EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022PC0411

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC) dwar it-tħassir tal-kategorija żejt taż-żebbuġa verġni ordinarju mill-Anness B tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015

COM/2022/411 final

Brussell, 22.8.2022

COM(2022) 411 final

2022/0241(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC) dwar it-tħassir tal-kategorija żejt taż-żebbuġa verġni ordinarju mill-Anness B tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015

{SWD(2022) 217 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (l-“IOC”) b’rabta mat-tħassir tal-kategorija żejt taż-żebbuġa verġni ordinarju mill-Anness B tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda tal-2015

Il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (“il-Ftehim”) għandu l-għanijiet: (i) li jfittex li tinkiseb uniformità fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u internazzjonali b’rabta mal-karatteristiċi fiżikokimiċi u organolettiċi taż-żjut taż-żebbuġa, taż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ, u taż-żebbuġ tal-mejda, sabiex jiġu evitati l-ostakli għall-kummerċ; (ii) li jitwettqu attivitajiet fil-qasam tal-ittestjar fiżikokimiku u organolettiku biex jiżdied l-għarfien dwar il-karatteristiċi tal-kompożizzjoni u tal-kwalità tal-prodotti taż-żebbuġ, bl-għan li jiġu kkonsolidati l-istandards internazzjonali; u (iii) li jissaħħaħ ir-rwol tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ bħala forum ta’ eċċellenza għall-komunità xjentifika internazzjonali fil-qasam taż-żebbuġ u taż-żejt taż-żebbuġa.

Il-verżjoni mġedda tal-Ftehim daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2017.

L-Unjoni Ewropea hija parti għall-Ftehim 1 .

2.2.Il-Kunsill tal-Membri

Il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (“il-Kunsill tal-Membri”) huwa l-ogħla awtorità u l-korp li jieħu d-deċiżjonijiet tal-IOC u għandu jeżerċita s-setgħat kollha u jwettaq il-funzjonijiet kollha meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan il-Ftehim. Bħala parti għall-Ftehim, l-Unjoni Ewropea hija membru tal-IOC u hija rappreżentata fil-Kunsill tal-Membri. Skont l-Artikolu 19(2) tal-Ftehim tal-IOC, il-Kunsill tal-Membri jista’ jieħu d-deċiżjonijiet biex jemenda l-Annessi tal-Ftehim tal-IOC. F’konformità mal-Artikolu 10(3) tal-Ftehim tal-IOC, id-deċiżjonijet tal-Kunsill tal-Membri dwar emendi possibbli tal-Ftehim għandhom jittieħdu b’kunsens.

2.3.L-att previst tal-Kunsill tal-Membri

Fid-29 ta’ April 2022, is-Segretarju Eżekuttiv tal-IOC bagħat it-test ta’ deċiżjoni dwar il-kimika u l-istandardizzazzjoni li se jiġi adottat mill-Kunsill tal-Membri lill-Membri tiegħu. L-għan tal-att previst huwa li titħassar il-kategorija żejt taż-żebbuġa verġni ordinarju mill-Anness B tal-Ftehim tal-IOC mill-1 ta’ Jannar 2026. Skont l-Artikolu 20(1) tal-Ftehim, l-ismijiet fl-Annessi B u C tal-Ftehim tal-IOC japplikaw għall-kummerċ internazzjonali tal-Membri. L-att previst b’hekk ikun jemenda l-Anness B tal-Ftehim tal-IOC.

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni mehmuż ma’ din il-proposta jinkludi t-test tad-deċiżjoni.

Waqt il-115-il seduta tal-IOC (f’Ġunju tal-2022) l-UE talbet li tiġi posposta l-adozzjoni tad-deċiżjoni, billi ma kinitx f’pożizzjoni li tagħti l-approvazzjoni tagħha (kellha bżonn iż-żmien biex tadotta l-pożizzjoni li se tittieħed f’isem l-Unjoni). Għalhekk, il-pożizzjoni dettaljata fid-Deċiżjoni preżenti se tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-116-il seduta tal-IOC f’Novembru tal-2022, jew fil-qafas ta’ proċedura possibbli għall-adozzjoni mill-Kunsill tal-Membri permezz tal-korrispondenza, skont l-Artikolu 10(6) tal-Ftehim, qabel is-seduta regolari li jmiss f’Novembru tal-2022.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Id-deċiżjoni li se tiġi adottata mill-Kunsill tal-Membri se temenda l-Anness B tal-Ftehim tal-IOC bit-tħassir tal-kategorija żejt taż-żebbuġa verġni ordinarju, bid-data tad-dħul fis-seħħ tal-1 ta’ Jannar 2026. F’dak iż-żmien se tkun meħtieġa deċiżjoni oħra tal-Kunsill tal-Membri li din il-kategorija u l-parametri marbutin magħha jitħassru mill-Istandard Kummerċjali tal-IOC għaż-Żejt taż-Żebbuġa u għaż-Żejt mir-residwi taż-żebbuġ.

Din il-kategorija ta’ Żejt taż-Żebbuġa ma teżistix fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 . Għalhekk, id-deċiżjoni msemmija hawn fuq taqbel mal-politika tal-Unjoni fir-rigward tal-istandards għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli kif previst fit-Titolu II tal-Parti II tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Meta jitqies il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-Kunsill tal-Membri tal-IOC, il-pożizzjoni tal-Unjoni hija meħtieġa biex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet biex tiġi adottata d-deċiżjoni prevista fl-Anness.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li għandhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw is-sede inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni 3 .

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-Kunsill tal-Membri huwa korp imwaqqaf bi ftehim, speċifikament il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda.

L-atti li l-Kunsill tal-Membri jrid jadotta jikkostitwixxu atti li jkollhom effetti legali. L-att previst ikun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 20(1) tal-Ftehim.

L-att previst ma jissupplimentax u ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni.

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207 tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 207 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Billi l-att tal-Kumitat tal-Membri tal-Kunsill se jemenda l-Ftehim tal-IOC, jixraq li dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara li jiġi adottat.

2022/0241 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC) dwar it-tħassir tal-kategorija żejt taż-żebbuġa verġni ordinarju mill-Anness B tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (“il-Ftehim”) ġie ffirmat f’isem l-Unjoni f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 4 fit-18 ta’ Novembru 2016, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard. Il-Ftehim daħal fis-seħħ b’mod proviżorju fl-1 ta’ Jannar 2017 f’konformità mal-Artikolu 31(2) tiegħu u ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 tas-17 ta’ Mejju 2019 5 .

(2)Skont l-Artikolu 7(1) tal-Ftehim, il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (“il-Kunsill tal-Membri”) irid jadotta d-deċiżjonijiet li jagħmlu t-tibdil fil-Ftehim.

(3)Waqt il-116-il seduta tal-IOC li se ssir bejn it-28 ta’ Novembru u t-2 ta’ Diċembru 2022, jew fil-qafas ta’ proċedura permezz tal-korrispondenza, il-Kunsill tal-Membri se jadotta deċiżjoni biex titħassar il-kategorija “żejt taż-żebbuġa verġni ordinarju” mill-Anness B tal-Ftehim tal-IOC.

(4)Id-deċiżjoni ssir vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 20(1) tal-Ftehim tal-IOC. Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri, peress li d-deċiżjoni li se tiġi adottata se tkun vinkolanti fuq l-Unjoni.

(5)Billi l-kategorija “żejt taż-żebbuġa verġni ordinarju” ma teżistix fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 , jenħtieġ li d-deċiżjoni tiġi appoġġata.

(6)Jenħtieġ li f’isem l-Unjoni tittieħed il-pożizzjoni stabbilita fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni fil-116-il seduta tal-IOC, jew fil-qafas ta’ proċedura għall-adozzjoni mill-Kunsill tal-Membri permezz tal-korrispondenza, skont l-Artikolu 10(6) tal-Ftehim. Jenħtieġ li l-proċedura għall-adozzjoni permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza tinbeda qabel is-seduta regolari li jmiss tal-Kunsill tal-Membri f’Novembru tal-2022.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri waqt il-116-il seduta li se ssir bejn it-28 ta’ Novembru u t-2 ta’ Diċembru 2022, jew fil-qafas ta’ proċedura ta’ adozzjoni mill-Kunsill tal-Membri permezz tal-korrispondenza li trid tinbeda qabel is-seduta regolari li jmiss f’Novembru tal-2022 hija stabbilita fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 tal-10 ta’ Ottubru 2016 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 293, 28.10.2016, p. 2) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 139, 27.05.2019, p. 1).
(2)    Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).
(3)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014 fil-kawża C-399/12, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(4)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 tal-10 ta’ Ottubru 2016 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 293, 28.10.2016, p. 2).
(5)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 139, 27.05.2019, p. 1).
(6)    Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).
Top

Brussell, 22.8.2022

COM(2022) 411 final

ANNESS

tal-Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC) dwar it-tħassir tal-kategorija żejt taż-żebbuġa verġni ordinarju mill-Anness B tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015


{SWD(2022) 217 final}


ANNESS

L-Unjoni għandha tappoġġa t-tħassir tal-kategorija “żejt taż-żebbuġa verġni ordinarju” mill-Anness B tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, li jibda jseħħ mill-1 ta’ Jannar 2026, waqt seduta futura tal-Kunsill tal-Membri jew fil-qafas ta’ proċedura għall-adozzjoni mill-Kunsill tal-Membri permezz tal-korrispondenza.

Top