Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022PC0352

    Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/677/UE li tawtorizza lil-Lussemburgu biex jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    COM/2022/352 final

    Brussell, 26.7.2022

    COM(2022) 352 final

    2022/0220(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/677/UE li tawtorizza lil-Lussemburgu biex jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 (“id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jipprevjeni ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa.

    Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fil-11 ta’ Marzu 2022, il-Lussemburgu talab awtorizzazzjoni biex sal-31 ta’ Diċembru 2024, ikompli japplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva tal-VAT, li tippermetti lil-Lussemburgu li jeżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li jkollhom fatturat annwali ta’ mhux aktar minn EUR 35 000.

    F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħrajn bit-talba tal-Lussemburgu, permezz ta’ ittra tas-7 ta’ April 2022. Permezz tal-ittra tat-8 ta’ April 2022, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Lussemburgu li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba.

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    Il-Kapitolu 1 tat-Titolu XII tad-Direttiva tal-VAT jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri biex japplikaw skemi speċjali għall-impriżi ż-żgħar, inkluż il-possibbiltà li jeżentaw lil persuni taxxabbli b’inqas minn ċertu fatturat annwali. Din l-eżenzjoni timplika li persuna taxxabbli ma għandhiex għalfejn timponi l-VAT fuq il-provvisti tagħha, u b’konsegwenza ta’ dan, ma tistax tnaqqas il-VAT minn fuq l-inputs tagħha.

    Il-possibbiltà li jiġu applikati regoli speċjali tal-VAT inklużi eżenzjonijiet jew ħelsien mit-taxxa gradwat għall-impriżi żgħar, ġiet introdotta għall-ewwel darba mill-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE 2 . Skont l-Artikolu 24(2)(b) tad-Direttiva 77/388/KEE 3 , li issa tfassal mill-ġdid bħala l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 285 tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri li ma użawx l-għażla prevista f’dik id-dispożizzjoni, wara setgħu jeżentaw mill-VAT biss lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 5 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 285 tad-Direttiva tal-VAT, dawk l-Istati Membri jistgħu wkoll jagħtu ħelsien mit-taxxa gradwat lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom jeċċedi l-limitu massimu ffissat minnhom għall-applikazzjoni tiegħu.

    Sa tmiem l-2012, il-Lussemburgu eżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma kienx aktar minn EUR 10 000. B’mod parallel, il-Lussemburgu uża l-għażla skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 285 tad-Direttiva tal-VAT billi ta ħelsien mit-taxxa gradwat lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom kien bejn EUR 10 000 u EUR 25 000.

    Wara dan, il-Lussemburgu talab u kiseb deroga skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 285 biex japplika livell limitu ta’ fatturat ta’ EUR 25 000 fir-rigward tal-iskema ta’ eżenzjoni għan-negozji ż-żgħar filwaqt li fl-istess ħin jabolixxi l-applikazzjoni tal-ħelsien mit-taxxa gradwat. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/677/UE 4 awtorizzat lil-Lussemburgu japplika miżura ta’ deroga msemmija hawn fuq sal-31 ta’ Diċembru 2016.

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/319 5 awtorizzat lil-Lussemburgu biex jestendi d-data tal-iskadenza tal-miżura speċjali għall-31 ta’ Diċembru 2019 u, fl-istess ħin, iżid il-livell limitu minn EUR 25 000 għal EUR 30 000. Imbagħad, bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2210 6 , id-data tal-iskadenza kompliet tiġi estiża sal-31 ta’ Diċembru 2022 u l-livell limitu żdied minn EUR 30 000 għal EUR 35 000.

    Il-Lussemburgu talab estensjoni oħra ta’ dik il-miżura għal perjodu limitat. Il-Lussemburgu indika li l-miżura speċjali tnaqqas il-piż amministrattiv kemm għall-persuni taxxabbli kif ukoll għall-awtoritajiet tat-taxxa. Għalhekk din tikkontribwixxi għas-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxa, kif stabbilit fl-Artikolu 395(1) tad-Direttiva tal-VAT. Il-miżura hija u se tibqa’ fakultattiva għalkollox għall-persuni taxxabbli.

    Skont il-Lussemburgu, il-miżura speċjali mitluba jkollha effett negliġibbli biss fuq l-ammont globali tad-dħul mill-VAT miġbur fl-istadju tal-konsum finali (mhux aktar minn 0,05 %), kif meħtieġ mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tad-Direttiva tal-VAT. B’mod aktar speċifiku, il-Lussemburgu rrapporta li fl-2020, 633 persuna taxxabbli b’fatturat ta’ bejn EUR 10 000 u EUR 35 000 użaw l-eżenzjoni, u dan jirrappreżenta 0,78 % tal-persuni taxxabbli kollha.

    Il-miżura speċjali li tissimplifika l-obbligi tal-operaturi ż-żgħar, hija konformi mal-objettivi stabbiliti mill-Unjoni Ewropea għan-negozji ż-żgħar.

    Minħabba l-impatt pożittiv fuq it-tnaqqis tal-piż amministrattiv għan-negozji u għad-dipartiment tat-taxxa mingħajr impatt kbir fuq id-dħul totali mill-VAT, huwa xieraq li l-Lussemburgu jiġi awtorizzat li jestendi l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

    Il-miżura ta’ deroga hija konformi mal-objettivi tad-Direttiva (UE) 2020/285 li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva tal-VAT dwar skema speċjali għall-impriżi ż-żgħar 7 , li rriżultat mill-pjan ta’ azzjoni tal-VAT 8 , u għandha l-għan li toħloq skema moderna u simplifikata għal dawk in-negozji. B’mod partikolari, għandha l-għan li tnaqqas il-kostijiet tal-konformità mal-VAT u d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fil-livell domestiku u dak tal-UE, tnaqqas l-impatt negattiv tal-effett tal-livell limitu u tiffaċilita kemm il-konformità tan-negozji kif ukoll il-monitoraġġ mill-awtoritajiet tat-taxxa.

    Barra minn hekk, il-livell limitu ta’ EUR 35 000 huwa konsistenti mad-Direttiva (UE) 2020/285, sa fejn jippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu l-livell limitu tal-fatturat annwali meħtieġ għal eżenzjoni mill-VAT f’livell mhux ogħla minn EUR 85 000 (jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali).

    Stati Membri oħra ngħataw derogi simili li jeżentaw mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom huwa inqas minn ċertu livell limitu, kif previst fl-Artikoli 285 u 287 tad-Direttiva tal-VAT. In-Netherlands 9 u l-Belġju 10 ngħataw livell limitu ta’ EUR 25 000; l-Italja 11 ngħatat livell limitu ta’ EUR 30 000; il-Polonja 12 , il-Latvja 13 u l-Estonja 14 ngħataw livell limitu ta’ EUR 40 000; l-Ungerija 15 ngħatat livell limitu ta’ EUR 48 000; il-Litwanja 16 ngħatat livell limitu ta’ EUR 55 000; il-Kroazja 17 ngħatat livell limitu ta’ EUR 45 000; Malta 18 ngħatat livell limitu ta’ EUR 30 000; is-Slovenja 19 ngħatat livell limitu ta’ EUR 50 000; iċ-Ċekja 20 ngħatat livell limitu ta’ EUR 85 000; u r-Rumanija 21 ngħatat livell limitu ta’ EUR 88 500.

    Jenħtieġ li d-derogi mid-Direttiva tal-VAT ikunu dejjem limitati fiż-żmien biex ikunu jistgħu jiġu vvalutati l-effetti tagħhom. Barra minn hekk, l-inklużjoni ta’ data ta’ skadenza tal-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024 hija allinjata mar-rekwiżiti tad-Direttiva (UE) 2020/285. Dik id-Direttiva tipprevedi l-1 ta’ Jannar 2025 bħala d-data li fiha l-Istati Membri jkollhom japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali, li huma obbligati jadottaw sabiex jikkonformaw magħha.

    Għalhekk, il-miżura proposta hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT.

    Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Il-Kummissjoni ilha konsistentement tenfasizza l-bżonn li jkun hemm regoli aktar sempliċi għall-impriżi ż-żgħar. F’dan ir-rigward, f’Marzu 2020 il-Kummissjoni adottat Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali 22 , fejn impenjat ruħha li tkompli taħdem biex tnaqqas il-piż minn fuq l-SMEs. L-objettiv li jitnaqqas il-piż regolatorju għall-SMEs huwa wieħed mill-pilastri ta’ din l-istrateġija. Din il-miżura speċjali hija f’konformità ma’ tali objettivi, f’dak li jirrigwarda r-regoli fiskali. Hija konsistenti wkoll mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-2020 dwar tassazzjoni ġusta u sempliċi li tappoġġa l-istrateġija ta’ rkupru 23 , li jirrikonoxxi li l-kostijiet tal-konformità fiskali għadhom għoljin fl-UE, u li tipikament, il-kostijiet tal-konformità ikunu sostanzjalment ogħla għal kumpaniji żgħar milli għal dawk kbar.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija bbażata l-proposta, il-proposta taqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

    Proporzjonalità

    Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.

    Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hi proporzjonata mal-għan li għandu jintlaħaq, jiġifieri s-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxi għall-persuni taxxabbli żgħar u għall-awtorità tat-taxxa.

    Għażla tal-istrument

    L-istrument propost huwa Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.

    Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, li tingħata deroga mir-regoli komuni tal-VAT huwa possibbli biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu għal proposta tal-Kummissjoni. L-aktar strument xieraq huwa Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill billi din tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Il-proposta attwali hija bbażata fuq talba li saret mil-Lussemburgu u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru partikolari.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill timmira li tissokta bil-miżura ta’ simplifikazzjoni għal sentejn oħra u b’hekk tneħħi ħafna mill-obbligi tal-VAT għan-negozji li joperaw b’fatturat annwali li mhuwiex aktar minn EUR 35 000 u għalhekk tħalli impatt pożittiv fuq it-tnaqqis tal-piż amministrattiv għan-negozji u għall-awtorità tat-taxxa mingħajr impatt kbir fuq id-dħul totali mill-VAT. Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni ristrett tad-deroga u l-applikazzjoni tagħha limitata fil-ħin, fi kwalunkwe każ, l-impatt tal-miżura se jkun limitat.

    Il-miżura ta’ deroga se tkun fakultattiva għall-persuni taxxabbli. Il-persuni taxxabbli se jkunu jistgħu jagħżlu l-arranġamenti regolari tal-VAT f’konformità mal-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE.

    Drittijiet fundamentali

    Il-proposta ma għandha l-ebda konsegwenza għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 tat-30 ta’ April 2021 li jemenda r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud 24 , mhu se jsir l-ebda kalkolu ta’ kumpens mil-Lussemburgu mid-dikjarazzjoni tar-riżorsi proprji tal-VAT għas-sena finanzjarja 2021 ’il quddiem.

    2022/0220 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/677/UE li tawtorizza lil-Lussemburgu biex jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 25 , u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Skont l-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Istati Membri li m’għamlux użu minn din l-għażla skont l-Artikolu 14 tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE 26 , jistgħu jagħtu eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (“il-VAT”) lill-persuni taxxabbli li d-dħul mill-bejgħ annwali tagħhom ma jaqbiżx il-EUR 5 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali u jistgħu jagħtu ħelsien gradwat mit-taxxa lill-persuni taxxabbli li d-dħul mill-bejgħ annwali tagħhom jaqbeż il-limitu massimu stabbilit minnhom għall-applikazzjoni tiegħu.

    (2)Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/677/UE 27 , il-Lussemburgu kien awtorizzat jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE (“il-miżura speċjali”), biex jeżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma kienx aktar minn EUR 25 000 sal-31 ta’ Diċembru 2016.

    (3)Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/677/UE ġiet emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/319 28 li awtorizzat lil-Lussemburgu jeżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma kienx aktar minn EUR 30 000 sal-31 ta’ Diċembru 2019. Sussegwentement ġiet emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2210 29 , awtorizzat lil-Lussemburgu jżid il-livell limitu għal EUR 35 000 u jestendi d-data tal-iskadenza tal-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2022.

    (4)Permezz tal-ittra tal-11 ta’ Marzu 2022, il-Lussemburgu ppreżenta talba lill-Kummissjoni għal awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024, id-data sa meta l-Istati Membri jeħtieġ jittrasponu d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 30 , li tistabbilixxi regoli tal-VAT aktar sempliċi għall-impriżi ż-żgħar. Dik id-Direttiva tippermetti wkoll lill-Istati Membri jeżentaw lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom fi Stat Membru ma jaqbiżx il-livell limitu ta’ EUR 85 000.

    (5)Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2), tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba li għamlet il-Lussemburgu lill-Istati Membri l-oħra, permezz tal-ittra bid-data tas-7 ta’ April 2022. Permezz ta’ ittra ddatata t-8 ta’ April 2022, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Lussemburgu li kellu l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-valutazzjoni tat-talba.

    (6)Il-miżura speċjali hija konformi mad-Direttiva (UE) 2020/285, li għandha l-għan li tnaqqas il-kostijiet tal-konformità mal-VAT għall-impriżi ż-żgħar, tnaqqas id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-Unjoni, u tnaqqas l-impatt negattiv tat-tranżizzjoni mill-eżenzjoni għat-tassazzjoni (l-effett ta’ limitu). Tfittex ukoll li tiffaċilita l-konformità mill-impriżi ż-żgħar kif ukoll il-monitoraġġ mill-awtoritajiet tat-taxxa. Il-livell limitu ta’ EUR 35 000 huwa konsistenti mal-livell limitu l-ġdid għall-eżenzjoni kif stabbilit bid-Direttiva (UE) 2020/285.

    (7)Il-miżura speċjali se tibqa’ fakultattiva għall-persuni taxxabbli. Il-persuni taxxabbli xorta jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT skont l-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE.

    (8)Skont l-informazzjoni pprovduta mil-Lussemburgu, il-miżura speċjali se jkollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa li l-Lussemburgu jiġbor fl-istadju tal-konsum finali.

    (9)Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 31 , mhu ser isir l-ebda kalkolu ta’ kumpens mil-Lussemburgu fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-riżorsi proprji tal-VAT għas-sena finanzjarja 2021 ’il quddiem.

    (10)Minħabba l-impatt pożittiv tal-miżura speċjali fir-rigward tas-simplifikazzjoni tal-obbligi relatati mal-VAT billi tnaqqas il-piż amministrattiv u l-kostijiet tal-konformità kemm għall-impriżi żgħar kif ukoll għall-awtoritajiet tat-taxxa, u n-nuqqas ta’ xi impatt kbir fuq id-dħul totali ġġenerat mill-VAT, jenħtieġ li l-Lussemburgu jiġi awtorizzat ikompli japplika l-miżura speċjali għal perjodu ulterjuri.

    (11)Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata l-miżura speċjali tkun limitata fiż-żmien. Jenħtieġ li l-limitu ta’ żmien ikun biżżejjed biex tkun tista’ tiġi evalwata l-effettività u l-adegwatezza tal-livell limitu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2020/285, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal-31 ta’ Diċembru 2024, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva, u għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2025. Għalhekk, jixraq li l-Lussemburgu jiġi awtorizzat japplika l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024.

    (12)Għalhekk, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/677/UE jenħtieġ li tiġi emendata kif meħtieġ,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/677/UE huwa sostitwit b’dan li ġej:

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2024.”

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
    (2)    It-Tieni Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE tal-11 ta’ April 1967 dwar l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-fatturat minn negozju – L-istruttura u l-proċeduri għall-applikazzjoni tas-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 71, 14.4.1967, p. 1303/67).
    (3)    Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-taxxi fuq il-valur tal-bejgħ — sistema Komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1).        
    (4)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/677/UE tal-15 ta’ Novembru 2013 li tawtorizza lil-Lussemburgu jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 316, 27.11.2013, p. 33).
    (5)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/319 tal-21 ta’ Frar 2017 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/677/UE li tawtorizza lil-Lussemburgu biex jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 47, 24.2.2017, p. 7).
    (6)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2210 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/677/UE li tawtorizza lil-Lussemburgu jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 332, 23.12.2019, p. 155).
    (7)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta' informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 13).
    (8)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar pjan ta’ azzjoni dwar il-VAT – Lejn żona unika tal-VAT fl-UE – Iż-żmien biex niddeċiedu COM(2016)148 final.    
    (9)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1904 tal-4 ta’ Diċembru 2018 li tawtorizza lin-Netherlands jintroduċu miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 310, 6.12.2018, p. 25).    
    (10)    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/88 tat-18 ta’ Jannar 2022 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/53/UE fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tar-Renju tal-Belġju biex japplika għal perjodu ulterjuri l-miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 14, 21.1.2022, p. 23)
    (11)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/647 tal-11 ta’ Mejju 2020 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 151, 14.5.2020, p. 7).    
    (12)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1780 tal-5 ta’ Ottubru 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2009/790/KE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 360, 11.10.2018, p. 122).
    (13)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1261 tal-4 ta’ Settembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2408 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja sabiex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 296, 10.9.2020, p. 4).
    (14)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/358 tat-22 ta’ Frar 2021 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/563 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Estonja tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 69, 26.2.2021, p. 4).    
    (15)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/73 tat-18 ta’ Jannar 2022 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1490 fir-rigward tal-awtorizzazzjoni lill-Ungerija biex tapplika għal perjodu ulterjuri l-miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 12, 19.1.2022, p. 148).
    (16)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/86 tat-22 ta’ Jannar 2021 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja sabiex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 30, 28.1.2021, p. 2).
    (17)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1661 tat-3 ta’ Novembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1768 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Kroazja tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 374, 10.11.2020, p. 4).
    (18)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/753 tas-6 ta’ Mejju 2021 li tawtorizza lil Malta biex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/279 (ĠU L 163, 10.5.2021, p. 1).
    (19)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/464 tal-21 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/54/UE fir-rigward tal-awtorizzazzjoni li ngħatat lir-Repubblika tas-Slovenja biex tkompli tapplika l-miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 94, 23.3.2022, p. 4).    
    (20)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/865 tal-24 ta’ Mejju 2022 li tawtorizza lir-Repubblika Ċeka biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 151, 2.6.2022, p. 66).
    (21)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1260 tal-4 ta’ Settembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1855 li tawtorizza lir-Rumanija tapplika miżura speċjali ta’ deroga għall-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 296, 10.9.2020, p. 1).
    (22)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali (COM(2020) 103 final).    
    (23)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Pjan ta’ Azzjoni għal tassazzjoni ġusta u sempliċi li tappoġġa l-Istrateġija ta’ Rkupru (COM(2020) 312 final).    
    (24)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 tat-30 ta’ April 2021 li jemenda r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 165, 11.5.2021, p. 9).    
    (25)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
    (26)    It-Tieni Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE tal-11 ta’ April 1967 dwar l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-fatturat minn negozju – L-istruttura u l-proċeduri għall-applikazzjoni tas-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 71, 14.4.1967, p. 1303).
    (27)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/677/UE tal-15 ta’ Novembru 2013 li tawtorizza lil-Lussemburgu jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 316, 27.11.2013, p. 33).
    (28)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/319 tal-21 ta’ Frar 2017 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/677/UE li tawtorizza lil-Lussemburgu biex jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 47, 24.2.2017, p. 7).
    (29)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2210 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/677/UE li tawtorizza lil-Lussemburgu jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 332, 23.12.2019, p. 155).
    (30)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta' informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 13).
    (31)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 tat-30 ta’ April 2021 li jemenda r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 165, 11.5.2021, p. 9).
    Top