjoni, il-qrati nazzjonali qed jirrikonoxxu dejjem aktar id-dipendenza tal-fornituri tas-servizzi fuq ċerti tipi ta’ pjattaformi, jew saħansitra l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg (26). Bl-istess mod, xi Stati Membri adottaw leġiżlazzjoni (27) li tistabbilixxi preżunzjoni ta’ relazzjoni ta’ impjieg jew id-dritt għal negozjar kollettiv għall-fornituri ta’ servizzi lejn jew permezz ta’ pjattaformi diġitali.

(30)

Għall-finijiet ta’ dawn il-Linji Gwida, it-terminu pjattaforma tax-xogħol diġitali jfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi servizz kummerċjali li jissodisfa r-rekwiżiti kollha li ġejjin: (i) jiġi pprovdut, tal-anqas parzjalment, mill-bogħod permezz ta’ mezzi elettroniċi, bħal sit web jew applikazzjoni mobbli; (ii) jiġi pprovdut fuq talba ta’ riċevitur tas-servizz; u (iii) jinvolvi, bħala komponent neċessarju u essenzjali, l-organizzazzjoni tax-xogħol imwettqa minn individwi, irrispettivament minn jekk dak ix-xogħol isirx online jew f’ċertu post. Il-pjattaformi li ma jorganizzawx ix-xogħol tal-individwi iżda sempliċement jipprovdu mezz li permezz tiegħu l-persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom jistgħu jilħqu lill-utenti aħħarin ma jikkostitwixxux pjattaformi diġitali tax-xogħol. Pereżempju, pjattaforma li sempliċiment taggrega u turi l-fornituri tas-servizz disponibbli (eż. fitter tal-pajpijiet) f’qasam speċifiku, u b’hekk tippermetti lill-klijenti jużaw is-servizzi tagħhom fuq talba, mhijiex meqjusa bħala pjattaforma tax-xogħol diġitali, peress li ma torganizzax ix-xogħol tal-fornituri tas-servizzi.

(31)

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-ftehimiet kollettivi bejn persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom u pjattaformi diġitali tax-xogħol li min-natura u l-għan tagħhom għandhom l-għan li jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-TFUE, anki jekk il-persuni li jaħdmu għal rashom inkwistjoni ma ġewx ikklassifikati mill-ġdid bħala ħaddiema mill-awtoritajiet/qrati nazzjonali.

Eżempju 5

Sitwazzjoni: Grupp ta’ xufiera li jaħdmu għal pjattaformi ta’ ride-hailing jidħol f’negozjati mal-assoċjazzjoni reġjonali li tgħaqqad flimkien bħala membri l-pjattaformi ta’ ride-hailing sabiex jiġi konkluż ftehim kollettiv biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufiera. Qabel ma jidħlu f’negozjati max-xufiera, il-pjattaformi ta’ ride-hailing (membri tal-assoċjazzjoni) jikkoordinaw l-istrateġija ta’ negozjar tagħhom. Fl-aħħar mill-aħħar, in-negozjati jfallu u ma jiġi konkluż l-ebda ftehim kollettiv. Sussegwentement, l-assoċjazzjoni tal-pjattaformi ta’ ride-hailing tadotta deċiżjoni li tistabbilixxi prezz minimu ta’ EUR 5 għal kull rikba għall-konsumaturi. Il-pjattaformi ddiskutew ukoll il-possibbiltà li jiġi ffissat prezz minimu għal kull rikba bħala parti mill-koordinazzjoni tagħhom qabel ma jidħlu fin-negozjati max-xufiera.

Analiżi: Permezz tal-assoċjazzjoni tagħhom, il-pjattaformi ta’ ride-hailing jippruvaw jinnegozjaw ftehim kollettiv max-xufiera, bil-għan li jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufiera. Minkejja l-fatt li fl-aħħar mill-aħħar ma ġie konkluż l-ebda ftehim, in-negozjati bejn ix-xufiera li jaħdmu għal rashom waħedhom u l-assoċjazzjoni tal-pjattaformi jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE. L-istess japplika għall-koordinazzjoni bejn il-pjattaformi qabel in-negozjati max-xufiera, sakemm tali koordinazzjoni tkun meħtieġa u proporzjonata għan-negozjar ta’ ftehim kollettiv kopert minn dawn il-Linji Gwida.

Madankollu, id-diskussjonijiet bejn il-pjattaformi dwar il-prezz minimu għal kull rikba li għandu jintalab lill-konsumaturi ma jirrigwardawx il-kundizzjonijiet tax-xogħol. Tali koordinazzjoni dwar l-ipprezzar bejn kompetituri x’aktarx tikser l-Artikolu 101 TFUE minħabba l-għan. Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni adottata mill-assoċjazzjoni ta’ pjattaformi ta’ ride-hailing taqa’ barra mill-ambitu ta’ dawn il-Linji Gwida minħabba li mhijiex ir-riżultat ta’ negozjati kollettivi bejn persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom u l-kontropartijiet tagħhom. Hija r-riżultat ta’ ftehim bejn il-membri tal-assoċjazzjoni, jiġifieri l-pjattaformi (kontropartijiet).

Għall-kuntrarju, kieku x-xufiera li jaħdmu għal rashom waħedhom u l-assoċjazzjoni tal-pjattaformi kienu qablu b’mod kollettiv dwar tariffa minima ta’ EUR 5 għal kull rikba għax-xufiera (irrispettivament minn kif dak il-kost jiġi mgħoddi lill-konsumaturi), tali ftehim kien jitqies li huwa relatat mal-kundizzjonijiet tax-xogħol u b’hekk jaqa’ barra mill-ambitu tal-Artikolu 101 TFUE.

4.   Prijoritajiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni

(32)

F’xi każijiet, persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom li mhumiex f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-ħaddiema jistgħu madankollu jkunu f’pożizzjoni ta’ negozjar dgħajfa vis-à-vis il-kontropartijiet tagħhom u għalhekk jistgħu ma jkunux jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinifikanti l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Għalhekk, anki jekk ma jistax jiġi preżunt li l-ftehimiet kollettivi tagħhom ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, dawn il-persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom jistgħu fil-fatt jiffaċċjaw kwistjonijiet li huma simili għal dawk li jiffaċċjaw persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom fil-kategoriji deskritti hawn fuq. Għal din ir-raġuni, sa fejn il-ftehimiet kollettivi għandhom l-għan li jikkoreġu żbilanċ ċar fis-setgħa ta’ negozjar ta’ persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom meta mqabbla mal-kontropartijiet tagħhom u huma maħsuba, min-natura u l-għan tagħhom, biex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-Kummissjoni mhux se tintervjeni kontrihom.

(33)

Il-kategoriji li ġejjin ta’ ftehimiet kollettivi se jitqiesu li jissodisfaw il-kriterji ta’ hawn fuq:

(a)   Ftehimiet kollettivi konklużi minn persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom b’kontropartijiet ta’ ċerta saħħa ekonomika

(34)

Persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom li jittrattaw ma’ kontropartijiet li għandhom ċertu livell ta’ saħħa ekonomika, u għalhekk setgħa tax-xerrej, jista’ jkollhom setgħa ta’ negozjar insuffiċjenti biex jinfluwenzaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. F’dak il-każ, il-ftehimiet kollettivi jistgħu jkunu mezz leġittimu biex jiġi kkoreġut l-iżbilanċ fis-saħħa tan-negozjar bejn iż-żewġ naħat.

(35)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni mhux se tintervjeni kontra ftehimiet kollettivi bejn persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom u l-kontropartijiet tagħhom f’każijiet fejn hemm żbilanċ ċar fis-setgħa tan-negozjar (28). Żbilanċ bħal dan fis-saħħa tan-negozjar se jitqies li jeżisti mill-inqas:

fejn persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom jinnegozjaw jew jikkonkludu ftehimiet kollettivi ma’ kontroparti waħda jew aktar li jirrappreżentaw is-settur jew l-industrija kollha; kif ukoll

fejn persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom jinnegozjaw jew jikkonkludu ftehimiet kollettivi ma’ kontroparti li l-fatturat aggregat annwali tagħha jaqbeż il-EUR 2 miljun jew li l-għadd tal-persunal tagħha jkun daqs jew aktar minn 10 persuna jew ma’ diversi kontropartijiet li b’mod konġunt jaqbżu wieħed minn dawn il-livelli limitu (29).

Eżempju 6

Sitwazzjoni: Il-kumpaniji X, Y u Z jipprovdu servizzi ta’ manutenzjoni u tiswija tal-karozzi. Il-fatturat totali tal-Kumpanija X huwa ta’ EUR 700 000, dak tal-Kumpanija Y huwa ta’ EUR 1 miljun u dak tal-Kumpanija Z huwa ta’ EUR 500 000. It-tekniċi indipendenti li jaħdmu għal rashom, li jaħdmu għal dawn il-kumpaniji bħala fornituri indipendenti tas-servizzi mhumiex sodisfatti bir-remunerazzjoni baxxa tagħhom u bil-kundizzjonijiet ħżiena ta’ sikurezza, u jiddeċiedu li jinnegozjaw b’mod konġunt mal-Kumpaniji X, Y u Z sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. It-tliet kumpaniji jirrifjutaw li jinnegozjaw, billi jsostnu li kwalunkwe ftehim kollettiv mat-tekniċi li jaħdmu għal rashom waħedhom jikser l-Artikolu 101 tat-TFUE.

Analiżi: Kemm it-tekniċi li jaħdmu għal rashom waħedhom kif ukoll it-tliet kumpaniji tas-servizzi awtomobilistiċi huma impriżi għall-finijiet tal-Artikolu 101 tat-TFUE. Il-preżunzjoni ta’ żbilanċ fis-setgħa tan-negozjar ma tapplikax kieku l-Kumpaniji X, Y jew Z kellhom jinnegozjaw b’mod indipendenti, peress li l-ebda waħda minnhom ma tissodisfa l-limitu tal-fatturat ta’ EUR 2 miljuni speċifikat fil-paragrafu (35) ta’ dawn il-Linji Gwida. Madankollu, f’dan il-każ, il-preżunzjoni tapplika, peress li t-tliet kumpaniji jinnegozjaw kollettivament u għalhekk huwa d-dħul mill-bejgħ akkumulat tagħhom li jiġi kkunsidrat. Il-Kummissjoni għalhekk ma tintervjenix kontra ftehimiet kollettivi relatati mal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom f’dan il-każ.

(b)   Ftehimiet kollettivi konklużi minn persuni li jaħdmu għal rashom skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew tal-UE

(36)

F’xi każijiet, il-leġiżlatur nazzjonali, fl-insegwiment ta’ objettivi soċjali, aġixxa biex jindirizza l-iżbilanċ fis-saħħa tan-negozjar ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom, jew (i) billi espliċitament jagħti lil dawn il-persuni d-dritt għal negozjar kollettiv jew (ii) billi jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni ftehimiet kollettivi konklużi minn persuni li jaħdmu għal rashom f’ċerti professjonijiet. Għalhekk, meta tali miżuri nazzjonali jiġu adottati b’kunsiderazzjoni tal-objettivi soċjali, il-Kummissjoni mhux se tintervjeni kontra ftehimiet kollettivi li jinvolvu kategoriji ta’ persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom li għalihom tapplika leġiżlazzjoni nazzjonali bħal din.

Eżempju 7

Sitwazzjoni: Il-liġi nazzjonali ta’ Stat Membru A teskludi mill-ambitu ta’ ftehimiet nazzjonali dwar il-liġi tal-kompetizzjoni konklużi minn ċerti persuni li jaħdmu għal rashom fis-settur kulturali.

Analiżi: L-Istat Membru A stabbilixxa eżenzjoni settorjali mid-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni b’kunsiderazzjoni tal-għanijiet soċjali. Anki jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura jista’ jmur lil hinn mis-sitwazzjoni ta’ persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom kif indirizzat fit-Taqsima III ta’ dawn il-Linji Gwida, il-Kummissjoni ma tintervjenix kontra ftehimiet kollettivi konklużi minn persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom skont il-miżura nazzjonali.

Eżempju 8

Sitwazzjoni: Il-liġi tax-xogħol tal-Istat Membru B tistabbilixxi dritt għall-ġurnalisti li jaħdmu għal rashom waħedhom li jinnegozjaw b’mod kollettiv mal-kumpaniji li lilhom jipprovdu s-servizzi tagħhom.

Analiżi: L-Istat Membru B ta speċifikament id-dritt ta’ negozjar kollettiv lil kategorija partikolari ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, jiġifieri l-ġurnalisti. Dan ifisser li l-ftehimiet kollettivi konklużi bejn il-ġurnalisti u l-kumpaniji li lilhom jipprovdu s-servizzi tagħhom mhumiex meqjusa bħala antikompetittivi skont il-liġi nazzjonali tal-kompetizzjoni. Għalhekk, f’dan il-każ il-Kummissjoni ma tintervjenix kontra ftehimiet kollettivi konklużi minn ġurnalisti li jaħdmu għal rashom waħedhom.

(37)

Bl-istess mod, id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur (30) stabbiliet il-prinċipju li l-awturi u l-artisti (31) għandhom ikunu intitolati li jirċievu remunerazzjoni xierqa u proporzjonata meta jilliċenzjaw jew jittrasferixxu d-drittijiet esklużivi tagħhom għall-isfruttament tax-xogħlijiet tagħhom u kwalunkwe materjal ieħor protett bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati (32). L-awturi u l-artisti għandhom it-tendenza li jkunu f’pożizzjoni kuntrattwali aktar dgħajfa mill-kontropartijiet tagħhom (33) u d-Direttiva tipprevedi l-possibbiltà li jsaħħu l-pożizzjoni kuntrattwali tagħhom sabiex jiżguraw remunerazzjoni ġusta fil-kuntratti ta’ sfruttament tagħhom (34). Id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur tagħti flessibbiltà lill-Istati Membri biex jimplimentaw dan il-prinċipju bl-użu ta’ mekkaniżmi differenti (inkluż in-negozjar kollettiv), sakemm dawn ikunu konformi mal-liġi tal-UE (35).

(38)

F’konformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni oħra tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur, il-Kummissjoni mhijiex se tintervjeni kontra ftehimiet kollettivi konklużi minn awturi jew artisti li jaħdmu għal rashom waħedhom mal-kontropartijiet tagħhom skont din id-Direttiva.

(39)

Il-paragrafu (38) ta’ dawn il-Linji Gwida ma japplikax għan-negozjati kollettivi konklużi fil-kuntest tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jew tal-entitajiet ta’ mmaniġġjar indipendenti (36). Dawn il-Linji Gwida ma għandhomx jiġu interpretati bħala li jeskludu mill-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE l-prattiki ta’ dawn l-organizzazzjonijiet jew entitajiet (37).

Eżempju 9

Sitwazzjoni: Il-kumpanija Y hija pubblikatur ta’ gazzetti u rivisti. Diversi ġurnalisti li jaħdmu bħala freelancers, jikkontribwixxu b’artikli għall-pubblikazzjonijiet tal-Kumpanija Y. Il-kumpanija Y tħallas lill-ġurnalisti, abbażi tal-artikli ppubblikati f’kull gazzetta jew rivista. Il-ġurnalisti mhumiex sodisfatti bil-livell ta’ remunerazzjoni li jirċievu mill-Kumpanija Y u jinnegozjaw u jaqblu kollettivament mal-Kumpanija Y dwar żieda fir-royalties (remunerazzjoni) imħallsa mill-Kumpanija Y b’20 %.

Analiżi: Skont dawn il-Linji Gwida, il-Kummissjoni mhix se tintervjeni kontra l-ftehim kollettiv konkluż mill-ġurnalisti indipendenti (freelancer) u l-Kumpanija Y peress li l-ftehim huwa konkluż skont id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur.


(1)  Għall-finijiet ta’ dawn il-Linji Gwida, it-terminu “persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom” jirreferi għal persuni li ma għandhomx kuntratt ta’ impjieg jew li mhumiex f’relazzjoni ta’ impjieg u li jiddependu primarjament fuq ix-xogħol personali tagħhom għall-provvista tas-servizzi kkonċernati.

(2)  Għall-fini ta’ dawn il-Linji Gwida, it-terminu “kontropartijiet” jirreferi għal impriżi li magħhom il-persuni waħedhom li jaħdmu għal rashom jikkuntrattaw (jiġifieri l-klijenti professjonali tagħhom), inklużi l-assoċjazzjonijiet ta’ tali impriżi.

(3)  Titolu VII, Kapitolu 1, Taqsima 1 tat-TFUE u l-Protokoll Nru 27 tat-TUE u t-TFUE.

(4)  Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, punt 8; https://ec.europa.eu/info/strategy/priorities-2019-2024/economy-works-people/jobs-growth-and-investment/european-pillar-social-rights/european-pillar-social-rights-20-principles_mt .

(5)  Is-Sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2014, FNV Kunsten Informatie en Media v Staat der Nederlanden, C-413/13, EU:C:2014:2411, paragrafu 22; Is-Sentenza tal-21 ta’ Settembru 1999, Albany International BV v Stichting Bedrijfspensioenfonds Textielindustrie, C-67/96, EU:C:1999:430, paragrafu 59; Is-Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union v Viking Line ABP u OÜ Viking Line Eesti, C-438/05, UE:C:2007:772, paragrafu 49; Is-Sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009, 3F v Commission of the European Communities, C-319/07, EU:C:2009:435, paragrafu 50.

(6)  Is-Sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2014, FNV Kunsten Informatie en Media v Staat der Nederlanden, C-413/13, EU:C:2014:2411, paragrafu 23; Is-Sentenza tal-21 ta’ Settembru 1999, Albany International BV v Stichting Bedrijfspensioenfonds Textielindustrie, C-67/96, EU:C:1999:430, paragrafu 60; Is-Sentenza tal-21 ta’ Settembru 1999, Brentjens' Handelsonderneming BV v Stichting Bedrijfspensioenfonds voor de Handel in Bouwmaterialen, C-115/97, EU:C:1999:434, paragrafu 57; Is-Sentenza tal-21 ta’ Settembru 1999, Maatschappij Drijvende Bokken BV v Stichting Pensioenfonds voor de Vervoer- en Havenbedrijven, C-219/97, EU:C:1999:437, paragrafu 47; Is-Sentenza tat-12 ta’ Settembru 2000, Pavel Pavlov u Others v Stichting Pensioenfonds Medische Specialisten, C-180/98, EU:C:2000:428, paragrafu 67; Is-Sentenza tal-21 ta’ Settembru 2000, Hendrik van der Woude v Stichting Beatrixoord, C-222/98, EU:C:2000:475, paragrafu 22; Is-Sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, AG2R Prévoyance v Beaudout Père et Fils SARL, C-437/09, EU:C:2011:112, paragrafu 29.

(7)  Għall-kuntrarju ta’ persuni li jaħdmu għal rashom ġenwini, li jistgħu jagħżlu l-attività, il-post, il-ħin u l-mod tax-xogħol tagħhom liberament u jwettquha għar-riskju tagħhom stess.

(8)  Is-Sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2014, FNV Kunsten Informatie en Media v Staat der Nederlanden, C-413/13, EU:C:2014:2411, paragrafi 30-31.

(9)  Is-Sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2014, FNV Kunsten Informatie en Media v Staat der Nederlanden, C-413/13, EU:C:2014:2411, paragrafi 36-37.

(10)  Il-Parlament Ewropew, Rapport tat-13 ta’ Ottubru 2021 dwar is-sitwazzjoni tal-artisti u l-irkupru kulturali fl-UE (2020/2261 (INI)), Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/A-9-2021-0283_EN.html#title1.

(11)  Sentenza tat-23 April 1991, Klaus Höfner u Fritz Elser v Macrotron GmbH, Kawża C-41/90, EU:C:1991:161, paragrafu 21; Is-Sentenza tas-16 ta’ Novembru 1995, Fédération Française des Sociétés d'Assurance, Société Paternelle-Vie, Union des Assurances de Paris-Vie u Caisse d'Assurance et de Prévoyance Mutuelle des Agriculteurs v Ministère de l'Agriculture et de la Pêche, Kawża C-244/94, UE:C:1995:392, paragrafu 14; Is-Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 1997, Job Centre coop. arl., Case C-55/96, EU:C:1997:603, paragrafu 21.

(12)  Is-Sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2014, FNV Kunsten Informatie en Media v Staat der Nederlanden, C-413/13, EU:C:2014:2411, paragrafu 27; Is-Sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas v Autoridade da Concorrência, C-1/12, EU:C:2013:127, paragraphs 36-37; Is-Sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio v Compañía Española de Petróleos SA, C-217/05, EU:C:2006:784, paragrafu 45.

(13)  Is-Sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2014, FNV Kunsten Informatie en Media v Staat der Nederlanden, C-413/13, EU:C:2014:2411, paragrafu 33; Is-Sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio v Compañía Española de Petróleos SA, C-217/05, EU:C:2006:784, paragrafi 43-44.

(14)  Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti, il-karatteristika essenzjali tar-relazzjoni tax-xogħol hija li “għal ċertu perjodu ta’ żmien persuna twettaq xi servizz għal persuna oħra jew taħt id-direzzjoni tagħha, u li għalih tirċievi remunerazzjoni”. Għandu jiġi nnutat li l-klassifikazzjoni ta’ persuna bħala “ħaddiem” jew “persuna li taħdem għal rasha” għandha tiġi ddeterminata primarjament fuq bażi ta’ każ b’każ skont il-liġi nazzjonali, filwaqt li titqies il-ġurisprudenza tal-Qorti. Is-Sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2014, FNV Kunsten Informatie en Media v Staat der Nederlanden, C-413/13, EU:C:2014:2411, paragrafu 34; Is-Sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, L. N. v Styrelsen for Videregående Uddannelser og Uddannelsesstøtte, C-46/12, EU:C:2013:97, paragrafu 40; Is-Sentenza tal-10 ta’ Settembru 2014, Iraklis Haralambidis v Calogero Casilli, C-270/13, EU:C:2014:2185, paragrafu 28.

(15)  L-Artikoli 206-210 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007, ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671–854. L-Artikoli 40 u 41 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000, (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1).

(16)  Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Avviż – Linji Gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat, ĠU C 101, 27.4.2004, p. 97–118, paragrafu 34.

(17)  L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64).

(18)  L-istess konklużjoni tapplika jekk il-ftehim kollettiv jinkludi klawżola li tirregola kwistjonijiet oħra li jmorru lil hinn mill-kundizzjonijiet tax-xogħol, bħall-ħinijiet tax-xogħol li matulhom it-tliet pjattaformi jipprovdu s-servizzi tagħhom.

(19)  Is-Sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2014, FNV Kunsten Informatie en Media v Staat der Nederlanden, C-413/13, EU:C:2014:2411; Is-Sentenza tal-21 ta’ Settembru 1999, Albany International BV v Stichting Bedrijfspensioenfonds Textielindustrie, C-67/96, EU:C:1999:430.

(20)  Is-Sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2014, FNV Kunsten Informatie en Media v Staat der Nederlanden, C-413/13, EU:C:2014:2411, paragrafu 31.

(21)  Is-Sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2014, FNV Kunsten Informatie en Media v Staat der Nederlanden, C-413/13, EU:C:2014:2411, paragrafu 32.

(22)  Is-Sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2014, FNV Kunsten Informatie en Media v Staat der Nederlanden, C-413/13, EU:C:2014:2411, paragrafu 33; Is-Sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio v Compañía Española de Petróleos SA, C-217/05, EU:C:2006:784, paragrafi 43-44.

(23)  Xi persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom jistgħu jaqgħu taħt diversi kategoriji f’dawn il-Linji Gwida.

(24)  Pereżempju, il-Ġermanja taħt it-Taqsima 12a tal-Att dwar il-Ftehimiet Kollettivi fil-verżjoni ppubblikata fit-25 ta’ Awwissu 1969 (Gazzetta tal-Liġi Federali I, p. 1323), emendata l-aħħar bl-Artikolu 8 tal-Att tal-20 ta’ Mejju 2020 (Gazzetta tal-Liġi Federali I, p. 1055); jew Spanja skont l-Artikolu 11 tal-Liġi 20/2007, tal-11 ta’ Lulju, dwar l-istatus tax-xogħol indipendenti, il-Gazzetta Uffiċjali tal-Istat Nru 166 tat-12 ta’ Lulju 2007, il-paġni 29964 sa 29978 it-tnejn li huma serrħu fuq kriterju ta’ dipendenza ekonomika. Xi persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom jistgħu jaqgħu taħt diversi kategoriji f’dawn il-Linji Gwida.

(25)  Ara pereżempju l-Artikolu 14 tal-Ftehim Kollettiv fis-settur tat-Teatru u d-Dance fil-Pajjiżi l-Baxxi konkluż bejn il-Kunstenbond (L-Unjoni Artist) u n-Nederlandse Associatie voor Podiumkunsten (l-Assoċjazzjoni Netherlandiża għall-Arti Podium) għall-perjodu 1 Jaunary 2020–31 ta’ Diċembru 2021, disponibbli fuq https://www.napk.nl/wp-content/uploads/2019/12/Cao-TD-2020-2021.pdf; jew l-Artikolu 2 tal-Ftehim Kollettiv għall-ġurnalisti professjonali, konkluż mill-Gospodarska zbornica Slovenije (il-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija tas-Slovenja), is-Svet RTV Slovenija (il-Kunsill ta’ RTV Slovenija) u z-Združenje radijskih postaj Slovenije (l-Assoċjazzjoni Slovena tal-Istazzjon tar-Radju) u s-Sindikat novinarjev Slovenije (it-Trade Union tal-Ġurnalisti Sloveni), disponibbli fuq http://www.pisrs.si/Pis.web/pregledPredpisa?id=KOLP49.

(26)  Għal ħarsa ġenerali dettaljata tal-ġurisprudenza f’disa’ Stati Membri tal-UE, l-Iżvizzera u r-Renju Unit ara Hießl, C., “Case Law on the Classification of Platform Workers: Cross-European Comparative Analysis and Tentative Conclusions”, Comparative Labour Law & Policy Journal, 02.05.2021, https://papers.ssrn.com/sol3/papers.cfm?abstract_id=3839603.

(27)  Ara pereżempju Spanja, bid-Digriet Leġiżlattiv Irjali 9/2021, tat-11 ta’ Mejju, li jemenda t-test riformulat tal-Istatut tal-Ħaddiema, approvat bid-Digriet Leġiżlattiv Irjali 2/2015, tal-23 ta’ Ottubru, biex jiggarantixxi d-drittijiet tax-xogħol tal-persuni involuti fid-distribuzzjoni fil-qasam tal-pjattaformi diġitali, il-Gazzetta Uffiċjali tal-Istat Nru 113 tal-12 ta’ Mejju 2021, paġni 56733 sa 56738; jew il-Greċja mar-Repubblika Ellenika, il-Liġi 4808/2021 għall-Protezzjoni tax-Xogħol — L-Istabbiliment ta’ Awtorità Indipendenti “Spezzjoni tax-Xogħol” — Ratifika tal-Konvenzjoni Nru 190 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol biex jiġu eliminati l-vjolenza u l-fastidju fid-dinja tax-xogħol — Ratifika tal-Konvenzjoni Nru 187 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol għall-Qafas Promozzjonali għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol — Implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, u dispożizzjonijiet oħra tal-Ministeru tax-Xogħol u Affarijiet Soċjali u arranġamenti urġenti oħra, Gazzetta Uffiċjali Α' 101/19–06–2021.

(28)  Jenħtieġ li dawn il-Linji Gwida ma jiġux interpretati bħala li jistabbilixxu prijorità ta’ infurzar (pożittiva) tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ negozjati kollettivi u ftehimiet bejn persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom u impriżi taħt dawn il-limiti.

(29)  Ikkalkulat skont it-Titolu 1 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (notifikata taħt id-dokument numru C (2003) 1422) (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(30)  Id-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE, PE/51/2019/REV/1 (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92).

(31)  L-awturi u l-artisti kollha huma koperti mill-Artikolu 18 tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur bl-eċċezzjoni tal-awturi ta’ programm tal-kompjuter skont it-tifsira tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-23 ta’ April 2009 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU L 111, 5.5.2009, p. 16). L-Artikolu 23(2), id-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE, PE/51/2019/REV/1 (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92).

(32)  Artikolu 18(1) u Premessa 72, Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE, PE/51/2019/REV/1 (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92). Ara wkoll il-Premessa 73 tal-istess Direttiva, li skontha r-remunerazzjoni tal-awturi u l-artisti għandha tkun “xierqa u proporzjonata għall-valur ekonomiku attwali jew potenzjali tad-drittijiet liċenzjati jew trasferiti, filwaqt li jitqies il-kontribut tal-awtur jew tal-artist għax-xogħol globali jew materjal ieħor u ċ-ċirkostanzi l-oħra kollha tal-każ, bħal prattiki tas-suq jew l-isfruttament attwali tax-xogħol”.

(33)  Premessa 72, Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE, PE/51/2019/REV/1 (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92).

(34)  In-negozjar kollettiv jista’ jintuża wkoll f’dawk l-okkażjonijiet previsti skont l-Artikoli 19(5), 20(1) u 22(5) tad-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE, PE/51/2019/REV/1 (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92).

(35)  Artikolu 18(2) u l-premessa 73, id-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE, PE/51/2019/REV/1 (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92).

(36)  “Organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv” tfisser kwalunkwe organizzazzjoni li hija awtorizzata mil-liġi jew permezz ta’ assenjazzjoni, liċenzja jew kwalunkwe arranġament kuntrattwali ieħor biex timmaniġġja d-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur f’isem aktar minn detentur tad-drittijiet wieħed, għall-benefiċċju kollettiv ta’ dawk id-detenturi tad-drittijiet, bħala l-għan uniku jew l-għan prinċipali tagħha, u li tissodisfa wieħed mill-kriterji li ġejjin jew it-tnejn li huma: (i) tkun ipposseduta jew ikkontrollata mill-membri tagħha; (ii) tkun organizzata fuq bażi mingħajr skop ta’ qligħ. “Entità ta’ mmaniġġjar indipendenti” tfisser kwalunkwe organizzazzjoni li hija awtorizzata mil-liġi jew permezz ta’ assenjazzjoni, liċenzja jew kwalunkwe arranġament kuntrattwali ieħor biex timmaniġġja d-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur f’isem aktar minn detentur tad-drittijiet wieħed, għall-benefiċċju kollettiv ta’ dawk id-detenturi tad-drittijiet, bħala l-għan uniku jew l-għan prinċipali tagħha u li: (i) la tkun ipposseduta u l-anqas ikkontrollata, direttament jew indirettament, b’mod sħiħ jew parzjalment, mid-detenturi tad-drittijiet; u (ii) tkun organizzata fuq bażi mingħajr skop ta’ qligħ; L-Artikolu 3(a) u (b), id-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta' drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern (ĠU L 84, 20.3.2014, p. 72).

(37)  Premessa 56, Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta' liċenzji multiterritorjali ta' drittijiet f'xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern (ĠU L 84, 20.3.2014, p. 72).


Top