EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022PC0465

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/629/KEE

COM/2022/465 final

Brussell, 16.9.2022

COM(2022) 465 final

2022/0282(COD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/629/KEE


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Din il-proposta biex titħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/629/KEE qed tiġi ppreżentata fil-kuntest tal-programm REFIT tal-Kummissjoni u tal-impenn tagħha għal regolamentazzjoni aħjar. L-objettiv hu li jkun żgurat qafas leġiżlattiv adattat għall-iskop tiegħu u ta’ kwalità għolja, kif imsemmi fil-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni jidhrilha li l-att li qed tipproponi li jitħassar huwa obsolet. Il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/629/KEE fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2017 1 .

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Abbażi tal-Artikolu 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ex Artikolu 80(2) tat-TKE u ex Artikolu 84(2) tat-TKEE), id-Direttiva 89/629/KEE ppermettiet li ċerti ajruplani li jaqbżu l-istandards rilevanti tal-emissjonijiet tal-istorbju jibqgħu joperaw, jekk kienu diġà ddaħħlu f’reġistru nazzjonali ta’ Stat Membru. Ma baqgħux jitħallew isiru reġistrazzjonijiet ġodda ta’ dawk l-ajruplani, meta d-Direttiva daħlet fis-seħħ.

Id-Direttiva 2006/93/KE 2 introduċiet tneħħija gradwali sħiħa tal-ajruplani storbjużi kollha, inkluż ta’ dawk koperti mid-Direttiva 89/629/KEE, irrispettivament minn jekk dawn kinux diġà ġew irreġistrati jew le. Għaldaqstant, l-ajruplani li ma jilħqux l-istandards rilevanti tal-emissjonijiet tal-istorbju ma għadhomx jitħallew itiru fl-ajru tal-Unjoni Ewropea u kellhom jitneħħew mir-reġistri nazzjonali tal-Istati Membri.

Bil-bidla fl-approċċ, mir-regola li ma jiddaħħlux fl-1989 għall-approċċ ta’ tneħħija gradwali fl-2006, u minħabba l-fatt li l-ajruplani li ma jilħqux l-istandards rilevanti tal-emissjonijiet tal-istorbju tneħħew mir-reġistri nazzjonali u ma għadhomx jitħallew itiru fl-ajru tal-Unjoni Ewropea, id-Direttiva tal-Kunsill 89/629/KEE saret obsoleta u jenħtieġ li titħassar.

2022/0282 (COD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/629/KEE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea kkonfermaw, fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016 3 , l-impenn konġunt tagħhom li jaġġornaw u jissimplifikaw il-leġiżlazzjoni.

(2)Id-Direttiva tal-Kunsill 89/629/KEE 4 ppermettiet li ċerti ajruplani li jaqbżu l-istandards rilevanti tal-emissjonijiet tal-istorbju jibqgħu joperaw, jekk kienu diġà ddaħħlu f’reġistru nazzjonali ta’ Stat Membru. Madankollu, din applikat regola li ma ssir l-ebda żieda: ma baqgħux jitħallew isiru reġistrazzjonijiet ġodda ta’ dawk l-ajruplani, meta daħlet fis-seħħ id-Direttiva 89/629/KEE. Dik ippermettiet ir-reġistrazzjoni ta’ ajruplani li ma laħqux l-istandards tad-Direttiva 89/629/KEE iżda li kienu diġà qed jintużaw, biex ikunu jistgħu jibqgħu joperaw.

(3)Id-Direttiva 2006/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 introduċiet tneħħija gradwali sħiħa tal-ajruplani kollha li ma jilħqux l-istandards rilevanti tal-emissjonijiet tal-istorbju, inkluż ta’ dawk li qabel kienu koperti mid-Direttiva 89/629/KEE, irrispettivament minn jekk dawn kinux diġà ġew irreġistrati jew le. Minħabba f’hekk, l-ajruplani kkonċernati ma għadhomx jitħallew itiru fl-ajru tal-Unjoni u kellhom jitneħħew mir-reġistri nazzjonali tal-Istati Membri.

(4)Għalhekk, id-Direttiva 89/629/KE jenħtieġ li titħassar,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Direttiva 89/629/KEE hija mħassra.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    COM(2016) 710 final – ANNESS 5
(2)    Id-Direttiva 2006/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-regolament tal-operazzjoni tal-ajruplani koperta mill-Parti II, il-Kapitolu 3, il-Volum 1 tal-Anness 16 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, it-tieni edizzjoni (1988).
(3)    ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(4)    Id-Direttiva tal-Kunsill 89/629/KEE tal-4 ta’ Diċembru 1989 dwar il-limitazzjoni tal-emissjoni ta’ ħsejjes minn ajruplani ċivili jet subsoniċi (ĠU L 363, 13.12.1989, p. 27).
(5)    Id-Direttiva 2006/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-regolament tal-operazzjoni tal-ajruplani koperta mill-Parti II, il-Kapitolu 3, il-Volum 1 tal-Anness 16 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, it-tieni edizzjoni (1988) (ĠU L 374, 27.12.2006, p. 1).
Top