Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022PC0345

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt tal-EU-CTC stabbilit bil-Konvenzjoni tal-20 ta’ Mejju 1987 dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-oġġetti u tal-Kumitat Konġunt tal-EU-CTC stabbilit bil-Konvenzjoni tal-20 ta’ Mejju 1987 dwar il-Proċedura Komuni ta’ Tranżitu fir-rigward ta’ stediniet lill-Ukrajna biex taderixxi ma’ dawk il-Konvenzjonijiet

    COM/2022/345 final

    Brussell, 15.7.2022

    COM(2022) 345 final

    2022/0218(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt tal-EU-CTC stabbilit bil-Konvenzjoni tal-20 ta’ Mejju 1987 dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-oġġetti u tal-Kumitat Konġunt tal-EU-CTC stabbilit bil-Konvenzjoni tal-20 ta’ Mejju 1987 dwar il-Proċedura Komuni ta’ Tranżitu fir-rigward ta’ stediniet lill-Ukrajna biex taderixxi ma’ dawk il-Konvenzjonijiet


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.Suġġett tal-proposta

    Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt tal-EU-CTC, stabbilit bil-Konvenzjoni tal-20 ta’ Mejju 1987 dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-oġġetti 1 u fil-Kumitat Konġunt tal-EU-CTC stabbilit bil-Konvenzjoni tal-20 ta’ Mejju 1987 dwar il-Proċedura Komuni ta’ Tranżitu 2 (“il-Kumitati Konġunti tal-EU-CTC”) li tikkonċerna l-adozzjoni prevista minn kull Kumitat Konġunt, ta’ deċiżjoni rigward l-istedina lill-Ukrajna, biex taderixxi mal-Konvenzjoni dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-oġġetti u fil-Konvenzjoni dwar il-Proċedura Komuni ta’ Tranżitu (“il-Konvenzjonijiet”) rispettivament.

    2.Kuntest tal-proposta

    2.1.Il-Konvenzjonijiet

    Il-Konvenzjonijiet għandhom l-għan li jiffaċilitaw il-moviment tal-oġġetti bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi oħra li huma Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjonijiet. Dawn daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1988.

    Il-Konvenzjonijiet jistabbilixxu miżuri li jiffaċilitaw il-moviment tal-oġġetti bejn l-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika tal-Iżlanda, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, ir-Renju tan-Norveġja, il-Konfederazzjoni Żvizzera, ir-Repubblika tat-Turkija, ir-Repubblika tas-Serbja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

    L-Unjoni Ewropea hija Parti Kontraenti għall-Konvenzjonijiet.

    Il-pajjiżi li huma Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjonijiet, iżda li mhumiex membri tal-Unjoni, huma pajjiżi komuni ta’ tranżitu (“CTC”).

    2.2.Il-Kumitati Konġunti EU-CTC previsti

    Il-kompitu tal-Kumitati Konġunti EU-CTC huwa li jamministra l-Konvenzjonijiet u li jiżgura l-implimentazzjoni xierqa tagħhom. Permezz ta’ deċiżjoni, il-Kumitati jistiednu lill-pajjiżi terzi biex jaderixxu mal-Konvenzjonijiet.

    Id-deċiżjonijiet tal-Kumitati Konġunti EU-CTC jiġu adottati bil-ftehim reċiproku tal-Partijiet Kontraenti.

    2.3.Id-Deċiżjonijiet tal-Kumitati Konġunti EU-CTC

    L-Ukrajna xtaqet taderixxi għall-Konvenzjonijiet meta tkun ikkonformat mar-rekwiżiti legali, strutturali u tat-teknoloġija tal-informazzjoni, li huma prekundizzjonijiet għall-adeżjoni.

    F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(3) tal-Konvenzjoni dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-oġġetti u mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(3) tal-Konvenzjoni dwar il-Proċedura Komuni ta’ Tranżitu, il-Kumitati Konġunti EU-CTC għandhom, permezz ta’ deċiżjoni, jistiednu pajjiż terz skont it-tifsira tal-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 3(1)(c) rispettivament, biex jaderixxi għall-Konvenzjonijiet f’konformità mal-proċedura stabbilita, rispettivament, fl-Artikolu 11a u fl-Artikolu 15a.

    Il-Kumitati Konġunti EU-CTC iniedu tali stedina fejn il-pajjiż juri li huwa f’pożizzjoni li jikkonforma mar-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjonijiet.

    B’mandat mill-gruppi ta’ ħidma EU-CTC dwar it-tranżitu komuni u s-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ, fl-24 ta’ Ġunju 2022 tim ta’ monitoraġġ ikkonkluda li l-Ukrajna hija lesta li tingħaqad mal-Konvenzjonijiet. It-tim eżamina prinċipalment l-adattament tal-istrutturi meħtieġa għall-ġestjoni tal-proċedura u l-implimentazzjoni tas-Sistema Ġdida ta’ Tranżitu Kompjuterizzata (NCTS) li tippermetti l-applikazzjoni stabilità tal-Proċedura Komuni ta’ Tranżitu li l-kundizzjonijiet tal-istediniet ġew issodisfati, minkejja ċirkostanzi diffiċli għall-Ukrajna.

    Fis-sessjonijiet tagħhom li ġejjin jew permezz ta’ proċedura bil-miktub, il-Kumitati Konġunti EU-CTC qed jippjanaw li jadottaw l-abbozz tad-Deċiżjoni Nru 1/2022 tal-Kumitat Konġunt EU-CTC fuq is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-oġġetti u l-abbozz tad-Deċiżjoni Nru 2/2022 tal-Kumitat Konġunt EU-CTC dwar it-tranżitu komuni sabiex l-Ukrajna tiġi mistiedna taderixxi għall-Konvenzjonijiet.

    Id-Deċiżjonijiet tal-Kumitati Konġunti li jistiednu l-Ukrajna biex taderixxi mal-Konvenzjoni għandhom isiru vinkolanti għall-Partijiet Kontraenti f’konformità mal-Artikolu 2 ta’ dawk id-Deċiżjonijiet li jipprevedi li “Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fil-jum tal-adozzjoni tagħha”.

    F’konformità mal-Artikolu 11(3) tal-Konvenzjoni dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-oġġetti u l-Artikolu 15(3) tal-Konvenzjoni dwar il-Proċedura Komuni ta’ Tranżitu, dawn it-tip ta’ deċiżjonijiet għandhom jiddaħħlu fis-seħħ mill-Partijiet Kontraenti f’konformità mal-leġiżlazzjoni tagħhom stess.

    3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

    Il-pożizzjoni proposta hija favorevoli għal stedina lill-Ukrajna biex taderixxi mal-Konvenzjonijiet.

    Il-Komunikazzjoni tal-2001 tal-Kummissjoni Ewropea lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar Strateġija biex il-pajjiżi kandidati jitħejjew għall-adeżjoni mal-Konvenzjonijiet KE-EFTA tal-1987 dwar il-Proċedura Komuni ta’ Tranżitu u fuq is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-oġġetti, segwita mill-Komunikazzjoni tal-2010 tal-Kummissjoni Ewropea lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar Strateġija għat-tħejjija ta’ ċerti pajjiżi ġirien għall-adeżjoni maż-żewġ Konvenzjonijiet u mill-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ April 2011 li jikkonfermaw l-approċċ adottat fiż-żewġ Komunikazzjonijiet, jipprevedu appoġġ għal għadd ta’ pajjiżi fl-isforzi tagħhom biex jissieħbu fil-Konvenzjonijiet.

    L-adeżjoni għall-Konvenzjonijiet hija parti mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna, kif ukoll mill-istrateġija ta’ qabel l-adeżjoni tal-Ukrajna għall-Unjoni Ewropea. F’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna, dan se jwassal għal allinjament tal-“aquis” tal-UE fiż-żona ta’ tranżitu doganali.

    L-għan huwa li jiġi ffaċilitat il-kummerċ bejn l-Ukrajna, l-Unjoni Ewropea u pajjiżi komuni ta’ tranżitu oħra. Dawn l-istediniet jenħtieġ li jirriżultaw f’benefiċċji sostanzjali u tanġibbli għan-negozjanti u għall-amministrazzjonijiet doganali billi jissimplifikaw il-formalitajiet ta’ tranżitu u dawk doganali, inaqqsu l-kostijiet, jiffaċilitaw il-moviment tal-oġġetti u possibbilment iżidu l-kummerċ.

    L-istediniet mill-Kumitati Konġunti EU-CTC huma konformi mal-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni għas-sħubija tal-Ukrajna fl-Unjoni Ewropea u l-approvazzjoni ta’ dik l-opinjoni mill-Kunsill Ewropew fit-23 ta’ Ġunju 2022 li ta l-istatus ta’ pajjiż kandidat lill-Ukrajna. Dan se jipprovdi sinjal tanġibbli tal-perspettiva Ewropea għall-Ukrajna.

    L-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna tagħmilha saħansitra aktar urġenti għall-Ukrajna li taderixxi għall-Konvenzjonijiet biex tiffaċilita l-moviment tal-oġġetti mill-fruntieri tagħha b’mod effiċjenti peress li xi rotot tat-trasport huma mblukkati u, għaldaqstant, hemm oħrajn kkonġestjonati.

    Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi lill-Kunsill pożizzjoni favorevoli min-naħa tal-Unjoni għall-adeżjoni tal-Ukrajna mal-Konvenzjonijiet.

    Id-deċiżjonijiet proposti huma konsistenti mal-politiki tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma tal-kummerċ u t-trasport.

    4.Bażi ġuridika

    4.1.Bażi ġuridika proċedurali

    4.1.1.Prinċipji

    L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

    L-Artikolu 11(3) tal-Konvenzjoni dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-oġġetti u l-Artikolu 15(3) tal-Konvenzjoni dwar il-Proċedura Komuni ta’ Tranżitu jistipulaw li l-Kumitat Konġunt EU-CTC b’deċiżjoni jistiednu pajjiż terz skont l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 3(1)(c) rispettivament, biex jaderixxi mal-Konvenzjonijiet.

    4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

    Il-Kumitat Konġunt EU-CTC huwa korp stabbilit mill-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-oġġetti u l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni dwar il-Proċedura Komuni ta’ Tranżitu.

    Id-Deċiżjonijiet li l-Kumitat Konġunt EU-CTC huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att li għandu effetti legali. Dawk id-Deċiżjonijiet se jkunu vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-oġġetti u l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni dwar il-Proċedura Komuni ta’ Tranżitu.

    L-atti previsti ma jissupplimentawx u ma jemendawx il-qafas istituzzjonali tal-Konvenzjonijiet.

    Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

    4.2.Bażi ġuridika sostantiva

    4.2.1.Prinċipji

    Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwarhom tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

    4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

    L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni.

    Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207 tat-TFUE.

    4.3.Konklużjoni

    Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 207 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

    2022/0218 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt tal-EU-CTC stabbilit bil-Konvenzjoni tal-20 ta’ Mejju 1987 dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-oġġetti u tal-Kumitat Konġunt tal-EU-CTC stabbilit bil-Konvenzjoni tal-20 ta’ Mejju 1987 dwar il-Proċedura Komuni ta’ Tranżitu fir-rigward ta’ stediniet lill-Ukrajna biex taderixxi ma’ dawk il-Konvenzjonijiet

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Il-Konvenzjoni tal-20 ta’ Mejju 1987 dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-oġġetti 3 u l-Konvenzjoni tal-20 ta’ Mejju 1987 dwar il-Proċedura Komuni ta’ Tranżitu 4 (“il-Konvenzjonijiet”) ġew konklużi bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja, Ir-Repubblika tal-Iżlanda, ir-Renju tan-Norveġja, ir-Renju tal-Iżvezja u l-Konfederazzjoni Żvizzera fl-20 ta’ Mejju 1987 u daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1988.

    (2)L-Ukrajna esprimiet ix-xewqa tagħha li taderixxi għall-Konvenzjonijiet ladarba tkun ikkonformat mar-rekwiżiti marbuta mal-adeżjoni tagħha.

    (3)Skont l-Artikolu 11(3) tal-Konvenzjoni dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-oġġetti, il-Kumitat Konġunt EU-CTC stabbilit minn dik il-Konvenzjoni b’deċiżjoni jista’ jadotta stediniet lil pajjiżi terzi biex jaderixxu ma’ dik il-Konvenzjoni.

    (4)Skont l-Artikolu 15(3) tal-Konvenzjoni dwar il-Proċedura Komuni ta’ Tranżitu, il-Kumitat Konġunt EU-CTC stabbilit minn dik il-Konvenzjoni, b’deċiżjoni jista’ jadotta stediniet lil pajjiżi terzi biex jaderixxu ma’ dik il-Konvenzjoni.

    (5)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitati Konġunti stabbiliti mill-Konvenzjonijiet, peress li d-Deċiżjonijiet li jistiednu lill-Ukrajna taderixxi għall-Konvenzjonijiet se jkunu vinkolanti għall-Unjoni.

    (6)Il-Konvenzjonijiet huma parti mill-acquis tal-Unjoni u huma parti mill-istrateġija ta’ qabel l-adeżjoni għall-Ukrajna. Il-Konvenzjonijiet se jiżguraw proċeduri effiċjenti għall-qsim tal-fruntieri bejn l-Ukrajna u l-partijiet għall-Konvenzjonijiet.

    (7)L-istediniet huma konformi mal-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni għas-sħubija tal-Ukrajna għall-Unjoni Ewropea u l-approvazzjoni ta’ dik l-opinjoni mill-Kunsill Ewropew fit-23 ta’ Ġunju 2022 li tat l-istatus ta’ pajjiż kandidat lill-Ukrajna.

    (8)Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitati Konġunti stabbiliti mill-Konvenzjonijiet jenħtieġ li tkun favorevoli għal stedina għall-adeżjoni ma’ dawk il-Konvenzjonijiet u tkun ibbażata fuq l-abbozzi tad-Deċiżjonijiet li jirriflettu dik il-pożizzjoni,

    (9)F’konformità mal-Konvenzjonijiet, il-pajjiż terz li jiġi mistieden isir parti kontraenti għandu jagħmel dan billi jiddepożita strument ta’ adeżjoni u li l-adeżjoni għandha ssir effettiva fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-depożitu tal-istrument tal-adeżjoni.

    (10)Sabiex tiġi ffaċilitata l-adeżjoni f’waqtha tal-Ukrajna, huwa meħtieġ li din id-deċiżjoni tiġi adottata mingħajr dewmien.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt tal-EU-CTC stabbilit bil-Konvenzjoni tal-20 ta’ Mejju 1987 dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-oġġetti fir-rigward ta’ stedina lill-Ukrajna biex taderixxi ma’ dik il-Konvenzjoni, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni ta’ dak il-Kumitat Konġunt stabbilita fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt tal-EU-CTC stabbilit bil-Konvenzjoni tal-20 ta’ Mejju 1987 dwar il-Proċedura Komuni ta’ Tranżitu fir-rigward ta’ stedina lill-Ukrajna biex taderixxi ma’ dik il-Konvenzjoni, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni ta’ dak il-Kumitat Konġunt stabbilit fl-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    Wara l-adozzjoni tagħhom, id-Deċiżjonijiet tal-Kumitati Konġunti msemmija fl-Artikoli 1 u 2 għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    ĠU L 134, 22.05.1987, p. 52.
    (2)    ĠU L 226, 13.8.1987, p. 2.
    (3)    ĠU L 134, 22.5.1987, p. 2.
    (4)    ĠU L 226, 13.8.1987, p. 2.
    Top

    Brussell, 15.7.2022

    COM(2022) 345 final

    ANNESSI

    ta'

    Deċiżjoni tal-Kunsill

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt tal-EU-CTC stabbilit bil-Konvenzjoni tal-20 ta' Mejju 1987 dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-oġġetti u tal-Kumitat Konġunt tal-EU-CTC stabbilit bil-Konvenzjoni tal-20 ta' Mejju 1987 dwar il-Proċedura Komuni ta' Tranżitu fir-rigward ta' stediniet lill-Ukrajna biex taderixxi ma' dawk il-Konvenzjonijiet


    ANNESS I

    Proposta għal Deċiżjoni Nru 1/2022 tal-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Konvenzjoni tal-20 ta’ Mejju 1987 dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-oġġetti

    ta’ 2022 

    fir-rigward l-istedina lill-Ukrajna biex taderixxi ma’ dik il-Konvenzjoni  

    IL-KUMITAT KONĠUNT EU-CTC,

    Wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-20 ta’ Mejju 1987 dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-oġġetti 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3) tagħha,

    Billi:

    (1) L-Ukrajna esprimiet ix-xewqa tagħha li taderixxi mal-Konvenzjoni tal-20 ta’ Mejju 1987 dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-oġġetti (“il-Konvenzjoni”) fi [.....].

    (2) L-iskambju tal-oġġetti mal-Ukrajna jkun iffaċilitat permezz ta’ simplifikazzjoni tal-formalitajiet li jaffettwaw il-kummerċ tal-oġġetti bejn l-Ukrajna u l-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda, il-Maċedonja ta’ Fuq, in-Norveġja, l-Iżvizzera, it-Turkija, is-Serbja u r-Renju Unit.

    (3)    Bil-ħsieb li tinkiseb tali faċilitazzjoni, huwa xieraq li l-Ukrajna tiġi mistiedna biex taderixxi mal-Konvenzjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Ukrajna għandha tiġi mistiedna taderixxi mal-Konvenzjoni f’konformità mal-Artikolu 11a tal-Konvenzjoni, minn...

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi, 2022,

       

    Għall-Kumitat Konġunt EU-CTC

                               Il-President

                               Matthias PETSCHKE

    ANNESS II

    Proposta għal Deċiżjoni Nru 2/2022 tal-Kumitat Konġunt EU-CTC stabbilita bil-Konvenzjoni tal-20 ta’ Mejju 1987 dwar il-Proċedura Komuni ta’ Tranżitu

    ta’..... 2022

    fir-rigward l-istedina lill-Ukrajna biex taderixxi ma’ dik il-Konvenzjoni

    IL-KUMITAT KONĠUNT EU-CTC,

    Wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-20 ta’ Mejju 1987 dwar il-Proċedura Komuni ta’ Tranżitu 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 15(3)(e) tagħha,

    Billi:

    (1) L-Ukrajna esprimiet ix-xewqa tagħha li taderixxi mal-Konvenzjoni tal-20 ta’ Mejju 1987 dwar il-Proċedura Komuni ta’ Tranżitu (“il-Konvenzjoni”) fi [...].

    (2) Il-moviment tal-oġġetti mal-Ukrajna jkun iffaċilitat permezz ta’ Proċedura Komuni ta’ Tranżitu għall-oġġetti ttrasportat bejn l-Ukrajna u l-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda, il-Maċedonja ta’ Fuq, in-Norveġja, l-Iżvizzera, it-Turkija, is-Serbja u r-Renju Unit.

    (3)    Bil-ħsieb li tinkiseb tali faċilitazzjoni, huwa xieraq li l-Ukrajna tiġi mistiedna biex taderixxi mal-Konvenzjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Ukrajna għandha tiġi mistiedna taderixxi mal-Konvenzjoni f’konformità mal-Artikolu 15a tal-Konvenzjoni minn ...

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi, 2022.

                               

    Għall-Kumitat Konġunt EU-CTC

                               Il-President

                               Matthias PETSCHKE

    (1)    ĠU L 134, 22.5.1987, p.2.
    (2)    ĠU L 226, 13.8.1987, p.2.
    Top