Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022PC0010

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-225 sessjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) b’rabta mal-adozzjoni prevista tal-Emenda 178 għall-Anness 1, l-Emenda 47 għall-Anness 6, il-Parti I, l-Emenda 40 għall-Anness 6, il-Parti II, l-Emenda 24 għall-Anness 6, il-Parti III, l-Emenda 7 għall-Anness 7, l-Emenda 109 għall-Anness 8, l-Emenda 91 għall-Anness 10, il-Vol IV, l-Emenda 17 għall-Anness 14, il-Vol I, l-Emenda 18 għall-Anness 17 u l-Emenda 29 għall-Anness 9 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali

    COM/2022/10 final

    Brussell, 17.1.2022

    COM(2022) 10 final

    2022/0003(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-225 sessjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) b’rabta mal-adozzjoni prevista tal-Emenda 178 għall-Anness 1, l-Emenda 47 għall-Anness 6, il-Parti I, l-Emenda 40 għall-Anness 6, il-Parti II, l-Emenda 24 għall-Anness 6, il-Parti III, l-Emenda 7 għall-Anness 7, l-Emenda 109 għall-Anness 8, l-Emenda 91 għall-Anness 10, il-Vol IV, l-Emenda 17 għall-Anness 14, il-Vol I, l-Emenda 18 għall-Anness 17 u l-Emenda 29 għall-Anness 9 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.Suġġett tal-proposta

    Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi:

    (i)il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-225 sessjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) b’rabta mal-adozzjoni prevista tal-Emenda 178 għall-Anness 1, l-Emenda 47 għall-Anness 6, il-Parti I, l-Emenda 40 għall-Anness 6, il-Parti II, l-Emenda 24 għall-Anness 6, il-Parti III, l-Emenda 7 għall-Anness 7, l-Emenda 109 għall-Anness 8, l-Emenda 91 għall-Anness 10, il-Vol IV, l-Emenda 17 għall-Anness 14, il-Vol I, l-Emenda 18 għall-Anness 17 u l-Emenda 29 għall-Anness 9 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u

    (ii)il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni wara li l-ICAO tħabbar l-adozzjoni tal-Emenda 178 għall-Anness 1, l-Emenda 47 għall-Anness 6, il-Parti I, l-Emenda 40 għall-Anness 6, il-Parti II, l-Emenda 24 għall-Anness 6 il-Parti III, l-Emenda 7 għall-Anness 7, l-Emenda 109 għall-Anness 8, l-Emenda 91 għall-Anness 10, il-Vol IV, l-Emenda 17 għall-Anness 14, il-Vol I, l-Emenda 18 għall-Anness 17 u l-Emenda 29 għall-Anness 9 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fl-Ittri rispettivi tal-Istat, li tistieden lill-Istati kontraenti tagħha biex jew jinnotifikaw id-diżapprovazzjoni tagħhom, jew jinnotifikaw kwalunkwe differenza jew konformità mal-miżuri adottati.

    2.Kuntest tal-proposta

    2.1.Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali

    Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”) għandha l-għan li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru. Il-Konvenzjoni ta’ Chicago daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947 u stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali.

    L-Istati Membri kollha tal-UE huma Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Chicago.

    2.2.L-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali

    L-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali hi aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti. L-għanijiet u l-objettivi tal-Organizzazzjoni huma li tiżviluppa l-prinċipji u t-tekniki tan-navigazzjoni internazzjonali bl-ajru u li trawwem l-ippjanar u l-iżvilupp tat-trasport internazzjonali bl-ajru.

    Il-Kunsill tal-ICAO huwa korp permanenti tal-ICAO bi sħubija ta’ 36 Stat kontraenti eletti mill-Assemblea tal-ICAO għal perjodu ta’ tliet snin. Għall-perjodu 2019–2022, hemm seba’ Stati Membri tal-UE rrappreżentati fil-Kunsill tal-ICAO.

    Il-funzjonijiet obbligatorji tal-Kunsill tal-ICAO, elenkati fl-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, jinkludu l-adozzjoni ta’ standards internazzjonali u prattiki rakkomandati (SARPs), iddeżinjati bħala Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

    Skont l-Artikolu 90 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kwalunkwe tali Anness jew kwalunkwe emenda ta’ Anness għandha ssir effettiva fi żmien tliet xhur minn meta tiġi ppreżentata lill-Istati kontraenti tal-ICAO, jew fl-aħħar ta’ perjodu ta’ żmien bħal dan itwal skont kif il-Kunsill tal-ICAO jista’ jippreskrivi, sakemm sadanittant ma jkunx hemm maġġoranza ta’ Stati kontraenti tal-ICAO li jirreġistraw id-diżapprovazzjoni tagħhom.

    Wara l-adozzjoni ta’ miżuri bħal dawn, l-Istati tal-ICAO huma meħtieġa jinnotifikaw jew id-diżapprovazzjoni tagħhom, kwalunkwe differenza jew il-konformità tagħhom mal-miżura qabel ma jidħlu fis-seħħ u jsiru legalment vinkolanti.

    Skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kwalunkwe Stat li jsib li ma huwiex prattiku li jikkonforma f’kull aspett ma’ kwalunkwe tali standard jew proċedura internazzjonali, jew li r-regolamenti jew il-prattiki tiegħu jinġiebu f’konformità sħiħa f’kull aspett ma’ kwalunkwe standard jew proċedura internazzjonali bħal dawn, jew li jqis li huwa meħtieġ li jiġu adottati regolamenti jew prattiki li jvarjaw fi kwalunkwe aspett partikolari minn dawk stabbiliti minn standard internazzjonali, għandu jinnotifika minnufih lill-ICAO bid-differenzi bejn il-prattika tiegħu u dik stabbilita mill-istandard internazzjonali.

    2.3.L-atti previsti tal-ICAO u r-relazzjoni tagħhom mar-regoli eżistenti tal-Unjoni

    Matul il-225 sessjoni jew kwalunkwe sessjoni sussegwenti tiegħu, il-Kunsill tal-ICAO huwa mistenni jadotta:

    l-Emenda 178 għall-Anness 1 li hija relatata mar-rikonoxximent globali tal-liċenzji elettroniċi tal-persunal (EPL);

    l-Emenda 47 għall-Anness 6, il-Parti I li hija relatata ma’ operazzjonijiet b’ħin ta’ devjazzjoni estiż (EDTO), ġkieket tas-salvataġġ għat-trabi, sistemi ta’ twissija ta’ qrubija lejn l-art, sistemi ta’ għarfien u ta’ twissija dwar ħruġ mir-runway u kreditu operazzjonali;

    l-Emenda 40 għall-Anness 6, il-Parti II li hija relatata ma’ kreditu operazzjonali u dispożizzjonijiet proporzjonati dwar is-salvataġġ u t-tifi tan-nar (RFF) għall-avjazzjoni ġenerali (GA);

    l-Emenda 24 għall-Anness 6, il-Parti III li hija relatata ma’ kreditu operazzjonali, sostituti offshore għal operazzjonijiet tal-ħelikopters fuq distanza twila u oġġetti perikolużi;

    L-emenda 7 għall-Anness 7 dwar ir-reġistrazzjoni, it-tneħħija mir-reġistrazzjoni u t-trasferiment tar-reġistrazzjoni ta’ inġenju tal-ajru;

    l-Emenda 109 għall-Anness 8 li hija relatata ma’ responsabbiltajiet tal-Istat fil-każ ta’ modifiki u tiswijiet minn partijiet terzi, dispożizzjonijiet dwar is-soppressjoni tan-nirien fil-kompartiment tal-merkanzija, u manutenzjoni fuq inġenji tal-ajru mhux reġistrati fl-Istat li jkun ħareġ l-approvazzjoni tal-organizzazzjoni tal-manutenzjoni;

    l-Emenda 91 għall-Anness 10, il-Vol IV li hija relatata mal-introduzzjoni tas-Sistema X għall-Evitar ta’ Kolliżjonijiet fl-Ajru (ACAS X) u mat-tnaqqis tal-okkorrenzi ta’ twissijiet foloz tal-ACAS fuq inġenji tal-ajru mgħammra bl-ACAS attwali b’kapaċità ta’ sorveljanza ibrida;

    l-Emenda 17 għall-Anness 14, il-Vol I li hija relatata mas-salvataġġ u t-tifi tan-nar għall-avjazzjoni ġenerali;

    l-Emenda 18 għall-Anness 17, li tirriżulta mir-rieżami tal-Anness 17 mit-32 Laqgħa tal-Bord tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni (AVSECP/32), li saret mill-31 ta’ Mejju sal-4 ta’ Ġunju 2021;

    l-Emenda 29 għall-Anness 9 li hija relatata ma’ tifqigħat ta’ kwistjonijiet tas-saħħa fl-avjazzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar ta’ persuni, li jirriżultaw mir-rakkomandazzjonijiet tat-12-il Laqgħa tal-Bord ta’ Faċilitazzjoni (FALP/12), li saret mit-13 sat-23 ta’ Lulju 2021

    (“l-atti previsti”).

    L-għanijiet tal-atti previsti huma kif ġej:

    L-Emenda 178 għall-Anness 1

    Li jiġu introdotti l-Ispeċifikazzjonijiet tal-Kapitolu 5 għal-Liċenzji tal-Persunal fl-Anness 1 rigward l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ liċenzji elettroniċi tal-persunal (EPL) sabiex jittejbu l-effiċjenza u r-rikonoxximent globali ta’ tali liċenzji.

    L-emenda hija prevista li ssir applikabbli fit-3 ta’ Novembru 2022. 

    L-Emenda 47 għall-Anness 6, Parti I

    Rigward l-operazzjonijiet b’ħin ta’ devjazzjoni estiż (EDTO), biex jiġi emendat il-Kapitolu 4 u biex jitħassar id-Dokument Mehmuż C. Il-bidla hija relatata ma’ sistemi sinifikanti tal-EDTO u hija intenzjonata li tiċċara li l-aktar restrizzjoni limitata fuq tul ta’ devjazzjoni tal-EDTO ma tistax tinqabeż, u li dan jeħtieġ li jitqies mad-dispaċċ. Peress li d-Dokument Mehmuż C huwa materjal ta’ gwida, dan jitħassar, peress li l-Manwal tal-EDTO (Dok 10085) fih sett sħiħ ta’ gwida dwar l-EDTO.

    Fir-rigward tal-ġkieket tas-salvataġġ għat-trabi, li tiġi introdotta Nota ġdida tal-Anness 6, il-Parti I bi gwida addizzjonali dwar il-ġarr ta’ ġkieket tas-salvataġġ għat-trabi. Ma hemm l-ebda obbligu legali fuq l-Istati kontraenti li jinnotifikaw il-konformità jew id-differenzi bin-Noti.

    Fir-rigward tas-sistemi ta’ twissija ta’ qrubija lejn l-art (GPWS), abbażi ta’ rieżami ta’ aċċidenti reċenti, li r-rakkomandazzjoni eżistenti tiġi aġġornata għal standard fl-Anness 6, il-Parti I rigward il-GPWS għal inġenji tal-ajru b’massa massima ċċertifikata waqt it-tlugħ (MCTOM) ta’ 5 700 kg jew inqas u li huma awtorizzati li jġorru aktar minn ħames passiġġieri iżda mhux aktar minn disa’ passiġġieri.

    Fir-rigward tas-sistemi ta’ għarfien u ta’ twissija dwar ħruġ mir-runway (ROAAs), li jiġi introdott Standard ġdid, flimkien ma’ definizzjonijiet ġodda fil-Kapitolu 1, li jeħtieġu l-użu tal-ROAAs għal inġenji tal-ajru tat-trasport kummerċjali bl-ajru, fuq bażi ta’ “forward-fit”.

    L-Emenda 47 għall-Anness 6, il-Parti I, l-Emenda 40 għall-Anness 6, il-Parti II u l-Emenda 24 għall-Anness 6, il-Parti III li huma relatati mal-minimi operazzjonali tal-ajrudrom ibbażati fuq il-Prestazzjoni (PBAOM) u r-reġistraturi tat-titjira

    Fir-rigward tal-kreditu operazzjonali fil-kuntest tal-PBAOM, il-kunċett ta’ PBAOM joffri l-possibbiltà li jingħata kreditu operazzjonali, jiġifieri li jiġu applikati minimi aktar baxxi, abbażi tal-prestazzjoni tas-sistemi tal-infrastruttura u tal-inġenji tal-ajru bbażati fuq l-art.

    Għan wieħed tal-emendi għall-Anness 6 huwa li jiġu evitati referenzi għal sistemi speċifiċi – bħal sistemi ta’ viżjoni mtejba (EVS) u displej fil-livell tal-għajnejn (HUDs) – u li jiġi pprovdut test aktar ġeneriku u newtrali fir-rigward tat-teknoloġija, biex ikunu jistgħu jsiru aktar żviluppi f’dan il-qasam. Bidla oħra hija l-introduzzjoni tad-definizzjonijiet ta’ inġenji tal-ajru bażiċi u avvanzati – inġenji tal-ajru avvanzati li jkollhom tagħmir addizzjonali ogħla minn dak meħtieġ għall-operazzjoni meta mqabbel ma’ inġenju tal-ajru bażiku li jkollu biss it-tagħmir meħtieġ u, għalhekk, ma jkun eliġibbli għal ebda kreditu operazzjonali. Din il-bidla hija l-ewwel stadju fl-introduzzjoni tal-kunċett tal-PBAOM f’operazzjonijiet kummerċjali, biex jiġi ffaċilitat il-fehim tal-kunċett, u biex l-Istandards ikunu jistgħu jinkitbu b’mod aktar ġeneriku.

    Barra minn hekk, id-Dokument Mehmuż H għall-Anness 6, il-Parti I jitħassar peress li l-informazzjoni dwar l-użu ta’ sistemi awtomatiċi ta’ nżul, ta’ displejs fil-livell tal-għajnejn u ta’ sistemi ta’ viżjoni issa tinsab fil-Manwal dwar l-Operazzjonijiet għal kull Tip ta’ Temp (Dok 9365). Ma hemm l-ebda obbligu legali fuq l-Istati kontraenti biex jinnotifikaw il-konformità jew id-differenzi mill-materjal ta’ gwida.

    Fir-rigward tar-reġistraturi tat-titjira, li jiġu emendati Standards eżistenti fl-Anness 6 biex jiġu introdotti rekwiżiti dwar il-manifatturi u l-installaturi tas-sistemi tar-reġistratur tat-titjira biex tiġi pprovduta l-informazzjoni meħtieġa biex ir-reġistraturi tat-titjira jinżammu tajbin għas-servizz. Ir-rekwiżiti jiċċaraw ukoll il-perjodiċità ta’ kompitu ta’ manutenzjoni applikabbli għar-reġistratur tad-data tat-titjira.

    L-Emenda 40 għall-Anness 6, il-Parti II u l-Emenda 17 għall-Anness 14, il-Volum I li huma relatati mad-dispożizzjonijiet dwar is-salvataġġ u t-tifi tan-nar (RFF) għall-avjazzjoni ġenerali (GA)

    L-introduzzjoni ta’ Rakkomandazzjoni ġdida fl-Anness 6, il-Parti II, it-Taqsima 2 (Operazzjonijiet Ġenerali tal-Avjazzjoni) u ta’ Standards ġodda fl-Anness 6, il-Parti II, it-Taqsima 3 (Ajruplani kbar u ajruplani b’magni turbo-ġett) u għall-Anness 14, il-Volum I, fil-Kapitolu 9.

    Fir-rigward tal-Anness 6, il-Parti II, it-Taqsimiet 2 u 3, li tiġi identifikata b’mod ċar il-ħtieġa li l-operatur iqis id-disponibbiltà tal-faċilitajiet u s-servizzi tal-RFF f’ajrudrom ta’ operazzjoni intenzjonata.

    Ir-rakkomandazzjoni proposta fit-Taqsima 2 tal-Anness 6, il-Parti II tippermetti lill-operaturi tal-GA affettwati (fis-sistema tal-UE, l-operaturi tal-NCO), jivvalutaw l-adegwatezza tal-ajrudrom tal-operazzjoni intenzjonata u jinkludu d-disponibbiltà tal-faċilitajiet tal-RFF f’din il-valutazzjoni. Fil-każ ta’ operaturi koperti mit-Taqsima 3 tal-Anness 6, il-Parti II (fis-sistema tal-UE, l-operaturi tal-NCC), li huma meħtieġa li jkollhom sistema ta’ ġestjoni tas-sikurezza (SMS) fis-seħħ, il-ħtieġa li jiġu kkunsidrati faċilitajiet adegwati tal-RFF meta jintgħażel f’liema ajrudrom joperaw, jenħtieġ li tiġi indirizzata fi ħdan l-SMS tal-operatur.

    Barra minn hekk, l-ICAO qed tipproponi li teskludi lill-GA mid-dispożizzjonijiet tal-RFF fl-Anness 14 — Ajrudromi, il-Volum I — Disinn u Operazzjonijiet tal-Ajrudrom. Xi Stati jinterpretaw it-test attwali li jfisser li l-ajrudromi kollha, irrispettivament mid-daqs u mit-tip ta’ operazzjonijiet, irid ikollhom faċilitajiet dedikati tal-RFF. Għal ajrudromi żgħar li jintużaw esklussivament għall-GA, dan joħloq piż kbir, u rriżulta fir-restrizzjoni tas-sigħat tax-xogħol jew saħansitra fl-għeluq tal-ajrudrom. L-għeluq temporanju jew is-sigħat ta’ operazzjoni ristretti tal-ajruporti, fih innifsu huwa ta’ periklu, b’mod partikolari għall-inġenji tal-ajru tal-GA, li għandhom awtonomija aktar limitata, spiss ikunu ristretti għal operazzjonijiet ta’ binhar, u huma aktar ristretti mill-kundizzjonijiet tat-temp. Ir-rekwiżit attwali tal-RFF ma huwiex proporzjonat, primarjament minħabba li l-massa baxxa u l-veloċitajiet baxxi tal-qtugħ mill-art u tal-inżul kif ukoll il-kapaċità limitata tal-fjuwil ta’ inġenji tal-ajru żgħar tal-GA, x’aktarx li ma jagħmlux it-tip ta’ aċċident tal-qtugħ mill-art u tal-inżul tali li jkun jeħtieġ tim ta’ tifi tan-nar tal-ajrudrom.

    L-Emenda 24 għall-Anness 6, il-Parti III

    Rigward is-sostituti offshore għal operazzjonijiet tal-ħelikopters fuq distanza twila, bidliet fl-Istandards u fil-Prattiki Rakkomandati biex titneħħa l-prattika rakkomandata attwali li ma jintużawx sostituti offshore f’żoni ostili. Issa jirrikjedi li l-operatur iqis il-fatturi rilevanti kollha meta jagħmel id-determinazzjoni li jużahom. Il-bidla tippermetti lil operatur jippjana għal sostitut offshore f’żona ostili, soġġett għat-tlestija ta’ analiżi tar-riskju. L-intenzjoni hija li operatur jimmaniġġja t-tagħbija ottimizzata b’mod sikur u effiċjenti kontra r-rekwiżiti tal-fjuwil, tal-medda u tad-devjazzjoni, filwaqt li jżomm tal-anqas il-livell ekwivalenti ta’ sikurezza kif iddikjarat fid-dispożizzjoni attwali.

    Dwar il-ġarr ta’ oġġetti perikolużi bil-ħelikopter, li jiġi inkluż Kapitolu 12 ġdid fl-Anness 6, il-Parti III. Bħalissa ma hemm l-ebda standard adegwat fil-Parti III, speċifikament fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet relatati mar-responsabbiltajiet tal-Istat tal-Operatur. Dawn id-dispożizzjonijiet huma meħtieġa biex jindirizzaw is-sorveljanza sikura tal-operazzjonijiet ta’ oġġetti perikolużi u biex jiġu ċċarati r-rekwiżiti għall-operaturi li ma humiex awtorizzati li jġorru oġġetti perikolużi. Id-dispożizzjonijiet huma bbażati fuq dawk inklużi fl-Anness 6, il-Parti I, u ġew adattati għall-Anness 6, il-Parti III. Id-dispożizzjonijiet huma konsistenti mal-Istruzzjonijiet Tekniċi għat-Trasport Sikur ta’ Oġġetti Perikolużi bl-Ajru (id-Dok 9284, Struzzjonijiet Tekniċi).

    L-emendi għall-Anness 6, il-Partijiet I, II u III u l-Anness 14, il-Vol I huma previsti li jsiru applikabbli fit-3 ta’ Novembru 2022.

    L-Emenda 7 għall-Anness 7

    Sabiex jiġi ffaċilitat it-trasferiment ta’ inġenju tal-ajru minn Stat għal ieħor, għandha tiġi armonizzata l-prattika attwali, kif ukoll tiġi mħeġġa t-trasparenza u l-konsistenza fl-iskambju tad-data dwar is-sjieda tal-inġenji tal-ajru bejn l-Istati.

    Dwar ir-reġistrazzjoni tal-inġenju tal-ajru, sabiex jinbidel iċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni biex jindika li huwa maħruġ jew lil sid l-inġenju tal-ajru, lill-operatur ta' inġenju tal-ajru jew lil ħaddieħor. Din il-bidla għandha l-għan li tirrispekkja l-prattiki kummerċjali attwali fl-industrija tal-avjazzjoni, bħal-lokazzjoni, fejn l-inġenju tal-ajru jkun operat minn entità differenti mill-proprjetarju tal-inġenju tal-ajru.

    Dwar it-tneħħija mir-reġistrazzjoni tal-inġenju tal-ajru, sabiex tintroduċi rekwiżit li jinħareġ ċertifikat ta’ tneħħija mir-reġistrazzjoni ta’ inġenju tal-ajru meta dan jitneħħa mir-reġistrazzjoni. Bħalissa l-format u l-informazzjoni f’notifika jew ċertifikat ta’ tneħħija mir-reġistrazzjoni maħruġa minn diversi Stati mhix standardizzata, u dan qed iwassal għal dewmin fir-reġistrazzjoni.

    L-Emenda 7 għall-Anness 7 hija prevista li ssir applikabbli fit-2 ta’ Novembru 2023. Madankollu, d-dispożizzjonijiet relatati maċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni huma previsti jsiru applikabbli fis-26 ta’ Novembru 2026.

    L-Emenda 109 għall-Anness 8

    Li jiġu emendati l-SARPs fl-Anness 8 biex tittejjeb iċ-ċarezza u biex jiġi żgurat li l-Istati li japprovaw kwalunkwe modifika u tiswija (jiġifieri l-Istati tal-Modifika fid-Disinn) ikollhom fehim ċar tar-responsabbiltà kontinwata tagħhom għall-ajrunavigabbiltà, u li jiġu ċċarati l-kapaċitajiet tad-disinn tas-sistemi tas-soppressjoni tan-nirien fil-kompartiment tal-merkanzija f’ajruplani kbar, f’ħelikopters u f’ajruplani żgħar. Barra minn hekk, tiżdied Nota li tiċċara li d-dispożizzjonijiet proposti fil-Kapitolu 6, il-Parti II ma jwaqqfux lil organizzazzjoni tal-manutenzjoni milli twettaq manutenzjoni fuq inġenji tal-ajru li ma jkunux irreġistrati fl-Istat li jkun ħareġ l-approvazzjoni tal-organizzazzjoni tal-manutenzjoni u fuq inġenji tal-ajru mingħajr reġistrazzjoni. Ma hemm l-ebda obbligu legali fuq l-Istati kontraenti li jinnotifikaw il-konformità jew id-differenzi bin-Noti.

    Id-data tal-applikabbiltà għall-Emenda 109 għall-Anness 8 hija t-3 ta’ Novembru 2022.

    L-Emenda 91 għall-Anness 10 il-Volum IV

    Li jiġu emendati s-SARPS eżistenti fl-Anness 10, il-Vol IV, biex tiġi introdotta s-Sistema X għall-Evitar ta’ Kolliżjonijiet fl-Ajru (ACAS X) biex tittejjeb is-sikurezza, jitnaqqsu twissijiet mhux meħtieġa, jiġu akkomodati proċeduri ġodda, u jiġi ffaċilitat l-użu ta’ sorsi oħra ta’ sorveljanza biex jappoġġaw tipi ġodda ta’ inġenji tal-ajru, u titnaqqas l-okkorrenza ta’ twissijiet foloz tal-ACAS. L-emenda hija prevista li ssir applikabbli fit-3 ta’ Novembru 2022.

    L-Emenda 18 għall-Anness 17

    Li jiġu introdotti SARPs ġodda u/jew jiġu emendati SARPs eżistenti fl-Anness 17 għall-Konvenzjoni ta’ Chicago, li huma relatati mal-kultura tas-sigurtà; programmi ta’ sigurtà tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru; metodi biex jiġu identifikati l-isplussivi fil-bagalji li jgħaddu miċ-check-in; programmi nazzjonali dwar il-kontroll tal-kwalità tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili. L-Emenda 18 hija prevista li ssir applikabbli f’Novembru 2022.

    L-Emenda 29 għall-Anness 9

    L-Emenda 29 proposta għall-Anness 9 tinkludi, fost oħrajn, dispożizzjonijiet ġodda u/jew riveduti dwar emerġenzi tas-saħħa pubblika, is-sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar u tal-provi tas-saħħa, titjiriet ta’ sokkors u ta’ ripatrijazzjoni, il-faċilitazzjoni tat-trasport bl-ajru ta’ persuni b’diżabilità, l-assistenza lill-vittmi ta’ inċidenti ta’ inġenji tal-ajru u lill-familji tagħhom, it-traffikar ta’ persuni, u bidla żgħira f’nota għad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) biex jiġi speċifikat it-terminu “push”.

    Speċjalment fir-rigward tas-saħħa, fil-15 ta’ April 2020, il-Kumitat għat-Trasport bl-Ajru (ATC) (C-DEC 219/3) approva t-Termini ta’ Referenza (ToRs) ta’ Task Force, b’mandat li jiġu rieżaminati s-SARPs kollha fl-Anness 9 li huma relatati mas-saħħa u l-materjal ta’ gwida korrispondenti, jiġu żviluppati proposti għal dispożizzjonijiet ġodda tal-Anness 9 u/jew riveduti dawk eżistenti, u jiġi abbozzat materjal ta’ gwida rilevanti. Dawn huma mfassla biex jipprovdu miżuri effettivi tal-ICAO biex l-Istati, permezz tal-awtoritajiet tal-avjazzjoni, jimplimentawhom flimkien ma’ rekwiżiti għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru u tal-ajruporti, kif ukoll għal partijiet ikkonċernati oħrajn.

    It-Task Force, meta qieset l-inklużjoni ta’ SARPs ġodda u riveduti relatati mas-saħħa, ipproponiet definizzjonijiet ġodda, u modifiki għall-Kapitolu 1 (diżinsettizzazzjoni u diżinfezzjoni tal-inġenji tal-ajru), għall-Kapitolu 6 (dwar il-pjan ta’ emerġenza tal-ajrudrom biex jiġu koperti t-tifqigħat tas-saħħa), għall-Kapitolu 8 (dwar il-ġbir tad-dokumentazzjoni dwar is-saħħa, it-trawwim ta’ soluzzjonijiet diġitali fejn possibbli), u qablet fuq l-istabbiliment ta’ Kapitolu ġdid (il-Kapitolu 10) fl-Anness 9 – Faċilitazzjoni. Il-Kapitolu 10 ġdid għandu l-għan li jiġbor flimkien SARPs ġodda u dawk riveduti li huma relatati mas-saħħa, inkluż ir-rilokazzjoni ta’ xi SARPs eżistenti relatati mas-saħħa minn Kapitoli oħra fl-Anness 9, għall-Kapitolu 10 ġdid propost. Dan il-Kapitolu se jkun magħmul minn tliet Taqsimiet: - A. Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa u Miżuri Relatati; B. Spezzjoni ta’ dokumentazzjoni relatata mas-Saħħa; u C. Prevenzjoni u Mitigazzjoni ta’ Mard Komunikabbli. Madankollu, minħabba ħidma intensa fuq l-SARPs ġodda u dawk riveduti, u restrizzjonijiet ta’ żmien, it-Task Force ma setgħetx tiġbor l-SARPs sabiex tistabbilixxi bis-sħiħ Kapitolu 10 ġdid.

    Fir-rapport finali tiegħu, it-12-il Bord ta’ Faċilitazzjoni rrieżamina u integra r-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force u l-SARPs proposti tagħha b’noti addizzjonali. Xi SARPs ġew immodifikati mill-Bord, u fl-aħħar mill-aħħar intlaħaq kunsens dwarhom fost il-parteċipanti. Id-diskussjonijiet koprew il-politika dwar it-traċċar tal-kuntatti u l-istatus tad-dokumentazzjoni tas-saħħa dwar id-dħul jew it-tranżitu. Barra minn hekk, il-Bord qabel li jintroduċi bidliet żgħar fil-Formola tal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri.

    Apparti dan, ġiet żviluppata l-Istrateġija Komprensiva mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Bord ta’ Faċilitazzjoni tal-ICAO dwar it-Traffikar ta’ Bnedmin (WGHT). Din tinkludi l-iżvilupp ta’ linji gwida u l-assistenza lill-Istati Membri biex:

    a) joħolqu u jimplimentaw strateġija komprensiva relatata mal-faċilitazzjoni għall-ġlieda kontra t-traffikar ta’ bnedmin fl-avjazzjoni ċivili; u

    b) jistabbilixxu politiki u protokolli relatati mar-rispons għal inċident(i) suspettat(i) tat-traffikar ta’ bnedmin, li jinkludu linji ċari ta’ rapportar lill-aġenziji tal-eżekuzzjoni tal-liġi, ir-rispons għal każijiet ta’ traffikar potenzjali ta’ bnedmin u l-koordinazzjoni bejn l-aġenziji tal-Istat, fost l-Istati, u mal-partijiet ikkonċernati (inklużi l-ajruporti u l-linji tal-ajru).

    Din l-Istrateġija Komprensiva tikkomplementa l-politiki eżistenti tal-ICAO dwar il-ġlieda, il-gwida, u riżorsi oħra kontra t-traffikar li ġew żviluppati biex jiggwidaw lis-settur tal-avjazzjoni fl-isforzi tiegħu kontra t-traffikar, inkluża riżoluzzjoni ġenerali, żewġ prattiki rakkomandati, linji gwida ta’ taħriġ, linji gwida ta’ rapportar, programm ta’ taħriġ, u stħarriġ tal-Istati Membri.

    Dawn il-bidliet deskritti fl-Emenda 29 huma previsti li jsiru applikabbli f’Novembru 2022.

    3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

    3.1.Il-bidliet prinċipali u r-relazzjoni tagħhom mar-regoli eżistenti tal-Unjoni

    L-Emenda 178 għall-Anness 1 li hija relatata mar-rikonoxximent globali tal-liċenzji elettroniċi tal-persunal (EPL)

    B’risposta għar-rakkomandazzjonijiet li saru mid-39 Sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO, is-Segretarjat tal-ICAO analizza l-fattibbiltà tal-iżvilupp ta’ Standards fl-Anness 1 — Liċenzjar tal-Persunal, għall-implimentazzjoni ta’ sistema elettronika ta’ liċenzjar tal-persunal bl-għan li jittejbu s-sikurezza u l-effiċjenza. L-analiżi indikat li emenda għall-Anness 1 li tippermetti l-użu fakultattiv tal-liċenzji elettroniċi tal-persunal kienet fattibbli, sakemm tingħata attenzjoni bir-reqqa biex jiġi evitat li jiġi impost piż żejjed fuq Stati oħra li jkollhom bżonn jivverifikaw l-awtentiċità u l-validità ta’ liċenzja. Ġiet stabbilita Task Force Elettronika tal-Liċenzji tal-Persunal (EPL-TF), u ngħatat il-kompitu, inter alia, li tirrieżamina l-analiżi mwettqa mis-Segretarjat tal-ICAO u li tiżviluppa dispożizzjonijiet proposti li jikkunsidraw bir-reqqa l-aċċettazzjoni tal-liċenzji elettroniċi minn Stati oħra.

    L-Istati Membri ġew ikkonsultati dwar l-emendi proposti bl-Ittra tal-Istat tal-ICAO AN 12/1.1.25-20/112, inklużi l-proposti għall-emenda tal-Anness 1 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

    L-emendi inizjalment proposti fl-Ittra tal-Istat AN 12/1.1.25-20/112 huma relatati mal-introduzzjoni ta’ liċenzji elettroniċi tal-persunal fuq apparat mobbli awtonomu b’unità tal-wiri elettronika, minbarra l-liċenzji maħruġa fuq karta tal-ewwel kwalità jew materjal xieraq ieħor, inklużi l-kards tal-plastik.

    Wara r-rakkomandazzjoni tal-EASA fuq l-Ittra tal-Istat AN 12/1.1.25-20/112, ħafna Stati Membri tal-UE rrikonoxxew il-vantaġġi rilevanti mogħtija minn liċenzja elettronika u ma jipprevedu l-ebda restituzzjoni speċifika.

    L-Emendi previsti jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE, jiġifieri r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 1 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/340 2 . Se jkollhom jiġu introdotti SARPs ġodda tal-ICAO fil-leġiżlazzjoni tal-UE kollha, biex jiġi emendat il-qafas legali attwali sabiex jiġu regolati l-format, it-tip u ċ-ċertifikazzjoni ta’ apparat mobbli awtonomu b’unità tal-wiri elettronika, kif ukoll il-possibbiltà li tiġi aċċessata data rilevanti b’konnessjoni mal-internet u mingħajrha, filwaqt li jiġu ssalvagwardjati l-integrità, il-privatezza u s-sikurezza tad-data personali.

    L-Emenda 47 għall-Anness 6 il-Parti I, l-Emenda 40 għall-Anness 6 il-Parti II, l-Emenda 24 għall-Anness 6 il-Parti III u l-Emenda 17 għall-Anness 14, il-Vol I

    L-Emenda 47 għall-Anness 6 il-Parti I dwar operazzjonijiet b’ħin ta’ devjazzjoni estiż (EDTO) jenħtieġ li tiġi trasposta fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 3 .

    L-Emenda 47 għall-Anness 6 il-Parti I li hija relatata mal-ġkieket tas-salvataġġ għat-trabi tikkorrispondi mar-regoli eżistenti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012, li jindirizzaw l-attrezzar u l-istivar ta’ ġkieket tas-salvataġġ, jew ta’ apparat ekwivalenti ta’ flotazzjoni għat-trabi. L-istess japplika għas-Sistemi ta’ Twissija ta’ Qrubija lejn l-Art (GPWS). L-EASA ppreżentat informazzjoni biex tappoġġa l-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji mwettqa mill-ICAO. Din l-analiżi identifikat relazzjoni pożittiva tal-ispejjeż u l-benefiċċji għal din il-bidla fuq bażi ta’ “forward-fit”, iżda mhux biżżejjed biex tiġġustifika modifika retroattiva. Ma hija se tkun meħtieġa l-ebda bidla fir-regoli tal-UE.

    L-Emenda 47 għall-Anness 6 il-Parti I relatata mas-sistemi ta’ għarfien u ta’ twissija dwar ħruġ mir-runway (ROAAs) tikkorrispondi mar-regoli eżistenti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/640 4 . Ma hija se tkun meħtieġa l-ebda bidla fir-regoli tal-UE.

    L-Emenda 47 għall-Anness 6 il-Parti I, l-Emenda 40 għall-Anness 6 il-Parti II u l-Emenda 24 għall-Anness 6 il-Parti III dwar il-kreditu operazzjonali fil-kuntest tal-minimi operattivi tal-ajrudrom ibbażati fuq il-prestazzjoni (PBAOM) jikkorrispondu għar-regoli eżistenti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012. Ma hija se tkun meħtieġa l-ebda bidla fir-regoli tal-UE.

    L-Emenda 47 għall-Anness 6 il-Parti I, l-Emenda 40 għall-Anness 6 il-Parti II u l-Emenda 24 għall-Anness 6 il-Parti III relatati mar-reġistraturi tat-titjira. L-investigazzjoni tal-aċċidenti u tal-inċidenti serji minn bosta Stati ġiet imfixkla minħabba li s-sistemi tar-reġistraturi tat-titjira (is-sistema tar-reġistratur tad-data tat-titjira u/jew is-sistema tar-reġistratur tal-vuċi fil-kabina tal-pilota) installati fuq l-inġenju tal-ajru kkonċernat ma kinux qed jinżammu tajbin għas-servizz. Dan irriżulta fi problemi fil-fajls tar-reġistrazzjoni miksuba mir-reġistraturi tat-titjira (bħal informazzjoni nieqsa, valuri tal-parametri invalidi jew reġistrazzjonijiet ta’ smigħ li ma jinftehmux). Wieħed mill-fatturi kontribwenti għal din il-kwistjoni huwa li l-informazzjoni biex is-sistemi tar-reġistraturi tat-titjira jinżammu tajbin għas-servizz ta’ spiss ma tkunx kompluta. L-operaturi għandhom jiżguraw li s-sistemi tar-reġistraturi tat-titjira jibqgħu tajbin għas-servizz, iżda mingħajr l-informazzjoni xierqa ma jistgħux jissodisfaw dan ir-rekwiżit.

    Il-proposti fl-Ittra tal-Istat SP 55/4-20/94 tal-ICAO jemendaw l-Istandards tal-ICAO fl-Appendiċi 8 għall-Anness 6 il-Parti I, l-Appendiċi 2.3 għall-Anness 6 il-Parti II u l-Appendiċi 4 għall-Anness 6 il-Parti III. Dawn il-proposti:

    1.Jemendaw l-Istandards tal-ICAO applikabbli għall-manifattur tas-sistemi tar-reġistraturi tat-titjira u jintroduċu Standards tal-ICAO applikabbli għall-installatur tas-sistemi tar-reġistraturi tat-titjira, bl-għan li jirrikjedu li dawn l-organizzazzjonijiet jipprovdu l-informazzjoni suffiċjenti biex l-operaturi jżommu r-reġistraturi tat-titjira tajbin għas-servizz.

    2.Jemendaw l-Istandards tal-ICAO applikabbli għal kompitu ta’ manutenzjoni tar-reġistratur tad-data tat-titjira (l-hekk imsejjaħ “kalibrazzjoni tar-reġistratur tad-data tat-titjira”) bl-għan li tiġi ċċarata l-perjodiċità tiegħu.

    F’rakkomandazzjoni għal tweġiba għal din l-Ittra tal-Istat, li ntbagħtet lill-Istati Membri tal-UE, l-EASA appoġġat l-intenzjoni tal-emendi proposti deskritti fil-punt 1 iżda ssuġġeriet xi bidliet fil-kliem tagħhom. Fir-rigward tal-punt 2, l-EASA kkummentat li wieħed mill-Istandards tal-ICAO propost biex jiġi emendat, minflok, jenħtieġ li jitneħħa.

    Fit-tweġiba tagħhom għall-Ittra tal-Istat tal-ICAO SP 55/4-20/94, 12-il Stat Membru tal-UE rrepetew l-analiżi u l-kummenti tal-EASA. L-Istati Membri l-oħra tal-UE ma weġbux għal dik l-Ittra tal-Istat.

    Wara l-konsultazzjoni dwar l-Ittra tal-Istat SP 55/4-20/94, il-bidliet mhux editorjali proposti mill-EASA u mill-Istati Membri tal-UE ġew aċċettati mis-Segretarjat tal-ICAO, ħlief għall-Istandard tal-ICAO li l-EASA kienet ipproponiet li jitneħħa. L-Emendi previsti ma humiex se jaffettwaw ir-Regolamenti tal-UE, iżda x’aktarx se jwasslu għal bdil ta’ xi regoli AMC f'regoli tal-Air OPS u/jew għal bidliet żgħar fl-Ispeċifikazzjonijiet taċ-Ċertifikazzjoni (CS-ETSO, CS-25 u CS-29).

    L-Emenda 40 għall-Anness 6 il-Parti II u l-Emenda 17 għall-Anness 14 il-Vol I relatati mad-dispożizzjonijiet dwar is-salvataġġ u t-tifi tan-nar (RFF) għall-avjazzjoni ġenerali (GA) jenħtieġ li jiġu trasposti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 u fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 139/2014 5 rispettivament.

    L-Emenda 24 għall-Anness 6 il-Parti III, relatata mas-sostituti offshore għal operazzjonijiet tal-ħelikopters fuq distanza twila, tipproponi kriterji ta’ sikurezza kif ukoll il-ħtieġa ta’ approvazzjoni. Dawk il-proposti jikkorrispondu mar-regoli fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012. Ma hija se tkun meħtieġa l-ebda bidla fir-regolamenti tal-UE.

    L-Emenda 24 għall-Anness 6 il-Parti III, relatata ma’ oġġetti perikolużi, ma teħtieġ l-ebda bidla fir-Regolamenti tal-UE peress li r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 jirreferi għall-Anness 18 tal-ICAO u l-Istruzzjonijiet Tekniċi assoċjati direttament.

    L-emenda 7 għall-Anness 7 dwar ir-reġistrazzjoni, it-tneħħija mir-reġistrazzjoni u t-trasferiment tar-reġistrazzjoni ta’ inġenju tal-ajru

    L-Emenda 7 għall-Anness 7 tistabbilixxi l-modalitajiet tal-implimentazzjoni tar-reġistrazzjoni tal-inġenju tal-ajru, billi tadatta l-mudell taċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni u tintroduċi mudell taċ-ċertifikat tat-tneħħija mir-reġistrazzjoni.

    Filwaqt li ċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni jew tat-tneħħija mir-reġistrazzjoni bħalissa mhumiex regolati mid-dritt tal-UE, l-Emenda 7 għall-Anness 7 tirreferi għal qasam kopert mir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 6 , li jistabbilixxi l-qafas ġenerali tar-reġistrazzjoni ta’ inġenju tal-ajru fil-livell tal-UE. Il-prinċipju li jiggwida l-Emenda 7 għall-Anness 7, li jiġi ffaċilitat it-trasferiment ta’ inġenju tal-ajru minn Stat għal ieħor, jikkorrispondi għar-regoli fir-Regolament (KE) Nru 1008/2008.

    L-Emenda 109 għall-Anness 8 relatata mar-responsabbiltajiet tal-Istat fil-każ ta’ modifiki u tiswijiet minn partijiet terzi

    L-emenda għall-Anness 8, il-Parti I u l-Parti II, il-Kapitolu 4, tiċċara r-responsabbiltajiet tal-Istat tad-Disinn tal-Modifika u tagħmel distinzjoni b’mod adegwat mill-Istat oriġinali tad-Disinn jew tal-Manifattura tal-inġenju tal-ajru, tal-magna jew tal-iskrun. Dan jinkludi r-riċeviment u l-evalwazzjoni ta’ informazzjoni dwar id-difetti u l-iżvilupp u d-distribuzzjoni ta’ informazzjoni obbligatorja dwar l-ajrunavigabbiltà kontinwata. L-SARPs il-ġodda huma limitati għall-kjarifika tar-responsabbiltajiet ta’ informazzjoni obbligatorja kontinwata dwar l-ajrunavigabbiltà biss, peress li l-SARPs eżistenti diġà jeħtieġu li d-disinn u/jew il-manifattura ta’ dawk il-modifiki u/jew tiswijiet jkunu aċċettabbli għall-Istat tar-Reġistru tal-inġenju tal-ajru affettwat.

    Is-sistema biex l-EASA tissodisfa r-responsabbiltà tagħha (bħala Stat tad-Disinn jew bħala Stat tad-Disinn tal-Modifika) diġà hija prevista fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 7 . Din is-sistema tinkludi r-riċeviment u l-evalwazzjoni ta’ informazzjoni dwar id-difetti, u l-iżvilupp u d-distribuzzjoni ta’ informazzjoni obbligatorja dwar l-ajrunavigabbiltà kontinwata.

    L-Emenda 109 tal-Anness 8 li hija relatata mad-dispożizzjonijiet dwar is-soppressjoni tan-nirien fil-kompartiment tal-merkanzija

    L-emenda tiċċara l-kapaċitajiet tad-disinn tas-soppressjoni tan-nirien fil-kompartiment tal-merkanzija f’ajruplani kbar. Din l-emenda ma tintroduċix rekwiżiti ġodda għall-flotta attwali. Minflok, hija tallinja l-lingwa ma’ dak li huwa meħtieġ fil-kodiċijiet attwali tal-ajrunavigabbiltà tal-Istati tad-Disinn li diġà ġew aċċettati għall-flotta eżistenti, u tapplika għal inġenji tal-ajru ta’ disinn ġdid.

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 ma huwiex affettwat minn dawn l-SARPs proposti, peress li r-rekwiżiti relatati diġà huma riflessi fl-Ispeċifikazzjoni taċ-Ċertifikazzjoni (CS-25 “Ajruplani Kbar”) maħruġa mill-EASA skont il-punt 3 tal-Artikolu 76 tar-Regolament (UE) 2018/1139.

    Barra minn hekk, l-emenda tintroduċi dispożizzjonijiet ġodda li jeħtieġu (għal ajruplani kbar) u li jirrakkomandaw (għal ħelikopters u ajruplani żgħar) li d-detentur tal-approvazzjoni tad-disinn jipprovdi lill-operatur b’informazzjoni dwar il-kapaċitajiet ta’ protezzjoni kontra n-nirien fil-kompartiment tal-merkanzija, kif iċċertifikat għal inġenji tal-ajru ta’ produzzjoni ġdida u ta’ disinn ġdid. L-EASA pparteċipat fl-abbozzar ta’ dawn l-SARPs u tqis li se jgħinu lill-operaturi biex jiddeterminaw il-limitazzjonijiet ta’ sistemi speċifiċi ta’ soppressjoni tan-nirien fil-kompartiment tal-merkanzija tal-inġenji tal-ajru.

    Dawn l-SARPs il-ġodda se jaffettwaw ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/640. L-EASA għandha l-intenzjoni li tinkludi fil-programm tagħha kompitu ta’ tfassil tar-regoli biex tittrasponi dawn l-SARPs ladarba jiġu adottati mill-Kunsill tal-ICAO.

    L-Emenda 91 għall-Anness 10, il-Volum IV

    Wara d-data tal-implimentazzjoni, se jkun hemm flotta mħallta ta’ inġenji tal-ajru mgħammra bl-ACAS X/TCAS 7.1, li tkun teħtieġ li tiġi akkomodata mis-sistemi tal-art. L-impatt ta’ din il-flotta mgħammra mħallta fuq l-ANSPs irid jiġi identifikat u spjegat aktar fid-dettall mill-ICAO. Għalkemm dan ma jidhirx fl-Ittra preċedenti tal-Istat, biex jiġu ffaċilitati l-investigazzjonijiet tal-inċidenti, il-Fornituri tas-Servizzi tan-Navigazzjoni bl-Ajru jkollhom bżonn jaġġornaw is-sistema tal-art tagħhom biex jieħdu n-numru tal-part tas-software tal-ACAS. Barra minn hekk, l-ANSPs li jużaw il-Messaġġi ta’ Rakkomandazzjoni għar-Riżoluzzjoni (RA) jista’ jkollhom bżonn jadattaw id-dekowdjar tar-rapport tal-RA, skont liema informazzjoni dettaljata dwar ir-rapport tal-RA tkun tidher lill-kontrolluri tagħhom. Minħabba li hemm differenzi operazzjonali bejn l-ACAS II u l-ACAS Xa, l-impatt ta’ dawn id-differenzi jeħtieġ li jkun dettaljat fil-Manwal tal-ACAS (Dok 9863).

    Għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru, l-impatt se jkun limitat, peress li l-introduzzjoni tat-tagħmir tal-ACAS X hija fakultattiva. Id-differenzi prinċipali tal-ACAS X jikkonsistu fil-loġika tal-evitar ta’ kolliżjonijiet u fis-sorsi tad-data ta’ sorveljanza. Peress li l-algoritmu tal-evitar huwa trasparenti għall-bdot, u meta titqies il-probabbiltà mnaqqsa li bdot jirċievi ACAS II RA, flimkien mal-proċeduri li huma l-istess, jista’ jiġi argumentat li jista’ ma jkunx hemm bżonn ta’ taħriġ. Madankollu, matul sitwazzjonijiet potenzjali ta’ kunflitt, meta jkun meħtieġ intervent mis-Sistema għall-Evitar ta’ Kolliżjonijiet fl-Ajru (ACAS), l-ACAS Xa tipprovdi gwida ta’ riżoluzzjoni b’ħinijiet, durati, u sekwenzi tat-twissijiet simili, iżda mhux identiċi, għall-verżjoni 7.1 tat-TCAS II. Peress li din il-loġika ottimizzata tas-sikurezza hija mistennija li tnaqqas l-allerti mhux meħtieġa f’sitwazzjonijiet mhux ta’ kunflitt, il-messaġġi ta’ rakkomandazzjoni għar-riżoluzzjoni tal-ACAS Xa ma jistgħux jinħarġu taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-verżjoni 7.1 tat-TCAS II.

    Peress li hemm differenzi operazzjonali bejn l-ACAS II bil-verżjoni 7.1 tal-loġika tal-evitar ta’ kolliżjonijiet u l-ACAS Xa (anke jekk il-proċeduri huma l-istess), jeħtieġ li jinqabdu d-differenzi. Fil-fatt, l-emenda tiddikjara li l-materjal ta’ gwida relatat kemm mas-sistemi konformi mat-TCAS 7.1, kif ukoll mas-sistemi konformi mal-ACAS X jinsab fil-Manwal tas-Sistema għall-Evitar ta’ Kolliżjonijiet fl-Ajru (ACAS) (Dok 9863). Madankollu, sal-lum, il-bidliet għall-Manwal tal-ACAS (Dok 9863) għadhom ma ġewx iffinalizzati.

    Il-qafas regolatorju Ewropew jeħtieġ li jiġi aġġornat biex jinkludi l-użu tal-ACAS X.

    Ir-regolamenti affettwati u/jew il-materjal ta’ gwida assoċjat jinkludu r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1332/2011 8 - Ir-Rekwiżiti Komuni dwar l-Użu tal-Ispazju tal-Ajru u l-Proċeduri Operattivi għall-Evitar ta’ Kolliżjonijiet fl-Ajru u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 - Operazzjonijiet bl-Ajru. Jistgħu jiġu affettwati regolamenti oħrajn u l-mezzi aċċettabbli rispettivi tagħhom ta’ konformità u materjal ta’ gwida. L-Ispeċifikazzjoni taċ-Ċertifikazzjoni tal-EASA għan-Navigazzjoni u s-Sorveljanza tal-Komunikazzjoni fl-Ajru (CS-ACNS), kif ukoll l-Ispeċifikazzjonijiet taċ-Ċertifikazzjoni għall-Ordnijiet Standard Tekniċi Ewropej (CS-ETSO) ukoll ikunu jeħtieġu aġġornamenti.

    L-Emenda 18 għall-Anness 17

    Il-Bord tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni tal-ICAO, waqt it-32 Laqgħa tiegħu, li saret virtwalment mill-31 ta’ Mejju sal-4 ta’ Ġunju 2021, irrieżamina l-Anness 17. Il-Kunsill tal-ICAO, fil-11-il laqgħa tal-223 Sessjoni tiegħu fil-25 ta’ Ġunju 2021, ikkunsidra l-proposti mressqa biex jiġi emendat l-Anness 17. Is-Segretarju Ġenerali tal-ICAO informa lill-Istati dwar il-proposta għall-Emenda 18 għall-Anness 17 permezz tal-Ittra tal-Istat AS 8/2.1-21/48 Kunfidenzjali tal-20 ta’ Lulju 2021.

    L-emendi proposti jintroduċu SARPs ġodda u/jew jemendaw SARPs eżistenti fl-Anness 17 li huma relatati mal-kultura tas-sigurtà; programmi ta’ sigurtà tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru; metodi biex jiġu identifikati l-isplussivi fil-bagalji li jgħaddu miċ-check-in; programmi nazzjonali dwar il-kontroll tal-kwalità tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili.

    Il-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet ġodda jew riveduti introdotti mill-Emenda 18 għall-Anness 17 ma humiex se jirrikjedu xi emenda għad-dritt tal-Unjoni peress li diġà huma parti minnu. Madankollu, hemm standard partikolari ġdid introdott fil-qasam tal-miżuri ta’ sigurtà preventiva li jirrikjedi emenda għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1998 9 . Emenda bħal din se tiżgura li l-proċeduri stabbiliti biex jiġu indirizzati l-bagalji mhux identifikati jiġu estiżi biex ikopru wkoll oġġetti suspettużi.

    L-Emenda 29 għall-Anness 9

    Il-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet ġodda jew riveduti proposti mill-Emenda 29 għall-Anness 9 ma jeħtieġu l-ebda emenda għad-dritt tal-Unjoni peress li d-dritt tal-Unjoni diġà jindirizza dawn l-istandards. Fir-rigward tal-parti tat-traffikar ta’ bnedmin, il-liġijiet nazzjonali relatati mat-trasport jinkludu d-Deċiżjoni Qafas tal-2002 tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar it-Tisħiħ tal-Qafas Penali biex ikun Impedut it-Tħaffif tad-Dħul, it-Tranżitu u r-Residenza Mhux Awtorizzati, 10 ; il-Konvenzjoni tal-2005 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Azzjoni kontra t-Traffikar ta’ Bnedmin 11 ; u d-Direttiva tal-2011 tal-Unjoni Ewropea dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra t-Traffikar ta’ Bnedmin u l-Protezzjoni tal-Vittmi Tiegħu 12 . Fir-rigward tal-PNR, ġiet emendata biss nota ta’ informazzjoni biex jiġi speċifikat it-terminu “push”. Dawn l-elementi diġà huma koperti mid-Direttiva 2016/681 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja 13 .

    3.2.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

    L-Unjoni tirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas regolatorju armonizzat fil-livell internazzjonali.

    L-implimentazzjoni ta’ sistema elettronika ta’ liċenzji titqies bħala vantaġġ u jenħtieġ li tiġi appoġġata.

    L-emendi proposti għall-Annessi 6 u 14 il-Vol I ikopru s-sostituti offshore, is-salvataġġ u t-tifi tan-nar għall-avjazzjoni ġenerali, u bosta punti ta’ gwida li jirriżultaw mill-5 u mis-6 laqgħa tal-bord tal-Flight OPS kif ukoll il-possibbiltà kontinwata li r-reġistraturi tat-titjiriet jibqgħu tajbin għas-servizz. Peress li l-biċċa l-kbira tal-emendi l-ġodda għall-Anness 6 jikkorrispondu għar-regoli eżistenti tal-UE u l-oħrajn huma kkunsidrati xierqa, il-pożizzjoni proposta li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni hija li l-emendi jiġu appoġġati.

    Peress li l-biċċa l-kbira tas-SARPs il-ġodda fl-Emendi 109 għall-Anness 8 jikkorrispondu għar-regoli eżistenti tal-UE u l-oħrajn huma kkunsidrati xierqa, il-pożizzjoni proposta li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni hija li l-proposta tiġi appoġġata.

    Barra minn hekk, l-Unjoni tirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu żgurati livelli armonizzati ta’ sikurezza u li jiġu implimentati teknoloġiji mtejba kif propost bl-Emenda għall-Anness 10, il-Vol IV.

    Għalhekk, il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni rigward l-emendi proposti għall-Konvenzjoni ta’ Chicago, sakemm il-Kunsill tal-ICAO jadotta l-emendi proposti mingħajr ebda bidla sostanzjali, jenħtieġ li ma tiġi nnotifikata l-ebda diżapprovazzjoni u li tiġi notifikata l-konformità mal-miżuri adottati bi tweġiba għall-Ittri rispettivi tal-Istat tal-ICAO. Meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiddevja mill-Istandards tal-ICAO li jkunu għadhom kif ġew adottati wara d-data prevista tal-applikazzjoni ta’ dawk l-Istandards, jiġifieri t-3 ta’ Novembru 2022, jenħtieġ li tiġi notifikata differenza minn dawk l-Istandards partikolari lill-ICAO iżda biss għaż-żmien meħtieġ biex titlesta l-implimentazzjoni tagħhom fid-dritt tal-Unjoni.

    L-Emenda 18 proposta għall-Anness 17 tinkludi, fost l-oħrajn, dispożizzjonijiet ġodda u/jew riveduti dwar: Prattika Rakkomandata ġdida dwar il-kultura tas-sigurtà; Standard ġdid dwar il-programmi ta’ sigurtà tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru; Standard ġdid dwar il-metodi għad-detezzjoni tal-isplussivi fil-bagalji li jgħaddu miċ-check-in; u Standard ġdid li jiddeskrivi elementi essenzjali ta’ programm nazzjonali dwar il-kontroll tal-kwalità tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili.

    Dawn id-dispożizzjonijiet kollha għandhom l-għan li jsaħħu l-linja bażi tas-sigurtà tal-avjazzjoni madwar id-dinja u għalhekk jenħtieġ li jiġu appoġġati fl-intier tagħhom. Il-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet proposti diġà huma parti mid-dritt tal-Unjoni u għalhekk huma implimentati mill-Istati Membri.

    Il-mira tal-Emenda 7 għall-Anness 7, li tiffaċilita t-trasferiment ta’ inġenju tal-ajru minn Stat għal ieħor. Billi jippermettu r-reġistrazzjoni tal-inġenji tal-ajru fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz, ir-regoli eżistenti tal-UE huma bbażati fuq l-istess prinċipju. Għalhekk, jenħtieġ li din l-Emenda tiġi appoġġata.

    L-Emenda 29 tal-Anness 9 għandha l-għan li ttejjeb l-istat ta’ tħejjija għal pandemiji futuri, li jinsiltu tagħlimiet mill-pandemija tal-COVID-19 u li jiġi stabbilit l-ewwel rispons adegwat għas-saħħa għal kwalunkwe pandemija futura, iżda wkoll li t-traffikar ta’ bnedmin jkompli jiġi miġġieled permezz tal-istabbiliment ta’ strateġija estensiva. Barra minn hekk, din l-Emenda fiha emendi żgħar iżda utli għat-titjiriet ta’ ripatrijazzjoni u għat-trasport bl-ajru ta’ passiġġieri b’diżabilità kif ukoll modifika ta’ nota fit-taqsima tal-PNR. Għalhekk, jenħtieġ li din l-Emenda tiġi appoġġata.

    4.Bażi ġuridika

    4.1.Bażi ġuridika proċedurali

    4.1.1.Prinċipji

    L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

    L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika irrispettivament minn jekk l-Unjoni hijiex membru tas-sede jew parti għall-ftehim 14 .

    Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li għandhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola s-sede inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni 15 .

    4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

    Il-Kunsill tal-ICAO huwa korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni ta’ Chicago.

    F’konformità mal-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO jadotta Standards u Prattiki Rakkomandati internazzjonali, iddeżinjati bħala Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. Dawn huma atti li għandhom effetti legali. Ċerti effetti legali ta’ dawn l-atti jistgħu jiddependu fuq in-notifiki dwar diżapprovazzjoni u dwar differenzi, u fuq it-termini ta’ dawk in-notifiki. Għalhekk, l-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward ta’ notifiki bħal dawn taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

    Il-biċċa l-kbira tal-atti previsti huma kapaċi jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE, jiġifieri r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1139/2018, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/640, ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 139/2014, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1332/2011 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/1998.

    4.2.Bażi ġuridika sostantiva

    4.2.1.Prinċipji

    Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u fuq il-kontenut tal-att adottat li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att adottat ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

    4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

    L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att adottat jirrelataw mal-politika tat-trasport komuni.

    Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 100(2) tat-TFUE.  

    4.3.Konklużjoni

    Il-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta hija l-Artikolu 100(2) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

    2022/0003 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-225 sessjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) b’rabta mal-adozzjoni prevista tal-Emenda 178 għall-Anness 1, l-Emenda 47 għall-Anness 6, il-Parti I, l-Emenda 40 għall-Anness 6, il-Parti II, l-Emenda 24 għall-Anness 6, il-Parti III, l-Emenda 7 għall-Anness 7, l-Emenda 109 għall-Anness 8, l-Emenda 91 għall-Anness 10, il-Vol IV, l-Emenda 17 għall-Anness 14, il-Vol I, l-Emenda 18 għall-Anness 17 u l-Emenda 29 għall-Anness 9 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari

    L-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (il-“Konvenzjoni ta’ Chicago”) li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru, daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947. Hija stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO).

    (2)L-Istati Membri huma Stati Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Chicago u membri tal-ICAO, filwaqt li l-Unjoni għandha status ta’ osservatur f’ċerti korpi tal-ICAO. Bħalissa hemm seba’ Stati Membri rrappreżentati fil-Kunsill tal-ICAO.

    (3)Skont l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO jista’ jadotta Standards u Prattiki Rakkomandati (SARPs) internazzjonali, u jiddeżinjahom bħala Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

    (4)Il-Kunsill tal-ICAO, fil-225 sessjoni tiegħu, għandu jadotta l-Emenda 178 għall-Anness 1, l-Emenda 47 għall-Anness 6 il-Parti I, l-Emenda 40 għall-Anness 6 il-Parti II, l-Emenda 24 għall-Anness 6 il-Parti III, l-Emenda 7 għall-Anness 7, l-Emenda 109 għall-Anness 8, l-Emenda 91 għall-Anness 10, il-Vol IV, l-Emenda 17 għall-Anness 14, il-Vol I, l-Emenda 18 għall-Anness 17 u l-Emenda 29 għall-Anness 9 għall-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali.

    (5)L-għan prinċipali tal-Emenda għall-Anness 1 huwa li tippermetti l-implimentazzjoni ta’ sistema elettronika ta’ liċenzjar tal-persunal bl-objettiv li tittejjeb l-effiċjenza.

    (6)L-għan prinċipali tal-Emendi għall-Anness 6 il-Partijiet I, II u III huwa li jissaħħaħ il-qafas legali tal-Konvenzjoni ta’ Chicago biex ir-reġistraturi tat-titjiriet jibqgħu tajbin għas-servizz; li tittejjeb iċ-ċarezza dwar id-dispożizzjonijiet relatati mal-operazzjonijiet b’ħin ta’ devjazzjoni estiż (EDTO) u mal-ġkieket tas-salvataġġ għat-trabi; li s-sistemi ta’ twissija ta’ qrubija lejn l-art (GPWS) jkunu magħmulin obbligatorji fuq ċerti ajruplani; li jiżdied Standard ġdid biex f’ċerti kundizzjonijiet, l-ajruplani jiġu mgħammra b’sistemi ta’ għarfien u ta’ twissija dwar ħruġ mir-runway (ROAAS); li jipprovdi kreditu operazzjonali fil-kuntest tal-minimi operattivi tal-ajrudrom ibbażati fuq il-prestazzjoni (PBAOM); li jiġi żgurat li jkun hemm disponibbli faċilitajiet u servizzi adegwati ta’ salvataġġ u ta’ tifi tan-nar (RFF) fl-ajrudrom tal-operat maħsub; li jiġu aġġornati d-dispożizzjonijiet relatati mas-sostituti offshore għal operazzjonijiet tal-ħelikopters fuq distanza twila sabiex jiġu ddeterminati ajrudromi alternattivi; li jiżdiedu dispożizzjonijiet relatati mat-trasport ta’ Oġġetti Perikolużi fil-ħelikopters u li jiġu aġġornati dispożizzjonijiet tat-taħriġ relatati.

    (7)L-għan prinċipali tal-Emenda għall-Anness 14, il-Vol I li hija relatata mas-salvataġġ u t-tifi tan-nar (RFF) għall-avjazzjoni ġenerali huwa li l-avjazzjoni ġenerali tiġi eskluża mid-dispożizzjonijiet tal-RFF fl-Anness 14.

    (8)L-iskop ewlieni tal-Emenda għall-Anness 7 hija li jiġi ffaċilitat it-trasferiment tal-inġenju tal-ajru minn Stat għall-ieħor billi jiġi addattat il-mudel għaċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni u jiġi introdott mudell għaċ-ċertifikat tat-tneħħija tar-reġistrazzjoni.

    (9)L-għan prinċipali tal-Emenda għall-Anness 8 huwa li tittejjeb iċ-ċarezza u li jiġi żgurat li l-Istati li japprovaw kwalunkwe modifika u tiswija jkollhom fehim ċar tar-responsabbiltà tal-ajrunavigabbiltà kontinwata tagħhom u li jiġu ċċarati l-kapaċitajiet tad-disinn tas-soppressjoni tan-nirien fil-kompartiment tal-merkanzija f’ajruplani kbar, f’ħelikopters u f’ajruplani żgħar.

    (10)L-għan prinċipali tal-Emenda għall-Anness 10, il-Vol IV huwa li tiġi introdotta ACAS X u li titnaqqas l-okkorrenza ta’ twissijiet foloz tal-ACAS.

    (11)L-għan prinċipali tal-Emenda 18 għall-Anness 17 huwa li tintroduċi SARPs ġodda u/jew temenda SARPs eżistenti fl-Anness 17 relatati mal-kultura tas-sigurtà; programmi ta’ sigurtà tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru; metodi biex jiġu identifikati l-isplussivi fil-bagalji li jgħaddu miċ-check-in; programmi nazzjonali dwar il-kontroll tal-kwalità tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili;

    (12)L-għan prinċipali tal-Emenda 29 għall-Anness 9 huwa li tittejjeb it-tħejjija tal-Istati għal pandemiji futuri, billi jinsiltu tagħlimiet tal-pandemija tal-COVID-19 u jiġi stabbilit l-ewwel rispons adegwat għas-saħħa għal pandemiji futuri fl-Anness 9. L-Emenda tindirizza wkoll il-ġlieda kontra t-traffikar ta’ bnedmin fl-istabbiliment ta’ standards għal strateġija komprensiva. Barra minn hekk, l-Emenda fiha emendi żgħar iżda utli għat-titjiriet ta’ ripatrijazzjoni u t-trasport bl-ajru ta’ passiġġieri b’diżabilità, u l-modifika ta’ nota fit-taqsima tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) li tispeċifika t-terminu “push”.

    (13)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-ICAO peress li l-Emenda 178 għall-Anness 1, l-Emenda 47 għall-Anness 6, il-Parti I, l-Emenda 40 għall-Anness 6 il-Parti II, l-Emenda 24 għall-Anness 6 il-Parti III, l-Emenda 7 għall-Anness 7, l-Emenda 109 għall-Anness 8, l-Emenda 91 għall-Anness 10, il-Vol IV, l-Emenda 17 għall-Anness 14, il-Vol I, l-Emenda 18 għall-Anness 17 u l-Emenda 29 tal-Anness 9 għall-Konvenzjoni ta’ Chicago huma kapaċi jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1139/2018, Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/640, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 139/2014, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1332/2011 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/1998.

    (14)Il-pożizzjoni tal-Unjoni matul il-225 sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO jew matul kwalunkwe sessjoni sussegwenti fir-rigward tal-adozzjoni tal-Emenda 178 prevista għall-Anness 1, l-Emenda 47 għall-Anness 6, il-Parti I, l-Emenda 40 għall-Anness 6 il-Parti II, l-Emenda 24 għall-Anness 6 il-Parti III, l-Emenda 7 għall-Anness 7, l-Emenda 109 għall-Anness 8, l-Emenda 91 għall-Anness 10, il-Vol IV, l-Emenda 17 għall-Anness 14, il-Vol I, l-Emenda 18 għall-Anness 17 u l-Emenda 29 għall-Anness 9 għall-Konvenzjoni ta’ Chicago kif deskritt fl-Ittri tal-Istat AN 12/1.1.25-20/112, AN 11/1.1.34-20/75, AN 3/45-20/85 u AN 3/1.2-20/76, AN 7/1.3.105-20/42, SP 55/4-20/94, AS 8/2.1-21/48 Kunfidenzjali, KE 6/3 − 21/67 jenħtieġ li tappoġġa dawn l-emendi fl-intier tagħhom. Din il-pożizzjoni jenħtieġ li tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt f’isem l-Unjoni.

    (15)Il-pożizzjoni tal-Unjoni wara l-adozzjoni mill-Kunsill tal-ICAO tal-Emenda 178 għall-Anness 1, l-Emenda 47 għall-Anness 6 il-Parti I, l-Emenda 40 għall-Anness 6 il-Parti II, l-Emenda 24 għall-Anness 6 il-Parti III, l-Emenda 7 għall-Anness 7, l-Emenda 109 għall-Anness 8, l-Emenda 91 għall-Anness 10, il-Vol IV, l-Emenda 17 għall-Anness 14, il-Vol I, l-Emenda 18 għall-Anness 17 u l-Emenda 29 għall-Anness 9 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, li għandhom jitħabbru mis-Segretarju Ġenerali tal-ICAO permezz ta’ proċedura ta’ Ittra tal-Istat tal-ICAO, jenħtieġ li tkun li ma tiġix irreġistrata diżapprovazzjoni u li tiġi notifikata l-konformità, dment li l-Emendi jiġu adottati mingħajr bidliet sostanzjali. Meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiddevja mill-SARPs il-ġodda adottati, wara d-data prevista tal-applikazzjoni ta’ dawk l-SARPs, jenħtieġ li d-differenza minn dawk l-SARPs partikolari tiġi notifikata lill-ICAO f’konformità mal-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago għall-perjodu li matulu teżisti d-devjazzjoni.

    (16)Din il-pożizzjoni jenħtieġ li tiġi espressa mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-225 sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO, jew fi kwalunkwe sessjoni sussegwenti, għandha tkun li l-Emenda 178 proposta għall-Anness 1, l-Emenda 47 għall-Anness 6 il-Parti I, l-Emenda 40 għall-Anness 6 Parti II, l-Emenda 24 għall-Anness 6, il-Parti III, l-Emenda 7 għall-Anness 7, l-Emenda 109 għall-Anness 8, l-Emenda 91 għall-Anness 10, il-Vol IV, l-Emenda 17 għall-Anness 14, il-Vol I, l-Emenda 18 għall-Anness 17 u l-Emenda 29 għall-Anness 9 għall-Konvenzjoni ta’ Chicago jiġu appoġġati fl-intier tagħhom.

    2.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, dment li l-Kunsill tal-ICAO jadotta mingħajr ebda tibdil sostanzjali l-Emenda 178 proposta għall-Anness 1, l-Emenda 47 għall-Anness 6, il-Parti I, l-Emenda 40 għall-Anness 6 il-Parti II, l-Emenda 24 għall-Anness 6 il-Parti III, l-Emenda 7 għall-Anness 7, l-emenda 109 għall-Anness 8, l-Emenda 91 għall-Anness 10, Vol IV, l-Emenda 17 għall-Anness 14, Vol I, l-Emenda 18 għall-Anness 17 u l-Emenda 29 għall-Anness 9 għall-Konvenzjoni ta’ Chicago msemmija fil-paragrafu 1, għandha tkun li ma tiġix innotifikata diżapprovazzjoni u li tiġi nnotifikata l-konformità mal-miżura adottata bi tweġiba għall-Ittra rispettiva tal-Istat tal-ICAO. Meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiddevja mill-SARPs adottati wara d-data tal-applikazzjoni prevista ta’ dawk l-SARPs, id-differenza minn dawk l-SARPs partikolari għandha tiġi notifikata lill-ICAO.

    Artikolu 2

    Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, li jaġixxu b’mod konġunt.

    Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu1(2) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri kollha.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)

       Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 tat-3 ta’ Novembru 2011 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L 311, 25.11.2011, p. 1-193

    (2)

       Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/340 tal-20 ta’ Frar 2015 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati maċ-ċertifikati u l-liċenzji tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 805/2011, ĠU L 63, 6.3.2015, p. 1-122

    (3)

       Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 tal-5 ta’ Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L 296, 25.10.2012, p. 1-148 

    (4)

       Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/640 tat-23 ta’ April 2015 dwar l-ispeċifikazzjonijiet addizzjonali tal-ajrunavigabbiltà għal tip partikolari ta’ operazzjonijiet u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 965/2012, ĠU L 106, 24.4.2015, p. 18-22

    (5)

       Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 139/2014 tat-12 ta’ Frar 2014 li jistabbilixxi rekwiżiti u proċeduri amministrattivi b’rabta mal-ajrudromi skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L 44, 14.2.2014, p. 1-34

    (6)    Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli komuni għall-operat tas-servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3)
    (7)

       Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 tat-3 ta’ Awwissu 2012 li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tal-airworthiness u ambjentali ta’ inġenji tal-ajru u ta’ prodotti, partijiet u tagħmir relatati, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta’ organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni, ĠU L 224, 21.8.2012, p. 1–85

    (8)

       Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1332/2011 tas-16 ta’ Diċembru 2011 li jistabbilixxi r-rekwiżiti komuni dwar l-użu tal-ispazju tal-ajru u l-proċeduri operattivi għall-evitar ta’ kolliżjonijiet fl-ajru, ĠU L 336, 20.12.2011, p. 20-22

    (9)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1998 tal-5 ta’ Novembru 2015 li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni, ĠU L 299, 14.11.2015, p. 1-142
    (10)    Id-Deċiżjoni qafas tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2002 dwar it-tisħiħ tal-qafas penali biex ikun impedut it-tħaffif tad-dħul, it-tranżitu u r-residenza mhux awtorizzati, ĠU L 328, 5.12.2002, p. 1–3
    (11)    Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Azzjoni kontra t-Traffikar ta’ Bnedmin (CETS Nru 197), disponibbli fuq https://www.coe.int/en/web/conventions/full-list/-/conventions/treaty/197.
    (12)    Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1-11
    (13)    Id-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 132-149)
    (14)

    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, il-Ġermanja vs il-Kunsill, C-399/12,

    ECLI:EU:C:2014:2258, il-punt 64.

    (15)

    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, il-Ġermanja vs il-Kunsill, C-399/12,

    ECLI:EU:C:2014:2258, il-punti 61 sa 64.

    Top