Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022PC0484

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport fir-rigward tal-adozzjoni tal-baġit tal-Komunità tat-Trasport għall-2023

    COM/2022/484 final

    Brussell, 28.9.2022

    COM(2022) 484 final

    2022/0296(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport fir-rigward tal-adozzjoni tal-baġit tal-Komunità tat-Trasport għall-2023


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.Suġġett tal-proposta

    Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali stabbilit skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (“it-TCT”) b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni dwar il-baġit għall-2023 tal-Komunità tat-Trasport.

    2.Kuntest tal-proposta

    2.1.It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport

    L-għan tat-TCT huwa li tinħoloq Komunità tat-Trasport fil-qasam tat-trasport bit-triq, bil-ferrovija, bl-ilma navigabbli intern u marittimu, kif ukoll l-iżvilupp tan-network tat-trasport bejn l-Unjoni Ewropea u l-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa. It-TCT daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2019.

    L-Unjoni Ewropea hija parti għat-TCT 1 .

    2.2.Il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali

    Il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali huwa stabbilit bl-Artikolu 24 tat-TCT. Huwa responsabbli għall-amministrazzjoni tat-TCT u għall-iżgurar tal-implimentazzjoni kif suppost tiegħu. Għal dan il-għan, dan jagħmel rakkomandazzjonijiet u jieħu deċiżjonijiet fil-każijiet previsti fit-TCT. B’mod partikolari, il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali:

    (a)jipprepara x-xogħol tal-Kunsill Ministerjali,

    (b)jiddeċiedi dwar it-twaqqif ta’ kumitati tekniċi,

    (c)jieħu azzjoni xierqa, fir-rigward tal-atti tal-UE li jkunu għadhom kemm ġew adottati, b’mod partikolari permezz tar-reviżjoni tal-Anness I tat-TCT,

    (d)jaħtar id-Direttur tas-Segretarjat Permanenti wara li jikkonsulta mal-Kunsill Ministerjali,

    (e)jista’ jaħtar wieħed jew aktar mid-Deputati Diretturi tas-Segretarjat Permanenti,

    (f)jistabbilixxi r-regoli tas-Segretarjat Permanenti,

    (g)jista’ jirrieżamina, permezz ta’ deċiżjoni, il-livell tal-kontribuzzjonijiet baġitarji,

    (h)jadotta l-baġit annwali tal-Komunità tat-Trasport,

    (i)jadotta deċiżjoni li tispeċifika l-proċedura għall-implimentazzjoni tal-baġit, għall-preżentazzjoni u għall-awditjar tal-kontijiet u għall-ispezzjoni,

    (j)jieħu deċiżjonijiet dwar it-tilwimiet imressqa mill-Partijiet Kontraenti,

    (k)jadotta prinċipji ġenerali fil-qasam tal-aċċess għad-dokumenti, fir-rigward ta’ dokumenti miżmuma mill-korpi stabbiliti bit-TCT jew bħala parti minnu,

    (l)jadotta r-rapporti annwali għall-attenzjoni tal-Kunsill Ministerjali dwar l-implimentazzjoni tan-Network Komprensiv;

    (m)jistabbilixxi l-limiti ta’ żmien u l-mezzi għat-traspożizzjoni mill-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa, fir-rigward ta’ ċerti atti tal-Unjoni.

    Il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali huwa magħmul minn rappreżentant, u rappreżentant sostitut, ta’ kull waħda mill-Partijiet Kontraenti. Il-parteċipazzjoni bħala osservaturi hija miftuħa għall-Istati Membri kollha tal-UE.

    Il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali jaġixxi b’unanimità.

    2.3.L-att previst tal-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali

    Fl-2022, waqt l-aħħar laqgħa tiegħu, il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali jrid jadotta deċiżjoni rigward il-baġit tal-Komunità tat-Trasport għall-2023 (“l-att previst”).

    L-għan tal-att previst huwa li jiddetermina l-baġit annwali tal-Komunità tat-Trasport għall-2023.

    L-att previst se jsir vinkolanti fuq il-partijiet f’konformità mal-Artikolu 25(1) tat-TCT, li jipprevedi: “Deċiżjoni tal-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali għandha tkun vinkolanti fuq il-Partijiet Kontraenti. Kull meta deċiżjoni meħuda mill-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali fiha rekwiżit għal azzjoni li trid tittieħed minn Parti Kontraenti, l-imsemmija Parti għandha tieħu l-miżuri neċessarji u tinforma lill-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali bihom.”

    3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

    Il-kontribuzzjoni għall-baġit tal-Komunità tat-Trasport hi stabbilita fl-Anness V tat-TCT. Is-sehem tal-Unjoni jammonta għal 80 % tal-baġit, filwaqt li l-20 % li jifdal għandu jiġi pprovdut mill-partijiet tal-Balkani tal-Punent.

    Għall-2022, il-baġit ammonta għal total ta’ EUR 3,002 miljun, li minnhom, EUR 2,401 miljun (80 %) jiġu mill-UE u EUR 0,6 miljun mill-partijiet tal-Balkani tal-Punent.

    Għall-2023, qed jiġi propost li l-baġit ikun ta’ EUR 3,060 miljun. 80 % tal-krediti ġodda se jiġu mill-UE (EUR 2,448 miljun) u l-20 % l-oħra ta’ krediti ġodda (EUR 0,612 miljun) mill-partijiet tal-Balkani tal-Punent.

    Il-baġit propost għall-2023 jirrappreżenta żieda ta’ 2 % meta mqabbel mal-2022. Dan huwa ġġustifikat mill-iżviluppi ta’ inflazzjoni li għaddejjin bħalissa fir-Reġjun u fl-UE. Dan l-ammont se jkopri l-kostijiet operazzjonali tas-Segretarjat Permanenti u tal-organizzazzjoni tal-laqgħat tad-diversi korpi tal-Komunità tat-Trasport. Il-baġit tal-2023 jirrifletti wkoll enfasi akbar fuq l-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità u l-assistenza teknika għas-Sħab Reġjonali.

    L-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni mill-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali hija meħtieġa għall-implimentazzjoni tat-Trattat li jimplimenta t-TCT u għall-funzjonament tas-Segretarjat Permanenti.

    4.Bażi ġuridika

    4.1.Bażi ġuridika proċedurali

    4.1.1.Prinċipji

    L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

    Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp ikkonċernat. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni 2 .

    4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

    Il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali huwa korp stabbilit permezz ta’ trattat, jiġifieri t-TCT.

    L-att li l-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali. F’konformità mal-Artikolu 35 tat-TCT, il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali għandu s-setgħa jadotta l-baġit tal-Komunità tat-Trasport u f’konformità mal-Artikolu 25(1) tat-TCT din id-deċiżjoni hija vinkolanti fuq il-partijiet għat-TCT. Min-natura tagħhom, u bħala kwistjoni ta’ dritt internazzjonali li jirregola l-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali, dan l-att fih elementi li jaffettwaw il-pożizzjoni legali tal-partijiet għat-TCT u, għaldaqstant, anki tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-att previst ikun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 25(1) tat-TCT. L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tat-TCT. Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

    4.2.Bażi ġuridika sostantiva

    4.2.1.Prinċipji

    Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew minn dawk il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun biss wieħed inċidentali, id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik mitluba mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

    Fir-rigward tal-att previst li jsegwi għadd ta’ objettivi f’daqqa, jew li għandu diversi komponenti, li huma marbuta b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, il-bażi ġuridika sostantiva ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE jkollha tinkludi, eċċezzjonalment, id-diversi bażijiet ġuridiċi korrispondenti.

    4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

    L-att previst huwa meħtieġ għall-funzjonament xieraq tat-TCT. Min-naħa l-oħra, it-TCT isegwi l-objettivi u għandu komponenti fl-oqsma tat-trasport bit-triq, bil-ferrovija u bl-ilma navigabbli intern, li huma modi koperti mill-Artikolu 91 tat-TFUE, kif ukoll fil-qasam tat-trasport marittimu, li hu mod kopert mill-Artikolu 100(2) tat-TFUE. Minħabba n-natura orizzontali tiegħu, l-att previst jirreferi għal dawn l-elementi kollha. Dawn l-elementi kollha huma marbuta b’mod inseparabbli mingħajr ma’ wieħed ikun inċidentali għall-ieħor.

    Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija magħmula mid-dispożizzjonijiet li ġejjin: l-Artikoli 91 u 100(2) tat-TFUE.

    4.3.Konklużjoni

    Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni proposta tkun l-Artikoli 91 u 100(2) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

    5.Pubblikazzjoni tal-att previst

    F’konformità mal-Artikolu 25(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport, id-deċiżjonijiet tal-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    2022/0296 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport fir-rigward tal-adozzjoni tal-baġit tal-Komunità tat-Trasport għall-2023

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 u l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (“TCT”) ġie ffirmat mill-Unjoni f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1937 3 . Fl-4 ta’ Marzu 2019 ġie approvat f’isem l-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/392 4 . Daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2019.

    (2)Skont l-Artikolu 35 tat-TCT, il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport (“il-Kumitat tat-Tmexxija”) għandu jadotta l-baġit tal-Komunità tat-Trasport kull sena. L-Artikolu 35 tat-TCT jagħti wkoll is-setgħa lill-Kumitat tat-Tmexxija li jadotta deċiżjonijiet li jispeċifikaw il-proċedura għall-implimentazzjoni tal-baġit.

    (3)Il-Kumitat tat-Tmexxija għandu jadotta deċiżjoni dwar il-baġit tal-Komunità tat-Trasport għall-2023 waqt l-aħħar laqgħa tiegħu fl-2022.

    (4)Il-baġit propost tal-Komunità tat-Trasport għall-2023 huwa meħtieġ għall-funzjonament xieraq tal-korpi tal-Komunità tat-Trasport. Dan ikopri l-kostijiet għar-riżorsi umani, l-ivvjaġġar, it-tagħmir u s-software tal-IT, kif ukoll in-nefqa operazzjonali bħal l-istudji, il-bini tal-kapaċità, l-assistenza teknika u l-organizzazzjoni ta’ konferenzi u laqgħat.

    (5)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tat-Tmexxija, peress li tali deċiżjoni, li hija meħtieġa għall-funzjonament tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport, se tkun vinkolanti għall-Unjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport fir-rigward tal-baġit tal-Komunità tat-Trasport għas-sena 2023 għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1937 tal-11 ta’ Lulju 2017 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (ĠU L 278, 27.10.2017, p. 1).
    (2)    Il-paragrafi 61 sa 64 tas-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014 fil-Kawża C-399/12, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, ECLI:EU:C:2014:2258.
    (3)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1937 tal-11 ta’ Lulju 2017 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (ĠU L 278, 27.10.2017, p. 1).
    (4)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/392 tal-4 ta’ Marzu 2019 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport, ĠU L 71, 13.3.2019, p. 1–4.
    Top

    Brussell, 28.9.2022

    COM(2022) 484 final

    ANNESS

    ta'

    Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport fir-rigward tal-adozzjoni tal-baġit tal-Komunità tat-Trasport għall-2023













    ANNESS

    ABBOZZ

    DEĊIŻJONI Nru … /2022 
    TAL-KUMITAT TAT-TMEXXIJA REĠJONALI

    TAL-KOMUNITÀ TAT-TRASPORT

    ta’ …

    dwar l-adozzjoni tal-baġit tal-Komunità tat-Trasport

    għas-sena 2023

    IL-KUMITAT TAT-TMEXXIJA REĠJONALI TAL-KOMUNITÀ TAT-TRASPORT,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 24(1) u l-Artikolu 35 tiegħu,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    B’dan huwa adottat il-baġit tal-Komunità tat-Trasport għas-sena 2023, mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    (1)F’konformità mal-Artikolu 10(1) tar-regoli finanzjarji u l-proċeduri tal-awditjar applikabbli għall-Komunità tat-Trasport, l-approprjazzjonijiet ta’ linja baġitarja partikolari tal-baġit tal-2023 jistgħu jintużaw għall-finijiet li l-baġit jattribwixxi lil linja baġitarja oħra, fil-limitu totali ta’ 10 % tal-approprjazzjonijiet tal-linja baġitarja msemmija l-ewwel. Dan ma għandux japplika għal-linja baġitarja li tikkonċerna l-baġit tar-riżorsi umani.

    (2)L-approprjazzjonijiet riportati biex jissodisfaw l-obbligi ffirmati fi tmiem l-2022, kif speċifikat fil-baġit mehmuż, ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-użu msemmi fil-paragrafu 1. Dawn ma għandhomx jitqiesu għad-determinazzjoni tal-ammont massimu li jikkorrispondi għal-limitu ta’ 10 % imsemmi fih.

    Artikolu 3

    L-approprjazzjonijiet li ma jkunux ġew impenjati fi tmiem is-sena finanzjarja 2022 għandhom jitħassru u jitħallsu lura lill-Partijiet f’konformità mal-perċentwali stabbiliti fl-Anness V tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport u l-kontribuzzjonijiet propja mħallsa.

    Magħmul nhar il-…, fi … 2022.

       Għall-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali

       Il-President



    BAĠIT TAL-KOMUNITÀ TAT-TRASPORT GĦAS-SENA 2023

    Linja baġitarja

    Ammont

    (EUR)

    1.Segretarjat Permanenti

    1.1.Riżorsi Umani

    1 502 097

    1.2.Kostijiet tal-ivvjaġġar

    119 220

    1.3.Kostijiet tal-uffiċċju, tagħmir u software

    64 150

    1.4.Kostijiet u servizzi oħra, inkluż:

    Servizzi esternalizzati u servizzi oħra (Awditjar, Viżibilità, Taħriġ tal-persunal, Imposti bankarji)

    Kostijiet tal-Laqgħat u l-Konferenzi

    Kostijiet tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni

    Kostijiet tar-reklutaġġ

    543 117

    1.5.Studji, Assistenza teknika li tappoġġa l-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE u tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni 2

    730 000

    -Li minnhom, krediti ġodda

    510 000

    -Li minnhom approprjazzjonijiet tal-baġit riportati li jikkorrispondu
    għall-obbligi ffirmati fi tmiem l-2022 li għalihom il-pagamenti

    huma dovuti fl-2023

    220 000

    2.Kunsill Ministerjali

    2.1.Kostijiet tal-Laqgħat u l-Konferenzi

    28 000

    3.Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali

    3.1.Kostijiet tal-Laqgħat u l-Konferenzi

    18 560

    4.Kumitati Tekniċi

    4.1.Kostijiet tal-Laqgħat u l-Konferenzi

    177 300

    5.Forum Soċjali

    5.1.Kostijiet tal-Laqgħat u l-Konferenzi

    10 800

    6.Kumitat tal-Baġit

    6.1.Kostijiet tal-Laqgħat u l-Konferenzi

    5 720

    Total ta’ krediti ġodda (għajr ir-Riżerva tal-Baġit)

    2 978 964

    Riżerva tal-Baġit (madwar 3 % ta’ krediti ġodda)

    81 036

    Krediti ġodda totali

    3 060 000

    Ammonti totali riportat mill-2022

    220 000

    Total finali

    3 280 000

    Kontribuzzjoni tal-UE (80 % ta’ krediti ġodda)

    2,448,000

    Kontribuzzjoni tal-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa (20 % ta’ krediti ġodda: l-Anness V tat-TCT jipprovdi d-distribuzzjoni skont kull pajjiż)

    612,000

    (1)    ĠU UE L 278, 27.10.2017, p. 3.
    (2)    L-ammont totali għandu jiġi ddeterminat mal-konklużjoni ta’ proċeduri ta’ akkwist u kuntratti ta’ servizz iffirmati matul it-tielet trimestru tal-2022
    Top