Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022PC0154

    Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza liċ-Ċekja biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    COM/2022/154 final

    Brussell, 6.4.2022

    COM(2022) 154 final

    2022/0102(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    li tawtorizza liċ-Ċekja biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 (“id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jipprevjeni ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa.

    Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-23 ta’ Novembru 2021, iċ-Ċekja talbet awtorizzazzjoni biex sal-31 ta’ Diċembru 2024, tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-VAT, li tippermetti liċ-Ċekja teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 85 000.

    F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba li għamlet iċ-Ċekja permezz tal-ittra bid-data tas-16 ta’ Diċembru 2021. Il-Kummissjoni nnotifikat liċ-Ċekja permezz tal-ittra bid-data tal-20 ta’ Diċembru 2021 li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba.

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    Il-Kapitolu 1 tat-Titolu XII tad-Direttiva tal-VAT jagħti l-possibbiltà li l-Istati Membri japplikaw skemi speċjali għall-impriżi ż-żgħar, inkluż il-possibbiltà li jeżentaw lill-persuni taxxabbli b’fatturat annwali inqas minn ċertu livell. Din l-eżenzjoni timplika li persuna taxxabbli ma għandhiex għalfejn iżżomm il-VAT fuq il-provvisti tagħha, u b’konsegwenza ta’ dan, ma tistax tnaqqas il-VAT minn fuq l-inputs tagħha.

    Skont l-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-VAT, Stati Membri partikolari li aderew wara l-1 ta’ Jannar 1978 jistgħu jeżentaw lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar mill-ekwivalenti fil-munita nazzjonali tal-ammonti bir-rata ta’ konverżjoni fil-ġurnata tal-adeżjoni tagħhom, kif speċifikat f’dik id-dispożizzjoni.

    Skont il-punt (7) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-VAT, iċ-Ċekja tista’ teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar mill-ekwivalenti ta’ EUR 35 000 fil-munita nazzjonali.

    L-awtorizzazzjoni biex il-livell limitu tal-fatturat annwali jiżdied minn EUR 35 000 għal EUR 85 000 se tissimplifika l-piż amministrattiv fuq in-negozji eliġibbli għall-eżenzjoni u se tistimula l-iżvilupp ta’ tali negozji żgħar billi teħlishom mill-obbligu tal-VAT skont l-arranġamenti normali tal-VAT, bħaż-żamma tar-rekords tal-VAT jew is-sottomissjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT. Apparti hekk, l-introduzzjoni ta’ tali miżura speċjali se tirriżulta f’inqas piż fuq l-awtorità tat-taxxa billi tnaqqas ir-rekwiżit li jiġu ġestiti u spezzjonati persuni taxxabbli b’fatturat taħt il-livell limitu. Barra minn hekk, se jkun hemm effett pożittiv fuq il-livell ġenerali ta’ konformità mal-obbligi tal-VAT għal dawn il-persuni taxxabbli.

    Il-miżura speċjali hija fakultattiva għalkollox għall-persuni taxxabbli. Għalhekk, in-negozji ż-żgħar li l-fatturat tagħhom ma jaqbiżx il-livell limitu xorta se jkollhom il-possibbiltà li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li japplikaw l-arranġamenti normali tal-VAT.

    Skont l-istimi pprovduti miċ-Ċekja, l-introduzzjoni tal-miżura speċjali se twassal għal tnaqqis fil-ġbir tad-dħul mill-VAT ta’ inqas minn 2 % u għalhekk ma tkunx taffettwa b’mod sinifikanti l-ammont totali ta’ dħul mill-VAT jew l-ammont kumplessiv tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali.

    Il-miżura speċjali li tissimplifika l-obbligi tal-operaturi ż-żgħar, hija konformi mal-objettivi stabbiliti mill-Unjoni Ewropea għan-negozji ż-żgħar.

    Minħabba l-impatt pożittiv fuq it-tnaqqis tal-piż amministrattiv kemm għan-negozji kif ukoll għall-awtorità tat-taxxa mingħajr impatt kbir fuq id-dħul totali mill-VAT, huwa xieraq li ċ-Ċekja tiġi awtorizzata tintroduċi u tapplika l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

    Il-miżura ta’ deroga hija konformi mal-objettivi tad-Direttiva (UE) 2020/285 li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva tal-VAT dwar skema speċjali għall-impriżi ż-żgħar 2 , li rriżultat mill-pjan ta’ azzjoni tal-VAT 3 , u għandha l-għan li toħloq skema moderna u simplifikata għal dawk in-negozji. B’mod partikolari, għandha l-għan li tnaqqas il-kostijiet tal-konformità mal-VAT u d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni kemm domestikament kif ukoll fil-livell tal-UE, li tnaqqas l-impatt negattiv tal-effett tal-livell limitu u li tiffaċilita l-konformità tan-negozji kif ukoll il-monitoraġġ mill-awtoritajiet tat-taxxa.

    Barra minn hekk, il-livell limitu ta’ EUR 85 000 huwa konsistenti mad-Direttiva (UE) 2020/285, sa fejn jippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu l-livell limitu tal-fatturat annwali meħtieġ għal eżenzjoni mill-VAT f’livell mhux ogħla minn EUR 85 000 (jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali).

    Stati Membri oħra ngħataw derogi simili li jeżentaw mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom huwa inqas minn ċertu livell limitu, kif previst fl-Artikoli 285 u 287 tad-Direttiva tal-VAT. In-Netherlands 4 u l-Belġju 5 ngħataw livell limitu ta’ EUR 25 000; l-Italja 6 ngħatat livell limitu ta’ EUR 30 000, il-Lussemburgu 7 ngħata livell limitu ta’ EUR 35 000; il-Polonja 8 , il-Latvja 9 u l-Estonja 10 ngħataw livell limitu ta’ EUR 40 000; l-Ungerija 11 ngħatat livell limitu ta’ EUR 48 000; is-Slovenja 12 ngħatat livell limitu ta’ EUR 50 000; il-Litwanja 13 ngħatat livell limitu ta’ EUR 55 000; il-Kroazja 14 ngħatat livell limitu ta’ EUR 45 000; Malta 15 ngħatat livell limitu ta’ EUR 30 000; u r-Rumanija 16 ngħatat livell limitu ta’ EUR 88 500.

    Jenħtieġ li d-derogi mid-Direttiva tal-VAT ikunu dejjem limitati fiż-żmien biex l-effetti tagħhom ikunu jistgħu jiġu vvalutati. Barra minn hekk, l-inklużjoni ta’ data ta’ skadenza tal-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024, kif mitlub miċ-Ċekja, hija allinjata mar-rekwiżiti tad-Direttiva (UE) 2020/285. Dik id-Direttiva tipprevedi l-1 ta’ Jannar 2025 bħala d-data li fiha l-Istati Membri se jkollhom japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali, li huma obbligati jadottaw sabiex jikkonformaw magħha.

    Għalhekk, il-miżura proposta hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT.

    Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Il-Kummissjoni ilha konsistentement tenfasizza l-bżonn li jkun hemm regoli aktar sempliċi għall-impriżi ż-żgħar. F’dan ir-rigward, f’Marzu tal-2020, il-Kummissjoni adottat Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali 17 , fejn impenjat ruħha li tkompli taħdem biex tnaqqas il-piż fuq l-SMEs. L-objettiv li jitnaqqas il-piż regolatorju għall-SMEs huwa wieħed mill-pilastri ta’ din l-istrateġija. Din il-miżura speċjali hija f’konformità ma’ tali objettivi, f’dak li jirrigwarda r-regoli fiskali. Hija konsistenti wkoll mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-2020 dwar tassazzjoni ġusta u sempliċi li tappoġġa l-istrateġija ta’ rkupru 18 , li jirrikonoxxi li l-kostijiet tal-konformità fiskali għadhom għoljin fl-UE, u li tipikament, il-kostijiet tal-konformità għall-kumpaniji żgħar ikunu sostanzjalment ogħla milli għall-kumpaniji kbar.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija bbażata, il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

    Proporzjonalità

    Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.

    Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hi proporzjonata mal-għan li għandu jintlaħaq, jiġifieri s-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxi għall-persuni taxxabbli żgħar u għall-awtorità tat-taxxa.

    Għażla tal-istrument

    L-istrument propost huwa Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.

    Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, li tingħata deroga mir-regoli komuni tal-VAT huwa possibbli biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu għal proposta tal-Kummissjoni. Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument xieraq billi din tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Il-proposta attwali hija bbażata fuq talba li saret miċ-Ċekja u tikkonċerna biss dan l-Istat Membru partikolari.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill għandha l-għan li żżid il-livell limitu tal-eżenzjoni attwali minn EUR 35 000 għal EUR 85 000 (fl-ekwivalenti fil-munita nazzjonali). Din iż-żieda hija miżura ta’ simplifikazzjoni li telimina ħafna mill-obbligi tal-VAT għan-negozji li joperaw b’fatturat annwali ta’ mhux aktar minn EUR 85 000. Għalhekk se jkollha impatt pożittiv fuq it-tnaqqis tal-piż amministrattiv kemm għan-negozji kif ukoll għall-awtorità tat-taxxa mingħajr impatt kbir fuq id-dħul totali mill-VAT. Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni ristrett tad-deroga u l-applikazzjoni tagħha limitata fil-ħin, l-impatt tal-miżura se jkun fi kwalunkwe każ limitat.

    Attwalment, abbażi tad-data disponibbli mill-2020, hemm madwar 910 000 impriża żgħira li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jiġu eżentati mill-VAT. Iż-żieda fil-livell limitu għal EUR 85 000 se tkun ta’ benefiċċju għal madwar EUR 105 000 impriża addizzjonali, li se twassal għal tnaqqis fid-dħul mill-VAT ta’ inqas minn 2 %.

    Il-miżura ta’ deroga se tkun fakultattiva għall-persuni taxxabbli. Il-persuni taxxabbli se jkunu jistgħu jagħżlu l-arranġamenti regolari tal-VAT f’konformità mal-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE. L-impatt baġitarju f’termini ta’ dħul mill-VAT għaċ-Ċekja huwa stmat għal madwar EUR 370 miljun, li jista’ jitqies negliġibbli.

    Drittijiet fundamentali

    Il-proposta ma għandha l-ebda konsegwenza għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 tat-30 ta’ April 2021 li jemenda r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud 19 , mhu se jsir l-ebda kalkolu ta’ kumpens miċ-Ċekja mid-dikjarazzjoni tar-riżorsi proprji tal-VAT għas-sena finanzjarja 2022 ’il quddiem.

    2022/0102 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    li tawtorizza liċ-Ċekja biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 20 , u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Skont il-punt (7) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, iċ-Ċekja tista’ teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (“il-VAT”) lil persuni soġġetti għat-taxxa li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta’ EUR 35 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fid-data tal-adeżjoni tagħha.

    (2)Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-23 ta’ Novembru 2021, iċ-Ċekja talbet awtorizzazzjoni biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-punt (7) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE u għalhekk teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 85 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali (“il-miżura speċjali”). Dik il-miżura speċjali se tkun applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2024, id-data sa meta l-Istati Membri għandhom jittrasponu d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 21 . Minn dik id-Direttiva jirriżulta li, mill-1 ta’ Jannar 2025, l-Istati Membri se jitħallew jeżentaw mill-VAT il-provvista ta’ merkanzija u ta’ servizzi magħmula minn persuni taxxabbli li l-fatturat annwali fl-Istat Membru tagħhom ma jaqbiżx il-livell limitu ta’ EUR 85 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali.

    (3)Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2), tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba li għamlet iċ-Ċekja lill-Istati Membri l-oħra, permezz tal-ittra bid-data tas-16 ta’ Diċembru 2021. Permezz tal-ittra bid-data tal-20 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni għarrfet liċ-Ċekja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tivvaluta t-talba.

    (4)Il-miżura speċjali hija konformi mad-Direttiva (UE) 2020/285, li tfittex li tnaqqas il-piż tal-konformità tal-impriżi ż-żgħar u tevita d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

    (5)Il-miżura speċjali se tibqa’ fakultattiva għall-persuni taxxabbli peress li xorta jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT skont l-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE.

    (6)Skont l-informazzjoni pprovduta miċ-Ċekja, il-miżura speċjali se jkollha effett negliġibbli biss fuq l-ammont kumplessiv tad-dħul mit-taxxa li ċ-Ċekja tiġbor fl-istadju tal-konsum finali.

    (7)Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 22 , mhu ser isir l-ebda kalkolu ta’ kumpens miċ-Ċekja fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-riżorsi proprji tal-VAT mis-sena finanzjarja 2022 ’il quddiem.

    (8)Peress li ċ-Ċekja tistenna li l-livell limitu miżjud se jirriżulta fi tnaqqis tal-obbligi tal-VAT u għalhekk fi tnaqqis tal-piż amministrattiv u tal-ispejjeż ta’ konformità kemm għall-impriżi ż-żgħar kif ukoll għall-awtoritajiet tat-taxxa, u mhu se jkun hemm l-ebda impatt kbir fuq id-dħul totali ġġenerat mill-VAT, jenħtieġ li ċ-Ċekja tiġi awtorizzata tintroduċi l-miżura speċjali.

    (9)Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata l-miżura speċjali tkun limitata fiż-żmien. Jenħtieġ li l-limitu ta’ żmien ikun biżżejjed biex jippermetti li ssir evalwazzjoni tal-effettività u tal-adegwatezza tal-livell limitu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2020/285, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal-31 ta’ Diċembru 2024, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva, li tħassar l-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE u tistipula regoli tal-VAT aktar sempliċi għall-impriżi ż-żgħar, u japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2025. Għalhekk, jixraq li ċ-Ċekja tiġi awtorizzata tapplika l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    B’deroga mill-punt (7) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Repubblika Ċeka hija awtorizzata li teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 85 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha sal-31 ta’ Diċembru 2024.

    Artikolu 3

    Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ċeka.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
    (2)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 13).
    (3)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar pjan ta’ azzjoni dwar il-VAT – Lejn żona unika tal-VAT fl-UE – Iż-żmien biex niddeċiedu COM(2016)148 final.
    (4)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1904 tal-4 ta’ Diċembru 2018 li tawtorizza lin-Netherlands jintroduċu miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 310, 6.12.2018, p. 25).
    (5)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2077 tal-20 ta’ Diċembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/53/UE li tawtorizza lir-Renju tal-Belġju biex jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 331, 28.12.2018, p. 222.
    (6)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1988 tat-8 ta’ Novembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/678/UE li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tkompli tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 306, 15.11.2016, p.11).
    (7)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2210 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/677/UE li tawtorizza lil-Lussemburgu jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 332, 23.12.2019, p. 155).
    (8)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1919 tal-4 ta’ Diċembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2009/790/KE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 311, 7.12.2018, p. 32).
    (9)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1261 tal-4 ta’ Settembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2408 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja sabiex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 296, 10.9.2020, p. 4).
    (10)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/358 tat-22 ta’ Frar 2021 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/563 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Estonja tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 69, 26.2.2021, p. 4).
    (11)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1490 tat-2 ta’ Ottubru 2018 li tawtorizza lill-Ungerija biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 252, 8.10.2018, p. 38).
    (12)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1700 tas-6 ta’ Novembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/54/UE li tawtorizza lir-Repubblika tas-Slovenja biex tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 285, 13.11.2018, p. 78).
    (13)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/86 tat-22 ta’ Jannar 2021 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja sabiex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 30, 28.1.2021, p. 2).
    (14)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1661 tat-3 ta’ Novembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1768 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Kroazja tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 374, 10.11.2020, p. 4).
    (15)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/753 tas-6 ta’ Mejju 2021 li tawtorizza lil Malta biex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/279 (ĠU L 163, 10.5.2021, p. 1).
    (16)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1260 tal-4 ta’ Settembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1855 li tawtorizza lir-Rumanija tapplika miżura speċjali ta’ deroga għall-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 296, 10.9.2020, p. 1).
    (17)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali (COM(2020) 103 final).
    (18)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Pjan ta’ Azzjoni għal tassazzjoni ġusta u sempliċi li tappoġġa l-Istrateġija ta’ Rkupru, COM(2020) 312 final).
    (19)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 tat-30 ta’ April 2021 li jemenda r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 165, 11.5.2021, p. 9).
    (20)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
    (21)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 13).
    (22)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 tat-30 ta’ April 2021 li jemenda r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 165, 11.5.2021, p. 9).
    Top