EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022PC0201

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni minn Franza – EGF/2022/001 Air France

COM/2022/201 final

Brussell, 10.5.2022

COM(2022) 201 final

2022/0143(BUD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni minn Franza – EGF/2022/001 Air France


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) huma stipulati fir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 1 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ir-Regolament dwar il-FEG).

2.Fil-21 ta’ Jannar 2022, Franza ressqet l-applikazzjoni EGF/2022/001 FR/Air France għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara s-sensji f’Air France 2 fi Franza.

3.Wara l-valutazzjoni li għamlet ta’ din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li, f’konformità mad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tar-Regolament tal-FEG, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ġew issodisfati.

SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI

L-applikazzjoni tal-FEG

EGF/2022/001 FR/Air France

Stat Membru

Franza

Reġjuni l-aktar ikkonċernati (il-livell 2 tan-NUTS 3 )

Île de France (FR10) 4  

Id-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni

21 ta’ Jannar 2022

Id-data tal-konferma tal-wasla tal-applikazzjoni

21 ta’ Jannar 2022

Id-data tat-talba għal informazzjoni addizzjonali

4 ta’ Frar 2022

L-iskadenza għall-għoti tal-informazzjoni addizzjonali

25 ta’ Frar 2022

L-iskadenza għat-tlestija tal-valutazzjoni

12 ta’ Mejju 2022

Il-kriterju ta’ intervent

L-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament tal-FEG


L-intrapriża primarja

Air France


In-numru ta’ intrapriżi kkonċernati

3

Is-settur(i) tal-attività ekonomika

(Id-Diviżjoni NACE Reviżjoni 2) 5

Diviżjoni 33 (Tiswija u installazzjoni ta’ makkinarju u tagħmir)
Diviżjoni 51 (Trasport bl-ajru)

Il-perjodu ta’ referenza (erba’ xhur):

1 ta’ Lulju 2021 – 1 ta’ Novembru 2021

In-numru ta’ sensji matul il-perjodu ta’ referenza (a)

282

In-numru ta’ sensji qabel jew wara l-perjodu ta’ referenza (b)

1 298

In-numru totali ta’ sensji (a + b)

1 580

In-numru totali ta’ benefiċjarji eliġibbli

1 580

In-numru totali ta’ benefiċjarji fil-mira

1 580

Il-baġit għal servizzi personalizzati (EUR)

20 873 656

Il-baġit għall-implimentazzjoni tal-FEG 6 (EUR)

00 000 000

Il-baġit totali (EUR)

20 873 656

Il-kontribuzzjoni tal-FEG (85 %) (EUR)

17 742 607

VALUTAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONI

Proċedura

4.Franza ressqet l-applikazzjoni EGF/2022/001 FR/Air France fi żmien 12-il ġimgħa mid-data li fiha ġew issodisfati l-kriterji tal-intervent stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-FEG, fil-21 ta’ Jannar 2022. Il-Kummissjoni kkonfermat il-wasla tal-applikazzjoni fl-istess data u talbet informazzjoni addizzjonali mingħand Franza fl-4 ta’ Frar 2022. Tali informazzjoni addizzjonali ngħatat fi żmien 15-il jum ta’ xogħol mit-talba. L-iskadenza ta’ 50 jum ta’ xogħol mir-riċevuta tal-applikazzjoni mimlija li fihom il-Kummissjoni jenħtieġ li tiffinalizza l-valutazzjoni tagħha tal-konformità tal-applikazzjoni mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, tiskadi fit-12 ta’ Mejju 2022.

L-eliġibbiltà tal-applikazzjoni

L-intrapriżi u l-benefiċjarji kkonċernati

5.L-applikazzjoni hija relatata ma’ 282 ħaddiem issensjati li l-attività tagħhom f’Air France waqfet. L-intrapriża topera fis-settur ekonomiku kklassifikat skont id-Diviżjoni 51 tan-NACE Reviżjoni 2 (Trasport bl-ajru). Is-sensji f’Air France jinsabu fi 12-il reġjun Franċiż tal-livell 2 tan-NUTS fi Franza kontinentali 7 u f’erba’ reġjuni Franċiżi tal-livell 2 tan-NUTS barra mill-pajjiż 8 .

Il-kriterji ta’ intervent

6.Franza ressqet l-applikazzjoni skont il-kriterji ta’ intervent tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament tal-FEG, li jirrikjedi l-waqfien tal-attività ta’ mill-anqas 200 ħaddiem issensjat fuq perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur f’intrapriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema ssensjati f’fornituri u fi produtturi downstream u / jew persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet.

7.Il-perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur għall-applikazzjoni jibda mill-1 ta’ Lulju 2021 sal-1 ta’ Novembru 2021. Matul il-perjodu ta’ referenza kien hemm 282 ħaddiem issensjat f’Air France. 

Kalkolu tas-sensji u tal-waqfien ta’ attività

8.Il-waqfien tal-attivitajiet tal-282 ħaddiem issensjat tul il-perjodu ta’ referenza ġie kkalkolat mid-data tan-notifika individwali tal-impjegatur dwar it-tkeċċija jew it-terminazzjoni tal-kuntratt tal-impjieg tal-ħaddiema.

Benefiċjarji eliġibbli

9.Minbarra l-ħaddiema li diġà ssemmew, il-benefiċjarji eleġibbli jinkludu 1 298 ħaddiem issensjat qabel jew wara l-perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur. Dawn il-ħaddiema kollha waqqfu l-attività tagħhom fi żmien sitt xhur qabel il-bidu tal-perjodu ta’ referenza fl-1 ta’ Lulju 2021 u/jew bejn it-tmiem tal-perjodu ta’ referenza u l-jum qabel l-adozzjoni ta’ din il-proposta. Tista’ tiġi stabbilita rabta kawżali ċara mal-avveniment li wassal għat-twaqqif mill-attività tal-ħaddiema ssensjati matul il-perjodu ta’ referenza.

10.L-għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli huwa ta’ 1 580.

Deskrizzjoni tal-avvenimenti li wasslu għas-sensji u għall-waqfien mill-attivitajiet

11.L-avvenimenti li wasslu għal dawn is-sensji huma riżultat tal-kriżi ekonomika globali mhux mistennija kkawżata mill-pandemija. Il-kriżi tal-COVID-19 affettwat b’mod sever u f’daqqa lil Air France, bħal kwalunkwe linja tal-ajru oħra, u ġiegħlitha tnaqqas l-offerta tat-titjiriet tagħha minħabba l-għeluq tal-fruntieri u t-tnaqqis fl-ivvjaġġar bl-ajru.

12.Minbarra t-tnaqqis qawwi fl-introjtu u fit-traffiku b’movimenti kważi noneżistenti fil-bidu tal-pandemija, il-COVID-19 qed tikkawża kriżi fit-tul fit-trasport bl-ajru. Fi Franza, il-PDG naqas bi 8 % fl-2020 9 u minkejja żieda ta’ 7 % fl-2021, għadu ma huwiex fil-livelli ta’ qabel il-pandemija. It-tnaqqis fl-introjtu disponibbli għall-unitajiet domestiċi qed ikollu impatt fuq l-infiq fuq l-ivvjaġġar. Barra minn hekk, it-telexogħol u r-rekwiżiti ġodda tas-saħħa u tal-ambjent qed iqajmu dubji dwar ir-relazzjoni mat-trasport bl-ajru, li jista’ jirriżulta f’bidla fl-imġiba tal-klijenti fit-tul. Għalhekk, l-irkupru tat-trasport bl-ajru huwa mistenni li jkun bil-mod u inċert. Air France tistenna li tilħaq 95 % tal-offerta tagħha ta’ qabel il-pandemija fl-2023.

13.Fil-bidu tal-kriżi, Air France kienet qed titlef fluss ta’ flus ta’ EUR 450 miljun kull xahar. L-intrapriża kienet tispiċċa f’insolvenza u ma kinitx tkun tista’ tħallas is-salarji li kieku ma kisbitx EUR 7 biljun f’self garantit mill-Istat. Madankollu, is-self waħdu ma kienx ikun biżżejjed biex tingħeleb is-sitwazzjoni mingħajr miżuri addizzjonali, bħal operazzjonijiet ta’ tnaqqis, definizzjoni mill-ġdid tan-network domestiku, u simplifikazzjoni tal-funzjonijiet ta’ appoġġ (bħall-kummerċjalizzazzjoni, il-komunikazzjonijiet, ir-riżorsi umani, eċċ.). Dawn il-miżuri wasslu għal tnaqqis fil-persunal.

Impatt mistenni tal-għoti tas-sensji fir-rigward tal-ekonomija lokali, reġjonali jew nazzjonali u l-impjiegi

14.Ir-reġjun ta’ Île-de-France kien l-aktar affettwat mis-sensji f’Air France, peress li 57 % tas-sensji seħħew f’dan it-territorju.

15.L-awtoritajiet Franċiżi jispjegaw li d-deterjorament tas-suq tax-xogħol f’Île de France, bħal fil-bqija ta’ Franza, kien konsegwenza tal-kriżi sanitarja, u b’mod partikolari l-ewwel konfinament (is-17 ta’ Marzu — l-10 ta’ Mejju 2020) li matulu kważi l-attività ekonomika kollha waqfet.

16.Fil-bidu tal-miżuri personalizzati fl-ewwel trimestru tal-2021, immedjatament wara l-ewwel mewġa ta’ sensji, ir-rata tal-qgħad kienet ta’ 7,7 % 10 f’Île de France. Kien hemm aktar minn miljun (1 056 950) persuna rreġistrata li qed tfittex xogħol 11 , jiġifieri żieda ta’ 8 % sena wara sena. L-għadd ta’ persuni li qed ifittxu impjieg żdied b’9,2 % għall-irġiel u b’6,7 % għan-nisa 12 . Kważi nofs (49,8 %) tat-total kienu persuni li qed ifittxu impjieg fit-tul (aktar minn 12-il xahar), 4 punti perċentwali (pp) aktar milli fl-ewwel trimestru tal-2020.

17.Is-sitwazzjoni tal-impjiegi fi Franza 13 tjiebet minn meta seħħew is-sensji u beda l-appoġġ. L-għadd ta’ persuni li qed ifittxu impjieg naqas b’5,8 % fir-raba trimestru tal-2021 sena wara sena 14 , filwaqt li f’Île de France għad hemm kważi miljun persuna li qed ifittxu impjieg li huma rreġistrati (994 110 fir-raba’ trimestru tal-2021) 15 , minkejja tnaqqis b’6,1 % sena wara sena 16 . Minkejja t-tnaqqis bi 3,9 % matul is-sena, dawk li ilhom ifittxu impjieg xorta jirrappreżentaw 49,3 % tal-għadd totali ta’ persuni li qed ifittxu impjieg (jiġifieri 1,2 pp aktar milli fir-raba’ trimestru tal-2020) 17 .

18.L-amministrazzjoni tax-xogħol Franċiża speċifikat li r-ristrutturar ta’ Air France affettwa l-bilanċ tal-impjiegi fit-territorji kkonċernati. Konsegwentement, hija nnotifikat lill-intrapriża bl-obbligi tagħha rigward ir-rivitalizzazzjoni tal-impjiegi f’tali territorji. L-intrapriża trid tipprovdi azzjonijiet bħall-għajnuna diretta għall-impjieg, il-finanzjament ta’ studji prospettivi, il-kontribuzzjoni finanzjarja għall-fondi reċiproċi għar-rivitalizzazzjoni fir-reġjun, eċċ. 18 imfassla biex jippromwovu attivitajiet ekonomiċi ġodda u l-ħolqien ta’ impjiegi li jagħmlu tajjeb għal dawk li ntilfu.

Applikazzjoni tal-Qafas tal-UE dwar il-Kwalità għall-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar (QFR)

19.Franza ddeskriviet kif tqiesu r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fil-Qafas ta’ Kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni ta’ bidla u ta’ ristrutturar: skont il-Kodiċi tax-Xogħol Franċiż, kumpanija in bonis (jiġifieri mhux f’likwidazzjoni) li timpjega 1 000 impjegat jew aktar hija responsabbli li tħallas lill-persunal li ngħata s-sensja bħala konsegwenza tar-ristrutturar organizzazzjonali l-kostijiet kollha tal-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol li jakkumpanjawha. Intervent mill-awtoritajiet pubbliċi huwa previst biss ladarba jintemmu l-miżuri pprovduti mill-intrapriża li tat is-sensja.

20.Franza infurmat li Air France stabbiliet pakkett estensiv ta’ miżuri attivi tas-suq tax-xogħol immirati biex jgħinu lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja. F’kooperazzjoni ma’ konsulenza esterna ta’ rikollokament (Alixio Mobilité u Sodesi), Air France stabbiliet punt ta’ informazzjoni ta’ gwida (Espaces d’information, d’accompagnement et de conseil), bħala l-ewwel punt ta’ kuntatt għall-ħaddiema kkonċernati. F’dan il-punt ta’ informazzjoni, il-ħaddiema mhux biss jirċievu l-ewwel gwida dwar il-perspettivi, iżda huma wkoll megħjuna fl-isforzi tagħhom sabiex jipparteċipaw f’miżuri ta’ taħriġ, jew sabiex isibu impjieg ġdid.

21.Fir-rigward tal-attivitajiet li twettqu għall-assistenza tal-ħaddiema ssensjati, Franza indikat li l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ akkumpanjament attivi tas-suq tax-xogħol parti mill-obbligu legali ta’ Air France bdiet immedjatament wara s-sensji.

Kumplimentarjetà ma’ azzjonijiet iffinanzjati minn fondi nazzjonali jew tal-Unjoni

22.Franza kkonfermat li l-miżuri deskritti hawn taħt li jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma humiex se jirċievu wkoll kontribuzzjonijiet finanzjarji minn strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni.

Proċeduri għall-konsultazzjoni tal-benefiċjarji fil-mira jew tar-rappreżentanti tagħhom jew tas-sħab soċjali kif ukoll tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

23.Franza indikat li l-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati tfassal f’konsultazzjoni mal-persunal u mar-rappreżentanti tal-union. F’serje ta’ laqgħat bejn Air France u SNPNC 19 , UNAC 20 , UNSA-PNC 21 , CFDT 22 , FO 23 , u CFE/CGC 24 , il-partijiet tan-negozjati fasslu l-pakkett ta’ miżuri biex jgħinu lill-impjegati kkonċernati. Dawn iċ-ċikli ta’ negozjati interni bdew fit-8 ta’ Lulju 2020 u ntemmu fit-28 ta’ Mejju 2021 25 .

Il-benefiċjarji fil-mira u l-azzjonijiet proposti

Il-benefiċjarji fil-mira

24.Il-ħaddiema kollha ssensjati huma mistennija li jipparteċipaw fil-miżuri. It-tqassim ta’ dawn il-ħaddiema skont il-ġeneru, il-grupp ta’ età u l-livell edukattiv huwa kif ġej:

Kategorija

In-numru ta’
benefiċjarji mistennija

Il-ġeneru:

Irġiel:

695

(44,0 %)

Nisa:

885

(56,0 %)

Mhux binarji

0

(0,0 %)

Grupp ta’ età:

Taħt it-30 sena:

21

(1,3 %)

Bejn it-30 u l-54 sena:

1 073

(67,9 %)

Aktar minn 54 sena:

486

(30,8 %)

Il-livell ta’ edukazzjoni

Edukazzjoni sekondarja tal-ewwel livell jew anqas 26  

65

(4,1 %)

Edukazzjoni sekondarja tat-tieni livell 27 jew post-sekondarja 28

1 051

(66,5 %)

Edukazzjoni terzjarja 29

464

(29,4 %)

25.Hemm 96 ħaddiem b’diżabilità.

Il-miżuri proposti

26.Il-miżuri li għalihom l-awtoritajiet Franċiżi jfittxu kofinanzjament tal-FEG huma relatati mal-estensjoni tad-durata tal-liv għar-riallokazzjoni (“congé de reclassement”) 30 , lil hinn mill-obbligu legali tal-intrapriża. Din il-miżura hija maħsuba għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja u għall-ħaddiema li fiż-żmien tat-tluq volontarju tagħhom, kien għad ma kellhom l-ebda pjan preċiż għar-riallokazzjoni u xtaqu jibbenefikaw minn miżuri ta’ taħriġ mill-ġdid, pariri, gwida jew assistenza għall-istabbiliment jew għall-akkwiżizzjoni ta’ negozju, eċċ.

27.Is-servizzi personalizzati li jridu jiġu pprovduti lill-ħaddiema ssensjati jikkonsistu fil-miżuri li ġejjin:

Servizzi ta’ konsulenza u gwida vokazzjonali: Il-ħaddiema ssensjati se jirċievu gwida għall-karriera u se jiġu megħjuna fit-tfittxija tagħhom għal impjieg, jew jirċievu gwida biex jibdew in-negozju tagħhom stess f’każ li jkollhom l-għan li jibdew in-negozju tagħhom stess. Il-parteċipanti se jirċievu konsulenza u gwida vokazzjonali, għajnuna għat-tfittix ta’ impjieg, coaching, informazzjoni dwar it-taħriġ disponibbli, u promozzjoni tal-intraprenditorija. Fi ħdan din il-miżura, il-ħaddiema se jiġu pprovduti b’opportunitajiet ta’ rikollokament li jirriżultaw minn tfittxija attiva ta’ impjieg imwettqa minn speċjalisti u megħjuna jagħżlu offerti ta’ impjieg, iħejju intervisti, eċċ. Konsulenti speċjalizzati se jgħinu lill-ħaddiema li għandhom l-għan li jaħdmu għal rashom, jieħdu f’idejhom negozju jew joħolqu negozju bit-tfassil ta’ pjan ta’ direzzjoni tan-negozju, ifittxu finanzjament u servizzi oħra ta’ akkumpanjament lejn l-intraprenditorija.

Taħriġ: Il-ħaddiema se jiġu proposti varjetà ta’ taħriġ ta’ aġġornament jew taħriġ mill-ġdid li jkun mfassal għall-ħtiġijiet tagħhom, kif identifikat mill-konsulenti li jkunu qed jipprovdu s-servizzi konsultattivi. Il-ħaddiema li għandhom l-għan li jaħdmu għal rashom se jiġu offruti taħriġ lejn il-ħolqien tan-negozju pprovdut minn Sodesi (PASS CREA), mill-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija, jew mill-Kamra tas-Snajja u l-Artiġjanat.

Kontribuzzjoni għall-ħolqien tan-negozju. Ħaddiema li jibdew in-negozju tagħhom (akkwiżizzjoni ta’ negozju jew negozju ġdid) se jirċievu sa EUR 15 000 biex ikopru l-kostijiet tal-bidu, l-investiment fl-assi u n-nefqa kurrenti. Il-kontribuzzjoni se titħallas fi tliet pagamenti parzjali bbażati fuq l-ilħuq ta’ stadji importanti predefiniti. L-ewwel pagament ta’ EUR 3 000 se jitħallas hekk kif tiġi ppreżentata prova tal-istabbiliment jew tal-akkwist ta’ negozju, bħall-irċevuta tar-reġistrazzjoni 31 . It-tieni u t-tielet pagament ta’ EUR 6 000 kull wieħed, mal-preżentazzjoni tal-ewwel u t-tieni dikjarazzjoni ta’ attività lill-RSI 32 , li tindika fatturat ta’ mill-inqas EUR 200 u EUR 500 rispettivament għal persuni li jaħdmu għal rashom u għal sidien uniċi; jew mal-preżentazzjoni ta’ ċertifikat maħruġ minn kontabilist ikkwalifikat, li jindika fatturat ta’ mill-inqas EUR 500 u EUR 1 000 rispettivament għall-intrapriżi 33 .

   Benefiċċji għar-reklutaġġ. L-SMEs li jimpjegaw ex ħaddiem ta’ Air France b’kuntratt permanenti jew b’kuntratt għal terminu fiss ta’ mill-inqas sitt xhur, se jirċievu sa xahrejn ta’ pagi u kontribuzzjonijiet tal-impjegatur, u parti mill-kostijiet tat-taħriġ biex persuna tadatta għall-impjieg il-ġdid, fejn ikun meħtieġ tali taħriġ.

Benefiċċji ta’ impjieg mill-ġdid malajr. Il-ħaddiema li jirritornaw malajr għall-impjieg b’kuntratt permanenti jew temporanju ta’ mill-inqas sitt xhur se jirċievu benefiċċju ugwali għall-benefiċċju għat-tfittix ta’ impjieg 34 li kienu jirċievu kieku ma sabux l-impjieg. L-ammont ma jistax jaqbeż l-ekwivalenti ta’ erba’ xhur ta’ benefiċċju għal meta persuna tkun qed tfittex impjieg.

Żidiet mas-salarju. Din il-miżura għandha l-għan li toffri inċentiv sabiex jiġu aċċettati impjiegi ġodda (permanenti jew terminu fiss għal mill-inqas sitt xhur), anke jekk is-salarju tal-impjieg il-ġdid li jinstab ikun aktar baxx milli fl-impjieg preċedenti. Il-benefiċċju se jkun ugwali għad-differenza bejn is-salarji sa EUR 600 fix-xahar għal massimu ta’ 30 xahar 35 , jew sa EUR 375 36 fix-xahar għal massimu ta’ 48 xahar 37 . Fi kwalunkwe każ, it-total għal kull ħaddiem ma jistax jaqbeż EUR 18 000.

28.L-azzjonijiet proposti deskritti hawnhekk jikkostitwixxu miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli, stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament tal-FEG. Dawn l-azzjonijiet ma jissostitwixxux miżuri passivi ta’ protezzjoni soċjali.

29.Franza infurmat li Air France regolarment toffri taħriġ għall-persunal tagħha fejn tingħata attenzjoni lill-ħiliet diġitali u l-ħiliet meħtieġa f’ekonomija effiċjenti fir-riżorsi, bħala parti mill-“Pjan ta’ Żvilupp tal-Ħiliet” tagħha. It-taħriġ ipprovdut fuq il-pjattaformi ta’ taħriġ diġitali ta’ Air France jibqa’ disponibbli għall-ħaddiema spostati għad-durata tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-miżuri tal-FEG.

30.Franza pprovdiet l-informazzjoni meħtieġa dwar miżuri li huma obbligatorji għall-intrapriża kkonċernata permezz tal-liġi nazzjonali jew skont il-ftehimiet kollettivi. Huma kkonfermaw li kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma hijiex se tissostitwixxi azzjonijiet bħal dawn.

Il-baġit stmat

31.Il-kostijiet totali stmati huma ta’ EUR 20 873 656, li jinkludu nefqa għal servizzi personalizzati biss. Franza ddeċidiet li tkopri n-nefqa għal attivitajiet preparatorji, ta’ ġestjoni, ta’ informazzjoni u ta’ pubbliċità, ta’ kontroll u ta’ rapportar bir-riżorsi proprji tagħhom.

32.Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali mitluba mill-FEG hija ta’ EUR 17 742 607 (85 % tal-kostijiet totali).

33.Il-prefinanzjament u l-kofinanzjament nazzjonali huma pprovduti minn Air France.

Miżuri

In-numru stmat ta’ parteċipanti

Il-kost stmat għal kull parteċipant
(EUR) 38

Il-kostijiet totali stmati

(EUR) 39  

Is-servizzi personalizzati (il-miżuri skont l-Artikolu 7(2)(a) tar-Regolament tal-FEG)

Servizzi ta’ konsulenza u gwida vokazzjonali
(
accompagnement congé de reclassement Alixio et Sodesi)

1 162

2 098

2 437 820

Taħriġ
(
formation)

805

2 815

2 266 400

Kontribuzzjoni għall-ħolqien ta’ negozju
(
prime à la création d’entreprise) 

591

15 000

8 865 000

Subtotal (a):

Il-perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati

13 569 220

(65,00 %)

Il-gratifiki u l-inċentivi (il-miżuri skont l-Artikolu 7(2)(b) tar-Regolament tal-FEG)

Benefiċċji għar-reklutaġġ
(
aide TPE - PME) 

46

5 296

243 608

Benefiċċju ta’ impjieg mill-ġdid malajr
(
indemnité de reclassement rapide/immédiat)

512

11 467

5 871 235

Żidiet mas-salarju
(
indemnité différentielle de rémunération) 

83

14 332

1 189 593

Subtotal (b):

Il-perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati:

7 304 436

(35,00 %)

L-attivitajiet skont l-Artikolu 7(5) tar-Regolament tal-FEG

1. L-attivitajiet preparatorji

0

2. Il-maniġment

0

3. Informazzjoni u pubbliċità

0

4. Il-kontroll u r-rapportar

0

Subtotal (c):

Il-perċentwal tal-kostijiet totali:

0

(0,00 %)

Il-kostijiet totali (a + b + c):

20 873 656

Kontribuzzjoni tal-FEG (85 % tal-kostijiet totali)

17 742 607

34.Il-kostijiet tal-miżuri identifikati fit-tabella ta’ hawn fuq bħala azzjonijiet skont l-Artikolu 7(2)(b) tar-Regolament tal-FEG ma jaqbżux il-35 % tal-kostijiet totali tal-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati. Franza kkonfermat li dawn il-miżuri huma kondizzjonali fuq il-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira f’attivitajiet ta’ tiftix tal-impjieg jew ta’ taħriġ.

35.Franza kkonfermat li l-kostijiet tal-investimenti għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, in-negozji l-ġodda u l-akkwiżizzjonijiet minn impjegati ma humiex se jaqbżu t-EUR 22 000 għal kull benefiċjarju.

Perjodu ta’ eliġibbiltà tan-nefqa

36.Franza bdiet tipprovdi s-servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fl-1 ta’ Frar 2021. Għalhekk, in-nefqa fuq il-miżuri se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-1 ta’ Frar 2021 sa 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Finanzjament.

37.Franza bdiet iġġarrab in-nefqa amministrattiva biex timplimenta l-FEG fis-6 ta’ Jannar 2021, iżda ddeċidiet li tkopriha bir-riżorsi proprji tagħha.

Sistemi ta’ ġestjoni u kontroll

38.L-applikazzjoni fiha deskrizzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll li tispeċifika r-responsabbiltajiet tal-korpi involuti. Franza infurmat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita mid-Délégation générale à l’emploi et à la formation professionnelle (DGEFP) tal-Ministeru għax-Xogħol, l-Impjiegi, it-Taħriġ Vokazzjonali u d-Djalogu Soċjali, b’mod partikolari mill-unità Fonds national de l’emploi (DGEFP - MFNE). Il-pagamenti se jingħataw fl-iskema tad-DGEFP mill-unità Affaires financières (DGEFP - MAFI). Il-Commission Interministérielle de coordination des contrôles (CICC) hija l-awtorità tal-awditjar Franċiża għall-FEG. Air France se tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-miżuri. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Franċiżi se jikkonkludu ftehim ta’ sħubija ma’ Air France.

L-impenji pprovduti mill-Istat Membru kkonċernat

39.Franza pprovdiet l-assigurazzjonijiet kollha meħtieġa fir-rigward ta’ dawn li ġejjin:

il-prinċipji tal-ugwaljanza tat-trattament u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-miżuri proposti u għall-implimentazzjoni tagħhom,

ir-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi ġew issodisfati,

Air France, li ssoktat bl-attivitajiet tagħha wara s-sensji, ikkonformat mal-obbligi legali tagħha u pprovdiet għall-ħaddiema tagħha kif xieraq,

kwalunkwe finanzjament doppju se jiġi evitat,

il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta baġitarja

40.Il-FEG ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 186 miljun (il-prezzijiet tal-2018), kif stipulat fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 40 .

41.Wara li eżaminat l-applikazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament tal-FEG, u wara li qieset l-għadd ta’ benefiċjarji fil-mira, il-miżuri proposti u l-kostijiet stmati, il-Kummissjoni tipproponi li l-FEG jiġi mmobilizzat għall-ammont ta’ EUR 17 742 607, li jirrappreżenta 85 % tal-kostijiet totali tal-miżuri proposti, sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni.

42.Id-deċiżjoni proposta għall-mobilizzazzjoni tal-FEG se tittieħed b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, kif stabbilit fil-punt 9 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda 41 .

Atti relatati

43.Fl-istess waqt li tippreżenta din il-proposta għal deċiżjoni sabiex jiġi mmobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni se tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, proposta għal trasferiment tal-ammont ta’ EUR 15 645 511 42 għal-linja baġitarja rilevanti.

44.Fl-istess ħin li adottat din il-proposta għal deċiżjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar kontribuzzjoni finanzjarja li tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament skont it-tifsira tal-Artikolu 110 tar-Regolament Finanzjarju 43 . Dik id-deċiżjoni ta’ finanzjament se tidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Kummissjoni tiġi nnotifikata bl-approvazzjoni tat-trasferiment baġitarju mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

2022/0143 (BUD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni minn Franza – EGF/2022/001 Air France

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 44 , u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda 45 , u b’mod partikolari l-punt 9 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) għandu l-għan li juri solidarjetà u li jippromwovi impjieg deċenti u sostenibbli fl-Unjoni billi jipprovdi appoġġ għall-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u għal dawk li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet fil-każ ta’ avvenimenti kbar ta’ ristrutturar u jgħinhom jirritornaw għal xogħol deċenti u impjieg sostenibbli mill-aktar fis possibbli.

(2)L-FEG ma għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta’ EUR 186 miljun (il-prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 46 .

(3)Fil-21 ta’ Jannar 2022, Franza ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward tas-sensji tal-ħaddiema ta’ Air France fi Franza. Din ġiet issupplimentata b’informazzjoni addizzjonali pprovduta f’konformità mal-Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) 2021/691. Dik l-applikazzjoni tikkonforma mal-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 2021/691.

(4)Għalhekk, il-FEG jenħtieġ li, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta’ EUR 17 742 607 fir-rigward tal-applikazzjoni ppreżentata minn Franza.

(5)Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, din id-deċiżjoni jenħtieġ li tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja tal-2022, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati għandu jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi l-ammont ta’ EUR 17 742 607 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Hija għandha tapplika minn [id-data tal-adozzjoni tagħha] 47*.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    ĠU L 153, 3.5.2021, p. 48.
(2)    Is-sensji seħħew f’Air France u fi tnejn mis-sussidjarji tagħha, Hop u Hop training.
(3)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni 2019/1755 tat-8 ta’ Awwissu 2019 li jemenda l-Annessi tar-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS). ĠU L 270, 24.10.2019, p. 1–56.
(4)    Reġjuni oħra kkonċernati huma Alsace (FRF1), Aquitaine (FRI1), Auvergne (FRK1), Bretagne (FRH0), Corse (FRM0), Languedoc Roussillon (FRJ1), Midi Pyrénées (FRJ2), Nord Pas de Calais (FRE1), Pays de la Loire (FRG0), Provence Alpes Côte d’Azur (FRL0), Rhône Alpes (FRK2), Guadeloupe (FRY1), Martinique (FRY2), Guyane (FRY3) u La Réunion (FRY4).
(5)    ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1.
(6)    F’konformità mal-ħames paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2021/691.
(7)    Ile de France (FR10), Nord Pas de Calais (FRE1), Alsace (FRF1), Pays de la Loire (FRG0), Bretagne (FRH0), Aquitaine (FRI1), Languedoc Roussillon (FRJ1), Midi Pyrénées (FRJ2), Auvergne (FRK1), Rhône Alpes (FRK2), Provence Alpes Côte d’Azur (FRL0) u Corse (FRM0).
(8)    Guadeloupe (FRY1), Martinique (FRY2), Guyane (FRY3) u La Réunion (FRY4)
(9)     https://www.insee.fr/fr/statistiques/5387891
(10)    https://www.insee.fr/fr/statistiques/serie/001515843
(11)     Persuni rreġistrati li kienu qed ifittxu impjieg f’Île de France fl-ewwel trimestru tal-2021
(12)    Ibid
(13)    Franza u d-dipartimenti-reġjuni ta’ barra l-pajjiż, għajr Mayotte.
(14)     Demandeurs d'emploi inscrits à Pôle emploi au 4e trimestre 2021
(15)     https://www.insee.fr/fr/statistiques/serie/010597557
(16)    L-informazzjoni dwar il-persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg f’Île-de-France fir-rigward tal-ewwel trimestru tal-2022 hija mistennija li tiġi ppubblikata fit-28 ta’ April 2022.
(17)     https://idf.drieets.gouv.fr/sites/idf.drieets.gouv.fr/IMG/pdf/defm_ile-de-france_2021t4.pdf
(18)     https://travail-emploi.gouv.fr/emploi-et-insertion/accompagnement-des-mutations-economiques/obligation-revitalisation-territoire
(19)    Syndicat National du Personnel Navigant Commercial (l-Unjoni Nazzjonali tal-Ekwipaġġ tat-Titjiriet Kummerċjali)
(20)    Union des Navigants de l’Aviation Civile (l-Unjoni tal-Ekwipaġġ tal-Avjazzjoni Ċivili)
(21)    Union Nationale des Syndicats Autonomes-Personnel Navigant Commercial (l-Unjoni Nazzjonali tat-Trade Unions Awtonomi - Ekwipaġġ tat-Titjiriet Kummerċjali)
(22)     Confédération Française Démocratique du Travail (il-Konfederazzjoni Demokratika Franċiża tax-Xogħol).
(23)    Confédération Générale du Travail - Force Ouvrière (il-Konfederazzjoni Ġenerali tax-Xogħol - il-Forza tal-Ħaddiema.
(24)    Confédération française de l’encadrement - Confédération générale des cadres (il-Konfederazzjoni Franċiża tat-Tmexxija – il-Konfederazzjoni Ġenerali tal-Eżekuttivi)
(25)    In-negozjati f’Air France mit-8 ta’ Lulju 2020 sat-18 ta’ Diċembru 2020, f’Hop mill-20 ta’ April 2021 sat-28 ta’ Mejju 2021 u f’Hop Training mit-28 ta’ Jannar 2021 sal-25 ta’ Marzu 2021.
(26)    ISCED 0-2
(27)    ISCED 3
(28)    ISCED 4
(29)    ISCED 5-8
(30)    Fir-rigward tal-liv għar-riallokazzjoni (“congé de reclassement”), l-Artikolu L1233-71 tal-Kodiċi tax-Xogħol Franċiż jipprevedi li kumpanija li timpjega aktar minn elf persuna hija meħtieġa li tipproponi l-miżuri stabbiliti fih għal mill-inqas erba’ xhur. Għalhekk, skont il-leġiżlazzjoni msemmija hawn fuq, il-perjodu mill-ħames xahar ma huwiex obbligatorju u jista’ jkun soġġett għal kontribuzzjoni mill-FEG f’konformità mal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2021/691. Air France ddeċidiet li tipproponi din il-miżura għal perjodu sa 12-il xahar. It-12-il xahar huma ssupplimentati minn tliet xhur addizzjonali għall-ħaddiema anzjani (dawk li twieldu qabel l-1 ta’ Jannar 1965), il-ħaddiema b’diżabilità, u l-ħaddiema li jappartjenu għal livelli okkupazzjonali baxxi (N1 u N2 fil-klassifikazzjoni tal-impjiegi ta’ Air France). L-applikazzjoni ma tipprevedi l-ebda kontribuzzjoni għall-ewwel erba’ xhur tal-liv għar-riallokazzjoni, li jikkorrispondu maż-żmien minimu previst mil-liġi.
(31)    Reġistrazzjoni fir-reġistru SIRENE jew fir-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpaniji (RCS).
(32)    Régime Social des Indépendants (skema soċjali għall-persuni li jaħdmu għal rashom).
(33)    Kumpanija b’responsabbiltà limitata (LLC), kumpanija pubblika limitata (PLC), eċċ.
(34)    Il-benefiċċju għal meta persuna tkun qed tfittex impjieg huwa kkalkolat bħala 70 % tal-medja tal-aħħar 12-il salarju qabel is-sensja.
(35)    Sa 36 għall-ħaddiema spostati f’territorji minbarra Ile de France u li l-impjieg il-ġdid tagħhom ikun ukoll barra minn Ile de France.
(36)    EUR 450 għall-ħaddiema spostati f’territorji minbarra Ile de France u li l-impjieg il-ġdid tagħhom ikun ukoll barra minn Ile de France.
(37)    Iż-żidiet fis-salarji barra mill-perjodu ta’ implimentazzjoni ma humiex eliġibbli għall-kofinanzjament tal-FEG.
(38)    Sabiex jiġu evitati d-deċimali, il-kostijiet stmati għal kull ħaddiem ġew ittondjati. Madankollu, l-ittondjar ma għandu l-ebda impatt fuq il-kost totali ta’ kull miżura, li jibqa’ bħalma hemm fl-applikazzjoni sottomessa minn Franza.
(39)    It-totali ma jaqblux minħabba li ċ-ċifri ġew ittondjati.
(40)    ĠU L 433, 22.12.2020, p. 11.
(41)    ĠU L 433, 22.12.2020, p. 29.
(42)    Fuq talba ta’ Franza, il-kontribuzzjoni finanzjarja mħallsa mill-FEG għall-finanzjament ta’ miżuri attivi tas-suq tax-xogħol wara s-sensji f’Selecta kienet anqas mill-ammont mobilizzat fid-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill datata l-24 ta’ Marzu 2022 (EUR 4 074 296).
Franza infurmat lill-Kummissjoni li 107 sensji ppjanati għal Jannar 2022 setgħu jiġu evitati bis-saħħa tal-irkupru ekonomiku ta’ wara l-COVID. Għalhekk, Franza rrevediet ’l isfel l-ammont tal-FEG meħtieġ biex tgħin lill-ħaddiema ta’ Selecta li ngħataw is-sensja. Dan l-ammont issa huwa ta’ EUR 1 977 200.

Peress li EUR 2 097 096 ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn baqgħu disponibbli fil-linja operazzjonali wara l-pagament lil Franza, il-Kummissjoni ma għandhiex bżonn tittrasferixxi l-ammont sħiħ ta’ impenji għal Air France mil-linja ta’ riżerva.
(43)    Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1
(44)    ĠU L 153, 3.5.2021, p. 48.
(45)    ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 29
(46)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11).
(47) *    Id-data għandha tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni f’Il-ĠU.
Top