IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.12.2022
COM(2022) 703 final
2022/0409(CNS)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni amministrattiva tal-VAT meħtieġa għall-era diġitali
{SEC(2022) 433 final} - {SWD(2022) 393 final} - {SWD(2022) 394 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Din il-proposta hija parti mill-pakkett ta’ leġiżlazzjoni dwar l-inizjattiva VAT fl-era diġitali, flimkien ma’ proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-emendar tad-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tar-regoli tal-VAT għall-era diġitali, u l-proposta għal Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni għal ċerti skemi tal-VAT. Il-kuntest ta’ din l-inizjattiva b’mod ġenerali huwa stabbilit b’mod komprensiv fil-memorandum ta’ spjegazzjoni għall-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE.
Dan il-memorandum ta’ spjegazzjoni jiddeskrivi l-modifiki meħtieġa għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tal-VAT li jirriżultaw mill-bidliet fid-Direttiva tal-VAT.
Il-proposta biex jiġi emendat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 hija parti importanti mill-pakkett. Il-pakkett dwar il-VAT fl-Era Diġitali jimmodernizza l-mod kif it-tranżazzjonijiet transfruntiera fi ħdan is-suq uniku jiġu rrapportati għall-finijiet tal-VAT biex isir użu minn teknoloġija stabbilita sew u biex tiġi indirizzata l-frodi tal-VAT. Il-mod attwali kif tinġabar id-data aggregata permezz ta’ dikjarazzjonijiet rikapitolattivi u tiġi skambjata d-data permezz tas-Sistema ta’ Skambju ta’ Informazzjoni dwar il-VAT, ilu jintuża mill-introduzzjoni tas-suq uniku fl-1993. Ma għadux adatt għall-iskop tiegħu fid-dawl tal-iskala tat-tranżazzjonijiet transfruntiera u l-livell ta’ frodi tal-VAT. Id-Direttiva tal-VAT emendata tissostitwixxi d-dikjarazzjonijiet rikapitolattivi b’obbligi ta’ rapportar ġodda u bbażati fuq it-tranżazzjonijiet. Sabiex jikkomplementa dawn il-bidliet, ir-Regolament emendat jipprevedi r-regoli prattiċi meħtieġa dwar kif din id-data miġbura ġdida se tiġi skambjata bejn l-Istati Membri, l-infrastruttura tal-IT meħtieġa, u r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali li se jirregolaw l-iskambji l-ġodda. Dawn id-dettalji huma meħtieġa biex jiġi żgurat li r-regoli l-ġodda jiġu implimentati mingħajr xkiel u li l-miżuri l-ġodda jistgħu jnaqqsu l-frodi tal-VAT.
Skont l-istruttura tal-inizjattiva VAT fl-Era Diġitali, jenħtieġ li jiġu nnotati l-partijiet li ġejjin tal-pakkett:
Dan il-pakkett għandu tliet objettivi prinċipali:
(1)L-immodernizzar tal-obbligi tar-rapportar tal-VAT, bl-introduzzjoni ta’ Rekwiżiti ta’ Rapportar Diġitali, li se jistandardizzaw l-informazzjoni li jeħtieġ li tiġi sottomessa minn persuni taxxabbli fuq kull tranżazzjoni lill-awtoritajiet tat-taxxa f’format elettroniku. Fl-istess ħin dan se jimponi l-użu tal-e-fatturazzjoni għal tranżazzjonijiet transfruntiera;
(2)L-indirizzar tal-isfidi tal-ekonomija tal-pjattaformi, billi jiġu aġġornati r-regoli tal-VAT applikabbli għall-ekonomija tal-pjattaformi sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni tat-trattament ugwali, jiġu ċċarati r-regoli dwar il-post tal-provvista applikabbli għal dawn it-tranżazzjonijiet u jissaħħaħ ir-rwol tal-pjattaformi fil-ġbir tal-VAT meta jiffaċilitaw il-provvista ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir jew servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri; u
(3)L-evitar tal-ħtieġa ta’ reġistrazzjonijiet multipli tal-VAT fl-UE u t-titjib tal-funzjonament tal-għodda implimentata biex tiġi ddikjarata u mħallsa l-VAT dovuta fuq il-bejgħ mill-bogħod ta’ oġġetti, billi tiġi introdotta Reġistrazzjoni Unika tal-VAT (SVR). Jiġifieri, it-titjib u l-espansjoni tas-sistemi eżistenti ta’ Punt Uniku ta’ Servizz (OSS)/Punt Uniku ta’ Servizz għall-Importazzjoni (IOSS) u r-reverse charge sabiex jiġu minimizzati l-każijiet li għalihom persuna taxxabbli hija meħtieġa tirreġistra fi Stat Membru ieħor.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Din il-proposta hija parti mill-pakkett ta’ leġiżlazzjoni dwar l-inizjattiva VAT fl-era diġitali. Il-konsistenza tal-pakkett kollu kemm hu hija stabbilita b’mod komprensiv fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Din il-proposta hija parti mill-pakkett ta’ leġiżlazzjoni dwar l-inizjattiva VAT fl-era diġitali. Il-konsistenza tal-pakkett kollu kemm hu hija stabbilita b’mod komprensiv fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Dan ir-Regolament jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 abbażi tal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dan l-artikolu jipprevedi li l-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu f’konformità ma’ proċedura leġiżlattiva speċjali u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, jadotta dispożizzjonijiet għall-armonizzazzjoni tar-regoli tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni indiretta.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
L-Istati Membri huma primarjament responsabbli għall-ġestjoni, għall-ġbir u għall-kontroll tal-VAT. Madankollu, il-frodi tal-VAT spiss tkun marbuta ma’ tranżazzjonijiet transfruntiera fi ħdan is-suq uniku jew tinvolvi negozjanti stabbiliti fi Stati Membri għajr dak li fih hija dovuta l-VAT. Il-frodi tal-VAT taffettwa b’mod negattiv kif jaħdem is-suq uniku u tikkawża telf serju għall-baġit tal-UE.
L-istrumenti ta’ kooperazzjoni tal-UE li jippermettu l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa huma indispensabbli għall-kontroll xieraq tat-tranżazzjonijiet transfruntiera u l-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT.
Din l-inizjattiva hija konsistenti mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, peress li l-objettivi li ssegwi din l-inizjattiva ma jistgħux jintlaħqu mill-Istati Membri nfushom. Għalhekk, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni, li hija responsabbli biex tiżgura l-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku u għall-promozzjoni tal-interessi ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tipproponi azzjoni biex tittejjeb is-sitwazzjoni.
Dan ma jistax isir biss fil-livell tal-Istati Membri jew bl-użu ta’ strumenti mhux leġiżlattivi. L-azzjoni fil-livell tal-UE fir-rigward tal-istrumenti ta’ kooperazzjoni amministrattiva toffri valur lil hinn minn dak li jista’ jinkiseb fil-livell nazzjonali, li jirrikjedi emendi għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud.
•Proporzjonalità
Il-proposta hija bbażata l-aktar fuq il-qafas legali attwali għall-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tal-VAT u żżid elementi magħha biss fejn il-qafas jeħtieġ li jissaħħaħ. Il-miżuri kollha proposti tfasslu biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda ta’ rapportar diġitali u l-ħtiġijiet tal-Istati Membri. Filwaqt li mistennija jkollhom effetti pożittivi fuq il-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT, id-dispożizzjonijiet il-ġodda ma jinvolvu l-ebda kost addizzjonali sinifikanti għan-negozju u għall-amministrazzjonijiet, ħlief għal ċerti żviluppi tal-IT għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa. Anke f’dawn il-każijiet, il-kostijiet tal-iżvilupp assoċjati jibqgħu limitati.
Tiġi stabbilita sistema elettronika ċentrali għall-informazzjoni dwar il-VAT (“il-VIES ċentrali”). Din se tippermetti lill-Istati Membri jibagħtu informazzjoni dwar il-VAT li jaħżnu fil-livell nazzjonali, biex tgħin b’mod effettiv fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT. Il-VIES ċentrali tkun tista’ taggrega l-informazzjoni għal kull persuna taxxabbli dwar tranżazzjonijiet transfruntiera minn negozju għal negozju (B2B) li jibagħtu l-Istati Membri. Se tippermetti wkoll li l-provvisti intra-Komunitarji rrapportati jiġu kontroverifikati ma’ data dwar l-akkwiżizzjonijiet intra-Komunitarji li tkun ġiet mibgħuta. Dan se jippermetti wkoll li l-informazzjoni mibgħuta mill-Istati Membri tiġi pproċessata ma’ informazzjoni oħra dwar il-VAT skambjata skont ir-Regolament (UE) Nru 904/2010, bħad-data doganali jew dwar il-pagamenti, u din l-informazzjoni tinżamm biss għall-perjodu meħtieġ biex l-awtoritajiet tat-taxxa jwettqu l-kontrolli tal-VAT.
L-informazzjoni se tinżamm fil-VIES ċentrali għal perjodu ta’ 5 snin, biex l-Istati Membri jingħataw perjodu ta’ żmien raġonevoli biex iwettqu l-awditi tal-VAT. Wara dan il-perjodu, id-data titħassar b’mod definittiv.
Il-VIES ċentrali tkun aċċessibbli biss għall-uffiċjali awtorizzati maħtura mill-Istati Membri tagħhom, u għall-finijiet tal-kontroll tal-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni dwar il-VAT u tal-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT. F’termini ta’ ħżin, il-VIES ċentrali tiggarantixxi livell xieraq ta’ sigurtà, f’konformità mar-regoli li jirregolaw l-ipproċessar ta’ informazzjoni personali mill-istituzzjonijiet tal-UE.
L-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa u l-VIES ċentrali se jsir permezz ta’ network ta’ komunikazzjoni komuni sigur. Dan bħalissa jappoġġa l-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa u dawk doganali, u jipprovdi l-karatteristiċi ta’ sigurtà kollha meħtieġa (inkluż il-kriptaġġ tal-informazzjoni).
Għalhekk, din il-proposta se tkompli tapplika s-salvagwardji stabbiliti skont ir-Regolament (UE) Nru 904/2010 u l-qafas Ewropew dwar il-protezzjoni tad-data. L-għan kumplessiv għall-iskambju u għall-analiżi ta’ din l-informazzjoni rilevanti għall-VAT jibqa’ l-iżgurar tal-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni dwar il-VAT u l-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT. Il-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT hija objettiv importanti ta’ interess pubbliku ġenerali għall-UE u għall-Istati Membri tagħha, kif imsemmi fl-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u fl-Artikolu 20(1)(b) tar-Regolament (UE) 2018/1725. Sabiex isostnu dak l-objettiv importanti u l-effettività tal-awtoritajiet tat-taxxa fl-insegwiment ta’ dak l-objettiv, għall-VIES ċentrali se japplikaw ir-restrizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 55(5) tar-Regolament (UE) Nru 904/2010.
Id-dispożizzjonijiet il-ġodda ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ biex l-istrumenti ta’ kooperazzjoni amministrattiva jsiru aktar effettivi fil-verifika tat-tranżazzjonijiet transfruntiera u fit-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT fid-dawl tar-rekwiżiti proposti ta’ rapportar diġitali u bidliet oħra introdotti fil-pakkett dwar il-VAT fl-Era Diġitali.
•Għażla tal-istrument
Huwa meħtieġ Regolament tal-Kunsill biex jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 904/2010 attwali.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Fl-2017 twettqet evalwazzjoni tal-użu tal-qafas eżistenti tal-UE għall-kooperazzjoni amministrattiva u għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT previst fir-Regolament (UE) Nru 904/2010. B’mod kumplessiv, l-Istati Membri għandhom perspettiva pożittiva tal-qafas legali u prattiku implimentat bir-Regolament (UE) Nru 904/2010.
Huma meħtieġa bidliet fil-qafas legali tal-kooperazzjoni amministrattiva wara l-bidliet fir-rekwiżiti ta’ rapportar għal tranżazzjonijiet transfruntiera fid-Direttiva tal-VAT. L-introduzzjoni ta’ rekwiżiti ġodda ta’ rapportar diġitali żżid b’mod sinifikanti l-ammont ta’ data li se jkollha tiġi skambjata bejn l-Istati Membri u l-frekwenza tal-iskambji. Għalhekk, qiegħda tiġi introdotta parti ġdida għar-Regolament taħt il-Kapitolu V: Il-ħżin u l-iskambju ta’ informazzjoni speċifika li se tippermetti dawn l-iskambji permezz ta’ sistema elettronika ġdida msejħa l-VIES ċentrali.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Informazzjoni estensiva dwar il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati hija pprovduta fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta biex tiġi emendata d-Direttiva tal-VAT.
Ġew organizzati żewġ workshops tal-programm Fiscalis biex jinġabar feedback mill-Istati Membri dwar l-adattament tal-qafas ta’ kooperazzjoni amministrattiva tal-VAT biex jiġu appoġġati r-rekwiżiti l-ġodda ta’ rapportar diġitali. L-ewwel workshop, li sar f’Novembru 2021, ġabar l-opinjonijiet tal-esperti kontra l-frodi tal-VAT u tal-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc. It-tieni workshop f’April 2022 iffoka fuq il-kapijiet tal-uffiċċji ta’ kollegament kompetenti tal-Istati Membri. Fiż-żewġ każijiet, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri ssottolinjaw l-importanza tar-rekwiżiti l-ġodda ta’ rapportar diġitali meta akkumpanjati minn sistema xierqa għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-VAT. Ġie osservat li kien hemm ħtieġa ċara ta’ kontroverifika awtomatika tad-data tad-DRR, eż. provvisti rapportati mal-akkwiżizzjonijiet. Kien hemm ukoll kunsens wiesa’ li sistema ċentrali biex tiffaċilita l-ipproċessar u l-analiżi konġunti tal-informazzjoni tkun l-approċċ preferut li jiggarantixxi implimentazzjoni uniformi tal-kontroverifiki u l-interpretazzjoni tar-riżultati.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Din il-proposta hija parti mill-pakkett ta’ leġiżlazzjoni dwar l-inizjattiva VAT fl-era diġitali. Il-ġbir u l-użu ta’ għarfien espert għall-pakkett kollu kemm hu huma stabbiliti b’mod komprensiv fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE.
•Valutazzjoni tal-impatt
Din il-proposta hija parti mill-pakkett ta’ leġiżlazzjoni dwar l-inizjattiva VAT fl-era diġitali. Il-valutazzjoni tal-impatt hija pprovduta għall-pakkett kollu kemm hu fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Din il-proposta hija parti mill-pakkett ta’ leġiżlazzjoni dwar l-inizjattiva VAT fl-era diġitali. Informazzjoni estensiva dwar l-idoneità regolatorja u simplifikazzjoni hija pprovduta fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE.
•Drittijiet fundamentali
Din il-proposta mistennija tiskatta l-iskambju u l-ipproċessar konġunt tal-informazzjoni dwar il-VAT, li jistgħu jinkludu data personali. Madankollu, id-data miġbura skont ir-rekwiżiti l-ġodda ta’ rapportar diġitali u sussegwentement skambjata permezz tas-sistema VIES ċentrali tkun limitata għal tranżazzjonijiet intra-Komunitarji minn negozju għal negozju u mhux se tkopri tranżazzjonijiet min-negozju għall-konsumatur. Il-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data ġie applikat ukoll. Għalhekk, id-data miġbura u sussegwentement skambjata hija relatata biss ma’ subsett tal-informazzjoni li tinsab f’fattura. Dan is-sett minimu ta’ data li huwa meħtieġ għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-VAT u għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT huwa speċifikat mill-emenda għall-Artikolu 264 fil-proposta ta’ akkumpanjament għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE. Madankollu, il-protezzjoni tad-data personali u l-konformità mar-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725 jibqgħu prijorità, anke meta l-informazzjoni li għandha tiġi pproċessata tkun limitata. B’riżultat ta’ dan, qegħdin jiġu proposti d-dispożizzjonijiet li ġejjin:
·Id-data fil-VIES ċentrali se tinżamm biss għal 5 snin li huwa ż-żmien minimu meħtieġ għall-analiżi u għall-investigazzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa li għandhom is-setgħa li jinfurzaw l-obbligi tal-VAT (żamma tad-data).
·Id-data fil-VIES ċentrali se tiġi protetta kif stabbilit fl-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 904/2010.
·Id-data fil-VIES ċentrali se tintuża għal skopijiet identifikati b’mod ċar u limitati, b’mod partikolari biex tiġi vvalutata b’mod korrett il-VAT, biex tiġi mmonitorjata l-applikazzjoni korretta tal-VAT, u biex tiġi miġġielda l-frodi tal-VAT kif stabbilit fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 904/2010. B’mod partikolari, id-data se tintuża biex jitwettqu valutazzjonijiet tar-riskju biex jiġu identifikati frodaturi potenzjali fi stadju bikri u biex jintemmu n-networks frawdolenti li l-għan tagħhom huwa li jabbużaw mis-sistema tal-VAT billi jwettqu frodi tal-VAT.
·L-utenti li jistgħu jaċċessaw id-data fil-VIES ċentrali se jkunu limitati għal persunal awtorizzat mill-Istati Membri, f’konformità mal-prinċipju tal-ħtieġa ta’ informazzjoni.
·Il-VIES ċentrali se tkun ospitata, miżmuma u ġestita teknikament mill-Kummissjoni, li għandha l-kapaċità operazzjonali u l-esperjenza biex tiżgura li jiġu stabbiliti miżuri tekniċi u organizzattivi ta’ sigurtà biex tiġi protetta d-data personali. Att ta’ implimentazzjoni se jistabbilixxi l-kompiti li għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni fir-rigward tal-ġestjoni teknika tal-VIES ċentrali.
·Att ta’ implimentazzjoni se jistabbilixxi r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni meta jaġixxu bħala kontrollur u proċessur skont ir-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725.
Barra minn hekk, dawn il-miżuri huma soġġetti għall-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
L-implikazzjonijiet baġitarji huma stabbiliti fid-dettall fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE.
Il-proposta se twassal għal kostijiet limitati għall-amministrazzjonijiet nazzjonali u għall-baġit tal-UE biex tiġi stabbilita sistema mtejba għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-VAT (VIES).
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Il-Kumitat Permanenti dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva (SCAC), stabbilit skont l-Artikolu 58(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010, se jittratta l-kwistjonijiet kollha possibbli dwar il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri li jirriżultaw mir-regoli l-ġodda dwar it-tassazzjoni tal-kummerċ intra-UE. B’mod partikolari, se jiġi stabbilit pjan ta’ implimentazzjoni flimkien mal-Istati Membri fl-SCAC, għall-bidliet meħtieġa fl-IT ladarba l-modifika tiġi adottata mill-Kunsill.
Skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (UE) Nru 904/2010, l-applikazzjoni tar-Regolament tiġi rieżaminata kull ħames snin. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 49, biex jiġi evalwat kemm il-kooperazzjoni amministrattiva hija tajba fil-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, l-Istati Membri jridu jikkomunikaw lill-Kummissjoni kwalunkwe informazzjoni disponibbli rilevanti għall-applikazzjoni tar-Regolament u, fost l-oħrajn, statistika annwali dwar l-użu tal-istrumenti ta’ kooperazzjoni.
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
M/A
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
1.l-introduzzjoni ta’ sistema ċentrali għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-VAT
L-ewwel sett ta’ emendi fil-proposta jittratta l-iżvilupp ta’ sistema ċentrali ġdida għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-VAT bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri fil-livell tal-UE li hija adattata għall-ispeċifiċitajiet tar-Rekwiżiti tar-Rapportar Diġitali. It-Taqsima 3 tiżdied mal-Kapitolu V tar-Regolament (UE) 904/2010 biex tintroduċi l-VIES ċentrali bl-Artikoli 24g sa 24m kif ġej:
·L-Artikolu 24g jistabbilixxi s-sistema VIES ċentrali billi jiddetermina li l-Kummissjoni għandha tiżviluppa, iżżomm, tospita u tamministra teknikament is-sistema ċentrali, filwaqt li kull Stat Membru għandu jiżviluppa, iżomm, jospita u jamministra teknikament sistema elettronika nazzjonali biex awtomatikament tittrażmetti kategoriji differenti ta’ informazzjoni lill-VIES ċentrali. L-aktar parti essenzjali tal-informazzjoni skambjata permezz tal-VIES ċentrali se tkun l-informazzjoni miġbura permezz tad-DRR. L-informazzjoni l-oħra hija relatata mal-identifikazzjoni tal-persuni taxxabbli. Fl-aħħar nett, jintqal b’mod espliċitu li l-Istati Membri jistgħu jaħżnu l-informazzjoni li jridu jittrażmettu awtomatikament lill-VIES ċentrali fis-sistema elettronika nazzjonali li jużaw biex jittrażmettu l-informazzjoni għall-finijiet ta’ użu mill-ġdid fil-kontrolli nazzjonali.
·L-Artikolu 24h jirrigwarda l-kwalità u d-disponibbiltà tad-data. L-iskambju ta’ informazzjoni se jkun ta’ valur biss jekk id-data tkun ta’ kwalità suffiċjenti. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-aġġornamenti kollha meħtieġa u jadottaw miżuri sabiex jiżguraw li d-data tal-VIES ċentrali tinżamm aġġornata, u tkun kompluta u preċiża. Sabiex l-informazzjoni tkun aġġornata, jenħtieġ li tiddaħħal fis-sistema informazzjoni ġdida jew aġġornata mingħajr dewmien. Dan l-aġġornament immedjat tal-informazzjoni huwa partikolarment importanti għall-informazzjoni dwar l-identifikazzjoni, li hija intrinsikament marbuta mal-validazzjoni tan-numru tal-VAT. Fir-rigward tar-rapporti dwar it-tranżazzjonijiet intra-Komunitarji, miġbura permezz tad-DRR, id-dewmien aċċettabbli biex jiddaħħlu fil-VIES ċentrali huwa fi żmien jum wara l-ġbir mill-amministrazzjoni tat-taxxa. Il-kontroverifika tal-informazzjoni rrapportata minn fornitur u l-klijent tagħhom tista’ sseħħ biss wara li l-informazzjoni tiġi rrapportata miż-żewġ partijiet u wara li kull awtorità tibgħatha lill-VIES ċentrali. Dan ifisser li d-dewmien aċċettabbli għal kull pass jenħtieġ li jibqa’ fil-livell ta’ ftit jiem sabiex l-analiżi tkun possibbli fuq bażi frekwenti biżżejjed. L-informazzjoni għandha tibqa’ disponibbli fil-VIES ċentrali għal ħames snin mill-aħħar tas-sena li fiha l-informazzjoni tkun intbagħtet lill-VIES ċentrali.
·L-Artikolu 24i jikkonċerna l-wiri ta’ informazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-VAT bħala invalida fi ħdan il-VIES ċentrali, ladarba jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet. Id-dispożizzjoni tidħol fis-seħħ meta l-persuni identifikati għall-finijiet tal-VAT ikunu waqqfu l-attività ekonomika tagħhom, iddikjaraw data falza sabiex jiksbu numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT jew ikunu naqsu milli jikkomunikaw bidliet fid-data tagħhom li, kieku l-amministrazzjoni tat-taxxa kienet taf bihom, kienet tirrifjuta jew tirtira n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT. Din id-dispożizzjoni hija ta’ importanza kbira fir-rigward tal-objettiv tal-ġlieda effettiva kontra l-frodi tal-VAT. Jenħtieġ li jiġi ssottolinjat li din id-dispożizzjoni hija biss dwar il-wiri tan-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT bħala invalidu fi ftit sitwazzjonijiet. Dan ma jobbligax meta l-Istati Membri jenħtieġ li jirtiraw in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT.
·L-Artikolu 24j jiddeskrivi l-kapaċitajiet li l-VIES ċentrali għandu jkollha fir-rigward tal-informazzjoni mibgħuta lilha. L-Artikolu jipprevedi li l-VIES ċentrali għandha tkun tista’ taħżen, kif ukoll tagħmel kontroverifika, taggrega u tipproċessa l-informazzjoni riċevuta. Barra minn hekk, il-VIES ċentrali għandha tkun tista’ tagħmel l-informazzjoni (riċevuta, kontroverifikata, aggregata u pproċessata) aċċessibbli għall-utenti u s-sistemi awtorizzati. Il-VIES ċentrali jenħtieġ li tkun tista’ tipproċessa wkoll l-informazzjoni flimkien ma’ kwalunkwe informazzjoni kkomunikata jew miġbura skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 għal finijiet ta’ kontroll u għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT. Eżempju prominenti huwa t-tindif u l-arrikkiment tad-data billi tiġi pproċessata flimkien ma’ data minn sistemi oħra, bħas-Sistema ta’ sorveljanza li fiha informazzjoni dwar importazzjonijiet eżentati mill-VAT bl-użu tal-Proċeduri Doganali 42/63. Din il-kapaċità hija meħtieġa biex jinbnew sinerġiji bejn sistemi ta’ informazzjoni differenti li jinkludu informazzjoni rilevanti dwar il-VAT u jiġi mmassimizzat l-impatt tal-investimenti f’sistemi bħal dawn.
·L-Artikolu 24k jiddeskrivi liema uffiċjali u sistemi huma pprovduti b’aċċess awtomatizzat għall-VIES ċentrali. Dawn jinkludu l-uffiċjali tal-Istati Membri li jivverifikaw ir-rekwiżiti għall-importazzjoni eżentata mill-VAT ta’ merkanzija, l-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc kif ukoll kwalunkwe uffiċjal ieħor li jkun awtorizzat b’mod espliċitu mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tagħhom. Fl-aħħar nett, l-aċċess għall-informazzjoni miġbura u pproċessata huwa previst għas-sistemi elettroniċi nazzjonali li jittrażmettu l-informazzjoni lill-VIES ċentrali. Din id-dispożizzjoni tippermetti mezz ta’ komunikazzjoni sigur bejn magna u oħra li jiffaċilita l-awtomatizzazzjoni u li jtaffi l-ħtieġa ta’ intervent mill-bniedem.
·L-Artikolu 24l jittratta l-kostijiet għall-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-VIES ċentrali, peress li jiddetermina li l-kostijiet għall-istabbiliment, għat-tħaddim u għaż-żamma tal-VIES ċentrali għandhom jitħallsu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni. Dawn il-kostijiet għandhom, fost l-oħrajn, jinkludu dawk tal-konnessjoni sigura bejn il-VIES ċentrali u s-sistemi elettroniċi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 24g(2), u dawk tas-servizzi meħtieġa biex jitwettqu l-kapaċitajiet li huma elenkati fl-Artikolu 24j. Min-naħa l-oħra, kull Stat Membru għandu jħallas il-kostijiet tal-iżviluppi kollha meħtieġa għas-sistemi elettroniċi nazzjonali tiegħu, u għandu jkun responsabbli għalihom, biex jippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni bl-użu tan-network NKK, jew kwalunkwe network simili ieħor.
·Fl-aħħar nett, l-Artikolu 24m jirrigwarda s-sigurtà u l-konformità tas-sistema VIES ċentrali. L-ewwel paragrafu jiddetermina li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw il-konformità mal-Artikolu 55 ta’ dan ir-Regolament. L-Artikolu 55 jipprovdi obbligi fir-rigward tas-segretezza uffiċjali, il-privatezza u s-sigurtà tal-informazzjoni maħżuna, ipproċessata jew skambjata skont ir-Regolament. It-tieni paragrafu jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni: il-kompiti li għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni għall-ġestjoni teknika tal-VIES ċentrali u r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni fir-rigward tal-funzjonijiet ta’ kontrollur u proċessur skont ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
2.L-eliminazzjoni gradwali tas-sistema miruta eżistenti għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-VAT
It-tieni sett ta’ emendi fil-proposta jittratta l-eliminazzjoni gradwali tal-VIES b’legat. Is-sistema VIES eżistenti, koperta mit-Taqsima 1 tal-Kapitolu V, jeħtieġ li tinżamm għal sentejn wara li tiġi stabbilita s-sistema VIES ċentrali sabiex jiġu ffaċilitati l-kontrolli tat-tranżazzjonijiet li ġew irrapportati b’dikjarazzjonijiet rikapitolattivi, qabel l-introduzzjoni tar-Rekwiżiti ta’ Rapportar Diġitali. Il-VIES b’legat se tippermetti l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni pprovduta permezz tar-rekwiżiti l-antiki ta’ rapportar għal dan il-perjodu. Wara t-tneħħija gradwali tal-VIES b’legat, l-informazzjoni xorta tista’ tiġi skambjata bejn l-Istati Membri b’mod spontanju jew fuq talba, bl-użu ta’ strumenti mhux awtomatizzati ta’ kooperazzjoni amministrattiva. L-eliminazzjoni gradwali tal-VIES eżistenti titwettaq kif ġej:
·l-Artikoli 17, 20, 21, 22 u 23 huma emendati sabiex jitneħħew ir-referenzi tal-VIES b’legat.
·L-Artikolu 31 li jittratta l-għoti ta’ informazzjoni lil persuni taxxabbli dwar il-validità tan-numri ta’ identifikazzjoni tal-VAT kif ukoll l-isem u l-indirizz assoċjati ta’ persuni oħra involuti fi tranżazzjonijiet intra-Komunitarji huwa emendat. Wara l-emenda, l-Artikolu se jirreferi għall-informazzjoni miżmuma fil-VIES ċentrali.
3.Bidliet oħra
It-tielet sett ta’ emendi fil-proposta jipprevedi l-aġġustamenti meħtieġa dwar l-iskambju ta’ informazzjoni relatata mat-trasferimenti speċjali l-ġodda tal-iskema ta’ oġġetti proprji kif introdotti fid-Direttiva 2006/112/KE.
Skont l-Artikolu 242a tad-Direttiva 2006/112/KE, l-operaturi tal-pjattaformi huma meħtieġa jżommu r-rekords tal-provvisti minn negozju għal klijent magħmula fuq il-pjattaformi tagħhom. Sabiex jiġi ffaċilitat l-operat tal-mudell tal-fornitur meqjus li qed jiġi introdott fis-setturi tal-kiri tal-akkomodazzjoni għal żmien qasir u tat-trasport tal-passiġġieri, dan għandu jitwessa’ għall-provvisti minn negozju għal negozju. Huwa meħtieġ li jiġi introdott format standard għat-trasferiment ta’ din l-informazzjoni.
2022/0409 (CNS)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni amministrattiva tal-VAT meħtieġa għall-era diġitali
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,
Billi:
(1)Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet skont liema l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri responsabbli għall-applikazzjoni tal-liġijiet dwar il-VAT għandhom jikkooperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni biex jiżguraw il-konformità ma’ dawk il-liġijiet. Dawk il-kundizzjonijiet jinvolvu, fost l-oħrajn, regoli dwar il-ħżin u l-iskambju, permezz ta’ mezzi elettroniċi, ta’ informazzjoni li tista’ tgħin sabiex titwettaq valutazzjoni korretta tal-VAT, tiġi mmonitorjata l-applikazzjoni korretta tal-VAT, b’mod partikolari fuq tranżazzjonijiet intra-Komunitarji, u tiġi miġġielda l-frodi tal-VAT.
(2)Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) XX/XXX [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet jekk jogħġbok daħħal in-numru u s-sena tad-Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tar-regoli tal-VAT għall-era diġitali adottata fl-istess jum bħal dan ir-Regolament] introdotta fid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar ir-rekwiżiti ta’ rapportar diġitali (“DRR”). Dawk ir-rekwiżiti jobbligaw lill-persuni taxxabbli identifikati għall-finijiet tal-VAT jissottomettu lill-Istati Membri informazzjoni dwar kull provvista intra-Komunitarja ta’ merkanzija, fuq kull akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija u fuq kull provvista ta’ servizz li huwa taxxabbli fi Stat Membru għajr dak li fih huwa stabbilit il-fornitur. L-Istati Membri jeħtieġ li jiskambjaw u jipproċessaw dik l-informazzjoni dwar tranżazzjonijiet intra-Komunitarji biex jimmonitorjaw l-applikazzjoni korretta tal-VAT u jidentifikaw il-frodi.
(3)Il-kooperazzjoni eżistenti bejn l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri hija bbażata fuq l-iskambju ta’ informazzjoni aggregata bejn is-sistemi elettroniċi nazzjonali. L-introduzzjoni tad-DRR għandha l-għan li żżid il-ġbir tat-taxxa billi tipprovdi data ta’ tranżazzjoni bi tranżazzjoni lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa fil-ħin. Sabiex dik id-data tkun disponibbli għal amministrazzjonijiet tat-taxxa oħra b’mod effiċjenti, u biex tiġi ffaċilitata implimentazzjoni komuni ta’ analiżi u kontroverifiki, kif ukoll interpretazzjoni komuni ta’ dawk l-analiżijiet u l-kontroverifiki, hija meħtieġa sistema ċentrali fejn tiġi kondiviża l-informazzjoni dwar il-VAT.
(4)Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiġġieldu l-frodi tal-VAT b’mod aktar effettiv, jenħtieġ li tiġi stabbilita sistema elettronika ċentrali għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-VAT (“VIES ċentrali”) għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar il-VAT. Dik is-sistema jenħtieġ li tirċievi, mis-sistemi elettroniċi nazzjonali tal-Istati Membri, informazzjoni dwar tranżazzjonijiet intra-Komunitarji kif irrapportat mill-fornituri u l-akkwirenti rispettivi fi Stati Membri differenti. Dik is-sistema jenħtieġ li tirċievi wkoll mill-Istati Membri l-informazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-VAT ta’ persuni taxxabbli li jagħmlu tranżazzjonijiet intra-Komunitarji. Barra minn hekk, kull meta tinbidel id-data, il-metadata għat-traċċar tal-ħin meta ssir il-modifika jenħtieġ li tittella’ wkoll fil-VIES ċentrali.
(5)L-informazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-VAT ta’ persuni taxxabbli li jagħmlu tranżazzjonijiet intra-Komunitarji jenħtieġ li tiġi aġġornata awtomatikament fil-VIES ċentrali mingħajr dewmien kull meta tinbidel l-informazzjoni dwar l-identifikazzjoni, ħlief fejn l-Istati Membri jaqblu li tali aġġornament ma huwiex pertinenti, essenzjali jew utli. Tali aġġornamenti huma meħtieġa minħabba li l-validità tan-numri ta’ identifikazzjoni tal-VAT ta’ persuni taxxabbli hija soġġetta għal verifika fir-rigward tal-kundizzjoni għall-eżenzjoni ta’ provvisti intra-Komunitarji prevista fl-Artikolu 138 tad-Direttiva 2006/112/KE. Sabiex jiġi pprovdut livell raġonevoli ta’ assigurazzjoni lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa fir-rigward tal-kwalità u l-affidabbiltà ta’ tali informazzjoni, l-informazzjoni dwar tranżazzjonijiet intra-Komunitarji jenħtieġ li tiġi aġġornata awtomatikament fil-VIES ċentrali mhux aktar tard minn jum wara li l-Istat Membru jkun irċieva l-informazzjoni mill-persuna taxxabbli.
(6)Barra minn hekk, fir-rigward tal-informazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-VAT fil-VIES ċentrali, l-Istati Membri jenħtieġ li jadottaw miżuri biex jiżguraw li d-data pprovduta minn persuni taxxabbli għall-identifikazzjoni tagħhom għall-finijiet tal-VAT f’konformità mal-Artikolu 214 tad-Direttiva 2006/112/KE, tiġi vvalutata mill-Istat Membru rispettiv bħala kompluta u preċiża. Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT jintwera bħala invalidu fil-VIES ċentrali meta persuna taxxabbli tonqos milli tirrispetta l-obbligi li tikkomunika d-data jew meta titwaqqaf l-attività ekonomika.
(7)L-informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet intra-Komunitarji rrapportati mill-fornituri u mill-akkwirenti fi Stati Membri differenti jenħtieġ li tiddaħħal minn kull Stat Membru fil-VIES ċentrali minnufih wara li l-Istat Membru jkun irċevieha. Huwa meħtieġ li l-informazzjoni riċevuta tiġi pproċessata malajr, minħabba raġunijiet tekniċi relatati mal-volum tad-data kif ukoll li jiġu identifikati fi stadju bikri tranżazzjonijiet suspettużi u każijiet possibbli ta’ frodi tal-VAT.
(8)Sabiex l-Istati Membri jiġu megħjuna fil-ġlieda tagħhom kontra l-frodi tal-VAT u biex jiġu identifikati l-frodaturi, jenħtieġ li l-informazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-VAT u l-informazzjoni dwar il-VAT fuq it-tranżazzjonijiet intra-Komunitarji jinżammu għal 5 snin. Dak il-perjodu jikkostitwixxi l-perjodu minimu meħtieġ għall-Istati Membri biex iwettqu kontrolli b’mod effettiv u jinvestigaw suspett ta’ frodi tal-VAT jew jidentifikaw tali frodi. Huwa proporzjonat ukoll meta jitqies il-volum enormi tal-informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet intra-Komunitarji u s-sensittività tal-informazzjoni bħala data kummerċjali u personali.
(9)Sabiex jiġu identifikati fil-ħin id-diskrepanzi u b’hekk tittejjeb il-kapaċità li tiġi miġġielda l-frodi tal-VAT, il-VIES ċentrali jenħtieġ li tkun tista’ tagħmel kontroverifika awtomatika tal-informazzjoni miġbura kemm mill-fornitur kif ukoll mill-akkwirent permezz tad-DRR introdott mid-Direttiva (UE) XX/XXX [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet jekk jogħġbok daħħal in-numru u s-sena tad-Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tar-regoli tal-VAT għall-era diġitali adottata fl-istess jum bħal dan ir-Regolament]. Ir-riżultati ta’ tali kontroverifika jenħtieġ li jkunu disponibbli għall-Istati Membri għas-segwitu xieraq.
(10)Barra minn hekk, biex il-VIES ċentrali tkun tista’ żżomm il-kapaċitajiet tas-sistema eżistenti ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar il-VAT prevista fl-Artikolu 17(1)(a), tar-Regolament (UE) Nru 904/2010, jenħtieġ li tkun tista’ wkoll taggrega l-informazzjoni biex tagħti ħarsa ġenerali lejn il-provvisti u l-akkwiżizzjonijiet irrapportati minn persuni taxxabbli li jinsabu fl-Istati Membri. Sabiex jiġi żgurat li l-VIES ċentrali tippermetti lill-Istati Membri jkomplu jaċċessaw l-informazzjoni ta’ xulxin kif attwalment strutturat fi ħdan is-sistema eżistenti ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar il-VAT, il-VIES ċentrali jenħtieġ li tappoġġa l-aggregazzjoni tad-data.
(11)Sabiex tappoġġa lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex iwettqu valutazzjoni korretta tal-VAT, jimmonitorjaw l-applikazzjoni korretta tal-VAT, jiġġieldu l-frodi tal-VAT, u jisfruttaw is-sinerġiji bejn sistemi ta’ informazzjoni differenti li fihom informazzjoni rilevanti dwar il-VAT, il-VIES ċentrali jenħtieġ li tipproċessa l-informazzjoni li tasal mingħand l-Istati Membri flimkien ma’ kwalunkwe informazzjoni kkomunikata jew miġbura skont ir-Regolament (UE) Nru 904/2010.
(12)L-aċċess għall-informazzjoni fil-VIES ċentrali jenħtieġ li jiġi pprovdut fuq bażi ta’ ħtieġa ta’ għarfien. Dik l-informazzjoni jenħtieġ li ma tintużax għal skopijiet oħra għajr biex tiġi mmonitorjata l-applikazzjoni korretta tal-VAT u tiġi miġġielda l-frodi tal-VAT. L-utenti kollha jenħtieġ li jkunu marbutin bir-regoli ta’ kunfidenzjalità stabbiliti f’dan ir-Regolament.
(13)Sabiex tiġi miġġielda l-frodi tal-VAT, l-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc tal-Istati Membri kif imsemmi fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 904/2010 jenħtieġ li jkunu jistgħu jaċċessaw u janalizzaw l-informazzjoni dwar il-VAT fuq tranżazzjonijiet intra-Komunitarji. Sabiex jimmonitorjaw l-applikazzjoni korretta tal-liġijiet tal-VAT, l-uffiċjali tal-Istati Membri li jivverifikaw jekk tapplikax l-eżenzjoni tal-VAT għal ċerti oġġetti importati, li hija stabbilita fl-Artikolu 143(1), il-punt (d), tad-Direttiva 2006/112/KE, jenħtieġ li jkunu jistgħu jaċċessaw ukoll informazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-VAT li tinħażen fil-VIES ċentrali. Barra minn hekk, minħabba l-istess raġunijiet, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jenħtieġ li jagħżlu uffiċjali oħra li jeħtieġ li jkollhom aċċess dirett għall-VIES ċentrali u jagħtuhom tali aċċess meta meħtieġ. Fl-aħħar nett, il-persuni debitament akkreditati tal-Kummissjoni jenħtieġ li jkunu jistgħu jaċċessaw l-informazzjoni li tinsab fil-VIES ċentrali, iżda biss sal-punt li tali aċċess ikun meħtieġ għall-iżvilupp u l-manutenzjoni ta’ dik is-sistema.
(14)Sabiex jiġi investigat suspett ta’ frodi tal-VAT u biex tiġi identifikata tali frodi, is-sistemi ta’ informazzjoni li jappoġġaw in-network tal-Eurofisc fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT, inklużi s-sistema ta’ Analiżi tan-Network tat-Tranżazzjonijiet u s-sistema elettronika ċentrali ta’ informazzjoni dwar il-pagamenti (“CESOP”), jenħtieġ li jkollhom aċċess dirett għall-VIES ċentrali.
(15)Il-volum tad-data u l-frekwenza tat-trażmissjonijiet tad-data lill-VIES ċentrali jagħmlu l-awtomatizzazzjoni tal-flussi tal-informazzjoni mill-VIES ċentrali lejn is-sistemi nazzjonali meħtieġa. Tali awtomatizzazzjoni jenħtieġ li tipprevedi wkoll mezz ta’ komunikazzjoni effiċjenti u sigur bejn magna u oħra, u jenħtieġ li tiżgura li ma jkunx hemm aktar ħtieġa ta’ intervent mill-bniedem meta tiġi aċċessata data kondiviża. Għalhekk, is-sistemi elettroniċi nazzjonali li jittrażmettu l-informazzjoni lill-VIES ċentrali jenħtieġ li jkollhom ukoll aċċess għall-informazzjoni maħżuna f’dik is-sistema, inkluża l-informazzjoni pproċessata u aggregata għall-finijiet ta’ kontroll tal-VAT u għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT.
(16)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 904/2010, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-kompiti li għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni għall-ġestjoni teknika tal-VIES ċentrali, id-dettalji tekniċi li jikkonċernaw l-identifikazzjoni u l-aċċess ta’ uffiċjali u sistemi elettroniċi għall-VIES ċentrali, id-dettalji tekniċi u l-format tal-informazzjoni mibgħuta lill-VIES ċentrali u r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni meta jaġixxu bħala kontrollur u proċessur skont ir-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(17)Il-frodi tal-VAT hija problema komuni għall-Istati Membri kollha. L-Istati Membri waħedhom ma għandhomx l-informazzjoni meħtieġa biex jiżguraw li r-regoli tal-VAT ikunu applikati sew u biex jindirizzaw il-frodi tal-VAT. Ladarba l-objettiv tar-Regolament (UE) Nru 904/2010, jiġifieri l-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba n-natura transfruntiera tas-suq intern, iżda jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.
(18)Il-persuni taxxabbli li jiffaċilitaw il-provvisti ta’ oġġetti jew servizzi permezz tal-użu ta’ interfaċċa elettronika jistgħu jkunu soġġetti għal talbiet għal rekords mill-Istat Membru fejn dawk il-provvisti jkunu taxxabbli kif imsemmi fl-Artikolu 242a tad-Direttiva 2006/112/KE. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv u l-kostijiet ta’ konformità għal dawk il-persuni taxxabbli u sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tax-xogħol, l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni jenħtieġ li jikkoordina tali talbiet kemm jista’ jkun. Għal dak il-għan, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita formola standard għat-trażmissjoni elettronika ta’ din l-informazzjoni lill-Istati Membri.
(19)Għandha tiġi introdotta skema ġdida ta’ simplifikazzjoni tal-Punt Uniku ta’ Servizz (“OSS”) fid-Direttiva 2006/112/KE għal persuni taxxabbli li qed jittrasferixxu ċerti oġġetti proprji b’mod transfruntier. Għalhekk huwa meħtieġ li dik l-iskema l-ġdida tiġi integrata fil-qafas kumplessiv tal-iskemi speċjali tal-OSS tal-VAT stabbiliti fil-Kapitolu XI, it-Taqsima 3, tar-Regolament Nru 904/2010. Jenħtieġ li b’mod partikolari tinkludi l-għoti ta’ informazzjoni bejn l-Istat Membru minn u lejn liema tiġi ttrasferita l-merkanzija.
(20)Peress li l-iskema l-ġdida tal-OSS hija komprensiva u tinkludi l-movimenti transfruntiera ta’ merkanzija li bħalissa huma koperti minn arranġamenti ta’ stokk f’kunsinna kuntrattat f’konformità mal-Artikolu 17a tad-Direttiva 2006/112/KE, dawk l-arranġamenti tħassru mid-Direttiva 2006/112/KE. Huwa meħtieġ li dik l-emenda tad-Direttiva 2006/112/KE tiġi riflessa fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 904/2010.
(21)L-abbuż min-numri ta’ identifikazzjoni tal-VAT tal-Punt Uniku ta’ Servizz għall-Importazzjoni (“IOSS”) ġie identifikat mill-partijiet ikkonċernati bħala riskju potenzjali. Sabiex jiġi żgurat aħjar l-użu korrett u l-proċess ta’ verifika tan-numri ta’ identifikazzjoni tal-VAT tal-IOSS, huwa meħtieġ li jiġi estiż l-Artikolu 47h tar-Regolament (UE) Nru 904/2010 li jagħti lill-awtoritajiet doganali aċċess għal informazzjoni dwar in-negozjant irreġistrat tal-IOSS, li se jtejjeb il-kapaċitajiet ta’ ġestjoni u kontroll tar-riskju ta’ dawk l-awtoritajiet doganali.
(22)Sabiex jissaħħu l-kontrolli fir-rigward tal-iskema tal-IOSS, huwa meħtieġ li jiżdied il-valur totali tal-merkanzija importata skont l-iskema tal-IOSS għal kull numru ta’ identifikazzjoni tal-IOSS għal kull Stat Membru ta’ konsum mal-Artikolu 17(1)(e), tar-Regolament (UE) Nru 904/2010.
(23)Id-dettalji tekniċi, inklużi l-messaġġi elettroniċi komuni, għas-sottomissjoni ta’ rekords mill-persuni taxxabbli li jiffaċilitaw il-provvisti permezz tal-użu ta’ interfaċċa elettronika kif imsemmi fl-Artikolu 242a tad-Direttiva 2006/112/KE jenħtieġ li jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ komitoloġija prevista f’dan ir-Regolament.
(24)Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, dan ir-Regolament ifittex li jiżgura r-rispett sħiħ tad-dritt tal-protezzjoni tad-data personali stabbilit fl-Artikolu 8 tal-Karta. F’dak ir-rigward, dan ir-Regolament jillimita b’mod strett l-ammont ta’ data personali li se tkun disponibbli għall-awtoritajiet tat-taxxa. L-ipproċessar ta’ informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet intra-Komunitarji skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jseħħ biss għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.
(25)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data kien ikkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta opinjoni fi […]
(26)Billi l-implimentazzjoni tas-sistema VIES ċentrali se tkun tirrikjedi żviluppi teknoloġiċi ġodda, huwa meħtieġ li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-VIES ċentrali tkun differita biex l-Istati Membri u l-Kummissjoni jkunu jistgħu jiżviluppaw dawn it-teknoloġiji.
(27)L-aċċess awtomatizzat għall-informazzjoni dwar tranżazzjonijiet intra-Komunitarji li ġew irrapportati permezz ta’ dikjarazzjonijiet rikapitolattivi qiegħed jaffettwa direttament l-effiċjenza tal-kontrolli tal-VAT. Għalhekk, is-sistema attwali ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar il-VAT prevista fl-Artikolu 17(1)(a), tar-Regolament (UE) Nru 904/2010 jenħtieġ li tinżamm għal perjodu ta’ żmien wara l-abolizzjoni ta’ dawk id-dikjarazzjonijiet rikapitolattivi. Lil hinn minn dak il-perjodu, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet rilevanti tas-sistema attwali ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar il-VAT jitħassru u l-informazzjoni rrapportata permezz ta’ dikjarazzjonijiet rikapitolattivi jenħtieġ li tibqa’ aċċessibbli fuq talba.
(28)Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 904/2010 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emendi għar-Regolament (UE) Nru 904/2010 applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2025
Ir-Regolament (UE) Nru 904/2010 huwa emendat kif ġej:
(1)fl-Artikolu 1, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“4.
Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli u proċeduri għall-iskambju b’mezzi elettroniċi ta’ informazzjoni dwar il-VAT fuq oġġetti u servizzi fornuti jew oġġetti ttrasferiti f’konformità mal-iskemi speċjali previsti fit-Titolu XII, il-Kapitolu 6, tad-Direttiva 2006/112/KE u anke għal kwalunkwe skambju sussegwenti ta’ informazzjoni u, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ oġġetti u servizzi koperti mill-iskemi speċjali, għat-trasferiment ta’ flus bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.”;
(2)fl-Artikolu 2, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“2.
Id-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikoli 358, 358a, 369a, 369l u 369xa tad-Direttiva 2006/112/KE għall-finijiet ta’ kull skema speċjali għandhom japplikaw ukoll għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.”;
(3)fl-Artikolu 17(1), il-punti (d) u (e) huma sostitwiti b’dan li ġej:
“(d) l-informazzjoni li jiġbor skont l-Artikoli 360, 361, 364, 365, 369c, 369f, 369g, 369o, 369p, 369s, 369t, 369xc, 369xf u 369xg tad-Direttiva 2006/112/KE;
(e) data dwar in-numri ta’ identifikazzjoni tal-VAT imsemmija fl-Artikolu 369q tad-Direttiva 2006/112/KE li tkun ħarġet u għal kull numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT maħruġ minn kwalunkwe Stat Membru, il-valur totali tal-importazzjonijiet ta’ merkanzija eżentata skont l-Artikolu 143(1), il-punt (ca), matul kull xahar, għal kull Stat Membru ta’ konsum kif definit fl-Artikolu 369l(4) ta’ dik id-Direttiva;”;
(4)l-Artikolu 47b huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 47b
1.
L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-persuni taxxabbli li jagħmlu użu mill-iskema speċjali stabbilita fit-Titolu XII, il-Kapitolu 6, it-Taqsima 2 tad-Direttiva 2006/112/KE jipprovdu lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni, b’mezzi elettroniċi, l-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 361 ta’ dik id-Direttiva. Il-persuni taxxabbli li jagħmlu użu mill-iskemi speċjali stabbiliti fit-Titolu XII, il-Kapitolu 6, it-Taqsimiet 3 u 5, tad-Direttiva 2006/112/KE għandhom jipprovdu, lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni, b’mezzi elettroniċi, dettalji għall-identifikazzjoni tagħhom meta jibdew l-attivitajiet tagħhom skont l-Artikoli 369c u 369xc ta’ dik id-Direttiva. Kwalunkwe bidla fl-informazzjoni pprovduta skont l-Artikolu 361(2), l-Artikolu 369c u l-Artikolu 369xc tad-Direttiva 2006/112/KE għandha tiġi ppreżentata wkoll b’mezzi elettroniċi.
2.
L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jibgħat l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 b’mezzi elettroniċi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra fi żmien 10 ijiem mill-aħħar tax-xahar li fih tkun waslet l-informazzjoni mingħand il-persuna taxxabbli li tuża waħda mill-iskemi speċjali stabbiliti fit-Titolu XII, il-Kapitolu 6, it-Taqsimiet 2, 3 u 5, tad-Direttiva 2006/112/KE. L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu, bl-istess mod, jinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra bin-numri ta’ identifikazzjoni tal-VAT imsemmija f’dawk it-Taqsimiet 2, 3 u 5.
3.
Meta persuna taxxabbli li tagħmel użu minn waħda mill-iskemi speċjali stabbiliti fit-Titolu XII, il-Kapitolu 6, it-Taqsimiet 2, 3 u 5, tad-Direttiva 2006/112/KE tiġi eskluża minn dik l-iskema speċjali, l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra b’mezzi elettroniċi u mingħajr dewmien.”;
(5)l-Artikolu 47d huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 47d
1.
L-Istati Membri għandhom jipprevedu li d-dikjarazzjoni tal-VAT bid-dettalji stabbiliti fl-Artikoli 365, 369g, 369t u 369xg tad-Direttiva 2006/112/KE tiġi ppreżentata b’mezzi elettroniċi.
2.
L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jibgħat l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 b’mezzi elettroniċi lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-konsum jew lill-Istati Membri li minnhom u għalihom tkun intbagħtet jew ġiet trasportata l-merkanzija sa mhux aktar tard minn 20 jum wara tmiem ix-xahar li matulu kien meħtieġ li tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni.”;
(6)fl-Artikolu 47h, jiżdied il-paragrafu li ġej:
“Għall-finijiet tal-ewwel paragrafu, l-Istati Membri għandhom jagħtu aċċess lill-awtoritajiet kompetenti għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 369p (1) u (3) tad-Direttiva 2006/112/KE.”;
(7)l-Artikolu 47i huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1.
Sabiex jinkisbu r-rekords miżmuma minn persuna taxxabbli jew minn intermedjarju skont l-Artikoli 369, 369k, 369x u 369xk tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Istat Membru tal-konsum jew l-Istat Membru li minnu jew għalih tkun intbagħtet jew ġiet ittrasportata l-merkanzija għandu l-ewwel jagħmel talba lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni b’mezzi elettroniċi.”;
(b)il-paragrafi 4 u 5 huma sostitwiti b’dan li ġej:
“4.
L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jibgħat ir-rekords miksuba b’mezzi elettroniċi, mingħajr dewmien lill-Istat Membru tal-konsum rikjedenti jew lill-Istat Membru li minnu jew li lilu tkun intbagħtet jew ġiet ittrasportata l-merkanzija.
5.
Meta l-Istat Membru tal-konsum rikjedenti jew l-Istat Membru li minnu jew li lilu tkun intbagħtet jew ġiet ittrasportata l-merkanzija ma jirċevix ir-rekords fi żmien 30 jum mid-data li fiha tkun saret it-talba, dak l-Istat Membru jista’ jieħu kwalunkwe azzjoni f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu biex jikseb tali rekords.”;
(8)fl-Artikolu 47j, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7(4), jekk l-Istat Membru tal-konsum jew l-Istat Membru li minnu jew li lilu tkun intbagħtet jew ġiet ittrasportata l-merkanzija jiddeċiedi li tkun meħtieġa inkjesta amministrattiva, l-ewwel għandu jikkonsulta mal-Istat Membru ta’ identifikazzjoni dwar il-ħtieġa ta’ tali inkjesta.”;
(9)fl-Artikolu 47l, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(a)id-dettalji tekniċi, inkluż messaġġ elettroniku komuni, għall-għoti tal-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 47b(1), 47c(1), u 47d(1), u l-formola standard kif imsemmi fl-Artikolu 47i(3) u fl-Artikolu 47m;”;
(10)jiddaħħal il-Kapitolu XIa li ġej:
“KAPITOLU XIa
DISPOŻIZZJONIJIET DWAR L-OBBLIGI TAŻ-ŻAMMA TAR-REKORDS GĦALL-INTERFAĊĊI ELETTRONIĊI LI JIFFAĊILITAW IL-PROVVISTI TA’ OĠĠETTI JEW SERVIZZI F’KONFORMITÀ MAL-ARTIKOLU 242A TAD-DIRETTIVA 2006/112/KE
Artikolu 47la
1.
Sabiex jikseb ir-rekords miżmuma minn persuna taxxabbli skont l-Artikolu 242a tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Istat Membru li fih dawk il-provvisti huma taxxabbli għandu l-ewwel jagħmel talba lill-Istat Membru li fih persuna taxxabbli tiġi identifikata għal finijiet ta’ VAT b’mezzi elettroniċi.
2.
Meta l-Istat Membru li fih persuna taxxabbli tiġi identifikata għal finijiet ta’ VAT jirċievi talba msemmija fil-paragrafu 1, dak l-Istat Membru għandu jibgħat it-talba b’mezzi elettroniċi u mingħajr dewmien lill-persuna taxxabbli.
3.
L-Istati Membri għandhom jipprevedu li, fuq talba, persuna taxxabbli tippreżenta r-rekords mitluba b’mezzi elettroniċi lill-Istat Membru li fih dik il-persuna taxxabbli tiġi identifikata għal finijiet ta’ VAT. L-Istati Membri għandhom jaċċettaw li r-rekords jistgħu jiġu ppreżentati bl-użu ta’ formola standard.
4.
L-Istat Membru li fih dik il-persuna taxxabbli tiġi identifikata għall-finijiet tal-VAT għandu jittrażmetti r-rekords miksuba b’mezzi elettroniċi u mingħajr dewmien lill-Istat Membru rikjedenti li fih dawk il-provvisti huma taxxabbli.
5.
Meta l-Istat Membru rikjedenti li fih dawk il-provvisti huma taxxabbli ma jirċevix ir-rekords fi żmien 30 jum mid-data li fiha tkun saret it-talba, dak l-Istat Membru jista’ jieħu kwalunkwe azzjoni f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu biex jikseb tali rekords.
Artikolu 47lb
Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tispeċifika dan li ġej:
(a)id-dettalji tekniċi għall-formola standard kif imsemmija fl-Artikolu 47la(3);
(b)id-dettalji tekniċi, inkluż messaġġ elettroniku komuni, għall-għoti tal-informazzjoni msemmija fil-punti 47la(1), (2) u (4) kif ukoll il-mezzi tekniċi għat-trażmissjoni ta’ din l-informazzjoni.”;
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 58(2).”.
Artikolu 2
Emendi għar-Regolament (UE) Nru 904/2010 applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2026
Ir-Regolament (UE) 904/2021 huwa emendat kif ġej:
(1)l-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:
(a) il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:
(i)il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(c) in-numri ta’ identifikazzjoni tal-VAT tal-persuni li wettqu l-provvisti ta’ oġġetti u servizzi msemmija fil-punt (b);”;
(ii)fil-punt (e), il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:
“il-valur totali tal-provvisti ta’ oġġetti u servizzi msemmija fil-punt (b) minn kull persuna msemmija fil-punt (c) lil kull persuna li jkollha numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT maħruġ minn Stat Membru ieħor skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:”;
Artikolu 3
Emendi għar-Regolament (UE) Nru 904/2010 applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2028
Ir-Regolament (UE) Nru 904/2021 huwa emendat kif ġej:
(1)fl-Artikolu 2(1), il-punti (g) u (h) huma sostitwiti b’dan li ġej:
“(g)“provvista intra-Komunitarja ta’ merkanzija” tfisser kwalunkwe provvista ta’ merkanzija li d-data tagħha trid tiġi sottomessa f’konformità mal-Artikolu 262 tad-Direttiva 2006/112/KE;
(h)“provvista intra-Komunitarja ta’ servizzi” tfisser kwalunkwe provvista ta’ servizzi li d-data tagħhom trid tiġi sottomessa f’konformità mal-Artikolu 262 tad-Direttiva 2006/112/KE;”;
(2)fl-Artikolu 17(1), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(a) l-informazzjoni li hu jiġbor skont it-Titolu XI, il-Kapitolu 6, tad-Direttiva 2006/112/KE kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2022/890*;
* Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2022/890 tat-3 ta’ Ġunju 2022 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE rigward l-estensjoni tal-perjodu ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fakultattiv fir-rigward ta’ provvisti ta’ ċerti oġġetti u servizzi suxxettibbli għall-frodi u tal-Mekkaniżmu ta’ Reazzjoni Rapida kontra l-frodi tal-VAT (ĠU L 155, 8.6.2022, p. 1).”;
(3)fil-Kapitolu V, tiddaħħal it-Taqsima 3 li ġejja wara l-Artikolu 24f:
“TAQSIMA 3
Sistema elettronika ċentrali għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-VAT”;
Artikolu 24g
1. Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa, iżżomm, tospita u tamministra teknikament sistema elettronika u ċentrali għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-VAT (“VIES ċentrali”) għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 1.
2.Kull Stat Membru għandu jiżviluppa, iżomm, jospita u jamministra teknikament sistema elettronika nazzjonali biex awtomatikament jibgħat l-informazzjoni li ġejja lill-VIES ċentrali:
(a)l-informazzjoni li hu jiġbor skont it-Titolu XI, il-Kapitolu 6, it-Taqsima 1, tad-Direttiva 2006/112/KE;
(b)l-informazzjoni dwar l-identità, l-attività, il-forma ġuridika u l-indirizz tal-persuni li jkun inħarġilhom numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT, miġbur skont l-Artikolu 213 tad-Direttiva 2006/112/KE, kif ukoll id-data li fiha jkun inħareġ dak in-numru;
(c)in-numri ta’ identifikazzjoni tal-VAT li l-Istat Membru jkun ħareġ u li saru invalidi, u d-dati li fihom dawk in-numri saru invalidi;
(d)id-data u l-ħin li fihom ġiet modifikata d-data msemmija fil-punti (a), (b) u (c);
L-informazzjoni msemmija fil-punt (a) għandha tkun f’konformità mal-istandard Ewropew dwar l-e-fatturazzjoni u mal-lista tas-sintassi tagħha kif stabbilit fid-Direttiva 2014/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.*
Il-Kummissjoni għandha tispeċifika permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni d-dettalji u l-format tal-informazzjoni elenkata f’dan il-paragrafu. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 58(2).
3.Kull Stat Membru jista’ jaħżen l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 24j, il-punti (b), (c) u (d) fis-sistema elettronika nazzjonali msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 24h
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni disponibbli fil-VIES ċentrali tinżamm aġġornata, kompluta u preċiża.
Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi l-kriterji li jiddeterminaw liema bidliet ma humiex pertinenti, essenzjali jew utli biżżejjed biex jintbagħtu fil-VIES ċentrali. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 58(2).
2.L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li d-data pprovduta minn persuni taxxabbli u minn persuni ġuridiċi mhux taxxabbli għall-identifikazzjoni tagħhom għall-finijiet tal-VAT skont l-Artikolu 214 tad-Direttiva 2006/112/KE, tkun, fil-valutazzjoni tagħhom, kompluta u preċiża qabel ma tiġi mibgħuta lill-VIES ċentrali.
L-Istati Membri għandhom jimplimentaw proċeduri għall-verifika ta’ din id-data kif iddeterminata mir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju tagħhom. Il-kontrolli għandhom jitwettqu, fil-prinċipju, qabel l-identifikazzjoni għall-finijiet tal-VAT jew, meta jitwettqu biss kontrolli preliminari qabel tali identifikazzjoni, mhux aktar tard minn 6 xhur wara tali identifikazzjoni.
3.L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bil-miżuri implimentati fil-livell nazzjonali biex jiżguraw il-kwalità u l-affidabbiltà tal-informazzjoni f’konformità mal-paragrafu 2.
4.L-Istati Membri għandhom idaħħlu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 24g(2) fil-VIES ċentrali mingħajr dewmien.
Id-dettalji dwar id-dewmien tekniku aċċettabbli għandhom jiġu definiti f’att ta’ implimentazzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 58(2).
5.B’deroga mill-paragrafu 4 tal-Artikolu, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 24g(2), il-punt (a), għandha tiddaħħal fil-VIES ċentrali mhux aktar tard minn jum wara l-ġbir tal-informazzjoni sottomessa mill-persuna taxxabbli lill-awtoritajiet kompetenti.
6.L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 24g(2) għandha tkun disponibbli fil-VIES ċentrali għal 5 snin mill-aħħar tas-sena li fiha l-informazzjoni tkun ntbagħtet lilha.
Artikolu 24i
1.L-Istati Membri għandhom jaġġornaw awtomatikament il-VIES ċentrali biex jiżguraw li n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT, kif imsemmi fl-Artikolu 214 tad-Direttiva 2006/112/KE, jintwera bħala invalidu fil-VIES ċentrali fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:
(a)meta l-persuni identifikati għall-finijiet tal-VAT ikunu ddikjaraw li l-attività ekonomika tagħhom, kif imsemmi fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2006/112/KE, tkun waqfet jew meta l-awtorità kompetenti tqis li jkunu waqqfu tali attività;
(b)meta l-persuni jkunu ddikjaraw data falza sabiex jiksbu identifikazzjoni tal-VAT u, li kieku l-amministrazzjoni tat-taxxa kienet taf b’dan, din tal-aħħar kienet tirrifjuta l-identifikazzjoni għall-finijiet tal-VAT jew tirtira n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT;
(c)meta l-persuni jkunu naqsu milli jikkomunikaw il-bidliet fid-data tagħhom u, li kieku l-amministrazzjoni tat-taxxa kienet taf b’dan, din tal-aħħar kienet tirrifjuta l-identifikazzjoni għall-finijiet tal-VAT jew tirtira n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT.
Is-sitwazzjonijiet elenkati f’dan il-paragrafu huma pprovduti mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe regola nazzjonali li tipprevedi sitwazzjonijiet addizzjonali.
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (a), attività ekonomika għandha titqies mill-awtorità kompetenti bħala li waqfet f’mill-inqas is-sitwazzjonijiet li ġejjin:
(a)minkejja li hija meħtieġa tagħmel dan, il-persuna identifikata għall-finijiet tal-VAT naqset milli tissottometti d-dikjarazzjonijiet tal-VAT għal sena wara l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien għas-sottomissjoni tal-ewwel dikjarazzjoni li nqabżet;
(b)minkejja li hija meħtieġa tagħmel dan, il-persuna identifikata għall-finijiet tal-VAT naqset milli tissottometti d-data dwar il-provvista intra-Komunitarja ta’ oġġetti jew servizzi għal 6 xhur wara l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien għas-sottomissjoni ta’ dik id-data.
Is-sitwazzjonijiet elenkati f’dan il-paragrafu huma pprovduti mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe regola nazzjonali li tipprevedi sitwazzjonijiet addizzjonali.
Artikolu 24j
Il-VIES ċentrali għandu jkollha l-funzjonijiet li ġejjin fir-rigward tal-informazzjoni riċevuta f’konformità mal-Artikolu 24g(2) ta’ dan ir-Regolament:
(a)li taħżen l-informazzjoni msemmija fil-punti (b), (c) u (d) ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 24g(2) ta’ dan ir-Regolament;
(b)li tagħmel kontroverifika tal-informazzjoni dwar il-provvisti u l-akkwiżizzjonijiet intra-Komunitarji miġbura skont it-Titolu XI, il-Kapitolu 6, it-Taqsima 1, tad-Direttiva 2006/112/KE;
(c)li taggrega l-informazzjoni fir-rigward tal-persuni li għalihom ikun inħareġ u nġabar numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT skont l-Artikolu 213 tad-Direttiva 2006/112/KE u li tagħmel id-dettalji li ġejjin aċċessibbli għall-uffiċjali jew għas-sistemi elettroniċi msemmija fl-Artikolu 24k:
(i)il-valur totali tal-provvisti intra-Komunitarji kollha ta’ merkanzija u l-valur totali tal-provvisti intra-Komunitarji kollha ta’ servizzi lil persuni li għandhom numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT maħruġ minn Stat Membru mill-operaturi kollha identifikati għall-finijiet tal-VAT f’kull Stat Membru ieħor;
(ii)in-numri ta’ identifikazzjoni tal-VAT tal-persuni li wettqu l-provvisti ta’ oġġetti u servizzi msemmija fil-punt (i);
(iii)il-valur totali tal-provvisti ta’ oġġetti u servizzi msemmija fil-punt (i) minn kull persuna msemmija fil-punt (ii) lil kull persuna li jkollha numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT maħruġ minn Stat Membru;
(iv)il-valur totali tal-provvisti ta’ oġġetti u servizzi msemmija fil-punt (i) minn kull persuna msemmija fil-punt (ii) lil kull persuna li jkollha numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT maħruġ minn Stat Membru ieħor;
(d)li tipproċessa l-informazzjoni, flimkien ma’ kwalunkwe informazzjoni kkomunikata jew miġbura skont dan ir-Regolament;
(e)li tagħmel l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 24g(2) u fil-punti (b), (c) u (d) ta’ dan l-Artikolu aċċessibbli għall-uffiċjali jew għas-sistemi elettroniċi msemmija fl-Artikolu 24k.
Artikolu 24k
1.Kull Stat Membru għandu jagħti aċċess awtomatizzat għall-VIES ċentrali lil:
(a)uffiċjali li huma awtorizzati mill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru jaċċessaw direttament l-informazzjoni fil-VIES ċentrali;
(b)uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc, kif imsemmi fl-Artikolu 36(1), li jkollhom identifikazzjoni ta’ utent personali għall-VIES ċentrali u fejn dak l-aċċess ikun b’rabta ma’ investigazzjoni ta’ suspett ta’ frodi tal-VAT jew biex tiġi identifikata frodi tal-VAT;
(c)uffiċjali ta’ dak l-Istat Membru li jivverifikaw ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 143(2) tad-Direttiva 2006/112/KE.
2. Kull Stat Membru għandu jagħti aċċess awtomatizzat għall-VIES ċentrali lil:
(a)sistemi elettroniċi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru li jivverifikaw ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 143(2) tad-Direttiva 2006/112/KE;
(b)sistemi elettroniċi nazzjonali, kif imsemmija fl-Artikolu 24g(2), għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1), it-tieni paragrafu, ta’ dan ir-Regolament;
(c)is-sistema elettronika ċentrali ta’ informazzjoni dwar il-pagamenti msemmija fl-Artikolu 24a (“CESOP”);
(d)is-sistemi elettroniċi li jwettqu skambju, ipproċessar u analiżi rapidi ta’ informazzjoni mmirata dwar il-frodi transfruntiera mill-Eurofisc.
3.
Il-Kummissjoni għandha tispeċifika dan li ġej permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni:
(a)l-arranġamenti prattiċi għall-identifikazzjoni tal-uffiċjali u tas-sistemi elettroniċi msemmija fil-paragrafi 1 u 2;
(b)id-dettalji tekniċi dwar l-aċċess tal-uffiċjali u tas-sistemi elettroniċi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 24j, il-punti (a) sa (d).
Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 58(2).
Artikolu 24l
1.
Il-kostijiet tal-istabbiliment, it-tħaddim u l-manutenzjoni tal-VIES ċentrali għandhom jitħallsu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni. Dawn il-kostijiet għandhom jinkludu dawk tal-konnessjoni sigura bejn il-VIES ċentrali u s-sistemi elettroniċi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 24g(2), u dawk tas-servizzi meħtieġa biex jitwettqu l-kapaċitajiet li huma elenkati fl-Artikolu 24j.
2.
Kull Stat Membru għandu jħallas il-kostijiet tal-iżviluppi kollha meħtieġa għas-sistema elettronika nazzjonali tiegħu msemmija fl-Artikolu 24g(2), u għandu jkun responsabbli għalihom, biex jippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni bl-użu tan-network NKK jew kwalunkwe network sigur simili ieħor.
Artikolu 24m
Il-Kummissjoni għandha tispeċifika dan li ġej permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni:
(a)il-kompiti li għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni għall-ġestjoni teknika tal-VIES ċentrali;
(b)ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri bħala kontrolluri u l-Kummissjoni bħala proċessur skont ir-Regolament (UE) 2016/679 u r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 58(2).
Id-Direttiva 2014/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar il-fatturazzjoni elettronika fl-akkwist pubbliku (ĠU L 133, 6.5.2014, p. 1).
± Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).”;
Artikolu 4
Emendi għar-Regolament (UE) 904/2010 applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2030
Ir-Regolament (UE) Nru 904/2010 huwa emendat kif ġej:
(1)fl-Artikolu 17(1), il-punti (a), (b) u (c) jitħassru;
(2)l-Artikolu 20 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 2 jitħassar;
(b)il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“3. B’deroga mill-paragrafu 1, ta’ dan l-Artikolu, meta l-informazzjoni trid tiġi kkoreġuta fi, jew miżjuda mas-sistema elettronika skont l-Artikolu 19, l-informazzjoni trid tiddaħħal mhux aktar tard minn xahar wara l-perjodu li fih tkun inġabret.”;
(3)l-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“3.Il-Kummissjoni għandha tiddetermina permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni l-arranġamenti prattiċi fir-rigward tal-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 2a, il-punt (d), ta’ dan l-Artikolu sabiex l-Istat Membru li jipprovdi l-informazzjoni jkun jista’ jidentifika l-uffiċjal ta’ kollegament tal-Eurofisc li jkun qed jaċċessa l-informazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 58(2).”;
(c)il-paragrafi 1a u 2 jitħassru;
(4)l-Artikoli 22 u 23 jitħassru;
(5)fl-Artikolu 31, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1.
L-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru għandhom jiżguraw li l-persuni involuti fil-provvista intra-Komunitarja ta’ oġġetti jew ta’ servizzi u ta’ persuni taxxabbli mhux stabbiliti li jfornu servizzi, jitħallew jiksbu, għall-finijiet ta’ tali tranżazzjonijiet, konferma b’mezzi elettroniċi tal-validità tan-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT ta’ kwalunkwe persuna speċifikata kif ukoll l-isem u l-indirizz assoċjati. Dik l-informazzjoni għandha tikkorrispondi għad-data msemmija fl-Artikolu 24g(2).”;
Artikolu 5
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
L-Artikolu 1 għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2025.
L-Artikolu 2 għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2026.
L-Artikolu 3 għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2028.
L-Artikolu 4 għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2030.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President