Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022PC0713

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-estensjoni tal-perjodu tad-dritt għal koproduzzjonijiet awdjoviżivi kif previst fl-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali għall-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra

    COM/2022/713 final

    Brussell, 12.12.2022

    COM(2022) 713 final

    2022/0416(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar l-estensjoni tal-perjodu tad-dritt għal koproduzzjonijiet awdjoviżivi kif previst fl-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali għall-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    Fl-1 ta’ Ottubru 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2015/2169 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra.

    Il-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali 1 anness mal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra 2 (“il-Protokoll”) jistabbilixxi fl-Artikolu 1 il-qafas li fi ħdanu l-Partijiet għandhom jikkooperaw għall-iffaċilitar ta’ skambji li jirrigwardaw l-attivitajiet, l-oġġetti u s-servizzi kulturali, inkluż fis-settur awdjoviżiv.

    Skont l-Artikolu 5(8)(b) tal-Protokoll, wara l-perjodu inizjali ta’ tliet snin, id-dritt se jiġġedded għal perjodi suċċessivi oħra tal-istess tul, sakemm Parti ma ttemmx id-dritt billi tagħti avviż bil-miktub mill-anqas tliet xhur qabel l-iskadenza tal-perjodu inizjali jew ta’ kwalunkwe perjodu suċċessiv.

    Dan id-dritt ġie stabbilit għal perjodu ta’ tliet snin (mill-1 ta’ Lulju 2011 sat-30 ta’ Ġunju 2014). Skont l-Artikolu 5(8)(b) tal-Protokoll, “[i]d-dritt għandu jiġġedded għal perjodu ta’ tliet snin u wara jiġġedded awtomatikament għal perjodi oħra suċċessivi tal-istess tul, sakemm Parti ma ttemmx id-dritt billi tagħti avviż bil-miktub mill-anqas tliet xhur qabel l-iskadenza tal-perjodu inizjali jew ta’ kwalunkwe perjodu suċċessiv.”

    F’konformità ma’ dik id-dispożizzjoni, id-dritt iġġedded tliet darbiet għal tliet snin oħra. L-ewwel tiġdid baqa’ applikabbli sat-30 ta’ Ġunju 2017, it-tieni wieħed baqa’ applikabbli sat-30 ta’ Ġunju 2020, u t-tielet wieħed jibqa’ applikabbli sat-30 ta’ Ġunju 2023, peress li l-ebda Parti ma temmet id-dritt.

    Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/470 tal-25 ta’ Marzu 2020 dwar l-estensjoni tal-perjodu tad-dritt għal koproduzzjonijiet awdjoviżivi kif previst fl-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali għall-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra 3 , il-Kunsill qabel li jkompli d-dritt mill-1 ta’ Lulju 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2023.

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/470 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/2169 li, waqt l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/470, ippreveda b’mod partikolari li l-Kummissjoni għandha tagħti avviż lir-Repubblika tal-Korea dwar l-intenzjoni tal-Unjoni Ewropea li ma testendix il-perjodu tad-dritt inkwistjoni sakemm, wara proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill ma jaqbilx b’mod unanimu erba’ xhur qabel tmiem il-perjodu li jkompli d-dritt.

    Permezz tas-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2022 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill 4 , il-Qorti tal-Ġustizzja annullat dik id-deċiżjoni għax dehrilha li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/2169 ma kinitx tikkonforma mal-Artikolu 218 tat-TFUE sa fejn kienet tirrikjedi li l-Kunsill jivvota b’unanimità. Ir-regola tal-votazzjoni applikabbli għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet bħad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/470 kellha tkun dik stabbilita fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tat-TFUE, jiġifieri votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti żammet ukoll l-effetti tad-Deċiżjoni (UE) 2020/470 sakemm jiġu rimedjati r-raġunijiet tal-annullament stabbiliti.

    Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2335, tħassar ir-rekwiżit li l-Kunsill jaġixxi b’unanimità sabiex jiddeċiedi dwar il-kontinwazzjoni tad-dritt fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2169.

    Sabiex jitneħħa kull dubju dwar l-impenn tal-Unjoni Ewropea rigward l-estensjoni tad-dritt għal perjodu ta’ tliet snin, mill-1 ta’ Lulju 2020 sal-30 ta’ Ġunju 2023, jenħtieġ li tiġi adottata deċiżjoni ġdida, u b’hekk tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta tal-Protokoll.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    F’konformità mas-sentenza msemmija hawn fuq, il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2169 kif emendata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2335.

    Għażla tal-istrument

    F’konformità mal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2169, l-istrument xieraq sabiex jintlaħaq qbil dwar l-estensjoni tad-dritt huwa Deċiżjoni tal-Kunsill.

    2022/0416 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar l-estensjoni tal-perjodu tad-dritt għal koproduzzjonijiet awdjoviżivi kif previst fl-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali għall-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2169 tal-1 ta’ Ottubru 2015 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, kif emendata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2335 5 , u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Il-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali 6 anness mal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra 7 (“il-Protokoll”) jistabbilixxi fl-Artikolu 1 il-qafas li fi ħdanu l-Partijiet għandhom jikkooperaw għall-iffaċilitar ta’ skambji li jirrigwardaw l-attivitajiet, l-oġġetti u s-servizzi kulturali, inkluż fis-settur awdjoviżiv.

    (2)Il-Protokoll jinkludi dispożizzjonijiet dwar id-dritt għal koproduzzjonijiet awdjoviżivi li jibbenefikaw mill-iskemi rispettivi.

    (3)Skont l-Artikolu 5(8), il-punt (b), tal-Protokoll, wara l-perjodu inizjali ta’ tliet snin, id-dritt jiġġedded għal perjodi oħra suċċessivi tal-istess tul, sakemm Parti ma ttemmx id-dritt billi tagħti avviż bil-miktub mill-anqas tliet xhur qabel l-iskadenza tal-perjodu inizjali jew ta’ kwalunkwe perjodu suċċessiv ieħor. F’konformità ma’ dik id-dispożizzjoni, id-dritt ġie estiż l-aħħar sat-30 ta’ Ġunju 2023, peress li ebda parti ma temmitu.

    (4)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/470 8 estendiet id-dritt għal koproduzzjonijiet awdjoviżivi għal perjodu ta’ tliet snin, mill-1 ta’ Lulju 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2023. Permezz tas-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2022 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill 9 , il-Qorti tal-Ġustizzja annullat dik id-deċiżjoni. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti żammet ukoll l-effetti tad-Deċiżjoni (UE) 2020/470 sakemm jiġu rimedjati r-raġunijiet tal-annullament stabbiliti.

    (5)Fit-28 ta’ Novembru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2022/2335 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/2169 10 f’konformità ma’ dik is-sentenza.

    (6)Sabiex jitneħħa kull dubju dwar l-impenn tal-Unjoni rigward l-estensjoni tad-dritt għal perjodu ta’ tliet snin, mill-1 ta’ Lulju 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2023, u b’hekk tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta tal-Protokoll, jenħtieġ li tiġi adottata deċiżjoni ġdida abbażi tal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2169, kif emendata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2335, u tkun tapplika mill-1 ta’ Lulju 2020, f’konformità ma’ dik is-sentenza,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-dritt għal koproduzzjonijiet awdjoviżivi li jibbenefikaw mill-iskemi rispettivi tal-Partijiet għall-promozzjoni ta’ kontenut kulturali lokali/reġjonali, kif previst fl-Artikolu 5(4) sa (7) tal-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali anness mal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, għandu jiġi estiż għal perjodu ta’ tliet snin, mill-1 ta’ Lulju 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2023.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Għandha tapplika mill-1 ta’ Lulju 2020.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)     ĠU L 127, 14.5.2011, p. 1418 .
    (2)     ĠU L 127, 14.5.2011, p. 6 .
    (3)     ĠU L 101, 1.4.2020, p. 1 .
    (4)     Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Marzu 2022, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-275/20, ECLI:EU:C:2022:142.
    (5)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2335 tat-28 ta’ Novembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/2169 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (ĠU L 309 tat-30 ta’ Novembru 2022, p. 6).
    (6)     ĠU L 127, 14.5.2011, p. 1418 .
    (7)     ĠU L 127, 14.5.2011, p. 6 .
    (8)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/470 tal-25 ta’ Marzu 2020 dwar l-estensjoni tal-perjodu tad-dritt għal koproduzzjonijiet awdjoviżivi kif previst fl-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali għall-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (ĠU L 101, 1.4.2020, p. 1).
    (9)     Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Marzu 2022, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-275/20, ECLI:EU:C:2022:142.
    (10)    ĠU L 307, 25.11.2015, p. 2.
    Top