Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022PC0539

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 389/2012 fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni miżmuma fir-reġistri elettroniċi dwar l-operaturi ekonomiċi li jmexxu l-oġġetti soġġetti għas-sisa bejn l-Istati Membri għal finijiet kummerċjali

    COM/2022/539 final

    Brussell, 24.10.2022

    COM(2022) 539 final

    2022/0331(CNS)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 389/2012 fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni miżmuma fir-reġistri elettroniċi dwar l-operaturi ekonomiċi li jmexxu l-oġġetti soġġetti għas-sisa bejn l-Istati Membri għal finijiet kummerċjali


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    Il-movimenti kummerċjali intra-UE ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa jistgħu jitwettqu taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa (minn hawn ’il quddiem, “Sospensjoni tad-Dazju”) jew wara li jiġu rilaxxati għall-konsum fit-territorju ta’ Stat Membru u mbagħad jiġu trasferiti lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor sabiex jitwasslu għal finijiet kummerċjali (minn hawn ’il quddiem, “Dazju Mħallas”). Bħalissa huma biss il-movimenti taħt is-Sospensjoni tad-Dazju li huma mmonitorjati mis-sistema kompjuterizzata msemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (UE) 2020/263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 . Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE toħloq u tddefinixxi t-tipi ta’ operaturi ekonomiċi għal dawn il-movimenti 2 .

    Skont il-Kapitolu V tad-Direttiva tal-Kunsill 2020/262 3 , mit-13 ta’ Frar 2023 il-movimenti ta’ Ħlas mid-Dazju għandhom jiġu mmonitorjati mis-sistema kompjuterizzata. Tipi speċifiċi ta’ operaturi ekonomiċi għal movimenti b’Dazju Mħallas inħolqu u ġew definiti fid-Direttiva tal-Kunsill 2020/262.

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 389/2012 4 jistabbilixxi l-bażi ġuridika għall-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri. Kull Stat Membru jżomm bażi tad-data elettronika li jkun fiha reġistri bid-data tal-operaturi ekonomiċi involuti fil-moviment ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa. Fil-kuntest tal-kooperazzjoni amministrattiva, l-Istati Membri jiskambjaw id-data inkluża f’dawn ir-reġistri ma’ reġistru ċentrali operat mill-Kummissjoni biss fir-rigward tal-operaturi ekonomiċi li jmexxu l-oġġetti taħt Sospensjoni tad-Dazju.

    Abbażi tal-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 389/2012, mit-13/2/2023, l-Istati Membri se jżommu id-data tal-operaturi ekonomiċi li huma involuti fil-movimenti tad-Dazju Mħallas fl-istess reġistri tal-bażi elettronika tad-data. Dawn l-operaturi ekonomiċi huma definiti fid-Direttiva tal-Kunsill 2020/262 bħala konsenjaturi ċċertifikati u destinatarji ċċertifikati.

    B’din il-proposta, l-Istati Membri għandhom jallinjaw il-proċedura tal-iskambju tad-data tal-operaturi ekonomiċi li jmexxu l-oġġetti taħt Sospensjoni tad-Dazju mal-iskambju tad-data tal-operaturi ekonomiċi li jmexxu l-oġġetti taħt id-Dazju Imħallas. .

    Id-diġitalizzazzjoni tal-monitoraġġ tal-movimenti ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa rilaxxati għall-konsum fit-territorju ta’ Stat Membru u trasferiti lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor sabiex jitwasslu hemmhekk għal finijiet kummerċjali u jtejbu l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa se tkompli titlesta permezz ta’ dan l-allinjament.

    Barra minn hekk, din il-proposta għandha tissostitwixxi r-referenzi għal regolament li se jitħassar. B’mod aktar speċifiku, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 389/2012 jirreferi għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 684/2009 5 . Dak ir-Regolament se jitħassar mit-13/2/2023 u se jiġi sostitwit bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE).../... [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet jekk jogħġbok daħħal in-numru tal-pubblikazzjoni tar-Regolament imsemmi fin-nota f’qiegħ il-paġna] 6 . B’din il-proposta r-referenza tar-regolament preċedenti se tiġi sostitwita bir-referenza tar-regolament il-ġdid.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

    Il-proposta hija marbuta mad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262, li tiddefinixxi l-movimenti ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa li ġew rilaxxati għall-konsum fit-territorju ta’ stat membru wieħed u ġew trasferiti lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor sabiex jiġu kkonsenjati hemmhekk għal finijiet kummerċjali.

    L-objettiv ta’ din il-proposta huwa li jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 15, 19 u 20 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 389/2012 sabiex l-Istati Membri jiskambjaw informazzjoni dwar l-operaturi ekonomiċi kollha u mhux biss dwar dawk li huma involuti fil-moviment ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa taħt arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju.

    Din il-proposta hija marbuta wkoll mad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 peress li r-Regolament Delegat (UE) .../... [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet jekk jogħġbok daħħal in-numru tal-pubblikazzjoni], li se jissostitwixxi r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 684/2009, huwa skont id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262.

    Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Din l-emenda hija teknika ħafna, u sussegwentement ma għandha l-ebda impatt fuq politiki oħra tal-Unjoni.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Dan l-Artikolu jipprevedi li l-Kunsill, huwa u jaġixxi b’mod unanimu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva speċjali u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, jadotta d-dispożizzjonijiet għall-armonizzazzjoni tar-regoli tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni indiretta.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika sakemm il-proposta ma tkunx taqa taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea.

    L-objettivi tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu mill-Istati Membri u jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni Ewropea. Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 389/2012 jipprevedi regoli armonizzati fir-rigward tal-iskambju tad-data għat-tħaddim bla xkiel tal-movimenti ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa bejn l-Istati Membri, li fin-nuqqas tagħhom l-Istati Membri jkunu jistgħu jistabbilixxuhom b’mod bilaterali b’varjazzjonijiet minn Stat Membru għal ieħor. Din il-proposta testendi l-applikazzjoni tal-proċeduri eżistenti tal-iskambju tad-data għall-operaturi ekonomiċi involuti fil-moviment ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa li jkunu ġew rilaxxati għall-konsum fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed u li jkunu ġew trasferiti lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor sabiex jiġu kkonsenjati hemmhekk għal finijiet kummerċjali.

    Proporzjonalità

    L-emenda proposta ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ikkonċernati u, b’dak il-mod, jintlaħqu l-objettivi tat-Trattat ta’ funzjonament tajjeb u effettiv tas-Suq Intern.

    Din il-proposta tikkonforma mal-prinċipji tal-proporzjonalità stabbiliti fl-Artikolu 5, il-paragrafu 4 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    L-objettiv tal-proposta huwa li tintroduċi l-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-iskambju tad-data ta’ operaturi ekonomiċi li jmexxu l-oġġetti skont il-Kapitolu V, it-taqsima 2 tad-Direttiva (UE) 2020/262 miżmuma fir-reġistri nazzjonali mar-reġistru ċentrali. Fin-nuqqas ta’ din il-proposta, l-iskambju sħiħ ta’ informazzjoni mhux se jkun possibbli u dan iħalli impatt negattiv fuq il-piż amministrattiv tal-operaturi ekonomiċi, fuq ir-riskju ta’ frodi u fuq il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

    Għażla tal-istrument

    Regolament tal-Kunsill

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Valutazzjoni tal-impatt

    Il-valutazzjoni tal-impatt tħejjiet għar-riformulazzjoni tad-Direttiva 2008/118/KE. Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE li tistabbilixxi arranġamenti ġenerali għal oġġetti soġġetti għad-dazju tas-sisa, wara li ġiet emendata sostanzjalment kemm-il darba, fl-interess taċ-ċarezza, tħassret bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262. Il-proposta għar-riformulazzjoni kienet akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt dwar id-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE li tiffoka fuq ċerti oqsma, li wieħed minnhom kien l-awtomatizzazzjoni tal-movimenti intra-UE ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa rilaxxati għall-konsum. Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tindirizza l-kompjuterizzazzjoni tal-movimenti ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa rilaxxati għall-konsum, mhux previsti fid-Direttiva 2008/118/KE.

    Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

    L-evalwazzjoni tad-Direttiva 2008/118/KE saret fil-qafas tal-programm REFIT tal-Kummissjoni.

    Drittijiet fundamentali

    Il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-dritt għall-privatezza permezz tad-dispożizzjoni eżistenti dwar il-protezzjoni tad-data li tinsab fir-Regolament (UE) Nru 389/2012

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Ma hemm bżonn l-ebda riżorsa addizzjonali mill-baġit tal-UE.

    5.ELEMENTI OĦRA

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Il-proposta testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 389/2012 li jistabbilixxi l-obbligu tal-Istati Membri li jiskambjaw l-informazzjoni meħtieġa meta l-qerda totali jew it-telf irrimedjabbli waqt il-movimenti ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju jkunu seħħew għall-movimenti ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa rilaxxati għall-konsum fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed u jiġu trasferiti lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor sabiex jiġu kkonsenjati hemmhekk għal finijiet kummerċjali.

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 684/2009 se jitħassar u se jiġi sostitwit bir-Regolament Delegat (UE).../... [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet jekk jogħġbok daħħal in-numru tal-pubblikazzjoni]. Il-proposta tissostitwixxi r-referenza għall-Anness II, lista tal-kodiċijiet 11 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 684/2009 fl-Artikolu 19(2)(c) ta’ dan ir-regolament bir-referenza għall-Anness II, lista tal-kodiċijiet 10 tar-Regolament Delegat (UE).../... [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet jekk jogħġbok daħħal in-numru tal-pubblikazzjoni].

    Il-proposta testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19(4) tar-Regolament (UE) Nru 389/2012, fir-rigward tal-obbligu tal-Istati Membri li jiskambjaw permezz ta’ reġistru ċentrali, l-informazzjoni li tinsab fir-reġistri nazzjonali rispettivi dwar l-operaturi ekonomiċi involuti fit-tmexija ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa b’arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju bejn l-Istati Membri, għall-movimenti ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa rrilaxxati għall-konsum fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed u trasferiti lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor sabiex jitwasslu hemmhekk għal finijiet kummerċjali.

    L-ewwel sentenza tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) Nru 389/2012 tirreferi għall-possibbiltà li jiġu vvalidati elettronikament in-numri ta’ reġistrazzjoni tas-sisa tal-operaturi ekonomiċi involuti fil-moviment ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju. Il-proposta testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha sabiex din l-għażla tapplika għan-numri ta’ reġistrazzjoni tas-sisa tal-operaturi ekonomiċi li jmexxu oġġetti soġġetti għas-sisa rilaxxati għall-konsum fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed u trasferiti lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor sabiex jitwasslu hemmhekk għal finijiet kummerċjali.

    2022/0331 (CNS)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 389/2012 fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni miżmuma fir-reġistri elettroniċi dwar l-operaturi ekonomiċi li jmexxu l-oġġetti soġġetti għas-sisa bejn l-Istati Membri għal finijiet kummerċjali

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 7 ,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 8 ,

    Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

    Billi:

    (1)L-Artikolu 36 tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 9 jipprevedi li l-moviment ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa rrilaxxati għall-konsum fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed u li jiġu trasferiti lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor sabiex jiġu kkonsenjati hemmhekk għal finijiet kummerċjali, għandu jsir taħt kopertura ta’ dokument amministrattiv elettroniku simplifikat. Dak l-Artikolu b’hekk jestendi l-użu tas-sistema kompjuterizzata taħt id-Deċiżjoni (UE) 2020/263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 10 għall-monitoraġġ tal-moviment tal-oġġetti soġġetti għas-sisa, li tintuża għall-monitoraġġ tal-moviment tal-oġġetti soġġetti għas-sisa skont il-ftehimiet għas-sospensjoni tas-sisa, għall-monitoraġġ ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa rilaxxati għall-konsum fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed u li mbagħad jiġu trasferiti lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor biex jiġu kkonsenjati għal finijiet kummerċjali. Dik l-estensjoni tal-użu tas-sistema kompjuterizzata se tibda tapplika mit-13 ta’ Frar 2023.

    (2)Sabiex tiġi riflessa dik l-estensjoni tal-użu tas-sistema kompjuterizzata, hemm bżonn li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15(1), il-punt (d), l-Artikolu 19(4), l-ewwel subparagrafu, u l-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) Nru 389/2012 għall-oġġetti kollha soġġetti għas-sisa kkonċernati, irrispettivament minn jekk ikunx seħħ arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju.

    (3)L-Artikolu 19(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 389/2012 jirrikjedi li fir-reġistri elettroniċi l-Istati Membri jżommu l-kategorija tal-prodotti soġġetti għas-sisa (CAT) u/jew il-kodiċi tal-prodott tas-sisa (EPC) tal-prodotti koperti mill-awtorizzazzjoni msemmija fil-lista tal-kodiċijiet 11 tal-Anness II tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 684/2009 11 . Madankollu, mit-13 ta’ Frar 2023, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 684/2009 se jiġi sostitwit bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE).../... [ĠU Jekk jogħġbok daħħal in-numru tal-pubblikazzjoni tar-Regolament imsemmi fin-nota f’qiegħ il-paġna] 12 . Għal raġunijiet ta’ ċarezza, huwa xieraq li dik is-sostituzzjoni tiġi riflessa fl-Artikolu 19(2), il-punt (c) tar-Regolament (UE) Nru 389/2012.

    (4)Peress li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament huwa li jipprevedi l-iskambju tal-informazzjoni, li kull Stat Membru jżomm fir-reġistru elettroniku dwar l-operaturi ekonomiċi li jmexxu oġġetti rilaxxati għall-konsum fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed u li mbagħad jitmexxew lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor sabiex jitwasslu hemmhekk għal finijiet kummerċjali, dan ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda minħabba l-iskala tal-azzjoni, jiġifieri l-iżgurar tal-funzjonament armonizzat tas-sistema kompjuterizzata fl-Istati Membri kollha, pjuttost jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni peress li din tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv.

    (5)Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. L-ipproċessar ta’ din id-data mwettaq fil-qafas ta’ dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ u proporzjonat għall-finijiet tal-protezzjoni tal-interess fiskali leġittimu tal-Istati Membri.

    (6)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) Nru 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 13 .

    (7)Sabiex id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tiġi allinjata mad-data tal-applikazzjoni tal-Kapitolu V, it-Taqsima 2 tad-Direttiva (UE) 2020/262, u sabiex l-Istati Membri jingħataw biżżejjed żmien biex iħejju għall-bidliet li jirriżultaw minn dan ir-Regolament, jenħtieġ li dan japplika mit-13 ta’ Frar 2023.

    (8)Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 389/2012 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi għar-Regolament (UE) Nru 389/2012

    Ir-Regolament (UE) Nru 389/2012 huwa emendat kif ġej:

    (1)fl-Artikolu 15(1), il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(d)    fejn ikun hemm il-qerda totali jew it-telf irrimedjabbli tal-oġġetti soġġetti għas-sisa;”;

    (2)L-Artikolu 19 huwa emendat kif ġej:

    (a)fil-paragrafu 2, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(c)    il-kategorija ta’ prodotti soġġetti għas-sisa (CAT) u/jew il-kodiċi tal-prodott tas-sisa (EPC) tal-prodotti koperti mill-awtorizzazzjoni msemmija fil-lista tal-kodiċijiet 10 tal-Anness II tar-Regolament Delegat (UE).../... [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet jekk jogħġobkom daħħlu n-numru tal-pubblikazzjoni]*;

    ____________________________________________________________

    *    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE).../... ta’ ... li jissupplimenta d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 billi jistabbilixxi l-istruttura u l-kontenut tad-dokumenti skambjati fil-kuntest tal-moviment ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa, u li jistabbilixxi limiti għat-telf minħabba n-natura tal-oġġetti (ĠU L ...) [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet jekk jogħġbok daħħal in-numru u r-referenza tal-ĠU].”;

    (b)fil-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “L-informazzjoni li tinsab fir-reġistri nazzjonali rispettivi kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu dwar l-operaturi ekonomiċi involuti fil-movimenti ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa msemmija fil-Kapitolu IV u fil-Kapitolu V, it-Taqsima 2, tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262/* għandha tiġi skambjata awtomatikament permezz ta’ reġistru ċentrali.”

    __________________________________________________________________

    *    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU L 58, 27.2.2020, p. 4)”;

    (3)fl-Artikolu 20(1), l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

    “Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-persuni involuti fil-moviment ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa msemmija fil-Kapitolu IV u l-Kapitolu V, it-Taqsima 2, tad-Direttiva (UE) 2020/262, jistgħu jiksbu konferma tal-validità tan-numri tas-sisa miżmuma fir-reġistru ċentrali msemmi fl-Artikolu 19(4) ta’ dan ir-Regolament permezz ta’ mezzi elettroniċi”.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mit-13 ta’ Frar 2023.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    Id-Deċiżjoni (UE) 2020/263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2020 dwar il-kompjuterizzazzjoni tal-moviment u tas-sorveljanza ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa (ĠU L 58, 27.2.2020, p. 43–48).
    (2)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisau li tħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 12–30).
    (3)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU L 58, 27.2.2020, p 4).
    (4)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 389/2012 tat-2 ta’ Mejju 2012 dwar kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2073/2004 (ĠU L 121, 8.5.2012, p. 1).
    (5)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 684/2009 tal-24 ta’ Lulju 2009 li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE fir-rigward tal-proċeduri kompjuterizzati għall-moviment ta’ prodotti tas-sisa taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa (ĠU L 197, 29.7.2009, p. 24–64).
    (6)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE).../... ta’... li jissupplimenta d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 billi jistabbilixxi l-istruttura u l-kontenut tad-dokumenti skambjati fil-kuntest tal-moviment ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa, u li jistabbilixxi limiti għat-telf minħabba n-natura tal-oġġetti (ĠU L ...) [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet jekk jogħġbok daħħal in-numru u r-referenza tal-ĠU].
    (7)    ĠU C […], […], p. […]    
    (8)    ĠU C […], […], p. […].
    (9)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU L 58, 27.2.2020, p 4).
    (10)    Id-Deċiżjoni (UE) 2020/263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2020 dwar il-kompjuterizzazzjoni tal-moviment u tas-sorveljanza ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa (ĠU L 58, 27.2.2020, p. 43).
    (11)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 684/2009 tal-24 ta’ Lulju 2009 li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE fir-rigward tal-proċeduri kompjuterizzati għall-moviment ta’ prodotti tas-sisa taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa (ĠU L 197, 29.7.2009, p. 24).
    (12)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE).../... ta’... li jissupplimenta d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 billi jistabbilixxi l-istruttura u l-kontenut tad-dokumenti skambjati fil-kuntest tal-moviment ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa, u li jistabbilixxi limiti għat-telf minħabba n-natura tal-oġġetti (ĠU L ...) [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet jekk jogħġbok daħħal in-numru u r-referenza tal-ĠU].
    (13)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
    Top