This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52022IR0109
Opinion of the European Committee of the Regions — Enlargement Package 2021
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Il-Pakkett tat-Tkabbir 2021”
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Il-Pakkett tat-Tkabbir 2021”
COR 2022/00109
ĠU C 375, 30.9.2022, p. 26–33
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
30.9.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 375/26 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Il-Pakkett tat-Tkabbir 2021”
(2022/C 375/05)
|
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI
Kummenti ġenerali
1. |
jinnota b’interess kbir il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-2021 dwar il-politika tat-tkabbir tal-UE, ir-rapporti dwar il-pajjiżi kandidati: l-Albanija, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja u t-Turkija; u r-rapporti dwar il-kandidati potenzjali: il-Bożnija-Ħerzegovina u l-Kosovo (1); |
2. |
ifakkar fl-aspirazzjonijiet Ewropej u l-għażla Ewropea tal-Ukrajna, kif iddikjarat fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Fit-28 ta’ Frar 2022, filwaqt li eżerċita d-dritt tal-Ukrajna li tagħżel id-destin tagħha stess, il-President tal-Ukrajna ppreżenta l-applikazzjoni tal-Ukrajna biex issir membru tal-Unjoni Ewropea. Il-KtR jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jkomplu jsaħħu r-rabtiet u japprofondixxu s-sħubija biex jappoġġjaw lill-Ukrajna biex issegwi l-perkors Ewropew tagħha, b’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati; |
3. |
jilqa' l-fatt li s-Summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent fi Brdo f'Ottubru 2021 ikkonferma li l-proċess ta' tkabbir tal-Balkani tal-Punent huwa ta' interess strateġiku reċiproku u għażla strateġika kondiviża, ibbażata fuq riformi kredibbli mill-imsieħba, kundizzjonalità ġusta u rigoruża u l-prinċipju tal-merti proprji; |
4. |
jinnota l-applikazzjonijiet formali tal-Georgia u l-Moldova biex jissieħbu fl-Unjoni Ewropea u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jappoġġjawhom fl-isforzi tagħhom biex jissieħbu fl-UE hekk kif jissodisfaw il-kriterji tat-tkabbir; |
5. |
jenfasizza li huwa favur l-adeżjoni tal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent, kif ukoll tal-Ukrajna, il-Moldova u l-Georgia, mal-UE, dment li jissodisfaw il-kriterji kollha tal-adeżjoni; jissottolinja l-importanza li jintbagħtu sinjali pożittivi lil dawn il-pajjiżi, sabiex jiżdied l-involviment tagħhom fil-proċess, li sfortunatament huwa twil, biex isiru membri tal-UE; jenfasizza li n-nuqqas ta’ perspettiva reali u affidabbli tal-UE jwassal għal frustrazzjonijiet fil-pajjiżi msieħba u jirriskja li jwassal għal influwenza ulterjuri minn pajjiżi terzi fir-reġjun; |
6. |
jerġa' jsostni li r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent ma tistax tiġi implimentata mingħajr governanza tajba fil-livell lokali, u jistieden lill-KE tinkorpora fl-amministrazzjoni pubblika tagħha miżuri u strumenti ta' appoġġ għar-riforma kif ukoll indikaturi ta' prestazzjoni aktar dettaljati dwar l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess ta' riforma ġenerali; |
7. |
ifakkar li 70 % tal-acquis tal-UE huwa implimentat fil-livell sottonazzjonali; jinkoraġġixxi l-esplorazzjoni u l-applikazzjoni tal-aħjar prattiki fil-kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-involviment tagħhom fi kwistjonijiet relatati mat-tkabbir, peress li huma msieħba strateġiċi fil-proċess u atturi ewlenin biex it-tkabbir ikun ta' suċċess għaċ-ċittadini; |
8. |
jistieden lill-KE tagħmel l-aqwa użu mit-TAIEX u mill-Ġemellaġġ sabiex tgħin fl-iżvilupp istituzzjonali u fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet fil-livell lokali fil-pajjiżi tat-tkabbir; jilqa' l-estensjoni tat-TAIEX għall-awtoritajiet lokali; |
9. |
jilqa’ l-fatt li l-bilanċ tar-riformi ġenerali kien pożittiv fil-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent u dan jippermetti li jsir aktar progress, u jappella lill-pajjiżi involuti kollha juru l-impenn tagħhom għall-valuri u l-istandards tal-UE; jissottolinja li l-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali huma mistennija li gradwalment jallinjaw il-politiki tagħhom fir-rigward ta’ pajjiżi terzi mal-politiki tal-Unjoni Ewropea; |
10. |
jistieden lill-partijiet kollha involuti biex jaħdmu b’mod kostruttiv sabiex ikunu jistgħu jinfetħu n-negozjati tal-adeżjoni mal-Albanija u mal-Maċedonja ta’ Fuq, wara li l-Kunsill japprova l-oqfsa tagħhom ta’ negozjar, mingħajr dewmien; |
11. |
jilqa’ l-fatt li d-direzzjoni politika ġiet affermata mill-ġdid fil-metodoloġija msaħħa tat-tkabbir u b’hekk saru konferenzi intergovernattivi politiċi fuq bażi regolari li pprovdew l-opportunità għal djalogu ta’ livell għoli; |
12. |
jinnota bi tħassib li t-tnaqqis fir-ritmu tal-proċess tat-tkabbir iwassal għal żviluppi mhux mixtieqa fil-pajjiżi tat-tkabbir, jiġifieri t-telf ta’ fiduċja taċ-ċittadini, l-emigrazzjoni kontinwa, inqas rieda biex isiru riformi politiċi kruċjali, u aktar esponiment għal influwenza minn partijiet terzi li qed ifittxu kontinwament li jespandu l-influwenza tagħhom fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent, inklużi r-Russja u ċ-Ċina; |
13. |
jilqa' d-dħul fis-seħħ tar-Regolament IPA III li jipprovdi l-fondi għal riformi fundamentali u sostenibbli fil-pajjiżi benefiċjarji; jenfasizza l-fatt li l-UE hija l-akbar donatur fil-Balkani tal-Punent u għalhekk hija l-aktar sieħeb importanti għar-reġjun; |
14. |
jappoġġja l-implimentazzjoni tal-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent tal-KE li jista’ jkun kontribut ewlieni għat-tranżizzjoni ekoloġika, id-diġitalizzazzjoni, l-infrastruttura tat-trasport u tal-enerġija, l-iżvilupp soċjali u l-iżvilupp reġjonali; f’dan ir-rigward ifakkar fl-importanza li jitjiebu l-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, it-trasparenza u l-governanza tajba, u li l-Aġenda Ekoloġika għall-Balkani tal-Punent tiġi implimentata bis-sħiħ; ifakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol importanti f’dan ir-rigward u għalhekk għandhom ikunu involuti fil-fażi ta’ implimentazzjoni; |
15. |
jistieden lill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi benefiċjarji, tagħmel l-aħjar użu mill-fondi IPA III u IPARD; itenni l-benefiċċji tal-Approċċ LEADER peress li l-iżvilupp rurali jikkontribwixxi b’mod eċċessiv għall-iżvilupp ekonomiku u għal strutturi demografiċi sodi; |
16. |
jappella għal kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-soċjetà ċivili u l-gruppi ta’ esperti dwar il-ħarsien tan-natura u l-bijodiversità fil-Balkani tal-Punent, għas-sostituzzjoni gradwali ta’ impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam b’impjanti tal-enerġija rinnovabbli, filwaqt li jitqiesu l-fehmiet tal-komunitajiet lokali li jipprovdu appoġġ għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u għal tranżizzjoni ekoloġika u ġusta għar-reġjun; |
17. |
jilqa’ d-dħul fis-seħħ tal-iskema “roaming daqslikieku f’pajjiżek” fil-Balkani tal-Punent fl-1 ta’ Lulju 2021; jenfasizza li għandu jkun hemm aktar negozjati bil-għan li jitnaqqsu wkoll it-tariffi tar-roaming bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent; |
18. |
jenfasizza li l-aġenda għat-tkabbir ekonomiku u għall-ħolqien tal-impjiegi fil-Balkani tal-Punent ma tistax tinkiseb bis-sħiħ mingħajr ma jiġi sfruttat il-potenzjal tal-iżvilupp ekonomiku lokali u t-titjib tal-klima kummerċjali fil-komunitajiet lokali; il-KtR jappoġġja inizjattivi biex ikun hemm involviment fi djalogi aktar strutturati mal-muniċipalitajiet u n-networks tal-muniċipalitajiet tar-reġjuni permezz ta’ konsultazzjonijiet regolari anke wara Jum it-Tkabbir u diskussjonijiet fil-gruppi ta’ ħidma rilevanti; jenfasizza f’dan ir-rigward l-importanza ta’ laqgħat wiċċ imb wiċċ biex jiġu esplorati l-potenzjali kollha u jiġu sfruttati kuntatti diretti għal proġetti komuni; |
19. |
jilqa' l-appoġġ komprensiv tal-UE mogħti lill-gvernijiet tal-Balkani tal-Punent biex jindirizzaw l-isfidi ppreżentati mill-pandemija tal-COVID-19 u biex jirrispondu b'mod effettiv għall-ħtiġijiet urġenti kemm tas-saħħa kif ukoll dawk soċjoekonomiċi; peress li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol ċentrali fil-ġestjoni tal-pandemija, huwa jħeġġeġ lill-pajjiżi tat-tkabbir biex, flimkien mal-KE, jinvolvu ruħhom fil-koordinazzjoni effiċjenti; |
20. |
jenfasizza r-rwol tal-fondi tal-UE fil-ġlieda kontra t-tendenzi demografiċi negattivi fil-parti l-kbira tal-pajjiżi tat-tkabbir; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-isfidi soċjali fl-ipprogrammar ta’ dawn il-fondi; |
21. |
jisħaq fuq il-ħtieġa għal komunikazzjoni aktar effiċjenti, anke fil-livell lokali, sabiex jiġu enfasizzati l-benefiċċji li toffri l-integrazzjoni tal-UE u tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni; |
22. |
jenfasizza l-importanza tal-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment, kif ukoll tal-fondi tal-IPA, biex jiġu appoġġjati s-setturi rilevanti fil-livell lokali, bħat-turiżmu; |
23. |
itenni li l-istat tad-dritt u l-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi huma l-pedamenti mhux negozjabbli tal-funzjonament tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, u huma oqsma ewlenin li abbażi tagħhom l-UE tivvaluta l-progress tal-pajjiżi kandidati lejn is-sħubija; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-progress limitat u l-ħafna sfidi f’dan il-qasam, il-persistenza ta’ ċerti elementi ta’ manipulazzjoni tal-Istat, in-nuqqas ta’ riżultati fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, il-progress limitat fil-qasam tar-riforma ġudizzjarja, u l-atroċitajiet irrapurtati kontra xi kanali tal-midja f’ċerti pajjiżi kandidati; |
24. |
jisħaq fuq il-punt li ambjent favorevoli għall-iżvilupp u l-operat tal-midja indipendenti u soċjetà ċivili attiva u b’saħħitha huma prerekwiżit għas-sostenibbiltà u l-irriversibbiltà tar-riformi kumplessi implimentati matul il-proċess ta’ adeżjoni mal-UE, kif ukoll bażi għall-iżvilupp tad-demokrazija lokali; jappella għal monitoraġġ imsaħħaħ tal-proċessi demokratiċi u l-libertà tal-midja, anke b’rabta mal-pandemija tal-COVID-19; |
25. |
jisħaq li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, minħabba l-prossimità tagħhom mal-pubbliku, għandhom rwol ewlieni fil-promozzjoni u r-rispett tal-valuri Ewropej, fil-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tal-minoranzi kollha, u jistgħu jkunu msieħba u mexxejja importanti fil-ġlieda kontra r-razziżmu, id-diskors ta’ mibegħda u d-diskriminazzjoni, fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, fil-protezzjoni tal-gruppi vulnerabbli u tal-minoranzi, u fit-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali; f’dan ir-rigward, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali hija ta’ importanza assoluta; |
26. |
jemmen bis-sħiħ li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, minħabba r-rwol speċifiku tagħhom bħala dawk li jfasslu l-politika lokali u jipprovdu s-servizzi pubbliċi, jista' jkollhom rwol aktar b'saħħtu fl-indirizzar ta' xi nuqqasijiet fil-qasam tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, iżda wkoll fit-tisħiħ tal-governanza trasparenti u responsabbli tal-politiki lokali u fit-titjib tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-gruppi vulnerabbli; |
27. |
jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita dejjem aktar l-iskambju tal-aħjar prattika fost l-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar modi ta’ involviment akbar taċ-ċittadini fit-tħejjija tal-politiki u l-baġits lokali permezz ta’ miżuri bħall-ibbaġitjar parteċipattiv u toffri l-appoġġ sħiħ tagħha f’dan ir-rigward; |
Kummenti speċifiċi għall-pajjiż
28. |
jappoġġja bis-sħiħ il-ftuħ malajr kemm jista’ jkun tan-negozjati tal-adeżjoni mal-Maċedonja ta’ Fuq u mal-Albanija, wara l-approvazzjoni tal-oqsfa ta’ negozjar tagħhom mill-Kunsill, sabiex jintwera appoġġ politiku għall-proċess ta’ tkabbir, sabiex dan jerġa’ jikseb kredibilità, u tiġi affermata mill-ġdid il-wegħda ta’ adeżjoni sħiħa; |
29. |
ifakkar li l-progress fid-djalogu bejn Belgrad u Pristina ffaċilitat mill-UE huwa obbligu fit-triq lejn l-adeżjoni; jistieden lill-partijiet involuti biex jagħmlu progress rapidu fil-proċess ta' normalizzazzjoni, jimplimentaw ftehimiet tal-passat u jimxu 'l quddiem bil-ftehim komprensiv legalment vinkolanti; |
IS-SERBJA
30. |
jieħu nota tal-progress ġenerali li sar s’issa fin-negozjati tal-adeżjoni mas-Serbja u jitlob li jitħaffef il-pass u jiġu approfonditi r-riformi, fl-oqsma tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (inkluża l-indipendenza tal-ġudikatura), il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-libertà tal-midja, it-trattament domestiku tad-delitti tal-gwerra u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata kif ukoll għal progress fin-normalizzazzjoni fil-qafas tad-djalogu bejn Belgrad u Pristina, kif stabbilit fil-Qafas ta’ Negozjar, li se jiddetermina l-ħeffa ġenerali tan-negozjati tal-adeżjoni; |
31. |
jilqa’ l-istabbiliment tar-Raggruppament 4 li jipprovdi impetu ġdid għall-integrazzjoni tal-pajjiżi kollha tat-tkabbir, isaħħaħ il-kredibbiltà tal-proċess ta’ adeżjoni u jpoġġi l-metodoloġija mtejba fil-prattika; |
32. |
jilqa’ l-progress miksub fir-riforma kostituzzjonali li ssaħħaħ l-indipendenza tal-ġudikatura u jistieden lis-Serbja biex tadotta l-liġijiet u l-leġiżlazzjonijiet kollha li huma meħtieġa sabiex ir-riformi jitwettqu fil-prattika; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja r-riformi li għaddejjin u tirrapporta bir-reqqa fir-rapport tal-pajjiż li jmiss tagħha; |
33. |
iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi fil-livelli kollha ta' governanza jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ u jippromovu l-valuri tal-UE u jikkomunikaw mingħajr ambigwità dwar l-aspirazzjonijiet tal-pajjiż ta' integrazzjoni fl-UE u dwar ir-relazzjonijiet mal-UE bħala s-sieħeb politiku u ekonomiku ewlieni tas-Serbja; |
34. |
jittama li tibqa’ ħajja d-dedikazzjoni għar-riformi fis-Serbja, li tista’ twassal għall-ftuħ ta’ aktar kapitoli fil-futur qarib; |
35. |
jistieden lis-Serbja taġixxi b'mod aktar deċiżiv biex ittejjeb l-ambjent għal-libertà tal-espressjoni u l-ħidma tal-midja indipendenti, kif ukoll biex tagħmel progress fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; |
36. |
jilqa' l-impenn tas-Serbja li tippromovi b'mod attiv il-kooperazzjoni reġjonali u jħeġġeġ lis-Serbja tkompli bl-isforzi tagħha biex issaħħaħ ir-relazzjonijiet tajba mal-ġirien u l-kooperazzjoni transfruntiera; |
37. |
jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tas-Serbja li tappoġġja r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar il-ksur tal-integrità territorjali tal-Ukrajna b’reazzjoni għall-aggressjoni militari Russa mhux ġustifikata u mhux provokata; jistieden lis-Serbja tallinja bis-sħiħ mal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni tal-Unjoni Ewropea, inklużi ċ-ċikli kollha ta’ sanzjonijiet kontra l-Belarussja u l-Federazzjoni Russa; b’hekk, is-Serbja tkun qed ittenni l-appoġġ tagħha għall-prinċipji u l-valuri tal-Unjoni Ewropea u l-impenn tagħha li taħdem flimkien mal-imsieħba Ewropej favur il-paċi; |
IL-MONTENEGRO
38. |
jinnota bi tħassib il-polarizzazzjoni bejn in-naħat politiċi li għamlitha diffiċli biex jintlaħaq progress fin-negozjati; il-KtR iħeġġeġ lill-gvern il-ġdid u lill-partiti politiċi l-ġodda biex jaċċelleraw ir-riformi li huma meħtieġa għall-għeluq tal-kapitoli, speċjalment fil-qasam tal-istat tad-dritt; |
39. |
iħeġġeġ lill-Montenegro jżomm u possibbilment saħansitra jisboq il-livell preċedenti ta’ progress tiegħu fin-negozjati tal-adeżjoni b’enfasi speċjali fuq l-ilħuq tal-parametri referenzjarji interim stabbiliti fil-Kapitoli 23 u 24, li s-suċċess tagħhom se jkun kruċjali biex jinkiseb progress fin-negozjati ġenerali u l-għeluq proviżorju ta’ kwalunkwe kapitolu ieħor; |
40. |
jenfasizza li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-influwenza politika fl-istituzzjonijiet pubbliċi trid issir fi ħdan il-konfini tal-istat tad-dritt skont il-kundizzjonijiet tat-trasparenza u r-responsabbiltà sabiex tiġi implimentata d-depolitiċizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika fil-livelli kollha ta' governanza; |
41. |
jirrikonoxxi l-isforzi ddedikati u r-riżultati ta’ min ifaħħarhom li wera l-Montenegro fil-qasam tal-miżuri dejjem aktar effiċjenti tal-pulizija u tal-prosekuzzjoni kontra l-kriminalità organizzata; jistieden, madankollu, lill-Montenegro jindirizza b’mod urġenti n-nuqqasijiet fis-sistema tal-ġustizzja kriminali tiegħu, inkluż il-mod kif il-każijiet ta’ kriminalità organizzata jiġu ttrattati fil-qrati; |
42. |
jistieden lill-KE tħeġġeġ lill-Montenegro biex iżid l-isforzi tiegħu ħalli jiżviluppa politika trasparenti u inklużiva, b’kontroll ċentralizzat aktar strett tal-kwalità tal-konsultazzjonijiet pubbliċi mal-partijiet interessati; |
43. |
jistieden lill-KE biex tagħti attenzjoni kontinwa għar-rekwiżiti ta' trasparenza fil-finanzi pubbliċi, anke fid-dawl tal-vulnerabbiltà finanzjarja esterna tal-Montenegro; |
L-ALBANIJA
44. |
jilqa’ l-fatt li l-Albanija żammet enfasi tajba fuq ir-riformi meħtieġa għall-perkors tal-pajjiż lejn l-UE, minkejja l-isfida li jiġi indirizzat l-impatt soċjali u ekonomiku negattiv tal-pandemija; abbażi tal-prestazzjoni tal-pajjiż, in-negozjati tal-adeżjoni, wara li l-Kunsill japprova l-qafas ta’ negozjar, għandhom jibdew mingħajr dewmien; |
45. |
jilqa' l-fatt li saru elezzjonijiet ġenerali b'suċċess u organizzati tajjeb fil-25 ta' April 2021, ibbażati fuq ir-riforma elettorali b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR; |
46. |
jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rata ta’ allinjament ta’ 100 % tal-PESK li hija sinjal qawwi tal-impenn tal-pajjiż fit-triq tiegħu lejn l-UE; l-Albanija ssoktat bid-djalogu kostruttiv mal-pajjiżi ġirien u żammet l-impenn tagħha f’għadd ta’ inizjattivi ta’ kooperazzjoni reġjonali, anke fir-rwol tagħha ta' presidenza tal-OSKE fl-2020 li kienet ta’ suċċess; |
47. |
jenfasizza li l-implimentazzjoni tar-riforma komprensiva tal-ġustizzja tat l-ewwel riżultati tagħha fil-Qorti Kostituzzjonali u fil-Qorti Superjuri; jilqa' l-estensjoni tal-mandat tal-istituzzjonijiet ta' skrutinju; |
48. |
jilqa’ l-fatt li sar progress fit-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni kif ukoll fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, fost l-oħrajn permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa mal-Istati Membri tal-UE u mal-Europol. Madankollu, jiġbed l-attenzjoni għall-urġenza tal-ġlieda kontra n-networks tat-traffikar tad-droga; |
49. |
jistieden lill-Albanija ssegwi u tikkonsolida r-riforma amministrattiva territorjali tagħha bħala parti minn programm usa' mmirat biex jagħti spinta lid-diċentralizzazzjoni, isaħħaħ l-awtonomija fiskali lokali u jżid il-kapaċità tal-muniċipalitajiet; |
50. |
iħeġġeġ lill-Albanija tadotta u timplimenta malajr il-liġijiet sekondarji pendenti dwar id-drittijiet tal-minoranzi, b’mod partikolari dwar l-awtoidentifikazzjoni u l-użu tal-lingwi minoritarji, b’konformità mal-istandards Ewropej u bl-involviment tal-partijiet interessati rilevanti kollha, u żżid il-kapaċitajiet tal-Kumitat tal-Istat dwar il-Minoranzi Nazzjonali; |
51. |
jappella għal tisħiħ ulterjuri tar-rwol tal-Kumitat Albaniż għall-Konsultazzjoni tal-Awtoritajiet Lokali u Nazzjonali bħala eżempju tajjeb tal-istituzzjonalizzazzjoni tar-rwol tal-awtoritajiet lokali fit-tfassil tal-politika; |
52. |
jilqa’ b’sodisfazzjon l-adozzjoni tal-Liġi dwar iċ-Ċensiment tal-Popolazzjoni, u jistenna bil-ħerqa li ċ-Ċensiment tal-Popolazzjoni li jmiss ikun bla xkiel u jsir bi trasparenza sħiħa bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha u b’konformità mal-istandards internazzjonali; |
53. |
jirrakkomanda l-istabbiliment ta’ Kumitat Konsultattiv Konġunt mal-Albanija; għalhekk jirrakkomanda li l-gvern tal-Albanija jippreżenta talba għal dan il-għan u li l-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni jadotta d-dikjarazzjoni rilevanti; |
54. |
jitlob lill-Albanija tkompli bl-isforzi li għaddejjin biex timplimenta riforma komprensiva tas-settur tal-art u tikkonsolida d-drittijiet tal-proprjetà b’mod trasparenti, billi torganizza konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inkluż billi tindirizza każijiet ta’ falsifikazzjoni tad-dokumenti u tmexxi ’l quddiem b’pass mgħaġġel il-proċess għar-reġistrazzjoni u l-kumpens; |
IL-MAĊEDONJA TA’ FUQ
55. |
jilqa’ l-fatt li l-bilanċ ġenerali tar-riformi fir-rigward tat-tħejjija tal-Maċedonja ta’ Fuq għall-adeżjoni mal-UE huwa pożittiv u jippermetti li jsir aktar progress; abbażi tal-prestazzjoni tagħha, in-negozjati tal-adeżjoni għandhom jibdew mingħajr aktar dewmien peress li nuqqas ta’ progress idgħajjef il-kredibbiltà tal-politika kollha tat-tkabbir; |
56. |
jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-partiti tal-oppożizzjoni parlamentari kienu involuti b’mod konsistenti fil-ħidma parlamentari u f’xi każijiet għenu biex tgħaddi leġiżlazzjoni ewlenija ta’ riforma relatata mal-UE; jistieden lill-Maċedonja ta’ Fuq iżżid l-isforzi tagħha biex issaħħaħ ir-rwol tal-Parlament bħala forum għal djalogu politiku kostruttiv, b’mod partikolari dwar l-aġenda ta’ riforma tal-UE; |
57. |
jesprimi t-tħassib tiegħu li l-akkoppjament tal-Maċedonja ta’ Fuq u tal-Albanija fid-deċiżjonijiet ta’ tkabbir fil-Kunsill huwa inġust u ma jirriflettix l-ambizzjoni proprja tal-UE li tivvaluta l-iżvilupp tal-pajjiżi tal-adeżjoni b’mod individwali; iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati jilħqu ftehim li jippermetti l-ftuħ tan-negozjati; il-KtR jappoġġja bil-qawwa l-organizzazzjoni tal-ewwel konferenzi intergovernattivi maż-żewġ kandidati mill-aktar fis possibbli; |
58. |
jitlob li jissaħħu l-kapaċitajiet amministrattivi u tekniċi tal-istrutturi operazzjonali responsabbli għall-ġestjoni tal-fondi tal-UE, kemm fil-livell ċentrali kif ukoll f'dak lokali, b'mod partikolari fl-oqsma tat-trasport, tal-enerġija u tat-tranżizzjoni ekoloġika; |
59. |
jilqa’ l-isforzi li saru fil-qasam tal-kooperazzjoni reġjonali, li b’riżultat tagħhom il-Maċedonja ta’ Fuq setgħet iżżomm relazzjonijiet tajbin mal-pajjiżi ġirien u baqgħet attiva f’inizjattivi reġjonali; itenni l-importanza li jinkisbu riżultati tanġibbli u li jiġi implimentat b’rieda tajba l-Ftehim ta’ Prespa mal-Greċja bħala parti mill-proċess ta’ tkabbir; |
60. |
jilqa' r-rata ta' allinjament mal-PESK ta' 96 % tal-Maċedonja ta' Fuq u l-parteċipazzjoni attiva tagħha fil-missjonijiet tal-UE għall-ġestjoni tal-kriżijiet; |
IL-BOŻNIJA-ĦERZEGOVINA
61. |
jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-progress limitat li sar min-naħa tal-Bożnija-Ħerzegovina dwar ir-riformi ewlenin meħtieġa biex il-pajjiż jilħaq l-istatus ta' kandidat; |
62. |
jafferma mill-ġdid li l-Bożnija-Ħerzegovina għandha livell baxx ta' tħejjija biex tissodisfa l-obbligi tas-sħubija fl-UE, għalhekk jeħtieġ li tħaffef b'mod sinifikanti l-proċess tal-adozzjoni tal-acquis tal-UE; ifakkar li l-programm nazzjonali għat-traspożizzjoni tal-acquis tal-UE għadu ma ġiex adottat; |
63. |
jinsab imħasseb ferm dwar l-inizjattivi tar-Repubblika Srpska favur l-irtirar mill-forzi armati, il-ġudikatura u s-sistema tat-tassazzjoni tal-Bożnija; jesprimi l-appoġġ qawwi tiegħu għall-integrità territorjali tal-pajjiż; |
64. |
jistieden lill-Bożnija-Ħerzegovina timplimenta d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Bożnija-Ħerzegovina u temenda l-liġi elettorali sabiex it-tliet popli kostitwenti jkunu rappreżentati b’mod leġittimu fl-istituzzjonijiet tal-istat u ċ-ċittadini kollha jkunu jistgħu jiġu eletti fl-istituzzjonijiet kollha; |
IL-KOSOVO
65. |
jistieden lill-Istati Membri, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni u mar-rakkomandazzjonijiet pożittivi tal-PE, li l-KtR jappoġġja bil-qawwa, biex joffru l-liberalizzazzjoni tal-viża; |
66. |
jissottolinja l-importanza li jintlaħaq ftehim komprensiv u legalment vinkolanti għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo, sabiex iż-żewġ partijiet ikunu jistgħu javvanzaw fil-perkorsi Ewropej rispettivi tagħhom. Jistieden lill-KE tkompli tfittex soluzzjonijiet rigward l-istabbiliment ta’ assoċjazzjoni ta’ muniċipalitajiet b’maġġoranza ta’ Serbi fil-Kosovo; |
67. |
jilqa' l-fatt li f'Awwissu 2021 ġew adottati Strateġija u Pjan ta' Azzjoni dwar l-Istat tad-Dritt li jidentifikaw sfidi ewlenin għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt; |
68. |
itenni l-importanza tar-riformi leġiżlattivi sabiex tiġi żgurata d-diviżjoni ċara tar-responsabbiltajiet u tal-fondi bejn l-awtoritajiet ċentrali u lokali; |
69. |
itenni l-istennija qawwija tiegħu li l-ftehimiet kollha tal-passat jiġu rispettati u implimentati mingħajr dewmien; iż-żewġ partijiet għandhom jevitaw ukoll azzjonijiet li jipperikolaw l-istabbiltà u r-retorika li ma twassalx għal djalogu; |
IT-TURKIJA
70. |
jinnota b’dispjaċir ir-rigress demokratiku gravi u persistenti li qed iseħħ fit-Turkija f’oqsma fundamentali tal-acquis Ewropew, id-deterjorament sinifikanti fil-promozzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-libertajiet fundamentali, valuri fundamentali ewlenin tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza li pjan ta’ azzjoni ġdid dwar id-drittijiet tal-bniedem, għalkemm inizjattiva milqugħa tajjeb fil-prinċipju, ma ppreżentax passi konkreti biex jiġu rrimedjati l-aktar problemi akuti f’dan il-qasam u jeħtieġ li jsiru sforzi effettivi; |
71. |
itenni l-aspettattiva qawwija tiegħu li l-ftehimiet kollha tal-passat jiġu rispettati u implimentati mingħajr dewmien; jistieden lit-Turkija tastjeni minn provokazzjonijiet imġedda jew azzjonijiet unilaterali li jiksru d-dritt internazzjonali, u tevita ukoll azzjonijiet li jimminaw l-istabbiltà u r-retorika li ma twassalx għal djalogu; |
72. |
itenni t-tħassib tiegħu dwar id-dgħufija ġenerali tal-kontrokontrolli effettivi fis-sistema politika, u jikkundanna l-prattika kontinwa ta’ tkeċċija bil-forza tas-sindki eletti u s-sostituzzjoni tagħhom b’uffiċċjali maħtura mill-gvern, kif ukoll l-arresti ta’ rappreżentanti lokali oħrajn; u jistieden lit-Turkija, f’konformità mal-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja, biex iżżomm lura milli tieħu miżuri li jxekklu d-demokrazija lokali, u li huma ta’ detriment għall-klima demokratika ġenerali, kemm fil-livell reġjonali kif ukoll lokali; it-Turkija għandha żżid il-kooperazzjoni tagħha mal-Kunsill tal-Ewropa u l-korpi u l-istituzzjonijiet rilevanti tiegħu, tindirizza r-rakkomandazzjonijiet ewlenin tagħhom, timplimenta bis-sħiħ il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u strumenti internazzjonali oħra tad-drittijiet tal-bniedem li t-Turkija hija parti għalihom, kif ukoll teżegwixxi s-sentenzi kollha tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem skont l-Artikolu 46 tal-KEDB; jistieden lit-Turkija terġa’ taderixxi mal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika; |
73. |
jirrikonoxxi l-isforzi sinifikanti tat-Turkija fil-qasam tal-migrazzjoni billi tospita u tindirizza l-ħtiġijiet ta’ aktar minn 4 miljun persuna; jistieden lit-Turkija tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u nondiskriminatorja tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija tal-2016, inkluż fir-rigward tar-Repubblika ta’ Ċipru, inkluż l-obbligu tagħha li tieħu kwalunkwe miżura meħtieġa biex tipprevjeni li jinfetħu rotot ġodda bil-baħar jew bl-art għall-migrazzjoni illegali mit-Turkija lejn l-UE, u tikkoopera mal-Istati ġirien; jappella wkoll għall-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-Ftehim ta’ Riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija fil-konfront tal-Istati Membri kollha; il-kooperazzjoni fl-oqsma tal-ġustizzja u l-affarijiet interni mal-Istati Membri kollha tal-UE tibqa’ waħda essenzjali; jinnota li mhu ser jaċċetta l-ebda tentattiv minn pajjiżi terzi biex jiġu strumentalizzati l-migranti għal finijiet politiċi; |
74. |
jappella għar-rispett sħiħ tas-sovranità tal-Istati Membri kollha tal-UE; jikkundanna l-azzjonijiet unilaterali tat-Turkija f’Varosha u jibqa’ impenjat għal soluzzjoni komprensiva tal-kwistjoni ta’ Ċipru fi ħdan il-qafas tan-NU u f’konformità mar-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jistieden lit-Turkija tagħmel aktar progress lejn in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mar-Repubblika ta’ Ċipru; |
75. |
jieħu nota tar-ratifika tal-Ftehim ta’ Pariġ mill-Parlament Tork; jisħaq fuq l-importanza li l-gvernijiet lokali jiġu involuti fl-iżvilupp ta’ politiki relatati ma’ dan il-qasam; jilqa’ t-tnaqqis tat-tensjonijiet fil-Lvant tal-Mediterran wara li t-Turkija ssospendiet l-attivitajiet ta’ tħaffir illegali ta’ idrokarburi fiż-żoni marittimi ta’ Ċipru, u jenfasizza li dan jeħtieġ li jiġi sostnut; jistieden lit-Turkija tirrispetta s-sovranità tal-Istati Membri kollha tal-UE, b’mod partikolari tal-Greċja u Ċipru, fuq il-baħar territorjali u l-ispazju tal-ajru tagħhom; |
76. |
jieħu nota li sar xi progress fl-aċċellerazzjoni tal-assorbiment tal-fondi tal-IPA II u fl-indirizzar ta’ uħud mid-dgħufijiet strutturali, b’mod partikolari fil-qasam tar-riżorsi, l-agrikoltura u l-koeżjoni (cluster 5); |
77. |
jafferma mill-ġdid li huwa fl-interess strateġiku tal-UE li tiżviluppa relazzjoni ta’ kooperazzjoni u ta’ benefiċċju reċiproku mat-Turkija, u jenfasizza l-importanza li jinżammu miftuħa l-mezzi ta’ komunikazzjoni sabiex jissolvew id-differenzi u jittaffew it-tensjonijiet permezz tad-djalogu u f’konformità mad-dritt internazzjonali u tal-UE; |
78. |
jistieden lit-Turkija tissodisfa l-obbligi tagħha skont il-Qafas ta’ Negozjar, inkluża l-implimentazzjoni sħiħa u nondiskriminatorja tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni lejn l-Istati Membri kollha; itenni li r-rikonoxximent tal-Istati Membri kollha huwa essenzjali; itenni l-appell tal-UE lit-Turkija biex progressivament tallinja ruħha mal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni tal-UE u biex treġġa’ lura x-xejra dejjem aktar negattiva bħala kwistjoni ta’ prijorità u jfakkar fil-pożizzjoni tiegħu dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali; jinnota b’dispjaċir li t-Turkija qed tkompli titbiegħed mill-Unjoni Ewropea, u jfakkar fil-konklużjoni preċedenti tal-Kunsill fejn hu nnotat li n-negozjati tal-adeżjoni tat-Turkija għalhekk effettivament waqfu u l-ebda kapitolu ieħor ma jista’ jiġi kkunsidrat għall-ftuħ jew l-għeluq; |
Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess tat-tkabbir
79. |
jisħaq fuq l-importanza tar-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess ta' allinjament mal-UE u l-applikazzjoni eventwali tar-regoli tal-UE; il-kooperazzjoni trid tiżdied bejn il-livell ċentrali u lokali fil-proċess ta' integrazzjoni, speċjalment fl-oqsma tal-armonizzazzjoni legali, l-iżvilupp ekonomiku u tal-investiment, ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika inkluż l-iżvilupp tas-servizz pubbliku lokali, l-agrikoltura u s-sigurtà tal-ikel, il-politika dwar il-klima, it-tranżizzjoni ekoloġika, l-akkwist pubbliku, u l-politika soċjali; |
80. |
jilqa' t-tnedija tal-Pjan Ekonomiku u ta' Investiment għall-Balkani tal-Punent bħala għodda ewlenija biex jiġu appoġġjati l-irkupru u l-iżvilupp ekonomiku ta' dawn il-pajjiżi; ifakkar li l-pjan ippreżentat mill-KE jirrappreżenta terz tal-PDG tal-Balkani tal-Punent u għalhekk isaħħaħ il-pożizzjoni ewlenija tal-UE bħala donatur; jisħaq fuq l-importanza ta' involviment f'waqtu u xieraq tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni; |
81. |
jilqa' d-dħul fis-seħħ tar-Regolament IPA (IPA III) li jikkontribwixxi EUR 9 biljun mit-EUR 30 biljun f'investiment ipprovdut mill-Pjan Ekonomiku u ta' Investiment; jilqa' l-fatt li l-importanza tad-dimensjoni lokali u tal-kuntatti bejn il-persuni hija rikonoxxuta fir-Regolament IPA u fil-proċess ta' programmazzjoni relatat; jistieden lill-Kummissjoni tesplora aktar il-possibbiltà li tiffaċilita l-kooperazzjoni tal-livell ċentrali u lokali u l-kooperazzjoni transfruntiera fil-livell lokali, inkluż bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi benefiċjarji, sabiex isir l-aqwa użu mill-fondi disponibbli; |
82. |
jenfasizza l-importanza tal-pluralità politika fis-sistemi demokratiċi; jenfasizza f’dan ir-rigward li l-pluralità politika nieqsa jew it-trażżin tal-karigi u l-intimidazzjoni ta’ uffiċjali eletti li jappartjenu għall-partiti tal-oppożizzjoni fil-livell lokali f’uħud mill-pajjiżi tat-tkabbir huma sfidi maġġuri għad-demokraziji lokali u jfixklu l-proċess biex isiru Stat Membru tal-UE; |
83. |
jistieden lill-KE tiżviluppa għodod prattiċi biex tappoġġja t-tisħiħ effettiv tal-kapaċitajiet għall-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-Balkani tal-Punent, fosthom permezz ta' programmi speċifiċi ta' appoġġ tematiku u proġetti ta' assistenza teknika reġjonali, kif ukoll skambji kontinwi, mentoraġġ u networking; jistieden ukoll lill-KE tinkludi referenza għal tali inizjattivi fir-rapporti annwali; |
84. |
jilqa' l-prattika ta' ħolqien ta' network ta' punti ta' kuntatt dwar l-integrazzjoni tal-UE fil-muniċipalitajiet, bil-koordinazzjoni tad-Delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi tat-tkabbir; f'dan ir-rigward, jinkoraġġixxi l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u t-tagħlimiet meħuda; |
85. |
l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma kruċjali fi proċess ta' integrazzjoni ta' suċċess, u għalhekk ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika lokali u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet huma essenzjali għall-pajjiżi kollha tat-tkabbir; f'dan il-kuntest, il-KtR jistieden lill-KE tesplora u possibbilment testendi l-inizjattiva ta' Appoġġ għal Titjib fil-Governanza u l-Ġestjoni (SIGMA) għal-livelli sottonazzjonali ta' amministrazzjoni fil-pajjiżi tat-tkabbir; |
86. |
jistieden lill-KE tirfina l-indikaturi għall-kejl tal-progress li sar fir-riformi tal-amministrazzjoni pubblika billi tinkludi l-awtoritajiet lokali u reġjonali; |
87. |
jilqa' l-appoġġ li l-KE tat s'issa għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni taż-żgħażagħ fil-Balkani tal-Punent, li hija ta' importanza kbira fiż-żamma u fl-iżvilupp ulterjuri ta' relazzjonijiet tajbin mal-ġirien, inkluż l-appoġġ għal inizjattivi bħall-Uffiċċju Reġjonali għall-Kooperazzjoni taż-Żgħażagħ; jilqa' wkoll il-fatt li l-fondi tal-IPA jkomplu jikkontribwixxu, bħala prijorità, għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ; |
88. |
jisħaq fuq il-punt li l-investimenti infrastrutturali kbar ippjanati fil-qafas tal-Pjan Ekonomiku u ta' Investiment fl-oqsma tat-trasport, l-enerġija, l-infrastruttura ekoloġika u diġitali għandhom dejjem jinkludu, apparti n-networks ċentrali, riżorsi għall-konnettività reġjonali u lokali sabiex iċ-ċittadini fil-komunitajiet lokali jkunu jistgħu jibbenefikaw minn dawn l-investimenti. |
Brussell, id-29 ta’ Ġunju 2022.
Vasco ALVES CORDEIRO
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
(1) Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mar-Riżoluzzjoni UNSCR 1244/1999 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u mal-Opinjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.