Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022PC0536

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport fir-rigward tar-reviżjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali, tar-Regolamenti tal-Persunal, u dwar l-introduzzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u tar-regoli dwar is-soluzzjoni tat-tilwim għas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport

    COM/2022/536 final

    Brussell, 21.10.2022

    COM(2022) 536 final

    2022/0329(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport fir-rigward tar-reviżjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali, tar-Regolamenti tal-Persunal, u dwar l-introduzzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u tar-regoli dwar is-soluzzjoni tat-tilwim għas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.SUĠĠETT TAL-PROPOSTA

    Din il-proposta tikkonċerna deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali stabbilit skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (“it-TCT”) fir-rigward tar-reviżjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali, tal-introduzzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u tar-regoli dwar is-soluzzjoni tat-tilwim għas-Segretarjat tal-Komunità tat-Trasport.

    2.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    2.1It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport

    Fl-1 ta’ Mejju 2019, ir-Repubblika tal-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, il-Kosovo 1* (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-Kosovo), il-Montenegro u r-Repubblika tas-Serbja rratifikaw it-TCT. L-Unjoni Ewropea hija parti għat-TCT, wara li fl-4 ta’ Marzu 2019 adottat Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport 2 . It-TCT daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2019.

    2.2Il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali

    Il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali huwa stabbilit permezz tal-Artikolu 24 tat-TCT biex ikun responsabbli mill-amministrazzjoni tat-TCT u biex jiżgura l-implimentazzjoni tajba tiegħu. Għal dan l-iskop, jagħmel rakkomandazzjonijiet u jieħu deċiżjonijiet fil-każijiet previsti fit-TCT. B’mod partikolari, il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali:

    (a) iħejji l-ħidma tal-Kunsill Ministerjali,

    (b) jiddeċiedi dwar l-istabbiliment ta’ kumitati tekniċi,

    (c) jagħmel rakkomandazzjonijiet u jieħu deċiżjonijiet f’konformità mat-TCT,

    (d) jieħu azzjoni xierqa fir-rigward tal-atti tal-UE li jkunu għadhom kemm ġew adottati, , b’mod partikolari permezz tar-reviżjoni tal-Anness I tat-TCT,

    (e) jaħtar id-Direttur tas-Segretarjat Permanenti wara konsultazzjoni mal-Kunsill Ministerjali,

    (f) jista’ jaħtar wieħed jew aktar mid-Deputati Diretturi tas-Segretarjat Permanenti,

    (g) jistabbilixxi r-regoli tas-Segretarjat Permanenti,

    (h) jista’ jirrieżamina, permezz ta’ deċiżjoni, il-livell ta’ kontribuzzjonijiet baġitarji,

    (i) jadotta l-baġit annwali tat-TCT,

    (j) jadotta deċiżjoni li tispeċifika l-proċedura għall-implimentazzjoni tal-baġit, għall-preżentazzjoni u għall-awditjar tal-kontijiet kif ukoll għall-ispezzjoni,

    (k) jieħu deċiżjonijiet dwar it-tilwimiet imressqa mill-Partijiet Kontraenti,

    (l) jadotta prinċipji ġenerali fil-qasam tal-aċċess għad-dokumenti, fir-rigward ta’ dokumenti miżmuma mill-korpi stabbiliti mit-TCT jew skontu,

    (m) jadotta r-rapporti annwali għall-attenzjoni tal-Kunsill Ministerjali dwar l-implimentazzjoni tan-Network Komprensiv;

    (n) fir-rigward ta’ ċerti atti tal-Unjoni, jistabbilixxi limiti ta’ żmien u mezzi għat-traspożizzjoni mill-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa.

    Il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali huwa magħmul minn rappreżentant u minn rappreżentant sostitut ta’ kull Parti Kontraenti. Il-parteċipazzjoni bħala osservatur hija miftuħa għall-Istati Membri kollha tal-UE. Il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali jaġixxi b’unanimità.

    2.3L-atti previsti tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali

    L-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill huwa relatat mal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet mill-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali dwar ir-reviżjoni tar-regoli ta’ proċedura tiegħu, dwar ir-reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, u dwar l-introduzzjoni ta’ regoli ta’ proċedura dettaljati tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u ta’ regoli dwar is-soluzzjoni tat-tilwim għas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport.

    L-Artikoli 14 u 15 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tat-Trasport (adottati skont id-Deċiżjoni 03/2019 tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-5 ta’ Ġunju 2019) jistabbilixxu l-introduzzjoni ta’ kumitat ta’ konċiljazzjoni u jipprevedu l-istabbiliment tar-regoli ta’ proċedura tiegħu u tar-regoli għas-soluzzjoni tat-tilwim (arbitraġġ), biex jirregolaw il-każijiet ta’ tilwim bejn is-Segretarjat Permanenti u l-membri tal-persunal tiegħu. Dawn ir-regoli dwar il-konċiljazzjoni u s-soluzzjoni tat-tilwim se jistabbilixxu l-modalitajiet dettaljati biex dan jitqiegħed fil-prattika. F’dan ir-rigward, huma meħtieġa wkoll ċerti emendi għar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tat-Trasport.

    Barra minn hekk, il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill tikkonċerna wkoll il-modifika tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali. Bħalissa, is-Segretarjat Permanenti huwa meħtieġ jibgħat id-dokumenti kollha sitt ġimgħat qabel kwalunkwe laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali. Dan il-perjodu jenħtieġ li jitqassar għal erba’ ġimgħat, biex jitqiesu l-isfidi li ġew identifikati biex jiġi rispettat l-obbligu tal-perjodu attwali ta’ sitt ġimgħat.

    3.POŻIZZJONI LI TRID TITTIEĦED F’ISEM L-UNJONI

    L-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet mill-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali hija meħtieġa biex jissokta l-funzjonament bla xkiel tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport, u jitwettqu l-objettivi tat-TCT. Peress li l-Unjoni hija parti għat-TCT, jeħtieġ li tiġi stabbilita pożizzjoni tal-Unjoni.

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-TCT huwa element wieħed responsabbli biex isaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali fil-Balkani tal-Punent, kif spjegat f’aktar dettall fil-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tat-TCT [COM(2017)324 final, sub “Kuntest Ġenerali”].

    4.BAŻI ĠURIDIKA

    4.1Bażi ġuridika proċedurali

    4.1.1 Prinċipji

    L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi għal deċiżjonijiet tal-Kunsill li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’ isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.

    Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw is-sede kkonċernata. Jinkludi wkoll strumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni 3 .

    4.1.2. Applikazzjoni għall-każ preżenti

    Il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali huwa korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri t-TCT.

    L-atti li l-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali huwa mitlub jadotta jikkostitwixxu atti li jkollhom effetti legali. Fir-rigward tar-regoli dwar il-konċiljazzjoni u s-soluzzjoni tat-tilwim, il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali għandu s-setgħa li jistabbilixxi regoli tas-Segretarjat Permanenti f’konformità mal-Artikolu 30 tat-TCT. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 24(1) tat-TCT, il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali għandu l-kompitu li jamministra dan it-Trattat u li jiżgura l-implimentazzjoni tajba tiegħu. Fir-rigward tal-bidliet maħsuba għar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali, dan il-korp għandu s-setgħa li jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu f’konformità mal-Artikolu 24(5) tat-TCT.

    Min-natura tagħhom, u bħala materja ta’ dritt internazzjonali li jirregola l-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali, ir-regoli previsti fihom elementi li jaffettwaw il-pożizzjoni legali tal-partijiet għat-TCT u, għaldaqstant, anki tal-Unjoni. Għaldaqstant, tali regoli jridu jitqiesu li jkollhom effetti legali.

    L-atti previsti la jissupplimentaw u lanqas jemendaw il-qafas istituzzjonali tat-TCT.

    Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

    4.2Bażi ġuridika sostantiva

    4.2.1.Prinċipji

    Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tiġi adottata pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew minn dawk il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun biss wieħed inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik mitluba mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

    Fir-rigward ta’ att previst li jsegwi għadd ta’ objettivi simultanjament, jew li jkollu diversi komponenti, li huma marbuta b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, il-bażi ġuridika sostantiva ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE jkollha tinkludi, eċċezzjonalment, id-diversi bażijiet ġuridiċi korrispondenti.

    4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

    It-TCT isegwi l-objettivi u għandu komponenti fl-oqsma tat-trasport bit-triq, bil-ferrovija u bil-passaġġi fuq l-ilma intern, li huma modalitajiet koperti mill-Artikolu 91 tat-TFUE kif ukoll fil-qasam tat-trasport bil-baħar, modalità koperta mill-Artikolu 100(2) tat-TFUE. Minħabba n-natura orizzontali tiegħu, l-att previst jirreferi għal dawn l-elementi kollha. Dawn l-elementi kollha huma marbuta b’mod inseparabbli mingħajr ma’ wieħed ikun inċidentali għall-ieħor.

    Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija magħmula mid-dispożizzjonijiet li ġejjin: l-Artikoli 91 u 100(2) tat-TFUE.

    4.3Konklużjoni

    Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikoli 91 u 100(2) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

    2022/0329 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport fir-rigward tar-reviżjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali, tar-Regolamenti tal-Persunal, u dwar l-introduzzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u tar-regoli dwar is-soluzzjoni tat-tilwim għas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 91 u 100(2) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (“it-TCT”) ġie ffirmat mill-Unjoni Ewropea f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1937 4 .

    (2)It-TCT ġie approvat f’isem l-Unjoni fl-4 ta’ Marzu 2019 5 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2019.

    (3)Il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali ġie stabbilit mit-TCT għall-amministrazzjoni u għall-implimentazzjoni tajba tat-TCT.

    (4)Għal dan l-għan, il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali għandu, skont l-Artikolu 24(5) tat-TCT, jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu. Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu 30 tat-TCT, għandu jistabbilixxi regoli tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport.

    (5)Huwa previst li l-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali jadotta deċiżjoni dwar l-emendar tar-regoli ta’ proċedura tiegħu, biex jipprevedi limitu ta’ żmien iqsar għad-distribuzzjoni tal-abbozz tal-aġenda u ta’ kwalunkwe dokument relatat qabel kwalunkwe laqgħa tal-Kumitat, deċiżjoni dwar l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u tar-regoli għas-soluzzjoni tat-tilwim applikabbli għas-Segretarjat Permanenti, biex jirregolaw il-każijiet ta’ tilwim bejn is-Segretarjat Permanenti u l-membri tal-persunal tiegħu, u deċiżjoni dwar l-emendi tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tat-Trasport meħtieġa mill-adozzjoni tar-regoli msemmija hawn fuq.

    (6)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali rigward l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet imsemmija hawn fuq, peress li dawn id-deċiżjonijiet huma meħtieġa għall-funzjonament bla xkiel tas-Segretarjat Permanenti.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport fir-rigward tal-emendar tar-regoli ta’ proċedura tiegħu, ir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u r-regoli dwar is-soluzzjoni tat-tilwim għas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport, u l-emendi tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tat-Trasport għandha tkun imsejsa fuq l-abbozz ta’ deċiżjonijiet tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Tibdiliet minuri fl-abbozzi tad-deċiżjonijiet jistgħu jiġu maqbula mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)

    *    Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244(1999) u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

    (2)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/392 tal-4 ta’ Marzu 2019 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (ĠU L 71, 13.3.2019, p. 1).
    (3)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, il-Kawża C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
    (4)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1937 tal-11 ta’ Lulju 2017 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport, ĠU L 278, 27.10.2017, p. 1.
    (5)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/392 tal-4 ta’ Marzu 2019 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport, ĠU L 71, 13.3.2019, p. 1-4.
    Top

    Brussell, 21.10.2022

    COM(2022) 536 final

    ANNESSI

    ta'

    Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport fir-rigward tar-reviżjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali, tar-Regolamenti tal-Persunal, u dwar l-introduzzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u tar-regoli dwar is-soluzzjoni tat-tilwim għas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport


    Anness I

    ABBOZZ TAD-

    DEĊIŻJONI Nru 2022/

    TAL-KUMITAT TA’ TMEXXIJA REĠJONALI TAL-KOMUNITÀ TAT-TRASPORT

    ta’ …

    dwar l-emendar tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tat-Trasport

    IL-KUMITAT TA’ TMEXXIJA REĠJONALI TAL-KOMUNITÀ TAT-TRASPORT,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport, u b’mod partikolari l-Artikolu 24(1) u l-Artikolu 30 tiegħu,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu Uniku

    Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tat-Trasport, adottati kif stabbilit fl-Anness II tad-Deċiżjoni Nru 2019/3 tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport tal-5 ta’ Ġunju 2019, huma emendati kif ġej:

    (a) L-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

    (i) il-punt b, subparagrafu (iii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    (iii) rappreżentant tal-Presidenza preċedenti tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali.

    (ii) il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    (c) Il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandu jiddeċiedi b’maġġoranza.

    (b) L-Artikolu 15 huwa emendat kif ġej:

    (i) il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    (a) Kwalunkwe tilwima bejn is-Segretarjat u membru tal-persunal li tikkonċerna dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, ir-regoli dwar ir-reklutaġġ, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ekwilibriju ġeografiku jew regoli rilevanti oħrajn għandha, fit-tieni istanza, tiġi solvuta mill-Kummissjoni Ewropea li taġixxi bħala l-arbitru.

    (ii) il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    (c) Il-proċedimenti ta’ soluzzjoni tat-tilwim kollha għandhom isiru f’Belgrad jew online, u l-lingwa ta’ dawn il-proċedimenti għandha tkun l-Ingliż. Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jistabbilixxi r-regoli dwar is-soluzzjoni tat-tilwim bl-għan li jiffaċilita proċedura tempestiva bi spejjeż raġonevoli għall-partijiet.

    Għall-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali

                           Il-President


    Anness II

    ABBOZZ TAD-

    DEĊIŻJONI Nru 2022/

    TAL-KUMITAT TA’ TMEXXIJA REĠJONALI TAL-KOMUNITÀ TAT-TRASPORT

    ta’ …

    dwar l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u tar-regoli għas-soluzzjoni tat-tilwim applikabbli għas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport

    IL-KUMITAT TA’ TMEXXIJA REĠJONALI TAL-KOMUNITÀ TAT-TRASPORT,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport, u b’mod partikolari l-Artikolu 24(1) u l-Artikolu 30 tiegħu,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu Uniku

    Ir-regoli ta’ proċedura dettaljati tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u r-regoli dwar is-soluzzjoni tat-tilwim għas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport, mehmuża ma’ din id-deċiżjoni, huma b’dan adottati.

    Għall-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali

                           Il-President

    Ir-regoli ta’ proċedura

    tal-Kumitat

    ta’ Konċiljazzjoni

    I. Ġenerali

    1. Dawn ir-Regoli ta’ Proċedura jistabbilixxu l-proċeduri interni għall-operat tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 14 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tat-trasport, adottati skont id-Deċiżjoni Nru 03/2019 tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport.

    2. F’każ ta’ kwalunkwe kunflitt bejn dawn ir-Regoli ta’ Proċedura, minn naħa, u r-Regolamenti tal-Persunal, ir-Regoli dwar ir-reklutaġġ, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ekwilibriju ġeografiku jew regoli rilevanti oħrajn adottati mill-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali, min-naħa l-oħra, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar.

    3. Għall-finijiet ta’ dawn ir-Regoli ta’ proċedura, l-espressjoni “membri tal-persunal” għandha tfisser l-uffiċjali kollha tas-Segretarjat, jiġifieri d-Direttur, il-Viċi Diretturi u l-persunal l-ieħor kollu mill-Partijiet Kontraenti, li jaħdmu b’mod permanenti fis-Segretarjat f’konformità mar-Regolamenti tal-Persunal, minbarra l-persunal lokali, esperti sekondati u esperti kuntrattati lokalment.

    4. Kwalunkwe tilwima bejn is-Segretarjat u membru tal-persunal dwar ir-Regolamenti tal-Persunal, ir-regoli dwar ir-reklutaġġ, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ekwilibriju ġeografiku jew regoli rilevanti oħrajn għandha, fl-ewwel istanza, tiġi ppreżentata lil Kumitat ta’ Konċiljazzjoni (aktar ’il quddiem imsejjaħ “Kumitat”).

    5. Il-membri tal-persunal jistgħu jressqu appell lil Kumitat ta’ Konċiljazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 2.1(12) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tat-trasport jew meta jkunu ġew soġġetti għal trattament mhux ġustifikat jew inġust minn superjur.

    II. Kumitat ta’ Konċiljazzjoni

    1. Il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandu jkollu l-awtorità li jipproponi deċiżjonijiet dwar appelli ppreżentati minn membri tal-persunal kontra deċiżjonijiet amministrattivi li jaffettwawhom.

    2. Il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandu jkun magħmul minn:

    rappreżentant tal-Presidenza attwali tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali;

    rappreżentant tal-Presidenza tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali għall-mandat li jmiss;

    rappreżentant tal-Presidenza preċedenti tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali.

    Il-Kumitat għandu jkun ippresedut mill-Presidenza attwali tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali.

    3. Fil-qadi ta’ dmirijiethom, il-membri tal-Kumitat għandhom ikunu kompletament indipendenti u ggwidati biss mill-ġudizzju indipendenti tagħhom. La għandhom ifittxu u lanqas jirċievu struzzjonijiet mis-Segretarjat, jenħtieġ li jwettqu l-kompiti tagħhom b’indipendenza sħiħa u jenħtieġ li jevitaw kunflitti ta’ interess. Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għandhom ikunu kunfidenzjali. Il-membri tal-Kumitat għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tad-data personali pproċessata fil-kuntest ta’ appell mill-persunal.

    4. Il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandu jiġi stabbilit fi żmien 30 jum kalendarju mid-data li fiha jiġi ppreżentat appell lid-Direttur jew lill-Presidenza tal-Kumitat ta’ Tmexxija. Id-Direttur għandu jgħaddi l-appell fi żmien 10 ijiem kalendarji, mid-data ta’ riċeviment, lill-President tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni.

    5. Ladarba l-President tal-Kumitat jirċievi appell li jkun sar lill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, il-President għandu jlaqqa’ flimkien lill-membri tal-Kumitat biex jeżaminaw l-appell. Fil-każ ta’ tilwima dwar jekk il-Kumitat għandux il-kompetenza, il-kwistjoni għandha tiġi deċiża mill-Kumitat.

    6. Sa fejn ikun possibbli, il-Kumitat għandu jkollu l-istess kompożizzjoni għall-perjodu kollu meħtieġ biex isolvi l-każ.

    7. Il-Kumitat għandu jiddetermina:

    a)il-possibbiltà li jiġi riċevut l-appell

    b)Il-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni tat-tweġiba għall-appell mis-Segretarjat u s-sottomissjoni ta’ evidenza u kwistjonijiet proċedurali rilevanti oħrajn;

    c)Kwistjonijiet oħrajn relatati mal-konċiljazzjoni, inkluż jekk għandhomx isiru seduti orali jew jekk l-appell għandux jiġi deċiż abbażi tad-dokumenti ppreżentati biss;

    d)Il-proċedura li għandha tiġi segwita fir-rigward tas-seduti tal-Kumitat.

    Il-proċedura jenħtieġ li titwettaq b’tali mod li l-partijiet ikkonċernati jingħataw l-opportunità li jippreżentaw fatti u ċirkostanzi rilevanti għall-appell.

    8. Il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandu jiddeċiedi dwar l-appell f’konformità mar-Regolamenti tal-Persunal, ir-regoli dwar ir-reklutaġġ, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ekwilibriju ġeografiku jew regoli rilevanti oħrajn. Kwistjonijiet li jikkonċernaw l-interpretazzjoni tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport ma għandhomx ikunu fi ħdan il-kompetenza tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni.

    9. Il-President għandu jinforma lid-Direttur, lill-Viċi Direttur tas-Segretarjat u lill-membru tal-persunal ikkonċernat bil-passi proċedurali kollha relatati mal-każ.

    10. Is-sessjonijiet tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandhom isiru jew f’Belgrad jew online, u l-lingwa tal-proċedimenti għandha tkun l-Ingliż. L-appoġġ amministrattiv lill-Kumitat għandu jiġi pprovdut mir-Riżorsi Umani u mill-Amministrazzjoni tas-Segretarjat.

    11. Jekk jiġu ppreżentati appelli simultanji lill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u jkunu relatati mal-istess problema, il-Kumitat jista’ jiddeċiedi li jittratta l-appelli flimkien u jifformula deċiżjoni waħda.

    12. Il-proċedura ta’ appell għandha tintemm minnufih jekk il-persunal ikkonċernat jirtira l-appell tiegħu jew jekk jintlaħaq ftehim reċiproku. Il-membru tal-persunal ikkonċernat jenħtieġ li jinforma lill-President tal-Kumitat dwar dan tal-aħħar bil-miktub. Il-proċedura ta’ appell għandha tintemm minnufih f’każ ta’ ksur tal-parti III, il-punt 5.

    III. Proċedura ta’ appell

    1. Kemm il-membru tal-persunal kif ukoll is-Segretarjat jistgħu jibdew riżoluzzjoni informali tal-kwistjonijiet involuti, fi kwalunkwe ħin qabel jew wara li l-membru tal-persunal jagħżel li jsegwi l-kwistjoni b’mod formali.

    2. Appell ma għandux ikun jista’ jiġi riċevut mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni jekk it-tilwima li tirriżulta minn deċiżjoni kkontestata tkun ġiet solvuta bi ftehim milħuq permezz ta’ riżoluzzjoni informali.

    3. Madankollu, membru tal-persunal jista’ jressaq appell direttament lill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni biex tiġi infurzata l-implimentazzjoni ta’ ftehim milħuq permezz ta’ riżoluzzjoni informali fi żmien 90 jum kalendarju mill-iskadenza għall-implimentazzjoni kif speċifikat fil-ftehim ta’ riżoluzzjoni informali jew, meta l-ftehim ta’ riżoluzzjoni informali ma jibqax trasparenti dwar il-kwistjoni, fi żmien 90 jum kalendarju mit-tlettax-il jum kalendarju mid-data li fiha ġie ffirmat il-ftehim.

    4. Membru tal-persunal li jkun jixtieq jikkontesta formalment deċiżjoni amministrattiva, għandu, bħala l-ewwel pass, jippreżenta bil-miktub lid-Direttur – jew lill-Presidenza tal-Kumitat ta’ Tmexxija, meta l-ilment jikkonċerna lid-Direttur – appell għal evalwazzjoni mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni tad-deċiżjoni amministrattiva.

    5. Il-membru tal-persunal ikkonċernat jew kwalunkwe rappreżentant tas-Segretarjat ma humiex permessi jiddiskutu mal-membri tal-Kumitat, jew javviċinawhom dwar il-kwistjoni tal-appell, fi kwalunkwe forma, matul il-proċedura ta’ appell minbarra dak li huwa definit fil-parti II, il-punt 7.

    5. Appell għall-evalwazzjoni mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni tad-deċiżjoni amministrattiva ma għandux ikun jista’ jiġi riċevut mid-Direttur jew mill-Presidenza tal-Kumitat ta’ Tmexxija sakemm ma jintbagħatx fi żmien 30 jum kalendarju mid-data li fiha l-membru tal-persunal ikun irċieva notifika tad-deċiżjoni amministrattiva li għandha tiġi kkontestata. Din l-iskadenza tista’ tiġi estiża mis-Segretarjat waqt li jkunu qed isiru sforzi għal soluzzjoni informali tat-tilwima.

    6. Fl-aħħar tal-valutazzjoni, il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandu jfassal rapport. Ir-rapport għandu jistabbilixxi l-passi proċedurali segwiti, il-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti għall-appell u l-proposta finali tiegħu għal deċiżjoni.

    IV. Teħid ta’ deċiżjonijiet

    1. Il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandu jiddeċiedi b’unanimità.

    2. Il-proposta għal deċiżjoni dwar id-deċiżjoni amministrattiva kkontestata għandha ssir fi żmien 120 jum kalendarju minn meta l-appell ikun ġie ppreżentat lid-Direttur jew lill-Presidenza tal-Kumitat ta’ Tmexxija.

    3. Il-proposta għal deċiżjoni jenħtieġ li tiġi kkomunikata bil-miktub lill-membru tal-persunal ikkonċernat, lid-Direttur u lill-Viċi Direttur. Din id-deċiżjoni tista’ tiddaħħal fil-fajl personali tal-membru tal-persunal.

    4. It-tweġiba tas-Segretarjat, li tirrifletti l-eżitu tal-evalwazzjoni mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, għandha tiġi kkomunikata bil-miktub lill-membru tal-persunal fi żmien 30 jum kalendarju minn meta s-Segretarjat jirċievi l-proposta għal deċiżjoni mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni.

    V. Sospensjoni tal-azzjoni

    1. La s-sottomissjoni ta’ appell għal evalwazzjoni mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u lanqas il-preżentazzjoni ta’ appell quddiem l-Arbitru ma għandu jkollhom l-effett li jissospendu l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni amministrattiva kkontestata.

    2. Madankollu, meta tkun meħtieġa evalwazzjoni mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni ta’ deċiżjoni amministrattiva:

    a)Membru tal-persunal jista’ jressaq talba lis-Segretarjat biex jissospendi l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni amministrattiva kkontestata sakemm titlesta l-evalwazzjoni mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u l-membru tal-persunal ikun irċieva notifika tal-eżitu. Is-Segretarjat jista’ jissospendi l-implimentazzjoni ta’ deċiżjoni f’każijiet ta’ urġenza partikolari u fejn l-implimentazzjoni tagħha tikkawża dannu irreparabbli. Id-deċiżjoni tas-Segretarjat dwar talba bħal din ma hijiex soġġetta għal appell.

    b)F’każijiet li jinvolvu s-separazzjoni mis-servizz, membru tal-persunal jista’ jagħżel li l-ewwel jitlob lis-Segretarjat jissospendi l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni sakemm titlesta l-evalwazzjoni mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u l-membru tal-persunal ikun irċieva notifika tal-eżitu. Is-Segretarjat jista’ jissospendi l-implimentazzjoni ta’ deċiżjoni meta jiddetermina li d-deċiżjoni kkontestata tkun għadha ma ġietx implimentata, f’każijiet ta’ urġenza partikolari u meta l-implimentazzjoni tagħha tkun tikkawża dannu irreparabbli lid-drittijiet tal-membru tal-persunal. Jekk is-Segretarjat jirrifjuta t-talba, il-membru tal-persunal jista’ mbagħad iressaq talba għal sospensjoni ta’ azzjoni lill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni.

    VI. Dispożizzjonijiet finali

    1. Kwalunkwe emenda għal dawn ir-Regoli ta’ proċedura għandha tiġi adottata b’deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija.

    2. Wara sena mid-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-Regoli, abbażi tal-esperjenza prattika bl-applikazzjoni tagħhom, is-Segretarjat jista’ jipproponi emendi għal dawn ir-Regoli li huwa jqis utli jew meħtieġa. Meta xi membru tal-Kumitat ta’ Tmexxija jkun jixtieq jipproponi tali emenda, huwa għandu l-ewwel jikkonsulta lis-Segretarjat.

    3. Dawn ir-Regoli għandhom jidħlu fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħhom mill-Kumitat ta’ Tmexxija.



    Regoli dwar

    is-Soluzzjoni tat-Tilwim

    I. Ġenerali

    1. Dawn ir-Regoli dwar is-soluzzjoni tat-tilwim jirreferu għall-Artikolu 15 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tat-Trasport, adottat skont id-Deċiżjoni Nru 03/2019 tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport, sabiex tiġi ffaċilitata proċedura f’waqtha bi spejjeż raġonevoli għall-partijiet.

    2. F’każ ta’ kwalunkwe kunflitt bejn dawn ir-Regoli, minn naħa, u r-Regolamenti tal-Persunal, ir-Regoli dwar ir-reklutaġġ, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ekwilibriju ġeografiku jew regoli rilevanti oħrajn adottati mill-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali, min-naħa l-oħra, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar.

    3. Il-membri tal-persunal jew is-Segretarjat ma jistgħux iressqu appell lil Arbitru għajr biex tiġi kkontestata l-proposta għal deċiżjoni magħmula fl-ewwel istanza mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni.

    4. Kwalunkwe tilwima li jifdal bejn is-Segretarjat u l-membru tal-persunal dwar ir-Regolamenti tal-Persunal, ir-regoli dwar ir-reklutaġġ, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ekwilibriju ġeografiku jew regoli rilevanti oħrajn għandhom, fit-tieni istanza, jitressqu quddiem Arbitru.

    II. Arbitru

    1. Il-Kummissjoni Ewropea għandha taġixxi bħala Arbitru fit-tieni istanza.

    2. L-Arbitru għandu jkun kompletament indipendenti u ggwidat biss mill-ġudizzju indipendenti tiegħu. La għandu jfittex u lanqas jirċievi struzzjonijiet mis-Segretarjat, jenħtieġ li jwettaq il-kompiti tiegħu b’indipendenza sħiħa u jenħtieġ li jevita kunflitti ta’ interess. Il-proċedimenti tal-Arbitraġġ għandhom ikunu kunfidenzjali. L-Arbitru għandu jiżgura l-kunfidenzjalità tad-data personali pproċessata fil-kuntest ta’ appell mill-persunal.

    3. L-Arbitru għandu jinħatar fi żmien 30 jum kalendarju mid-data li fiha jiġi riċevut appell ippreżentat lill-Presidenza tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali.

    4. L-Arbitru għandu jkollu mandat għall-perjodu kollu meħtieġ biex isolvi l-każ.

    5. L-Arbitru għandu jiddetermina:

    a) Il-limiti ta’ żmien fir-rigward tal-preżentazzjoni tat-tweġiba għall-appell tat-tilwim mis-Segretarjat u fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ evidenza mill-membru tal-persunal ikkonċernat u,

    b) Kwistjonijiet oħrajn relatati mal-proċedimenti, inkluż jekk għandhomx isiru seduti orali jew jekk l-appell għandux jiġi deċiż abbażi tad-dokumenti ppreżentati biss.

    Il-proċedura għandha titwettaq b’tali mod li l-partijiet ikkonċernati jingħataw l-opportunità li jippreżentaw fatti u ċirkostanzi rilevanti għall-appell.

    6. L-Arbitru għandu jiddeċiedi dwar it-tilwima f’konformità mar-Regolamenti tal-Persunal, ir-regoli dwar ir-reklutaġġ, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ekwilibriju ġeografiku jew regoli rilevanti oħrajn. Kwistjonijiet li jikkonċernaw l-interpretazzjoni tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport ma għandhomx ikunu fi ħdan il-kompetenza tal-Arbitru.

    7. Il-kompetenza tal-Arbitru tinkludi l-awtorità li jordna, fi kwalunkwe ħin matul il-proċedimenti, miżura interim, li ma hijiex soġġetta għal appell, biex jipprovdi eżenzjoni temporanja lil kwalunkwe waħda mill-partijiet meta d-deċiżjoni kkontestata tidher prima facie li hija illegali, f’każijiet ta’ urġenza partikolari, u meta l-implimentazzjoni tagħha tikkawża dannu irreparabbli. Tali eżenzjoni temporanja tista’ tinkludi s-sospensjoni tal-implimentazzjoni tad-deċiżjoni amministrattiva kkontestata, ħlief f’każijiet ta’ ħatra jew terminazzjoni.

    8. Il-proċedimenti ta’ tilwim għandhom isiru f’Belgrad jew online u l-lingwa tal-proċedimenti għandha tkun l-Ingliż. L-appoġġ amministrattiv għall-Arbitru għandu jiġi pprovdut mir-Riżorsi Umani u mill-Amministrazzjoni tas-Segretarjat.

    9. L-Arbitru għandu jinforma lill-membru tal-persunal ikkonċernat u lis-Segretarjat dwar il-passi proċedurali kollha relatati mal-każ.

    10. Jekk l-appelli ppreżentati lill-Arbitru jkunu relatati mal-istess problema, l-Arbitru jista’ jiddeċiedi li jittratta l-appelli flimkien u jifformula deċiżjoni waħda.

    11. Il-proċedura tat-tilwim għandha tintemm minnufih jekk il-persunal ikkonċernat jirtira l-appell tiegħu jew jekk jintlaħaq ftehim reċiproku. Il-membru tal-persunal ikkonċernat jenħtieġ li jinforma lill-Arbitru dwar dan tal-aħħar bil-miktub. Il-proċedura ta’ appell għandha tintemm minnufih f’każ ta’ ksur tal-parti III, il-punt 3.

    III. Proċedura ta’ appell

    1. Appell jista’ jiġi ppreżentat minn kwalunkwe parti kontra deċiżjoni amministrattiva kkontestata. Dan jiġi ppreżentat lill-Presidenza tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali fi żmien 30 jum kalendarju wara li tasal il-proposta għal deċiżjoni tal-Kumitat. Appell ma għandux ikun jista’ jiġi riċevut mill-Presidenza tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali sakemm ma tkunx intlaħqet l-iskadenza.

    2. Il-preżentazzjoni ta’ appell quddiem il-Presidenza tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali fit-tieni istanza għandu jkollha l-effett li tissospendi l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni, li hija kkontestata, u li hija bbażata fuq proposta tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni.

    3. Il-membru tal-persunal ikkonċernat, jew kwalunkwe rappreżentant tas-Segretarjat ma humiex permessi jiddiskutu mal-Arbitru, jew javviċinawh dwar il-kwistjoni tal-appell, fi kwalunkwe forma, matul il-proċedura, minbarra dak li huwa definit fil-parti II, il-punt 5.

    4. Malli tintlaħaq is-soluzzjoni tat-tilwim, l-Arbitru għandu jfassal rapport. Ir-rapport għandu jistabbilixxi l-passi proċedurali segwiti, il-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti għall-appell u r-riżoluzzjoni finali tiegħu.

    IV. Teħid ta’ deċiżjonijiet

    1. Id-deċiżjoni mill-Arbitru dwar id-deċiżjoni amministrattiva kkontestata għandha tittieħed fi żmien 90 jum kalendarju mill-jum li fih l-appell ikun tressaq quddiem il-Presidenza tal-Kumitat ta’ Tmexxija.

    2. Id-deċiżjoni jenħtieġ li tiġi kkomunikata bil-miktub lill-membru tal-persunal ikkonċernat u lis-Segretarjat u din id-deċiżjoni tista’ tiddaħħal fil-fajl personali tal-membru tal-persunal.

    3. Id-deċiżjoni tal-Arbitru hija finali u vinkolanti għall-partijiet kollha.

    V. Dispożizzjonijiet finali

    1. Kwalunkwe emenda għal dawn ir-Regoli dwar is-soluzzjoni tat-tilwim għandha tiġi adottata b’deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija.

    2. Wara sena mid-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-Regoli, abbażi tal-esperjenza prattika bl-applikazzjoni tagħhom, is-Segretarjat jista’ jipproponi emendi għal dawn ir-Regoli li huwa jqis utli jew meħtieġa. Meta xi membru tal-Kumitat ta’ Tmexxija jkun jixtieq jipproponi tali emenda, huwa għandu l-ewwel jikkonsulta lis-Segretarjat.

    3. Dawn ir-Regoli għandhom jidħlu fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħhom mill-Kumitat ta’ Tmexxija.



    Anness III

    ABBOZZ TAD-

    DEĊIŻJONI Nru 2022/

    TAL-KUMITAT TA’ TMEXXIJA REĠJONALI TAL-KOMUNITÀ TAT-TRASPORT

    ta’ …

    dwar l-emendar tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport

    IL-KUMITAT TA’ TMEXXIJA REĠJONALI TAL-KOMUNITÀ TAT-TRASPORT,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport, u b’mod partikolari l-Artikolu 24(5) tiegħu,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu Uniku

    L-intestatura IV, il-punt 4 tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport huwa sostitwit b’dan li ġej:

    L-abbozz tal-aġenda tal-laqgħa għandu jintlaħaq qbil dwaru mill-Presidenza u mill-Viċi Presidenza. L-abbozz tal-aġenda u kwalunkwe dokument relatat miegħu għandhom jitqassmu lill-membri u lill-osservaturi mill-inqas erba’ ġimgħat qabel il-laqgħa rilevanti. Il-membri jistgħu jagħmlu kummenti u jipproponu li jiżdiedu elementi ġodda. Għandu wkoll jitqassam lil Stati oħrajn, organizzazzjonijiet internazzjonali jew entitajiet oħrajn li jkunu mistiedna f’konformità mal-paragrafu 3 tat-Taqsima II, il-materjal li jkun ta’ interess għalihom.

    Għall-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali

                           Il-President

    Top