IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 11.2.2022
COM(2022) 40 final
2022/0028(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/54/UE fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tar-Repubblika tas-Slovenja biex tkompli tapplika l-miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (“id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jipprevjeni ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa.
Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-27 ta’ Ottubru 2021, is-Slovenja talbet awtorizzazzjoni biex sal-31 ta’ Diċembru 2024, tkompli tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-VAT, li tippermetti lis-Slovenja teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 50 000.
F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħrajn bit-talba tas-Slovenja, permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Novembru 2021. Permezz tal-ittra tas-16 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni nnotifikat lis-Slovenja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba.
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Il-Kapitolu 1 tat-Titolu XII tad-Direttiva tal-VAT jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri biex japplikaw skemi speċjali għall-impriżi ż-żgħar, inkluż il-possibbiltà li jeżentaw lil persuni taxxabbli b’inqas minn ċertu fatturat annwali. Din l-eżenzjoni timplika li persuna taxxabbli ma għandhiex għalfejn timponi l-VAT fuq il-provvisti tagħha, u b’konsegwenza ta’ dan, ma tistax tnaqqas il-VAT minn fuq l-inputs tagħha.
Skont l-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-VAT, Stati Membri partikolari li aderew wara l-1 ta’ Jannar 1978 jistgħu jeżentaw lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar mill-ekwivalenti tal-ammonti fil-munita nazzjonali bir-rata ta’ konverżjoni fil-ġurnata tal-adeżjoni tagħhom, kif speċifikat f’dik id-dispożizzjoni.
Skont il-punt 15 tal-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-VAT, is-Slovenja tista’ teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar mill-ekwivalenti ta’ EUR 25 000 fil-munita nazzjonali.
Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/54/UE, is-Slovenja ġiet awtorizzata biex sal-31 ta’ Diċembru 2015 tapplika livell limitu ogħla u għalhekk teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 50 000. Dik l-awtorizzazzjoni ġiet inizjalment estiża bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2089 sal-31 ta’ Diċembru 2018 u sussegwentement bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1700 sal-31 ta’ Diċembru 2021.
Is-Slovenja talbet estensjoni oħra ta’ dik il-miżura speċjali għal perjodu limitat.
Jekk tingħata awtorizzazzjoni biex l-eżenzjoni għal persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 50 000 tkompli tintuża wara l-2021, din tkun simplifikazzjoni sinifikanti għall-persuni li joperaw negozji relattivament żgħar. Il-persuni taxxabbli koperti minn din l-eżenzjoni ma għandhomx għalfejn inaqqsu u jħallsu l-VAT, ikunu rreġistrati għall-VAT jew iżommu rekord dettaljat sħiħ tat-tranżazzjonijiet soġġetti għall-VAT. Bis-saħħa ta’ dawn is-simplifikazzjonijiet, is-sidien tan-negozji ż-żgħar jistgħu jiddedikaw aktar ħin u riżorsi biex jiżviluppaw in-negozju tagħhom. Il-miżura speċjali hija fakultattiva għalkollox u se tibqa’ hekk għall-persuni taxxabbli. Għalhekk, in-negozji ż-żgħar li l-fatturat tagħhom ma jaqbiżx il-livell limitu xorta se jkollhom il-possibbiltà li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li japplikaw l-arranġamenti normali tal-VAT.
Barra minn hekk, il-kost tal-ġbir tal-VAT minn persuni taxxabbli li joperaw negozji b’fatturat relattivament baxx, li jirriżulta mill-forniment ta’ servizzi tal-kontribwenti lil dawn il-persuni taxxabbli u l-awditjar tad-dikjarazzjonijiet tat-taxxa tagħhom, huwa sproporzjonatament għolja meta mqabbel mal-ammont ta’ taxxa miġbura. Għaldaqstant, bl-applikazzjoni ta’ eżenzjoni mill-VAT għas-sidien ta’ negozji żgħar, l-amministrazzjoni tad-dħul tista’ tidderieġi aktar riżorsi lejn il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, u lejn it-titjib tal-kwalità tas-servizzi tal-kontribwenti u l-effettività tal-ġbir tal‑VAT minn operaturi ta’ negozji fuq skala kbira.
Skont is-Slovenja, fl-2019, 48 % tal-persuni taxxabbli rreġistrati kollha (jiġifieri madwar 60 000) kellhom fatturat annwali ta’ EUR 50 000 jew inqas, li jirrappreżenta sehem ta’ 1 % tal-fatturat taxxabbli totali rilevanti għall-finijiet tal-VAT. Hija tistma li madwar 2 000 minn dawn il-persuni taxxabbli (eskluż dawk li għażlu t-tassazzjoni) għandhom fatturat annwali bejn EUR 25 000 u EUR 50 000. L-inklużjoni ta’ dawn il-persuni taxxabbli fis-sistema tal-VAT tirriżulta f’żieda tad-dħul tal-Istat mill-VAT b’ 0,3 %.
Għalhekk, il-miżura speċjali ma taffettwax b’mod sinifikanti l-ammont totali ta’ dħul mill-VAT jew l-ammont kumplessiv tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali.
Il-miżura speċjali li tissimplifika l-obbligi tal-operaturi ż-żgħar, hija konformi mal-objettivi stabbiliti mill-Unjoni Ewropea għan-negozji ż-żgħar.
Minħabba l-impatt pożittiv fuq it-tnaqqis tal-piż amministrattiv għan-negozji u għall-awtorità tat-taxxa mingħajr impatt kbir fuq id-dħul totali mill-VAT, jixraq li s-Slovenja tiġi awtorizzata testendi l-applikazzjoni tal-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-miżura ta’ deroga hija konformi mal-objettivi tad-Direttiva (UE) 2020/285 li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva tal-VAT dwar skema speċjali għall-impriżi ż-żgħar, li rriżultat mill-pjan ta’ azzjoni tal-VAT, u għandha l-għan li toħloq skema moderna u simplifikata għal dawk in-negozji. B’mod partikolari, għandha l-għan li tnaqqas il-kostijiet tal-konformità mal-VAT u d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fil-livell domestiku u dak tal-UE, tnaqqas l-impatt negattiv tal-effett tal-livell limitu u tiffaċilita kemm il-konformità tan-negozji kif ukoll il-monitoraġġ mill-awtoritajiet tat-taxxa.
Barra minn hekk, il-livell limitu ta’ EUR 50 000 huwa konsistenti mad-Direttiva (UE) 2020/285, sa fejn jippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu l-livell limitu tal-fatturat annwali meħtieġ għal eżenzjoni mill-VAT f’livell mhux ogħla minn EUR 85 000 (jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali).
Stati Membri oħra ngħataw derogi simili li jeżentaw mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom huwa inqas minn ċertu livell limitu, kif previst fl-Artikoli 285 u 287 tad-Direttiva tal-VAT. In-Netherlands u l-Belġju ngħataw livell limitu ta’ EUR 25 000; l-Italja ngħatat livell limitu ta’ EUR 30 000; il-Lussemburgu ngħata livell limitu ta’ EUR 35 000; il-Polonja, il-Latvja u l-Estonja ngħataw livell limitu ta’ EUR 40 000; l-Ungerija ngħatat livell limitu ta’ EUR 48 000; il-Litwanja ngħatat livell limitu ta’ EUR 55 000; il-Kroazja ngħatat livell limitu ta’ EUR 45 000; Malta ngħatat livell limitu ta’ EUR 30 000; u r-Rumanija ngħatat livell limitu ta’ EUR 88 500.
Jenħtieġ li d-derogi mid-Direttiva tal-VAT ikunu dejjem limitati fiż-żmien biex ikunu jistgħu jiġu vvalutati l-effetti tagħhom. Barra minn hekk, l-inklużjoni ta’ data ta’ skadenza tal-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024, kif mitlub mis-Slovenja, hija allinjata mar-rekwiżiti tad-Direttiva (UE) 2020/285. Dik id-Direttiva tipprevedi l-1 ta’ Jannar 2025 bħala d-data li fiha l-Istati Membri jkollhom japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali, li huma obbligati jadottaw sabiex jikkonformaw magħha.
Għalhekk, il-miżura proposta hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-Kummissjoni ilha konsistentement tenfasizza l-bżonn li jkun hemm regoli aktar sempliċi għall-impriżi ż-żgħar. F’dan ir-rigward, f’Marzu 2020 il-Kummissjoni adottat Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali, fejn impenjat ruħha li tkompli taħdem biex tnaqqas il-piż fuq l-SMEs. L-objettiv li jitnaqqas il-piż regolatorju għall-SMEs huwa wieħed mill-pilastri ta’ din l-istrateġija. Din il-miżura speċjali hija f’konformità ma’ tali objettivi, f’dak li jirrigwarda r-regoli fiskali. Hija konsistenti wkoll mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-2020 dwar tassazzjoni ġusta u sempliċi li tappoġġa l-istrateġija ta’ rkupru, li jirrikonoxxi li l-kostijiet tal-konformità fiskali għadhom għoljin fl-UE, u li tipikament, il-kostijiet tal-konformità ikunu sostanzjalment ogħla għal kumpaniji żgħar milli għal dawk kbar.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija bbażata l-proposta, il-proposta taqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•Proporzjonalità
Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.
Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hi proporzjonata mal-għan li għandu jintlaħaq, jiġifieri s-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxi għall-persuni taxxabbli żgħar u għall-awtorità tat-taxxa.
•Għażla tal-istrument
L-istrument propost huwa Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.
Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, li tingħata deroga mir-regoli komuni tal-VAT huwa possibbli biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu għal proposta tal-Kummissjoni. L-aktar strument xieraq hija Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill billi din tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Il-proposta attwali hija bbażata fuq talba li saret mis-Slovenja u tikkonċerna biss dan l-Istat Membru partikolari.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill timmira li tissokta bil-miżura ta’ simplifikazzjoni għal tliet snin oħra u b’hekk tneħħi ħafna mill-obbligi tal-VAT għan-negozji li joperaw b’fatturat annwali li mhuwiex aktar minn EUR 50 000 u għalhekk tħalli impatt pożittiv fuq it-tnaqqis tal-piż amministrattiv għan-negozji u għall-awtorità tat-taxxa mingħajr impatt kbir fuq id-dħul totali mill-VAT. Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni ristrett tad-deroga u l-applikazzjoni tagħha limitata fil-ħin, fi kwalunkwe każ, l-impatt tal-miżura se jkun limitat.
Il-miżura ta’ deroga se tkun fakultattiva għall-persuni taxxabbli. Il-persuni taxxabbli se jkunu jistgħu jagħżlu l-arranġamenti regolari tal-VAT f’konformità mal-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE.
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta ma għandha l-ebda konsegwenza għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 tat-30 ta’ April 2021 li jemenda r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud, mhu se jsir l-ebda kalkolu ta’ kumpens mis-Slovenja mid-dikjarazzjoni tar-riżorsi proprji tal-VAT għas-sena finanzjarja 2021 ’il quddiem.
2022/0028 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/54/UE fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tar-Repubblika tas-Slovenja biex tkompli tapplika l-miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-punt (15) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE jawtorizza lis-Slovenja teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (il-VAT) lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar mill-ekwivalenti ta’ EUR 25 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha.
(2)Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/54/UE, is-Slovenja ġiet awtorizzata biex, sal-31 ta’ Diċembru 2015 tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-punt (15) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE u għalhekk teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 50 000 (“il-miżura speċjali”). Dik l-awtorizzazzjoni ġiet estiża darbtejn, l-aktar reċenti bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1700, sal-31 ta’ Diċembru 2021.
(3)Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-27 ta’ Ottubru 2021, is-Slovenja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024, id-data sa meta l-Istati Membri għandhom jittrasponu d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285. Minn dik id-Direttiva jirriżulta li mill-1 ta’ Jannar 2025, l-Istati Membri se jitħallew jeżentaw mill-VAT il-provvista ta’ merkanzija u servizzi magħmula minn persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tal-Istat Membru tagħhom ma jaqbiżx il-limitu ta’ EUR 85 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali.
(4)Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2), tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba li għamlet is-Slovenja lill-Istati Membri l-oħra, permezz tal-ittra tal-15 ta’ Novembru 2021. Permezz ta’ ittra datata s-16 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni nnotifikat lis-Slovenja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-valutazzjoni tat-talba.
(5)Il-miżura speċjali hija konformi mad-Direttiva (UE) 2020/285, li tfittex li tnaqqas il-piż tal-konformità tal-impriżi ż-żgħar u tevita d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern.
(6)Il-miżura speċjali se tibqa’ fakultattiva għall-persuni taxxabbli peress li xorta jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT skont l-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE.
(7)Skont l-informazzjoni pprovduta mis-Slovenja, il-miżura speċjali se jkollha effett negliġibbli biss fuq l-ammont kumplessiv tad-dħul mit-taxxa li s-Slovenja tiġbor fl-istadju tal-konsum finali.
(8)Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769, is-Slovenja mhu se twettaq l-ebda kalkolu ta’ kumpens fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-riżorsi proprji tal-VAT mis-sena finanzjarja 2021 ’il quddiem.
(9)Minħabba l-impatt pożittiv tal-miżura speċjali bit-tnaqqis tal-piż amministrattiv u tal-kostijiet tal-konformità kemm għall-impriżi ż-żgħar kif ukoll għall-awtoritajiet tat-taxxa, u n-nuqqas ta’ xi impatt kbir fuq id-dħul totali ġġenerat mill-VAT, jenħtieġ li s-Slovenja tiġi awtorizzata tkompli tapplika l-miżura speċjali.
(10)Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni biex tkompli tiġi applikata l-miżura speċjali tkun limitata fiż-żmien. Jenħtieġ li l-limitu ta’ żmien ikun biżżejjed biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-effettività u tal-adegwatezza tal-livell limitu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2020/285, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal-31 ta’ Diċembru 2024, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva, li temenda d-Direttiva 2006/112/KE, u japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2025. Għalhekk, jixraq li s-Slovenja tiġi awtorizzata tapplika l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024.
(11)Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/54/UE tiġi emendata skont dan,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/54/UE, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2024.”.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tas-Slovenja.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President