Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022PC0282

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-adozzjoni tal-euro mill-Kroazja fl-1 ta’ Jannar 2023

    COM/2022/282 final

    Brussell, 1.6.2022

    COM(2022) 282 final

    2022/0179(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar l-adozzjoni tal-euro mill-Kroazja fl-1 ta’ Jannar 2023


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Fit-3 ta' Mejju 1998, il-Kunsill iddeċieda li l-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Portugall, l-Awstrija u l-Finlandja kienu ssodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro fl-1 ta' Jannar 1999. Id-Danimarka u r-Renju Unit użaw il-klawżoli ta’ nonparteċipazzjoni tagħhom u għaldaqstant ma ġewx evalwati mill-Kunsill. Il-Kunsill qies il-Greċja u l-Iżvezja bħala Stati Membri b'deroga.

    Fid-19 ta' Ġunju 2000 il-Kunsill iddeċieda li l-Greċja kienet issodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa biex tadotta l-euro fl-1 ta' Jannar 2001. Il-pajjiżi li daħlu fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Mejju 2004 (ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja) saru Stati Membri b'deroga f'konformità mal-Artikolu 4 tal-Att tal-Adeżjoni rispettiv.

    Fil-11 ta' Lulju 2006, il-Kunsill iddeċieda li s-Slovenja kienet issodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa biex tadotta l-euro fl-1 ta' Jannar 2007.

    Il-Bulgarija u r-Rumanija, li daħlu fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Jannar 2007, saru Stati Membri b'deroga f'konformità mal-Artikolu 5 tal-Att tal-Adeżjoni rispettiv.

    Fl-10 ta’ Lulju 2007 il-Kunsill iddeċieda li Ċipru u Malta kienu ssodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jadottaw l-euro fl-1 ta’ Jannar 2008.

    Fit-8 ta’ Lulju 2008 il-Kunsill iddeċieda li s-Slovakkja kienet issodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa biex tadotta l-euro mill-1 ta’ Jannar 2009.

    Fit-13 ta’ Lulju 2010 il-Kunsill iddeċieda li l-Estonja kienet issodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa biex tadotta l-euro fl-1 ta’ Jannar 2011.

    Il-Kroazja daħlet fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Lulju 2013 u saret Stati Membru b'deroga f'konformità l-Artikolu 5 tal-Att tal-Adeżjoni rispettiv.

    Fid-9 ta’ Lulju 2013 il-Kunsill iddeċieda li l-Latvja kienet issodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa biex tadotta l-euro mill-1 ta’ Jannar 2014.

    Fit-23 ta’ Lulju 2014 il-Kunsill iddeċieda li l-Litwanja kienet issodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa biex tadotta l-euro mill-1 ta’ Jannar 2015.

    L-Artikolu 140(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-Trattat”) jiddikjara li, mill-inqas darba kull sentejn jew b'talba ta’ Stat Membru b’deroga, il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew għandhom jirrapportaw lill-Kunsill dwar il-progress tal-Istati Membri b’deroga fl-issodisfar tal-obbligi tagħhom rigward il-kisba tal-unjoni ekonomika u monetarja.

    Fuq il-bażi tar-rapport tagħha u dak tal-BĊE, il-Kummissjoni jenħtieġ li tippreżenta proposta lill-Kunsill għal deċiżjoni tal-Kunsill, f'konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 140(2) tat-Trattat, biex tħassar id-deroga tal-Istati Membri li jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa.

    Kemm il-Kummissjoni kif ukoll ir-rapporti dwar il-konverġenza tal-BĊE ġew rilaxxati fl-1 ta’ Ġunju 2022. Ir-rapporti jinkludu eżami tal-kompatibbiltà bejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Kroazja, inklużi l-istatuti tal-bank ċentrali tagħha, u l-Artikoli 130 u 131 tat-Trattat u l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) u l-BĊE.

    Ir-rapporti jeżaminaw ukoll jekk jistax jintlaħaq livell għoli ta' konverġenza sostenibbli b'referenza għas-sodisfar tal-kriterji ta' konverġenza min-naħa ta' kull Stat Membru, u jqisu bosta fatturi oħra previsti fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 140(1).

    Fir-rapport dwar il-konverġenza tagħha, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Kroazja tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-euro.

    Fuq il-bażi tar-rapport tagħha u dak tal-BĊE, il-Kummissjoni adottat il-proposta annessa għal Deċiżjoni tal-Kunsill biex id-deroga tal-Kroazja titħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2023.

    2.RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

    Qed isiru diskussjonijiet mal-Istati Membri dwar l-isfidi ta' politika ekonomika fl-Istati Membri taħt temi differenti fuq bażi regolari fil-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju u (KEF) l-ECOFIN/il-Grupp tal-Euro. Dawn jinkludu diskussjonijiet informali dwar kwistjonijiet rilevanti b'mod speċifiku għat-tħejjija ta' dħul eventwali fiż-Żona tal-Euro (inklużi l-politiki dwar ir-rata tal-kambju). Isir djalogu mal-akkademiċi u gruppi oħra interessati f'konferenzi/seminars u fuq bażi ad hoc.

    L-iżviluppi ekonomiċi fiż-Żona tal-Euro u fl-Istati Membri huma vvalutati permezz tad-diversi proċeduri tal-koordinazzjoni u s-sorveljanza tal-politika ekonomika (notevolment skont l-Artikolu 121 tat-Trattat), kif ukoll fil-kuntest tal-monitoraġġ u l-analiżi tal-Kummissjoni ta' żviluppi speċifiċi għall-pajjiż u għaż-żona kollha (inklużi tbassiriet, sensiela ta' pubblikazzjonijiet regolari, kontribut lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (KEF) u lill-ECOFIN/Grupp tal-Euro). F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità u f’konformità mal-prassi tal-imgħoddi, ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt formali.

    3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

    3.1.Bażi ġuridika

    Il-bażi ġuridika ta’ din il-proposta preżenti hija l-Artikolu 140(2) tat-Trattat, li jistabbilixxi l-proċedura għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tal-euro u għat-tħassir tad-deroga fl-Istati Membri kkonċernati.

    Il-Kunsill għandu jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, wara diskussjoni fil-Kunsill Ewropew u wara li jkun irċieva rakkomandazzjoni ta’ maġġoranza kkwalifikata ta’ dawk fost il-membri tiegħu li jirrappreżentaw Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

    3.2.Sussidjarjetà u proporzjonalità

    Il-proposta taqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

    Din l-inizjattiva preżenti ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex tikseb l-objettiv tagħha, u għalhekk, hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

    3.3.Għażla tal-istrument legali

    Deċiżjoni hija l-uniku strument legali xieraq skont l-Artikolu 140(2) tat-Trattat.

    4.IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

    Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

    2022/0179 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar l-adozzjoni tal-euro mill-Kroazja fl-1 ta’ Jannar 2023

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 140(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea( 1 )

    Wara li kkunsidra r-rapport tal-Bank Ċentrali Ewropew( 2 )

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra d-diskussjoni fil-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro,

    Billi:

    (1)It-tielet stadju tal-unjoni ekonomika u monetarja (“UEM”) beda fl-1 ta' Jannar 1999. Il-Kunsill, fil-laqgħa tiegħu fi Brussell fit-3 ta' Mejju 1998 fil-kompożizzjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew Gvern, iddeċieda li l-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Portugall u l-Finlandja kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro fl-1 ta' Jannar 1999( 3 ).

    (2)Permezz tad-Deċiżjoni 2000/427/KE( 4 ) il-Kunsill iddeċieda li l-Greċja ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro fl-1 ta' Jannar 2001. Permezz tad-Deċiżjoni 2006/495/KE( 5 ) il-Kunsill iddeċieda li s-Slovenja ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro fl-1 ta' Jannar 2007. Permezz tad-Deċiżjonijiet 2007/503/KE( 6 ) u 2007/504/KE( 7 ) il-Kunsill iddeċieda li Ċipru u Malta ssodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro fl-1 ta' Jannar 2008. Permezz tad-Deċiżjoni 2008/608/KE( 8 ) il-Kunsill iddeċieda li s-Slovakkja ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro. Permezz tad-Deċiżjoni 2010/416/UE( 9 ) il-Kunsill iddeċieda li l-Estonja ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro. Permezz tad-Deċiżjoni 2013/387/UE( 10 ) il-Kunsill iddeċieda li l-Latvja ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro. Permezz tad-Deċiżjoni 2014/509/UE( 11 ) il-Kunsill iddeċieda li l-Litwanja ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro.

    (3)F'konformità mal-paragrafu 1 tal-Protokoll dwar ċerti dispożizzjonijiet rigward id-Danimarka anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u d-Deċiżjoni meħuda mill-Kapijiet ta’ Stat jew Gvern f’Edinburgu f’Diċembru 1992, id-Danimarka nnotifikat lill-Kunsill li ma kinitx ser tieħu sehem fit-tielet fażi tal-UEM. Id-Danimarka ma talbitx li tinbeda l-proċedura msemmija fl-Artikolu 140(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

    (4)Permezz tad-Deċiżjoni 98/317/KE l-Iżvezja għandha deroga kif definit fl-Artikolu 139(1) TFUE. F'konformità mal-Artikolu 4 tal-Att ta' Adeżjoni tal-2003( 12 ), ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija u l-Polonja għandhom deroga kif definit fl-Artikolu 139(1) TFUE. F'konformità mal-Artikolu 5 tal-Att ta' Adeżjoni tal-2005( 13 ) , il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom deroga kif definit fl-Artikolu 139(1) TFUE. F'konformità mal-Artikolu 5 tal-Att ta' Adeżjoni tal-2012( 14 ), il-Kroazja għandha deroga kif definit fl-Artikolu 139(1) TFUE.

    (5)Il-Bank Ċentrali Ewropew (“BĊE”) ġie stabbilit fl-1 ta' Lulju 1998. Is-Sistema Monetarja Ewropea ġiet sostitwita minn mekkaniżmu tar-rati tal-kambju, li t-twaqqif tiegħu ġie miftiehem permezz ta' riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar it-twaqqif ta' mekkaniżmu tar-rati tal-kambju fit-tielet fażi tal-unjoni ekonomika u monetarja tas-16 ta' Ġunju 1997( 15 ). Il-proċeduri għal mekkaniżmu tar-rati tal-kambju fit-tielet fażi tal-unjoni ekonomika u monetarja (ERM II) ġew stabbiliti fil-Ftehim tas-16 ta' Marzu 2006 bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri barra ż-Żona tal-Euro li jistabbilixxi l-proċeduri operattivi għal mekkaniżmu tar-rati tal-kambju fit-tielet fażi tal-unjoni ekonomika u monetarja( 16 ).

    (6)L-Artikolu 140(2) TFUE jistabbilixxi l-proċeduri għat-tħassir tad-deroga tal-Istati Membri kkonċernati. Mill-inqas darba kull sentejn, jew b'talba ta' Stat Membru b'deroga, il-Kummissjoni u l-BĊE għandhom jirrappurtaw lill-Kunsill f'konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 140(1) TFUE.

    (7)Il-leġiżlazzjoni nazzjonali fl-Istati Membri, inklużi l-istatuti tal-banek ċentrali nazzjonali, għandha tiġi adattata skont il-ħtieġa bil-għan li tiġi żgurata l-kompatibbiltà mal-Artikoli 130 u 131 TFUE u mal-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (“Statuti tas-SEBĊ u tal-BĊE”). Ir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE jagħtu evalwazzjoni dettaljata tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni tal-Kroazja mal-Artikoli 130 u 131 tat-Trattat u mal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE.

    (8)F'konformità mal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 13 dwar il-kriterji ta' konverġenza msemmija fl-Artikolu 140 TFUE, il-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet imsemmi fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 140(1) TFUE ifisser li l-prestazzjoni ta' Stat Membru fir-rigward tal-prezzijiet tkun sostenibbli u li r-rata ta' inflazzjoni tiegħu tkun medja, osservata matul perjodu ta' sena qabel l-analiżi, li ma tkunx taqbeż b'iżjed minn punt perċentwali u nofs dik ta’ mhux aktar mit-tliet Stati Membri bl-aħjar prestazzjoni fl-istabbiltà tal-prezzijiet. Għall-finijiet tal-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet, l-inflazzjoni titkejjel permezz tal-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur (harmonised index of consumer prices, HICPs) definit fir-Regolament (UE) Nru 2016/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill( 17 ). Għall-valutazzjoni tal-kriterju tal-istabbiltà tal-prezzijiet, l-inflazzjoni ta' Stat Membru titkejjel permezz tal-bidla perċentwali fil-medja aritmetika ta' 12-il indiċi mensili relattivament għall-medja aritmetika ta' 12-il indiċi mensili mill-perjodu ta' qabel. Fir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE ntuża valur referenzjarju kkalkulat bħala l-medja aritmetika sempliċi tar-rati ta' inflazzjoni tat-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f'dik li hija l-istabbiltà tal-prezzijiet, bl-addizzjoni ta' 1,5 punti perċentwali. Fil-perjodu ta’ sena li jagħlaq f’April 2022, il-valur referenzjarju tal-inflazzjoni ġie kkalkulat li kien 4,9 fil-mija, bi Franza, il-Finlandja u l-Greċja bħala t-tliet Stati Membri bl-aħjar prestazzjoni f’dik li hi l-istabbiltà ta’ prezzijiet, b’rati ta’ inflazzjoni ta’ 3,2 fil-mija, 3,3 fil-mija u 3,6 fil-mija, rispettivament. Huwa meħtieġ li jiġu esklużi mil-lista tal-pajjiżi bl-aħjar riżultati dawk il-pajjiżi li r-rati ta’ inflazzjoni tagħhom ma jistgħux jiġu meqjusa bħala valur referenzjarju sinifikanti għal Stati Membri oħra. Fil-passat tali pajjiżi kienu identifikati fir-Rapporti dwar il-Konverġenza tal-2004, l-2010, l-2013, l-2014 u l-2016. Bħalissa huwa ġustifikat li Malta u l-Portugall jiġu esklużi mill-pajjiżi bl-aħjar prestazzjoni( 18 ). Għall-kalkolu tal-valur ta’ referenza, huma sostitwiti minn Finlandja u l-Greċja, l-Istati Membri b’rati ta’ inflazzjoni medja li jmiss l-aktar baxxi.

    (9)F'konformità mal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 13, il-kriterju dwar il-pożizzjoni baġitarja tal-gvern imsemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 140(1) TFUE ifisser li meta ssir l-analiżi, l-Istat Membru ma jkunx is-suġġett ta' deċiżjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 126(6) TFUE dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv.

    (10)F'konformità l-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 13, il-kriterju dwar il-parteċipazzjoni fil-mekkaniżmu tar-rati tal-kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea li jissemma fit-tielet inċiż tal-Artikolu 140(1) TFUE jeħtieġ li Stat Membru jkun ikkonforma mal-marġnijiet normali ta' fluttwazzjoni li jipprovdi għalihom il-mekkaniżmu tar-rati tal-kambju (exchange-rate mechanism, ERM) tas-Sistema Monetarja Ewropea mingħajr tensjonijiet severi għal tal-anqas l-aħħar sentejn qabel l-analiżi. B'mod partikolari, l-Istat Membru ma jridx ikun żvaluta r-rata bilaterali ċentrali tal-munita tiegħu kontra l-euro fuq inizjattiva tiegħu stess għall-istess perjodu. Mill-1 ta' Jannar 1999, l-ERM II jipprovdi l-qafas għall-valutazzjoni tat-twettiq tal-kriterju tar-rata tal-kambju. Fl-evalwazzjoni tas-sodisfar ta’ dan il-kriterju fir-rapporti tagħhom, il-Kummissjoni u l-BĊE eżaminaw il-perjodu ta’ sentejn li ntemm fit-18 ta’ Mejju 2022.

    (11)F'konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 13, il-kriterju ta' konverġenza tar-rati ta' imgħax li jissemma fir-raba' inċiż tal-Artikolu 140(1) TFUE jeħtieġ li, fuq osservazzjoni matul perjodu ta' sena qabel l-analiżi, Stat Membru kellu medja tar-rati ta' imgħax nominali fuq perjodu fit-tul li ma taqbiżx b'aktar minn żewġ punti perċentwali dik ta', l-aktar, it-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f'termini ta' stabbiltà tal-prezzijiet. Il-kriterju użat biex tiġi vvalutata l-konverġenza tar-rati tal-imgħax kien kumparabbli fuq bonds tal-gvern ta’ referenza ta’ għaxar snin. Fir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE, sabiex jiġi vvalutat it-twettiq tal-kriterju tar-rati ta' interess, tqies il-valur referenzjarju kkalkulat bħala l-medja aritmetika sempliċi tar-rati ta' interessi nominali fuq perjodu fit-tul tat-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f'dik li hija l-istabbiltà tal-prezzijiet, bl-addizzjoni ta' żewġ punti perċentwali. Il-valur referenzjarju huwa bbażat fuq ir-rati tal-imgħax fuq perjodu fit-tul fi Franza (0,3 fil-mija), il-Finlandja (0,2 fil-mija) u l-Greċja (1,4 fil-mija) u fil-perjodu ta' sena li ntemm f'April 2022 kien ta’ 2,6 fil-mija.

    (12)F'konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 13, id-data użata fil-valutazzjoni tal-issodisfar tal-kriterji ta' konverġenza għandha tiġi pprovduta mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni pprovdiet dik id-data. Il-Kummissjoni tat data baġitarja wara li l-Istati Membri rrappurtaw qabel l-1 ta’ April 2022, f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009.( 19 )

    (13)Fuq il-bażi tar-rapporti li ġew ippreżentati mill-Kummissjoni u l-BĊE dwar il-progress li sar mill-Kroazja fl-issodisfar tal-obbligi tagħha fir-rigward tal-ksib tal-unjoni ekonomika u monetarja, ġie konkluż li:

    (a)Fil-Kroazja, il-leġiżlazzjoni nazzjonali, inkluż l-Istatut tal-bank ċentrali nazzjonali, hija kompatibbli mal-Artikoli 130 u 131 tat-Trattat u mal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE.

    (b)fir-rigward tas-sodisfar, min-naħa tal-Kroazja, tal-kriterji ta' konverġenza msemmija fl-erba' inċiżi tal-Artikolu 140(1) TFUE:

    ir-rata medja tal-inflazzjoni fil-Kroazja f’għeluq is-sena f’April 2022 kienet ta’ 4,7 fil-mija li hija aktar baxxa mill-valur referenzjarju, u x’aktarx tibqa’ taħt il-valur referenzjarju fix-xhur li ġejjin;

    Il-Kroazja mhijiex is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv.

    Il-Kroazja ilha membru tal-ERM II mill-10 ta’ Lulju 2020; Matul is-sentejn ta’ qabel il-valutazzjoni, ir-rata tal-kambju tal-kuna (HRK) ma kinitx soġġetta għal tensjonijiet serji u l-Kroazja ma żvalutatx ir-rata ċentrali bilaterali tal-HRK meta mqabbla mal-euro b'inizjattiva tagħha stess,

    fis-sena li għalqet f’April 2022, ir-rata tal-imgħax fit-tul fil-Kroazja kienet, fil-medja, 0,8 fil-mija, li huwa ferm taħt il-valur referenzjarju.

    (c)fid-dawl tal-valutazzjoni tal-kompatibbiltà legali u tat-twettiq tal-kriterji ta' konverġenza kif ukoll il-fatturi addizzjonali, il-Kroazja tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Kroazja tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro. Id-deroga favur il-Kroazja msemmija fl-Artikolu 5 tal-Att ta' Adeżjoni tal-2012 tintemm b'effett mill-1 ta' Jannar 2023.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1) ()    Ir-Rapport tal-1 ta’ Ġunju 2022, (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).
    (2) ()    Ir-Rapport tal-1 ta’ Ġunju 2022, (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).
    (3) ()    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/317/KE tat-3 ta' Mejju 1998 f'konformità mal-Artikolu 109j(4) tat-Trattat (ĠU L 139, 11.5.1998, p. 30).
    (4) ()    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/427/KE tad-19 ta’ Ġunju 2000 f'konformità mal-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar l- adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta’ Jannar 2001 min-naħa tal-Greċja (ĠU L 167, 7.7.2000, p. 19).
    (5) ()    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/495/KE tal-11 ta' Lulju 2006 f'konformità mal-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta' Jannar 2007 min-naħa tas-Slovenja (ĠU L 195, 15.7.2006, p. 25).
    (6) ()    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/503/KE tal-10 ta' Lulju 2007 f'konformità mal-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni minn Ċipru tal-munita unika fl-1 ta' Jannar 2008 (ĠU L 186, 18.7.2007, p. 29).
    (7) ()    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/504/KE tal-10 ta' Lulju 2007 f'konformità mal-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni minn Malta tal-munita unika fl-1 ta' Jannar 2008 (ĠU L 186, 18.7.2007, p. 32).
    (8) ()    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/608/KE tat-8 ta' Lulju 2008 f'konformità mal-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni mis-Slovakkja tal-munita unika fl-1 ta' Jannar 2009 (ĠU L 195, 24.7.2008, p. 24).
    (9) ()    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/416/UE tat-13 ta' Lulju 2010 f'konformità mal-Artikolu 140(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni tal-euro fl-Estonja fl-1 ta' Jannar 2011, ĠU L 196, 28.7.2010, p. 24).
    (10) ()    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/387/UE tad-9 ta’ Lulju 2013 dwar l-adozzjoni tal-euro fil-Latvja fl-1 ta’ Jannar 2014 (ĠU L 195, 18.7.2013, p. 24).
    (11) ()    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/509/UE tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-adozzjoni tal-euro mil-Litwanja fl-1 ta’ Jannar 2014 (ĠU L 228, 31.7.2014, p. 29).
    (12) ()    ĠU L 236, 23.9.2003, p. 33.
    (13) ()    ĠU L 157, 21.6.2005, p. 203.
    (14) ()    ĠU L 112, 24.4.2012, p. 21.
    (15) ()    ĠU C 236, 2.8.1997, p. 5.
    (16) ()    ĠU C 73, 25.3.2006, p. 21.
    (17) ()    Ir-Regolament (UE) 2016/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur u l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet tad-djar, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 (ĠU L 135, 24.05.2016, p. 11).
    (18) ()    F'April 2022, ir-rata ta' inflazzjoni medja fuq 12-il xahar ta’ Malta u l-Portugall kienu 2,1 % u 2,6 % rispettivament u dik taż-żona tal-euro 4,4 %.
    (19) ()    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta' Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1).
    Top