Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022SC0402

    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Inizjattiva biex jissaħħu r-regoli eżistenti u jitkabbar il-qafas għall-iskambju tal-informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni biex ikun jinkludi l-kriptoassi Li jakkumpanja d-dokument Id-Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni

    SWD/2022/402 final

    Brussell, 8.12.2022

    SWD(2022) 402 final

    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

    SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

    Inizjattiva biex jissaħħu r-regoli eżistenti u jitkabbar il-qafas għall-iskambju tal-informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni biex ikun jinkludi l-kriptoassi

    Li jakkumpanja d-dokument

    Id-Direttiva tal-Kunsill

    li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni


    {COM(2022) 707 final} - {SEC(2022) 438 final} - {SWD(2022) 400 final} - {SWD(2022) 401 final}


    Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

    Valutazzjoni tal-impatti ta’ inizjattiva biex jissaħħu r-regoli eżistenti u jitkabbar il-qafas għall-iskambju tal-informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni biex ikun jinkludi l-kriptoassi.

    A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

    Għalfejn? X’inhi l-problema li qed tiġi indirizzata?

    Il-problema ewlenija li tindirizza l-inizjattiva hija li l-awtoritajiet tat-taxxa m’għandhomx l-informazzjoni biex jimmonitorjaw il-qligħ li jinkiseb mill-kriptoassi. Is-sottorappurtar tad-data b’rabta mad-dħul u mal-introjtu li jiksbu l-utenti tal-kriptoassi jillimita ħafna l-kapaċità tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa li jiżguraw li t-taxxi dovuti jitħallsu effettivament. Fil-preżent il-kriptoassi mhumiex fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva (id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE (DAC)), li tipprevedi l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri għall-finijiet tat-taxxa.

    Il-prodotti, is-servizzi u l-applikazzjonijiet fuq l-internet, b’mod partikolari dawk li jużaw in-networks distribwiti, bħall-kriptoassi, jiġu nnegozjati faċilment minn fruntiera għal oħra. Dan joħloq id-diffikultajiet tat-taxxa f’termini tal-aċċess għall-informazzjoni li jistgħu jiġu solvuti biss permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva soda bejn il-pajjiżi.

    X’mistennija tikseb din l-inizjattiva?

    Bħala għan ġenerali, il-proposta għandha l-mira li tiżgura l-funzjonament ġust u effiċjenti tas-suq uniku billi żżid it-trasparenza fiskali b’mod ġenerali. Dan ma jkunx ta’ benefiċċju għall-awtoritajiet tat-taxxa biss, iżda jkun ta’ benefiċċju wkoll għall-utenti u għall-fornituri tas-servizzi. Din l-inizjattiva għandha l-għan ukoll li tissalvagwardja d-dħul mit-taxxa tal-Istati Membri billi testendi u tiċċara l-obbligi tar-rappurtar dwar il-kriptoassi fl-Unjoni Ewropea. Il-proposta attwali (DAC8) b’mod aktar speċifiku għandha ttejjeb l-kapaċità tal-Istati Membri li jidentifikaw u jiġġieldu l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa. Għandha wkoll tiskoraġġixxi n-nuqqas ta’ konformità.

    X’inhu l-valur miżjud tal-azzjoni fil-livell tal-UE? 

    L-azzjonijiet li jwettqu l-Istati Membri waħedhom ma jipprovdux soluzzjoni effiċjenti u effettiva għall-problemi li huma tranżnazzjonali fil-qofol tagħhom. Approċċ tal-UE jidher preferibbli biex tiġi evitata taħlita ta’ rekwiżiti ta’ rapportar implimentati b’mod unilaterali minn xi Stati Membri jew mill-Istati Membri kollha. Azzjoni fil-livell tal-UE tkun tiżgura l-koerenza, tnaqqas il-piż amministrattiv għall-entitajiet notifikanti ta’ rapportar u għall-awtoritajiet tat-taxxa u hija aktar robusta fir-rigward ta’ lakuni potenzjali minħabba n-natura volatili tal-assi kkonċernati.

    B. Soluzzjonijiet

    X’għażliet ta’ politika leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ġew ikkunsidrati? Hemm għażla ppreferuta jew le? Għalfejn? 

    Ġew ikkunsidrati l-għażliet li ġejjin: a) għażla mhux leġiżlattiva, jiġifieri strument legali nonvinkolanti; u b) sitt inizjattivi leġiżlattivi potenzjali. L-inizjattivi leġiżlattivi jkun fihom l-alternattivi li ġejjin: 1) tranżazzjoni b’tranżazzjoni; 2) tranżazzjoni b’tranżazzjoni b’limitu għall-SMEs; 3) rapportar kompletament aggregat; 4) rapportar kompletament aggregat b’limitu għall-SMEs; 5) għażla ibrida jew tat-triq tan-nofs; u 6) għażla ibrida jew tat-triq tan-nofs b’limitu għall-SMEs.

    L-għażla ppreferuta hija inizjattiva leġiżlattiva b’kopertura intermedja. Għaldaqstant l-għażla l-iktar xierqa biex jintlaħqu l-objettivi tal-inizjattiva tkun l-għażla ibrida jew tat-triq tan-nofs (l-għażla 5). Il-fornituri kollha ta’ servizzi tal-kriptoassi, ikun xi jkun id-daqs tagħhom u l-pajjiż fejn ikunu stabbiliti, ikollhom jirrappurtaw it-tranżazzjonijiet li jwettqu għall-klijenti li jkunu residenti fl-UE. Din se toħloq qafas ta’ rappurtar u ta’ skambju tal-informazzjoni ġdid bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa. Fejn l-għan huwa li tiġi skambjata l-informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet, għalkemm b’xi ftit aggregazzjoni, l-inizjattiva se tkun tinkludi l-kriptoassi negozjabbli.



    Liema għażla u min jappoġġaha? 

    L-eżiti tal-konsultazzjoni pubblika u tal-konsultazzjoni speċifika tal-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi juru li hemm xejra favur inizjattiva leġiżlattiva. Il-maġġoranza tal-Istati Membri wkoll urew li jiffavorixxu l-għażla ppreferuta.

    C. Impatti tal-għażla ppreferuta

    X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk jeżistu, jew x’inhuma dawk ewlenin)?

    Huwa mistenni li l-inizjattiva jkollha benefiċċji ekonomiċi diretti sinifikanti. Ikollha impatt pożittiv fuq il-ġbir tat-taxxi, bi dħul addizzjonali mit-taxxi stmati għal EUR 1,7 biljun li jirriżulta mit-tranżazzjonijiet tal-kriptoassi. Dak id-dħul ikun jippermetti l-finanzjament tal-politiki ekonomiċi u soċjali tal-Istati Membri. Huwa mistenni li l-inizjattiva tkun tgħin biex it-taxxi jkunu aktar ġusti u żżid il-fiduċja fis-sistemi tat-taxxa billi l-piż tat-taxxa jintrefa minn kulħadd b’mod ġust.

    X’inhuma l-ispejjeż tal-għażla ppreferuta (jekk jeżistu, jew x’inhuma dawk ewlenin)? 

    Is-soluzzjoni tal-IT li tkun l-aħjar biex tiffaċilita r-rappurtar u l-iskambju tal-informazzjoni bl-inqas kostijiet u l-iktar benefiċċji għall-partijiet involuti kollha – il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi, l-Istati Membri u l-Kummissjoni – hija d-direttorju ċentrali (li diġà qed jintuża għall-iskambji skont id-DAC3 u d-DAC6). B’analoġija ma’ rekwiżiti ta’ rappurtar preċedenti, l-ispejjeż għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa biex jittrattaw il-kriptoassi huma stmati li jvarjaw bejn EUR 1 miljun u EUR 12,96 miljun fi spejjeż ta’ darba (tal-iżvilupp) u bejn EUR 1 miljun u EUR 5,67 miljun fi spejjeż rikorrenti. Huwa stmat li l-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi jkollhom madwar EUR 259 miljun fi spejjeż ta’ darba, u bejn EUR 22,6 miljun u EUR 24 miljun fi spejjeż rikorrenti. Il-Kummissjoni Ewropea wkoll se ġġarrab l-ispejjeż, u dawn huma mistennija li jkunu madwar EUR 0,48 miljun fi spejjeż ta’ darba u EUR 0,21 miljun fi spejjeż rikorrenti. Madankollu, dawn l-istimi huma bbażati fuq għadd ta’ suppożizzjonijiet u ta’ estrapolazzjonijiet u jridu jintużaw b’kawtela.

    Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?

    L-impatt tal-inizjattiva fuq in-negozji ż-żgħar u medji huwa mistenni li jkun limitat. L-informazzjoni li tkun trid tiġi rrappurtata hija fil-biċċa l-kbira tagħha disponibbli għall-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi fix-xogħol ta’ kuljum tagħhom. Barra minn hekk, is-suq tal-kriptoassi jimmatura malajr, u l-istess il-fornituri tas-servizzi. Filwaqt li l-inizjattiva se twassal għal spejjeż tal-konformità, jaf ikun iktar favorevoli għall-SMEs li jkollhom sett wieħed ta’ regoli mal-UE kollha milli jkollhom taħlita potenzjali ta’ rekwiżiti tar-rappurtar madwar l-UE. L-inizjattiva għandha wkoll tiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-atturi kollha, u dan għandu jkun ta’ benefiċċju għall-SMEs.

    Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? 

    L-ispejjeż li jkollhom l-amministrazzjonijiet nazzjonali jkunu jiddependu mill-għażla ta’ soluzzjoni tal-IT li jużaw għall-iskambju tal-informazzjoni. Il-benefiċċji għall-baġits nazzjonali f’termini ta’dħul addizzjonali mit-taxxa huma ħafna ikbar mill-ispejjeż tintuża liema għażla li tintuża, u huma stmati f’biljuni ta’ euro (madwar EUR 1,7 biljun bl-għażla l-ippreferuta).

    Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra? 

    L-inizjattiva tkun tikkonforma mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u għaldaqstant mhux se jkollha impatt negattiv fuq id-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali.

    D. Segwitu

    Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

    L-inizjattiva se tkun immonitorjata permezz tal-informazzjoni li tinġabar minn valutazzjonijiet u diskussjonijiet ta’ kull sena mal-amministrazzjonijiet tat-taxxa. Se ssir valutazzjoni iktar komprensiva f’konformità mad-dispożizzjonijiet ġenerali tad-DAC dwar l-evalwazzjoni, meta l-Kummissjoni tkun waslet biex tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament tad-Direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fit-tassazzjoni diretta.

    Top