Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52022PC0039

    Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2006/112/KE rigward l-estensjoni tal-perjodu ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fakultattiv fir-rigward ta’ provvisti ta’ ċerti oġġetti u servizzi suxxettibbli għall-frodi u tal-Mekkaniżmu ta’ Reazzjoni Rapida kontra l-frodi tal-VAT

    COM/2022/39 final

    Brussell, 10.2.2022

    COM(2022) 39 final

    2022/0027(CNS)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-KUNSILL

    li temenda d-Direttiva 2006/112/KE rigward l-estensjoni tal-perjodu ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fakultattiv fir-rigward ta’ provvisti ta’ ċerti oġġetti u servizzi suxxettibbli għall-frodi u tal-Mekkaniżmu ta’ Reazzjoni Rapida kontra l-frodi tal-VAT


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    L-għan tal-proposta attwali għal Direttiva li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 (minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva tal-VAT”) huwa l-estensjoni: 1) tal-possibbiltà li l-Istati Membri japplikaw il-mekkaniżmu tar-reverse charge għall-ġlieda kontra l-frodi fil-provvisti ta’ oġġetti u servizzi inkluż fl-Artikolu 199a(1) tad-Direttiva tal-VAT u 2) tal-possibbiltà li jintuża l-Mekkaniżmu ta’ Reazzjoni Rapida (MRR), kif stabbilit fl-Artikolu 199b tad-Direttiva tal-VAT, għall-ġlieda kontra l-frodi permezz tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge f’każijiet speċifiċi ħafna.

    Bħala regola ġenerali, l-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT jistipula li l-persuna taxxabbli li tipprovdi l-oġġetti jew is-servizzi hija responsabbli għall-ħlas tal-VAT. Bħala deroga, il-mekkaniżmu tar-reverse charge jippermetti li jinħatar id-destinatarju tal-provvista bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT. Skont dan il-mekkaniżmu tar-reverse charge, il-VAT ma tiġix imposta lill-fornitur iżda tiġi kontabilizzata mill-konsumatur (persuna taxxabbli) fid-dikjarazzjoni tal-VAT tiegħu. Din il-VAT imbagħad titnaqqas fl-istess dikjarazzjoni tal-VAT u għalhekk, peress li din il-persuna jkollha dritt sħiħ ta’ tnaqqis, ir-riżultat ikun żero.

    Il-mekkaniżmu tar-reverse charge jintuża fil-ġlieda kontra l-frodi u b’mod partikolari l-frodi Intra-Komunitarja b’Negozjant Nieqes (MTIC). Din it-tip ta’ frodi sseħħ meta negozjant jixtri oġġetti trasportati jew mibgħuta minn Stat Membru ieħor, permezz ta’ provvista eżentata mill-VAT, u jbigħhom lill-klijent bil-VAT inkluża fuq il-fattura. Wara li jkun irċieva l-ammont tal-VAT mingħand il-klijent, it-tali negozjant jgħib qabel ma jħallas il-VAT dovuta lill-awtoritajiet tat-taxxa. Fl-istess ħin, il-klijent li jaġixxi b’intenzjonijiet tajbin, normalment ikun jista’ jnaqqas il-VAT li jkun ħallas lill-fornitur permezz tad-dikjarazzjoni tal-VAT tiegħu. Għalhekk, skont il-mekkaniżmu tar-reverse charge, il-VAT effetivament ma titħallasx lill-fornitur.

    L-Istati Membri mhumiex obbligati japplikaw il-mekkaniżmu tar-reverse charge bbażat fuq l-Artikolu 199a tad-Direttiva tal-VAT. Jippermettilhom jiġġieldu kontra din it-tip ta’ frodi f’oqsma sensittivi prestabbiliti fejn normalment isseħħ 2 fit-territorju tagħhom. Ladarba n-negozjanti jkunu obbligati jużaw il-mekkaniżmu tar-reverse charge għal dawn il-provvisti domestiċi, huma ma jkunux jistgħu jimponu l-VAT fuq il-fatturi tagħhom. Imbagħad huma ma jirċevux l-ammont tal-VAT mingħand il-klijent tagħhom, u b’riżultat ta’ dan, it-tali negozjanti ma jkunux jistgħu jgħibu bl-ammont tal-VAT li jkunu rċevew. Il-MRR previst fl-Artikolu 199b huwa miżura eċċezzjonali li tippermetti lill-Istati Membri biex f’każijiet ta’ emerġenza assoluta, jintroduċu b’ħeffa mekkaniżmu temporanju tar-reverse charge għal provvisti ta’ oġġetti u servizzi f’setturi fejn tkun seħħet il-frodi għall-għarrieda u massiva u li mhumiex elenkati fl-Artikolu 199a tad-Direttiva tal-VAT. Din il-proċedura hija eċċezzjonali u estremament rapida peress li l-Kummissjoni trid tirreaġixxi fi żmien xahar b’opinjoni negattiva jew biex tikkonferma bil-miktub lill-Istat Membru li ma toġġezzjonax il-miżura. L-Istat Membru jista’ jadotta l-miżura speċjali tal-MRR mid-data minn meta jirċievi dik il-konferma. Permezz tal-użu ta’ dan il-mekkaniżmu, l-Istati Membri jistgħu jgħaqqdu l-perjodu meħtieġ biex jiksbu deroga “normali” skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, li jista’ jieħu sa sitt xhur. It-tali deroga teħtieġ proposta tal-Kummissjoni u adozzjoni unanima mill-Kunsill.

    L-Artikolu 199a tad-Direttiva tal-VAT ġie introdott 3 għall-perjodu mill-2010 sat-30 ta’ Ġunju 2015 u ġie estiż għall-ewwel darba 4 bl-emendi, sal-31 ta’ Diċembru 2018. L-Artikolu 199b tad-Direttiva tal-VAT ġie introdott 5 għall-perjodu mill-2013 sal-31 ta’ Diċembru 2018. Kemm l-Artikolu 199a kif ukoll l-Artikolu 199b tad-Direttiva tal-VAT ġew sussegwentement estiżi 6 sat-30 ta’ Ġunju 2022 sabiex jikkoinċidu mad-data inizjalment prevista li fiha s-sistema definittiva tal-VAT kellha tidħol fis-seħħ (ara aktar dettalji hawn taħt).

    Fil-waqt li l-perjodu ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 199a u 199b tad-Direttiva tal-VAT kien qed jiġi estiż sat-30 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni ppreżentat rapport dwar l-effetti tal-mekkaniżmi inklużi f’dawn l-Artikoli 7 u kkonkludiet, abbażi tal-kontribuzzjonijiet tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa u l-partijiet ikkonċernati tan-negozju, li l-miżuri f’dawn l-Artikoli kienu utli fil-ġlieda kontra l-frodi.

    Biex il-kwistjoni tal-frodi (MTIC) tiġi trattata b’mod aktar strutturali, il-Kummissjoni għamlet proposta għall-introduzzjoni tal-hekk imsejħa sistema definittiva tal-VAT, li hija sistema aktar sempliċi u reżistenti għall-frodi għall-kummerċ intra-Unjoni tal-oġġetti 8 . Dawn l-arranġamenti, li l-Kummissjoni pproponiet li jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2022, jipprovdu reazzjoni fundamentali għall-frodi MTIC.

    Madankollu, is-sitwazzjoni attwali tan-negozjati li għaddejjin fil-Kunsill tindika li mhux se jkun possibbli li s-sistema definittiva tal-VAT tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2022. Sabiex in-negozjati dwar is-sistema definittiva jkunu jistgħu jitkomplew mingħajr ma jitqiegħdu f’riskju l-għodod disponibbli għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT, jixraq li l-miżuri kontra l-frodi li jinsabu fl-Artikoli msemmija jiġu estiżi għal perjodu limitat ieħor.

    L-estensjoni tal-perjodu ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 199a u 199b se tippermetti wkoll l-iżvilupp ta’ għodod ulterjuri għall-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa. Għal dak l-għan, u f’konformità mal-Pakkett dwar it-Taxxa 9 , il-Kummissjoni qed tħejji proposta sabiex timmodernizza r-regoli attwali tal-VAT, filwaqt li tqis l-opportunitajiet offruti mit-teknoloġiji diġitali. Bit-titlu “Il-VAT fl-era diġitali”, il-Kummissjoni se tivvaluta l-obbligi ta’ rapportar tal-VAT, possibbilment inkluż dwar ir-Rapportar Abbażi tat-Tranżazzjoni (TBR) u sistema msaħħa ta’ fatturazzjoni elettronika. Dan għandu jipprovdi informazzjoni aktar rapida u aktar dettaljata dwar it-tranżazzjonijiet individwali għall-amministrazzjoni tat-taxxa u għalhekk inaqqas ir-riskju tal-frodi. Abbażi tat-tali żviluppi leġiżlattivi, il-ħtieġa li l-Artikoli 199a u 199b jiġu estiżi aktar jenħtieġ li tiġi vvalutata mill-ġdid fil-futur.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

    Il-proposta attwali testendi l-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 199a u 199b tad-Direttiva tal-VAT, għal perjodu limitat sakemm jitkomplew in-negozjati fil-Kunsill dwar il-proposta għal sistema definittiva tal-VAT, li tinkludi emendi tal-Artikoli 199a u 199b tad-Direttiva tal-VAT biex tallinjahom mal-funzjonament ta’ dik is-sistema definittiva. Peress li s-sistema definittiva tal-VAT hija relatata mal-oġġetti, l-Artikoli 199a u 199b se jkunu ristretti għas-servizzi.

    L-estensjoni hija konsistenti wkoll mal-kronometraġġ tat-tħejjijiet tal-Kummissjoni għal regoli ġodda ta’ rapportar bħala miżura kontra l-frodi, li jistgħu jwasslu biex l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge ma tibqax meħtieġa. Madankollu, anki jekk dawn ir-regoli ġodda ta’ rapportar jiġu adottati dalwaqt, ikun meħtieġ perjodu ta’ żmien biex il-persuni taxxabbli jkunu jistgħu jadottaw ir-regoli l-ġodda; għalhekk jidher li estensjoni sa tmiem l-2025 hija adegwata.

    Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Taħt il-kappa tal-mekkaniżmu tar-reverse change, l-Artikolu 199a tad-Direttiva tal-VAT, fost l-oħrajn, ikopri l-iskambju tal-UE fil-kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra (is-Sistema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (ETS)). Sabiex jiġu appoġġati l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku, b’mod partikolari fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’55 % sal-2030, huwa essenzjali li l-ETS tiġi protetta aktar mill-frodi (karusell) sabiex jiġi evitat li minbarra t-telf finanzjarju, tiddgħajjef il-kredibbiltà tas-sistema.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Id-Direttiva temenda d-Direttiva tal-VAT abbażi tal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    Peress li l-proposta testendi l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva, hija meħtieġa emenda tad-Direttiva tal-VAT.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, tista’ tittieħed biss azzjoni fil-livell tal-Unjoni jekk l-għanijiet previsti ma jkunux jistgħu jinkisbu b’mod sodisfaċenti mill-Istati Membri waħedhom u, għalhekk, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjonijiet proposti, ikunu jistgħu jinkisbu aħjar mill-Unjoni.

    L-objettiv tal-ġlieda kontra l-frodi permezz tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge u l-possibbiltà li jintuża l-Mekkaniżmu ta’ Reazzjoni Rapida fil-ġlieda kontra l-frodi għall-għarrieda u massiva, jista’ jinkiseb l-aħjar fil-livell tal-Unjoni u jsib il-bażi legali speċifika fid-Direttiva tal-VAT. Għalhekk, l-estensjoni ta’ dawn il-miżuri titlob emenda tad-Direttiva tal-VAT.

    Proporzjonalità

    Minħabba l-karattru fakultattiv u temporanju tal-miżuri estiżi, il-proposta hija proporzjonata mal-għan mixtieq li huwa l-ġlieda kontra l-frodi f’ċerti provvisti ta’ oġġetti u servizzi u l-għajnuna lill-Istati Membri biex jittrattaw każijiet ta’ frodi tal-VAT għall-għarrieda u massiva.

    Għażla tal-istrument

    Qed tiġi proposta Direttiva bil-ħsieb li tiġi emendata d-Direttiva tal-VAT.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Fil-mument tal-estensjoni, il-Kummissjoni ppreżentat rapport dwar il-funzjonament u l-effetti tal-mekkaniżmu tar-reverse charge b’rabta mal-Artikoli 199a u 199b tad-Direttiva tal-VAT 10 u kkonkludiet li l-miżuri f’dawn l-Artikoli kienu utli fil-ġlieda kontra l-frodi.

    Din l-analiżi fil-fond twettqet pjuttost reċentement u minn dak iż-żmien ’l hawn id-Direttiva tal-VAT ma nbiddlitx fir-rigward tal-kundizzjonijiet legali jew il-prattikalitajiet għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge. Barra minn hekk, id-Direttiva tal-VAT ma ġietx emendata b’mod sinifikanti sabiex tindirizza l-kwistjoni tal-frodi MTIC b’mod aktar strutturali. Fl-aħħar nett, is-servizzi tal-Kummissjoni ma għandhom l-ebda informazzjoni dwar setturi ġodda li jkunu suxxettibbli għal frodi MTIC u li għalihom il-mekkaniżmu tar-reverse charge jkun l-għodda t-tajba. Għalhekk, huwa raġonevoli li jiġi konkluż li s-sejbiet imsemmija hawn fuq għadhom validi.

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Għat-tħejjija tar-rapport imsemmi hawn fuq, l-Istati Membri ġew mistiedna jagħtu l-esperjenza tagħhom u jivvalutaw il-miżuri. Il-partijiet ikkonċernati ġew ikkonsultati permezz tal-Grupp ta’ Esperti tal-VAT.

    B’mod ġenerali, l-Istati Membri qiesu li l-mekkaniżmu tar-reverse charge inkluż fl-Artikolu 199a tad-Direttiva tal-VAT huwa għodda effettiva u effiċjenti ħafna fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT. Minħabba l-introduzzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge, il-frodi naqset b’mod sinifikanti jew għebet fis-setturi definiti. Din il-fehma dehret ukoll fit-tweġibiet li waslu mingħand il-partijiet ikkonċernati kkonsultati li jqisu l-mekkaniżmu tar-reverse charge bħala miżura temporanja effiċjenti għall-ġlieda kontra l-frodi.

    Minkejja li l-Mekkaniżmu ta’ Reazzjoni Rapida inkluż fl-Artikolu 199b tad-Direttiva tal-VAT qatt ma ntuża, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri qiesu li dan baqa’ għodda utli u miżura ta’ prekawzjoni kontra l-każijiet eċċezzjonali ta’ frodi tal-VAT għall-għarrieda.

    Ġbir u użu ta’ għarfien espert

    Fil-qafas tar-rapport imsemmi hawn fuq, il-Grupp ta’ Esperti tal-VAT ġie kkonsultat fir-rigward tal-funzjonament u l-effetti tal-miżuri inklużi fl-Artikolu 199a tad-Direttiva tal-VAT. Il-feedback indika li l-mekkaniżmu tar-reverse charge għal provvisti speċifiċi tqies bħala għodda temporanja effiċjenti fil-ġlieda kontra l-frodi.

    B’mod ġenerali, il-mekkaniżmu tar-reverse charge fakultattiv ġie vvalutat fi studji preċedenti 11 . Valutazzjoni ta’ mekkaniżmu tar-reverse charge (anki meta mqabbel mar-reverse charge settorjali) fis-suq intern twettqet fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta dwar l-applikazzjoni temporanja ta’ mekkaniżmu tar-reverse charge ġeneralizzat 12 .

    Valutazzjoni tal-impatt

    L-inizjattiva testendi l-miżuri inklużi fl-Artikoli 199a u 199b tad-Direttiva tal-VAT għal perjodu limitat ieħor biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-indirizzar tal-frodi tal-VAT sakemm qed tiġi diskussa riforma aktar komprensiva tas-sistema tal-VAT mill-Istati Membri fil-Kunsill.

    Minħabba x-xogħol tal-Kummissjoni li għaddej bħalissa dwar is-sistema definittiva tal-VAT u l-immodernizzar tal-obbligi ta’ rapportar, u l-impatt mistenni tagħhom fuq il-ġlieda kontra l-frodi, għalissa inutli ssir rievalwazzjoni jew reviżjoni tal-miżuri billi kull konklużjoni tkun tranżizzjonali u tkun teħtieġ tiġi vvalutata mill-ġdid fid-dawl ta’ dawn il-miżuri l-ġodda possibbli.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Il-proposta mhi se jkollha l-ebda implikazzjoni negattiva għall-baġit tal-Unjoni.

    5.ELEMENTI OĦRA

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Żewġ bidliet huma proposti fir-rigward tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fl-Artikolu 199a tad-Direttiva tal-VAT.

    L-ewwel nett, il-perjodu ta’ applikazzjoni huwa estiż sa tmiem l-2025. Dan jidher li huwa perjodu raġonevoli sabiex ikunu jistgħu jitkomplew in-negozjati tal-Kunsill dwar is-sistema definittiva tal-VAT. Jekk is-sistema definittiva tal-VAT ma tidħolx fis-seħħ qabel dik id-data, l-arranġamenti fl-Artikolu 199a tad-Direttiva tal-VAT jistgħu jintemmu fi tmiem l-2025 minħabba l-klawżola ta’ estinzjoni. Jekk is-sistema definittiva tal-VAT tidħol fis-seħħ qabel l-2025, l-Artikoli 199a u 199b se jiġu emendati u għalhekk jissostitwixxu r-regoli attwali li qed jiġu estiżi.

    Bl-istess mod, din l-estensjoni hija marbuta wkoll mal-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ proposta tal-Kummissjoni dwar il-VAT fl-era diġitali, li f’dan l-istadju għad ma tistax tiġi pprovduta data tad-dħul fis-seħħ għaliha. L-adozzjoni tal-proposta nnifisha mill-Kummissjoni hija skedata għall-2022. Għalhekk, it-tmiem tal-2025 f’dan il-kuntest huwa wkoll perjodu raġonevoli biex il-Kunsill jadotta l-proposta.

    Fil-każ li sa tmiem l-2025 la s-sistema definittiva u lanqas ir-regoli tal-VAT fl-era diġitali ma jkunu fis-seħħ, titqies estensjoni ulterjuri tal-Artikoli 199a u 199b tad-Direttiva tal-VAT.

    Barra minn hekk, qed issir emenda teknika żgħira fir-rigward tat-tħassir tal-obbligi ta’ rapportar skaduti li fuqhom kien ibbażat ir-rapport tal-Kummissjoni msemmi hawn fuq.

    Il-perjodu ta’ applikazzjoni fir-rigward tal-Mekkaniżmu ta’ Reazzjoni Rapida fl-Artikolu 199b tad-Direttiva tal-VAT, qed jiġi wkoll estiż sa tmiem l-2025.

    2022/0027 (CNS)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-KUNSILL

    li temenda d-Direttiva 2006/112/KE rigward l-estensjoni tal-perjodu ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fakultattiv fir-rigward ta’ provvisti ta’ ċerti oġġetti u servizzi suxxettibbli għall-frodi u tal-Mekkaniżmu ta’ Reazzjoni Rapida kontra l-frodi tal-VAT

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 13 ,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 14 ,

    Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġislattiva speċjali,

    Billi:

    (1)Il-frodi tat-taxxa fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) twassal għal telf baġitarju konsiderevoli u għandha impatt fuq l-operazzjoni tas-suq intern.

    (2)L-Artikolu 199a tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE 15 jipprevedi li fuq bażi fakultattiva, l-Istati Membri jużaw il-mekkaniżmu tar-reverse charge għall-ħlas tal-VAT fuq provvisti ta’ oġġetti u servizzi prestabbiliti li huma suxxettibbli għall-frodi, u b’mod partikolari, il-frodi Intra-Komunitarja b’Negozjant Nieqes (MTIC). Il-miżura speċjali tal-Mekkaniżmu ta’ Reazzjoni Rapida (MRR) stabbilita fl-Artikolu 199b ta’ dik id-Direttiva, toffri lill-Istati Membri, f’ċerti kundizzjonijiet stretti, proċedura aktar rapida li tippermetti l-introduzzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge, li tirriżulta f’reazzjoni aktar adegwata u effettiva għal frodi għall-għarrieda u massiva. Iż-żewġ Artikoli jiskadu fit-30 ta’ Ġunju 2022.

    (3)Il-Kummissjoni adottat żewġ proposti leġiżlattivi 16 għall-introduzzjoni tas-sistema definittiva tal-VAT, li jenħtieġ li tipprovdi rispons komprensiv għall-frodi MTIC. Dawn il-proposti li inizjalment kienu previsti li jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2022, għadhom qed jiġu nnegozjati fil-Kunsill u mhuwiex previst li se jiġu adottati qabel dik id-data jew li jidħlu fis-seħħ dakinhar.

    (4)Wara l-Pakkett dwar it-Taxxa 17 , u bit-titlu tal-VAT fl-era diġitali, il-Kummissjoni qed taħdem ukoll fuq proposta għall-immodernizzar tar-regoli ta’ rapportar, sistema li possibbilment f’ħin reali tipprovdi informazzjoni dettaljata dwar tranżazzjonijiet individwali lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa u li tista’ tagħmel l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge obsoleta.

    (5)Fl-2018, il-Kummissjoni rrapportat is-sejbiet tagħha dwar l-effetti tal-mekkaniżmi inklużi fl-Artikoli 199a u 199b tad-Direttiva 2006/112/KE dwar il-ġlieda kontra l-frodi 18 . Fir-Rapport, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati ġeneralment iqisu l-mekkaniżmu tar-reverse charge stabbilit fl-Artikolu 199a ta’ dik id-Direttiva tal-VAT bħala għodda temporanja effettiva u effiċjenti fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT. Barra minn hekk, f’dak ir-Rapport l-Istati Membri qiesu l-MRR bħala għodda utli u miżura ta’ prekawzjoni f’każijiet eċċezzjonali ta’ frodi tal-VAT. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-kundizzjonijiet legali jew il-prattikalitajiet għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fis-sistema tal-VAT tal-UE ma nbidlux. Barra minn hekk, id-Direttiva tal-VAT ma ġietx emendata b’mod sinifikanti sabiex tindirizza l-kwistjoni tal-frodi MTIC b’mod aktar strutturali. Għalhekk, huwa raġonevoli li wieħed jassumi li dawn is-sejbiet u l-kunsiderazzjonijiet għadhom fil-biċċa l-kbira validi.

    (6)Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, jidher li l-miżuri inklużi fl-Artikoli 199a u 199b tad-Direttiva 2006/112/KE kienu utli bħala miżuri temporanji u mmirati. L-iskadenza tagħhom iċċaħħad lill-Istati Membri minn għodda effiċjenti fil-ġlieda kontra l-frodi; għaldaqstant jixraq li dawk il-miżuri jiġu estiżi għal perjodu limitat ta’ żmien biex isiru n-negozjati fil-Kunsill rigward is-sistema definittiva tal-VAT, u biex ikun jista’ jitkompla l-iżvilupp tar-regoli ta’ rapportar modernizzati, li sadattant għandhom jiġu adottati.

    (7)Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva 2006/112/KE tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Id-Direttiva 2006/112/KE hija emendata kif ġej:

    (1)L-Artikolu 199a huwa emendat kif ġej:

    (a)fil-paragrafu 1, il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Sal-31 ta’ Diċembru 2025, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT hija l-persuna taxxabbli li ssirilha kwalunkwe provvista minn dawn li ġejjin:”;

    (b)il-paragrafi 3, 4 u 5 huma mħassra;

    (2)fl-Artikolu 199b, il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “6. Il-miżura speċjali tal-MRR kif prevista fil-paragrafu 1 għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2025.”;

    Artikolu 2

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p.1).
    (2)    Pereżempju, it-trasferiment tal-kwoti għall-emissjoni tal-gassijiet serra, il-provvisti tat-telefons mobbli, iċ-ċertifikati tal-gass u tal-elettriku, is-servizzi tat-telekomunikazzjoni, u l-għelejjel taċ-ċereali u għelejjel industrijali oħra.
    (3)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2010/23/UE tas-16 ta’ Marzu 2010 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, fir-rigward ta’ applikazzjoni fakultattiva u temporanja tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fir-rigward tal-fornimenti ta’ ċerti servizzi suxxettibbli għal frodi (ĠU L 72, 20.3.2010, p. 1–2)
    (4)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2013/43/UE tat-22 ta’ Lulju 2013 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, rigward applikazzjoni fakultattiva u temporanja tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fir-rigward ta’ fornimenti ta’ ċerti prodotti u servizzi li jistgħu jkunu soġġetti għal frodi (ĠU L 201, 26.7.2013, p. 4–6)
    (5)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2013/42/UE tat-22 ta’ Lulju 2013 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward ta’ Mekkaniżmu ta’ Reazzjoni Rapida kontra l-frodi tal-VAT (ĠU L 201, 26.7.2013, p. 1).
    (6)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2018/1695 tas-6 ta’ Novembru 2018 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-perijodu ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fakultattiv fir-rigward ta’ provvisti ta’ ċerti merkanzija u servizzi suxxettibbli għall-frodi u tal-Mekkaniżmu ta’ Reazzjoni Rapida kontra l-frodi tal-VAT (ĠU L 282, 12.11.2018, p. 5-7).
    (7)    Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-effetti tal-Artikoli 199a u 199b tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar il-ġlieda kontra l-frodi, COM(2018) 118/2.
    (8)    L-introduzzjoni proposta tas-sistema definittiva tal-VAT hija bbażata fuq żewġ proposti differenti għad-Direttivi tal-Kunsill: waħda li tistabbilixxi l-prinċipji tas-sistema u waħda li tagħti d-dettalji tal-miżuri tekniċi li jiżguraw it-tħaddim effettiv tas-sistema. Rispettivament, dawn il-proposti huma:
    Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni ta’ ċerti regoli tas-sistema tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li tintroduċi s-sistema definittiva għat-tassazzjoni tal-kummerċ bejn l-Istati Membri (COM(2017) 569 final). Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE rigward l-introduzzjoni ta’ miżuri tekniċi dettaljati għat-tħaddim ta’ sistema definittiva tal-VAT għat-tassazzjoni ta’ kummerċ bejn l-Istati Membri, COM(2018)329 final.
    (9)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Pjan ta’ Azzjoni għal tassazzjoni ġusta u sempliċi li tappoġġa l-Istrateġija ta’ Rkupru, COM(2020) 312 final
    (10)    Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-effetti tal-Artikoli 199a u 199b tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar il-ġlieda kontra l-frodi, COM(2018) 118/2.
    (11)    Ara: https://ec.europa.eu/taxation_customs/system/files/2016-09/kp_07_14_060_en.pdf
    (12)    Impact assessment for the proposal as regards the temporary application of a generalised reverse charge mechanism in relation to supplies of goods and services above a certain threshold, SWD/2016/457.
    (13)    ĠU C , , p. .
    (14)    ĠU C , , p. .
    (15)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p.1).
    (16)    Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni ta’ ċerti regoli tas-sistema tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li tintroduċi s-sistema definittiva għat-tassazzjoni tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, COM(2017) 569 final, u
    l-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE rigward l-introduzzjoni ta’ miżuri tekniċi dettaljati għat-tħaddim ta’ sistema definittiva tal-VAT għat-tassazzjoni ta’ kummerċ bejn l-Istati Membri, COM(2018) 329 final.
    (17)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Pjan ta’ Azzjoni għal tassazzjoni ġusta u sempliċi li tappoġġa l-Istrateġija ta’ Rkupru, COM(2020) 312 final
    (18)    Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-effetti tal-Artikoli 199a u 199b tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar il-ġlieda kontra l-frodi, COM(2018) 118/2.
    Fuq