IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 20.6.2022
COM(2022) 312 final
2022/0203(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-226 sessjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tal-adozzjoni prevista tal-Emenda 48 għall-Anness 6, Parti I tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Il-proposta tikkonċerna l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) dwar id-differenzi li għandhom jiġu nnotifikati lill-ICAO fir-rigward tal-Emenda 48 għall-Anness 6, Parti I tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li għandha tiġi adottata mill-Kunsill tal-ICAO fil-226 sessjoni tiegħu.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali
Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”) għandha l-għan li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru. Il-Konvenzjoni ta’ Chicago daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947 u stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali.
L-Istati Membri kollha tal-UE huma Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Chicago.
2.2.L-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali
L-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali hija aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti. L-għanijiet u l-objettivi tal-Organizzazzjoni huma li tiżviluppa l-prinċipji u t-tekniki tan-navigazzjoni internazzjonali bl-ajru u li trawwem l-ippjanar u l-iżvilupp tat-trasport internazzjonali bl-ajru.
Il-Kunsill tal-ICAO huwa korp permanenti tal-ICAO bi sħubija ta’ 36 Stat kontraenti eletti mill-Assemblea tal-ICAO għal perjodu ta’ tliet snin. Għall-perjodu 2019-2022, hemm seba’ Stati Membri tal-UE rrappreżentati fil-Kunsill tal-ICAO.
Il-funzjonijiet obbligatorji tal-Kunsill tal-ICAO, elenkati fl-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, jinkludu l-adozzjoni ta’ standards internazzjonali u prattiki rakkomandati (SARPs), iddeżinjati bħala Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.
Skont l-Artikolu 90 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kwalunkwe tali Anness jew kwalunkwe emenda ta’ Anness għandha ssir effettiva fi żmien tliet xhur minn meta tiġi ppreżentata lill-Istati kontraenti tal-ICAO, jew fi tmiem perjodu itwal skont kif il-Kunsill tal-ICAO jista’ jippreskrivi, sakemm sadanittant ma jkunx hemm maġġoranza ta’ Stati kontraenti tal-ICAO li jirreġistraw id-diżapprovazzjoni tagħhom.
Wara l-adozzjoni ta’ miżuri bħal dawn, l-Istati tal-ICAO huma meħtieġa jinnotifikaw id-diżapprovazzjoni tagħhom, kwalunkwe differenza jew il-konformità tagħhom mal-miżura qabel ma jidħlu fis-seħħ u jsiru vinkolanti legalment.
Skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kwalunkwe Stat li jsibha imprattikabbli li jikkonforma fl-aspetti kollha ma’ xi standard jew proċedura internazzjonali bħal dawn, jew li jġib ir-regolamenti jew il-prattiki tiegħu stess f’konformità sħiħa ma’ xi standard jew proċedura internazzjonali bħal dawn jew li jqis li huwa meħtieġ li jadotta regolamenti jew prattiki li jvarjaw f’xi aspett partikolari minn dawk stabbiliti minn standard internazzjonali, jenħtieġ li jinnotifika minnufih lill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali dwar id-differenzi bejn il-prattika tiegħu stess u dik stabbilita mill-istandard internazzjonali.
2.3.L-atti previsti tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u r-relazzjoni tagħhom mar-regoli eżistenti tal-Unjoni
Matul il-226 sessjoni tiegħu, il-Kunsill tal-ICAO mistenni jadotta l-Emenda 48 għall-Parti I tal-Anness 6 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago relatata mal-mezzi biex jiġi lokalizzat ajruplan f’diffikultà.
2.3.1.Standards fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Emenda 48 għall-Parti I tal-Anness 6 tal-ICAO
L-istandard 6.18.1 tal-Parti I tal-Anness 6 tal-ICAO jirrikjedi li l-ajruplani kollha b’massa massima ċċertifikata waqt il-qtugħ mill-art ta’ aktar minn 27 000 kg li għalihom iċ-ċertifikat individwali tal-ajrunavigabbiltà jkun inħareġ għall-ewwel darba fl-1 ta’ Jannar 2023 jew wara, għandhom jittrażmettu b’mod awtonomu informazzjoni li minnha l-operatur ikun jista’ jiddetermina pożizzjoni mill-inqas darba kull minuta, meta jkunu f’diffikultà.
L-għan tal-istandard 6.18.1, kif iddikjarat fil-Parti I tal-Anness 6 tal-ICAO, l-Appendiċi 9, huwa li tiġi stabbilita l-lokazzjoni ta’ post tal-aċċident f’raġġ ta’ 6 mili nawtiċi.
L-istandard 6.18.1 tal-Parti I tal-Anness 6 tal-ICAO ġie traspost fil-punt CAT.GEN.MPA.210 tal-Anness IV (il-Parti-CAT) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 (“ir-regoli tal-UE dwar l-operat bl-ajru”), li jirrikjedi dan li ġej:
“L-ajruplani li ġejjin għandhom ikunu mgħammra b’mezzi awtomatiċi u robusti biex, wara li jkun seħħ inċident u l-ajruplan ikun ġarrab ħsara konsiderevoli, jiddeterminaw il-punt eżatt fejn tkun intemmet it-titjira:
(1)l-ajruplani kollha b’MCTOM ta’ iktar minn 27 000 kg, b’MOPSC ta’ iktar minn 19 u li jkun inħarġilhom CofA individwali għall-ewwel darba fl-1 ta’ Jannar 2023 jew wara; u
(2)l-ajruplani kollha b’MCTOM ta’ aktar minn 45 500 kg u li jkun inħarġilhom CofA individwali għall-ewwel darba fl-1 ta’ Jannar 2023 jew wara.”
2.3.2.Bidliet introdotti bl-abbozz tal-Emenda 48 għall-Parti I tal-Anness 6 tal-ICAO
L-abbozz tal-Emenda 48 għall-Parti I tal-Anness 6 tal-ICAO jipposponi d-data tal-applikabbiltà tal-istandard 6.18.1 għall-1 ta’ Jannar 2025 (minflok l-1 ta’ Jannar 2023) u jirrestrinġi l-applikabbiltà tiegħu għall-ajruplani li jkun inħarġilhom CofA individwali għall-ewwel darba fl-1 ta’ Jannar 2024 jew wara (minflok l-ajruplani li jkun inħarġilhom CofA individwali għall-ewwel darba fl-1 ta’ Jannar 2023 jew wara). Ir-raġunijiet ewlenin għall-proposta ta’ dawn il-bidliet huma:
·dewmien sinifikanti li jġarrbu l-manifatturi tal-inġenji tal-ajru kollha kkonċernati madwar id-dinja biex jgħammru l-ajruplani bit-tagħmir meħtieġ,
·dewmien sinifikanti fl-istabbiliment tal-infrastruttura ta’ komunikazzjoni għall-konformità mal-istandard 2.4 tal-Appendiċi 9, u l-kisba tal-kapaċità operattiva sħiħa tagħha, u
·ma jkunx hemm żmien biżżejjed biex iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni tas-salvataġġ u l-unitajiet tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru jħejju u jadattaw il-proċeduri tagħhom.
Nota: il-mezz aċċettabbli ta’ konformità għall-punt CAT.GEN.MPA.210 fih kundizzjonijiet li huma aktar stretti fir-rigward tar-robustezza u l-preċiżjoni minn dawk speċifikati fil-Parti I, 6.18 tal-Anness 6 u fl-Appendiċi 9 tal-ICAO. Il-manifatturi tal-inġenji tal-ajru jimmiraw li jarmaw l-ajruplani tagħhom b’tagħmir li jissodisfa kemm l-istandard 6.18.1 tal-ICAO kif ukoll il-punt CAT.GEN.MPA.210, sabiex dawn l-ajruplani jkunu jistgħu jitħaddmu fl-UE u madwar id-dinja mingħajr modifika jew restrizzjoni. Dan imbagħad żied b’mod sinifikanti l-ammont ta’ xogħol meħtieġ għad-disinn u ċ-ċertifikazzjoni ta’ dak it-tagħmir.
3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
3.1.Il-bidliet prinċipali u r-relazzjoni tagħhom mar-regoli eżistenti tal-Unjoni
L-abbozz tal-Emenda 48 għall-Anness 6 tal-ICAO jipposponi d-data tal-applikabbiltà tal-istandard 6.18.1 tal-Parti I tal-Anness 6 tal-ICAO b’sentejn:
“6.18.1 Mill-1 ta’ Jannar 2025, l-ajruplani kollha b’massa massima ċċertifikata waqt il-qtugħ mill-art ta’ aktar minn 27 000 kg li għalihom iċ-ċertifikat individwali tal-ajrunavigabbiltà jkun inħareġ għall-ewwel darba fl-1 ta’ Jannar 2024 jew wara, għandhom jittrażmettu b’mod awtonomu informazzjoni li minnha l-operatur jista’ jiddetermina pożizzjoni mill-inqas darba kull minuta, meta jkunu f’diffikultà, f’konformità mal-Appendiċi 9.”
3.2.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Il-manifatturi kollha tal-inġenji tal-ajru qed jiltaqgħu ma’ dewmien sinifikanti fil-proċess biex jikkonformaw mal-istandard 6.18.1 tal-Parti I tal-Anness 6 tal-ICAO u mal-punt CAT.GEN.MPA.210 tar-regoli tal-UE dwar l-operat tal-ajru. Iż-żamma tad-data attwali tal-applikabbiltà aktarx se twassal biex ħafna operaturi tal-inġenji tal-ajru bbażati fl-UE jkollhom jitolbu eżenzjonijiet temporanji għall-ajruplani kkonsenjati fl-2023 u jwettqu modifika retroattiva tat-tagħmir li tiswa ħafna flus. Tali eżenzjonijiet temporanji jaf ikollhom jiġu estiżi sal-2024 biex jagħtu biżżejjed żmien biex l-ajruplani kollha kkonċernati jiġu mmodifikati b’mod retroattiv. Barra minn hekk, il-kapaċità operattiva sħiħa tal-infrastruttura ta’ komunikazzjoni u l-prontezza sħiħa tal-unitajiet tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru u taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni tas-salvataġġ jaf ma jilħqux jinkisbu qabel l-2024. L-operaturi tal-inġenji tal-ajru bbażati fl-UE ftit għandhom ingranaġġ biex iħaffu l-implimentazzjoni tal-istandard 6.18.1 tal-ICAO u tal-punt CAT.GEN.MPA.210.
Il-bidla proposta fid-data tal-applikabbiltà tal-istandard 6.18.1 tal-Parti I tal-Anness 6 tal-ICAO għandha impatt limitat fuq is-sikurezza tal-avjazzjoni, peress li dan l-istandard tal-ICAO huwa biss waħda mill-miżuri meħuda mill-ICAO biex tiffaċilita l-lokalizzazzjoni tal-inġenji tal-ajru f’diffikultà. Il-biċċa l-kbira tal-ajruplani li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-istandard 6.18.1 għandhom jiġu ttraċċati wkoll mill-operatur meta jtiru fuq żoni oċeaniċi skont l-istandard 3.5.3 tal-Parti I tal-Anness 6 tal-ICAO (traspost fil-punt CAT.GEN.MPA.205 tar-regoli tal-UE dwar l-operat bl-ajru) u li jkunu mgħammra b’żewġ trażmettituri ta’ lokalizzazzjoni ta’ emerġenza skont l-istandard 6.17.3 tal-Parti I tal-Anness 6 tal-ICAO (traspost fil-punt CAT.IDE.A.280 tar-regoli tal-UE dwar l-operat bl-ajru).
Għalhekk, jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-proposta li tiġi posposta d-data tal-applikabbiltà tal-istandard 6.18.1 tal-Parti I tal-Anness 6 tal-ICAO.
4.bażi ġuridika
4.1.Bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika irrispettivament minn jekk l-Unjoni tkunx membru tas-sede jew parti għall-ftehim.
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li għandhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola s-sede inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni”.
4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
Il-Kunsill tal-ICAO huwa korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”).
F’konformità mal-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO jadotta Standards u Prattiki Rakkomandati internazzjonali, iddeżinjati bħala Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. Dawn huma atti li għandhom effetti legali. Ċerti effetti legali ta’ dawn l-atti jistgħu jiddependu fuq is-sottomissjoni ta’ notifika tad-differenzi, u fuq it-termini ta’ dawk in-notifiki. Għalhekk, l-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward ta’ notifiki bħal dawn taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
L-att previst jista’ jinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE, jiġifieri l-punt CAT.GEN.MPA.210 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012.
4.2.Bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u fuq il-kontenut tal-att adottat li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att adottat ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att adottat għandhom x’jaqsmu mal-politika tat-trasport komuni.
Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 100(2) tat-TFUE.
4.3.Konklużjoni
Il-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta hija l-Artikolu 100(2) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
2022/0203 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-226 sessjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tal-adozzjoni prevista tal-Emenda 48 għall-Anness 6, Parti I tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”) li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru, daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947. Hija stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO).
(2)L-Istati Membri huma Stati Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Chicago u membri tal-ICAO, filwaqt li l-Unjoni għandha status ta’ osservatur f’ċerti korpi tal-ICAO. Bħalissa hemm seba’ Stati Membri rrappreżentati fil-Kunsill tal-ICAO.
(3)Skont l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO jista’ jadotta Standards u Prattiki Rakkomandati (“SARPs”) internazzjonali, u jiddeżinjahom bħala Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.
(4)Skont l-Artikolu 90 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kwalunkwe tali Anness jew kwalunkwe emenda ta’ Anness għandhom isiru effettivi fi żmien tliet xhur minn meta tiġi ppreżentata lill-Istati Kontraenti tal-ICAO, jew fl-aħħar ta’ tali perjodu itwal li l-Kunsill tal-ICAO jista’ jippreskrivi, sakemm sadanittant ma jkunx hemm maġġoranza ta’ Stati Kontraenti tal-ICAO li jirreġistraw id-diżapprovazzjoni tagħhom.
(5)Skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kull Stat li jsibha imprattikabbli li jikkonforma fl-aspetti kollha ma’ xi standard jew proċedura internazzjonali bħal dawn jew li jqis li huwa meħtieġ li jadotta regolamenti jew prattiki li jvarjaw f’xi aspett partikolari minn dawk stabbiliti minn standard internazzjonali, jenħtieġ li jinnotifika minnufih lill-ICAO dwar id-differenzi bejn il-prattika tiegħu stess u dik stabbilita mill-istandard internazzjonali.
(6)Il-Kunsill tal-ICAO, fil-226 sessjoni tiegħu, għandu jadotta l-Emenda 48 għall-Anness 6, Parti I għall-Konvenzjoni ta’ Chicago.
(7)L-iskop ewlieni tal-Emenda 48 għall-Anness 6, Parti I mistenni jipposponi d-data tal-applikabbiltà tal-istandard 6.18.1 għall-1 ta’ Jannar 2025.
(8)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-226 sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO fir-rigward tal-Emenda 48 prevista għall-Anness 6, Parti I. Din il-pożizzjoni jenħtieġ li tkun li tappoġġa din l-emenda u tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, li jaġixxu b’mod konġunt f’isem l-Unjoni.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-226 sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO, jew f’xi sessjoni sussegwenti tiegħu, għandha tkun ta’ appoġġ għall-Emenda 48 proposta għall-Parti I tal-Anness 6 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fl-intier tagħha.
Artikolu 2
Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, li jaġixxu b’mod konġunt f’isem l-Unjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President